Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 62017TJ0273

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Lulju 2018.
Alessandro Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Allowance tal-espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Perijodu deċennali ta’ referenza – Nazzjonalità tal-Istat ta’ impjieg – Residenza fl-Istat ta’ impjieg – Dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali – Kuntratt ta’ xogħol temporanju.
Kawża T-273/17.

Идентификатор ECLI: ECLI:EU:T:2018:480

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Allowance tal‑espatrijazzjoni – Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Perijodu deċennali ta’ referenza – Nazzjonalità tal-Istat ta’ impjieg – Residenza fl-Istat ta’ impjieg – Dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali – Kuntratt ta’ xogħol temporanju”

Fil-Kawża T‑273/17,

Alessandro Quadri di Cardano, membru tal-persunal bil-kuntratt tal‑Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA), residenti f’Alicante (Spanja), irrappreżentat inizjalment minn N. de Montigny u J.‑N. Louis, u sussegwentement minn N. de Montigny, avukati,

ir-rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn T. Bohr u M. Mensi, u sussegwentement minn T. Bohr u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall‑annullament tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni, inkwantu rrifjutat l-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni lir-rikorrent meta beda jaħdem mal-INEA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin u M. J. Costeira (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Dettalji personali tar-rikorrent

1

Ir-rikorrent, Alessandro Quadri di Cardano, twieled fid‑19 ta’ April 1980 f’Bologna (l-Italja), minn missier Taljan u omm Belġjana, u għandu nazzjonalità doppja Taljana u Belġjana.

2

Ir-rikorrent kien residenti fl-Italja sal‑2006, fejn spiċċa l-istudji primarji, sekondarji u universitarji tiegħu.

3

Mit‑13 ta’ Settembru 2006 sat‑22 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent għamel kors ta’ Master fil-Collège d’Europe, fi Bruges (il-Belġju).

4

Mill‑21 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrent kien irreġistrat mal-konsulat Taljan, fi Brussell (il-Belġju). Fis‑6 ta’ Diċembru 2008, iżżewweġ, fi Brussell, ċittadina Belġjana, residenti fi Brussell, u magħha kellu tliet ulied, imwielda fi Brussell fl‑2010, 2013 u 2015. Il-konjuġi tar-rikorrent kellha attività fi Brussell. Mit‑18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent kien inkluż fir-reġistru tal-popolazzjoni ta’ Schaerbeek (il-Belġju).

Il-karriera professjonali tar-rikorrent

5

Mit‑2 ta’ Mejju sat‑28 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrent għamel perijodu ta’ prova fi Brussell fl-Uffiċċju ta’ Rappreżentanza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige (il-Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano-Alto-Adige, l-Italja).

6

Ir-rikorrent ħadem mal-Parlament Ewropew mill‑4 ta’ Settembru 2007 sas‑27 ta’ Awwissu 2008, bħala uffiċjal bi prova, imbagħad mit‑28 ta’ Awwissu 2008 sal‑31 ta’ Lulju 2009, bħala assistent parlamentari.

7

Mill‑1 ta’ Awwissu 2009 sal‑31 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent ħadem mal‑Parlament bħala assistent parlamentari akkreditat.

8

Mill‑1 ta’ Frar 2010 sal‑31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent ġie ingaġġat mill‑Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riċerka u Innovazzjoni”. Ir-rikorrent għamel il-perijodu massimu ta’ tliet snin f’din il-kariga ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, skont ir-regoli fis-seħħ f’dik id-data.

9

Isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt proposti għal kuntratt ta’ xogħol temporanju fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”.

10

Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2012, id-Direttur tad-Direttorat R tad-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” informa lir-rikorrent li seta’ jiġi offrut kuntratt ta’ xogħol temporanju, mill‑1 ta’ Frar 2013, għal perijodu inizjali ta’ sitt xhur (b’pawża fix-xahar ta’ Awwissu).

11

Fid‑29 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent ħoloq profil mal-kumpannija R. u ffirma l-ewwel kuntratt ta’ xogħol temporanju tiegħu ma’ din il‑kumpannija.

12

Il-kuntratti ta’ xogħol temporanju konklużi bejn ir-rikorrent u l‑kumpannija R. ikopru perijodu inizjali mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013, imbagħad perijodu ieħor mill‑1 sat‑13 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il‑“perijodu ta’ xogħol temporanju”).

13

Matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, ir-rikorrent ħadem bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”.

14

Matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, ir-rikorrent ipparteċipa f’numru ta’ taħriġ offruti lill-persunal tal-Kummissjoni.

15

Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrent ibbenefika minn benefiċċji tal-qgħad Ewropew, wara li ġie eskluż mill-benefiċċju tal-qgħad Belġjan.

16

Bejn l‑2012 u l‑2013, ir-rikorrent applika ma’ diversi istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni, li jinsabu barra mill-Belġju.

17

Il-Kap tad-Diviżjoni R.1 tad-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” ħareġ dikjarazzjoni, iddatata 5 ta’ Ottubru 2016, li tiddikjara li r-rikorrent kien ingaġġat mill-Kummissjoni fid-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” u assenjat mad-Diviżjoni RTD.B2, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għall‑perijodu mill‑1 ta’ Frar 2010 sal‑31 ta’ Jannar 2013 u bħala membru tal-persunal temporanju matul il-perijodi mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013 u mill‑1 sat‑13 ta’ Settembru 2013.

18

Mis‑16 ta’ Settembru 2013 sal‑15 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent ħadem mal-Parlament bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

19

Mis‑16 ta’ Mejju 2014 sal‑15 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ħadem mal‑Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME), bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

20

Fis‑16 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ġie ingaġġat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA).

Id-deċiżjoni kkontestata u deċiżjonijiet oħra dwar l-allowance tal‑espatrijazzjoni

21

Għall-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2009 sal‑31 ta’ Jannar 2010, fil-kuntest tal-kuntratt mal-Parlament bħala assistent parlamentari akkreditat imsemmi fil-punt 7 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irċieva allowance tal‑espatrijazzjoni skont l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal‑Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir‑“Regolamenti tal-Persunal”).

