This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0582
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A Stronger European Industry for Growth and Economic Recovery Industrial Policy Communication Update
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali
/* COM/2012/0582 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali /* COM/2012/0582 final */
WERREJ KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT
TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru
Ekonomiku.............................................. Error! Bookmark not
defined. I............ Is-Sħubija għal Industrija Ewropea
iktar b’saħħitha.......................................................... 3 II........... Il-kuntest ekonomiku u politiku:
rwol ċentrali għall-Industrija............................................ 4 III.......... Il-pilastri għal politika
industrijali msaħħa: Investiment fl-innovazzjoni, kundizzjonijiet aħjar
tas-suq, aċċess għall-kapital u l-kapital uman u l-ħiliet...................................................................................... 6 A........... L-iffaċilitar tal-investiment
fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni....................................... 7 1. Linji ta' Azzjoni Prijoritarji......................................................................................................... 8 i) Swieq għal teknoloġiji tal-manifattura
avvanzati għal produzzjoni nadifa........................................ 8 ii) Is-swieq għal teknoloġiji abilitanti
essenzjali................................................................................ 9 iii) Is-swieq ta' bijoprodotti.......................................................................................................... 10 iv) Il-politika sostenibbli fil-qasam
tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima........................... 10 v) Vetturi u bastimenti nodfa........................................................................................................ 12 vi) Grilji intelliġenti....................................................................................................................... 13 2. Il-miżuri ta' akkumpanjament................................................................................................... 14 B........... Aċċess għas-swieq....................................................................................................... 16 1. It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti........................................................................................ 16 2. It-trawwim tal-intraprenditorija biex is-Suq
Intern isir aktar dinamiku........................................ 19 3. Is-Suq Intern għat-teknoloġija, il-privattiva
unitarja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 20 4. Is-swieq internazzjonali........................................................................................................... 22 C........... L-aċċess għall-finanzi u s-swieq
kapitali......................................................................... 24 1........... L-appoġġ tas-settur pubbliku biex
jiffaċilita l-aċċess tal-industrija għall-kapital................ 25 2. L-aċċess għas-swieq kapitali................................................................................................... 26 D........... Ir-rwol kruċjali tal-kapital uman.................................................................................... 27 IV......... Konklużjoni: il-governanza u l-miri................................................................................. 30 KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha
għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar
il-Politika Industrijali I. Is-Sħubija għal
Industrija Ewropea iktar b’saħħitha Fi żmien meta qed jippersistu l-problemi
finanzjarji, l-Ewropa teħtieġ ekonomija reali tagħha aktar minn qatt qabel biex
tirfed l-irkupru tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. L-industrija tagħna tinsab
f’pożizzjoni tajba biex tassumi dan ir-rwol: L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett
f'ħafna setturi strateġiċi bħal dawk tal-karozzi, l-aeronawtika, l-inġinerija,
l-ispazju, il-kimiċi u l-farmaċewtiċi. L-industrija għadha tirrappreżenta 4/5
tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80 % tal-investiment tas-settur privat
fir-riċerka u l-iżvilupp ġej mill-manifattura[1].
Madankollu, il-kriżi ekonomika kontinwa
poġġiet lill-industrija tal-Ewropa taħt pressjoni: il-produzzjoni hija
10 % aktar baxxa minn qabel il-kriżi u fl-industrija ntilfu aktar minn
3 miljun impjieg. Il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji hija baxxa.
Il-problemi fis-settur bankarju jagħmluha diffiċli biex jinkiseb aċċess
għall-finanzjament. L-investimenti qed jinżammu lura u l-fabbriki jinsabu taħt
pressjoni biex jagħlqu. Dan qed jiġri fi żmien meta l-pass mgħaġġel
tal-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku poġġa lid-dinja fit-tarf ta' avvanz
kbir industrijali. Diversi oqsma teknoloġiċi ġodda qegħdin jikkonverġu biex jistabbilixxu
s-sisien tar-rivoluzzjoni industrijali ġdida bbażata fuq enerġija ħadra,
trasport nadif, metodi ġodda ta’ produzzjoni, materjali innovattivi u sistemi
ta’ komunikazzjoni intelliġenti. Dawn se jbiddlu l-pajsaġġ industrijali globali
u l-kompetituri tagħna fl-Istati Uniti u fl-Asja qed jinvestu ferm f'dawn
l-oqsma. L-Ewropa teħtieġ investiment industrijali ġdid fiż-żmien meta n-nuqqas
ta' fiduċja, l-inċertezza tas-suq, il-problemi ta' finanzjament u l-iskarsezza
ta' ħiliet qed iżommuh lura. Jeħtieġ li l-Ewropa treġġa' lura
d-deterjorament tal-industrija fl-Ewropa għas-seklu 21. Dan huwa l-uniku mod biex jinkiseb tkabbir sostenibbli, jinħolqu
impjiegi b'valur għoli u jissolvew l-isfidi tas-soċjetà li qed inħabbtu wiċċna
magħhom. Sabiex jinkiseb dan, tinħtieġ viżjoni komprensiva, li tiffoka fuq
l-investiment u fuq l-innovazzjoni, iżda li timmobilizza wkoll l-għodod
disponibbli fil-livell tal-UE, partikolarment is-suq uniku, il-politika
kummerċjali, il-politika tal-SMEs, il-politika tal-kompetizzjoni, il-politika
ambjentali u tar-riċerka favur il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Din il-Komunikazzjoni tipproponi sħubija
bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-industrija biex b’mod drammatiku żżid
l-investiment f'teknoloġiji ġodda u tagħti lill-Ewropa vantaġġ kompetittiv
fir-rivoluzzjoni industrijali ġdida. Wara konsultazzjoni pubblika estensiva,
il-Kummissjoni tipproponi li tikkonċentra l-investiment u l-innovazzjoni b'mod
konġunt fuq sitt linji ta' azzjoni ta' prijorità: it-teknoloġiji
tal-manifattura avvanzati, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali,
il-bijoprodotti, il-politika sostenibbli fil-qasam tal-kostruzzjoni,
tal-industrija u tal-materja prima, il-vetturi nodfa, il-grilji intelliġenti. Il-Kummissjoni tippreżenta l-approċċ li se
tieħu f'kull wieħed minn dawn l-oqsma billi tistabbilixxi task forces fi
sħubija speċjalizzati. Dan juri kif l-UE se tuża l-għodod politiċi sabiex
tappoġġa l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa billi timmobilizza
l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'mod integrat. L-industrija hija
mistennija li tagħmel il-parti tagħha billi tipprovdi l-investimenti u
l-prodotti meħtieġa filwaqt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali
għandhom jadattaw dawn il-prijoritajiet skont il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom[2]. L-azzjoni konġunta
tal-industrija u tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tikkontribwixxi wkoll biex
jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-kompetittività fost l-Istati Membri u r-reġjuni
tal-UE. It-tieni, l-azzjonijiet proposti hawnhekk
jimmiraw li joħolqu dinamiżmu mġedded f’oqsma promettenti ta' tkabbir,
jiġifieri s-Suq Uniku u s-swieq internazzjonali. Mhux se jkun
possibbli li jiġu stimolati investimenti ġodda jekk ikun hemm dubji dwar
il-kapaċità li jinbigħu jew biża’ ta' approprjazzjoni illegali tal-għarfien
teknoloġiku. Diġà sar progress sostanzjali fl-isfruttar tal-potenzjal tas-swieq
interni u esterni permezz ta’ titjib tal-aċċess tal-kumpaniji għas-swieq.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonċentra fuq temi magħżula fejn għad hemm lok
sinifikanti għal titjib: it-tnaqqis tal-ispejjeż, iż-żieda fil-fiduċja,
it-trawwim tal-intraprenditorija u l-ħarsien tal-proprjetà intelletwali. It-tielet, il-Kummissjoni tindirizza żewġ
oqsma li ddgħajfu minħabba l-kriżi ekonomika u l-pajsaġġ industrijali li qed
jinbidel b'rata mgħaġġla. L-investimenti innovattivi mhumiex possibbli mingħajr
finanzjament. Il-kriżi ekonomika u d-diffikultajiet fis-settur bankarju kellhom
impatt negattiv fuq is-self lill-ekonomija reali u din il-Komunikazzjoni
tipproponi serje ta' miżuri sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni. Barra minn
hekk, teknoloġiji ġodda ma jistgħux jiġu żviluppati u jiddaħħlu fis-suq jekk
il-forza tax-xogħol fl-Ewropa ma jkollhiex il-ħiliet meħtieġa.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssaħħaħ mill-ġdid l-istrateġija tagħha permezz ta'
serje ta' miżuri maħsuba biex jippreparaw lill-Ewropej għall-ġejjieni u
jiffaċilitaw ir-ristrutturar industrijali. Permezz ta' din l-istrateġija industrijali
mġedda deskritta f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispera li treġġa'
lura d-deterjorament tal-industrija fl-Ewropa mil-livell attwali tagħha ta'
madwar 16 %[3]
tal-PDG għal 20 % sal-2020. Din għandha tkun xprunata minn irkupru
sostanzjali fil-livelli tal-investiment (formazzjoni grossa tal-kapital u
investiment fit-tagħmir), espansjoni tal-kummerċ fil-prodotti fis-Suq Intern
(li jilħqu 25 % tal-PDG fl-2020) u żieda sinifikanti fl-għadd ta' SMEs li
jesportaw lejn pajjiżi terzi. II. Il-kuntest ekonomiku u
politiku: rwol ċentrali għall-Industrija Din il-Komunikazzjoni taġġorna u tibni fuq
il-"Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni[4]" adottata mill-Kummissjoni
fl-2010 bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020. Din tiffoka fuq it-tisħiħ
tal-kompetittività industrijali biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku u tippermetti
t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti
fir-riżorsi. L-approċċ strateġiku propost fl-2010 jibqa' kompletament validu
biex jinkisbu l-miri tagħna fuq medda itwal ta' żmien, filwaqt li sar progress
kbir ferm fl-implimentazzjoni tiegħu[5].
