Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0735

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2020.
Euromin Holdings (Cyprus) Limited.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2004/25/KE – Offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni – L-ewwel u t-tieni subparagrafu Artikolu 5(4) – Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni – Metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-azzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli – Setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli – Eċċezzjonijiet mill-mod ta’ kalkolu standard f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar – Responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat – Dannu mġarrab mill-offerent li jirriżulta minn offerta ta’ prezz għoli wisq.
Kawża C-735/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1014

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2004/25/KE – Offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni – L-ewwel u t-tieni subparagrafu Artikolu 5(4) – Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni – Metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-azzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli – Setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli – Eċċezzjonijiet mill-mod ta’ kalkolu standard f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar – Responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat – Dannu mġarrab mill-offerent li jirriżulta minn offerta ta’ prezz għoli wisq”

Fil-Kawża C‑735/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa Senāts (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

Euromin Holdings (Cyprus) Limited,

fil-preżenza ta’:

Finanšu un kapitāla tirgus komisija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Euromin Holdings (Cyprus) Limited, minn K. Bērziņa, advokāta palīgs, u minn I. Kramiņa, advokāte,

għall-Gvern Latvjan, minn V. Soņeca, V. Kalniņa u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk, V. Di Bucci u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2 p. 20), u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Euromin Holdings (Cyprus) Limited u l-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji”), dwar talba intiża, minn naħa, sabiex tiġi ddikjarata l-illegalità tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2015 li permezz tagħha din il-kummissjoni awtorizzat ix-xiri lura tal-azzjonijiet ta’ Ventspils nafta AS, li kienu s-suġġett ta’ offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni (iktar ’il quddiem, “OPA”), bi prezz ta’ EUR 4.56 għal kull azzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/25

3

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2004/25 tgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lid-detenturi tas-sigurtajiet, b’mod partikolari dawk b’assi f’minoranza, meta jinkiseb il-kontroll tal-kumpanniji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw din il-protezzjoni billi jobbligaw lill-persuna li tkun kisbet il-kontroll ta’ xi kumpannija biex tagħmel offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli skond id-definizzjoni komuni. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jistabbilixxu strumenti oħra għall-protezzjoni ta’ l-interessi tad-detenturi tas-sigurtajiet, bħal ma huma l-obbligu li ssir offerta parzjali fejn dak li jagħmel l-offerta ma jakkwistax il-kontroll tal-kumpannija u l-obbligu li tiġi żvelata l-offerta fl-istess żmien meta jittieħed il-kontroll tal-kumpannija.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu mħarsa:

a)

id-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ta’ l-istess klassi għandhom jiġu trattati b’mod ugwali; aktar minn hekk jekk persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi l-oħra tas-sigurtajiet għadhom jiġu protetti;

[…]

2.   Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:

a)

għandhom jassiguraw li l-ħtiġiet minimi kif stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu osservati;

b)

jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet addizzjonali u disposizzjonijiet aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva għall-kontroll ta’ l-offerti.”

5

Skont l-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter ta’ l-Istati Membri biex dawn jaħtru awtoritajiet ġudizzjarji jew oħrajn responsabbli biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet u biex jiddeċiedu fuq irregolaritajiet magħmula waqt l-offerti jew il-poter ta’ l-Istati Membri li jirregolaw taħt liema ċirkostanzi l-partijiet ta’ l-offerta jkunu intitolati jressqu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter li l-qrati jista’ jkollhom fi Stat Membru biex dawn jiċħdu s-smiegħ tal-proċeduri legali u biex jiddeċiedu jekk proċeduri bħal dawn jolqtux ir-riżultat ta’ l-offerta jew le. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-poter ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw il-posizzjoni legali li tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet superviżorji jew li tikkonċerna l-kwistjonijiet bejn il-partijiet ta’ l-offerta.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4.

[…]

4.   L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli. Jekk, wara li l-offerta tkun saret pubblika u qabel ma l-offerta tingħalaq għall-aċċettazzjoni, dak li qed jagħmel l-offerta jew kwalunkwe persuna li taħdem flimkien miegħu jixtru sigurtajiet bi prezz għola mill-prezz ta’ l-offerta, dak li qed jagħmel l-offerta għandu jgħolli l-offerta tiegħu biex ma tkunx anqas mill-għola prezz imħallas għas-sigurtajiet miksuba b’dan il-mod.

Jekk jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biex jemendaw il-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu fiċ-ċirkostanzi u skont il-kriterji li huma ddeterminati b’mod ċar. Għal dak il-għan, huma jistgħu jagħmlu lista taċ-ċirkostanzi li fihom l-għola prezz jista’ jiġi rranġat -il fuq jew ‘l isfel, pereżempju fejn l-għola prezz ikun stabbilit permezz ta’ ftehim bejn dak li jbiegħ u dak li jixtri, fejn il-prezzijiet tas-suq tas-sigurtajiet imsemmija jiġu manipulati, fejn il-prezzijiet tas-suq in ġenerali jew ċerti prezzijiet tas-suq ikunu partikolarment milquta minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew biex tiġi mgħejjuna ditta li tkun f’diffikultà. Huma jistgħu jiddeterminaw ukoll il-kriterji li jiġu applikati f’dawn il-każi, pereżempju il-medja tal-valur tas-suq f’perjodu partikolari, il-valur maqsum ta’ kumpannija jew kriterji oħra ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 1254/2012

7

L-Artikolu 1(1)(a) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2012 tal-11 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 10 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 11, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 12, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 27 (2011) u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 28 (2011) (2011) (ĠU 2012, L 360, p. 1), daħħal l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju IFRS 10, intitolat “Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Konsolidati” (iktar ’il quddiem l-“istandard IFRS 10”), li jinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament, fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2008, L 320, p. 1).

8

Il-punt 22 tal-parti tal-anness tar-Regolament Nru 1254/2012 dwar l-istandard IFRS 10 jipprovdi:

“Kumpanija prinċipali għandha tippreżenta l-interessi nonkontrollanti fir-rapport ikkonsolidat tal-pożizzjoni finanzjarja fi ħdan l-ekwità, separatament mill-ekwità tas-sidien tal-kumpanija prinċipali.”

