This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0529
Judgment of the Court (Third Chamber) of 24 March 2022.#PJ and PC v European Union Intellectual Property Office.#Appeal – Principles of EU law – Article 19 of the Statute of the Court of Justice of the European Union – Representation of the parties in direct actions before the Courts of the European Union – Lawyer representing the applicant as a third party – Requirement of independence – Lawyer working as an associate in a law firm – Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Joined Cases C-529/18 P and C-531/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
PJ u PC vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Rekwiżit ta’ indipendenza – Avukat li jipprattika bħala kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-529/18 P u C-531/18 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
PJ u PC vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Rekwiżit ta’ indipendenza – Avukat li jipprattika bħala kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawżi magħquda C-529/18 P u C-531/18 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:218
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Appell – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet fir-rikorsi diretti quddiem il-qrati tal-Unjoni – Avukat li għandu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tar-rikorrent – Rekwiżit ta’ indipendenza – Avukat li jipprattika bħala kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑529/18 P u C‑531/18 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fid‑9 ta’ Awwissu 2018 (C‑529/18 P) u fl‑10 ta’ Awwissu 2018 (C‑531/18 P),
PJ, residenti f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentat minn J. Lipinsky u C. von Donat, Rechtsanwälte,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Botis u A. Söder, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Erdmann & Rossi GmbH, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn H. Kunz-Hallstein u R. Kunz-Hallstein, Rechtsanwälte,
intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑529/18 P),
u
PC, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn J. Lipinsky u C. von Donat, Rechtsanwälte,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
PJ, irrappreżentat minn J. Lipinsky u C. Von Donat, Rechtsanwälte,
konvenut fl-ewwel istanza,
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Botis u A. Söder, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Erdmann & Rossi GmbH, stabbilita f’Berlin, irrappreżentata minn H. Kunz-Hallstein u R. Kunz-Hallstein, Rechtsanwälte,
intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑531/18 P),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer u F. Biltgen (Relatur), L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, PJ u PC jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Mejju 2018, PJ vs EUIPO ‑ Erdmann & Rossi (Erdmann & Rossi) (T‑664/16, iktar ’il quddiem id-digriet appellat, EU:T:2018:517), li permezz tiegħu din, minn naħa, ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑18 ta’ Lulju 2016 (Każ R 1670/2015–4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Erdmann & Rossi GmbH u PJ, kif ukoll, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni mressqa minn PC. |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
Skont l-ewwel sar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut: “L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat. Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod. Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat. Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.” |
|
3 |
L-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li: “Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut.” |
Il‑fatti li wasslu għall-kawża
|
4 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
5 |
Fid‑19 ta’ Settembru 2011, PJ ressaq talba għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO dwar is-sinjal verbali “Erdmann & Rossi”. |
|
6 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 12, 37 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. |
|
7 |
It-trade mark ġiet irreġistrata fit‑3 ta’ Frar 2012 taħt ir-reġistrazzjoni Nru 010310481. |
|
8 |
Fis‑26 ta’ Marzu 2014, Erdmann & Rossi ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
|
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi. |
|
10 |
Fit‑18 ta’ Awwissu 2015, Erdmann & Rossi ressqet appell quddiem l-EUIPO. |
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2016, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
