This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0197
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 28 October 2021.#KAHL G.m.b.H. & Co. K.G. v Hauptzollamt Hannover and C.E. Roeper GmbH v Hauptzollamt Hamburg.#Requests for a preliminary ruling from the Finanzgericht Hamburg.#Reference for a preliminary ruling – Customs union – Common Customs Tariff – Tariff classification – Combined Nomenclature – Tariff subheadings 1521 90 91 and 1521 90 99 – Interpretation of the Explanatory Notes to subheading 1521 90 99 – Beeswax melted down and solidified prior to import.#Joined Cases C-197/20 and C-216/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
KAHL G.m.b.H. & Co. K.G. vs Hauptzollamt Hannover u C.E. Roeper GmbH vs Hauptzollamt Hamburg.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi tariffarji 1521 90 91 u 1521 90 99 – Interpretazzjoni tan-noti ta’ spjega relatati mas‑subintestatura 1521 90 99 – Xema’ tan-naħal imdewba u ssolidifikata mill‑ġdid qabel l-importazzjoni tagħha.
Kawżi magħquda C-197/20 u C-216/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2021.
KAHL G.m.b.H. & Co. K.G. vs Hauptzollamt Hannover u C.E. Roeper GmbH vs Hauptzollamt Hamburg.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi tariffarji 1521 90 91 u 1521 90 99 – Interpretazzjoni tan-noti ta’ spjega relatati mas‑subintestatura 1521 90 99 – Xema’ tan-naħal imdewba u ssolidifikata mill‑ġdid qabel l-importazzjoni tagħha.
Kawżi magħquda C-197/20 u C-216/20.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:892
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi tariffarji 15219091 u 15219099 – Interpretazzjoni tan-noti ta’ spjega relatati mas‑subintestatura 15219099 – Xema’ tan-naħal imdewba u ssolidifikata mill‑ġdid qabel l-importazzjoni tagħha”
Fil-Kawżi magħquda C‑197/20 u C‑216/20,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ April 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri
KAHL GmbH & Co. KG
vs
Hauptzollamt Hannover (C‑197/20),
u
C. E. Roeper GmbH
vs
Hauptzollamt Hamburg (C‑216/20),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KAHL GmbH & Co. KG, minn T. Peterka, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal C. E. Roeper GmbH, minn M. Hackert, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Mantl u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas‑subintestaturi 15219091 u 15219099 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2015, L 288, p. 16). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, KAHL GmbH Co. KG (iktar ’il quddiem “KAHL”) u l-Hauptzollamt Hannover (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u, min-naħa l-oħra, C. E. Roeper GmbH (iktar ’il quddiem “Roeper”) u l-Hauptzollamt Hamburg (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tax-xema’ tan-naħal imdewba u ssolidifikata, importata minn dawn il-kumpanniji fil-Ġermanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
|
4 |
In-Noti ta’ Spjega tas-SA, redatti fi ħdan l-ODD, konformement mad‑dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali, jinkludu l-indikazzjonijiet li ġejjin dwar “Xema’ tan-naħal jew ta’ insetti oħra kemm jekk raffinati jew ikkuluriti inkella le”, li jaqgħu taħt is-subintestatura 152190 tas-SA: “Ix-xema’ tan-naħal hija s-sustanza li biha n-naħal jikkostitwixxi ċ-ċelloli eżagonali tax-xehdiet tal-kaxxa tagħhom. Hija tista tikkonsisti f’xema’ verġni jew xema’ safra ta’ struttura mrammla, ta’ kulur isfar ċar, oranġjo u xi drabi kannella, b’riħa partikolarment pjaċevoli, jew f’xema’ ibbliċjata (bl-arja jew permezz ta’ proċessi kimiċi), ta’ kulur abjad jew bil-kemm isfar u b’riħa dgħajfa. Hija tintuża b’mod partikolari għall-manifattura ta’ xemgħat, ta’ drapp jew karti tax-xema’, ta’ mastiċi, ta’ lostri jew ta’ kisi abbażi ta’ xema’. […] Ix-xema’ tan-naħal jew ta’ insetti oħra tista’ tiġi ppreżentata jew fi stat mhux ipproċessat, anki jekk taħt forma ta’ xehda, jew imdewba, ppressata jew irraffinata, anki bbliċjata jew ikkulurita” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