9

Skont l-Appendiċi A tal-parti tal-anness tar-Regolament Nru 1254/2012 dwar l-istandard IFRS 10, il-kunċett ta’ “interess nonkontrollanti” huwa ddefinit bħala li jirreferi għal “[e]kwità f’sussidjarja li ma tkunx attribwita, direttament jew indirettament, lil kumpanija prinċipali”.

Id-dritt Latvjan

10

L-Artikolu 5 tal-Finanšu instrumentu tirgus likums (il-Liġi dwar is-Suq għall-Istrumenti Finanzjarji) (Latvijas Vēstnesis 2003, Nru 175), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FITL”), jipprevedi:

“Il-Kummissjoni [tas-Swieq Finanzjarji], l-impjegati tagħha u l-aġenti tagħha ma humiex responsabbli għad-danni kkawżati lill-atturi tas-suq tal-istrumenti finanzjarji jew lil terzi u ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-atti li jkunu wettqu b’mod legali, korrett, leġittimu u in bona fide, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom skont il-modalitajiet previsti mil-liġi u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-oħra.”

11

L-Artikolu 74(1) tal-FITL huwa fformulat kif ġej:

“Fil-kuntest ta’ offerta obbligatorja għax-xiri lura ta’ azzjonijiet, il-prezz għal kull azzjoni ma għandux ikun inqas minn:

1)

il-prezz li l-offerent jew li l-persuni li jaġixxu bi qbil miegħu jkunu ħallsu għall-azzjonijiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta matul l-aħħar tnax-il xahar. Jekk l-azzjonijiet ikunu ġew akkwistati bi prezzijiet differenti, il-prezz ta’ xiri lura għandu jkun l-ogħla prezz ta’ xiri tal-azzjonijiet matul it-tnax-il xahar preċedenti għas-seħħ taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 66(1) ta’ din il-liġi;

2)

il-prezz medju ponderat tal-azzjoni f’suq irregolat jew f’sistema multilaterali ta’ kummerċ bl-ikbar volum ta’ skambji għall-azzjoni kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar. Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar tnax-il xahar preċedenti għas-seħħ taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 66(1) ta’ din il-liġi;

3)

il-valur tal-azzjoni li jiġi kkalkolat billi l-assi nett tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Sabiex jiġu kkalkolati l-assi netti, għandhom jitnaqqsu mill-assi totali l-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija stess li qiegħda tirċievi l-offerta, kif ukoll l-impenji tagħha. Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jkollha azzjonijiet b’valuri nominali differenti, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-azzjoni, l-assi netti għandhom jinqasmu skont x’jirrappreżentaw proporzjonalment l-azzjonijiet ta’ ċertu valur nominali fil-kapital tal-kumpannija.”

12

Skont l-Artikolu 74(2) tal-FITL:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ azzjoni mixtrija lura skont il-punt 3 tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, id-data użata hija dik li toħroġ mill-aħħar kontijiet annwali tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta approvati mil-laqgħa tal-azzjonisti u li kienu s-suġġett ta’ rapport ta’ awditjar. Il-perijodu ta’ żmien bejn l-aħħar jum tas-sena finanzjarja li hija s-suġġett tar-rapport annwali u d-data li fiha l-offerta tiġi sottomessa lill-kummissjoni [tas-swieq finanzjarji] ma jistax ikun ta’ iktar minn sittax-il xahar. Meta, skont it-testi applikabbli, il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta tipprepara rapport annwali mhux iktar tard minn seba’ xhur wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza, il-perijodu ta’ żmien bejn l-aħħar jum tas-sena finanzjarja li fir-rigward tagħha r-rapport annwali huwa ppreparat u d-data li fiha l-offerta hija sottomessa lill-kummissjoni [tas-swieq finanzjarji] ma jistax ikun ta’ iktar minn 19‑il xahar. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur ta’ azzjoni, għandha tintuża d-data li toħroġ mill-aħħar rapport trimestrali tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jekk il-valur tal-azzjonijiet ikkalkolat bl-użu ta’ din id-data jkun mill-inqas ogħla minn 10 % mill-valur miksub abbażi tad-data tar-rapport annwali. Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta tipprepara wkoll rapport annwali kkonsolidat, hija tuża d-data li toħroġ minn dan ir-rapport sabiex tiddetermina l-valur tal-azzjoni mixtrija lura. Jekk il-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta tipprepara kontijiet annwali kemm taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn hija stabbilita kif ukoll skont l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja, hija għandha tuża d-data li toħroġ mill-kontijiet ippreparati skont l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja.”

13

L-Artikolu 13 tal-Valsts pārvaldes iestāžu nodarīto zaudējumu atlīdzināšanas likums (il-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni Kkawżati minn Awtoritajiet Nazzjonali) (Latvijas Vēstnesis 2005, Nru 96), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kumpens għal Danni”), intitolat “Determinazzjoni tad-Dannu Materjali”, jipprevedi:

“1.   Sabiex jiġi stabbilit l-ammont adegwat tas-somma li għandha tingħata bħala kumpens għad-dannu kkawżat mill-awtorità kkonċernata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati l-atti ta’ din l-awtorità, kif ukoll l-atti tal-persuna leża.

2.   Sabiex jiġi stabbilit l-ammont adegwat tas-somma li għandha tingħata bħala kumpens għad-dannu kkawżat mill-awtorità kkonċernata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra tal-każ inkwistjoni, jekk ikun possibbli li dawn jiġu pprovati b’mod oġġettiv.

3.   Bħala regola ġenerali, l-ammont ta’ kumpens huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-ammont ikkalkolat skont l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi u huwa:

1)

jekk l-ammont ikkalkolat ma jaqbiżx EUR 142288, 100 % ta’ dan l-ammont;

2)

jekk l-ammont ikkalkolat ikun bejn EUR 142289 u EUR 1422872, bejn 50 u 100 % ta’ dan l-ammont;

3)

jekk l-ammont ikkalkolat jaqbeż EUR 1422872, ammont raġonevoli, li jista’ jkun inqas minn 50 % ta’ dan l-ammont;

4)   L-awtorità tista’ ex officio tikkumpensa d-dannu materjali mġarrab mill-persuna leża mhux billi tħallasha kumpens, iżda billi tqiegħdha mill-ġdid fis-sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tinsab fiha qabel ma l-patrimonju tagħha ġarrab dan id-dannu.”

