Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 62016CJ0171

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Settembru 2017.
Trayan Beshkov vs Sofiyska rayonna prokuratura.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Kamp ta’ applikazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena totali – Proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni – Tibdil tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta f’dak l-Istat Membru l-ieħor.
Kawża C-171/16.

Culegeri de jurisprudență – general – secțiunea „Informații privind deciziile nepublicate”

Identificator ECLI: ECLI:EU:C:2017:710

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Kamp ta’ applikazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni, fl-okkażjoni ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena totali – Proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni – Tibdil tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta f’dak l-Istat Membru l-ieħor”

Fil-Kawża C-171/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Trayan Beshkov

vs

Sofiyska rayonna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn L. Březinová kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Trayan Beshkov quddiem is-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), sabiex tali qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-kundanna ppronunzjata qabel kontra tiegħu minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 5 sa 7 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprovdu:

“(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, bi qbil mal-konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, adotta il-Programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali […], li jipprovdi għall-‘adozzjoni ta’ strument wieħed jew aktar li jistabbilixxu l-prinċipju li qorti fi Stat Membru wieħed għandha tkun tista’ tieħu konsiderazzjoni ta’ sentenzi kriminali finali mogħtija mill-qrati fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet ta’ valutazzjoni tar-rekord kriminali tal-ħati u biex jiġi stabbilit jekk dan reġax ikkommetta reat, u sabiex jiġi determinat it-tip ta’ sentenza applikabbli u l-arranġamenti għall-infurzar tagħha’.

[…]

(5)

Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu għal kundanna mogħtija fi Stati Membri oħrajn effetti ekwivalenti għal dawk attribwiti għal kundanna mogħtija mill-qrati tagħhom stess skond id-dritt nazzjonali għandu jiġi affermat, kemm jekk dawk l-effetti huma kkunsidrati mid-dritt nazzjonali bħala kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll jekk ta’ dritt proċedurali jew sostantiv. Madankollu din id-Deċiżjoni Kwadru ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

(6)

B’kuntrast ma’ strumenti oħra, din id-Deċiżjoni Kwadru ma timmirax għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru wieħed ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi Stati Membri oħrajn, iżda pjuttost timmira li tippermetti l-konsegwenzi jiġu marbuta ma’ kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru wieħed waqt proċedimenti kriminali ġodda fi Stat Membru ieħor sal-punt li tali konsegwenzi huma marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti skond id-dritt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

[…]

(7)

L-effetti ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu ekwivalenti għall-effetti ta’ deċiżjoni nazzjonali fl-istadju ta’ qabel il-kawża ta’ proċedimenti kriminali, fl-istadju tal-kawża u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

[…]

(13)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta l-varjetà ta’ soluzzjonijiet u proċeduri interni meħtieġa biex tittieħed in konsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. L-esklużjoni ta’ possibbiltà li tiġi riveduta kundanna preċedenti ma għandhiex timpedixxi lil Stat Membru milli jieħu deċiżjoni, jekk meħtieġ, sabiex jiġu attribwiti l-effetti legali ekwivalenti għal tali kundanna preċedenti. Madankollu, il-proċeduri involuti fil-ħruġ ta’ tali deċiżjoni m’għandhomx, bil-ħsieb tal-ħin u tal-proċeduri jew tal-formalitajiet meħtieġa, jirrenduha impossibbli li jiġu attribwiti effetti ekwivalenti ma’ sentenza preċedenti mogħtija minn Stat Membru ieħor.”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

3.   It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda.

4.   Skond il-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m’għandux japplika sal-punt li, li kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda, it-teħid in konsiderazzjoni tal-kundanna preċedenti kien, skond id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi l-kundanna preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħha.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kodiċi Kriminali

6

In-Nakazatelen kodeks (kodiċi kriminali) jipprovdi, fl-Artikolu 8(2) tiegħu, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Mejju 2011, li huwa intiż sabiex jimplementa d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 fid-dritt Bulgaru:

“Kundanna ppronunzjata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, għal att li jikkostitwixxi reat konformement mal-Kodiċi Kriminali Bulgaru għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’kull proċedura kriminali mmexxija kontra l-istess persuna fir-Repubblika tal-Bulgarija.”