5 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt numri tas-SA, iżda s-seba’ u t-tmien numru joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
6 |
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fis-sezzjoni A tat‑Taqsima I tal-Ewwel Parti tagħha, jiddisponu: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin. 1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. […] 6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.” |
|
7 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir‑Regolament Nru 254/2000, kull sena l-Kummissjoni għandha tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-Nomenklatura Magħquda u tar‑rati tad-dazji doganali skont kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
|
8 |
Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni ġew adottati r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 1101/2014 u 2015/1754. Kull wieħed minn dawn ir‑regolamenti biddel in-NM, wieħed mill-1 ta’ Jannar 2015 u l-ieħor mill‑1 ta’ Jannar 2016, rispettivament. Id-dispożizzjonijiet ta’ din in-nomenklatura li huma rilevanti għall-kawżi prinċipali żammew, madankollu, l-istess formulazzjoni. |
|
9 |
It-Tieni Parti tan-NM, kif tirriżulta minn kull wieħed minn dawn ir‑regolamenti ta’ implimentazzjoni, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi t-Taqsima III, intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ħxejjex u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xamgħat ta’ annimali jew ħxejjex”. |
|
10 |
Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 15, bl-istess titolu, li jinkludi l-intestatura 1521 tan-NM, strutturata kif ġej:
|
In-noti ta’ spjega għan-NM
|
11 |
In-noti ta’ spjega tan-NM huma adottati mill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir‑Regolament Nru 254/2000. |
|
12 |
Dawk li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 76, p. 1) jipprovdu.
|
Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011.
|
13 |
L-Artikolu 25(1)(ċ) tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 tal‑25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal‑annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil‑Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1), jissuġġetta x-xema’ tan-naħal taħt il-forma ta’ xehda tal-għasel għal projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ tranżitu. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑197/20
|
14 |
Fil-11 ta’ Diċembru 2015, KAHL, li l-attività tagħha hija l-importazzjoni fl‑Unjoni u l-ipproċessar tax-xema’, talbet lill-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “BTI”) dwar il-klassifikazzjoni ta’ merkanzija li hija indikat bħala “xema’ tan‑naħal, mhux ipproċessata”, filwaqt li pproponiet li tikklassifikaha fis‑subintestatura 15219091 tan-NM, li tipprevedi eżenzjoni mid-dazji doganali. |
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2016, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover ħareġ BTI lil KAHL li tikklassifika l-merkanzija inkwistjoni fis-subintestatura 15219099 tan-NM, li tkopri x-xema’ tan-naħal “oħrajn”, li għaliha jikkorrispondi dazju doganali ta’ 2.5 %. |
|
16 |
Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha ppreżentat, fit-22 ta’ Frar 2016, kontra din id-deċiżjoni, fit-30 ta’ Awwissu 2017 KAHL ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li sostniet, insostenn tat-talba tagħha għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fis-subintestatura 15219091 tan-NM, li l-klassifikazzjoni ta’ xema’ tan-naħal f’din is-subintestatura ma tistax tiddependi mil-livell ta’ impuritajiet li jinsabu fiha u li l-eliminazzjoni ta’ xi sustanzi barranin waqt il-proċess ta’ tidwib ma għandha l-ebda impatt f’dan ir-rigward. |
|
17 |