Madankollu, l-impatt aħrax tal-kriżi ekonomika fuq diversi Stati Membri,
l-istaġnar ekonomiku sussegwenti fl-UE u d-deterjorament tal-perspettiva
għall-ekonomija globali ħolqu urġenza ġdida għal din ir-Reviżjoni ta’
nofs it-Terminu tal-Politika Industrijali[6]. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta' din
is-sena enfasizza li l-miżuri li jtejbu t-tkabbir huma meħtieġa biex jissaħħaħ
l-irkupru, biex jinżamm il-pass mal-kompetituri ewlenin tagħna u biex nersqu
lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020. Għadd ta' Kunsilli Ewropej fl-2011 u
fl-2012 sejħu għal azzjoni fuq oqsma indirizzati minn din il-Komunikazzjoni,
kif tħabbar fid-diskors tal-President Barroso dwar l-Istat tal-Unjoni
fit-12 ta' Settembru 2012. Din l-istrateġija industrijali mġedda
hija parti mir-reazzjoni għal dawn is-sejħiet, b'mod partikolari wara
l-"Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi" fil-Kunsill Ewropew ta’
Ġunju 2012. L-attenzjoni politika dwar l-industrija hija
msejsa fuq il-konvinzjoni li bażi industrijali soda hija essenzjali sabiex
l-Ewropa tkun sinjura u tirnexxi ekonomikament. Huwa vitali li jiġi
stimulat l-irkupru ekonomiku, jiġu pprovduti impjiegi ta’ kwalità għolja u
tissaħħaħ il-kompetittività globali. L-industrija tista' tiġġenera tkabbir
qawwi fil-produttività meħtieġ biex jerġa' jingħata bidu għat-tkabbir sostenibbli:
minn mindu bdew l-agħar żminijiet tal-kriżi fl-2009, il-produttività
industrijali żdiedet b'35 %. Barra minn hekk, l-industrija biss tista'
ttejjeb l-użu effikaċi tal-enerġija u tar-riżorsi fil-livelli kollha
tal-ekonomija kollha sabiex jiġu indirizzati l-iskarsezzi tar-riżorsi globali u
biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà. Issa hemm ħtieġa urġenti ta' investiment ġdid
biex jistimola l-irkupru ekonomiku u jerġa' joħloq l-innovazzjoni u
t-teknoloġiji ġodda ġewwa l-fabbriki. Jekk l-Ewropa ma żżommx il-pass
mal-investiment fl-adozzjoni u t-tixrid ta’ dawn it-teknoloġiji,
il-kompetittività futura tagħha se tkun kompromessa b'mod serju. Madankollu,
il-perspettivi tal-investiment mhuma promettenti xejn[7]. Bejn l-2008 u l-2011,
l-investiment naqas bi 2,5 punti perċentwali tal-PDG u t-tbassir ekonomiku
attwali jipprevedi biss irkupru kajman. Ir-rivitalizzazzjoni tal-investiment
teħtieġ il-fiduċja tan-negozju, id-domanda tas-suq, il-finanzi u l-ħiliet,
l-erba’ pilastri tal-politika tagħna. Qed isir dejjem aktar importanti l-aċċess
affordabbli u affidabbli għall-enerġija u l-materja prima billi dawn
jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-ispejjeż f'ħafna industriji.
Il-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija Ewropea żdiedu b'27 % f'termini
reali bejn l-2005 u l-bidu tal-2012, li hija rata ogħla minn dik irreġistrata
f'ħafna pajjiżi industrijalizzati oħra, speċjalment l-Istati Uniti. Fir-rigward
tal-elettriku, l-industrija Ewropea qiegħda, bħala medja, tħabbat wiċċha ma'
prezzijiet ogħla minn dawk tal-industriji f'ekonomiji żviluppati oħra
bħall-Istati Uniti, il-Kanada, il-Messiku u l-Korea, u din id-diskrepanza
fil-prezzijiet żdiedet matul l-aħħar għaxar snin[8].
L-impatt fuq il-prezz tal-enerġija fl-Ewropa għandu jitqies bir-reqqa meta jiġu
definiti l-politiki tal-enerġija fil-ġejjieni. L-implimentazzjoni effettiva ta'
suq intern kompletament effiċjenti għall-enerġija, aktar investimenti
fl-infrastruttura tal-enerġija, aktar diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija
kif ukoll żieda fl-effiċjenza tal-enerġija huma l-elementi ewlenin f'dan
ir-rigward. Il-kompetizzjoni fil-manifattura fil-ġejjieni
se tnaqqas gradwalment id-dipendenza tagħha fuq id-differenzjali tal-pagi[9], u b'hekk l-industrija
tagħna għandha ċans tajjeb li terġa’ tikseb lura l-attrattività
tal-Ewropa bħala post għall-produzzjoni, b'kundizzjoni li tista'
tikkapitalizza fuq l-opportunitajiet offruti minn teknoloġiji ġodda u d-daqs
tas-suq tal-UE. III. Il-pilastri għal
politika industrijali msaħħa: Investiment fl-innovazzjoni, kundizzjonijiet
aħjar tas-suq, aċċess għall-kapital u l-kapital uman u l-ħiliet Il-Kummissjoni tipproponi approċċ proattiv
lejn il-politika industrijali bbażata fuq l-erba' elementi ewlenin li ġejjin. 1. L-ewwel nett, l-UE għandha
tipprovdi l-kundizzjonijiet ta' qafas tajbin biex jiġu stimolati
l-investimenti ġodda, titħaffef l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u
tissaħħaħ l-effiċjenza tar-riżorsi. Dawn jinkludu r-regolamenti tekniċi u
r-regoli tas-Suq Intern, kif ukoll il-miżuri ta' akkumpanjament
bħall-infrastruttura u l-proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u
tal-innovazzjoni. Bħala l-ewwel pass, f'din il-Komunikazzjoni qed jiġu proposti
sitt oqsma ta’ prijorità għal azzjoni immedjata. 2. It-tieni, jinħtieġ titjib
urġenti fil-funzjonament tas-Suq Intern. Dawn qed jiġu ppreżentati hawnhekk u
fl-Att dwar is-Suq Uniku II, u huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa lill-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew. Dawn se jikkontribwixxu biex jerġgħu jqawwu l-kummerċ fis-Suq Intern.
Il-ftuħ tas-swieq internazzjonali se jħaffu wkoll l-irkupru. L-ekonomiji
emerġenti tad-dinja li qed jikbru b'rata mgħaġġla joffru opportunitajiet ġodda
ta' esportazzjoni għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs. 3. L-investiment u
l-innovazzjoni mhumiex possibbli mingħajr aċċess adegwat għall-finanzi.
Ir-riżorsi pubbliċi diġà ġew mobilizzati biex isostnu l-investiment
fl-innovazzjoni, speċjalment mill-SMEs. Madankollu, l-isfruttar tal-fondi
privati biss jista' jiżgura l-livell u s-sostenibbiltà meħtieġa biex jiġi
ffinanzjat l-investiment mill-kumpaniji tal-UE. Għaldaqstant, it-titjib
tal-aċċess għas-swieq kapitali huwa sfida kruċjali oħra biex tiżdied
il-kompetittività tagħna. 4. Fl-aħħar nett, il-miżuri ta’
akkumpanjament biex jiżdied l-investiment fil-kapital uman u fil-ħiliet
huma kruċjali għas-suċċess tal-politika industrijali. Il-politiki mmirati lejn
il-ħolqien tal-impjiegi u l-għodod biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet
huma meħtieġa biex jarmaw il-forza tax-xogħol għat-trasformazzjonijiet industrijali. Dan l-approċċ jiffoka fuq it-titjib
tal-kundizzjonijiet ta’ qafas li jsaħħu l-potenzjal ta' tkabbir tal-industrija
tal-UE. Dan jagħraf bis-sħiħ il-ħtieġa li tiġi stimolata l-kompetizzjoni għal
allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u ekonomija dinamika. L-intervent pubbliku
għandu joħloq l-aħjar ambjent tas-suq u jfassal rimedji għall-fallimenti
tas-suq. L-industrija stess għandha tiżviluppa l-vantaġġi kompetittivi u
s-saħħiet tagħha. L-objettiv tal-politika industrijali huwa li jrawwem
il-kompetittività, iżda n-negozji nfushom se jkunu dejjem finalment
responsabbli biex jiddeterminaw is-suċċess jew il-falliment tagħhom fis-suq
globali. A. L-iffaċilitar
tal-investiment fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni Ir-riċerka u l-iżvilupp huma bil-bosta l-aktar
xprun importanti għall-innovazzjonijiet tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni tqis
il-politiki tar-riċerka u l-iżvilupp bħala prijorità kif indikat fl-inizjattiva
ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni.[10]
Madankollu, minkejja l-fatt li r-riċerka Ewropea kienet eċċellenti u
kienet responsabbli għal bosta teknoloġiji ġodda użati fl-industriji madwar
id-dinja, mhux dejjem irnexxielna, fl-imgħoddi, niksbu vantaġġi industrijali
mit-tmexxija xjentifika. Is-sitwazzjoni fil-batteriji tal-litju hija
eżempju ċar ta' dan b'kumpaniji Ewropej jippossiedu aktar minn 30 %
tal-privattivi rilevanti, mingħajr ma ssir ebda produzzjoni ta' tali batteriji
fl-UE. Billi tinvesti fl-istadji bikrija
tal-adozzjoni u tad-diffużjoni ta’ teknoloġiji ġodda, l-Ewropa jkollha avvanz
teknoloġiku li permezz tiegħu tista' tikseb profitt mill-innovazzjonijiet
tagħha f'termini ta' tkabbir u impjiegi. "Il-vantaġġ
tal-prekursur" tista' tistimola l-produttività, l-effiċjenza
tar-riżorsi, u tal-ishma fis-suq. Sfortunatament, il-konsultazzjoni
mal-partijiet interessati turi li l-inċertezzi dwar l-evoluzzjoni tas-swieq
ġodda fil-ġejjieni ta' spiss jolqtu ħażin il-fiduċja tan-negozji u jżommu lura
l-investiment. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jitwarrbu l-inċertezzi
fis-swieq ġodda permezz tal-ħolqien ta' qafas fit-tul sempliċi, stabbli u
prevedibbli tas-Suq Intern ta' regoli tekniċi, standards u leġiżlazzjoni
oħra. Wara konsultazzjoni pubblika estensiva u
analiżi, intgħażlu sitt oqsma inizjali li qed jiżviluppaw malajr għal azzjoni
prijoritarja. Dawn l-oqsma prijoritarji jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru
ekonomiku fuq medda qasira kif ukoll medja ta' żmien u għandhom impatt
sinifikanti fuq it-tkabbir tagħna fuq medda itwal ta' żmien. Dawn se jipprovdu
l-infrastruttura industrijali meħtieġa għal dik li ġiet identifikata bħala
t-"Tielet Rivoluzzjoni Industrijali".[11] It-twaqqif ta’ din
l-infrastruttura għandu l-potenzjal li joħloq eluf ta' negozji ġodda u miljuni
ta' impjiegi ġodda u jħejji l-bażi għal ekonomija globali sostenibbli
fis-seklu 21. Il-linji ta' azzjoni prijoritarja jinkludu l-komponenti
ewlenin meħtieġa għal soċjetà industrijali ġdida, fejn it-teknoloġiji ġodda
fil-qasam tal-enerġija, l-informazzjoni u l-produzzjoni se jittrasformaw
il-produzzjoni industrijali u s-swieq. Is-sitt oqsma prijoritarji identifikati
huma dawk fejn l-impatt se jinħass l-aktar. L-investiment fit-teknoloġiji ġodda
f'dawn l-oqsma se jgħin biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta'
ekonomija sostenibbli u b'rata għolja ta' impjiegi. L-oqsma prijoritarji huma relatati ħafna mal-oqsma
ta' investiment għall-politika ta' Koeżjoni mill-2014 sal-2020[12]. Dawn huma kollha swieq fejn
it-teknoloġiji ġodda huma lesti li joħolqu prodotti ġodda jew iżidu
l-produttività. Dawn it-teknoloġiji l-ġodda se jirrivoluzzjonaw l-inġinerija
(eż. materjali intelliġenti) u jittrasformaw il-produzzjoni ta' prodotti (eż.
