Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0090

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Unjoni tal-Ħiliet

COM/2025/90 final

Brussell, 5.3.2025

COM(2025) 90 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Unjoni tal-Ħiliet


L-Unjoni tal-Ħiliet

Is-saħħa kompetittiva tal-Ewropa tinsab fil-poplu tagħha. Il-kapital uman tagħna huwa kruċjali għall-prosperità tal-UE, ir-reżiljenza ekonomika tagħha u l-ekonomija soċjali tas-suq unika tagħha. Huwa kruċjali biex jiżdied it-tkabbir tal-produttività tagħna, biex l-industriji tagħna jsiru aktar kompetittivi u innovattivi, biex jiġu attirati investimenti addizzjonali, u għal suq uniku dinamiku u sigurtà ekonomika msaħħa. Il-fatt li n-nies jiġu l-ewwel u l-investiment fil-ħiliet jagħti l-frott ħafna drabi. Fil-kuntest tal-kompetizzjoni globali għat-talent, u popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos fl-UE, il-kompetittività tal-Ewropa tiddependi fuq ħiliet orjentati lejn il-futur, li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-kapital uman huwa essenzjali wkoll għall-promozzjoni tat-tħejjija u s-sigurtà fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Biex tkun kompetittiva u mħejjija għall-futur, jeħtieġ li l-UE tappoġġa u tħejji lin-nies tagħha bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-suċċess fit-tagħlim, ix-xogħol u l-ħajja, kif enfasizzat mill-Boxxla għall-Kompetittività għall-UE 1 . L-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa, bil-pedamenti b’saħħithom tagħha fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-demokrazija, tista’ sservi bħala bażi soda.

1.Il-problema: il-ħtieġa għal aktar ħiliet u ħiliet aħjar

L-Unjoni tal-Ħiliet 2 għandha l-għan li tappoġġa l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ u ħiliet ta’ kwalità, inklużivi u adattabbli biex tiżdied il-kompetittività tal-UE. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar il-ħiliet imtejba fil-livell tal-UE se tkun ta’ importanza ewlenija għal politiki effettivi u mmirati.

In-nuqqas u d-diskrepanzi fil-ħiliet, id-dewmien fit-trasformazzjoni u l-governanza frammentata u ineffiċjenti qed ifixklu l-kompetittività tal-UE, kif enfasizzat mir-rapporti ta’ Draghi 3 , Letta 4 u Niinistö 5 . Dawn huma ostaklu għat-tkabbir fil-produttività u l-innovazzjoni, u jfixklu l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.

1.1 Nuqqas ta’ ħiliet u diskrepanzi

L-Ewropa ma tipproduċix biżżejjed gradwati tas-sengħa mill-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u lanqas ma tagħti l-opportunità lil biżżejjed nies biex itejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, fil-kompetizzjoni globali għat-talent, l-Ewropa qed titħabat biex tkun destinazzjoni attraenti. In-nuqqas ta’ ħiliet spiss jiggrava f’reġjuni inqas żviluppati, remoti u ultraperiferiċi. Il-persuni b’diżabilità jew bi sfond ta’ migrazzjoni spiss jiffaċċjaw ostakli addizzjonali fl-iżvilupp ta’ ħiliethom, li jirriżultaw f’potenzjal mhux sfruttat fil-forza tax-xogħol tal-UE.

Il-bidu mill-iskola: L-Ewropa għadha lura fil-ħiliet bażiċi. Il-prestazzjoni ta’ dawk li għandhom 15-il sena fil-matematika, fil-qari u fix-xjenza naqset, u kompliet xejra ’l isfel, kif urietid-data reċenti tal-PISA  6 . Bl-istess mod, kważi nofs iż-żgħażagħ fl-Ewropa m’għandhomx ħiliet diġitali bażiċi.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea 2024: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/d9d9adad-c71b-11ee-95d9-01aa75ed71a1/language-mt

Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) tradizzjonalment kienu jwittu t-triq għal impjiegi ta’ kwalità u karrieri sodisfaċenti f’okkupazzjonijiet b’ħiliet medji. Hemm domanda kbira għall-kwalifiki vokazzjonali, b’mod partikolari fejn għad hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema 7 . Il-ħiliet ekoloġiċi huma fost il-ħafna ħiliet tant meħtieġa żviluppati permezz tal-VET, u huma kruċjali għal tranżizzjoni ekoloġika u ekonomija ċirkolari ta’ suċċess. B’mod ġenerali, żewġ terzi mill-aktar okkupazzjonijiet nieqsa mill-ħaddiema fl-UE, huma dawk relatati mal-artiġjanat, li tipikament jeħtieġu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali 8 . In-nuqqasijiet f’dawn l-oqsma, u setturi ewlenin oħra bħall-agrikoltura u s-sajd, jistgħu saħansitra jmorru għall-agħar peress li s-sehem ta’ ħaddiema żgħażagħ (taħt it-30 sena) f’dawn l-impjiegi huwa baxx, u b’hekk il-ħtieġa għal tiġdid ġenerazzjonali hi aktar urġenti.

Fl-edukazzjoni għolja: Aktar minn nofs l-opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi sal-2035 se jkunu relatati ma’ impjiegi b’ħiliet għolja. Madankollu, l-Ewropa ma tipproduċix biżżejjed talent bi kwalifiki għoljin. L-Ewropa jeħtieġ tinvesti u tappoġġa l-akkomunament tar-riżorsi fl-edukazzjoni għolja biex iżżid l-aċċess għall-innovazzjoni, l-għarfien mill-aktar avvanzat u l-ħiliet ta’ livell għoli, inkluż permezz ta’ programmi ta’ studju konġunti fost l-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bħall-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej.

It-tkomplija fl-età adulta: it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid se jkunu essenzjali matul il-ħajja u l-karrieri tan-nies, iżda wieħed minn kull ħames adulti jsibha diffiċli biex jikteb u jaqra 9 , u anqas minn 40 % tal-popolazzjoni adulta jieħdu sehem fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ 10 . Dan hu ammont ferm inqas mill-mira tas-60 % stabbilita għall-2030. Dan is-sehem huwa ħafna aktar baxx fost l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet (18,4%). Kważi nofs il-popolazzjoni adulta ma għandhiex ħiliet diġitali bażiċi minkejja li aktar minn 90 % tal-impjiegi jeħtiġuhom 11 . Ir-restrizzjonijiet fiż-żmien, ir-raġunijiet finanzjarji, ir-responsabbiltajiet relatati mal-kura u l-motivazzjoni huma wħud mill-ostakli li jipprevjenu lill-adulti milli jitgħallmu aktar.

Id-differenza bejn il-ġeneri: Filwaqt li b’mod ġenerali aktar nisa żgħażagħ milli rġiel jiggradwaw fl-edukazzjoni għolja, kważi d-doppju tal-irġiel meta mqabbla man-nisa, jistudjaw ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), kemm fl-edukazzjoni għolja kif ukoll fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dan għandu impatt qawwi fuq is-segregazzjoni tal-ġeneri fis-suq tax-xogħol u jirrestrinġi l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-UE. 

Diskrepanza fil-ħiliet finanzjarji u intraprenditorjali: L-Ewropej ma għandhomx il-ħiliet finanzjarji u intraprenditorjali meħtieġa biex jinvestu aktar u biex iniedu u jkabbru negozji ġodda ta’ suċċess. Dan jillimita b’mod sinifikanti l-potenzjal tal-innovazzjoni u t-tkabbir tal-UE.

Il-kompetizzjoni globali għat-talent: L-UE hija inqas attraenti għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’talent minn membri oħra tal-OECD bħall-Kanada, l-Istati Uniti u l-Awstralja 12 . Barra minn hekk, xi wħud mit-talent ewlieni tal-UE jsibu opportunitajiet aħjar barra mill-pajjiż biex jibdew jew biex jeċċellaw fid-dinja akkademika.

Diskrepanzi kbar fil-ħiliet u riskju ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi fi trasformazzjoni rapida u matul il-kriżijiet: L-Ewropa qed tiffaċċja diskrepanzi fil-ħiliet u nuqqasijiet potenzjali f’setturi kritiċi f’każ ta’ diżastri u kriżijiet. M’hemmx biżżejjed immappjar tal-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol, taħriġ ta’ segmenti ġodda tal-forza tax-xogħol jew biżżejjed influssi ta’ ħaddiema tas-sengħa.

1.2 Diskrepanza fil-veloċità tat-trasformazzjoni

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa għadhom lura fit-trasformazzjonijiet teknoloġiċi rapidi, u l-ħiliet li qed jinbidlu meħtieġa biex isir progress fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija 13 u biex jitnaqqsu d-dipendenzi f’setturi strateġiċi.

L-Ewropa qed tiffaċċja sfida dejjem akbar biex tissodisfa d-domanda għal talent b’ħiliet speċjalizzati fl-oqsma STEM, speċjalment f’setturi strateġiċi bħat-teknoloġiji nodfa u ċirkolari, it-teknoloġiji diġitali, l-ajruspazju, u d-difiża, inkluż f’setturi tradizzjonali li jiddependu dejjem aktar fuq għodod diġitali li jeħtieġu ħiliet STEM. Filwaqt li nipproduċu professjonisti bi kwalifiki għoljin, il-kwantità tagħhom mhijiex biżżejjed biex jitnaqqsu d-diskrepanzi. Kważi erbgħa minn kull ħames SMEs fl-UE jsibuha diffiċli biex isibu ħaddiema bis-settijiet ta’ ħiliet meħtieġa - b’impatt qawwi fuq in-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu - b’mod partikolari f’teknoloġiji rivoluzzjonarji bħall-IA, is-semikondutturi u l-computing kwantistiku. Dawn in-nuqqasijiet għandhom impatt fuq is-setturi kollha, inkluż it-trasport, l-ikel u l-enerġija, u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku u joħonqu l-innovazzjoni.

It-tnaqqis fil-ħiliet bażiċi fost dawk ta’ 15-il sena marbut mill-qrib man-nuqqas ta’ għalliema speċjalizzati fil-matematika u x-xjenza, li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu attirati l-għalliema u l-ħarrieġa u li jiġu appoġġati aħjar permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu f’dawn l-oqsma kritiċi. Barra minn hekk, hekk kif jevolvu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, tista’ tkun meħtieġa viżjoni ġdida għall-edukazzjoni u l-perkorsi tal-karriera biex ikun hemm allinjament max-xenarju tax-xogħol li qed jinbidel u l-innovazzjoni.