L-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover iżomm il-pożizzjoni tiegħu li l-merkanzija inkwistjoni, peress li ma għandhiex il-forma ta’ xehda u li għandha impuritajiet tipiċi tax-xema’ taħt din il-forma, ma taqax taħt is-subintestatura 15219091 tan-NM, iżda taħt is-subintestatura 15219099 tagħha. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-merkanzija inkwistjoni bħala li hija xema’ tan-naħal li kienet imdewba u ffiltrata b’mod mhux estensiv fl-Istat ta’ esportazzjoni, u sussegwentement issolidifikata qabel ma ġiet esportata u li hija magħmula minn biċċiet imdewba b’madwar 15 x 5 ċentimetri (ċm) u minn frammenti ta’ madwar 7 x 4 ċm, faċli li jinqatgħu, ta’ kulur isfar tal-għasel, bir-riħa tax-xema’ tan-naħal, bi xquq u bi strutturi li jirriżultaw mis-solidifikazzjoni tax-xema’ imdewba, li tinkludi xi impuritajiet skuri li jeħlu mal-parti esterjuri. Skont dik il-qorti, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk dawn humiex sustanzi barranin li kienu jinsabu fix-xema’ qabel ma ddewbet, jew ħmieġ li ġej mill-forom li fihom ix-xema’ likwida tkun tkessħet, peress li l-ebda materjal barrani ma huwa viżibbli fix-xema’ ma’ eżami mhux profond. |
|
19 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li teżisti diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tan-noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219099 tan-NM. Fil-fatt, filwaqt li t-terminu “imdewba” jiżdied mat-termini “ppressati u rraffinati” f’ċerti verżjonijiet ta’ dawn in-noti, bħall-verżjoni bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Franċiża, Taljana, Olandiża, Portugiża u Rumena tagħhom, dan it-terminu ma jinsabx ħdejn dawn l-aħħar żewġ kelmiet f’verżjonijiet oħra, bħall-verżjoni bil-lingwa Ċeka, Daniża, Ingliża, Maltija, Pollakka u Svediża tal-imsemmija noti. Dik il-qorti tqis li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja titressaq quddiemha l-kwistjoni dwar jekk in-noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219099 tan-NM għandhomx jiġu applikati fil-verżjoni lingwistika tagħhom fejn jidher it-terminu “imdewba”. |
|
20 |
Skont dik il-qorti, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda, l-interpretazzjoni tat-terminu “mhux imsajrin [ipproċessati]” li jinsab fis-subintestatura 15219091 tan-NM issir deċiżiva għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tax-xema’ tan-naħal li minnha jkunu parzjalment tneħħew sustanzi barranin. Fid-dawl tat-tifsira normali ta’ dan it-terminu, kif ukoll tad-definizzjonijiet tiegħu speċifiċi għall-qasam ikkonċernat, dan huwa inklinat li jikklassifika l-merkanzija inkwistjoni fis-subintestatura 15219091 tan-NM, speċjalment peress li tali klassifikazzjoni tikkorrispondi wkoll, fil-fehma tagħha, għall-perċezzjoni tal-pubbliku. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.
|
Il-Kawża C‑216/20
|
22 |
Roeper timporta xema’ tan-naħal fl-Unjoni bil-għan li terġa’ tbigħha lil impriżi li jipproċessawha b’mod estensiv għall-industrija kożmetika, farmaċewtika u alimentari. Fis-7 ta’ Jannar 2015, hija ddikjarat quddiem l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hamburg, bil-għan tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, 800 xkora ta’ xema’ tan-naħal. |
|
23 |
Wara l-eżami tal-kampjun, l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hamburg qies li l-merkanzija inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata bħala xema’ tan-naħal “oħrajn”, fis-subintestatura 15219099 tan-NM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2015, dan l-uffiċċju doganali talab il-ħlas tas-somma ta’ EUR 2614 lil Roeper, li tikkorrispondi għad-dazju doganali ta’ 2.5 % applikat lil din il-merkanzija. |
|
24 |
Wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha ppreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2015 kontra din id-deċiżjoni, Roeper ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fil-25 ta’ Settembru 2017. Hija sostniet, insostenn tal-pożizzjoni tagħha li l-merkanzija inkwistjoni tikkostitwixxi xema’ tan-naħal “mhux imsajrin [ipproċessati]”, li taqa’ taħt is-subintestatura 15219091 tan-NM, li t-terminu “imdewba”, fis-sens tan‑noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219099 tan-NM, ma jirreferix sempliċement għall-proċess termiku u l-filtrazzjoni mekkanika tax-xema’ tan‑naħal, iżda jkopri wkoll l-ipproċessar ulterjuri li jinkludi l-purifikazzjoni u s‑separazzjoni tal-komponenti tax-xema’, fejn dawn l-aħħar fażijiet iseħħu biss wara l-importazzjoni. Barra minn hekk, Roeper poġġiet f’dubju l-applikazzjoni, bħala kriterju ta’ delimitazzjoni bejn xema’ tan-naħal “mhux imsajrin [ipproċessati]” u xema’ tan-naħal “oħrajn”, il-grad ta’ impurità tax-xema’. |