7

L-Artikolu 23(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Jekk, bl-istess att, twettqu diversi reati jew jekk persuna waħda wettqet diversi reati distinti qabel ma ġiet ikkundannata għal wieħed minn dawn ir-reati b’deċiżjoni ta’ kundanna li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti, wara li tistabbilixxi l-piena għal kull wieħed minn dawn ir-reati separatament, għandha timponi l-piena l-iktar ħarxa.”

8

Skont l-Artikolu 25(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet [tal-Artikolu 23] għandhom japplikaw ukoll meta l-persuna tkun ġiet ikkundannata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ kundanna distinti.

2.   Meta l-piena imposta f’waħda mill-kundanni tkun ġiet totalment jew parzjalment eżegwita, din għandha tiġi mnaqqsa jekk tkun tat-tip tal-piena totali għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena.”

9

L-Artikolu 66(1) ta’ dan l-istess kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Meta l-qorti timponi piena ta’ priġunerija li ma tkunx iktar minn tliet snin, hija tista’ tissospendi l-piena imposta […] jekk il-persuna ma tkunx ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija għal reat li jkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni ġestita mill-ministeru pubbliku […].”

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

10

L-Artikolu 4(2) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura kriminali) jipprovdi:

“2.   Il-kundanna ppronunzjata minn qorti ta’ Stat ieħor li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, u li ma hijiex irrikonoxxuta skont il-proċedura tal-leġiżlazzjoni Bulgara, ma hijiex suġġetta għal eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Bulgarija.

3.   Id-dispożizzjonijiet [tal-paragrafu 2] ma japplikawx meta jkun ipprovdut mod ieħor f’konvenzjoni internazzjonali li fiha r-Repubblika tal-Bulgarija tkun parti, li tkun irratifikata, ippubblikata u tkun daħlet fis-seħħ.”

11

L-Artikolu 463 ta’ dan il-kodiċi, inkluż fit-Taqsima II tal-Kapitolu 36 tiegħu, intitolat “Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna ppronunzjata minn qorti barranija”, jipprovdi:

“Kundanna li kisbet is-saħħa ta’ res judicata ppronunzjata minn qorti barranija hija rrikonoxxuta u eżegwita mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Bulgarija konformement mal-Artikolu 4(3), meta:

1)

l-att li għalih tkun saret it-talba jkun jikkostitwixxi reat skont il-leġiżlazzjoni Bulgara;

2)

l-awtur ikun kriminalment responsabbli skont il-leġiżlazzjoni Bulgara;

3)

il-kundanna tkun ġiet ippronunzjata fl-osservanza sħiħa tal-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli relatati magħha li r-Repubblika tal-Bulgarija hija parti fihom;

4)

l-awtur ma jkunx ġie kkundannat għal reat meqjus li huwa reat politiku jew għal reat marbut ma’ tali reat, jew għal delitt tal-gwerra;

5)

ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tkunx irrikonoxxiet kundanna ppronunzjata minn qorti oħra barranija fir-rigward tal-istess awtur u għall-istess reat;

6)

il-kundanna ma tkunx tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-Dritt Kriminali u tal-Proċedura Kriminali Bulgara.”

12

L-Artikolu 465 tal-imsemmi kodiċi, li jispeċifika l-modalitajiet ta’ dan ir-rikonoxximent, jipprovdi:

“1.   It-talba ta’ rikonoxximent, fir-Repubblika tal-Bulgarija, ta’ kundanna ppronunzjata minn qorti barranija għandha tiġi indirizzata mill-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor lill-Ministeru tal-Ġustizzja.

2.   Il-ministeru tal-Ġustizzja għandu jgħaddi t-talba, id-deċiżjoni ta’ kundanna u d-dokumenti l-oħra marbuta magħhom lill-Okrazhen sad [qorti reġjonali] tal-post tad-domiċilju tal-persuna. Jekk din tal-aħħar ma tkunx toqgħod fil-pajjiż, hija s-Sofiyski gradski sad [qorti tal-belt ta’ Sofija] li hija kompetenti sabiex teżamina t-talba.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 466(1) ta’ dan l-istess kodiċi, li jiddefinixxi l-effetti tal-imsemmi rikonoxximent:

“Id-deċiżjoni li permezz tagħha tkun irrikonoxxuta kundanna ppronunzjata minn qorti barranija għandha l-effett ta’ kundanna ppronunzjata minn qorti Bulgara.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