l-istampar 3D), kif ukoll jipprovdu fondazzjonijiet ġodda li jistgħu jbiddlu
l-qagħda attwali għas-swieq tradizzjonali, bħall-grilji intelliġenti,
il-vetturi nodfa jew il-bijoplastika. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu
kont tagħhom fil-politiki industrijali tagħhom, kif ukoll fl-istrateġiji
tagħhom għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni tagħhom. Naturalment, il-fatt li tingħata attenzjoni
lil dawn il-prijoritajiet ma jimplikax li jiġu traskurati sforzi settorjali
oħra li għaddejjin bħalissa bħala parti mill-inizjattiva ewlenija dwar
il-politika industrijali tagħna definita fl-2010. Pereżempju, ir-reviżjoni
tal-istrateġija LeaderSHIP 2015 se tgħin biex tittejjeb il-kompetittività
tal-industrija tal-bini tal-vapuri tal-UE li tikkontribwixxi għat-trasport
sostenibbli fuq il-baħar, għall-infrastruttura u għall-avvanzi f'ġenerazzjoni
tal-enerġija marittima. Diskussjoni madwar
mejda tonda ta' livell għoli dwar il-futur tas-settur tal-azzar fl-Ewropa se
tidentifika l-fatturi li jaffettwaw il-kompetittività ta' din l-industrija u
toħroġ rakkomandazzjonijiet konkreti biex iżżomm il-kompetittività tagħha. Dan
l-approċċ proattiv għall-politika industrijali se jiġi estiż għal oqsma
prinċipali oħra bħall-industriji kreattivi, l-ispazju, it-teknoloġiji
għall-kura tas-saħħa mtejba b'mod partikolari għat-tixjiħ tal-popolazzjoni,
l-apparat mediku u t-turiżmu. 1. Linji ta' Azzjoni Prijoritarji i) Swieq għal teknoloġiji tal-manifattura avvanzati għal
produzzjoni nadifa It-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati li
jippermettu l-produzzjoni nadifa huma parti prinċipali tar-rivoluzzjoni
industrijali ġdida. Pereżempju, l-istampar 3D jippermetti l-produzzjoni fi
kwantitajiet ferm iżgħar milli huwa ekonomikament fattibbli attwalment, u
jagħmel possibbli l-produzzjoni adattata bi prezz baxx għal prodotti niċċa
ġodda u l-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda tas-suq għal SMEs innovattivi.
Il-fabbriki tal-ġejjieni se jużaw proċessi ferm effiċjenti fl-enerġija u
fil-materjal, jutilizzaw materjali rinnovabbli u riċiklabbli, u jadottaw dejjem
aktar mudelli ta’ negozju sostenibbli bħas-simbjożi industrijali biex jiġu
rkuprati l-materjali u s-sħana u l-enerġija moħlija. Dawn it-teknoloġiji
jirrappreżentaw opportunità tan-negozju importanti, b'suq globali li huwa
mistenni li jirdoppja fid-daqs għal aktar minn EUR 750 biljun
sal-2020. L-industrija tal-UE diġà tinsab fuq quddiem nett fid-dinja
fir-rigward ta' dawn it-teknoloġiji, b'sehem tas-suq dinji ta' aktar minn
35 %[13]
u sehem tal-privattivi ta' aktar minn 50 %[14]. Il-koordinazzjoni politika tal-politiki tal-UE
u tal-Istati Membri kif ukoll l-isforzi tal-partijiet interessati jistgħu jkunu
mtejba permezz ta' Task Force dedikata għat-Teknoloġiji tal-Manifattura
Avvanzati għal Produzzjoni Nadifa. Din tipprovdi tmexxija u koordinazzjoni u
tiżgura t-tixrid u l-kummerċjalizzazzjoni fuq skala ikbar tar-riżultati
tas-sħubijiet pubbliċi u privati. Tista' wkoll tippromwovi l-miżuri
tal-innovazzjoni orjentati lejn id-domanda[15],
inkluż ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni f'waqthom tas-suq intern, u
l-akkwist pubbliku innovattiv. L-investimenti bi spiża għolja u ta' riskju
għoli fi proġetti ta' dimostrazzjoni għall-prova tal-kunċett se jirrikjedu
sħubijiet pubbliċi u privati (PPPs) mal-industrija fil-livell tal-UE biex tiġi
żgurata l-kummerċjalizzazzjoni f'waqtha. Is-Sħubijiet Pubbliċi u Privati
għandhom rwol ewlieni fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020, bħal
fl-oqsma tar-robotika u tal-industriji tal-proċess sostenibbli, flimkien ma'
proġetti ta' dimostrazzjoni għat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali. Il-programm
ta' finanzjament NER300 għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija
b'livell baxx ta' karbonju u l-iskema ta' għoti tal-Industrija Sostenibbli
b'livell baxx ta' Karbonju (SILC) li ssostni l-innovazzjoni fil-qasam
tat-tnaqqis tal-gass b’effett ta’ serra, se jkollhom ukoll rwol importanti. Il-Kummissjoni
se tmexxi Task Force għat-Teknoloġiji tal-Manifattura Avvanzati għal
Produzzjoni Nadifa fl-2013 sabiex trawwem l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' dawn
it-teknoloġiji mill-industrija Ewropea. Wara konsultazzjonijiet mal-industrija,
il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatti ta' Sħubija Pubblika u Privata potenzjali
fil-qasam tal-industriji tal-proċess sostenibbli. L-Istati
Membri huma mistiedna jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta'
teknoloġiji tal-manifattura avvanzati u jiżviluppaw il-kollaborazzjoni
transfruntiera filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet u l-ispeċjalizzazzjonijiet
nazzjonali tagħhom. ii) Is-swieq għal teknoloġiji abilitanti essenzjali Is-suq globali fil-qasam tat-Teknoloġiji
Abilitanti Essenzjali (KETs), li jinkludi l-mikroelettronika u
n-nanoelettronika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija industrijali,
il-fotonika, in-nanoteknoloġija u s-sistemi ta' manifattura avvanzati, huwa
previst li jiżdied b'aktar minn 50 % minn EUR 646 biljun
għal aktar minn EUR 1 triljun sal-2015, li huwa
ekwivalenti għal madwar 8 % tal-PDG tal-UE. L-Ewropa hija mexxejja globali
fir-riċerka u l-iżvilupp għall-KETs, bis-sehem globali tal-privattivi ta' aktar
minn 30 %. Madankollu, fl-imgħoddi l-UE ta' spiss ħadet aktar żmien
mill-imsieħba kummerċjali tagħna biex tikkonverti r-riċerka fi prodotti u
servizzi li jistgħu jiġu kkumerċjalizzati. Komunikazzjoni[16] maħruġa f'Ġunju 2012
stabbiliet l-istrateġija tal-UE biex tħaffef l-iżvilupp u l-użu industrijali
ta' prodotti bbażati fuq il-KETs. Din l-istrateġija ġdida hija bbażata fuq
erba’ pilastri: l-adattament u s-simplifikazzjoni tal-istrumenti tal-politika
tal-UE; koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex
jinkisbu sinerġiji u komplementarjetajiet; it-twaqqif ta’ strutturi ta’
governanza adegwati u dedikati fil-Kummissjoni u 'l barra minnha sabiex
jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva; u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti
tal-kummerċ eżistenti biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet
ekwi fil-livell internazzjonali. Se tingħata attenzjoni wkoll għall-iżvilupp
tas-Suq Intern għall-prodotti innovattivi, sabiex jiġu promossi x-xjenza u
l-ħiliet relatati mat-teknoloġija u titħeġġeġ l-intraprenditorija relatata
mal-KET[17].
Jeħtieġ li jiġi eżaminat kif l-aħjar tinżamm u tiġi żviluppata bażi
tal-provvista Ewropea b'saħħitha għall-KETs, eż. għall-komponenti użati
fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet u tal-IT. Il-Kummissjoni
se timplimenta l-Istrateġija Ewropea għal Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali li
tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-politiki ta' teknoloġija tal-UE u tal-Istati
Membri, il-finanzjament tad-dimostrazzjoni essenzjali u l-linji pilota u
l-proġetti intersettorjali tal-KET, kif ukoll l-iżvilupp f'waqtu tas-Suq Intern
għall-prodotti bbażati fuq il-KET.. L-iżgurar tal-użu industrijali tal-KETs se
jkun element ewlieni tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni rilevanti. L-Istati
Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jisfruttaw l-istrateġiji tar-riċerka u
l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, biex jappoġġaw ir-riċerka
fl-iżvilupp inklużi l-linji pilota u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni u biex
jippromwovu l-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur. iii) Is-swieq ta' bijoprodotti Il-bijoindustriji jużaw ir-riżorsi rinnovabbli
jew japplikaw il-bijoproċessi fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom.
Il-bijoprodotti joffru bosta vantaġġi għall-kompetittività industrijali u
l-ambjent. Meta mqabbla mal-proċessi tal-karburant fossili, ħafna mill-proċessi
tal-bijoproduzzjoni jikkonsmaw inqas enerġija, jarmu anqas dijossidu
tal-karbonju u komposti organiċi volatili, u jiġġeneraw anqas skart tossiku.