|
25 |
L-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hamburg iżomm il-pożizzjoni tiegħu li l‑merkanzija inkwistjoni taqa’ taħt is-subintestatura 15219099 tan-NM, li tkopri x-xema’ tan-naħal “oħrajn”, u mhux taħt is-subintestatura 15219091 tan-NM, li tkopri x-xema’ tan-naħal “mhux imsajrin [ipproċessati]”. |
|
26 |
Il-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑216/20 tikkorrispondi għal dik tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑197/20, kif miġbura fil-qosor fil-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li l-formulazzjoni tagħhom hija identika għal dik tad-domandi magħmula fil-Kawża C‑197/20, stabbiliti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza. |
|
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ġunju 2020, il-Kawżi C‑197/20 u C‑216/20 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
|
29 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li x-xema’ tan-naħal li tkun ġiet imdewba, u li minnha tkun tneħħiet mekkanikament parti mill-materjal barrani matul il-proċess ta’ tidwib, imbagħad tkun ġiet issolidifikata sabiex jiġu fformati blokki jew pjanċi, taqa’ taħt is‑subintestatura 15219091 ta’ din in-nomenklatura, li tkopri x-xema’ “mhux imsajrin [ipproċessati]”, jew taħt is-subintestatura 15219099 tagħha, li tkopri x‑xema’ “oħrajn”. |
|
30 |
Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, peress li, fil-Kawża C‑197/20, it‑tilwima tnisslet minn BTI maħruġa mill-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Hannover fl-10 ta’ Frar 2016, u li, fil-Kawża C‑216/20, il-fatti fil‑kawża prinċipali seħħew matul is-sena 2015, il-verżjonijiet tan-NM applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali huma dawk li jirriżultaw mir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1754, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2016, u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2014, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Schenker, C‑409/14, EU:C:2016:643, punt 10, u tat-2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop, C‑268/18, EU:C:2019:353, punti 22 sa 24). Id‑dispożizzjonijiet ta’ din in-nomenklatura li huma rilevanti għall-kawżi prinċipali żammew, madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, l‑istess formulazzjoni. |
|
31 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tan-NM mitluba għandu jitfakkar li, skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tagħha, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. L-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għal dan il-prodott, fejn din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2021, Flavourstream, C‑822/19, EU:C:2021:444, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, minkejja l-fatt li ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-Noti ta’ Spjega għan-NM u tas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2021, A, C‑950/19, EU:C:2021:230, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tan-NM rilevanti għal dawn il-kawżi prinċipali, l-intestatura 1521, li tinkludi l-“[x]emgħat veġetali (ħlief trigliċeridi), xema’ tan-naħal, xemgħat u spermaċeti ta’ insetti oħrajn, kemm jekk raffinati jew kuluriti inkella le”, tinqasam f’żewġ subintestaturi, jiġifieri, is-subintestatura 15211000, intitolata “[x]emgħat veġetali”, u s-subintestatura 152190, intitolata “[o]ħrajn”. Fost il-prodotti li jaqgħu taħt din is-subintestatura tal-aħħar hemm, b’mod partikolari, il-“[x]ema’ tan-naħal u xemgħat ta’ insetti oħrajn, kemm jekk raffinati jew kuluriti inkella le”. Dawn huma inklużi f’żewġ subintestaturi tan-NM, jiġifieri s-subintestatura 15219091, intitolata “mhux imsajrin [ipproċessati]”, u s-subintestatura 15219099, intitolata “oħrajn”. Din tal-aħħar, kif tindika l-formulazzjoni tagħha, hija subintestatura residwa, li tkopri x-xema’ tan-naħal jew ta’ insetti oħra mhux inklużi fis-subintestatura 15219091 tan-NM. |
|
35 |