14

L-Artikolu 14(1) tal-Konsolidēto gada pārskatu likums (il-Liġi dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati) (Latvijas Vēstnesis 2006, Nru 178), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati”), intitolat “Modalitajiet ta’ konsolidazzjoni tar-rapporti finanzjarji tal-kumpanniji”, jipprevedi:

“Ir-rapporti finanzjarji kkonsolidati huma r-riżultat tal-kombinazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpannija omm tal-grupp u tal-kontijiet annwali tas-sussidjarji kkonċernati, fir-rigward tal-ammonti indikati fil-kontijiet annwali rispettivi tagħhom bħala attiv, passiv, kapital proprju, dħul u nfiq (spejjeż). L-elementi tal-attiv u tal-passiv fil-karti tal-bilanċ tal-kumpanniji kkonsolidati jiġu integrati kollha kemm huma fil-karta tal-bilanċ ikkonsolidata. Il-profitti jew it-telf ta’ dawn il-kumpanniji huma inklużi fl-intier tagħhom fil-kalkolu tal-profitti u tat-telf ikkonsolidati.”

15

Skont l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi, intitolat “Preżentazzjoni tal-ishma tal-azzjonisti minoritarji”:

“1.   Il-proporzjon tal-kapital proprju tas-sussidjarji kkonsolidati li tikkorrispondi għall-azzjonijiet u għall-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji għandha tiġi indikata bħala oġġett separat tal-kapital proprju, taħt it-terminu ‘sehem ta’ azzjonisti minoritarji.

2.   Il-profitti u t-telf tas-sena li jidhru fil-kontijiet tas-sussidjarji kkonsolidati u li jikkorrispondu għall-azzjonijiet u għall-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji għandhom jiġu indikati bħala oġġett ikkonsolidat separat li jikkonċerna l-kalkolu tal-profitti u tat-telf, taħt it-terminu ‘Parti tal-azzjonisti minoritarji fil-profitti u fit-telf’.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Peress li akkwistat 93.24 % tal-azzjonijiet bi dritt tal-vot ta’ Ventspils Nafta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha l-obbligu, skont il-FITL, li tagħmel offerta obbligatorja ta’ xiri lura tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija. Għal dan il-għan, hija ppreżentat quddiem il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji “prospett” li jesponi l-offerta tagħha ta’ xiri lura, fejn indikat li l-prezz tax-xiri lura kien ta’ EUR 3.12 għal kull azzjoni tal-imsemmija kumpannija.

17

Billi bbażat ruħha fuq il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji ċaħdet, fis-6 ta’ Ottubru 2015, il-kalkoli tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija awtorizzat lil din tagħmel offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni bil-prezz ta’ EUR 4.56 għal kull azzjoni tal-istess kumpannija.

18

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) b’rikors intiż sabiex tiġi ddikjarata l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni u sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba din id-deċiżjoni.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet li l-Artikolu 74 tal-FITL kellu l-għan li jiffissa l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz tax-xiri lura ta’ azzjoni, b’tali mod li dan ikun ġust u konformi mas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat. Għal dan il-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi totali reali ta’ Ventspils nafta u mhux l-ammont tal-assi indikati fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati marbut ma’ din il-kumpannija, li jinkludi l-attiv u l-passiv tas-sussidjarji kollha tagħha, inklużi l-ishma miżmuma f’dawn is-sussidjarji minn azzjonisti minoritarji, li la jikkostitwixxu assi u lanqas impenji tal-imsemmija kumpannija. Hija kkonkludiet li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji kienet żiedet b’mod mhux iġġustifikat il-prezz tal-azzjoni ta’ Ventspils nafta billi ħadet inkunsiderazzjoni assi li ma jappartjenux lil din ta’ l-aħħar.

20

Il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji sostniet li bbażat ruħha fuq l-istandard IFRS 10, riprodott fir-Regolament Nru 1254/2012, li jistabbilixxi l-prinċipji dwar il-preparazzjoni ta’ rapporti finanzjarji kkonsolidati fil-każijiet fejn kumpannija tkun tikkontrolla kumpannija waħda jew iktar u li l-punt 22 tiegħu jipprovdi li sehem li ma jagħtix il-kontroll għandu jiġi indikat, fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, bħala element tal-“kapital proprju”. Hija ppreċiżat li l-ammont tal-assi indikat f’dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat liema parti mill-assi kienet miżmuma minn azzjonisti maġġoritarji u liema parti kienet miżmuma minn azzjonisti minoritarji. Minn dan hija ddeduċiet li kien ikun kuntrarju għall-għan tal-Artikolu 74 tal-FITL li jitnaqqsu mill-assi ta’ Ventspils nafta l-ishma li ma jagħtux il-kontroll, peress li l-iffissar tal-prezz għal kull azzjoni permezz tal-valur totali tal-assi ta’ din il-kumpannija jippermetti li dan il-prezz jiġi ffissat għall-eqreb valur reali ta’ din l-azzjoni.

21

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Marzu 2017, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) laqgħet parzjalment it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi ddikjarat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala illegali u kkundannat lill-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji tagħti lil din kumpens ta’ 50 % tad-dannu mġarrab minħabba din id-deċiżjoni.

22

L-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) irrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL ma kien jagħti l-ebda kjarifika fir-rigward tal-kunċetti ta’ “assi totali” u ta’ “assi netti” li kien juża. Hija enfasizzat li dan ma kienx ġie diskuss, meta, fl-2006, il-leġiżlatur Latvjan kien ippreveda, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, l-obbligu li tintuża data li toħroġ mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ azzjoni. Hija osservat li, għalkemm l-Artikolu 74(1) tal-FITL ma huwiex ifformulat fis-sens li l-metodi msemmija fil-punti 2 u 3 ta’ dan il-paragrafu jistgħu jintużaw biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tali użu jista’ jirriżulta mill-fatt li s-suq tal-azzjonijiet Latvjan huwa estremament limitat.

23

Hija kkunsidrat li kellhom jintużaw kriterji oġġettivi ta’ valutazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-prezz ta’ azzjoni u li l-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL kellu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “assi netti” ma jinkludix l-ishma minoritarji.