Daqstant importanti huwa li n-nies – fl-irkejjen kollha tal-Ewropa u minn kull ġenerazzjoni – jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi urġenti tas-soċjetà – bħat-tibdil fil-klima, il-pressjonijiet fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u t-theddid għas-sigurtà interna tagħna, inkluż iċ-ċibersigurtà u t-theddid ibridu – filwaqt li jiġi żgurat ukoll li jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet ippreżentati mit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Ewropa trid tuża aħjar il-ħiliet eżistenti billi ttejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki bejn il-pajjiżi u tirrikonoxxi l-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni formali. Ħafna individwi jsibuha diffiċli biex il-ħiliet tagħhom jiġu rikonoxxuti meta jiċċaqalqu fl-UE jew meta jaslu minn pajjiżi terzi, u dan iwassal għal talent mhux utilizzat biżżejjed.

1.3 Governanza frammentata u informazzjoni dwar il-ħiliet

Il-politiki dwar il-ħiliet huma interkonnessi mill-qrib mal-edukazzjoni, ix-xogħol, il-politika ekonomika u finanzjarja, u l-inklużjoni soċjali. Madankollu, dawn l-oqsma spiss ikunu rregolati minn ministeri jew dipartimenti differenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, u kull wieħed bil-prijoritajiet tiegħu stess.

Barra minn hekk, għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati jindirizzaw il-ħiliet minn varjetà ta’ perspettivi b’mod mhux ikkoordinat biżżejjed: is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-industrija, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili.

Din il-frammentazzjoni xxekkel l-investiment intelliġenti u ma tippermettix informazzjoni adegwata dwar il-ħiliet.

Konsolidazzjoni insuffiċjenti, nuqqas ta’ prospettiva u ta’ kollaborazzjoni effettiva bejn aġenziji differenti b’għarfien espert rigward l-informazzjoni dwar il-ħiliet jagħmluha diffiċli li jitqabblu d-domanda u l-provvista futuri tal-ħiliet, inkluż bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali.

Filwaqt li l-isforzi tal-Istati Membri għall-edukazzjoni u l-ħiliet żdiedu, l-isfidi huma kbar u urġenti wisq biex jiġu indirizzati mill-Istati Membri waħedhom. L-azzjoni fil-livell tal-UE tista’ taċċellera t-trasformazzjoni tal-ħiliet u l-edukazzjoni li l-Ewropa teħtieġ biex tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet, id-diskrepanzi fil-ħeffa u d-diskrepanzi fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Importanti ħafna wkoll li l-pajjiżi kandidati, kif ukoll il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi tal-viċinat, jiġu assoċjati mill-qrib mar-riformi u mal-inizjattivi rilevanti stabbiliti fl-Unjoni tal-Ħiliet, peress li dawn il-pajjiżi jiffaċċjaw ukoll sfidi simili.

Dawn huma t-tliet raġunijiet għaliex l-Ewropa teħtieġ bidla radikali fil-pass fl-ambizzjoni u l-azzjoni. L-Unjoni tal-Ħiliet hija strateġija ambizzjuża biex tforni l-edukazzjoni u l-ħiliet fl-UE, appoġġata minn mudell ta’ kooperazzjoni ġdid biex jitressqu soluzzjonijiet kuraġġużi, ibbażati fuq sett ċar ta’ objettivi (taqsima 2), azzjonijiet ewlenin (taqsima 3), mezzi finanzjarji (taqsima 4), u governanza aktar effettiva (taqsima 5).

2.L-Unjoni tal-Ħiliet: l-objettivi

L-Unjoni tal-Ħiliet għandha l-għan li tiżgura li kulħadd fl-Ewropa, irrispettivament minn fejn ikun, jingħata s-setgħa li jibni pedamenti sodi tal-ħiliet u jinvolvi ruħu fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tul il-ħajja, f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-għan tagħha huwa li tappoġġa s-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jipprovdu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ kollha, irrispettivament mill-isfond u l-post ta’ residenza tagħhom, biex jaċċessaw l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, impjiegi ta’ kwalità u jinnavigaw it-tranżizzjonijiet u l-kriżijiet. Pedamenti u ħiliet edukattivi aktar b’saħħithom jirfdu wkoll il-valuri tal-UE bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali u d-diversità, jgħinu lin-nies isiru aktar reżiljenti għall-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ fil-kriminalità, u jagħtuhom is-setgħa li jikkontribwixxu għal Ewropa aktar ekoloġika, aktar ġusta u aktar koeżiva.

It-tieni objettiv huwa li l-kumpaniji jiġu appoġġati biex ikunu kompetittivi u reżiljenti, u b’hekk ikun aktar faċli għall-impjegaturi u b’mod partikolari għall-SMEs biex isibu persuni bil-ħiliet li jeħtieġu ħalli joħolqu tkabbir sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità. Hija wkoll sejħa għall-kumpaniji biex jinvestu fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema tagħhom tal-ġenerazzjonijiet kollha biex jadattaw għal sfidi u opportunitajiet li dejjem jinbidlu. Fl-istess ħin, tirrikonoxxi li l-kumpaniji, speċjalment l-SMEs u l-intrapriżi start-up/li qed jespandu, jeħtieġu l-inċentivi u l-appoġġ it-tajba biex jagħmlu dawn l-investimenti fattibbli.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni tal-Ħiliet se taħdem biex il-ħiliet u l-kwalifiki, irrispettivament minn fejn jinkisbu fl-Ewropa, isiru trasparenti, fdati u rikonoxxuti fis-suq uniku kollu, u b’hekk l-individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u jippermettu lill-impjegaturi, b’mod partikolari l-SMEs, jirreklutaw b’mod effettiv bejn il-pajjiżi differenti. Hija wkoll sejħa lill-Istati Membri biex jaħdmu għal rikonoxximent rapidu tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba barra mill-UE.

3.Il-fergħat ewlenin tal-Unjoni tal-Ħiliet 

Biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti hawn fuq, l-Unjoni tal-Ħiliet se:

-Tibni l-ħiliet għal impjiegi u ħajja ta’ kwalità permezz ta’ pedament edukattiv b’saħħtu, b’approċċ inklużiv ta’ tagħlim tul il-ħajja.

-Ittejjeb il-ħiliet u tħarreġ mill-ġdid forza tax-xogħol aġli li taħkem it-tranżizzjoni diġitali u nadifa, b’mod partikolari lil dawk b’ħiliet baxxi u medji.

-Tiċċirkola l-ħiliet bil-moviment liberu tal-persuni fl-UE kollha, filwaqt li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku.

-Tattira, tiżviluppa u żżomm it-talent. 

L-Unjoni tal-Ħiliet se tibbaża fuq azzjonijiet meħuda diġà taħt iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 14 , l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 15 u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-atturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-impjiegi u s-suq tax-xogħol, mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex il-governanza tal-edukazzjoni u tal-ħiliet tidħol taħt l-Unjoni tal-Ħiliet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ ir-rwol primarju tal-Istati Membri f’din il-kwistjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE, u se taġixxi fi ħdan il-kompetenzi tagħha meta timplimenta dawn l-azzjonijiet.

A.L-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja permezz ta’ pedament edukattiv sod

It-tnaqqis qawwi fil-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ tagħna, inklużi l-ħiliet diġitali, huwa problema serja għas-sistemi edukattivi tagħna, u għall-kompetittività tal-Ewropa. L-istħarriġ PISA 2022 jenfasizza xejriet inkwetanti: 30% ta’ dawk li għandhom 15-il sena fl-UE ma għandhomx profiċjenza minima fil-matematika, filwaqt li madwar 25 % ibatu fil-qari u fix-xjenza 16 . Madwar 43 % ta’ dawk fit-tmien sena tal-iskola qed ibatu fil-litteriżmu diġitali bażiku li jikkonferma xejra ’l isfel 17 .

Filwaqt li bħala medja, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira fil-livell tal-UE għall-2030 li tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 9 %, is-subien, iż-żgħażagħ b’diżabilità u l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni jinsabu f’riskju ogħla li jitilqu mill-iskola kmieni. Barra minn hekk, l-UE tinsab aktar ’il bogħod mill-mira fil-livell tal-UE għall-2030 ta’ inqas minn 15 % għas-sehem ta’ dawk bi progress insuffiċjenti meta mqabbla ma’ 10 snin ilu. L-isfond soċjoekonomiku jibqa’ fattur ta’ tbassir qawwi tal-eżiti tal-edukazzjoni, bl-istudenti żvantaġġati jkollhom riskju 6,1 darbiet ogħla ta’ progress insuffiċjenti serju fil-ħiliet bażiċi meta mqabbla mal-pari tagħhom aktar vantaġġati 18 . Jeżistu differenzi bejn il-ġeneri fil-qari, bil-bniet aktar probabbli li jkunu fost dawk bl-aqwa prestazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE, u l-progress insuffiċjenti kemxejn aktar komuni fost is-subien fix-xjenza. Jistgħu jiġu osservati diskrepanzi fiż-żoni rurali meta mqabbla maż-żoni urbani, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet tal-qari 19 u dawk diġitali 20 . Is-sehem ta’ żgħażagħ fiż-żoni rurali b’lawrja ta’ edukazzjoni għolja huwa limitat meta mqabbel ma’ dawk miż-żoni urbani 21 .

Dan ipoġġi lill-UE f’riskju li tkompli taqa’ lura fit-tellieqa teknoloġika globali, fejn l-intelliġenza artifiċjali (IA), l-awtomatizzazzjoni u l-ħtiġijiet taċ-ċibersigurtà qed isawru mill-ġdid l-industriji u s-soċjetajiet. Fit-teknoloġiji tad-difiża, tal-fużjoni u dawk ajruspazjali , il-ħiliet STEM avvanzati huma essenzjali biex titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri mhux tal-UE u jiġu żviluppati kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni li jmiss. Madankollu, bejn l-2015 u l-2022, kien hemm tnaqqis ġenerali (-7 %) fil-gradwati b’dottorat fl-oqsma STEM, bin-numri jonqsu għax-xjenza naturali, il-matematika u l-istatistika (-13,1 %) u, għall-ICT - it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (-25,5 %); u żieda biss fl-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (+9,4 %).

Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ approċċi STEAM, li jintegraw ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika billi jżarmaw l-ostakli dixxiplinari, trawwem il-ħsieb kreattiv. Dan is-sett ta’ ħiliet huwa mfittex ħafna minn min iħaddem 22 . Jiffaċilita wkoll il-litteriżmu diġitali u finanzjarju billi jagħti lill-istudenti l-ħiliet meħtieġa biex jifhmu kif jaħdmu s-sistemi diġitali u finanzjarji.