Id-dispożizzjonijiet tan-NM ma jinkludu ebda element li jippreċiża sa liema grad ta’ trasformazzjoni x-xema’ tan-naħal jew ta’ insetti oħra żżomm in-natura “mhux imsajrin [ipproċessati]” tagħha, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fis-subintestatura 15219091 tan-NM, u lil hinn mil-liema grad ta’ trasformazzjoni ta’ din ix-xema’ għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 15219099 tan-NM, bħala xema’ “oħrajn”. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni fin-NM, għandu jsir riferiment għas-sens abitwali tal-kelma “mhux imsajrin [ipproċessati]” fil-lingwaġġ ta’ kuljum, li tindika dak li huwa fl-istat naturali, li għadu ma ġiex maħdum jew ittrasformat. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, interpretazzjoni tas-subintestatura 15219091 tan-NM fis-sens li x-xema’ li tkun għaddiet minn proċess termiku, li matulu parti mis-sustanzi barranin ikunu tneħħew u li jikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċess ta’ trasformazzjoni u ta’ raffinar ta’ din ix-xema’, ma taqax taħt il-kunċett ta’ xema’ “mhux imsajrin [ipproċessati]”, u għaldaqstant, taħt din is-subintestatura, għandha tingħata minħabba s-sens abitwali tat-terminu “mhux imsajrin [ipproċessati]” fil-lingwaġġ kurrenti, li għalih għandu jsir riferiment, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, bl-għan ta’ ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli doganali. |
|
37 |
Tali interpretazzjoni tas-subintestatura 15219091 tan-NM hija sostnuta min-noti ta’ spjega tas-SA dwar is-subintestatura 152190 tagħha, li jippreċiżaw, fil-verżjoni uffiċjali tagħhom bil-lingwa Franċiża, kif ukoll, b’mod partikolari, fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Ġermaniża, li “[i]x-xema’ tan-naħal jew ta’ insetti oħra tista’ tiġi ppreżentata jew fi stat mhux ipproċessat, anki jekk taħt forma ta’ xehda, jew imdewba, ppressata jew irraffinata, anki bbliċjata jew ikkulurita” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-enumerazzjoni tax-xema’ ppreżentata taħt forma mdewba fost xema’ oħra li tkun għaddiet minn proċessi ta’ trattament permezz ta’ ppressar jew raffinar tindika li x-xema’ mdewba ma hijiex ikkunsidrata bħala xema’ “mhux ipproċessata”. |
|
38 |
Għalkemm huwa minnu li t-terminu “mdewba” (“melted”) huwa assenti mill-verżjoni uffiċjali bil-lingwa Ingliża tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar is-subintestatura 152190 tagħha, fejn hemm biss it-termini “pressed or refined”, jirriżulta madankollu mid-distinzjoni magħmula f’din il-verżjoni kif ukoll fil-verżjoni uffiċjali ta’ dawn in-noti bil-lingwa Franċiża bejn, minn naħa, ix-xema’ “mhux ipproċessata”, u, min-naħa l-oħra, ix-xema’ “ppressata jew irraffinata, anki bbliċjata jew ikkulurita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li x-xema’ mhux ipproċessata jew ittrasformata titqies li hija differenti mix-xema’ li tkun suġġettata għal proċess, kemm jekk kimiku u kemm jekk le, bl-għan li tiġi ttrasformata. |
|
39 |
L-interpretazzjoni adottata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza hija, barra minn hekk, ikkonfermata min-noti ta’ spjega tan-NM. Dawn jippreċiżaw, minn naħa, li jaqgħu taħt is-subintestatura 15219091“[b’mod partikolari] xemgħat naturali f’xehdiet naturali” u, min-naħa l-oħra, li s-subintestatura 15219099“jinkludi xemgħat, [imdewba], magħfusin [ippressati] jew raffinati, kemm jekk ibbliċjati jew ikkuluriti”. Mill-kliem stess ta’ dawn in-noti ta’ spjega, fil-verżjonijiet lingwistiċi li fihom tidher il-kelma “mdewba”, jiġifieri, minn tal-inqas fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Franċiża, Taljana, Olandiża, Portugiża u Rumena, jirriżulta li x-xema’ li kienet suġġetta għal ipproċessar permezz ta’ tidwib taqa’ taħt is-subintestatura 15219099 tan-NM. |
|
40 |
Għalkemm it-terminu “mdewba” huwa nieqes minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tan-noti ta’ spjega tan-NM, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka, Daniża, Ingliża, Maltija, Pollakka u Svediża, is-subintestatura 15219091 ma tistax tiġi interpretata, anki fil-preżenza ta’ tali diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn in-noti, fis-sens li x-xema’ tan-naħal li tkun suġġetta għall-proċessi msemmija fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju taqa’ taħt din is-subintestatura. |