24

Barra minn hekk, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) qieset li, skont l-Artikolu 13(3) tal-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni, kienu jeżistu ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw tnaqqis tal-kumpens ikkalkolat, iżda mingħajr ma dan it-tnaqqis ikun jista’ jeċċedi 50 % tal-ammont mitlub.

25

Il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), tal-10 ta’ Marzu 2017, quddiem l-Augstākās tiesas (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja).

26

Il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji tqis li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi li jeskludu l-interpretazzjoni li hija adottat tal-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL. B’hekk, l-obbligu li tiġi inkluża, għall-kalkolu tal-prezz ta’ akkwiżizzjoni għal kull azzjoni, data li toħroġ mir-rapporti finanzjarji kkonsolidati jagħmel parti mill-modifiki tal-FITL adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/25 fid-dritt Latvjan.

27

Il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji ssostni li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) interpretat il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL b’mod kuntrarju għall-għan ewlieni tad-Direttiva 2004/25, li huwa li jiġu protetti l-interessi tal-azzjonisti minoritarji fil-proċess ta’ ffissar tal-prezz tal-azzjonijiet mixtrija lura. Din il-kummissjoni tispeċifika li, billi inkludiet fil-kalkolu tal-prezz tax-xiri lura tal-azzjonijiet ta’ Ventspils nafta s-sehem tal-azzjonisti minoritarji tagħha fil-kapital tas-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, hija kkonformat ruħha mal-għan tad-Direttiva 2004/25, u kkalkolat dan il-prezz skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, jiġifieri skont “kriterji [oġġettivi] ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja”.

28

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob l-annullament tas-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) sa fejn din tal-aħħar ċaħdet parzjalment it-talba tagħha għal kumpens għad-dannu mġarrab minħabba d-deċiżjoni kontenzjuża. Hija ssostni li l-punt 3 tal-Artikolu 13(3) tal-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni jippermetti li jiġi kkumpensat id-dannu kollu mġarrab u li jekk jiġi aċċettat, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari, tnaqqis tal-kumpens li jista’ jammonta sa 50 % ta’ dan id-dannu, dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità pubblika titratta b’mod inqas rigoruż kwistjonijiet diffiċli ta’ interpretazzjoni tal-liġi.

29

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex jiġi interpretat korrettament il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, għandu jiġi ddeterminat jekk il-metodu li din id-dispożizzjoni tipprevedi għall-kalkolu tal-prezz għal kull azzjoni huwiex metodu ekwu għall-iffissar tal-prezz, fis-sens tad-Direttiva 2004/25.

30

Hija tistaqsi jekk l-inklużjoni ta’ sehem minoritarju fl-assi netti, li jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-prezz tax-xiri lura għal kull azzjoni, twassalx sabiex jiġi ddeterminat prezz raġonevoli, fis-sens ta’ din id-direttiva, u jekk din hijiex, konsegwentement, konformi mal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

31

Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet superviżorji tagħhom jistgħu jibdlu l-prezz tax-xiri lura għal kull azzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu ddeterminati b’mod ċar. Issa, hija tistaqsi jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-assi netti li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL jissodisfax din il-kundizzjoni, filwaqt li tirrileva li l-kunċetti ta’ “assi totali” u ta’ “assi netti” ma humiex spjegati la f’din id-dispożizzjoni u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra ta’ din il-liġi.

32

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 74(2) tal-FITL, li ma jindikawx b’mod ċar jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz tax-xiri lura għal kull azzjoni, l-assi netti għandhomx ukoll jinkludu sehem minoritarju, humiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25.

33

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 13(3) tal-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari mal-prinċipju ta’ effettività, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, l-ammont tal-kumpens jista’ jitnaqqas mingħajr limitu meta d-dannu mġarrab ikun ogħla minn EUR 1422872. Hija tistaqsi wkoll jekk il-kundizzjonijiet kollha għar-responsabbiltà tal-Istat humiex issodisfatti, b’mod partikolari jekk ir-regoli applikabbli tad-Direttiva 2004/25 jagħtux drittijiet lill-individwi.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ offerta obbligatorja ta’ xiri lura, il-valur tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta (inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva fir-rigward tal-punt dwar jekk is-sehem ta’ azzjonist minoritarju (li, għaldaqstant, ma jagħtix kontroll) għandux jiġi inkluż fl-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta, il-metodu tal-iffissar tal-prezz tal-azzjoni jista’ jitqies bħala ddeterminat b’mod ċar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jekk ikun neċessarju, sabiex jinftiehem il-kontenut ta’ dan il-metodu, li jiġi applikat wieħed mill-metodi ta’ interpretazzjoni praetorjana tad-dritt, jiġifieri dak tat-tnaqqis teleoloġiku?

3)

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, jiġifieri d-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva dwar l-iffissar ta’ prezz ekwu, jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi li għandu jintgħażel l-ogħla prezz fost it-tliet varjanti possibbli sussegwenti?

a)

Il-prezz li [bih] l-offerent jew li l-persuni li qegħdin jaġixxu bi qbil miegħu kisbu [l]-azzjonijiet tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta matul l-aħħar tnax-il xahar. Jekk l-azzjonijiet inxtraw bi prezzijiet differenti, il-prezz ta’ xiri lura għandu jkun l-ogħla prezz ta’ xiri tal-azzjonijiet matul it-tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

b)

Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni f’suq irregolat jew f’sistema multilaterali ta’ kummerċ bl-ikbar volum ta’ skambji għall-azzjoni kkonċernata matul l-aħħar tnax-il xahar. Il-prezz medju ponderat tal-azzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-aħħar tnax-il xahar preċedenti għat-tnissil tal-obbligu legali li ssir offerta ta’ xiri lura;

c)

Il-valur tal-azzjoni li jiġi kkalkolat billi l-attiv nett tal-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jiġi diviż bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Sabiex jiġi kkalkolat l-attiv nett, għandhom jitnaqqsu mill-attiv totali l-azzjonijiet miżmuma mill-kumpannija stess li qegħda tirċievi l-offerta, kif ukoll l-impenji tagħha. Jekk il-kumpannija li qegħda tirċievi l-offerta jkollha azzjonijiet b’valuri nominali differenti, sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-azzjoni, l-attiv nett għandu jinqasam skont x’jirrappreżentaw proporzjonalment l-azzjonijiet ta’ ċertu valur nominali fil-kapital tal-kumpannija.