It-tnejn li huma jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u jtejbu
l-prestazzjoni ambjentali. It-tkabbir tal-volum ta’ bijoprodotti kimiċi tal-UE
sal-2020, inklużi l-bijoplastika, il-bijolubrikanti, il-bijosolventi,
il-bijoaġenti tensjoattivi u l-bażi kimika, huwa stmat għal 5,3 % fis-sena,
li jirriżulta f'suq li jiswa EUR 40 biljun u
jipprovdi aktar minn 90 000 impjieg fi ħdan l-industrija bijokimika
waħidha[18]. L-istabbiliment ta' Suq Intern
għall-bijoprodotti jirrikjedi l-iżvilupp tal-istandards u l-aġġornament
tar-regolamenti[19].
Is-CEN diġà qed jaħdem fuq il-mandati ta' standardizzazzjoni
għall-bijokarburanti u għall-bijoprodotti b’mod ġenerali, kif ukoll fuq mandati
speċifiċi għall-bijopolimeri, il-lubrikanti, is-solventi u l-aġenti
tensjoattivi[20].
Sħubija pubblika u privata istituzzjonali
bbażata fuq l-approċċ tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fuq
il-Bijoindustriji għat-Tkabbir tista’ timmobilizza l-investiment mis-settur
privat, tiffaċilita ż-żieda effiċjenti u sostenibbli tal-provvista
tal-bijomassa, tappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni tal-bijoraffinerija fuq
skala kbira, tippromwovi l-akkwist pubbliku ekoloġiku, u tiżviluppa
bijoprodotti u bijomaterjali ġodda. Il-proċessi innovattivi u t-teknoloġiji
jistgħu jiffaċilitaw l-isfruttar ta' residwi tal-għelejjel u tal-bijomassa
tal-baħar attwalment mhux użati. Il-Kummissjoni
se timplimenta l-istrateġija dwar il-bijoekonomija u se trawwem is-swieq
għall-bijoprodotti, filwaqt li tħaffef l-iżvilupp tal-istandards u
r-rikonoxximent internazzjonali tagħhom, tippromwovi l-ittikkettar u l-akkwist
pubbliku ekoloġiku, u se taħdem mal-industrija biex tiżviluppa proposti
dettaljati għall-bijoekonomija PPP (mill-2013 u l-2014 'il quddiem). iv) Il-politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u
l-materja prima It-tnaqqis tal-ispejjeż, iż-żieda
fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-iskart se jagħtu
spinta lill-kompetittività tas-settur tal-kostruzzjoni. L-enerġija użata
fil-bini residenzjali, kummerċjali u pubbliku tammonta għal 40 %
tal-konsum tal-enerġija finali fl-UE u tikkontribwixxi għall-emissjonijiet
tas-CO2 u għat-tniġġis tal-arja. Investimenti ġodda fl-effiċjenza tal-enerġija
f’bini residenzjali u pubbliku u fl-infrastruttura għandhom potenzjal qawwi ta'
tkabbir u huma mistennija li jammontaw għal madwar EUR 25-35 biljun
fis-sena sal-2020[21].
Barra minn hekk, huwa propost li sehem sinifikanti tal-Fondi Strutturali u ta’
Koeżjoni se jappoġġa l-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. L-istandards Ewropej ġodda huma meħtieġa għal
prodotti, proċessi u ħidmiet sostenibbli fil-qasam tal-kostruzzjoni sabiex
tinżamm il-koerenza tas-Suq Intern kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi.
Il-kompetittività internazzjonali tas-servizzi tal-bini tal-UE tista' tittejjeb
inter alia billi tiġi żgurata l-adozzjoni tal-istandards tal-kostruzzjoni
Eurocodes fil-livell internazzjonali. Is-sħubijiet pubbliċi u privati tal-Bini
b'Użu Effiċjenti tal-Enerġija għandhom jaċċelleraw it-tranżizzjoni mir-riċerka
għas-suq. Id-Direttiva ġdida dwar l-Ekodisinn[22] stabbiliet ir-rekwiżiti għal
għadd ta' prodotti relatati mal-enerġija, inklużi l-muturi, il-pompi,
il-fannijiet u ċ-chillers. Il-miżuri għal oġġetti oħra tad-dar u apparat
industrijali qegħdin jitħejjew. Għalkemm l-enerġija kienet ir-riżors ewlieni
fil-mira s'issa, id-Direttiva tipprevedi t-titjib relatat mal-aspetti
ambjentali kollha, inkluża, inter alia, l-effiċjenza fl-użu tal-materjal
Din se tiġi applikata gradwalment għal firxa usa’ ta’ prodotti industrijali li
jkollhom effetti ambjentali sinifikanti. Jeħtieġ ukoll li tittieħed azzjoni sabiex jiġu
żviluppati aktar is-swieq fl-UE kollha għar-riċiklaġġ tal-iskart u biex tiġi
implimentata ekonomija b'ċirku magħluq. L-istandards Ewropej ġodda
għall-kwalitajiet gradati ta’ materjali riċiklati (eż. il-metalli, l-injam u
t-tessuti) irawmu wkoll l-iżvilupp tas-suq. Proġetti ta’ dimostrazzjoni
addizzjonali għat-teknoloġiji tar-riċiklaġġ, iż-żarmar, u l-issortjar jinħtieġu
b'mod urġenti għal applikazzjonijiet speċifiċi, bħall-proġett pilota RECAP dwar
riċiklaġġ aħjar ta’ plastik imħallat. Teknoloġiji innovattivi
għall-ġestjoni tal-iskart u tar-riżorsi jistgħu jiġu promossi wkoll permezz
tal-iskambju ta’ prattiki tajbin. Il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u
fondi pubbliċi, skemi ta' inċentivi u sinjali tal-prezzijiet oħrajn jistgħu
jippromwovu dejjem aktar ir-riċiklaġġ, ir-rikondizzjonar, u l-użu mill-ġdid bi
preferenza għall-inċinerazzjoni. Il-materja prima mhux tal-enerġija u mhux
agrikola hija vitali għall-kompetittività tal-industrija tal-UE. L-innovazzjoni
tista' tgħin biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fil-qasam tal-provvista. Dan
jista' jinkiseb, pereżempju, billi jiġu żviluppati metodi avvanzati ta’
estrazzjoni (inklużi l-minjieri f'qiegħ il-baħar) u ta' pproċessar, jiġu
ddisinjati prodotti biex jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ ta' kwalità għolja, u billi
jiġu permessi il-"minjieri urbani". L-UE għandha ttejjeb
il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar
materja prima biex tinkiseb il-massa kritika meħtieġa biex jiġu żviluppati
soluzzjonijiet b'ċirku magħluq għall-katini ta’ valur tal-materja prima.
Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima[23] se tlaqqa’ flimkien
il-partijiet interessati rilevanti kollha biex iħaffu d-disponibbiltà ta'
soluzzjonijiet teknoloġiċi u soluzzjonijiet oħrajn għas-suq. Il-Kummissjoni
mbagħad se tittraduċi dan il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Strateġika fi programm
operattiv. Se jiġu
żviluppati standards Ewropej ġodda għall-kriterji ta' sostenibbilità relatati
mal-prodotti u mal-proċessi tal-kostruzzjoni u l-adozzjoni tal-Eurocodes
fil-livell internazzjonali se tkun promossa bħala parti mill-implimentazzjoni
tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kompetittività Sostenibbli tas-Settur
tal-Kostruzzjoni b'kooperazzjoni mal-Forum Strateġiku Tripartitiku[24] (2013-14). Sabiex
titħaffef it-tranżizzjoni mir-riċerka għas-suq, se jiġu proposti azzjonijiet
konkreti fil-qafas tas-sħubijiet pubbliċi u privati tal-Bini b'Użu Effiċjenti
tal-Enerġija u permezz ta’ Komunikazzjoni dwar il-Bini Sostenibbli (2013). Il-Kummissjoni
se timplimenta regolamenti speċifiċi dwar l-ekodisinn ta' prodotti
industrijali, inklużi b'mod partikolari dawk li għandhom impatt sinifikanti fuq
l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; se tappoġġa b'mod aktar mgħaġġel u
orħos it-twettiq tal-objettivi tal-politika tal-ekodisinn permezz ta' ftehimiet
volontarji settorjali; se tirrevedi b'mod konġunt id-Direttiva dwar
l-ittikkettar tal-enerġija u ċerti aspetti tad-Direttivi dwar l-ekodisinn biex
timmassimizza l-effettività tagħhom; se tappoġġa s-servizzi konsultattivi
tal-ekodisinn permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi biex jiġu
indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-SMEs (mill-2012 'il quddiem). Il-Kummissjoni
se tkompli tiżviluppa swieq tar-riċiklaġġ stabbli kif ukoll iżżid ir-rati
tal-ġbir permezz ta' reviżjoni ppjanata ta' aspetti speċifiċi tal-politika dwar
l-iskart tal-UE (fl-2014) u permezz ta' analiżi tal-iskemi eżistenti
tar-responsabbiltà estiża tal-produttur bl-għan li jiġu identifikati l-aktar
skemi kosteffiċjenti u jiġu definiti l-aħjar prassi u linji gwida (2013/14). Wara
t-tnedija tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima
f'Novembru 2012, il-Kummissjoni se tiżviluppa programm operattiv dwar
il-materja prima bbażat fuq il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Strateġika
(Settembru 2013). L-Istati
Membri huma mistiedna jiżviluppaw strateġiji adattati għall-ispeċifiċitajiet
nazzjonali tagħhom sabiex jippromwovu r-riċiklaġġ u jiżviluppaw bini b'konsum
enerġetiku baxx. v) Vetturi u bastimenti nodfa Il-vetturi bil-mogħdija tas-saħħa tal-magna
alternattiva u/jew li jużaw fjuwils alternattivi huma pass importanti lejn
il-ħolqien ta’ mobilità sostenibbli. Vetturi tal-elettriku li jiċċarġjaw u
vetturi ibridi huma mistennija li jirrappreżentaw madwar 7% tas-suq sal-2020.
Il-vetturi b'magni ta' kombustjoni wkoll se jużaw dejjem aktar l-enerġija
elettrika. Minbarra li jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, l-investimenti
fil-mobilità nadifa jistgħu joħloqu benefiċċji addizzjonali, inklużi t-titjib
fil-kwalità tal-arja u t-tnaqqis fl-impatti fuq is-saħħa. Hija meħtieġa koordinazzjoni wiesgħa sabiex
jiġu żviluppati swieq għal vetturi u vapuri nodfa. B'mod partikolari, l-użu
tal-mobilità elettrika se jirrikjedi adattamenti kbar tal-katini tal-valur
industrijali, il-mudelli tan-negozju, il-ħiliet, u l-attitudnijiet
tal-konsumatur, kif ukoll it-twaqqif ta' infrastrutturi ta' ċċarġjar mill-ġdid.