T. Beshkov ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni definittiva tal-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) tat-13 ta’ Diċembru 2010, għal piena ta’ priġunerija ta’ tmintax-il xahar, li minnhom sitt xhur priġunerija huma fermi u tnax-il xahar huma sospiżi b’perijodu ta’ probation ta’ tliet snin, għal fatti relatati ma’ ħabi mwettqa fl-14 ta’ Novembru 2010 fl-Awstrija. Il-parti mill-piena ta’ sitt xhur ta’ priġunerija ġiet eżegwita u l-perijodu ta’ probation beda fl-14 ta’ Mejju 2011.

15

Sussegwentement, T. Beshkov ġie kkundannat, permezz ta’ deċiżjoni li kisbet l-awtorità ta’ res judicata tal-qorti tar-rinviju tad-29 ta’ April 2013, ta’ piena ta’ sena priġunerija ferma, għal offiżi fuq il-persuna leġġeri li joħolqu problemi tas-saħħa li twettqu għal raġunijiet ta’ ħuliganiżmu fid-19 ta’ Novembru 2008 f’Sofija (il-Bulgarija). Peress li T. Beshkov kien imfittex, din il-piena ma kinitx għadha ġiet eżegwita fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju.

16

Fl-14 ta’ Mejju 2015, T. Beshkov ressaq, permezz tal-mandatarju tiegħu ad litem, quddiem il-qorti tar-rinviju talba, fuq il-bażi tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 25(1) tal-Kodiċi Kriminali, intiża sabiex din timponi fuqu, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, piena ta’ priġunerija totali li tikkorrispondi għal piena l-iktar ħarxa mill-pieni imposti, minn naħa, bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2010 tal-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) u, min-naħa l-oħra, b’dik tal-qorti tar-rinviju tad-29 ta’ April 2013.

17

Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu b’mod partikolari li, meta persuna tkun wettqet diversi reati qabel ma tiġi kkundannata, għal kull wieħed minn dawn ir-reati, b’deċiżjonijiet ta’ kundanna distinti għal pieni distinti, il-qorti nazzjonali għandha timponi fuq din il-persuna, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-pieni, piena totali unika li tikkorrispondi għall-piena l-iktar ħarxa mill-pieni inizjalment imposti. Jirriżulta, essenzjalment, mid-deċiżjoni tar-rinviju li, f’dan il-każ, il-piena l-iktar ħarxa tassorbi l-pieni inizjali iktar leġġeri. Jirriżulta wkoll mill-imsemmija dispożizzjonijiet li, meta waħda mill-pieni inizjali tkun diġà ġiet totalment jew parzjalment eżegwita, din għandha, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, titnaqqas mill-piena totali jekk din tkun tal-istess tip tagħha.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-parti l-kbira tal-ġurisprudenza nazzjonali kif ukoll is-Sofiyska rayonna prokuratura (prosekutur distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), huwa, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 4(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, impossibbli li tiġi ffissata piena totali li tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta b’deċiżjoni ta’ kundanna adottata qabel minn qorti ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma kienet din id-deċiżjoni ġiet irrikonoxxuta minn qabel mill-qrati Bulgari kompetenti konformement mal-proċedura speċjali ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija mill-qrati barranin, prevista b’mod partikolari fl-Artikoli 463 sa 466 ta’ dan il-kodiċi. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex ir-rikors ta’ T. Beshkov jintlaqa’, id-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) għandhiex tkun irrikonoxxuta minn qabel konformement b’mod partikolari mal-imsemmija Artikoli 463 sa 466, jew jekk, kif isostni T. Beshkov, il-qorti tar-rinviju tistax jew għandhiex tilqa’ dan ir-rikors, mingħajr ma din il-kundanna tkun is-suġġett ta’ tali rikonoxximent minn qabel, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tal-Kodiċi Kriminali, li jimplementa d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 fid-dritt Bulgaru.

19

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, din il-qorti tqis, essenzjalment, li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din id-deċiżjoni qafas tapplikax għal proċedura, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala suġġett l-impożizzjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ta’ piena ta’ priġunerija totali li tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u, b’mod iktar partikolari, il-piena imposta fuq il-persuna kkundannata b’din id-deċiżjoni.