22

Fit‑28 ta’ Ottubru 2010, il-post ta’ oriġini tar-rikorrent ġie stabbilit f’Bologna, b’effett mill‑1 ta’ Frar 2010.

23

Għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Frar 2010 sal‑31 ta’ Jannar 2013, fil-kuntest tal‑kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”, imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irċieva allowance tal-espatrijazzjoni.

24

Għall-perijodu mis‑16 ta’ Settembru 2013 sal‑15 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Parlament, imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma ngħatax allowance tal‑espatrijazzjoni b’deċiżjoni tal-Parlament tal‑24 ta’ Ottubru 2013. Ir‑rikorrent ma ppreżentax rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal‑Parlament li ċaħdet l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni li ma tagħtux allowance tal-espatrijazzjoni.

25

Għall-perijodu mis‑16 ta’ Mejju 2014 sal‑15 ta’ Lulju 2016, fil-kuntest tal‑kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mal-EASME, imsemmi fil-punt 19 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irċieva allowance tal-espatrijazzjoni.

26

Għall-perijodu li beda mis‑16 ta’ Lulju 2016, fil-qafas tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mal-INEA, imsemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma ngħatax allowance tal-espatrijazzjoni b’deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

27

Fis‑17 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrent ressaq, skont l-Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal, ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

28

B’deċiżjoni tat‑3 ta’ Frar 2017, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni ċaħdet l-ilment minħabba li, essenzjalment, ir-rikorrent, li waħda min‑nazzjonalitajiet tiegħu kienet Belġjana, ma jistax jitqies li ma żammx jew li ma stabbilixxiex rabta mal-Belġju matul il-perijodu ta’ referenza skont l‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, matul dan il-perijodu, mill‑15 ta’ Lulju 2006 sal‑15 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent kien għażel id-domiċilju tiegħu fi Brussell, fejn kien iżżewweġ u kellu tlett itfal. Barra minn hekk, matul perijodu ta’ sitt xhur u ġimagħtejn, bejn Frar u Settembru 2013, ir‑rikorrent eżerċita attivitajiet professjonali privati fi Brussell bħala membru tal-persunal temporanju, u dan il-perijodu ta’ xogħol ma jistax jitqies bħala servizz imwettaq f’organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, matul il-perijodu tax-xahar ta’ Awwissu 2013, li matulu r-rikorrent kien qed jirreġistra, dan tal-aħħar ma stabbilixxiex li r-residenza abitwali tiegħu kienet barra l-Belġju.

29

Fit‑28 ta’ Frar 2017, il-PMO ħa deċiżjoni, minħabba ammonti mħallsa indebitament, li jirkupra l-allowance tal-espatrijazzjoni msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, imħallsa lir-rikorrent fil-kuntest tal‑kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt mal-EASME.

Proposta ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju għal ċerti membri tal‑persunal bil-kuntratt

30

Fit‑30 ta’ Mejju 2012, il-Viċi President tal-Kummissjoni bagħat nota lill‑organizzazzjonijiet sindakali u professjonali rappreżentattivi rigward b’mod partikolari l-proċess leġiżlattiv ta’ emendi tar-Regolamenti tal‑Persunal li kien qed isir u “d-dispożizzjonijiet tranżitorji li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-membri tal-persunal li jagħmlu l-perijodu massimu ta’ servizz fi ħdan il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin”. F’dan ir‑rigward, in-nota kienet issemmi b’mod partikolari, minn naħa, “l-impossibbiltà ta’ deroga mir-Regolament tal-Persunal fis-seħħ” u, min‑naħa l‑oħra, li s-servizzi kellhom jitfakkru li “l-krediti tal-pakkett globali [setgħu] jservu wkoll sabiex jiffinanzjaw kuntratti temporanji bl-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli”.

31

Permezz ta’ nota tas‑16 ta’ Ottubru 2012, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” informa lid-diretturi ta’ dan id-direttorat li, sakemm jintlaħaq ftehim politiku komplet fuq ir-Regolamenti tal‑Persunal, kien issuġġerit li tiġi offruta kariga temporanja lil ċerti membri tal-persunal bil-kuntratt li l-kuntratti tagħhom kienu jintemmu matul l-ewwel semestru 2013 u li xogħolhom kien kruċjali għall‑funzjonament tajjeb tad-DĠ.

32

Matul is-snin 2012 u 2013, il-Kummissjoni ppreparat diversi talbiet ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju, inkluż dak tar-rikorrent.

Proċedura u talbiet tal-partijiet

33

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

34

Fis‑17 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

35

Fis‑7 ta’ Settembru u fit‑18 ta’ Ottubru 2017, ġew ippreżentati r-replika u l-kontroreplika rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

36

Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ April 2018.

37

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

39

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrrent iqajjem erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, il-ksur tad-dispożizzjonijiet legali Belġjani fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju u użu ħażin tal‑liġi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter u abbuż ta’ poter. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ drittijiet kweżiti.

40

Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina l-ewwel u t-tielet motiv flimkien.

Fuq l-ewwel u t-tielet motiv, ibbażati fuq żball ta’ liġi, il-ksur tad‑dispożizzjonijiet Belġjani fil-qasam tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju, użu ħażin tal-liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipiju ta’ amministrazzjoni tajba

41

Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, bil-ksur tad‑dispożizzjonijiet legali Belġjani fil-qasam ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju, b’użu ħażin tal-liġi, bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

42

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Barra minn hekk, fil-kontroreplika, fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kummissjoni tqajjem l‑inammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

43

L-ewwel u t-tielet motiv jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-kalkolu tal-perijodu deċennali ta’ referenza. It-tieni parti tirrigwarda d-definizzjoni tax-xogħol tar-rikorrent matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju bħala li ma kienx jinvolvi l-eżerċizzju ta’ dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tielet parti tirrigwarda r-residenza abitwali tar-rikorrent matul il-perijodu deċennali ta’ referenza.