Fl-istess ħin, hemm ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati d-differenzi bejn il-ġeneri, peress li n-nisa għadhom sottorappreżentati f’ħafna oqsma STEM, inkluż fl-inġinerija u fix-xjenza tal-kompjuters, filwaqt li l-irġiel huma sottorappreżentati f’setturi bħas-saħħa, il-benesseri, u l-professjoni tat-tagħlim.

Huwa kruċjali li l-professjoni tat-tagħlim issir aktar attraenti u bbilanċjata bejn il-ġeneri, li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għalliema, b’mod partikolari fl-oqsma STEM, u li jinżamm it-talent, filwaqt li jiġi żgurat li l-għalliema jkunu mgħammra aħjar biex jittrattaw il-progress insuffiċjenti u l-bidla teknoloġika. Pereżempju, 40 % biss tal-għalliema lesti jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim. Filwaqt li 68 % tal-adolexxenti diġà jużaw l-IA, is-sistemi edukattivi ma għandhomx l-oqfsa meħtieġa biex jintegraw l-IA b’mod effettiv fl-apprendiment 23 .

Il-bini ta’ ħiliet għall-ħajja, inkluż il-media, il-litteriżmu diġitali, il-ħsieb kritiku jew iċ-ċibersigurtà bażika, huwa vitali għat-tħejjija ġenerali tal-Ewropa biex tiffaċċja l-kriżijiet, inkluż mil-lat ta’ reżiljenza demokratika. F’dan il-kuntest, l-istudenti jeħtieġu wkoll ħiliet bażiċi u avvanzati b’saħħithom, b’mod partikolari dawk STEM, iżda wkoll għarfien u kompetenzi ċiviċi. Hemm bżonn li tittejjeb it-tħejjija għar-riskji fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jkomplu joperaw fiċ-ċirkostanzi kollha, filwaqt li jipprovdu il-funzjonijiet soċjetali ewlenin.

L-apprendiment mhux formali u dak informali, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-inizjattivi kulturali, il-parteċipazzjoni fl-isport u l-volontarjat jistgħu joffru wkoll opportunitajiet siewja għan-nies biex jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-imġiba biex jikbru u jsiru ċittadini attivi.

Riżultati tanġibbli ewlenin fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali

«Żvilupp ta’ pedamenti sodi fl-edukazzjoni u t-taħriġ

oIżżid l-appoġġ għal-litteriżmu bażiku, il-matematika, ix-xjenza, il-ħiliet diġitali u ċ-ċittadinanza permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi. Bil-ġestjoni ta’ Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri interessati fuq qafas ta’ miżuri ta’ intervent effettivi, appoġġati minn finanzjament tal-UE, għat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jitħabtu biex jiksbu ħiliet bażiċi. Premju Ewropew għall-Iskejjel Innovattivi se jirrikonoxxi l-iskejjel li huma eċċezzjonalment innovattivi fil-bidla fil-kurrikuli biex jgħallmu lill-istudenti ħiliet STEM u taċ-ċittadinanza, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni man-negozji u mal-awtoritajiet lokali. Il-Kummissjoni tipproponi li tikkomplementa l-mira eżistenti dwar il-ħiliet bażiċi kif ġej: Sal-2030, 

Øis-sehem ta’ progress insuffiċjenti fil-ħiliet tal-litteriżmu, tal-matematika, tax-xjenza u dawk diġitali għandu jkun inqas minn 15 %, filwaqt li s-sehem tal-ogħla prestazzjoni fil-litteriżmu, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun tal-inqas 15 %.

oAbbażi ta’ rieżami tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan Direzzjonali għall-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali biex tippromwovi l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni diġitali għal kulħadd. Ekosistema robusta tal-edukazzjoni diġitali tal-UE se tħejji għall-futur u tistabbilixxi sħubijiet fit-tul ma’ EdTech ibbażata fl-UE u soluzzjonijiet Ewropej żviluppati b’mod indipendenti. Inizjattiva dwar l-IA fl-edukazzjoni u t-taħriġ se tistabbilixxi qafas ta’ litteriżmu fl-IA u tappoġġa l-integrazzjoni tal-IA fil-forniment tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tindirizza l-ħtieġa għas-sikurezza online u l-benesseri diġitali, tindirizza d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, filwaqt li tippromwovi l-innovazzjoni fl-edukazzjoni. Il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali se jiġi aġġornat sa tmiem l-2025 biex iqis teknoloġiji emerġenti ġodda, inkluża l-IA.

oJipprovdi appoġġ permezz ta’ Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM biex it-tendenza ta’ tnaqqis fil-prestazzjoni fil-ħiliet STEM fl-iskola tieħu x-xejra opposta u biex jiġu attirati aktar studenti fil-perkorsi u l-karrieri STEM. Objettiv ewlieni ta’ dan il-pjan hu li jiġu attirati aktar bniet u nisa fi studji STEM, inklużi studji u karrieri diġitali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi mira strateġika dwar ir-reġistrazzjoni fl-iSTEM: Sal-2030,

Øis-sehem tal-istudenti rreġistrati fl-oqsma STEM fil-VET inizjali ta’ livell medju għandu jkun tal-inqas 45 % 24 , b’tal-inqas mara waħda minn kull erba’ studenti 25 .

Øis-sehem tal-istudenti rreġistrati fl-oqsma STEM fil-livell terzjarju għandu jkun tal-inqas 32 % 26 , b’tal-inqas żewġ nisa minn kull ħames studenti 27 .

Øis-sehem tal-istudenti rreġistrati fi programmi ta’ PhD tal-ICT għandu jkun tal-inqas 5 % 28 , b’tal-inqas mara waħda minn kull tliet studenti.

oTindirizza l-attraenza tal-karrieri tal-għalliema u dawk akkademiċi, permezz ta’: 

ØAġenda tal-UE għall-Għalliema u għall-Ħarrieġa, li tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ tagħlim, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema, u ttejjeb il-prospetti tal-karriera. 

Øqafas Ewropew ta’ kompetenzi għall-persunal akkademiku fl-edukazzjoni għolja, li jikkomplementa l-Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi għar-Riċerkaturi (ResearchComp) eżistenti. Sabiex jiġu vvalorizzati mill-ġdid ir-rwoli pedagoġiċi fid-dinja akkademika, meħtieġ rikonoxximent addizzjonali għat-tagħlim innovattiv, l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja u ta’ taħriġ permezz ta’ mikrokredenzjali, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni transnazzjonali jew il-bini ta’ kooperazzjoni mal-impjegaturi 29 .  

«Żvilupp ta’ sistema attraenti u innovattiva tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET)

Iżżid l-attraenza, l-eċċellenza u l-inklużività tal-VET bi Strateġija Ewropea għall-VET. L-Istrateġija se tiffoka fuq ir-rwol tal-VET fl-appoġġ tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-UE, il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali, u t-tiġdid ġenerazzjonali billi tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġi fil-ħiliet, issaħħaħ l-attraenza, il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-VET u tappoġġa l-mobbiltà u l-internazzjonalizzazzjoni. L-Istrateġija se tindirizza wkoll sterjotipi marbuta mal-ġeneru u sterjotipi oħrajn meta jsiru għażliet ta’ studju u tibni fuq il-benefiċċji u l-eżiti tas-suq tax-xogħol tal-VET sabiex il-VET isir perkors ta’ tagħlim apprezzat b’mod ugwali bħall-edukazzjoni għolja, inkluż għan-nisa.

«Ħolqien ta’ sistema ta’ edukazzjoni għolja inklużiva u orjentata lejn il-futur

oTippreżenta inizjattiva biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni għolja għal firxa usa’ ta’ studenti u etajiet, biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għal gradwati fl-edukazzjoni għolja fis-suq tax-xogħol, xejra li hija prevista tiġi enfasizzata drastikament fl-impjiegi futuri, u tippromwovi servizzi ta’ appoġġ għall-benesseri tal-istudenti, filwaqt li tipprovdilhom appoġġ immirat biex jirnexxu. Se tappoġġa l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-persunal tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji, il-linji gwida u l-indikaturi dwar l-aċċess usa’ u d-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja, adottati bħala parti mill-proċess ta’ Bologna fl-2024.

oTagħti spinta lill-edukazzjoni intraprenditorjali fil-livelli kollha, b’moduli aktar iddedikati, inklużi dawk transfruntiera, fl-universitajiet, f’kooperazzjoni mal-ekosistema innovattiva tagħhom. Dan jgħin lill-istudenti jibnu l-ħiliet u l-mentalità meħtieġa biex jibdew in-negozji u joħolqu l-impjiegi.

Riżultati tanġibbli ewlenin

Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi [Q1 2025]

Skema ta’ Appoġġ għall-Ħiliet Bażiċi (proġett pilota) [2026]

Pjan direzzjonali għall-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali [Q4 2025]

Inizjattiva tal-IA fl-edukazzjoni [2026]

Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM [Q1 2025]

Aġenda tal-UE għall-Għalliema u l-Ħarrieġa [2026]

Qafas Ewropew ta’ kompetenzi għall-persunal akkademiku [2026]

Strateġija Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) [2026]

Żieda fl-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni għolja [2027]

Strateġija ta’ ġustizzja interġenerazzjonali [Q1 2026]

B.Titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid biex jiġu żgurati ħiliet orjentati lejn il-futur

Il-pass u l-ambitu tat-trasformazzjonijiet li għaddejjin bħalissa huma bla preċedent. Il-ħiliet dejjem kienu wieħed mill-vantaġġi kompetittivi tal-Ewropa. L-iżgurar tal-għodod it-tajba għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, b’mod reattiv u effettiv, se jgħin lin-negozji u lill-impjegaturi Ewropej ikunu kompetittivi, jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet minn impjieg għal ieħor, u jiżguraw li ħadd ma jibqa’ lura.

It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma responsabbiltà kondiviża. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom ir-rwol tagħhom, iżda l-istess għandhom in-negozji, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunitajiet lokali, u l-individwi.

Il-projezzjonijiet futuri tas-suq tax-xogħol isaħħu l-urġenza li tittieħed azzjoni biex jiġu żgurati l-ħiliet li teħtieġ l-Ewropa. Il-Kummissjoni diġà identifikat 42 okkupazzjoni nieqsa mill-ħaddiema fl-UE kollha. L-akbar nuqqasijiet huma fis-snajja’ tal-kostruzzjoni, it-trasport, xi professjonijiet tas-saħħa bħall-infermiera u t-tobba speċjalisti, u l-persuni li jindokraw 30 . Dawn x’aktarx li jiżdiedu bl-IA, ir-robotika, il-proċessi mmexxija mid-data u t-tranżizzjoni nadifa li tittrasforma l-industriji 31 .

Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti għadha insuffiċjenti peress li 39,5 % biss tal-adulti jinvolvu ruħhom f’taħriġ kull sena 32 , ferm taħt il-mira ewlenija tal-UE ta’ 60 % sal-2030. Adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, li jeħtieġu l-aktar taħriġ, saħansitra jipparteċipaw inqas. Ir-rati ta’ parteċipazzjoni huma wkoll bħala medja aktar baxxi f’reġjuni anqas żviluppati u f’reġjuni fi tranżizzjoni. In-nisa u l-gruppi vulnerabbli bħall-persuni b’diżabilità jiltaqgħu ma’ ostakli addizzjonali li jxekklu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-taħriġ. F’dan il-kuntest, il-Pjan Direzzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa se jippromwovi opportunitajiet indaqs u aċċess għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

Jeħtieġ li nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini akbar fl-età li huma lesti jkomplu jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, għandhom jiġu appoġġati inizjattivi ta’ politika li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għal diversi ġenerazzjonijiet. Il-postijiet tax-xogħol multiġenerazzjonali jakkomodaw ħtiġijiet diversi, jinvestu fit-trasferimenti ta’ għarfien u ħiliet bidirezzjonali bejn iċ-ċittadini żgħażagħ u dawk akbar fl-età u fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi.

Sehem kbir mit-titjib tal-ħiliet huwa t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol ipprovdut mill-impjegaturi. Fl-2020, 67,4 % tal-kumpaniji offrew taħriġ, iżda l-parteċipazzjoni tvarja b’mod sinifikanti bejn is-setturi, l-industriji u l-pajjiżi. Il-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-adulti biex jiġu mħarrġa mill-ġdid għal impjiegi jew setturi li qed jinbidlu mhumiex issodisfati biżżejjed mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi.

Wieħed mill-ostakli ewlenin għat-taħriġ fost adulti b’livell baxx ta’ ħiliet huwa n-nuqqas ta’ motivazzjoni 33 . Esperjenzi negattivi b’tagħlim ibbażat fl-iskejjel jista’ jkollhom “effett ċikatriċi”. Meħtieġa approċċi alternattivi, li jinvolvu sett usa’ ta’ atturi biex jistimulaw lill-adulti jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ apprendiment f’ambjenti fdati jew ġodda.

Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew, dak nazzjonali u dak lokali, huwa kruċjali għat-tiswir tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz tan-negozjar kollettiv, it-tmexxija ta’ fondi għat-taħriġ u l-iżvilupp, is-servizzi ta’ gwida u t-tqabbil tal-impjiegi mal-ħiliet. Dan se jiġi promoss aktar.

Riżultati ewlenin tanġibbli mil-livell tas-settur pubbliku fil-livell tal-UE, nazzjonali jew reġjonali

«Titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti

oTkomplija tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-kontijiet individwali tal-apprendiment (ILA, Individual Learning Accounts) 34 biex in-nies kollha jingħataw is-setgħa li jtejbu l-ħiliet u jħarrġu mill-ġdid, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg tagħhom. L-ILA jistgħu jgħinu lin-nies affettwati mit-tranżizzjonijiet jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jibdew impjiegi ġodda. Ħafna Stati Membri qed imexxu skemi bħal dawn iżda se jkunu meħtieġa aktar implimentazzjoni, evalwazzjoni u konsolidazzjoni fis-snin li ġejjin.

oEspansjoni tal-użu tal-mikrokredenzjali bħala soluzzjonijiet ta’ apprendiment flessibbli, f’konformità mal-approċċ Ewropew 35 , biex jiġi żgurat li jkunu fdati, jinftiehmu, maħruġa b’mod diġitali u komparabbli fis-setturi u l-pajjiżi kollha. Dan se jirrikjedi l-involviment attiv tat-tipi kollha ta’ fornituri mikrokredenzjali, b’mod partikolari l-fornituri privati tat-taħriġ, minbarra l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fejn rilevanti, il-mikrokredenzjali jenħtieġ ikunu marbuta mal-Qafas Ewropew taal-Kwalifiki u l-oqfsa tal-kwalifiki nazzjonali. Il-gwida dwar l-istrumenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità se ssaħħaħ il-fiduċja u l-adozzjoni tal-mikrokredenzjali fil-proċessi tar-reklutaġġ. L-għan huwa wkoll li jiżdied l-għadd ta’ mikrokredenzjali konġunti maħruġa miċ-ċentri ta’ eċċellenza vokazzjonali, mill-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej u mill-Akkademji tal-UE għall-Ħiliet, u li jiżdied l-użu kummerċjali tagħhom fir-reklutaġġ u fil-promozzjoni tal-karriera, b’enfasi partikolari fuq setturi strateġiċi.

oAppoġġ tal-attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari għall-Istati Membri dwar spazji innovattivi ta’ apprendiment tal-komunità biex jinvolvu u jimmotivaw lill-adulti b’ħiliet bażiċi baxxi ħalli jtejbu l-ħiliet tagħhom billi joperaw f’ambjenti fejn iħossuhom aktar komdi. L-Istati Membri mħeġġa jaħdmu mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u mas-servizzi soċjali biex jappoġġaw lill-adulti fit-titjib tal-ħiliet bażiċi tagħhom u jattivawhom kif rilevanti. L-approċċi interġenerazzjonali jistgħu jiġu ttestjati f’dan il-kuntest.

oŻvilupp u stabbiliment ta’ proġett pilota “Garanzija tal-Ħiliet”, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema f’setturi li għaddejjin minn ristrutturar jew f’riskju ta’ qgħad, ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw aktar il-karrieri tagħhom f’setturi u/jew kumpaniji oħra. Billi tippromwovi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tagħhom, f’konformità mal-istrateġiji ta’ tranżizzjoni nazzjonali, reġjonali u/jew settorjali rilevanti, il-Garanzija tal-Ħiliet se tappoġġa l-prospetti ta’ impjieg u s-sigurtà tal-impjiegi tagħhom.

oValutazzjoni, bħala parti mir-rieżami tar-Regolament ġenerali ta’ eżenzjoni ta’ kategorija 36 , jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għat-taħriġ jeħtiġux li jiġu aġġornati biex jipprovdu inċentivi aħjar għall-industrija, inkluża l-ekonomija soċjali, għall-investiment fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, għal tranżizzjoni ġusta.

«Ingranaġġ tas-sħubijiet pubbliċi-privati u promozzjoni tal-kooperazzjoni f’setturi strateġiċi

oTisħiħ u simplifikazzjoni tal-Patt għall-Ħiliet biex jiġu appoġġati s-setturi strateġiċi fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid tagħhom, inkluż permezz tas-Sħubijiet fuq Skala Kbira f’konformità mal-Boxxla għall-Kompetittività, il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Istrateġija futura tal-Unjoni ta’ Tħejjija. It-tisħiħ tas-Sħubijiet fuq Skala Kbira se jappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur 37 . Il-Patt imsaħħaħ se jindirizza l-frammentazzjoni tal-inizjattivi u jtejjeb ir-rabtiet bejniethom, bħall-Akkademji tal-UE għall-Ħiliet, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej. Se jsir titjib fis-sinerġiji transsettorjali fost il-membri tal-Patt, u kondiviżjoni tal-għarfien u tar-riżorsi tul il-katina tal-valur (eż. informazzjoni dwar il-ħiliet, profili okkupazzjonali, kurrikuli, moduli ta’ taħriġ). Il-membri tal-Patt wiegħdu li jtejbu l-ħiliet ta’ 25 miljun ħaddiem sal-2030. Il-Kummissjoni qed tappella lill-membri tal-Patt biex tal-anqas jirduppjaw l-impenji tagħhom.

oRieżami u implimentazzjoni tal-Akkademji tal-UE għall-Ħiliet immirati. Se jsir rieżami tal-akkademji eżistenti, inklużi l-Akkademji tal-Industriji b’Emissjonijiet Żero Netti, biex jiġu vvalutati l-fatturi ta’ suċċess. Abbażi ta’ din l-analiżi, se jiġu introdotti għadd immirat ta’ akkademji, li jibbażaw fuq l-aktar mudelli ta’ suċċess, biex ifornu l-ħiliet meħtieġa mill-industrija għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-Patt għal Industrija Nadifa. Dawn għandhom jimmiraw għal setturi strateġiċi bħad-difiża, is-settur awtomobilistiku, l-ekonomija ċirkolari, ir-riħ, il-grilji, l-ikel, u l-oqsma diġitali bħall-IA, il-kwantum, id-dinjiet virtwali u s-semikondutturi. Il-Kummissjoni se tniedi n-network bejn l-industrija u d-dinja akkademika tal-Akkademja għall-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà f’Ġunju 2025 u se tippromwovi l-kampusijiet ċibernetiċi għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà f’diversi Stati Membri u reġjuni. Sal-2028, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT, European Institute of Innovation and Technology) se jgħammar lil miljun student bil-ħiliet meħtieġa f’setturi strateġiċi, f’kollaborazzjoni man-negozji, b’attenzjoni partikolari għall-parteċipazzjoni fil-bilanċ bejn il-ġeneri.

oAzzjonijiet pilota, inkluż permezz ta’ Erasmus+, il-Programm Ewropa Diġitali u l-EIT, biex jiġu stabbiliti sħubijiet transnazzjonali bejn l-universitajiet u n-negozji biex in-nies jitħarrġu għal setturi b’diskrepanzi serji fil-ħiliet. Tali sħubijiet jistgħu pereżempju jappoġġaw programmi konġunti ddedikati jew jiżviluppaw b’mod konġunt mikrokredenzjali, u jappoġġaw l-intraprenditorija u l-mentoraġġ għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. L-istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up se tistabbilixxi azzjonijiet addizzjonali biex tgħin lin-negozji l-ġodda u lin-negozji li qed jespandu jżommu u jattiraw it-talent li jeħtieġu biex iniedu u jikbru fl-UE.

oEspansjoni tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati biex tikseb 700 wegħda sal-2030, inklużi minn persuni barra mis-suq tax-xogħol u apprendistati għall-adulti biex itejbu l-ħiliet u jitħarrġu mill-ġdid.