20

Fil-każ affermattiv, u fil-każ fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) ikun, f’dan il-każ, suġġett għall-implementazzjoni minn qabel tal-proċedura ta’ rikonoxximent prevista b’mod partikolari fl-Artikoli 463 sa 466 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà, mal-imsemmija deċiżjoni qafas, ta’ din il-proċedura tal-aħħar sa fejn din ma tistax tinbeda direttament mill-persuna kkundannata.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza fil-fatt, essenzjalment, li, minkejja li, konformement mal-leġiżlazzjoni Bulgara fis-seħħ, kull persuna kkundannata tista’ tadixxi l-qrati kompetenti Bulgari b’talba intiża għall-impożizzjoni ta’ piena totali skont l-Artikoli 23 u 25 tal-Kodiċi Kriminali, il-proċedura ta’ rikonoxximent prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, b’mod partikolari fl-Artikoli 463 sa 466 tiegħu, tista’ biss, mill-banda l-oħra, tiġi implementata fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet kompetenti Bulgari jew ta’ dawk tal-Istat li fih ngħatat l-ewwel deċiżjoni ta’ kundanna. Minn dan isegwi li l-persuna kkundannata ma tistax, fil-fatt, tagħti bidu hija stess għall-proċedura intiża għall-impożizzjoni ta’ tali piena totali li tieħu inkunsiderazzjoni kundanna ppronunzjata qabel fi Stat Membru ieħor, inkluż fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprekludix, għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ piena totali li tieħu inkunsiderazzjoni dik imposta fuq T. Beshkov mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt), li l-mod ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena tal-aħħar jiġi mmodifikat. Fil-fatt, f’dan il-każ, billi l-piena ta’ 18-il xahar priġunerija, li tinkludi perijodu ta’ 12-il xahar sospiż, imposta fuq T. Beshkov minn din il-qorti tal-aħħar hija iktar ħarxa minn dik stabbilita mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2013, din tkun marbuta tapplika għal T. Beshkov piena totali li tikkorrispondi għal dik l-ewwel piena. Madankollu, konformement mal-Artikolu 66(1) tal-Kodiċi Kriminali, T. Beshkov, li, fil-passat, kien diġà ġie kkundannat diversi drabi għal pieni ta’ priġunerija fil-Bulgarija, ma setax iktar jiġi kkundannat għal piena sospiża f’dan l-Istat Membru. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha timmodifika l-mod ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta fuq T. Beshkov mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) u tapplika fuq dan tal-aħħar piena totali ta’ 18-il xahar priġunerija fermi, filwaqt li jitnaqqas minnha l-perijodu ta’ 6 xhur priġunerija fermi li diġà ġew skontati fl-Awstrija.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (qorti distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “proċedimenti kriminali ġodda” użata fid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675, u din l-espressjoni għandha tkun neċessarjament marbuta ma’ konstatazzjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ reat imwettaq jew tista’ tkun marbuta ma’ proċeduri li fihom, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta f’kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?

2)

L-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-premessa 13, tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li proċeduri li fihom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jitressqu mill-persuna kkundannata iżda jistgħu jitressqu biss mill-Istat Membru li fih ingħatat il-kundanna preċedenti jew mill-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda?

3)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda ma jistax jibdel il-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta mill-Istat Membru fejn ingħatat l-ewwel kundanna, inkluż fil-każ li, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta mill-kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti r-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tapplika biss għall-proċeduri marbuta mal-istabbiliment tal-ħtija eventwali tal-persuna mħarrka jew jekk din għandhiex tapplika wkoll għal proċedura nazzjonali intiża sabiex tiġi imposta, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, piena ta’ priġunerija totali li tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq din il-persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra dik l-istess persuna għal fatti differenti.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jipprevedi li din hija intiża sabiex tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kundanni preċedenti ppronunzjati fi Stat Membru kontra persuna għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija fi Stat Membru ieħor kontra dik l-istess persuna u għal fatti differenti.

26

Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jistabbilixxi fir-rigward tal-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, f’dan il-każ, il-kundanni preċedenti ppronunzjati fi Stat Membru ieħor, li għalihom tkun inkisbet informazzjoni permezz ta’ strumenti applikabbli fil-kuntest ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka jew ta’ skambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti huma meħuda inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt, u dan fis-sens ta’ effetti fattwali jew ta’ dritt proċedurali jew sostantiv.