44

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 69 tar‑Regolamenti tal-Persunal għandha l-għan li tikkumpensa l-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw meta l-uffiċjali jingħataw dmirijiet fl-Unjoni li, minħabba f’hekk, huma obbligati li jittrasferixxu r-residenza tagħhom mill-Istat ta’ domiċilju tagħhom għall-Istat ta’ impjieg u li jintegraw ruħhom f’ambjent ġdid. Il-kunċett ta’ espatrijazzjoni jiddependi wkoll mis-sitwazzjoni suġġettiva tal‑uffiċjal, jiġifieri mil-livell ta’ integrazzjoni tiegħu fl-ambjent il-ġdid li jirriżulta, pereżempju, mir-residenza abitwali tiegħu jew mill‑eżerċizzju ta’ attività professjonali prinċipali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, EU:C:2008:34, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

45

Għandu jitfakkar ukoll li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ allowance tal‑espatrijazzjoni, iddefiniti fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal, huma applikabbli għall-membri tal‑persunal temporanju u għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, bis‑saħħa, rispettivament, tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal‑Artikolu 92 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

46

Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li għandu jew li kellu n‑nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu għandu juri li huwa kien joqgħod, b’mod abitwali, matul il‑perijodu ta’ għaxar snin li jiskadi fid-data tad-dħul tiegħu fis-servizz, barra mit-territorju Ewropew tal-imsemmi Stat għal raġuni differenti minn dik tal-eżerċizzju ta’ dmirijiet f’servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali.

47

Barra minn hekk, għall-uffiċjali li għandhom in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, il-fatt li jkunu żammew jew stabbilixxew fih ir‑residenza abitwali tagħhom, anki jekk sempliċement għal perijodu qasir ferm matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, huwa biżżejjed sabiex iwassal għat-telf jew għar-rifjut tal-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2015, CESE vs Achab, T‑430/13 P, EU:T:2015:122, punt 54).

48

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ residenza abitwali, dan ġie interpretat b’mod stabbilit mill-ġurisprudenza bħala l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bil-ħsieb li tagħmel dan b’mod stabbli, iċ‑ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ residenza jimplika, indipendentament mill-informazzjoni purament kwantitattiva ta’ perijodu ta’ żmien li l-persuna għamlet fit‑territorju ta’ pajjiż jew ieħor, minbarra l-fatt fiżiku li tibqa’ f’ċertu post, l-intenzjoni li dan il-fatt ikun stabbli sabiex jirriżulta f’abitudni ta’ ħajja u ta’ żvolġiment ta’ relazzjonijiet soċjali normali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2007, F vs Il‑Kummissjoni, T‑324/04, EU:T:2007:140, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ tal-eċċezzjoni prevista fl‑Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, it‑twettiq ta’ servizzi għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali jwassal għaż-żamma ta’ rabta speċifika tal-persuna kkonċernata ma’ dan l-Istat l-ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, u b’hekk joħloq ostakolu għall-ħolqien ta’ rabta fit-tul mal-Istat ta’ impjieg u b’hekk għall-integrazzjoni suffiċjenti tal-imsemmija persuna kkonċernata fis-soċjetà ta’ dan l-aħħar Stat. Peress li huwa s-servizz imwettaq fi ħdan Stat jew organizzazzjoni internazzjonali li huwa preżunt li jipprekludi l-ħolqien ta’ rabtiet fit-tul bejn il-persuna kkonċernata u l-pajjiż ta’ impjieg, tali preżunzjoni hija valida wkoll fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, irrispettivament mill-fatt li l-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet huma differenti. Għalhekk, waqt il-kalkolu tal-perijodu deċennali ta’ referenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata eżerċitat dmirijiet fi ħdan Stat jew organizzazzjoni internazzjonali. Fil-fatt, approċċ li jwassal sabiex, fir‑rigward tad-delimitazzjoni tal-imsemmi perijodu, ma jkun hemm l-ebda konsegwenzza mill-fatt li jkun sar xogħol għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali, jinterpreta b’mod żbaljat il-kliem kif ukoll l-għan tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal‑Persunal, peress li jwassal, fir-realtà, għall-assimilazzjoni ta’ tali xogħol ma’ xogħol li sar ma’ kwalunkwe persuna oħra li timpjega (ara s‑sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, T‑86/13 P, EU:T:2014:815, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “organizzazzjoni internazzjonali”, għandu jitfakkar li l-attivitajiet eżerċitati fi ħdan istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-Unjoni jitqiesu bħala servizzi mogħtija lil organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal‑Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, T‑86/13 P, EU:T:2014:815, punti 3334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Finalment, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, huwa l-uffiċjal ikkonċernat li għandu juri li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma ssodisfatti (ara s‑sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2014, Jelenkowska-Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑114/12, EU:F:2014:3, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Huwa fid-dawl tal-qafas legali u ġurisprudenzjali spjegat iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat il-mertu tal-argumenti tar-rikorrent fil-kuntest tal‑ewwel u tat-tielet motiv.

Fuq l-ewwel parti, rigward il-kalkolu tal-perijodu ta’ referenza

53

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel u tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet b’mod żbaljat il‑perijodu deċennali ta’ referenza bejn l‑2006 u l‑2016. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jispjega li ma jikkontestax il-fatt li d-drittijiet tiegħu taħt ir‑Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu stabbiliti mill-ġdid mad-dħul tiegħu fis-servizz mal‑INEA, iżda l-fatt li l-Kummissjoni kkalkolat il‑perijodu deċennali ta’ referenza mingħajr ma naqset il-perijodi li matulhom huwa wettaq dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali u mingħajr ma kien hemm estensjoni analoga tal-perijodu ta’ referenza. Skont ir-rikorrent, il-perijodu deċennali ta’ referenza għandu jkun stabbilit billi jibda jiddekorri fl‑1999 u jiskadi fl‑2009, peress li għandu jitnaqqas il-perijodu mid-dħul tiegħu fis-servizz mal-Parlament (fl-2009) sad-dħul tiegħu fis-servizz mal-INEA (fl‑2016). Fil-fatt, ir-residenza tiegħu fit-territorju Belġjan matul dan il-perijodu kienet, inkluż għall‑perijodu ta’ xogħol temporanju, iġġustifikata mid-dmirijiet tiegħu fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali.