4)

Jekk il-metodu ta’ kalkolu ddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25) iwassal għal prezz ogħla minn dak li kieku ġie applikat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva, ikun konformi mal-għan tad-Direttiva li dejjem jintgħażel l-ogħla prezz?

5)

Jekk individwu jissubixxi dannu minħabba l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jista’ jipprevedi limitu fir-rigward tal-kumpens għal dan id-dannu meta tali limitu japplika kemm fir-rigward tad-danni subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali kif ukoll fir-rigward ta’ dawk subiti minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni?

6)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, jagħtu drittijiet lill-individwi; fi kliem ieħor, ir-rekwiżit korrispondenti għar-responsabbiltà tal-Istat huwa ssodisfatt?”

Fuq id-domandi preliminari

35

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi, essenzjalment, mill-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprekludix il-metodu ta’ ffissar tal-prezz raġonevoli previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ OPA, il-valur tal-azzjoni jinkiseb billi l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju li, konsegwentement, ma jagħtix il-kontroll, jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Min-naħa l-oħra, hija tqis neċessarju li tikseb risposta fuq il-punt dwar jekk din id-direttiva tagħtix drittijiet lill-individwi u jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-applikazzjoni żbaljata ta’ dan id-dritt.

36

Peress li d-diversi domandi preliminari jikkoinċidu fuq diversi livelli, dawn għandhom jinġabru flimkien, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-iktar risposti preċiżi possibbli.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

37

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tliet metodi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli li bih l-offerent għandu jixtri lura l-azzjonijiet ta’ kumpannija, fosthom il-metodu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, u li timponi li dejjem jiġi adottat il-metodu li jwassal għall-ogħla prezz.

38

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premess 9 tagħha, id-Direttiva 2004/25 għandha bħala għan li tipproteġi l-interessi tad-detenturi ta’ sigurtajiet ta’ kumpanniji li l-kontroll tagħhom ikun ittieħed minn persuna fiżika jew ġuridika u hija intiża, f’din il-perspettiva, li tiżgura ċ-ċarezza u t-trasparenza tar-regoli fil-qasam tal-OPA (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 24).

39

Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tipprevedi miżuri ta’ koordinazzjoni tad-drittijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-OPA ta’ sigurtajiet ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ wieħed minn dawn l-Istati, meta dawn is-sigurtajiet kollha jew parti minnhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 25).

40

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, billi jikklassifikahom bħala prinċipji ġenerali, il-prinċipji gwida li għandhom jiġu osservati fl-applikazzjoni tagħha, fosthom dak li, meta persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi tas-sigurtajiet għandhom ikunu protetti (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 26).

41

Bl-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija prinċipji, l-Artikolu 3(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li l-Istati Membri, minn naħa, għandhom jaraw li r-rekwiżiti minimi stabbiliti minn din id-direttiva jiġu osservati u, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet addizzjonali u dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk li huma previsti mill-imsemmija direttiva sabiex jiġu rregolati l-offerti (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 27).

42

Taħt it-titolu “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi, bl-għan li jiġu protetti l-interessi tad-detenturi ta’ sigurtajiet ta’ kumpanniji, essenzjalment żewġ regoli li huma imposti fuq l-Istati Membri u oħra li huma jistgħu jagħżlu li japplikaw (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 28).

43

L-ewwel nett, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25 jistabbilixxi l-prinċipju tal-offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni tas-sigurtajiet ta’ kumpannija speċifika. B’dan il-mod, huwa jipprevedi li, fejn persuna fiżika jew ġuridika, wara akkwiżizzjoni magħmula minnha jew minn persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet ta’ kumpannija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li, b’żieda mal-ishma kollha tagħha u tal-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha jżommu diġà, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha perċentwali speċifika tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll tal-istess kumpannija, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-persuna tkun obbligata tagħmel offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija, u din l-offerta għandha tkopri l-ishma kollha ta’ dawn l-azzjonisti bi prezz raġonevoli kif iddefinit fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 29).

44

Sussegwentement, bl-għan ukoll li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija koperta mill-OPA, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jikkunsidra bħala prezz raġonevoli l-ogħla prezz imħallas għall-istess sigurtajiet mill-offerent, jew mill-persuni li jaħdmu flimkien miegħu, matul perijodu ddeterminat mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar qabel l-offerta msemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 30).

45

Fl-aħħar nett, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, sabiex jibdlu l-prezz raġonevoli f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jikkompilaw lista ta’ ċirkustanzi li fihom dan il-prezz raġonevoli jista’ jiġi mibdul, ’il fuq jew ’l isfel, u, minn naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jintużaw f’dawn il-każijiet, filwaqt li jingħad li dawn iċ-ċirkustanzi u kriterji għandhom jiġu ddeterminati b’mod ċar. Eżempji ta’ tali ċirkustanzi u ta’ tali kriterji jissemmew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 31).

46

Għalhekk, sabiex jiġi ffissat il-prezz raġonevoli tas-sigurtajiet li huma s-suġġett ta’ OPA, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jistabbilixxi metodu li, skont il-premessa 9 ta’ din, jissodisfa definizzjoni komuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

47

F’dan ir-rigward, l-istruttura tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva timponi li dan il-metodu għall-iffissar tal-prezz raġonevoli għandu jkun l-uniku metodu permess f’dan ir-rigward. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, meta l-Istati Membri jkunu għażlu tali fakultà, li huwa possibbli li jinbidel il-prezz raġonevoli, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva.

48

Konsegwentement, huwa biss fil-kuntest ta’ din is-setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli tas-sigurtajiet li huma s-suġġett ta’ OPA li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom sabiex jiddeterminaw il-prezz li bih dawn is-sigurtajiet għandhom jinbiegħu, skont metodi li huma differenti minn dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25.

49

Madankollu, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-prezz raġonevoli għandu jiġi ddeterminat skont diversi metodi, li wieħed minnhom jirriproduċi dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li l-metodi l-oħra previsti jikkorrispondu għas-setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva.

50

Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati f’dan ir-rigward huma dawk li jirriżultaw mit-test innifsu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

51

Minn naħa, il-metodi ta’ ffissar tal-prezz raġonevoli, differenti minn dak previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet superviżorji stabbiliti mill-Istati Membri u b’osservanza tal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dawn il-metodi għandhom jiġu implimentati “fiċ-ċirkustanzi u skont il-kriterji li huma ddeterminati b’mod ċar”.