Riżultati tanġibbli ewlenin

Ittestjar tal-Garanzija tal-Ħiliet għall-ħaddiema [2025]

Introduzzjoni tal-Akkademji tal-UE għall-Ħiliet immirati, wara rieżami ta’ dawk eżistenti [2026]

Ittestjar tas-sħubijiet transnazzjonali bejn l-universitajiet u n-negozji għal setturi b’diskrepanzi serji fil-ħiliet [2026]

C.Ċirkolazzjoni u allokazzjoni tal-ħiliet biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku

Is-suq uniku jipprovdi qafas uniku għaċ-“ċirkolazzjoni” - il-moviment liberu tal-persuni - bil-ħiliet tagħhom. L-UE żviluppat leġiżlazzjoni għall-moviment liberu ta’ professjonijiet regolati kif ukoll għadd ta’ għodod ta’ trasparenza u tas-suq tax-xogħol bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), l-Europass, l-ESCO 38 , u l-EURES 39 . Barra minn hekk, ġiet żviluppata s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti għall-edukazzjoni postsekondarja taħt il-Proċess ta’ Bologna.

Madankollu, l-ostakli jkomplu jfixklu l-portabbiltà u r-rikonoxximent bla xkiel tal-ħiliet u l-kwalifiki tan-nies. Billi tiffaċilita l-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali, l-Unjoni tal-Ħiliet se tappoġġa l-mobbiltà transfruntiera bbilanċjata u l-moviment liberu tal-għarfien u tal-ħiliet. Dan se jżid it-tqabbil bejn il-ħiliet tal-persuni u l-impjiegi li jibdew meta jiċċaqilqu fl-UE, inaqqas l-eżodu ta’ mħuħ u jiġġieled kontra t-tendenzi ta’ depopolazzjoni f’reġjuni f’riskju ta’ tnaqqis demografiku.

Filwaqt li taħdem flimkien mal-Istati Membri lejn lawrja Ewropea rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha, l-Unjoni tal-Ħiliet se toffri edukazzjoni u taħriġ tal-ogħla kwalità, filwaqt li tiġbor flimkien ir-riżorsi permezz ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u transdixxiplinari appoġġata minn Erasmus+.

Riżultati tanġibbli ewlenin fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali

«Faċilitazzjoni tat-trasferibbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki

oŻvilupp tal-Inizjattiva dwar it-trasferibbiltà tal-ħiliet ħalli l-ħaddiema u n-negozji jkollhom aktar opportunitajiet biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku. L-ewwel nett, trid tiġi esplorata l-ħtieġa għal proposta leġiżlattiva potenzjali biex tindirizza l-ostakli għall-mobbiltà tal-ħaddiema, inkluż fi professjonijiet mhux regolati. Dan jista’ jibbaża fuq għodod ta’ trasparenza eżistenti li jfittxu jiżguraw il-fehim, il-komparabbiltà, il-fiduċja, u l-aċċettazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-Istati Membri. Jistgħu jiġu promossi wkoll formati Ewropej komuni għal kredenzjali diġitali interoperabbli biex ikunu possibbli l-fehim u l-aċċettazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki. It-tieni, filwaqt li tibbaża fuq ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, il-Kummissjoni se tikkunsidra azzjonijiet biex tkompli tiffaċilita, tespandi u timmodernizza l-proċessi ta’ rikonoxximent għall-professjonijiet regolati, b’mod partikolari billi tisfrutta l-għodod diġitali. It-tielet, se tara wkoll jekk għandhomx jiġu proposti regoli komuni għal proċeduri aktar sempliċi għat-trattament tar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki u l-ħiliet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

oŻvilupp ta’ qafas Ewropew komuni għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ studju u tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż fl-iskola, fil-VET u fl-edukazzjoni għolja. Trid tiġi esplorata l-possibbiltà tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-“Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent”) 40 . Dan se jkollu l-għan li jnaqqas l-inċertezza tal-istudenti mobbli dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-eżiti tat-tagħlim tagħhom, filwaqt li jevita proċeduri amministrattivi twal u imprevedibbli. Dawn joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-istudenti kollha, indipendentement mis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, u mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

«Kwalifiki Ewropej orjentati għall-futur

oFaċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju Ewropej konġunti innovattivi, inkluż f’dixxiplini għal setturi strateġiċi u oqsma teknoloġiċi ewlenin bħall-IA, il-kwantum, is-semikondutturi, id-data jew iċ-ċibersigurtà, potenzjalment permezz ta’ lawrja/tikketta Ewropea 41   bbażata fuq kriterji maqbula b’mod komuni. Din l-inizjattiva se trawwem ħiliet orjentati għall-futur u tiġbor flimkien l-għarfien espert u l-għarfien mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-UE, lil hinn minn dak li tista’ toffri kwalunkwe istituzzjoni unika.

oFaċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tal-VET billi tibda ħidma lejn l-iżvilupp ta’ diploma/tikketta Ewropea potenzjali tal-VET. Id-diploma tista’ tkopri l-VET inizjali fil-livell sekondarju superjuri u dak postsekondarju. Appoġġat minn Erasmus +, proġett pilota se jinvolvi lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-VET biex jittestjaw tali diploma/tikketta Ewropea tal-VET fl-2025-2026.

«Kooperazzjoni transnazzjonali approfondita biex jinkisbu ħiliet u kompetenzi orjentati lejn il-futur

oTrid tiġi esplorata l-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ status legali Ewropew xieraq għall-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; u perkors ta’ investiment għall-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, biex jiġu żgurati kooperazzjoni u finanzjament sostenibbli, jinġabru r-riżorsi u jissaħħu s-sħubijiet man-negozji u d-dipartimenti tar-riċerka fl-ekosistema tal-innovazzjoni tagħhom.

oTrid tissaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali taħt iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u jkun hemm kontribut għar-riformi nazzjonali tal-VET permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Jitkompla l-appoġġ tal-ħolqien ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali fl-2026-2029, abbażi ta’ evalwazzjoni.

oIridu jitmexxew l-Alleanzi tal-Iskejjel Ewropej fl-2026 biex tiżdied il-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema, il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-iskejjel u l-awtoritajiet tal-iskejjel u l-innovazzjoni. L-alleanzi se jservu bħala bankijiet tal-ittestjar għal metodi innovattivi ta’ tagħlim, kurrikuli u oqfsa ta’ kompetenza, b’mod partikolari għall-ħiliet bażiċi. L-alleanzi se jappoġġaw lill-iskejjel parteċipanti biex isiru organizzazzjonijiet tal-apprendiment għal tagħlim effettiv tal-ħiliet bażiċi, inkluż f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali.

«It-tisħiħ tal-mobbiltà għall-istudenti kollha

oIssaħħaħ l-Erasmus+ biex isir aktar inklussiv u aċċessibbli għal kulħadd, b’enfasi partikolari fuq l-istudenti b’anqas opportunitajiet – inkluż fil-VET. Ħidma akbar biex jintlaħqu n-nies se tkabbar l-ambitu għall-iżvilupp tal-ħiliet u għalhekk se tikkontribwixxi b’mod aktar deċiżiv biex tinbena Ewropa reżiljenti, kompetittiva u koeżiva.

Riżultati tanġibbli ewlenin

Inizjattiva dwar it-trasferibbiltà tal-ħiliet [2026]

Qafas Ewropew komuni għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ studju u tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż fl-iskola, fil-VET u fl-edukazzjoni għolja [2027]

Tnedija ta’ programmi ta’ studju Ewropej konġunti innovattivi b’lawrja/tikketta Ewropea [2026]

Status legali għall-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej [2027]

Proġett pilota tad-diploma Ewropea tal-VET [2025–2026]

Proġett pilota tal-Alleanzi tal-Iskejjel Ewropej [2026]

D.Attrazzjoni u żżamma tal-ħiliet minn pajjiżi terzi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġi żviluppat l-aqwa talent fl-Ewropa

Il-popolazzjoni Ewropea fl-età tax-xogħol mistennija tonqos b’miljun adult kull sena sal-2050. Meħtieġa sforzi biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol minn kemm jista’ jkun nies fl-età tax-xogħol, filwaqt li jitneħħew l-ostakli persistenti u jintlaħqu gruppi b’inqas opportunitajiet. Madankollu, anke f’dak iż-żmien, id-demografija li qed tonqos tfisser li l-popolazzjoni tal-UE mhux se tkun biżżejjed biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u biex tisfrutta l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-UE. L-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati f’partijiet tas-Suq Uniku se ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE fil-kompetizzjoni globali ħarxa tal-lum. L-appoġġ strateġiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-pajjiżi sħab bħala parti mill-Istrateġija Global Gateway għandu impatt trasformattiv, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, speċjalment fil-pajjiżi ta’ investiment, u permezz tiegħu se tkun promossa s-sostenibbiltà.

Filwaqt li tikkomplementa l-miżuri biex tattiva u ttejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol tal-UE, l-UE trid issir kalamita globali għat-talent, kemm biex tattirah kif ukoll biex iżżommu. Sabiex iżżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-Ewropa trid issaħħaħ l-attraenza tagħha għall-aqwa riċerkaturi, speċjalisti f’oqsma strateġiċi, akkademiċi u studenti madwar id-dinja, u speċjalisti f’oqsma strateġiċi, bħal dawk marbuta mal-mewġa li jmiss tat-teknoloġiji mill-aktar avvanzati. Il-kapaċità tal-UE li tikkompeti fuq skala globali tiddependi mhux biss miż-żamma tat-talent lokali iżda wkoll mill-attrazzjoni attiva tat-talent minn barra l-Ewropa. Billi toffri infrastruttura ta’ edukazzjoni u riċerka ta’ klassi dinjija, prospetti ta’ karriera kompetittiva, u ambjent regolatorju u ta’ finanzjament ta’ appoġġ, l-UE tista’ ssir destinazzjoni li jagħżlu l-aqwa mħuħ. L-għotjiet għar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka jistgħu jkunu strumentali biex jattiraw u jżommu fl-UE riċerkaturi brillanti mid-dinja kollha, billi jipprovdu finanzjament fit-tul u flessibbli biex issir riċerka fil-fruntieri tal-għarfien fl-Ewropa.