27

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jispeċifika li dan l-obbligu għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, fl-istadju tal-proċedura kriminali nnifisha u fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mal-klassifikazzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tal-piena involuta, u r-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. B’hekk, il-premessi 2 u 7 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdu li l-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kundanni ppronunzjati fl-Istati Membri l-oħra inter alia sabiex tiddetermina l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jiġu implementati u li l-effetti marbuta ma’ dawn il-kundanni għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk marbuta mad-deċiżjonijiet nazzjonali għal kull wieħed minn dawn l-istadji tal-proċedura.

28

Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma tapplikax biss għall-proċeduri marbuta mad-determinazzjoni u mal-istabbiliment tal-ħtija eventwali tal-persuna mħarrka, iżda wkoll għal dawk relatati mal-eżekuzzjoni tal-piena li għalihom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-piena imposta minn deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ piena totali mibdija minn T. Beshkov taqa’ taħt din it-tieni kategorija, b’mod li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandha tiġi interpretata fis-sens li din hija applikabbli għal proċedura nazzjonali intiża sabiex timponi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, piena ta’ priġunerija totali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti.

Fuq it-tieni domanda

30

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, kif ġie espost fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija mil-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tkun irrikonoxxuta minn qabel mill-qrati Bulgari kompetenti konformement mal-proċedura prevista b’mod partikolari fl-Artikoli 463 sa 466 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan li tiġi imposta piena totali.

31

Kif ġie rrilevat fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, filwaqt li tqajjem dubji f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlaq madankollu mill-premessa li din il-proċedura ta’ rikonoxximent minn qabel għandha tiġi implementata għal dan l-għan u tistaqsi, bit-tieni domanda tagħha, dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tipprekludix lill-imsemmija Artikoli 463 sa 466 sa fejn dawn jipprevedu li din il-proċedura ma tistax tinbeda direttament mill-persuna kkundannata.

32

Madankollu, sabiex tiġi pprovduta risposta utli lil din il-qorti, għandu, qabelxejn, jiġi vverifikat jekk din id-deċiżjoni qafas tipprekludix l-implementazzjoni ta’ tali proċedura ta’ rikonoxximent.

33

Għal dan l-għan, it-tieni domanda mressqa għandha, konformement mal-possibbiltà rrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Ucar u Kilic, C-508/15 u C-509/15, EU:C:2016:986, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), tiġi rriformulata bħala li hija essenzjalment intiża sabiex jiġi stabbilit jekk id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru, bħal dik prevista b’mod partikolari fl-Artikoli 463 sa 466 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, fin-negattiv, jekk din id-Deċiżjoni Qafas tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li din il-proċedura tista’ tinbeda biss mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bl-esklużjoni tal-persuna kkundannata.

34

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jsir riferiment għall-kontenut tal-Artikoli 463 sa 466 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali espost fil-punti 11 sa 13 ta’ din is-sentenza, fejn jirriżulta li dawn l-artikoli jissostitwixxu proċedura speċjali ta’ rikonoxximent minn qabel, mill-qrati kompetenti Bulgari, ta’ kundanni definittivi ppronunzjati mill-qrati barranin, intiża sabiex tagħti lid-deċiżjoni li permezz tagħha dawn il-kundanni huma rrikonoxxuti l-effett ta’ kundanna ppronunzjata minn qorti Bulgara. Din il-proċedura timplika eżami tal-kundanna barranija kkonċernata sabiex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 463 huma ssodisfatti.

35

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha ċertament, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod partikolari jekk il-kundanni preċedenti nazzjonali humiex meħuda inkunsiderazzjoni skont id-dritt nazzjonali u, jekk ikun il-każ, liema effetti huma marbuta magħhom skont dan id-dritt.

36

Madankollu, kif tistipula l-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, din hija intiża sabiex timplementa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam kriminali, stipulat fl-Artikolu 82(1) TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 UE li fuq il-bażi tiegħu din id-deċiżjoni qafas ġiet adottata. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 30, 31 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-prinċipju jipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni qafas, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li din id-deċiżjoni tkun, fuq din il-bażi, suġġetta għal eżami mill-ġdid (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Balogh, C‑25/15, EU:C:2016:423, punt 54).