|
12 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2016, PJ ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2016. Ir-rikors kien iffirmat minn S. fil-kwalità tiegħu ta’ avukat. |
|
13 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Marzu 2017, l-EUIPO qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fuq il-bażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ April 2017, l-EUIPO informa lill-Qorti Ġenerali li t‑trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata fir-reġistru fit‑28 ta’ Frar 2017 favur proprjetarju ġdid, jiġifieri “[X] [GmbH Co. KG]” u, fl‑1 ta’ Marzu 2017, wara korrezzjoni mwettqa min-naħa tal-EUIPO, favur PC. |
|
15 |
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2017, PJ talab, minn naħa, li tittieħed miżura tal-organizzazzjoni tal-proċedura fir-rigward ta’ suspetti ta’ manipulazzjoni tal-fajl amministrattiv u, min-naħa l-oħra, li tiġi sospiża l-proċedura sa għeluq l-investigazzjonijiet kriminali kontra kollaboraturi tal-EUIPO. |
|
16 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Mejju 2017, S. ressaq, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talba għal sostituzzjoni favur PC. |
|
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Mejju 2017, PJ ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO. |
|
18 |
Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li r-rikors promotur ma kienx ġie ffirmat minn avukat indipendenti. |
|
19 |
Fil-punt 51 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut u tal-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet, minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jew l-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru. |
|
20 |
Fil-punt 53 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-ħsieb dwar ir-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa dak ta’ kollaboratur tal-ġustizzja mitlub jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interessi superjuri tagħha, l-assistenza legali li jkun jeħtieġ il-klijent. |
|
21 |
Fil-punt 54 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-kunċett ta’ “indipendenza” tal-avukat huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri b’riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri mill-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. Fil-punt 55 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ir-raġunament japplika bl-istess saħħa f’sitwazzjoni fejn avukat ikun impjegat minn entità b’konnessjoni mal-parti li huwa jirrappreżenta jew meta avukat ikun marbut b’kuntratt irregolat mid-dritt ċivili mar-rikorrent. |
|
22 |
Wara li fakkret, fil-punt 56 tad-digriet appellat, li l-avukat ta’ parti mhux ipprivileġġata lanqas ma għandu jkollu rabta personali mal-kawża inkwistjoni jew rabta ta’ dipendenza mal-klijent tiegħu ta’ natura tali li jirriskja li ma jkunx f’pożizzjoni jissodisfa r-rwol essenzjali tiegħu ta’ uffiċjal tal-ġustizzja bil-mod l-iktar xieraq, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 57 ta’ dan id-digriet, li r-rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex intiż biss li jeskludi l-każijiet ta’ rappreżentanza tal-mandant minn impjegati jew minn dawk li jkunu ekonomikament dipendenti minn dan il-mandant, iżda jikkostitwixxi rekwiżit iktar ġenerali li l-osservanza tiegħu għandha tiġi eżaminata każ b’każ. |
|
23 |
Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 62 tad-digriet appellat, li PJ kien kofondatur u wieħed miż-żewġ soċji tal-uffiċċju tal-avukati Z li huwa kien ta mandat sabiex jiżgura, permezz ta’ S. li kien qiegħed jintervjeni għan-nom ta’ dan l-uffiċċju, ir-rappreżentanza tiegħu fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li dan l-uffiċċju ta’ avukati, kumpannija ċivili professjonali rreġistrata, kien entità legali distinta minn PJ. |
|
24 |
Fil-punt 63 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet fi ħdan l-uffiċċju ta’ avukati Z kienu meħuda b’mod unanimu, PJ kien jeżerċita, fil-kwalità tiegħu ta’ soċju, kontroll effettiv fuq id-deċiżjonijiet kollha tal-imsemmi uffiċċju, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kollaboraturi tal-uffiċċju, li fosthom kien jinsab S. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fir-rigward ta’ PJ, S. ma kellux l-istess grad ta’ indipendenza li kellu avukat li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’uffiċċju differenti minn dak li fih il-klijent tiegħu kien soċju u li huwa seta’ jirrimedja b’mod iktar diffiċli għal tensjonijiet possibbli bejn l-obbligi professjonali li għalihom kien suġġett u l-għanijiet imfittxija mill-klijent tiegħu. |