Din l-ambizzjoni se toqgħod attenta wkoll biex jiġu żgurati l-aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u l-forniment tagħhom, b’mod partikolari f’setturi fejn il-ħaddiema huma esposti għal riskju ogħla ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol inġusti, ħżiena għas-saħħa u mhux sikuri. L-infurzar xieraq tar-regoli dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, inkluż bl-appoġġ tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA, European Labour Authority), huwa importanti ħafna biex jinbena Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb u dan jikkonċerna lill-ħaddiema kollha, inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u speċjalment fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema u fi ktajjen ta’ sottokuntrattar twal u kumplessi.

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-UE għandhom jiġu appoġġati fl-integrazzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jużaw it-talenti tagħhom sal-potenzjal sħiħ tagħhom, b’kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Għandha tissaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar il-mobbiltà internazzjonali tal-forza tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet.

L-Unjoni tal-Ħiliet se tiżgura li l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fl-attrazzjoni globali tat-talent għall-innovazzjoni u tippromwovi d-diversità u l-inklużjoni, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet tas-sigurtà għal setturi strateġiċi bħaċ-ċibersigurtà, l-ajruspazju u d-difiża.

Riżultati tanġibbli ewlenin fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali

«Qafas Ewropew għall-attrazzjoni u ż-żamma tat-talent

oLadarba ssir l-adozzjoni mill-koleġiżlaturi, trid tiġi stabbilita r-Riżerva tat-talenti tal-UE, pjattaforma għall-UE kollha li tiffaċilita r-reklutaġġ internazzjonali ta’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi residenti barra mill-UE, u li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu f’okkupazzjonijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE kollha fil-livelli kollha tal-ħiliet. 

oL-Ewropa trid issir attraenti għall-aħjar riċerkaturi madwar id-dinja, billi tantiċipa u tiġġieled l-eżodu ta’ mħuħ mill-UE kemm għar-riċerkaturi Ewropej kif ukoll għal dawk internazzjonali. Dan billi:

Øtoffri kundizzjonijiet xjentifiċi eċċellenti tax-xogħol u tal-impjieg u prospetti tal-karriera, b’mod partikolari billi tiffoka fuq l-indirizzar tal-prekarjetà fil-karrieri fir-riċerka bikrija, permezz tal-Azzjoni Marie Skłodowska-Curie “MSCA Choose Europe”. Fl-2025 se jitnieda proġett pilota. L-applikanti se jkunu jistgħu jorbtu l-għotjiet tal-MSCA ma’ kompetizzjonijiet li jwasslu għal pożizzjonijiet fit-tul fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka wara t-tmiem tal-proġett.

Øtappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid tal-karrieri fir-riċerka 42 u tal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi, partikolarment rilevanti għaż-żamma tar-riċerkaturi fl-Ewropa u biex tiġi attirata d-dijaspora xjentifika.

oIs-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru attraenti għall-istudenti brillanti. 

ØIl-Kummissjoni tipproponi mira ġdida: Sal-2030, l-għadd annwali ta’ studenti minn barra l-UE li jiġu biex jistudjaw u jiksbu lawrja fil-livell terzjarju fl-UE għandu jkun tal-inqas 350 000 43 .

ØIridu jsiru fieri ta’ studju virtwali, speċifikament dwar STEM u dixxiplini strateġiċi oħra, u jiġu organizzati attivitajiet ta’ promozzjoni fiżika taħt l-istrixxun “Studja fl-Ewropa”, biex jattiraw studenti minn istituzzjonijiet ewlenin f’pajjiżi terzi ħalli jistudjaw fl-Ewropa f’dixxiplini ewlenin, bl-inċentiv ta’ boroż ta’ studju Erasmus Mundus u tal-Programm Ewropa Diġitali, u l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej.

oAttrazzjoni u integrazzjoni faċilitati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet speċjalizzati.

ØAktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija għall-Viżi li se tinkludi miżuri li jappoġġaw il-wasla tal-aqwa studenti, riċerkaturi u ħaddiema mħarrġa minn pajjiżi terzi, pereżempju permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi 44 u d-Direttiva dwar il-Karta Blu. Meħtieġ ukoll appoġġ aktar b’saħħtu lill-Istati Membri u lill-konsulati tagħhom, biex jiġi żgurat li l-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta’ residenza jkunu jistgħu jinħarġu fil-ħin. Il-finanzjament tal-UE se jiffaċilita koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-migrazzjoni u dawk tal-edukazzjoni.

ØFattur ewlieni biex jiġi attirat it-talent huwa l-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba fl-Ewropa għall-integrazzjoni tagħhom u għall-appoġġ tal-ħajja tal-familja. Aktar tard din is-sena l-Kummissjoni se tirrieżamina l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni u se tesplora modi ta’ appoġġ aħjar għall-miżuri ta’ integrazzjoni u riunifikazzjoni tal-familja, b’mod partikolari għall-ħaddiema tas-sengħa u r-riċerkaturi.

ØIl-“Programmi ta’ taħriġ għar-reklutaġġ” huma kritiċi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-pajjiżi sħab. Tali programmi qed jiġu żviluppati bħala parti mis-Sħubijiet ta’ Talent u għandhom jiġu żviluppati aktar bħala parti mill-Uffiċċji ta’ Gateway Legali b’Diversi Għanijiet stabbiliti b’mod konġunt mal-Istati Membri interessati biex jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-impjegaturi biex isibu l-ħiliet li jeħtieġu, b’mod partikolari f’setturi ta’ interess kondiviż, bħall-kostruzzjoni, il-kura, l-ICT, it-trasport, il-bijoekonomija, it-turiżmu, l-agrikoltura, jew il-kultura. Programmi bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq sħubija pubblika-privata u għandhom ikunu ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab. Il-Patt il-Ġdid li jmiss għall-Mediterran joffri opportunitajiet partikolari f’dan ir-rigward.

Riżultati tanġibbli ewlenin

Tnedija tal-Pjattaforma tal-IT tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE

Il-Proġett Pilota tal-Azzjoni Marie Sklodowska-Curie “MSCA Choose Europe” [Q4 2025]

Strateġija ġdida għall-Viżi [Q4 2025]

Tnedija ta’ Uffiċċji ta’ Gateway Legali b’Diversi Għanijiet [2026]

4.Investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet – il-mobilizzazzjoni tal-investiment pubbliku u privat

L-edukazzjoni u l-ħiliet huma investiment - mhux spiża - li jrendi benefiċċji ħafna drabi iżjed min-nefqa. L-investiment f’popolazzjoni u forza tax-xogħol b’edukazzjoni tajba ma jippermettix biss li n-nies jiksbu aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u jżommuhom. Huwa wkoll investiment fil-kompetittività u t-tħejjija tal-UE, it-tkabbir ekonomiku u inklużiv, u r-reżiljenza msaħħa, il-koeżjoni soċjali u territorjali, u, fl-aħħar mill-aħħar, it-tisħiħ tal-mudell soċjali Ewropew u l-protezzjoni tal-valuri u d-demokrazija Ewropej.

Il-baġit attwali ta’ 7 snin (2021-2027) jalloka l-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet permezz ta’ programmi bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), li jappoġġa l-ħiliet b’EUR 42 biljun, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (EUR 67,7 biljun għall-investiment kemm fil-kapital uman kif ukoll għall-infrastruttura), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (EUR 8,7 biljun), l-Erasmus+ (EUR 26,1 biljun), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (EUR 2,3 biljun) u InvestEU (b’ingranaġġ ta’ aktar minn EUR 1 biljun). Importanti li l-Istati Membri jieħdu vantaġġ mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 biex isaħħu l-investimenti tagħhom fl-edukazzjoni u l-ħiliet, b’appoġġ għal riformi ambizzjużi biex jimplimentaw l-Unjoni tal-Ħiliet.

Il-finanzjament futur tal-UE se jkompli jappoġġa l-investimenti fl-edukazzjoni u l-ħiliet fil-livell tal-UE. Billi nisfruttaw l-aħjar prattiki, il-proġetti pilota, u t-tagħlimiet meħuda fil-livell tal-UE, flimkien ma’ koordinazzjoni mtejba mal-prijoritajiet tal-politika Ewropea, se nimmassimizzaw il-valur miżjud tal-investimenti f’setturi kritiċi għall-kompetittività Ewropea.

Il-baġit tal-UE huwa biss parti waħda mill-istampa. Minħabba l-iskala tal-isfida, u l-premju mil-lat ta’ kompetittività, prosperità u reżiljenza, huwa kruċjali li jiġu sfruttati l-finanzjament u l-inizjattivi lil hinn mill-fondi tal-UE kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. 

Fl-2022, in-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha tal-edukazzjoni kienet ta’ 4,7 % tal-PDG (medja tal-UE). 0,1 % tal-PDG intefaq fuq l-apprendiment għall-adulti.

L-Istati Membri u s-settur privat jeħtieġ li jinvestu aktar fl-edukazzjoni, it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

Riżultati tanġibbli ewlenin fil-livell nazzjonali, reġjonali u tas-settur privat tal-UE

oUżu sħiħ tal-possibbiltajiet taħt InvestEU u tnedija ta’ Pjattaforma konġunta ġdida “EU Invest in Talent”, f’kooperazzjoni mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u miftuħa għall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-banek promozzjonali nazzjonali kollha, li tinvolvi t-taħlit tal-finanzjament tal-UE u s-self minn investituri ewlenin lejn it-tisħiħ tal-investimenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fl-Ewropa, flimkien maż-żieda fil-finanzjament u l-impatt. Taħt il-pjattaforma, jiġu kkordinati l-inizjattivi tas-settur privat u jissaħħaħ l-investiment tas-settur privat fit-taħriġ, fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid, f’ekosistemi industrijali ewlenin billi jissaħħu l-Patt għall-Ħiliet u l-Akkademji tal-Ħiliet tal-UE u billi jiġu stabbiliti sħubijiet transnazzjonali bejn l-universitajiet u n-negozji. Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u l-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej huma wkoll mezzi eċċellenti biex jiġi stimulat l-investiment tas-settur privat fl-iżvilupp ta’ ħiliet orjentati lejn il-futur.

oL-Istati Membri jitħeġġu jużaw il-possibbiltà li għadha kif ġiet introdotta għal perkors ta’ aġġustament estiż fil-qafas ta’ governanza ekonomika rieżaminat biex jiġu inklużi riformi li jsaħħu t-tkabbir u investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li jikkontribwixxu ħalli jiżdiedu l-produttività u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

oTitkompla u tissaħħaħ il-ħidma fuq l-investiment soċjali, inkluż maċ-Ċentru ta’ Investiment Soċjali 45 , bil-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku kif ukoll bl-appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jimplimentaw riformi u investimenti soċjali, tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet u jtejbu l-kapaċità li jkejlu r-redditi soċjali u ekonomiċi tagħhom fuq il-produttività u s-sostenibbiltà fiskali.

oTrid tinstab l-aħjar prattika biex ikompli l-appoġġ tal-impjiegi ta’ kwalità u jiġi promoss it-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol permezz tal-akkwist pubbliku.

oEvalwazzjoni tal-kwalità u tar-rilevanza tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, appoġġata mil-Laboratorju tal-Apprendiment dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità 46 .

oL-Istati Membri jitħeġġu jagħmlu użu xieraq mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament għall-edukazzjoni u t-taħriġ offruti mill-FSE+.