52

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, sabiex jiġu osservati kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll in-neċessità li tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tad-direttivi, fid-dritt u mhux biss fil-fatt, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/25 għandhom jiġu riprodotti f’kuntest legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam ikkonċernat minnha (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 41).

53

Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw ruħhom, permezz tal-istrument legali tal-għażla tagħhom, li ċ-ċirkustanzi u l-kriterji, li fid-dawl tagħhom tiġi implimentata l-bidla tal-prezz raġonevoli, huma “ddeterminati b’mod ċar”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25.

54

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-FITL, eventwalment moqrija fid-dawl tal-motivi ta’ din il-liġi, tissodisfax tali rekwiżiti.

55

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanza partikolari, il-bidla tal-prezz raġonevoli twassal dejjem għall-iffissar ta’ prezz ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25.

56

Mill-bqija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jikkonferma din l-ipoteżi, peress li jipprevedi li, fid-dawl tal-lista taċ-ċirkustanzi speċifiċi, eventwalment stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, l-ogħla prezz jista’ jinbidel ’il fuq jew ’l isfel. Għalhekk, ċirkustanza speċifika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ dejjem twassal għall-iffissar ta’ prezz ogħla mill-prezz raġonevoli, kif jixhdu l-eżempji ċċitati fl-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari meta l-prezz raġonevoli, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva, ikun ġie stabbilit permezz ta’ ftehim konkluż bejn ix-xerrej u bejjiegħ.

57

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tliet metodi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli li bih l-offerent għandu jixtri lura l-azzjonijiet ta’ kumpannija, fosthom il-metodu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, u li timponi li dejjem jiġi adottat il-metodu li jwassal għall-ogħla prezz, bil-kundizzjoni li l-metodi ta’ determinazzjoni tal-prezz raġonevoli, minbarra dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4), jiġu applikati mill-awtorità superviżorja, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati permezz ta’ qafas legali ċar, preċiż u trasparenti.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

58

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ OPA, il-valur tal-azzjoni jinkiseb billi l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju, li, konsegwentement, ma jagħtix il-kontroll, jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa, sa fejn dan ma huwiex metodu ta’ ffissar tal-prezz li jista’ jiġi kkunsidrat li jissodisfa kriterji “ddeeterminati b’mod ċar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

59

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tagħmel offerta obbligatorja għax-xiri lura tal-azzjonijiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta abbażi tal-metodu għall-iffissar tal-prezz tal-azzjonijiet, previst fil-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, li jipprevedi li l-valur tal-azzjoni jiġi kkalkolat billi l-assi netti ta’ din il-kumpannija jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa. Skont l-Artikolu 74(2) tal-FITL, id-data użata f’dan ir-rigward hija, meta l-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta tipprepara rapport finanzjarju kkonsolidat, dik li toħroġ minn dan ir-rapport.

60

Għandu jiġi indikat ukoll, minn naħa, li l-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati jipprevedi li r-rapporti finanzjarji kkonsolidati huma r-riżultat tal-kombinazzjoni tal-kontijiet annwali tal-kumpannija omm tal-grupp u ta’ dawk tas-sussidjarji kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jippreċiża li l-parti tal-kapital proprju tas-sussidjarji kkonsolidati li tikkorrispondi għall-azzjonijiet u għall-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji hija indikata bħala oġġett separat tal-kapital proprju, intitolat “Sehem tal-azzjonisti minoritarji”.

61

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-azzjonijiet tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji inkludiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, fost l-assi netti ta’ din il-kumpannija, l-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji fis-sussidjarji tagħha, jiġifieri ishma li l-imsemmija kumpannija ma hijiex il-proprjetarja tagħhom.

62

Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sabiex jibdlu l-prezz raġonevoli f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati b’mod ċar (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 31).

63

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jipprovdi, barra minn hekk, li, meta l-Istati Membri jipprevedu li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom jistgħu jibdlu l-prezz raġonevoli, huma jistgħu jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jintużaw f’dan ir-rigward, u jikkwota bħala eżempju l-valur medju tas-suq fuq ċertu perijodu, il-valur tal-likwidazzjoni tal-kumpannija jew kriterji oġġettivi oħra ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja.

64

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, sabiex jiġu osservati kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll in-neċessità li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-direttivi, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/25 għandhom jiġu riprodotti, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, f’qafas legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprevedi dispożizzjonijiet vinkolanti fil-qasam ikkonċernat minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 41).

65

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi ddeterminat jekk il-metodu għall-iffissar tal-prezz, li jinkludi, fost l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ta’ OPA, l-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji fis-sussidjarji ta’ din, jinkludix kriterji “ddeterminati b’mod ċar”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25.

66

Minn naħa, kif l-Avukat Ġenerali enfasizzat fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri sabiex jiffissaw, fil-każ ta’ bidla tal-prezz raġonevoli, il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-prezz tas-sigurtajiet li huma s-suġġett ta’ offerta obbligatorja ta’ akkwiżizzjoni huwa limitat mill-għan tal-Artikolu 5(4) kollu tad-Direttiva 2004/25, li huwa li jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli ta’ dawn l-azzjonijiet.

67

Għal dan il-għan, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu kwalunkwe kriterju ta’ valutazzjoni rrikonoxxut fl-analiżi finanzjarja li jippermetti li jiġi stabbilit il-valur ekonomiku reali ta’ sehem fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta.

68

Fuq dan l-aħħar aspett, l-istandard IFRS 10, inkluż fid-dritt tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1254/2012, jieħu inkunsiderazzjoni l-patrimonju tal-kumpannija omm ta’ grupp u l-patrimonji tas-sussidjarji tagħha, flimkien, indipendentement mil-livell tas-sehem ta’ din il-kumpannija f’dawn tal-aħħar. Minn dan jirriżulta li l-assi netti ta’ tali kumpannija omm jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji fis-sussidjarji tagħha, li huma ddefiniti, fl-Appendiċi A tal-parti tal-anness tar-Regolament Nru 1254/2012 dwar l-istandard IFRS 10, taħt l-isem “interessi nonkontrollanti”, bħala li jirreferu għall-“[e]kwità f’sussidjarja li ma tkunx attribwita, direttament jew indirettament, lil kumpanija prinċipali”.