|
25 |
Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 64 tad-digriet appellat, li r-relazzjoni ta’ S. mal-uffiċċju ta’ avukati Z setgħet tinfluwenza l-indipendenza ta’ dan l-avukat, peress li l-interessi tal-uffiċċju kienu jitħalltu ħafna ma’ dawk ta’ PJ u li kien hemm riskju li l-opinjoni professjonali ta’ S. tkun, tal-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu. |
|
26 |
Fil-punt 65 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rabta professjonali li S. kellu ma’ PJ fil-mument tal-preżentata tar-rikors, kienet ta’ natura tali li jkun hemm ir-riskju li dan ma jkunx f’pożizzjoni jissodisfa r-rwol essenzjali tiegħu ta’ uffiċjal tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq. |
|
27 |
Għal dak li jirrigwarda t-talba għal sostituzzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 78 tad-digriet appellat li, fil-każ fejn il-persuna li titlob għal sostituzzjoni tkun strettament marbuta mar-rikorrent, it-talba għal sostituzzjoni titlef ir-rilevanza kollha ladarba r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba irregolarità fir-rappreżentanza tar-rikorrent. |
|
28 |
Fil-punt 80 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet għal rappreżentanza konformement mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea japplikaw ukoll fil-kuntest ta’ talba għal sostituzzjoni, S., li kien iffirma t-talba għal sostituzzjoni, ma kienx avukat indipendenti fil-konfront ta’ PC, peress li l-amministratur ta’ PC kien PJ. |
|
29 |
Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 81 tad-digriet appellat, li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għas-sostituzzjoni. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑appellanti
|
30 |
Fid‑9 u fl‑10 ta’ Awwissu 2018, PJ u PC ippreżentaw appell kull wieħed mid-digriet appellat. |
|
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Novembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni taż-żewġ kawżi sakemm tingħata s-sentenza fil-kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P). |
|
32 |
Fl‑4 ta’ Frar 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73). |
|
33 |
Il-proċedura reġgħet bdiet bid-deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2020. |
|
34 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2021, ġie deċiż li ż-żewġ appelli jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza. |
|
35 |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑529/18 P, PJ jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
36 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑531/18 P, PC titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
37 |
Fiż-żewġ kawżi, l-EUIPO kif ukoll Erdmann & Rossi jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appelli
|
38 |
Insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑529/18 P, PJ jinvoka tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
39 |
Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑531/18 P, PC tqajjem ukoll tliet aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq konstatazzjoni żbaljata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni, fuq ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
40 |
Fid-dawl tal-konnessjoni kkonstatata bejn, minn naħa, l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑529/18 P u, min-naħa l-oħra, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑531/18 P, dawn l-aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien. |
Fuq l‑ewwel u t‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑529/18 P kif ukoll fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑531/18 P
L‑argumenti tal‑partijiet
|
41 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu fil-Kawża C‑529/18 P, ibbażat fuq ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, PJ jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-obbligu impost fuq il-partijiet mhux ipprivileġġati li jkunu rrappreżentati minn avukat. |
|
42 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni wiesgħa wisq tar-rekwiżiti dwar l-indipendenza tal-avukat, interpretazzjoni li la hija ġġustifikata mill-formulazzjoni u lanqas mis-sens tal-imsemmi Artikolu 19 u li ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-interpretazzjoni hija totalment imprevedibbli u tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
43 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, PJ isostni li, meta rikorrent ikun persuna fiżika, is-sempliċi fatt li l-avukat imqabbad minnu jkun persuna fiżika oħra huwa biżżejjed sabiex jissodisfa l-iskop tat‑tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