L-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li għaddejjin għall-interoperabbiltà u
l-konnettività jeħtieġ li jiġu konklużi malajr u segwiti minn aktar standards
għall-vetturi u l-infrastrutturi. Ir-rekwiżiti ta' sikurezza tan-NU/KEE
għall-komponenti u s-sistemi kollha (inklużi l-batteriji) u r-regolamenti
ambjentali tal-UE jeħtieġ li jiġu adattati. Il-ftehimiet internazzjonali dwar
l-istandards u r-regolamenti, b’mod partikolari fil-qafas tan-NU/KEE se jgħinu
biex jiffrankaw l-ispejjeż u jħaffu t-tkabbir tas-suq. Il-kooperazzjoni
mal-akbar sħab kummerċjali tagħna dwar l-istandards, ir-riċerka u l-aspetti
regolatorji se tgħin ukoll biex jiġi applikat, eż. il-Pjan ta' Ħidma bejn l-UE
u l-Istati Uniti dwar il-mobilità elettronika adottat fil-qafas tal-Kunsill
Ekonomiku Transatlantiku. Il-proposti leġiżlattivi dwar il-grilji
intelliġenti, in-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew[25] u dwar l-infrastrutturi
tal-fjuwil alternattiv għandhom jiffaċilitaw it-tnedija ta' infrastrutturi ta'
ċċarġjar mill-ġdid/alimentazzjoni, b' mod partikolari fil-bliet. L-awtoritajiet
lokali u reġjonali għandu jkollhom ukoll rwol biex jinkoraġġixxu
l-penetrazzjoni fis-suq, eż. permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-akkwist
pubbliku, u l-inċentivi mhux finanzjarji bħall-aċċess prijoritarju għaċ-ċentri
tal-ibliet. Bl-istess mod bħall-proġett Green eMotion, il-proġetti tar-riċerka
u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni għandhom jiġu żviluppati taħt l-inizjattiva
Orizzont 2020, bl-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni, u mill-Istati
Membri, flimkien ma' self mill-BEI. B'segwitu
għar-Rapport Finali tal-Grupp CARS21, il-Kummissjoni se tikkoordina
l-azzjonijiet politiċi kollha li jappoġġaw l-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi
nodfa, inkluż l-użu ta’ vetturi tal-elettriku li jiċċarġjaw u vetturi ibridi
billi tiżgura r-regolamentazzjoni u l-istandards f'waqthom, tiffaċilita
l-applikazzjoni tal-infrastruttura ta' ċċarġjar mill-ġdid, u tipprovdi
potenzjalment finanzjament inizjali għall-proġetti ewlenin tar-riċkerka u
l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni (Komunikazzjoni dwar CARS 2020 sa
Novembru 2012).. Kif
imħabbar fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport[26],
il-Kummissjoni se toħroġ strateġija alternattiva tal-fjuwils, li se tindirizza
wkoll l-infrastruttura xierqa ta' ċċarjġar mill-ġdid/alimentazzjoni. Filwaqt li
tibni fuq il-konsultazzjonijiet attwali mal-industrija, il-Kummissjoni se
teżamina l-proposti dettaljati biex tagħti segwitu għall-PPP dwar l-Idroġenu u
ċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-PPP dwar il-Karozzi Ekoloġiċi. Filwaqt li
jqisu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali, l-Istati Membri huma
mistiedna biex jappoġġaw il-proġetti ta' dimostrazzjoni u jiżviluppaw
infrastrutturi xierqa għall-vetturi u l-bastimenti nodfa li jkunu adattati
għall-ħtiġijiet tagħhom u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet fis-Semestru Ewropew. L-Istati
Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jisfruttaw l-istrateġiji tar-riċerka u
l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, biex jappoġġaw ir-riċerka
fl-iżvilupp inklużi l-linji pilota u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni u biex
jippromwovu l-kooperazzjoni tul il-katina tal-valur. vi) Grilji intelliġenti Tinħtieġ infrastruttura adegwata (inklużi
soluzzjonijiet fil-qasam tal-grilja intelliġenti, tal-ħżin u tal-kapaċità ta'
bbilanċjar) sabiex tintegra l-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku,
tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-enerġija, u tiffaċilita domandi ġodda, eż.
għall-vetturi tal-elettriku. It-Tielet Pakkett tal-Liberalizzazzjoni tas-settur
tal-Enerġija stabbilixxa r-rekwiżiti għall-istallazzjoni ta’ sistemi ta’
metraġġ intelliġenti f'mill-anqas 80 % tal-unitajiet domestiċi sal-2020
bħala l-ewwel pass lejn l-użu tal-grilji intelliġenti fl-UE, filwaqt li
Komunikazzjoni dwar il-Grilji Intelliġenti[27]
tistabbilixxi l-qafas ta' politika ġenerali biex jixpruna l-mobilizzazzjoni
tagħhom. B'mod ġenerali, sal-2020, l-UE se jeħtiġilha tinvesti madwar EUR 60 biljun
f’dawn il-grilji, li se jiżdiedu għal madwar
EUR 480 biljun sal-2035. Huwa essenzjali li jiġu stabbiliti l-aħjar
kundizzjonijiet ta’ qafas għall-industrija biex din tiżviluppa t-teknoloġiji u
l-kapaċitajiet ta' produzzjoni meħtieġa biex jinkiseb dan l-investiment[28]. B'mod parallel, l-UE għandha
timplimenta l-istandards meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà
tal-grilji intelliġenti transfruntiera, kif ukoll sett minimu komuni ta’
standards għall-miters u infrastrutturi avvanzati tal-metraġġ. Il-Kummissjoni
diġà ħarġet il-mandat M/490 fl-2011 lill-Organizzazzjonijiet Ewropej
għall-Istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw l-ewwel sett ta’ standards
tal-Grilji Intelliġenti sa tmiem l-2012. L-iskambju regolari ta' informazzjoni
jseħħ ma' atturi internazzjonali bħall-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u
t-teknoloġija tal-Istati Uniti sabiex jiġu żviluppati standards kompatibbli
meta jkun possibbli. Jeħtieġ li jiġi implimentat qafas ġenerali
għall-introduzzjoni usa' tal-apparati intelliġenti, inkluż għal użu aktar
effiċjenti ta' apparat b'vultaġġ baxx. Abbażi tal-analiżi tal-kost u
l-benefiċċju, għandhom jiġu kkompilati indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni
għall-akkwist pubbliku sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-benefiċċji
potenzjali. Il-potenzjal għall-istallazzjonijiet żgħar ta' kombustjoni
integrati, effiċjenti u flessibbli jista' jinkiseb permezz tal-istabbiliment
f'waqtu ta' standards ta' emissjonijiet xierqa. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġu
żviluppati l-proġetti xierqa tar-riċerka u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni
permezz tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej dwar il-Grilji tal-Elettriku,
tal-pjan SET, u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Bliet u
l-Komunitajiet Intelliġenti[29].
Abbażi
tar-rapport li jmiss tat-Task Force dwar il-Grilji Intelliġenti, il-Kummissjoni
se tiddefinixxi miri ulterjuri għall-użu ta' komponenti tal-grilji
intelliġenti, se tirrevedi u twessa' l-mandati tal-istandardizzazzjoni, se
tiżviluppa gwida dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, u se tidentifika
Proġetti ta’ Interess Komuni[30]
għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (tmiem l-2012). 2. Il-miżuri ta' akkumpanjament Il-korpi ta' koordinazzjoni deskritti hawn
fuq, jew it-task forces speċjalisti ġodda fejn xieraq, se jkollhom bżonn
jikkoordinaw mill-qrib l-isforzi mal-industrija u mal-Istati Membri sabiex
iwettqu l-aġendi politiċi tagħhom. Dawn ir-raggruppamenti se jkollhom struttura
u tul ta' żmien differenti skont il-ħtiġijiet tal-qasam tal-attività.
Madankollu, kollha se jlaqqgħu flimkien il-partijiet interessati u
l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti biex jiddefinixxu l-azzjonijiet meħtieġa biex
jitħaffef l-użu ta' teknoloġiji u investimenti ġodda.[31] · L-ewwel nett, qafas regolatorju tas-Suq Intern simplifikat,
prevedibbli u stabbli għall-prodotti u s-servizzi ġodda, inklużi
l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni xierqa, għandu jiġi miftiehem u mħabbar kemm
jista' jkun malajr. Ir-regolaturi u l-organizzazzjonijiet
tal-istandardizzazzjoni tal-UE għandhom bżonn jiżviluppaw regolamenti u
standards f'waqthom għal teknoloġiji ġodda qabel l-ewwel introduzzjoni tagħhom
fis-suq - il-mandati ta' standardizzazzjoni CEN għall-vetturi tal-elettriku u
għall-bijoprodotti huma eżempji tajba. It-task forces se jirrakkomandaw
simplifikazzjonijiet għall-ambjent regolatorju u amministrattiv f'oqsma tas-suq
rispettivi tagħhom, speċjalment biex jgħinu lill-SMEs. Ġie wkoll irrakkomandat
lill-Istati Membri biex jissimplifikaw l-ambjent regolatorju fis-Semestru
Ewropew. ·
L-iżvilupp tal-infrastruttura għandu jiġi
kkoordinat u sinkronizzat b'żidiet fil-kapaċità tal-produzzjoni. Pereżempju, l-investiment f'infrastrutturi tal-enerġija ewlenin fl-UE
bħall-grilji intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija huwa essenzjali sabiex jiġu
adottati fuq skala kbira l-enerġija rinnovabbli, l-ICT, u l-użu ta' vetturi
elettriċi u ibridi. Il-provvista ta' infrastrutturi tat-trasport adegwati u
effiċjenti, ta' loġistika interoperabbli u ta' netwerks broadband ta' veloċità
għolja, hija prekundizzjoni għall-iżvilupp industrijali. Bl-istess mod,
il-kapaċitajiet industrijali ġodda fit-teknoloġiji tal-produzzjoni għandhom
jiġu żviluppati fi żmien opportun, b'investimenti f'makkinarju u tagħmir b'użu
effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi. ·
It-tielet, huwa essenzjali li l-isforzi
fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni jiġu kkoordinati mal-UE
kollha sabiex jiġi żgurat l-użu u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji fi
żmien opportun. B'mod partikolari, il-proġetti ta' dimostrazzjoni għall-prova
tal-kunċett u l-linji pilota tal-manifattura huma prekundizzjonijiet għall-użu
tat-teknoloġiji fuq skala industrijali. L-imsieħba pubbliċi u privati jistgħu
jipprovdu l-finanzjament għal dawn l-inizjattivi permezz tal-fondi Strutturali
jew fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020 u permezz ta' programmi Komunitarji
oħra. Jista' jintuża wkoll il-finanzjament tal-kapital ta' riskju mill-pubbliku
u b'mod aktar sinifikanti minn sorsi privati. · Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu miżuri kumplimentari biex
tiżgura li l-ħiliet neċessarji jkunu disponibbli għall-iżvilupp ta' dawn
is-swieq u biex tistimola d-domanda għall-adozzjoni ta’ innovazzjonijiet ġodda.