5.Governanza

It-twettiq tal-Unjoni tal-Ħiliet se jitlob ambizzjoni akbar, responsabbiltà kollettiva u sjieda, antiċipazzjoni, direzzjoni koordinata, investiment, u implimentazzjoni effettiva tar-riformi f’diversi livelli. Għal dan l-għan, l-Unjoni tal-Ħiliet se tibni fuq struttura u governanza b’saħħithom, filwaqt li twettaq il-prijorità li tiżviluppa kapital uman b’saħħtu, bħala faċilitatur orizzontali, b’appoġġ għall-kompetittività u l-prijoritajiet ta’ tħejjija tal-UE. F’dan ir-rigward, l-Unjoni tal-Ħiliet se tkun allinjata mal-mekkaniżmu ta’ tmexxija l-ġdid għall-kompetittività kif deskritt fil-Boxxla għall-Kompetittività, li se jippermetti l-integrazzjoni rapida u effettiva tal-kwistjonijiet li jappartjenu għall-ħiliet, inkluż fis-setturi konkreti identifikati bħala kritiċi għall-kompetittività Ewropea.

Il-governanza tal-Unjoni tal-Ħiliet, li trid tiġi implimentata bis-sħiħ malajr kemm jista’ jkun, se tibni fuq pjattaforma ta’ informazzjoni dwar il-ħiliet u l-edukazzjoni b’saħħitha, f’waqtha u rilevanti, koerenti u kkoordinata – l-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet. Bl-għan li tissimplifika u tikkonsolida proċess ta’ tfassil ta’ politika infurmat u aġli f’dan il-qasam, l-Unjoni tal-Ħiliet se tibbaża fuq kooperazzjoni mill-qrib fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari s-sħab soċjali, is-settur privat u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, permezz ta’ Bord ta’ Livell Għoli Ewropew dwar il-Ħiliet.

Minħabba li l-kapital uman, l-edukazzjoni u l-ħiliet huma kwistjoni ewlenija biex tiġi żgurata l-kompetittività Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi Rakkomandazzjoni ġdida tal-EU-27 dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Ir-Rakkomandazzjoni tibbaża fuq il-kontribut mill-Osservatorju u l-Bord ta’ Livell Għoli biex tiggwida lill-Istati Membri u lill-atturi rilevanti kollha fil-qasam tal-kapital uman, fl-edukazzjoni u l-ħiliet u tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li r-riformi u l-investimenti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jissodisfaw l-aktar ħtiġijiet stretti b’mod strateġiku u effettiv.

L-elementi ewlenin tal-governanza tal-Unjoni tal-Ħiliet huma deskritti hawn taħt.   

«Forniment tad-data meħtieġa għal politika infurmata tajjeb: Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet

L-informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar il-ħiliet hija kruċjali biex jiġu żgurati azzjoni ta’ politika infurmata u finanzjament effettiv. Permezz ta’ Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet li għadu kif inħoloq, il-Kummissjoni se tipprovdi data strateġika u prospettiva dwar l-istokkijiet, l-użu u l-ħtiġijiet tal-ħiliet (attwali u futuri), f’setturi u reġjuni konkreti, u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan ir-rapportar f’waqtu tad-data se jippermetti li jkun hemm twissijiet bikrija dwar in-nuqqas ta’ ħiliet f’setturi kritiċi jew strateġiċi għall-UE.

Il-Kummissjoni43 qed tieħu passi biex ittejjeb l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-ġbir ta’ data f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Eurostat u mal-Osservatorji u l-aġenziji rilevanti tal-UE 47 (Eurofound, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u s-Cedefop), li jiġbru ammont kbir ta’ data, inkluż ir-rapport annwali dwar in-nuqqasijiet u l-eċċess ta’ ħaddiema u l-għodda ta’ analiżi online dwar il-ħiliet, li jipproduċu informazzjoni u tbassir tal-ħiliet kważi “f’ħin reali”. Sorsi ta’ data rilevanti oħra jinkludu l-informazzjoni dwar il-ħiliet settorjali miġbura permezz tal-Patt għall-Ħiliet u l-alleanzi tal-ħiliet “Blueprint”, il-monitoraġġ tal-perkors tal-gradwati Ewropej, il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, l-osservatorju Ewropew tas-settur tal-edukazzjoni għolja, l-Osservatorju tal-Karrieri fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (ReICO, Research and Innovation Careers Observatory), l-Ispazju Ewropew tad-Data għall-Ħiliet, u n-network Eurydice.

L-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet se jippermetti li din id-data granulari, f’ħin reali u komparabbli kollha tiġi ċċentralizzata f’punt uniku ta’ servizz, filwaqt li jipprovdi l-inputs meħtieġa lill-Bord ta’ Livell Għoli dwar il-Ħiliet u jikkontribwixxi għall-ħidma tas-Semestru Ewropew.

«Xprunar tal-bidla - Bord ta’ Livell Għoli Ewropew dwar il-Ħiliet

Filwaqt li tibbaża fuq is-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet, u biex tappoġġa l-ħidma fil-livell politiku, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Bord ad hoc ta’ Livell Għoli Ewropew dwar il-Ħiliet. Il-Bord, ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea, se jlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi l-mexxejja tan-negozju, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u s-sħab soċjali biex jipprovdu għarfien komprensiv u transsettorjali u gwida dwar il-ħiliet lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE, filwaqt li jiżgura viżjoni koordinata u l-identifikazzjoni tal-azzjoni kuraġġuża meħtieġa biex jissaħħaħ il-kapital uman tagħna, filwaqt li jibni fuq is-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet.

Il-Bord se jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-EU-27 dwar il-kapital uman u dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Kif rilevanti, se tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tad-Deċennju Diġitali dwar il-ħiliet bażiċi diġitali, kif ukoll ta’ korpi rilevanti oħra. Billi jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti ewlenin, il-Bord se jiffaċilita azzjoni rapida fil-prattika, filwaqt li jissimplifika u jnaqqas iż-żminijiet ta’ diskussjoni u konsultazzjoni ta’ korpi u istituzzjonijiet differenti fil-livelli tal-UE u nazzjonali. Il-Bord se jkollu struttura dinamika u aġli, billi jkun jista’ jirreaġixxi malajr għas-sitwazzjoni li qed tevolvi fix-xenarju tal-ħiliet settorjali tal-UE u jlaqqa’ l-partijiet ikkonċernati rilevanti skont kwistjonijiet urġenti differenti li għandhom jiġu diskussi.

«Lejn Rakkomandazzjoni ddedikata tal-EU-27 dwar il-kapital uman: l-edukazzjoni u l-ħiliet fis-Semestru Ewropew

Il-ħiliet huma faċilitaturi ewlenin tal-kompetittività sostenibbli. Għalhekk, l-Unjoni tal-Ħiliet se tkun ankrata fil-mekkaniżmu ta’ tmexxija tal-kompetittività li se jinkludi l-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività u s-Semestru Ewropew simplifikat.

L-introduzzjoni tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali fis-Semestru Ewropew fl-2024 48 ġibdet aktar attenzjoni għall-iżbilanċi soċjali u r-riskji għall-konverġenza soċjali ’l fuq. Aktar analiżi u pariri mfassla apposta dwar il-politika tal-kapital uman tal-Istati Membri jistgħu jiżdiedu mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, biex jittejbu u jiġu aġġornati b’mod sinifikanti l-monitoraġġ u l-analiżi tar-riżultati tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni u tal-ħiliet. Il-Kummissjoni beħsiebha tintroduċi rakkomandazzjoni orizzontali tal-EU-27 dwar il-kapital uman għall-Istati Membri kollha, sostnuta mis-sejbiet tal-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet u l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea, appoġġata mill-Bord ta’ Livell Għoli Ewropew dwar il-Ħiliet.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-EU-27 għandha jkollha enfasi partikolari fuq kwistjonijiet strutturali tal-edukazzjoni u l-ħiliet, kif ukoll ir-relazzjoni tagħha mas-suq tax-xogħol u l-kompetittività li qed jevolvu b’mod rapidu. L-għan tagħha huwa li tipprovdi kontribut għall-iffissar tal-aġenda għal kwistjonijiet relatati mal-kapital uman għall-UE kollha kemm hi, kif ukoll kontribut għad-dibattiti ta’ politika rilevanti fil-Kunsill u li tinforma lis-Summit Soċjali Tripartitiku. Dan għandu jkun komplementari għall-elementi l-oħra tas-Semestru Ewropew, inkluż b’mod partikolari r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, u se jikkontribwixxi għar-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Fil-livell istituzzjonali, il-Kummissjoni se tidderieġi kollaborazzjoni u rabtiet aktar mill-qrib biex tiggarantixxi koerenza bejn l-elementi differenti tas-Semestru Ewropew u tħeġġeġ kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-formazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, b’mod partikolari l-ministeri tal-edukazzjoni, tal-impjiegi u tal-ekonomija, biex tindirizza l-isfida tal-kapital uman fil-ħiliet fil-livelli tal-UE u nazzjonali f’approċċ ta’ gvern sħiħ.

Fil-livell tal-implimentazzjoni tal-politika, struttura ta’ governanza simplifikata taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tista’ tiġi integrata mill-qrib fil-governanza tal-Unjoni tal-Ħiliet, biex tibni fuq il-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet differenti ħalli twassal għall-bidla sistemika meħtieġa għal impatt ogħla. Strutturi ta’ governanza b’saħħithom u aġli jsaħħu l-appoġġ għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi bbażati fuq l-evidenza. Fl-ewwel nofs tal-2025, il-Kummissjoni se tippubblika rapport ta’ evalwazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li se jinforma r-rieżami mill-Kunsill.