44 |
PJ ifakkar li r-rekwiżit ta’ rappreżentanza minn terz indipendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa intiż, minn naħa, li jiġi prekluż li l-partijiet privati jaġixxu huma stess fi proċeduri ġudizzjarji mingħajr ma jirrikorru għal intermedjarju u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li jkun suffiċjentement distanti mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta. |
|
45 |
Fit-tieni lok, PJ iqis li, anki jekk f’din il-kawża jiġi applikat il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-indipendenza tal-avukat użat fil-konfront tal-persuni ġuridiċi, ma teżisti l-ebda bażi għal interpretazzjoni daqshekk wiesgħa bħal dik adottata mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar l-avukati tal-kumpanniji u eċċediet il-limiti tas-sitwazzjonijiet li jaffettwaw l-indipendenza tal-avukat, sa fejn is-sempliċi eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn l-avukat u l-klijent tiegħu ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ indipendenza. |
|
46 |
Is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma hijiex paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553), li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fid-digriet appellat. Fil-fatt, l-interessi ta’ PJ bħala imprenditur u proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ma huma bl-ebda mod identiċi u lanqas ma jitħalltu ma’ dawk tal-uffiċċju ta’ avukati Z, li fih jipprattika S. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda riskju li S. ma jkunx f’pożizzjoni li jirregola kunflitti eventwali bejn il-funzjoni tiegħu ta’ uffiċjal tal-ġustizzja u l-interessi ta’ PJ, peress li r-regoli professjonali għandhom preċiżament l-iskop li jipprevjenu tali kunflitti. Barra minn hekk, PJ ma għandu ebda mezz sabiex jagħti direttivi lil S., peress li l-uffiċċju ta’ avukati Z kien immexxi, fuq bażi ta’ kuljum, mis-soċju l-ieħor u peress li d-deċiżjonijiet importanti kollha jittieħdu bl-unanimità. |
|
47 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, PJ jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat il-fatti fil-kuntest tal-applikazzjoni tat‑tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-konstatazzjonijiet dwar l-assenza ta’ indipendenza ta’ S. huma bbażati fuq preżunzjonijiet li ma humiex attestati mill-fatti. Fil-fatt, il-konklużjoni misluta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tad-digriet appellat, dwar id-diffikultajiet li kellu S. sabiex jirrimedja għal tensjonijiet possibbli bejn l-obbligi professjonali tiegħu u l-għanijiet imfittxija mill-klijent tiegħu, bl-ebda mod ma hija sostnuta. |
|
48 |
Erdmann & Rossi tikkontesta l-fatti allegati minn PJ f’dak li jikkonċerna s-setgħat ta’ dan tal-aħħar fi ħdan l-uffiċċju ta’ avukati Z u l-indipendenza ta’ S. Hija tqis li l-kundizzjoni tal-indipendenza msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi sodisfatta bis-sempliċi osservanza tar-regoli professjonali Ġermaniżi, peress li l-kunċett ta’ “avukat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Hija tqis li, f’dan il-każ, il-kriterju ta’ indipendenza ma ġiex osservat, peress li PJ ma qabbadx lil S. iżda lill-uffiċċju ta’ avukati Z fil-forma tiegħu ta’ kumpannija professjonali ċivili. Issa, fil-kuntest tat‑tmexxija tal-proċess, l-assoċjazzjoni professjonali taġixxi permezz tas-soċji tagħha u tar-rappreżentanti tagħha, b’tali mod li jkun hemm identiċità bejn il-mandant u l-mandatarju. |
|
49 |
L-EUIPO jippreċiża, qabelxejn, li, fil-kuntest tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa minn Erdmann & Rossi, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li PJ kien b’mod ċar in mala fide sa fejn talab, għad-detriment tal-ex klijent tiegħu, ir-reġistrazzjoni tas-sinjal f’ismu li din tal-aħħar kienet fdatlu. Skont il-Bord tal-Appell, dan l-aġir ma huwiex kompatibbli mal-obbligi kuntrattwali u postkuntrattwali li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ PJ mal-klijenta tiegħu. |
|
50 |
L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett iż-żewġ kriterji ddefiniti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li r-rappreżentant għandu jkun terz u li dan it-terz ikun avukat. |
|
51 |