54

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

55

F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent jitlob allowance tal‑espatrijazzjoni mid-data tad-dħul tiegħu fis-servizz mal-INEA, fis‑16 ta’ Lulju 2016. Barra minn hekk, minn elementi fil-proċess jirriżulta li r-rikorrent għandu n-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu, il-Belġju, u n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, l-Italja.

56

Peress li r-rikorrent għandu n-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta’ impjieg tiegħu, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fl-eżempju ta’ membru tal-persunal “li huma jew kienu ċittadini ta’ l-Istat li fit‑territorju jinsab il-post fejn huma impjegati”, previst fl‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

57

Għalhekk, il-perijodu ta’ referenza rilevanti huwa dak previst fl‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri “l-għaxar snin, li jispiċċaw fid-data ta’ meta daħlu fis-servizz”.

58

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontestax li d‑drittijiet individwali tiegħu, inkluż il-benefiċċju tal-allowance tal‑espatrijazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti mad-dħul tiegħu fis‑servizz mal-INEA.

59

Minn dan isegwi li l-punt tal-iskadenza tal-perijodu deċennali ta’ referenza huwa d-data tad-dħul fis-servizz tar-rikorrent mal-INEA.

60

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, għall‑kalkolu tal-perijodu deċennali ta’ referenza ma hemmx lok, f’dan il‑każ li “jitnaqqas” il-perijodu li matulu twettqu dmirijiet f’servizz fi Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali, li jagħti lok għal estensjoni analoga tal-perijodu ta’ referenza.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi spjegat li l-ġurisprudenza, iċċitata fil‑punt 49 iktar ’il fuq, li tipprevedi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm lok li “jitnaqqas”, bħal fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafu(1)(a) tal-imsemmi artikolu, il-perijodu li matulu twettqu dmirijiet f’servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali, li jirriżulta f’estensjoni analoga tal-perijodu ta’ referenza, ma għandhiex tkun trasponibbli f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, T‑86/13 P, EU:T:2014:815, punt 51). Fil-fatt, fil-każ kopert minn din il-ġurisprudenza, it-“tnaqqis” tal-perijodi ta’ servizz f’organizzazzjoni internazzjonali u l-estensjoni analoga tal-perijodu ta’ referenza huma intiżi sabiex jivverifikaw li l-persuna kkonċernata tkun ilha għaxar snin barra mit-territorju Ewropew tal-Istat li tiegħu hija għandha jew kellha n-nazzjonalità mingħajr ma tkun ħadmet matul dawk l-għaxar snin fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2014, Ohrgaard vs Il‑Kummissjoni, F‑151/12, EU:F:2014:8, punti 3638 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tal‑Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma biss il-perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata eżerċitat dmirijiet f’servizz ta’ Stat jew f’organizzazzjoni internazzjonali li jinsabu “barra” mill-Istat ta’ impjieg li jistgħu jiġġustifikaw tnaqqis. Minn dan isegwi li, f’dan il‑każ, għall-kalkolu tal-perijodu deċennali ta’ referenza previst fl‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hemmx lok li jitnaqqsu l-perijodi li matulhom ir-rikorrent eżerċita dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali li tinsab fl-Istat ta’ impjieg li tiegħu għandu n-nazzjonalità u li jiġi estiż b’daqstant il‑perijodu ta’ referenza.

63

Għall-kuntrarju, f’dan il-każ hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju ta’ dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali sabiex tiġi stabbilita r‑residenza abitwali tar-rikorrent, inkwantu huwa preżunt li dan il-fatt jipprekludi l-ħolqien ta’ rabtiet fit-tul bejnu u l-pajjiż ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, T‑86/13 P, EU:T:2014:815, punt 50). Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet parti, li tirrigwarda r-residenza abitwali.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa korrett li l‑Kummissjoni stabbilixxiet il-perijodu deċennali ta’ referenza bejn il‑15 ta’ Lulju 2006 u l‑15 ta’ Lulju 2016, jiġifieri li jiskadi mad-dħul fis-servizz tar‑rikorrent fi ħdan l-INEA u li beda għaxar snin qabel.

Fuq it-tieni parti, dwar id-definizzjoni tax-xogħol tar-rikorrent matul il‑perijodu ta’ xogħol temporanju

65

Bit-tieni parti tal-ewwel u t-tielet motiv, ir-rikorrent jikkontesta d‑definizzjoni tax-xogħol tiegħu matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju bħala li ma huwiex l-eżerċizzju ta’ dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrent, matul dan il-perijodu ta’ xogħol temporanju, kien hemm “rabta ġuridika diretta” bejnu u bejn il‑Kummissjoni, li kienet tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li huwa kien ġie ingaġġat b’mod temporanju sabiex ikopri l-kariga tiegħu stess fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”, li huwa kien jirċievi l‑istruzzjonijiet tiegħu direttament mill-Kummissjoni u li huwa ma kellu l-ebda rabta preċedenti mal-kumpannija R. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-punti kollha tal-każ ineżami jiġġustifikaw li jitqies li l-persuna li timpjegah, matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, ma kinitx il-kumpannija ta’ impjieg temporanju R., iżda l‑Kummissjoni, li ma kinitx osservat id-dritt Belġjan fil-qasam ta’ kuntratt ta’ xogħol temporanju. B’hekk, skont ir-rikorrent, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal‑Persunal, għandu jitqies li, minn meta beda l-impjieg tiegħu fil-Parlament, fl-2009, huwa ma kellu l-ebda attività professjonali oħra ħlief attività mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

66

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

67

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 8 sa 13 iktar ’il fuq, peress li l-impjieg tar-rikorrent kien laħaq il-massimu ta’ tliet snin ta’ servizz bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”, ismu ġie inkluż fil-lista ta’ membri tal‑persunal bil-kuntratt li ġew proposti minn dan id-Direttorat Ġenerali għal kuntratt ta’ xogħol temporanju. Konsegwentement, ir-rikorrent iffirma kuntratti ta’ xogħol temporanju mal-kumpannija R. u, fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti, ħadem fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” tal‑Kummissjoni, għall-perijodu inizjali, mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013, imbagħad għal perijodu ieħor, mill‑1 sat-13 ta’ Settembru 2013.