6.Konklużjoni – it-triq ’il quddiem

Il-Boxxla għall-Kompetittività għall-UE tenfasizza li l-pedament tal-kompetittività tal-Ewropa, u t-tħejjija għall-futur, huwa l-poplu tagħha, bil-ħiliet bħala kundizzjoni abilitanti. L-Unjoni tal-Ħiliet tipproponi approċċ ġdid, li jgħaqqad flimkien il-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, magħqudin b’viżjoni komuni dwar il-kompetittività. Tipproponi erba’ fergħat ta’ azzjoni dwar il-ħiliet li se jippromwovu l-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni, it-tħejjija, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali.

L-Unjoni tal-Ħiliet se tipprovdi l-qafas għall-ħidma tal-Kummissjoni għal dan il-mandat kollu. L-isfida li għandna quddiemna hija enormi u tista’ tiġi indirizzata biss jekk l-atturi kollha jkollhom responsabbiltà kollettiva u jintensifikaw f’approċċ ta’ gvern sħiħ li jindirizza kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll dik tad-domanda tal-ħiliet (inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-rikonoxximent, ir-rabtiet mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-demografija, il-prattiki tal-kumpaniji) inklużi l-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-komunità tan-negozju, l-universitajiet u l-iskejjel.

Kif identifikat b’mod ċar mill-Unjoni tal-Ħiliet, l-unika triq ’il quddiem hija l-impenn sħiħ, ibbażat fuq mekkaniżmu eżekuttiv b’saħħtu u governanza ankrata f’mekkaniżmu koerenti u effiċjenti ta’ tmexxija tal-kompetittività biex jinforma d-deċiżjonijiet għall-investiment u r-riformi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li se jinkludi l-Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività u s-Semestru simplifikat, appoġġat mill-fondi tal-UE u dawk nazzjonali bi rwol imsaħħaħ għas-sħubijiet pubbliċi u privati . Dan se jkun ibbażat fuq mekkaniżmu eżekuttiv u governanza b’saħħithom permezz tas-Semestru Ewropew, appoġġati mill-fondi tal-UE u dawk nazzjonali, bi rwol imsaħħaħ għas-sħubijiet pubbliċi u privati. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lis-sħab soċjali biex japprovaw l-Unjoni tal-Ħiliet u jikkontribwixxu b’mod attiv għat-twettiq tal-inizjattivi li fiha.

(1)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Boxxla għal-Kompetittività għall-UE, COM (2025) 30 final .

(2)

Il-ħiliet għandhom jinftiehmu f’sens wiesa’ tul il-komunikazzjoni kollha. Dan jinkludi ħiliet, għarfien u kompetenzi għall-ħajja, ferm lil hinn mill-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol.

(3)

The future of European Competitiveness, rapport ta’ Mario Draghi.

(4)

Much more than a market – Speed, Security, Solidarity, Empowering the Single Market to deliver a sustainable future and prosperity for all EU Citizens, rapport ta' Enrico Letta.

(5)

Safer Together: Strengthening Europe’s Civilian and Military Preparedness and Readiness, Rapport ta’ Sauli Niinistö, eks President tar-Repubblika tal-Finlandja, fil-kapaċità tiegħu bħala Konsulent Speċjali tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.

(6)

  Ir-rapport tal-istudju PISA 2022 jiddeskrivi l-prestazzjoni edukattiva li sejra għall-agħar u l-inugwaljanza aktar profonda

(7)

Ir-rapport tal-EURES dwar in-nuqqas u s-surpluses ta’ ħaddiema 2023: https://www.ela.europa.eu/en/publications/labour-shortages-and-surpluses-europe-2023

(8)

Iż-żieda fid-diskrepanzi fil-ħiliet hija wkoll problema li għandha tiġi indirizzata għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali.

(9)

Adults Have the Skills They to Thrive in a Changing World? Survey of Adult Skills 2023, OECD: https://www.oecd.org/en/publications/do-adults-have-the-skills-they-need-to-thrive-in-a-changing-world_b263dc5d-en.html

(10)

Statistika dwar it-Tagħlim għall-Adulti, Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Adult_learning_statistics

(11)

 Ir-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali 2024 jenfasizza li 55,6 % biss tal-popolazzjoni tal-UE għandha tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi (meta mqabbla mal-mira ta’ 80 %) u bil-pass attwali, l-għadd ta’ speċjalisti tal-ICT se jilħaq biss 12-il miljun sal-2030, li hu ferm inqas mill-mira ta’ 20 miljun.

(12)

Attrazzjoni tat-talenti 2023, OECD: https://www.oecd.org/en/data/tools/talent-attractiveness-2023.html

(13)

Il-“pjan ta’ azzjoni industrijali tal-UE għas-settur awtomobilistiku” għandu l-għan li jindirizza l-isfidi dwar l-innovazzjoni u t-tmexxija fit-teknoloġiji futuri, it-tranżizzjoni nadifa u d-dekarbonizzazzjoni u l-ħiliet meħtieġa biex dawn jinkisbu.

(14)

 Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030). ĠU C 497, 10.12.2021 .

(15)

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa: https://employment-social-affairs.ec.europa.eu/policies-and-activities/skills-and-qualifications/european-skills-agenda_mt

(16)

  The twin challenge of equity and excellence in basic skills in the EU: An EU comparative analysis of the PISA 2022 results

(17)

  International Computer and Information Literacy Study (ICILS) in Europe, 2023

(18)

  Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2024

(19)

Għal aktar dettalji dwar l-edukazzjoni skolastika fiż-żoni rurali, ara OECD (2021), “Delivering quality education in rural communities.”

(20)

Anke jekk tjiebet fis-snin reċenti, għad hemm diskrepanza ta’ 15 % (COM/2024/450 finali).

(21)

Eurostat (2022).

(22)

Ir-Rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji, “Future of Jobs 2023”: https://www.weforum.org/publications/the-future-of-jobs-report-2023

(23)

  Vodafone Foundation 2025 (AI In European Schools)  

(24)

Is-sehem ta’ studenti rreġistrati fl-oqsma STEM fil-VET inizjali ta’ livell medju kien 36,2 % fl-2022 (l-aħħar data disponibbli). Il-livell tal-UE għall-2030 għandu jibbaża fuq żieda annwali medja ta’ madwar 1,1 punti perċentwali.

(25)

Is-sehem tan-nisa rreġistrati fl-oqsma STEM fil-VET inizjali ta’ livell medju (mir-reġistrazzjoni totali ta’ STEM) kien ta’ 16,1 % fl-2022 (l-aħħar data disponibbli). Il-livell tal-UE għall-2030 għandu jibbaża fuq żieda annwali medja ta’ madwar 1,1 punti perċentwali.

(26)

Is-sehem ta’ studenti rreġistrati fl-oqsma STEM fil-livell terzjarju kien 27,1 % fl-2022 (l-aħħar data disponibbli). Il-mira fil-livell tal-UE għall-2030 hija li tibbaża fuq żieda annwali medja ta’ madwar 0,6 punti perċentwali.

(27)

Is-sehem tan-nisa rreġistrati fl-oqsma STEM fil-livell terzjarju (mit-total tar-reġistrazzjoni STEM) kien ta’ 31,8 % fl-2022 (l-aħħar data disponibbli). Il-mira fil-livell tal-UE għall-2030 hija li tibbaża fuq żieda annwali medja ta’ madwar punt perċentwali.

(28)

 Żieda minn 3,7 % fl-2022

(29)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2024 dwar karrieri attraenti u sostenibbli fl-edukazzjoni għolja .

(30)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi riżerva ta’ talent tal-UE (COM/2023/716).

(31)

 Il-forza tax-xogħol tal-enerġija se jkollha tiżdied b’50 % sal-2030 biex jiġu użati l-enerġiji rinnovabbli, it-teknoloġiji tal-grilja u tal-effiċjenza enerġetika.

(32)

VET Data insights: what is happening with vocational education and training and adult learning in the European Union, Cedefop: https://www.cedefop.europa.eu/en/data-insights/what-happening-vocational-education-and-training-and-adult-learning-european-union

(33)

In-nuqqas ta’ motivazzjoni fost l-adulti kienet problema rikorrenti identifikata mill-Istati Membri kollha matul is-Sena Ewropea tal-Ħiliet.

(34)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (2022/C 243/03)

(35)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (2022/C 243/02)

(36)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, kif emendat, it-test konsolidat https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:02014R0651-20230701

(37)

Jeżistu sħubijiet fuq skala kbira fis-setturi li ġejjin: is-settur ajruspazjali u tad-difiża, is-setturi agroalimentari u tal-kostruzzjoni, l-industriji kreattivi u kulturali, is-settur diġitali, l-industriji intensivi fl-enerġija, kif ukoll is-setturi tas-saħħa, tal-elettronika, tal-mobbiltà u tat-trasport awtomobilistiku, tal-ekonomija ta’ prossimità u soċjali, tal-enerġija rinnovabbli, tal-bejgħ bl-imnut, tat-tessuti u tal-ekosistemi tat-turiżmu.

(38)

Il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-ħiliet/il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi    

(39)

Is-Servizzi Ewropej tax-Xogħol

(40)

  CETS 165 - Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew .

(41)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Blueprint for a European degree”

(42)

Il-Proposta għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda ta’ Politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2025–2027.

(43)

Il-mira fil-livell tal-UE għall-2030 tikkonċerna l-għadd ta’ gradwati terzjarji mobbli minn barra l-UE li ġejjin. Din iċ-ċifra kienet 248 827 fl-2022 (l-aħħar data disponibbli), li jfisser li l-mira fil-livell tal-UE għall-2030 teħtieġ żieda ta’ madwar 41 % sal-2030. Previżjoni lineari tissuġġerixxi ċifra tal-2030 ta’ madwar 328 000, li tfisser li l-mira fil-livell tal-UE għall-2030 teħtieġ titjib ta’ madwar 7 % meta mqabbla mal-progressjoni lineari.

(44)

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (riformulazzjoni)

(45)

 Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-politika tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet u dawk soċjali għal ekonomiji reżiljenti (11066/24) u l-Prinċipji gwida volontarji għall-Istati Membri tal-UE għall-evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi tar-riformi u l-investimenti fl-oqsma tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u tal-politika soċjali (10779/24)

(46)

  Il-Laboratorju tal-Apprendiment dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità

(47)

 Bħalissa qed tinbena data lakehouse biex tiġbor flimkien id-data kollha tal-aġenziji u hija kkoordinata mill-Eurofound. Id-data lakehouse tinsab fil-fażi pilota u l-ħidma bħalissa ffukata fuq il-ġbir flimkien tad-data dwar il-ħiliet.

(48)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97

Top