Għalkemm l-EUIPO jammetti li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat bħala impjegat jista’ jkun konformi mar-regoli tal-etika, huwa jqis madankollu li l-indipendenza meħtieġa mill-avukat impjegat hija nieqsa fil-każ fejn il-klijent ikun il-persuna li timpjega lil dan l-avukat, peress li dan tal-aħħar jista’ jsolvi inqas faċilment kunflitti eventwali bejn l-obbligi professjonali tiegħu u l-għanijiet tal-persuna li timpjegah. Dan ikun ukoll il-każ meta l-persuna li timpjega tkun persuna ġuridika distinta mill-persuna fiżika tal-klijent, iżda dan ikun soċju ta’ din il-persuna ġuridika, għaliex, mill-perspettiva fattwali, id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-persuni fiżiċi, speċjalment meta dawn tal-aħħar jaġixxu b’mod kuntrarju għar-regoli tal-etika. |
|
52 |
Barra minn hekk, l-EUIPO jqis li r-relazzjoni bejn soċju u avukat membru tal-uffiċċju ta’ avukati hija paragunabbli mar-relazzjoni ma’ avukat ta’ kumpannija. Għalkemm avukat li jaħdem bħala kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati jista’ jkun indipendenti fl-osservanza tar-regoli tal-etika meta huwa jirrappreżenta klijenti terzi fir-rigward tal-imsemmi uffiċċju, din l-indipendenza ma tibqax teżisti meta jkun hemm lok li jiġi rrappreżentat soċju tal-uffiċċju li fih ikun jaħdem ukoll dan l-avukat, speċjalment meta dan is-soċju jkun ġerarkikament superjuri għal dan tal-aħħar. |
|
53 |
L-EUIPO jikkonkludi li, fil-kawżi fejn ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg jew forma oħra ta’ dipendenza li tista’ tipprekludi rappreżentanza fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jsir eżami każ b’każ. Issa, tali eżami huwa kwistjoni ta’ fatt li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
54 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, dwar allegat żnaturament tal-fatti, l-EUIPO jqis li PJ jitlob, fir-realtà, evalwazzjoni ġdida tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
55 |
Preliminarjament, fir-rigward tal-argumenti tal-EUIPO bbażati fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni motivi fil-kawża C‑529/18 P, minħabba li dawn jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ fatt, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 47). |
|
56 |
F’dan il-każ, sabiex issir evalwazzjoni tan-natura tar-relazzjoni bejn PJ u r-rappreżentant tiegħu, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi ta’ natura fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
57 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO għandha tiġi miċħuda. |
|
58 |
Fuq il-mertu, għandu jitfakkar, għal dak li jikkonċerna r-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni ta’ parti mhux imsemmija fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li t-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan l-Istatut, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 56 tal-imsemmi Statut, jipprevedi żewġ kundizzjonijiet distinti u kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel waħda, li l-partijiet mhux imsemmija mill-ewwel żewġ paragrafi tal-imsemmi Artikolu 19 għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat u, it-tieni waħda, li avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea biss jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, mill-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ din il-kundizzjoni għandhom jiġu interpretati b’riferiment għad-dritt nazzjonali kkonċernat. F’dan il-każ, ma ġiex ikkontestat li l-imsemmija kundizzjoni kienet ġiet osservata mill-avukat li jirrappreżenta lil PJ fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza. |
|
60 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, dwar il-kunċett ta’ “avukat”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ riferiment mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan tagħha (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
F’dan ir-rigward, u hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 52 tad-digriet appellat, mill-kliem tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari mill-użu tat‑terminu “rappreżentati”, jirriżulta li “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun xi tkun il-kwalità tagħha, ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess quddiem qorti tal-Unjoni, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terz. Għalhekk, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu ma tistax tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors, u dan anki jekk ir-rikorrent ikun avukat awtorizzat jidher quddiem qorti nazzjonali (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 58 u 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li jidħol fih it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li minnu jirriżulta espliċitament li r-rappreżentanza legali ta’ parti mhux koperta mill-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-artikolu tista’ ssir biss minn avukat, filwaqt li l-partijiet imsemmija f’dawn l-ewwel żewġ paragrafi jistgħu jiġu rrappreżentati minn aġent li, jekk ikun il-każ, jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 60). |