69

Issa, l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja msemmija fir-Regolament Nru 1254/2012 għandhom valur informattiv, peress li l-għan tal-istandard IFRS 10 huwa, skont il-punt 1 tal-parti tal-anness ta’ dan ir-regolament dwar dan l-istandard, “li jistabbilixxi prinċipji għall-preżentazzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapporti finanzjarji konsolidati meta entità waħda tikkontrolla entità waħda oħra jew aktar”. F’dan ir-rigward, il-preżentazzjoni tal-ishma li ma jagħtux il-kontroll tippermetti li tiġi żgurata informazzjoni kompleta tat-terzi fir-rigward tal-firxa tal-grupp ta’ kumpanniji u l-portata tal-kontroll eżerċitat mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarji tagħha.

70

Għalhekk, l-identifikazzjoni u l-livell tal-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji fil-kapital tal-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji jistgħu jkunu elementi ta’ informazzjoni utli fil-qasam tal-analiżi finanzjarja.

71

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur tal-ishma tal-kumpannija omm, hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tiddetermina jekk dan il-metodu ta’ valutazzjoni jikkostitwixxix kriterju oġġettiv ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintuża fl-analiżi finanzjarja, li għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-fatt li tali metodu jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, ishma fil-kumpanniji sussidjarji ta’ kumpannija omm li tagħhom din tal-aħħar ma hijiex il-proprjetarja.

72

Min-naħa l-oħra, kwalunkwe metodu għad-determinazzjoni tal-prezz raġonevoli, li jirriżulta mis-setgħa ta’ bidla prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, għandu jiġi dedott b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli mill-qafas legali li jipprevedih, u dan għandu jkun, huwa wkoll, ċar, preċiż u trasparenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punt 41).

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-annessi tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha fid-dispożizzjoni tagħha jirriżulta, minn naħa, li l-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “assi netti”, li huwa juża bħala parametru tal-metodu għall-iffissar tal-prezz raġonevoli previst minn din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li għalkemm l-Artikolu 21 tal-Liġi dwar ir-Rapporti Finanzjarji Kkonsolidati jipprovdi li l-parti tal-kapital proprju tas-sussidjarji kkonsolidati li tikkorrispondi għall-azzjonijiet u għall-ishma minoritarji għandha tiġi indikata bħala oġġett separat tal-kapital proprju, intitolat “Sehem tal-azzjonisti minoritarji”, dan l-artikolu ma jinkludix riferiment għall-assi netti tal-kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji.

74

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “assi netti” jista’ jinftiehem b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u prevedibbli bħala li jinkludi, fil-każ ta’ kumpannija omm ta’ grupp ta’ kumpanniji, li tistabbilixxi rapport finanzjarju kkonsolidat, l-ishma miżmuma minn azzjonisti minoritarji fis-sussidjarji ta’ din il-kumpannija omm.

75

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tar-rinviju mhux biss tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli nazzjonali kollha ta’ dan id-dritt, iżda wkoll tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali għall-interpretazzjoni tiegħu, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u għalhekk li tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48).

76

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk hijiex f’pożizzjoni li tadotta l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 74(1) tal-FITL, imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, jew jekk, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, hija għandhiex tadotta interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-livell teleoloġiku, li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ishma miżmuma mill-azzjonisti minoritarji bħala assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta ta’ OPA sabiex tiddetermina l-prezz tal-azzjoni ta’ din il-kumpannija.

77

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ OPA, il-valur tal-azzjoni jinkiseb billi l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju, li, konsegwentement, ma jagħtix il-kontroll, jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa, sakemm dan ma jkunx metodu ta’ ffissar tal-prezz tal-azzjoni, ibbażat fuq kriterju oġġettiv ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintuża fl-analiżi finanzjarja u li jista’ jitqies li huwa “ddeterminat b’mod ċar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq is-sitt domanda

78

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/25 tagħtix, fil-kuntest tal-proċedura ta’ OPA, drittijiet lill-offerent, li jistgħu jiġu implimentati fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat.

79

Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens ladarba jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, issir mill-qrati nazzjonali, b’mod konformi mal-gwida pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq din l-implemintazzjoni (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-effett dirett tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, għandu jiġi enfasizzat li tali kundizzjoni ma hijiex meħtieġa mill-ġurisprudenza għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, u l-kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza hija marbuta mal-fatt li tali dispożizzjoni tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punti 97 u 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82

It-tieni nett, huwa minnu li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25 jipprovdi, b’mod partikolari, li din ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri, minn naħa, li jadottaw dispożizzjonijiet li jispeċifikaw jekk u f’liema ċirkustanzi l-partijiet fl-offerta għandhom id-dritt li jibdew proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, b’mod partikolari s-setgħa li jista’ jkollhom il-qrati ta’ Stat Membru li jirrifjutaw li jieħdu konjizzjoni ta’ rikors u li jiddeċiedu fuq il-kwistjoni dwar jekk dan jaffettwax ir-riżultat tal-offerta, u, min-naħa l-oħra, li jiddeterminaw ir-regoli legali rigward ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji jew dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-partijiet f’offerta.

83

Madankollu, it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25, dwar ir-regoli legali rigward ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji, ma tistax tfisser li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li jipprojbixxu lill-partijiet f’OPA milli jippreżentaw azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur serju tad-dritt tal-Unjoni fl-okkażjoni ta’ tali offerta, u dan għal żewġ raġunijiet.

84

Minn naħa, din it-tielet sentenza sempliċement tindika li d-Direttiva 2004/25 ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw ir-regoli legali dwar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji, iżda bl-ebda mod ma tippermetti lill-Istati Membri, bħal fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva, li ma jiftħux proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja kontra l-partijiet fl-OPA.

85

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minnu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu żgurati mill-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, peress li dan il-prinċipju huwa inerenti għas-sistema tat-trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata u huwa validu għal kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, indipendentement mill-awtorità pubblika responsabbli għall-ksur (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

It-tielet nett, huwa minnu li l-għan prinċipali tad-Direttiva 2004/25 huwa li tipproteġi l-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija li qiegħda tirċievi OPA.