Il-prattiki tax-xogħol ġodda se jgħinu
lill-kumpaniji biex jimpjegaw ħaddiema li qed jikbru fl-età u jattiraw persuni
tas-sengħa lejn il-manifattura. It-teknoloġiji ġodda qegħdin ibiddlu
l-kombinazzjoni ta' impjiegi u ħiliet meħtieġa. Il-Kummissjoni se tippromwovi t-trasformazzjoni
ta’ postijiet tax-xogħol li jistimolaw forom ġodda ta’
"impjiegi attivi" u se tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda, inklużi
l-ħiliet elettroniċi. L-użu akbar tad-disinn, kif ukoll ta'
innovazzjonijiet oħra mhux teknoloġiċi, huwa wieħed
mill-ixpruni ewlenin għall-iżvilupp ta' prodotti ta’ valur għoli, filwaqt li
jżid il-produttività u jtejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi. Sabiex isaħħaħ
ir-rwol tad-disinn fl-innovazzjoni, il-Bord Ewropew ta' Tmexxija fid-Disinn
żviluppa sett ta' proposti li jinkludu: titjib tal-aċċess tal-kumpaniji
għad-disinn; il-promozzjoni tal-innovazzjoni bbażata fuq id-disinn għas-sistemi
tal-manifattura; il-promozzjoni tal-kompetenzi fid-disinn; il-valorizzazzjoni
tad-disinn fis-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE; l-applikazzjoni
usa’ tad-disinn fis-settur pubbliku; u d-differenzazzjoni tad-disinn Ewropew
f'livell globali. Il-politika tal-innovazzjoni tista' żżid
l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku billi tikkombina b’mod koerenti
l-introduzzjoni ta' teknoloġiji u prattiki tax-xogħol ġodda ma' miżuri orjentati
lejn id-domanda bħalma huma l-istandardizzazzjoni, il-promozzjoni tal-adozzjoni
ta' innovazzjonijiet fil-katini tal-provvista dinjija jew id-dħul fis-seħħ ta'
inċentivi regolatorji. L-Ewropa għandha esperjenza f'politiki orjentati lejn
id-domanda, bħall-Inizjattiva tas-Suq Pilota li kellha suċċess u li żviluppat
pjanijiet direzzjonali speċifiċi għas-suq u strumenti ta' politika orjentati
lejn id-domanda. Reċentement, tħabbru ħames Sħubijiet Ewropej
għall-Innovazzjoni sabiex jikkoordinaw l-istrumenti ta' politika orjentati lejn
id-domanda u r-riċerka u l-iżvilupp. Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew
f'Marzu 2012, huwa importanti li tiġi promossa aktar l-innovazzjoni
mmexxija mid-domanda u li jinħoloq l-aħjar ambjent possibbli
għall-imprendituri li jikkummerċjalizzaw l-ideat tagħhom fis-suq. Sa
mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni bdiet timplimenta pjan ta’ azzjoni
orizzontali bi tliet fażijiet konsekuttivi sabiex tiżdied id-domanda għal
prodotti u servizzi innovattivi Ewropej. L-ewwel fażi sservi biex
tidentifika s-swieq, is-settijiet tal-għodod u l-mudelli skont id-domanda.
Fil-fażi li ġejja, il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-partijiet
interessati, pjanijiet direzzjonali strateġiċi għal azzjonijiet orjentati lejn
id-domanda. Fil-fażi finali, se jiġu implimentati l-azzjonijiet stabbiliti
fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi tat-tieni fażi. B’mod parallel, sistema
ġdida ta’ monitoraġġ se tkejjel l-impatt ta’ politiki orjentati lejn id-domanda
u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali strateġiċi. Il-Kummissjoni
se tiżviluppa u timplimenta pjan ta’ azzjoni orizzontali sabiex tixpruna
d-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi Ewropej (mill-2012 'il quddiem). Il-Kummissjoni
se tistabbilixxi netwerk ta’ tagħlim dwar l-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol
fl-Ewropa, sabiex tippromwovi l-produttività tax-xogħol u l-kwalità
tal-impjiegi (2013) u se timplimenta pjan ta’ azzjoni biex taċċellera
l-adozzjoni tad-disinn fil-politika tal-innovazzjoni (mill-2012 'il quddiem). Fl-2013,
il-Kummissjoni se tniedi reviżjoni indipendenti biex tivvaluta jekk is-sistema
tal-istandardizzazzjoni Ewropea hijiex kapaċi tadatta għall-ambjent li qed
jevolvi malajr kif ukoll tikkontribwixxi għall-objettivi interni u esterni
strateġiċi tal-Ewropa. B. Aċċess
għas-swieq 1. It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti Is-Suq Intern għall-prodotti jirrappreżenta
75 % tal-kummerċ intra-UE u jippreżenta potenzjal kbir mhux sfruttat li
jistimola l-kompetittività u t-tkabbir fl-UE. Din hija għodda ewlenija biex
tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ferm. B'mod partikolari,
il-globalizzazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni qed ikollhom impatti
profondi fuq il-proċessi tal-manifattura, filwaqt li d-distinzjoni bejn
il-"prodotti" u "servizzi" qiegħda dejjem tonqos.
Madankollu, dan il-proċess jista' jkun qed joħloq xkiel u ostakli ġodda.
Għalhekk, jeħtieġ li r-regoli u l-proċeduri tas-suq uniku jżommu l-pass ma'
dawn l-iżviluppi. Għoxrin sena wara l-istrateġija tal-1992, firxa wiesgħa ta'
prodotti għadha mhijiex armonizzata u l-klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku
fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri mhumiex dejjem applikati b’mod korrett.
Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni kritika tal-acquis
għall-prodotti industrijali, inkluż studju u konsultazzjoni estensiva, u se
tipproduċi Pjan direzzjonali għar-riforma tas-Suq Intern għall-prodotti
industrijali. Jeħtieġ li jsir aktar progress lejn
l-integrazzjoni sħiħa ta' ċerti setturi fis-suq intern, bħas-sigurtà u
d-difiża. Minkejja l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' Difiża, is-settur
tad-difiża għadu jsostni bil-qawwa d-dimensjoni nazzjonali u għalhekk ma jistax
jibbenefika mill-ekonomiji ta' skala potenzjali li huma meħtieġa biex jitjiebu
l-kompetittività u l-profittabbiltà. Fil-qasam tas-sigurtà ċivili, qegħdin jitħejjew
aktar inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-UE. Task Force dwar
id-Difiża qed tgħin biex tiżviluppa strateġija komprensiva għal industrija
tad-difiża minn ta' quddiem fid-dinja li hija kompetittiva kemm fl-Ewropa kif
ukoll 'il barra minnha. Bl-istess mod, il-prodotti u s-servizzi msejsa fuq
dejta satellitari għandhom potenzjal għoli għat-tkabbir ekonomiku, u l-iżvilupp
tas-suq tagħhom għandu jiġi mħeġġeġ u sostnut. Fl-2010, bħala parti mill-istrateġija tagħha
ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti[32],
il-Kummissjoni żviluppat Verifiki tal-Adegwatezza sabiex tivvaluta
l-qafas regolatorju ġenerali f'qasam ta' politika partikolari. Dawn il-verifiki
tfasslu biex jiġu identifikati l-piżijiet amministrattivi eċċessivi, jiġu
eżaminati d-duplikazzjonijiet regolatorji, il-lakuni u l-inkonsistenzi u jiġi
vvalutat l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni. Is-sejbiet tagħhom iservu bħala
bażi għal deċiżjonijiet ta' politika dwar il-ġejjieni tal-qafas regolatorju
rilevanti. Qegħdin jitwettqu verifiki tal-adegwatezza f’oqsma speċifiċi
tal-politika, bħall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema,
l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u l-politika ambjentali tal-UE
dwar l-ilma ħelu. Madankollu, l-ambizzjoni li tinkiseb ħarsa ġenerali lejn
il-politiki prinċipali li jaffettwaw is-settur ekonomiku uniku, għadha ma
ntlaħqitx fil-konkret. Għalhekk, il-Kummissjoni se twettaq il-verifiki
tal-adegwatezza pilota settorjali u orizzontali. L-ewwel tnejn se jirrigwardaw ir-raffinar
taż-żejt u s-setturi tal-aluminju. Iż-żewġ setturi huma essenzjali
fil-katina tal-valur industrijali tal-UE, iżda jirrikjedu b'mod urġenti
investiment ġdid li jrid isir fid-dawl tal-kompetizzjoni internazzjonali
qawwija. Il-verifiki tal-adegwatezza se jiffokaw fuq l-implimentazzjoni u l-interazzjoni
ta' dawk il-politiki li huma l-aktar importanti għall-kompetittività ta' dawn
is-setturi[33].