|
63 |
L-imsemmija konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-rappreżentanza, minn avukat, tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li huwa, minn naħa, li jipprekludi li l-partijiet privati jaġixxu huma stess fi proċeduri ġudizzjarji mingħajr ma jirrikorru għal intermedjarju u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li jkun suffiċjentement distanti mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għan tal-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat kif imsemmi fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa eżerċitat fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa qabel kollox li jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant, b’indipendenza sħiħa kif ukoll fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 62). |
|
65 |
Huwa minnu li l-kunċett ta’ “indipendenza” tal-avukat ġie inizjalment applikat fil-kuntest tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, fejn il-ġurisprudenza, hekk kif imsemmija fil-punti 53 u 63 tad-digriet appellat, ippreċiżat f’dan ir-rigward li l-avukat huwa uffiċjal tal-ġustizzja msejjaħ sabiex jipprovdi, fl-interess superjuri tagħha, assistenza legali lill-klijent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42). Madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tifsira ta’ dan il-kunċett żviluppat fil-qasam tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni, fejn il-kriterju predominanti użat f’dan ir-rigward issa huwa l-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent, fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 62). |
|
66 |
Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ indipendenza huwa ddefinit mhux biss b’mod negattiv, jiġifieri bl-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, iżda wkoll b’mod pożittiv, jiġifieri b’riferiment għad-dixxiplina professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Kif ippreċiżat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tad-digriet appellat, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jimplika neċessarjament l-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. |
|
68 |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tad-digriet appellat, dan ir-raġunament japplika bl-istess saħħa f’sitwazzjoni fejn avukat ikun impjegat minn entità konnessa mal-parti li huwa jirrappreżenta (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25). |
|
69 |
Fir-rigward tad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ “indipendenza” mitluba mill-avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat espressament li din l-indipendenza għandha tinftiehem bħala l-assenza mhux ta’ kwalunkwe rabta tal-avukat mal-klijent tiegħu, iżda biss ta’ dawk li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tiegħu li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 62 sa 64). |
|
70 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel u tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑529/18 P kif ukoll tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑531/18 P. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 54 u 55 tad-digriet appellat, li, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-avukat, is-sitwazzjoni ta’ avukat li jkun marbut b’kuntratt irregolat mid-dritt ċivili mal-appellant għandha tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg, li timplika l-assenza ta’ indipendenza tal-avukat. |
|
72 |
Madankollu, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi eżistenza ta’ kwalunkwe rabta kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili bejn avukat u l-klijent tiegħu hija insuffiċjenti sabiex jitqies li dan l-avukat jinsab f’sitwazzjoni li manifestament tippreġudika l-kapaċità tiegħu li jiddefendi l-interessi tal-klijent tiegħu filwaqt li josserva l-kriterju ta’ indipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 66 u 67). |
|
73 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ indipendenza fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta ddeċidiet, fil-punt 57 tad-digriet appellat, li r-rekwiżit li persuna tkun irrappreżentata minn terz indipendenti ma jistax jinftiehem bħala rekwiżit intiż biss li jeskludi rappreżentanza minn impjegati tal-mandant jew minn dawk li huma ekonomikament dipendenti fuq dan tal-aħħar, iżda li dan jikkostitwixxi rekwiżit iktar ġenerali li l-osservanza tiegħu għandha tiġi eżaminata każ b’każ. |