68

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li s-sitwazzjoni tal-impjegati ta’ kumpanniji ta’ xogħol temporanju li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni ma kinitx tikkorrispondi ma’ sitwazzjonijiet li “jinħolqu minn xogħol li sar […] għal organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il‑Kummissjoni, T‑127/00, EU:T:2002:211, punti 4, 6, 21, 3252 sa 58). Fil-fatt, dan ix-xogħol temporanju huwa kkaratterizzat minn relazzjoni trijangulari bejn il-ħaddiem, kumpannija esterna u l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li timplika l-iffirmar ta’ żewġ kuntratti: l-ewwel kuntratt bejn il-kumpannija tax-xogħol temporanju u l-korp tal-Unjoni u t-tieni kuntratt bejn il-ħaddiem temporanju u l-kumpannija tax-xogħol temporanju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il‑Kummissjoni, T‑127/00, EU:T:2002:211, punt 53). B’hekk, din ir-relazzjoni hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ kumpannija privata intermedjarja li tagħmel profitt billi tpoġġi ħaddiem għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew billi tassenjah għat-twettiq ta’ dmirijiet speċifiċi fi ħdanha jew għan-nom tagħha. Huwa l-intervent ta’ dawn il-kumpanniji esterni bħala intermedjarji li ma jippermettux li jiġi konkluż li teżisti rabta ġuridika diretta bejn il-persuna kkonċernata u l-korp tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il‑Kummissjoni, T‑473/04, EU:T:2007:184, punt 50).

69

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fir‑rigward tal-varji dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tal‑Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-espressjoni “sitwazzjonijiet li jinħolqu minn xogħol li sar […] għal organizzazzjoni internazzjonali” li tinsab fl‑Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal għandha portata ħafna iktar wiesgħa mit‑termini “qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ […] organizzazzjoni internazzjonali” li tinsab fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, EU:T:2001:129, punt 47).

70

Issa, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq tapplika f’dan il-każ, inkwantu l-perijodu ta’ xogħol temporanju inkwistjoni huwa kkaratterizzat ukoll bl-eżistenza ta’ relazzjoni trijangulari bejn ir‑rikorrent, il-kumpannija esterna R. u l-Kummissjoni. Huwa għalhekk l-intervent tal-kumpannija R., li magħha r-rikorrent iffirma l-kuntratti ta’ xogħol temporanju, li ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm rabta ġuridika diretta bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju.

71

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 68 iktar ’il fuq tapplika a fortiori f’dan il-każ, inkwantu s‑sitwazzjoni tar-rikorrent taqa’ fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal, li fih l-espressjoni “qadi tad-dmirijiet fis‑servizz ta’ […] organizzazzjoni internazzjonali” għandha portata inqas wiesgħa minn dik tal-espressjoni użata fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif tfakkar fil-punt 69 iktar ’il fuq. Għalhekk, ma għandux jitqies li l-perijodu ta’ xogħol temporanju, ibbażat fuq kuntratti ta’ xogħol bejn ir-rikorrent u kumpannija tad-dritt privat, jikkorrispondi mal-eżerċizzju ta’ dmirijiet “fis-servizz ta’ organizzazzjoni internazzjonali”.

72

Din l-evalwazzjoni ġuridika relatata max-xogħol temporanju ma għandhiex tiġi kkontestata mill-ġdid bl-argument tar-rikorrent li, f’dan il‑każ, kien hemm rabta diretta ta’ subordinazzjoni bejnu u l‑Kummissjoni, ibbażata fuq l-illegalità tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju fid-dawl tad-dritt Belġjan applikabbli u minħabba l-fatt li, fil‑qafas ta’ dawn il-kuntratti, il-Kummissjoni ma hijiex l-“utent” fis-sens tad-dritt Belġjan, iżda l-“persuna li timpjegah”.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li dan ir-rikors bl‑ebda mod ma jirrigwarda l-eżami tal-allegata illegalità tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju, li barra minn hekk ir-rikorrent ma kkontestax quddiem il-qrati Belġjani kompetenti, iżda jittratta biss id-deċiżjoni li rrifjutat lir‑rikorrent l-allowance tal-espatrijazzjoni mad-dħul fis-servizz tiegħu mal-INEA.

74

Għaldaqstant, qabelxejn, għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq allegati illegalitajiet tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju huwa ineffettiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Nardin vs Il‑Parlament, F‑12/08, EU:F:2009:57, punt 38).

75

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tax-xogħol temporanju, ir-relazzjoni bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni kienet meqjusa bħala relazzjoni “purament fattwali”, peress li kienet il‑kumpannija tax-xogħol temporanju li kellha s-setgħa legali li teżerċita l-awtorità tal-persuna li timpjega fuq il-ħaddiem temporanju u li fil-fatt kienet tgħaddi lill-utent l-eżerċizzju ta’ parti minn din l-awtorità matul il‑perijodu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il‑Kummissjoni, T‑127/00, EU:T:2002:211, punt 57). Il-fatt li r-rikorrent ibbenefika minn taħriġ intern tal-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju ma għandux jikkontesta mill-ġdid din l-evalwazzjoni, peress li dan it-taħriġ jista’ jitqies biss fuq il-livell ta’ din ir-relazzjoni de facto bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni.

76

Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li r-rikorrent kien jirċievi istruzzjonijiet direttament mill-Kummissjoni, dan il-fatt huwa konformi man-natura tax-xogħol temporanju u kompatibbli mar-relazzjoni trijangulari deskritta fil-punt 68 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il-Kummissjoni, T‑127/00, EU:T:2002:211, punt 65).