87

Għal dan il-għan, minn naħa, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li l-persuna li żżomm sigurtajiet ta’ kumpannija, li, flimkien mal-ishma kollha f’dawn is-sigurtajiet li hija diġà għandha u ma’ dawk tal-persuni li jaħdmu flimkien magħha, jagħtuha direttament jew indirettament perċentwali partikolari ta’ drittijiet tal-vot f’din il-kumpannija li jagħtuha l-kontroll ta’ din, hija obbligata li tagħmel offerta bil-għan li jiġu protetti l-azzjonisti minoritarji tal-imsemmija kumpannija. Min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jindika li l-persuna li hija għalhekk obbligata li tagħmel offerta ta’ akkwiżizzjoni tas-sigurtajiet tal-azzjonisti minoritarji, għandha tipproponi prezz raġonevoli, li jikkorrispondi għall-prezz l-iktar għoli mħallas għall-istess sigurtajiet minnha, jew minn persuni li jaħdmu flimkien magħha, matul perijodu qabel l-offerta, iddeterminat mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar.

88

Madankollu, ir-regola ta’ ffissar ta’ prezz raġonevoli, li tinsab fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25, hija intiża wkoll sabiex tipproteġi lill-offerent sa fejn din tippermetti li jiġi ddeterminat il-prezz massimu li dan ikollu jħallas lill-azzjonisti minoritarji fil-kuntest ta’ OPA, li jikkorrispondi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, għal dak li dan l-offerent kien lest li jħallas matul il-perijodu li ppreċeda din l-offerta.

89

Barra minn hekk, is-setgħa ta’ tibdil tal-prezz raġonevoli, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, tista’ tkun ukoll tali li tipproteġi l-interessi tal-offerent, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-ipoteżi li dan il-prezz raġonevoli jista’ jinbidel lejn ’l isfel f’ċerti ċirkustanzi ddeterminati mill-Istati Membri.

90

Għalhekk, billi għandhom effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna obbligata li tagħmel OPA tas-sigurtajiet tal-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 jikkostitwixxu regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, f’dan il-każ l-offerent.

91

Konsegwentement, ir-risposta għas-sitt domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2004/25 għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ OPA, drittijiet lill-offerent, li jistgħu jiġu implimentati fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat.

Fuq il-ħames domanda

92

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’każ fejn Stat Membru jinżamm responsabbli għal danni kkawżati minħabba ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ dan l-Istat, il-kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta minnu jista’ jiġi limitat għal 50 % tal-ammont ta’ dan id-dannu.

93

L-Artikolu 13 tal-Liġi dwar il-Kumpens għal Danni jipprevedi li, meta l-ammont tas-somma kkalkolata skont l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi ma jaqbiżx l-EUR 142288, il-kumpens adegwat għal dannu materjali kkawżat minn awtorità pubblika jammonta għal 100 % ta’ dan tal-aħħar, li, meta dan l-ammont ikun bejn EUR 142289 u EUR 1422872, dan il-kumpens jista’ jiġi stabbilit għal bejn 50 u 100 % tiegħu u li, meta l-imsemmi ammont ikun ogħla minn EUR 1422872, l-imsemmi kumpens jista’ jkun inqas minn 50 % tiegħu.

94

B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) illimitat il-kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kien jammonta għal iktar minn EUR 1422872, għal 50 % ta’ dan.

95

Għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2004/25 isemmi li din ma taffettwax is-setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw ir-regoli legali dwar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet superviżorji jew dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet f’offerta, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma jistgħu jiġu fformulati b’mod li jirrendu, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-ksib tal-kumpens (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi limitat l-ammont tal-kumpens għad-dannu materjali tgħodd kemm fil-każ ta’ ksur tad-dritt Latvjan kif ukoll fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

97

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun adegwat għall-kumpens għad-dannu mġarrab minn dawn tal-aħħar, b’mod li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Issa, kif l-Avukat Ġenerali enfasizzat, essenzjalment, fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tagħha, regola tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, f’każ fejn ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru hija stabbilita għal danni kkawżati minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ dan l-Istat, il-kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta minnu, li jista’ jiġi ikkwantifikat b’mod preċiż, jista’ jiġi limitat għal 50 % tal-ammont ta’ dan id-dannu ma hijiex tali li tissodisfa r-rekwiżit ta’ kumpens adegwat għal dan d-dannu.

99

Minn dan jirriżulta li tali regola tad-dritt nazzjonali ma tosservax il-prinċipju ta’ effettività.

100

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’każ fejn Stat Membru jinżamm responsabbli għal danni kkawżati minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ dan l-Istat, il-kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta minnu jista’ jkun limitat għal 50 % tal-ammont ta’ dan id-dannu.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tliet metodi sabiex jiġi ddeterminat il-prezz raġonevoli li bih l-offerent għandu jixtri lura l-azzjonijiet ta’ kumpannija, fosthom il-metodu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, u li timponi li dejjem jiġi adottat il-metodu li jwassal għall-ogħla prezz, bil-kundizzjoni li l-metodi ta’ determinazzjoni tal-prezz raġonevoli, minbarra dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4), jiġu applikati mill-awtorità superviżorja, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll f’ċirkustanzi u skont kriterji ddeterminati permezz ta’ qafas legali ċar, preċiż u trasparenti.

 

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet ta’ offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni, il-valur tal-azzjoni jinkiseb billi l-assi netti tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, inkluż is-sehem ta’ azzjonist minoritarju, li, konsegwentement, ma jagħtix il-kontroll, jiġu diviżi bin-numru ta’ azzjonijiet maħruġa, sakemm dan ma jkunx metodu ta’ ffissar tal-prezz tal-azzjoni, ibbażat fuq kriterju oġġettiv ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintuża fl-analiżi finanzjarja u li jista’ jitqies li huwa “ddeterminat b’mod ċar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

3)

Id-Direttiva 2004/25 għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ offerta pubblika ta’ akkwiżizzjoni, drittijiet lill-offerent, li jistgħu jiġu implimentati fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat.

 

4)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, f’każ fejn Stat Membru jinżamm responsabbli għal danni kkawżati minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ta’ dan l-Istat, il-kumpens għad-dannu materjali li jirriżulta minnu jista’ jkun limitat għal 50 % tal-ammont ta’ dan id-dannu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top