|
74 |
Fil-fatt, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat, ir-rekwiżit ta’ indipendenza impost mid-dritt tal-Unjoni fuq ir-rappreżentanti tal-partijiet mhux ipprivileġġati għandu jiġi interpretat b’mod li jillimita l-każijiet ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas fil-missjoni ta’ rappreżentanza għall-każijiet fejn jidher manifestament li l-avukat ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi miċħud fl-interess ta’ dan tal-aħħar. |
|
75 |
Madankollu għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra ta’ dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li PJ, li huwa avukat u li jeżerċita b’mod parallel attività fil-qasam tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ trade marks, ta mandat lill-uffiċċju ta’ avukati Z, kumpannija ċivili professjonali li tagħha huwa wieħed miż-żewġ soċji kofundaturi, sabiex jiżgura r-rappreżentanza tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja relatata ma’ trade mark li huwa proprjetarju tagħha, u li S., avukat li jeżerċita fl-imsemmi uffiċċju bħala kollaboratur, ġie inkarigat minn din ir-rappreżentanza. |
|
77 |
Wara li analizzat, fil-punti 62 u 63 tad-digriet appellat, l-istruttura tal-uffiċċju ta’ avukati Z u l-proċess deċiżjonali fi ħdanu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 63 ta’ dan id-digriet, li PJ kien jeżerċita kontroll effettiv fuq id-deċiżjonijiet tal-uffiċċju li jikkonċernaw lil S., u li dan il-fatt kellu l-effett li S., minkejja li kien suġġett għar-regoli professjonali tal-professjoni ta’ avukat, ma kellux fir-rigward ta’ PJ l-istess grad ta’ indipendenza bħal avukat li jipprattika f’uffiċċju ta’ avukati differenti minn dik li tiegħu l-klijent tiegħu huwa soċju. |
|
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-relazzjoni li tgħaqqad lil S. mal-uffiċċju ta’ avukati Z, jew saħansitra ma’ PJ fil-kwalità tiegħu ta’ soċju ta’ dan l-uffiċċju, ma tistax ex officio tiġi kklassifikata bħala relazzjoni ta’ impjieg li timplika l-assenza ta’ kull indipendenza kif jirriżulta mill-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza. |
|
79 |
Fil-fatt, huwa magħruf li l-professjoni ta’ avukat tista’ tiġi eżerċitata taħt forom differenti, li jistgħu jvarjaw mill-avukat individwali għall-uffiċċji internazzjonali l-kbar. Huma l-avukati li jassoċjaw ruħhom li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-kollaborazzjoni tagħhom u r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom jistgħu saħansitra jieħdu forma ta’ pagi, sa fejn il-liġi, ir-regoli professjonali nazzjonali u r-regoli tal-etika applikabbli jippermettu dan. Issa, għandu jiġi preżunt li avukat kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati, anki jekk jeżerċita l-professjoni tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, jissodisfa l-istess rekwiżiti ta’ indipendenza bħal avukat li jeżerċita individwalment jew bħala soċju f’uffiċċju ta’ avukati. |
|
80 |
Madankollu, jekk avukat kollaboratur f’uffiċċju ta’ avukati huwa preżunt li jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-każ fejn jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol jew fil-kuntest ta’ relazzjoni subordinata oħra, għandha ssir distinzjoni skont is-sitwazzjoni tal-klijent irrappreżentat. |
|
81 |
Fil-fatt, filwaqt li s-sitwazzjoni li fiha l-klijent ikun persuna fiżika jew ġuridika terza fir-rigward tal-uffiċċju ta’ avukati li fih ikun jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu l-kollaboratur inkwistjoni ma tqajjimx problemi ta’ indipendenza partikolari fir-rigward tiegħu, l-istess ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-klijent, persuna fiżika, jkun huwa nnifsu soċju u membru fundatur tal-uffiċċju ta’ avukati u jista’, minħabba f’hekk, jeżerċita kontroll effettiv fuq il-kollaboratur. F’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jitqies li r-rabtiet li jeżistu bejn l-avukat kkollaboratur u s-soċju klijent huma tali li jippreġudikaw manifestament l-indipendenza tal-avukat. |
|
82 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u b’sostituzzjoni tal-motivi, l-ewwel u t‑tieni aggravju tal-appell fil-Kawża C‑529/18 P kif ukoll it-tieni aggravju fil-Kawża C‑531/18 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq it‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑529/18 P u fuq it‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑531/18 P
L‑argumenti tal‑partijiet
|