77

Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tagħżel jew tapprova lir‑rikorrent u li din l-għażla jew din l-approvazzjoni kienet tikkostitwixxi rekwiżit minn qabel għall-ingaġġ tar-rikorrent mill-kumpannija tax-xogħol temporanju ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni ġuridika relatata max-xogħol temporanju skont id-dritt nazzjonali applikabbli u l-kuntratti inkwistjoni u ma jipprekludix, b’mod partikolari, li l-persuna li timpjega tkun il-persuna ġuridika li magħha ġie konkluż il-kuntratt tax-xogħol, u mhux l-istituzzjoni utenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il‑Kummissjoni, T‑127/00, EU:T:2002:211, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li r-rikorrent, matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, kellu rabta ġuridika diretta ta’ subordinazzjoni mal-kumpannija tax-xogħol temporanju li magħha huwa kien marbut b’mod konsekuttiv permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju.

79

Konsegwentement, ma jistax jiġi aċċettat li r-rikorrent kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ “qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal.

80

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta qieset li r-rikorrent ma kienx eżerċita dmirijiet f’organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, mill‑1ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013 u mill‑1 sat‑13 ta’ Settembru 2013.

Fuq it-tielet parti, dwar ir-residenza abitwali

81

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel u tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li l‑Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li huwa kien stabbilixxa r‑residenza abitwali tiegħu fil-Belġju, u li kien stabbilixxa hemm iċ‑ċentru tal-interessi tiegħu għal raġunijiet oħra u mhux minħabba l‑eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu f’organizzazzjoni internazzjonali. Skont ir-rikorrent, il-fatt li huwa kien iżżewweġ residenta Belġjana u li uliedu twieldu fi Brussell kien sempliċement konsegwenza tal-fatt li fl‑2009 huwa kien stabbilixxa ruħu fi Brussell sabiex jeżerċita d-dmirijiet tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għal perijodu twil. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-uniku perijodu li matulu huwa ma kienx qed jaħdem ma’ istituzzjoni tal-Unjoni kien ix-xahar ta’ Awwissu 2013, li matulu huwa kien qiegħed jirreġistra għax-xogħol.

82

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

83

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 47 iktar ’il fuq, peress li r-rikorrent li għandu n-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ impjieg, il-fatt li jkun stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fih, anki jekk għal żmien qasir ferm matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, huwa biżżejjed sabiex iwassal għat-telf tal-benefiċċju ta’ allowance tal‑espatrijazzjoni.

84

Kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu deċennali ta’ referenza mill‑2006 sal‑2016, ir-rikorrent, fuq livell personali, kien irreġistra, fil‑21 ta’ Settembru 2007, mal-konsulat Taljan fi Brussell. Fis‑6 ta’ Diċembru 2008, huwa żżewweġ fi Brussell, lil ċittadina Belġjana, li kienet residenti u taħdem fi Brussell, u li magħha huwa kellu tlett itfal, imwielda fi Brussell fl-2010, 2013 u 2015. B’effett mit‑18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent kien inkluż fir-reġistru tal-popolazzjoni ta’ Schaerbeek. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fuq il-livell professjonali, ir-rikorrent kien ħadem, bejn l‑1 ta’ Awwissu 2009 u l‑31 ta’ Jannar 2010, mal-Parlament bħala assistent parlamentari akkreditat, imbagħad mill‑1 ta’ Frar 2010 sal‑31 ta’ Jannar 2013, mad‑DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”, bħala membru tal-persunal bil‑kuntratt awżiljarju. Mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013 u mill‑1 sat‑13 ta’ Settembru 2013, huwa ffirma kuntratti ta’ xogħol temporanju mal-kumpannija R. u ħadem bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni”. Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrent ibbenefika minn benefiċċji tal-qgħad. Ir-rikorrent sussegwentement ħadem bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal‑Parlament, mis‑16 ta’ Settembru 2013 sal‑15 ta’ Mejju 2014, imbagħad mal-EASME, mis‑16 ta’ Mejju 2014 sal‑15 ta’ Lulju 2016. Finalment, fis‑16 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ġie ingaġġat, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, mill-INEA (ara l‑punti 4, 7, 8, 12, 13 u 18 sa 20 iktar ’il fuq).

85

Il-Kummissjoni qieset li l-fatti msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq juru li, matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, ir-rikorrent, l-ewwel nett, kien stabbilixxa d-domiċilju tiegħu fil-Belġju, it-tieni nett, kien eżerċita attivitajiet professjonali privati fi Brussell bħala membru tal-persunal temporanju u, it-tielet nett, ma kienx stabbilixxa li kellu residenza abitwali barra mill-Belġju matul ix-xahar li fih kien qed jirreġistra għax-xogħol.

86

Din l-analiżi ma għandhiex tkun kontradetta bl-allegazzjonijiet tar‑rikorrent.

87

Fil-fatt, l-elementi tal-ħajja personali tar-rikorrent, imsemmija fil‑punt 84 iktar ’il fuq, huma punti ta’ fatt oġġettivi, li juru l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali fit-tul tar-rikorrent mal-pajjiż ta’ impjieg. Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, ma għandux jitqies li r-rikorrent kien wera li s‑soġġorn tiegħu fil-Belġju matul il-perijodu deċennali ta’ referenza kien provviżorju jew ma kienx jinkludi ċaqliq stabbli taċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu.

88

Barra minn hekk, l-elementi li jikkonċernaw il-ħajja personali tar‑rikorrent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien mal-fatti l-oħra li jkopru l-ħajja professjonali tiegħu, kif indikati fil-punt 84 iktar ’il fuq, peress li flimkien iwasslu għall-konklużjoni li r-rikorrent ma kienx wera li, matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, ir-residenza tiegħu kienet ġiet stabbilita fil-Belġju għal raġunijiet li huma relatati biss mal-eżerċizzju ta’ dmirijiet fi ħdan Stat jew organizzazzjoni internazzjonali.