|
41 |
Qabel kollox, ix-xema’ tan-naħal li tkun għaddiet minn tali proċessi ma hijiex ippreżentata, bid-differenza mix-xema’ “taħt forma ta’ xehda”, imsemmija fin-noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219091 tan-NM, fl-istat naturali, kif teżiġi l-formulazzjoni ta’ din is-subintestatura, moqrija fid-dawl tal-għan imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Sussegwentement, il-formulazzjoni tan-noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219099 tan-NM, li ssemmi x-xema’ “oħrajn”, tinkludi, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dawn in-noti, ix-xema’ “magħfusin [ippressati] jew raffinati, kemm jekk ibbliċjati jew ikkuluriti”, u tindika għalhekk il-prodotti li kienu ssuġġettati għal proċess bl-għan li jiġu ttrasformati. Għaldaqstant, din is-subintestatura, bil-kontra għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv, fis-sens li tkopri biss proċessi li jbiddlu s-sustanza jew il-kompożizzjoni materjali tax-xema’, li għandhom jiġu distinti minn sempliċi proċess termiku, li jħalli din is-sustanza jew din il-kompożizzjoni materjali intatta. |
|
43 |
Fl-aħħar nett, ma hemm ebda indikazzjoni fin-noti ta’ spjega relatata mas-subintestaturi 15219091 u 15219099 tan-NM, fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’waħda jew fl-oħra minn dawn is-subintestaturi, għandha ssir distinzjoni bejn il-proċessi li jbiddlu s-sustanza jew il-kompożizzjoni materjali tax-xema’, li huma l-bażi ta’ prodott li jaqa’ taħt it-tieni subintestatura, u l-proċessi li ma jinvolvux tali bidla, li jwasslu għal prodott li jaqa’ taħt l-ewwel subintestatura. Bil-kontra, il-formulazzjoni tan-noti ta’ spjega relatati mas-subintestatura 15219091 tan-NM tissuġġerixxi li din għandha tinftiehem f’sens strett, fejn ix-xema’ li tkun ġiet suġġetta għal kwalunkwe proċess bl-għan li tiġi ttrasformata jew raffinata tiġi eskluża u għandha, għaldaqstant, tiġi kklassifikata fis-subintestatura 15219099 tan-NM, bħala xema’ “oħrajn”. |
|
44 |
Fil-każ ineżami, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu xema’ tan-naħal li ġiet imdewba, u li minnha tneħħa mekkanikament materjal barrani matul il-proċess ta’ tidwib, li mbagħad issaħħnet mill-ġdid f’temperatura massima ta’ 120 grad Celsius, qabel ma tferrgħet, minn ġo għeriebel, xbieki tan-nemus jew sempliċi tessuti tal-qoton, fil-forom u ġiet issolidifikata sabiex tifforma blokki jew pjanċi. Issa, tali xema’, li tkun għaddiet minn diversi proċessi bil-għan li tiġi ttrasformata, inkluż il-proċessi ta’ tidwib u ta’ filtrazzjoni, ma hijiex ippreżentata fl-istat naturali tagħha, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tagħha fis-subintestatura 15219091 tan-NM, bħala xema’ “mhux imsajrin [ipproċessati]”, hija eskluża. Konsegwentement, tali xema’ taqa’ taħt is-subintestatura 15219099 ta’ din in-nomenklatura. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xema’ tan-naħal li tkun ġiet imdewba, u li minnha tkun tneħħiet mekkanikament parti mill-materjal barrani waqt il-proċess tat-tidwib, u mbagħad tkun ġiet issolidifikata sabiex tifforma blokki jew pjanċi, taqa’ taħt is-subintestatura 15219099 ta’ din in‑nomenklatura, li tkopri x-xema’ “oħrajn”, u mhux taħt is‑subintestatura 15219091 tal-imsemmija nomenklatura, li tkopri x-xema’ “mhux imsajrin [ipproċessati]”. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas-6 ta’ Ottubru 2015, għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xema’ tan-naħal li tkun ġiet imdewba, u li minnha tkun tneħħiet mekkanikament parti mill-materjal barrani waqt il‑proċess tat-tidwib, u mbagħad tkun ġiet issolidifikata sabiex tifforma blokki jew pjanċi, taqa’ taħt is-subintestatura 15219099 ta’ din in‑nomenklatura, li tkopri x-xema’ “oħrajn”, u mhux taħt is‑subintestatura 15219091 tal-imsemmija nomenklatura, li tkopri x-xema’ “mhux imsajrin [ipproċessati]”. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.