83 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu fil-Kawża C‑529/18 P, ibbażat fuq ksur tal-ewwel u tat‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, PJ isostni li l-interpretazzjoni wiesgħa li l-Qorti Ġenerali għamlet għandha riperkussjonijiet importanti mhux biss fuq l-eżerċizzju liberu tal-professjoni ta’ avukat fl-Ewropa, iżda wkoll fuq id-drittijiet fundamentali tal-partijiet fil-kawża li jiġu mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-argument li fuqu tibbaża ruħha PC fil-kutest tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑531/18 P huwa, essenzjalment, identiku. |
|
84 |
PJ isostni li d-digriet ikkontestat jippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn dan id-dritt jimplika aċċess effettiv għall-qrati. PJ jispjega f’dan ir-rigward li, kieku l-Qorti Ġenerali kienet informatu fi żmien xieraq bl-eżistenza ta’ eventwali irregolarità li tivvizzja r-rappreżentanza legali, kien ikun possibbli għalih li jinkariga avukat ieħor fit-termini stabbiliti. |
|
85 |
Kemm Erdmann & Rossi kif ukoll l-EUIPO jqisu li, f’dan il-każ, ma jeżisti ebda ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
86 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li issa huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ persuna fiżika bħal PJ, proprjetarja ta’ trade mark li kienet is-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija żgurata mid-dritt li għandha din il-persuna li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ kanċellazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO. |
|
88 |
Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltajiet ta’ regolarizzazzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedu l-possibbiltà li jiġi rregolarizzat rikors li ma josservax ċerti rekwiżiti formali, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ma jinsabx fost in-numru tar-rekwiżiti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ dan l-Istatut u mal-Artikolu 44(6) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li fil-frattemp sar l-Artikolu 78(6) tal-imsemmi regolament (digrieti tas‑27 ta’ Novembru 2007, Diy-Mar Insaat Sanayi ve Ticaret u Akar vs Il‑Kummissjoni, C‑163/07 P, EU:C:2007:717, punt 26, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia vs Il‑Kummissjoni, C‑363/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:99, punt 34), |
|
89 |
Huwa minnu li, skont l-Artikolu 55(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa possibbli li jinħatar rappreżentant ġdid ta’ parti meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li teskludi lil dak li jkun inħatar inizjalment minħabba li tqis li l-aġir tiegħu huwa, kif jipprevedi l-Artikolu 55(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, inkompatibbli mad-dinjità tal-Qorti Ġenerali jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
90 |
Madankollu, f’każ bħal dak irrilevat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, ebda dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jew tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tobbliga attwalment lill-Qorti Ġenerali jew lill-Qorti tal-Ġustizzja tinforma lill-awtur ta’ rikors u lanqas li tqiegħdu f’pożizzjoni li jipproċedi bil-ħatra ta’ rappreżentant ġdid matul il-proċedura. |
|
91 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t‑tielet aggravju fil-Kawża C‑529/18 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑531/18 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑531/18 P
L‑argumenti tal‑partijiet
|
92 |
Permezz tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑531/18 P, PC tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal sostituzzjoni favur PC. |
|
93 |
Erdmann & Rossi u l-EUIPO jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud. |
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
94 |
Peress li l-legalità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ippreżentat minn PJ bħala inammissibbli, minħabba irregolarità fir-rappreżentanza legali ta’ dan tal-aħħar, ġiet ikkonfermata b’din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li t‑talba għal sostituzzjoni tilfet kull rilevanza u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba. |
|
95 |
L-ewwel aggravju fil-Kawża C‑531/18 P għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll. |
|
96 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l‑ispejjeż
|
97 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
98 |
F’dan il-każ, peress li PJ u PC tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif mitlub minn Erdmann & Rossi u mill-EUIPO. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-Kawża: il-Ġermaniż.