37

Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 3(3) u l-premessa 13 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 espressament jipprekludu tali eżami mill-ġdid, billi d-deċiżjonijiet ta’ kundanna mogħtija qabel fl-Istati Membri l-oħra għandhom b’hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istat li fih dawn ġew ippronunzjati.

38

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Awstrijak, minkejja li l-imsemmija premessa 13 tindika wkoll li din id-deċiżjoni qafas tirrispetta d-diversità tas-soluzzjonijiet u tal-proċeduri interni neċessarji sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti ppronunzjata fi Stat Membru ieħor u ma tipprekludix Stat Membru milli jadotta, jekk meħtieġ, deċiżjoni li tippermetti li jingħataw effetti legali ekwivalenti lil din il-kundanna, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax madankollu, u fi kwalunkwe każ, timplika l-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Fid-dawl tal-premess, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-imsemmija deċiżjoni qafas teżiġix li l-persuna kkundannata tkun tista’ tagħti bidu hija stess għal din il-proċedura.

40

Għalhekk, hemm lok li għat-tieni domanda tingħata r-risposta li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru, bħal dik prevista fl-Artikoli 463 sa 466 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tielet domanda

41

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-qorti nazzjonali, adita b’talba ta’ impożizzjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ta’ piena ta’ priġunerija totali billi tieħu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-piena imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, għandha timmodifika għal dan l-għan il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena tal-aħħar.

42

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2014, il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) ikkonstatat li l-perijodu ta’ probation ta’ tliet snin previst fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2010 kien intemm u, għalhekk, kienet ġiet fi tmiemha dik il-parti mill-piena imposta fuq T. Beshkov li kienet suġġetta għal sospensjoni, b’mod li t-totalità ta’ din il-piena għandha titqies li ġiet kompletament eżegwita. Għall-finijiet tal-eżami ta’ din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-fatt, li bih ġiet informata l-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ talba għal kjarifiki mibgħuta lil din tal-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

43

Fit-tweġiba għal din il-kwistjoni, għandu ċertament jitfakkar, bħal kif ġie espost fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, il-kundanni preċedenti ppronunzjati fi Stat Membru ieħor għandhom, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti huma meħuda inkunsiderazzjoni skont id-dritt nazzjonali u jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt.

44

Madankollu, l-Artikolu 3(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas jispeċifika li dan it-teħid inkunsiderazzjoni la għandu effett li jinfluwenza l-kundanni preċedenti ppronunzjati mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra jew kull deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru li fih titmexxa l-proċedura kriminali ġdida, u lanqas li jirrevoka dawn il-kundanni. Kif espost fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni teskludi wkoll kull eżami mill-ġdid tal-imsemmija kundanni, li għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istat li fih dawn ġew ippronunzjati.

45

Barra minn hekk, mill-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirriżulta li din ma hijiex intiża sabiex teżegwixxi, fi Stat Membru, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istati Membri l-oħra.

46

Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali ma tistax, skont din l-istess deċiżjoni qafas, teżamina mill-ġdid jew timmodifika l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor u diġà eżegwita, b’mod partikolari billi tirrevoka s-sospensjoni tal-piena imposta ta’ dik id-deċiżjoni u billi tittrasformaha f’piena ta’ priġunerija ferma. Lanqas ma tista’ tordna, fuq din il-bażi, eżekuzzjoni ġdida ta’ din il-piena hekk modifikata.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali, adita b’talba ta’ impożizzjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ta’ piena ta’ priġunerija totali li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, għandha timmodifika għal dan l-għan il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/ĠAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, għandha tiġi interpretata fis-sens li din hija applikabbli għal proċedura nazzjonali intiża sabiex timponi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, piena ta’ priġunerija totali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti.

 

2)

Id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2008/675 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li t-teħid inkunsiderazzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ kundanna mogħtija qabel minn qorti ta’ Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-implementazzjoni ta’ proċedura nazzjonali ta’ rikonoxximent minn qabel ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru, bħal dik prevista fl-Artikoli 463 sa 466 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura kriminali).

 

3)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2008/675 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali, adita b’talba ta’ impożizzjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, ta’ piena ta’ priġunerija totali li b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti ppronunzjata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, għandha timmodifika għal dan l-għan il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Sus