89

Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 79 iktar ’il fuq, ma għandux jiġi aċċettat li, matul il-perijodu ta’ xogħol temporanju, ir-rikorrent kien f’sitwazzjoni ta’ “qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta’ […] organizzazzjoni internazzjonali” fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal‑Persunal.

90

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-motivi konkreti li wasslu sabiex ir-rikorrent baqa’ fil-pajjiż ta’ impjieg li tiegħu għandu n-nazzjonalità ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni. Fil-fatt, eżami fil-fond tal-varji raġunijiet li wasslu lill-persuna kkonċernata tistabbilixxi ruħha fil-pajjiż li tiegħu għandha n-nazzjonalità huwa neċessarjament ibbażat fuq evalwazzjonijiet li huma suġġettivi, li huwa irrikonċiljabbli kemm mal-formulazzjoni kif ukoll mal-għanijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2014, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, T‑86/13 P, EU:T:2014:815, punti 56 sa 58). B’hekk, ir-raġunijiet suġġettivi li wasslu lir-rikorrent, minn naħa, sabiex jiżżewweġ u jkollu t-tfal fil-Belġju, u jibqa’ jgħix hemm mingħajr interruzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li jaċċetta kuntratti ta’ xogħol temporanju ma humiex rilevanti għall-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li mill‑proċess ma jirriżultax li r-rikorrent kellu ċ-ċentru abitwali u prinċipali tal-interessi tiegħu barra mill-Belġju matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, peress li, minn naħa, għandu n-nazzjonalità Belġjana, kien residenti mingħajr interruzzjoni fi Brussell matul il-perijodu deċennali ta’ referenza kollu, iżżewweġ ċittadina Belġjana li magħha kellu tlett itfal, imwielda wkoll fi Brussell, u, min-naħa l-oħra, eżerċita attività professjonali privata f’dan il-pajjiż matul parti minn dan il-perijodu. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma weriex li, matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, ir‑residenza tiegħu kienet stabbilita fil-Belġju minħabba raġunijiet relatati biss mal-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

92

Minn dan jirriżulta li r-rikorrent, minbarra l-fatt li kien jirrisjedi fi Brussell għal diversi snin, wera l-intenzjoni li jkompli jagħmel dan bil‑fatt li huwa hemmhekk stabbilixxa ċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tiegħu.

93

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset korrettament li r-rikorrent ma kienx stabbilixxa li huwa kellu, matul il-perijodu deċennali ta’ referenza, ir-residenza abitwali tiegħu barra mill-Istat ta’ impjieg, il‑Belġju, li tiegħu għandu n-nazzjonalità.

94

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata mill-iżbalji u mill-ksur allegati mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-inammissibbiltà msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, peress li l-qorti tal-Unjoni għandha l-kompetenza tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li motiv jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni, T‑533/10, EU:T:2014:629, punt 170).

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u abbuż ta’ poter

96

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-inġaġġ tiegħu bħala ħaddiem temporanju fi ħdan id-DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter u abbuż ta’ poter mill‑Kummissjoni.

97

Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni għamlet użu ħażin tal-poter, inkwantu użat ħażin il-liġi Belġjana fil-qasam ta’ kuntratt ta’ xogħol temporanju billi użat l-imsemmija liġi għal raġunijiet differenti minn dawk li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, l-għan tal-Kummissjoni waqt il-konklużjoni tal-kuntratti temporanji mal-membri tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju kien li jiġi evitat li jintilef persunal ikkwalifikat u indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tad-Direttorati Ġenerali. Dan l-għan kien jikser id-dritt Belġjan u kien intiż sabiex jissostitwixxi l-istatus ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt b’qafas kuntrattwali prekarju, li fih il-kariga, il-persuna li timpjega u s-salarju jibqgħu l-istess. Bl-użu ta’ dan l-istatus ta’ ħaddiem prekarju sabiex itellef id-drittijiet individwali tar-rikorrent, il-Kummissjoni għamlet użu ħażin ta’ poter.

98

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter billi ġegħlitu jiffirma kuntratti ta’ xogħol temporanju konsekuttivi sabiex jeżerċita l-istess funzjonijiet bħal dawk li kien wettaq fi ħdan id‑DĠ “Riċerka u Innovazzjoni” bħala membru tal-persunal bil-kuntratt awżiljarju u mbagħad inqdiet b’dawn il-kuntratti sabiex ittellef id‑drittijiet individwali tiegħu, waqt l-ingaġġ mill-ġdid tiegħu mill-INEA. L-iffirmar tal-kuntratti ta’ xogħol temporanju kienu “mandatorji” għar-rikorrent u għall-kollegi tiegħu fl-istess sitwazzjoni, inkwantu, minn naħa, kien l-unika opportunità sabiex ma jitilfux l-impjieg tagħhom fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, huma kienu żgurati li wara kien ser jkollhom il-kariga kuntrattwali tagħhom malli tiġi adottata r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal.

99

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

100

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan ieħor għajr dak li għalih ikunu ngħatawlha. Deċiżjoni ma hijiex ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter ħlief jekk ikun jidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet għal tali għan. Barra minn hekk, fil-każ ta’ diversi għanijiet li għandhom jiġu segwiti, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jingħaqad ma’ motivi validi, id-deċiżjoni ma tkunx ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter għal din ir-raġuni, sakemm ma tissagrifikax l-għan essenzjali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Oltis Group vs Il‑Kummissjoni, T‑497/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:895, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm l-ebda rabta ta’ kawżalità bejn id-deċiżjoni li jintużaw kuntratti ta’ xogħol temporanju, minn naħa, u d-deċiżjoni li tirrigwarda l-istabbiliment ta’ drittijiet individwali tar-rikorrent mad-dħul fis-servizz tiegħu mal-INEA. Fil-fatt, huma deċiżjonijiet differenti, meħuda minn entitajiet differenti u abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali separati, li jsegwu għanijiet partikolari għalihom. Barra minn hekk, fi tmiem il-perijodu ta’ xogħol temporanju, ma kien hemm l-ebda ċertezza li r-rikorrent kien ser jiġi ingaġġat bħala uffiċjal jew membru tal-persunal ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni u, konsegwentement, li kien meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni, peress li l-ebda rabta bejn id-deċiżjonijiet inkwistjoni ma setgħet tiġi stabbilita f’dawn iċ-ċirkustanzi.

102

B’hekk l-allegazzjonijiet mhux sostnuti tar-rikorrent, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-allegat użu ta’ xogħol temporanju sabiex itellef l-istabbiliment tad-drittijiet individwali tiegħu għal ingaġġar eventwali futur minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet għal raġunjijiet differenti minn dawk li jirrigwardaw l-analiżi tad-drittijiet individwali tar-rikorrent fir-rigward tal-allowance tal-espatrijazzjoni.

103

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrent li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin ta’ poter billi ġegħlitu jiffirma kuntratti ta’ xogħol temporanju ma hijiex sostnuta. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 iktar ’il fuq, kemm il‑ħolqien ta’ profil fi ħdan il-kumpannija R kif ukoll l-iffirmar ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju ma’ din il-kumpannija u t-tmiem ta’ dawn il-kuntratti, fit‑13 ta’ Settembru 2013, jirriżultaw biss mill-volontà tar‑rikorrent u mill-għażliet tiegħu fir-rigward tal-ħajja professjonali tiegħu.

104

Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tar‑rikorrent u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ drittijiet kweżiti

105

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li huwa kellu dritt kweżit għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni, peress li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu ma kinitx inbidlet mid-dħul fis-servizz tiegħu fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, f’Awwissu 2009, li huwa kien dejjem ħadem ma’ organizzazzjoni internazzjonali u li qatt ma kien stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fil-Belġju, billi stabbilixxa hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, għal raġunijiet oħra minbarra dawk li jirrigwardaw il-qadi ta’ dmirijiet tiegħu fis-servizz ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

106

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jenfasizza li billi bidlet l-analiżi tagħha dwar id-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni, il-Kummissjoni tikser id-drittijiet kweżiti tiegħu fir-rigward tal-effetti marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol temporanju li kien, f’dak iż-żmien, innegozjat mill-Kummissjoni fl-interess tas-servizz. Huwa preċiżament għaliex id-drittijiet tagħhom kienu ġew innegozjati u kellhom jiġu protetti li r-rikorrent u l-kollegi tiegħu kienu aċċettaw impjieg provviżorju bħala membri tal-persunal temporanju.

107

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il‑perijodu ta’ xogħol temporanju kienet żbaljata, inkwantu hija qieset dan il-perijodu bħala kawża ta’ esklużjoni tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal. Minkejja n-nazzjonalità doppja tiegħu, li dwarha huwa dejjem kien trasparenti, u minkejja ż-żwieġ tiegħu u t‑twelid ta’ uliedu fi Brussell, il-Belġju qatt ma ġie meqjus bħala r‑residenza tiegħu u ċ-ċentru stabbli tal-interessi tiegħu, ħlief għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu fi ħdan istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni. B’hekk, is-sitt xhur korrispondenti għall-perijodu ta’ xogħol temporanju ma għandhomx jibdlu din id-definizzjoni tar-residenza abitwali fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, l-elementi li ġew stabbiliti sabiex jingħata allowance tal-espatrijazzjoni kienu l-istess bħal dawk li fil-preżent qed jiġu interpretati fil-konfront tiegħu, fejn il-Kummissjoni qiegħda “tibdel” l-analiżi tal-fajl u twarrab iċ-ċirkustanzi kollha li kienu ġġustifikaw l-ingaġġar tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju.

108

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

109

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tajjeb, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jippreżumi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkondizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Issa, f’dan il-każ, mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li ma ngħatat l-ebda assigurazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti, li toriġina minn istituzzjoni, organu jew korp tal-Unjoni fir‑rigward tal-għoti lir-rikorrent tal-benefiċċju tal-allowance tal‑espatrijazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija sussegwenti għad-deċiżjoni tal-Parlament imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq, li kienet diġà rrifjutat il-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni lir-rikorrent.

111

Fil-fatt, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li r-rikorrent ibbenefika minn allowance tal-espatrijazzjoni qabel il-perijodu ta’ xogħol temporanju, iżda li wara dak il-perijodu ma ngħatax din l-allowance. B’mod partikolari, mill-punti 24 sa 26, 28 u 29 iktar ’il fuq jirriżulta li l‑allowance tal-espatrijazzjoni ġiet irrifjutata lilu fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu mal-Parlament għall-perijodu mis‑16 ta’ Settembru 2013 sal‑15 ta’ Mejju 2014 u li ttieħdet deċiżjoni, minħabba ammonti mħallsa indebitament, li tiġi rkuprata l-allowance li ngħatatlu matul il‑kuntratt tiegħu mal-EASME għall-perijodu mis‑16 ta’ Mejju 2014 sal‑15 ta’ Lulju 2016.

112

Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fin-nuqqas ta’ kontinwità ta’ kuntratti differenti bejn ir-rikorrent u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni msemmija fil-punti 7, 8 u 18 sa 20 iktar ’il fuq, l-istabbiliment tad-drittijiet pekunjarji tar-rikorrent, inkluż il-benefiċċju tal-allowance tal‑espatrijazzjoni, għandha ssir ma kull dħul fis-servizz (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni, F‑76/11, EU:F:2012:173, punti 45 sa 47). Konsegwentement, il-perijodu ta’ referenza kif ukoll il-fatti rilevanti sabiex jiġu eżaminati l‑kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar‑Regolamenti tal-Persunal huma differenti għal kull kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mad-dħul fis-servizz tiegħu mal-INEA, ir-rikorrent ma jistax jinvoka deċiżjonijiet preċedenti li jirrigwardaw l-allowance tal‑espatrijazzjoni u lanqas, għalhekk, il-ksur ta’ drittijiet kweżiti.

113

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata bi ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrent u tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ drittijiet kweżiti. Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

114

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

115

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Alessandro Quadri di Cardano huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.

Нагоре