Dawn se jiġu segwiti mill-verifiki tal-adegwatezza futuri fi prodotti
industrijali oħra. L-ostakli għas-Suq Intern fir-rigward
tal-governanza u r-regolamentazzjoni jinħolqu wkoll minn oqsma ta' politika li
huma rregolati mill-Istati Membri, pereżempju r-regoli tekniċi, ir-rifjuti li
jiġu applikati r-rikonoxximent reċiproku u n-nuqqas ta' taqbil bejn is-27 sett
differenti tar-regoli tat-tassazzjoni. Analiżi upstream tal-abbozzi
tar-regoli tekniċi tista' tipprevjeni li jitfaċċaw ostakli regolatorji. Dan
huwa preċiżament l-objettiv tal-proċedura ta' notifika 98/34[34], li tirrikjedi abbozz ta'
leġiżlazzjoni li jinkludi regoli tekniċi dwar prodotti u servizzi tas-soċjetà
tal-informazzjoni li jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu
adottati. In-natura preventiva ta' din il-proċedura evitat għadd kbir ta'
kontravenzjonijiet tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-prodotti. Madankollu,
din il-proċedura ta' notifika tista' tintuża wkoll, biex ittejjeb
il-leġiżlazzjoni nazzjonali b konformità mal-prinċipji ta' "Regolazzjoni
Mtejba" u permezz ta' valutazzjoni komparattiva. Il-potenzjal tagħha
jista' jiġi sfruttat iktar billi l-Istati Membri jiġu rrakkomandati biex jużaw
l-ittestjar tal-kompetittività fil-kuntest tal-valutazzjonijiet nazzjonali
tal-impatt. "Il-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi"
jirrappreżentaw suq dinamiku, innovattiv u li qed jikber. Madankollu,
l-iżvilupp b'mod parallel ta’ skemi tal-ittikkettar u regoli tekniċi differenti
u ta' spiss inkonsistenti fl-Istati Membri u permezz ta' inizjattivi privati
jista' joħloq konfużjoni għall-konsumaturi, u ostakli għall-moviment liberu ta'
dawn il-prodotti u s-servizzi fis-suq intern. Il-Kummissjoni qed teżamina
l-aħjar modi possibbli biex tintegra "l-prodotti u s-servizzi
ekoloġiċi" fis-Suq Intern, inkluż l-impatt ambjentali[35]. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati
Membri dwar il-metodoloġiji u l-kriterji għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar/ir-rimborż
tal-prodotti mediċinali jikkawża inkoerenzi u d-dewmien fl-aċċess għal
mediċini innovattivi. Filwaqt li dan qed jiġi indirizzat parzjalment permezz
tad-Direttiva dwar it-Trasparenza u l-ħidma dwar il-valutazzjoni
tat-teknoloġija tas-saħħa, jinħtieġu aġenda għal strateġija politika usa' kif
ukoll pjan direzzjonali sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u l-vijabbiltà
fit-tul tal-industrija farmaċewtika tal-UE. Hemm lok għal titjib tal-qafas tal-UE għas-Sorveljanza
tas-Suq. Id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (GPSD)
tapplika għall-prodotti tal-konsumatur kollha, kemm dawk armonizzati kif ukoll
dawk li mhumiex, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq li
attwalment jinsabu fir-Regolament 765/2008 u fil-leġiżlazzjoni speċifika
għas-settur japplikaw għal prodotti armonizzati, kemm jekk ikunu industrijali
kif ukoll għall-konsumatur. Għalhekk, jista' jinħoloq konfużjoni kemm fost
l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll l-operaturi ekonomiċi li għalihom tapplika
s-sistema. Qiegħda titfassal proposta ġdida għas-sorveljanza tas-suq u din
tikkombina dawn id-dispożizzjonijiet kollha tas-sorveljanza tas-suq u
tindirizza n-nuqqasijiet tal-qafas leġiżlattiv preżenti. Is-sorveljanza tas-suq tipproteġi
liċ-ċittadini Ewropej minn prodotti mhux konformi (eż. ir-riskji għas-saħħa u
s-sikurezza) u tiżgura kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust. Iż-żamma tal-ordni
fis-Suq Intern issir fil-livell nazzjonali, bl-Istati Membri jkunu responsabbli
kemm għas-sorveljanza kif ukoll għall-infurzar. Is-sorveljanza, b'mod
partikolari, hija kompitu enormi. Hemm evidenza ta’ sorveljanza dgħajfa tas-suq
għal xi prodotti, bħall-prodotti kapitali mmanifatturati mill-industrija
mekkanika Ewropea[36].
Jinħtieġ pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq biex jipprovdi
dinamiżmu għas-sorveljanza tas-suq fil-livell pan-Ewropew u biex isaħħaħ
il-kooperazzjoni u l-għajnuna reċiproka. Dan se jagħmel il-ħajja aktar diffiċli
għal kummerċjanti illegali, u jgħin biex ikompli jintegra s-suq uniku
għall-prodotti konformi u sikuri. Għaldaqstant, l-operaturi responsabbli mhux
se jibqgħu jsibu ruħhom fi żvantaġġ kompetittiv. Hekk kif il-linja ta' diviżjoni bejn
is-servizzi u l-prodotti qed issir inqas definita b'mod ċar, l-ostakli
għall-kummerċ tas-servizzi qegħdin dejjem aktar ifixklu l-kummerċ tal-prodotti.
Is-servizzi tan-negozji, b'mod partikolari, huma kruċjali għall-innovazzjoni u
l-kompetittività industrijali. Dawn huma partikolarment rilevanti għall-SMEs,
li jiddependu fuq is-servizzi tax-xiri mis-suq aktar milli mill-kumpaniji
l-kbar. Sa tmiem
l-2012, il-Kummissjoni se tadotta Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u
s-Sorveljanza tas-Suq li jkun jikkonsisti f'Direttiva riveduta dwar
is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, Regolament ġdid dwar is-Sorveljanza tas-Suq
u Komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq
mill-2012 sal -2015. Il-Kummissjoni
se tevalwa l-istat tal-"acquis" fil-qasam tal-prodotti industrijali
kollu kemm hu, bil-ħsieb li tħejji Pjan Direzzjonali għal Riforma tas-Suq
Intern għall-prodotti industrijali (2013). Il-Kummissjoni
se twettaq verifiki tal-adegwatezza tas-setturi tal-aluminju u r-raffinar
taż-żejt filwaqt li tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-interazzjoni ta' dawk
il-politiki l-aktar importanti għall-kompetittività. Il-Kummissjoni
se tiżviluppa strateġija komprensiva biex tappoġġa l-kompetittività
tal-industrija tad-difiża u ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tad-difiża. Mistennija
li tiġi ppubblikata Komunikazzjoni sa April 2013. Il-Kummissjoni
se tressaq inizjattivi addizzjonali biex trawwem l-integrazzjoni tas-suq intern
fl-oqsma tas-sigurtà u l-ispazju. Il-Kummissjoni
se tisfrutta aktar il-potenzjal tal-proċedura 98/34 bħala strument
għall-politika industrijali u bħala gwida għall-prijoritajiet leġiżlattivi
futuri tal-UE, partikolarment biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu
l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-ittestjar tal-kompetittività fl-istadju
tal-abbozzar tal-proċessi leġiżlattivi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni
se tniedi aġenda għal strateġija politika biex issaħħaħ il-kompetittività
tal-industrija farmaċewtika. Fi tmiem
l-2012 se jinħoloq Grupp ta' Livelli Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozji. Wara
r-rapport ta' dan il-Grupp, il-Kummissjoni se tiżviluppa, sal-2014, programm
ta' ħidma futur bir-rakkomandazzjonijiet ta' politika. 2. It-trawwim tal-intraprenditorija biex is-Suq
Intern isir aktar dinamiku Għalkemm aktar minn terz tal-impjiegi l-ġodda
kollha ġejjin minn kumpaniji żgħar u bi tkabbir għoli, il-kumpaniji żgħar
tal-UE ma jikbrux malajr daqs dawk fl-Istati Uniti[37]. Filwaqt li jibni fuq l-Att
dwar in-Negozji ż-Żgħar, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija se jrawwem
it-tkabbir tal-bidu tan-negozji, jiffaċilita t-trasferiment tan-negozji,
jipprovdi appoġġ għan-negozji fi stadju bikri, u jiżviluppa proċeduri
effiċjenti tal-falliment li jagħtu t-tieni ċans lill-intraprendituri. Jeħtieġ ukoll li l-intraprendituri jisfruttaw
il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali fl-UE li huwa mistenni li jikber
b’10% fis-sena sal-2016[38].
Il-Kummissjoni poġġiet l-iżvilupp tal-internet u t-teknoloġiji diġitali
fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa[39]
u l-Inizjattivi Ewlenin tal-Politika Industrijali. Il-politika tal-UE tipprovdi
l-kundizzjonijiet ta' qafas għas-suq uniku diġitali, inkluża l-bażi
leġiżlattiva għall-kummerċ elettroniku (id-Direttiva 2000/31/KE)[40]. Fil-ġejjieni, il-Liġi Komuni
Ewropea dwar il-Bejgħ se toffri regoli uniformi għall-bejgħ onlajn
transfruntier u d-dimensjoni diġitali hija parti ewlenija tal-istrateġija
għall-Aġenda tal-Konsumaturi Ewropej[41].
L-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu
jikkontribwixxu biex titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku Diġitali.
L-Istati Membri jridu jissimplifikaw il-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-VAT u
joħolqu punt uniku għar-reġistrazzjoni elettronika biex jiġi ffaċilitat
il-kummerċ diġitali transfruntier min-negozji żgħar. In-Netwerk Ewropew
għall-Intrapriżi se jipprovdi taħriġ u jinforma lil dawk l-SMEs li jixtiequ
jiżviluppaw negozju onlajn dwar l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-bejgħ
transfruntier. Linji gwida u tikketti tal-kwalità għall-ħiliet elettroniċi
jistgħu jipprovdu sett ta' ħiliet għal dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u
t-taħriġ kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri. L-istandards
u l-linji gwida huma essenzjali għall-interoperabilità diġitali fil-ktajjen
tal-provvista. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li jiġu
żviluppati sempliċiment il-kundizzjonijiet ta’ qafas u li jitħeġġu
l-intraprendituri biex jisfruttaw is-suq uniku diġitali. L-Ewropa teħtieġ ukoll
li titqanqal l-intraprenditorija fl-ekonomija diġitali nnfisha sabiex tirnexxi. Il-Kummissjoni
se tipproponi Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija li jistabbilixxi
r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet
ta' qafas u miżuri ta’ appoġġ għall-intraprenditorija (Novembru 2012) u li
jieħu wkoll miżuri addizzjonali biex iħeġġeġ lin-negozji ġodda u lin-negozji
żgħar stabbiliti biex jadottaw teknoloġiji diġitali u kummerċ elettroniku.
Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll azzjonijiet immirati fl-ewwel trimestru
tal-2013 biex tappoġġa l-intraprendituri tal-web fl-UE. 3. Is-Suq Intern għat-teknoloġija, il-privattiva
unitarja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
(IPRs) huma vitali għall-innovazzjoni u t-tkabbir billi jipprovdu l-protezzjoni
għal dawk il-kumpaniji li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. Billi jiġu
ppremjati l-kreattività u l-ħila inventiva u jitħarsu l-kumpaniji u
l-innovazzjoni mill-approprjazzjoni u l-użu mhux xierqa tal-għarfien
teknoloġiku, l-IPRs huma fil-qalba tas-sistema tal-innovazzjoni u jifformaw
il-bażi tat-trasferimenti kollha tat-teknoloġija. Jeħtieġ li jiġi żgurat li
l-qafas tal-IP iservi l-ħtiġijiet tal-ekonomija l-ġdida, b'mod partikolari għal
innovazzjoni miftuħa u ta’ kollaborazzjoni. L-introduzzjoni tal-privattiva unitarja
u l-iżvilupp ta’ sistema unifikata ta’ litigazzjoni dwar
il-privattivi fl-Ewropa se jnaqqsu l-ispejjeż[42] u l-frammentazzjoni
tal-protezzjoni tal-privattivi fis-Suq Uniku, u b'hekk jeliminaw l-ispejjeż ta'
litigazzjoni bla bżonn u jsaħħu ċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, se tkun
disponibbli għodda tat-traduzzjoni awtomatika mingħajr ħlas[43] għal-lingwi Ewropej kollha sa
tmiem l-2014. L-inventuri li qed ifittxu l-protezzjoni tal-privattivi għandhom
għodod disponibbli sabiex titħaffef il-proċedura sa meta tingħata privattiva.
L-inizjattivi bbażati fuq l-użu tax-xogħol ta’ uffiċċji oħra kif ukoll
l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-liġi sostantiva dwar il-privattivi (li
tinkludi perjodu ta' konċessjoni armonizzat fil-livell dinji li jrid jiġi
elaborat flimkien mal-kwistjonijiet kollha marbuta miegħu), jistgħu jkomplu
jsaħħu s-sistema tal-privattivi fit-tul u jikkontribwixxu biex ikomplu
jitnaqqsu l-ispejjeż. Jistgħu jintużaw strumenti oħra biex
jikkomplementaw is-sistema tal-privattivi. Wieħed
minnhom huwa l-perfezzjonament tal-użu u tal-protezzjoni tas-sigrieti
kummerċjali. Mhux l-istadji kollha tal-innovazzjoni huma suġġetti
għall-privattivi, iżda r-riżultati tagħhom jista' jistħoqqilhom protezzjoni
kontra l-miżapproprjazzjoni. Filwaqt li xi invenzjonijiet jistgħu jkunu
suġġetti għall-privattivi, il-kumpaniji jistgħu jqisu li huma protetti aħjar
permezz tas-segretezza. Għalhekk, l-innovaturi jistgħu xi drabi jagħżlu li
jħarsu l-innovazzjonijiet (u r-redditu tal-innovazzjoni) billi sempliċiment ma
jiżvelawx is-sigriet kummerċjali tagħhom. Ma hemm l-ebda liġi tal-UE dwar
il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u dan il-qasam huwa rregolat fil-livell
nazzjonali. Madankollu, hemm differenzi sinifikanti fil-liġijiet nazzjonali
dwar in-natura u l-ambitu tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, kif ukoll
dwar il-mezzi ta' rimedju. Il-Kummissjoni qed teżamina jekk id-differenzi
eżistenti fl-approċċi nazzjonali jistgħux joħolqu ostakli u spejjeż
tat-tranżazzjonijiet għall-kumpaniji li joperaw b'mod transfruntier, mhux
l-inqas għall-SMEs. Il-kumpaniji mhux elenkati huma suġġetti
għar-regoli nazzjonali tal-kontabilità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni
tar-Raba' Direttiva tal-Kontabilità. Għalkemm din id-Direttiva tippermetti
lill-Istati Membri biex jiżviluppaw regoli f’dak is-sens, bħalissa ma hemm
l-ebda rikonoxximent mifrux tal-valur tal-privattivi u IPRs oħrajn, speċjalment
fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-SMEs. Se jittieħdu passi biex jiġu
esplorati modi li jistgħu jippermettu lill-kumpaniji biex jiksbu
r-rikonoxximent effettiv tal-valur tal-privattivi tagħhom, inkluż
fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom u biex jesploraw il-benefiċċji
potenzjali tat-tisħiħ tal-iżvelar f'termini tal-aċċess għall-finanzi. Barra
minn hekk, l-iskemi tal-assigurazzjoni kontra l-litigazzjoni fil-qasam
tal-proprjetà intellettwali qegħdin isiru dejjem aktar sinifikanti. Sistema effettiva tal-IPR jeħtieġ li tinkludi
salvagwardji ex-ante u ex-post ta’ infurzar kontra dawk li ma
jirrispettawx ir-regoli. L-imbuskati għall-privattivi, il-hold-ups
għall-privattivi, it-tilwim dwar il-privattivi u l-ksur ta' dawn id-drittijiet
(bħall-falsifikazzjoni u l-piraterija) jagħmlu ħsara diretta lill-vittmi u
jimminaw il-fiduċja fis-sistema tal-IPR. Il-progress teknoloġiku rapidu fl-industriji
ta' importanza fil-livelli kollha tal-ekonomija wassal għal riskji li jistgħu
jirriżultaw minn għoqod ta' privattivi[44]
u imbuskati għall-privattivi[45].
L-istudji identifikaw għoqod ta' privattivi f'9 minn 30 qasam
tat-teknoloġija. Sistema regolatorja effiċjenti u proporzjonata tista'
trawwem forom ta' arranġamenti prokompetittivi li jippermettu l-konċessjoni
reċiproka tal-liċenzji jew it-twaqqif ta' komunità ta' privattivi bħala
strumenti effettivi bbażati fuq is-suq u maħsuba biex itaffu dawk ir-riskji.
Bħala parti minn dik is-sistema regolatorja, il-Kummissjoni se taġġorna
r-regoli tagħha rigward il-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija.
Barra minn hekk, il-ħidma dwar is-salvagwardji eżistenti bħall-għoti ta'
liċenzji f'termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND), tista'
tiġi approfondita. Flimkien mas-salvagwardji, kooperazzjoni eqreb u skambju
tal-informazzjoni bejn l-uffiċċji tal-privattivi u l-organizzazzjonijiet
tal-istandardizzazzjoni jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti fi żmien qasir. L-IPRs huma mhedda minn livelli li dejjem
jiżdiedu tal-iffalsifikar u l-piraterija tal-prodotti. Ir-rapporti
tal-Kummissjoni dwar is-sekwestri doganali fil-fruntieri tal-UE juru li l-għadd
ta' sekwestri u każijiet żdiedu b'mod sinifikanti sa mill-2000. Id-drittijiet
tal-proprjetà intellettwali li ma jistgħux jiġu infurzati huma bla sens.
Għalhekk, qafas komuni minimu li jirregola l-infurzar ċivili tal-IPRs ilu
fis-seħħ mill-2004 (id-Direttiva 2004/48/KE), li jippermetti mhux biss azzjoni
kontra l-kontraventuri diretti iżda wkoll kontra l-intermedjarji (onlajn u
offlajn) li s-servizzi tagħhom jintużaw minn partijiet terzi għal finijiet ta'
ksur. Dan il-qafas, li bħalissa jinsab taħt reviżjoni, jippermetti
lid-detenturi tad-drittijiet li jieħdu azzjoni jekk jinkisru d-drittijiet
tagħhom tal-proprjetà intellettwali. Flimkien mal-miżuri, ir-rimedji u
s-sanzjonijiet previsti mil-liġi, l-approċċi kollaborattivi volontarji jistgħu
jsaħħu b'mod prammatiku ferm il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija
bħall-Osservatorju tal-UE dwar il-ksur tal-IPRs[46]. Barra minn hekk,
il-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta' prodotti ffalsifikati fuq l-internet[47] wera li hu metodu ta' suċċess
biex jitnaqqas il-bejgħ ta’ prodotti foloz permezz tal-internet. - Il-Kummissjoni
qed teżamina l-qafas legali frammentat ħafna għall-ħarsien ta' sigrieti
kummerċjali u qed taħdem fuq għażliet possibbli sabiex dan ikun effiċjenti u
jiswa inqas għan-negozji u l-korpi tar-riċerka sabiex jinvestu fih, jagħtu
l-liċenzji, jittrasferixxu u jaqsmu l-għarfien u l-informazzjoni ta’ valur
madwar is-Suq Intern. - Il-Kummissjoni
se tqis il-metodi ta' stima l-aktar adegwati kif ukoll ir-relazzjoni bejn
is-suq tal-IPRs u l-istima u l-iżvelar xierqa tal-IPRs fil-kontabilità, wara
l-konklużjonijiet ta’ grupp espert dwar dawn il-kwistjonijiet fl-2013. - Il-Kummissjoni
se tqis il-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied it-trasparenza u
jittejjeb it-trattament tal-IPRs fl-istandardizzazzjoni. - Il-Kummissjoni
se trawwem il-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-privattivi u
l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni inklużi l-inizjattivi
bħall-kartografija tal-privattivi u l-ħolqien ta' konnessjonijiet bejn
il-bażijiet ta' dejta. - Il-Kunsill
u l-Parlament Ewropew għandhom jadottaw b'mod urġenti r-reviżjoni tar-Regolament
(1383/2003/KE) dwar l-infurzar doganali. 4. Is-swieq internazzjonali L-Unjoni Ewropea hija potenza kummerċjali
ewlenija fid-dinja, iżda l-ekonomija dinjija qed tinbidel rapidament u qed
issir dejjem aktar multipolari. L-ekonomiji emerġenti ewlenin (partikolarment
il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina) qed ikomplu jikbru malajr, u ħafna
minnhom daħħlu fis-seħħ politiki industrijali ambizzjużi b'enfasi qawwija fuq
it-teknoloġiji u l-innovazzjoni industrijali sabiex "jitilgħu l-iskala
tal-kwalità" u jimxu lejn produzzjoni aktar ekoloġika. Hemm ukoll tendenza
inkwetanti li wieħed jirrikorri għal miżuri protezzjonisti u prattiki
diskriminatorji[48]. Il-Kummissjoni taħdem biex tiftaħ is-swieq u
toħloq konnessjoni bejn l-Ewropa u r-reġjuni u s-sorsi ewlenin ta' tkabbir
globali. Il-Kummissjoni se tissokta ssegwi aġenda ambizzjuża fil-qasam
tal-kummerċ u l-investiment[49],
fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku kif ukoll aġenda komprensiva
ta' infurzar, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq l-aċċess għas-suq,
it-tneħħija tal-ostakli, il-ftuħ tal-akkwist pubbliku, l-iżgurar ta' infurzar
effettiv tar-regoli tal-kummerċ (eż. relatati mas-sussidji), l-aħjar standards
ta’ protezzjoni għall-investimenti internazzjonali u l-protezzjoni sħiħa
tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-applikazzjoni konsistenti
tal-ittestjar tal-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt fil-bidu
tan-negozjati tal-kummerċ u l-investiment, u l-preżentazzjoni ta' analiżi
komprensiva għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill ladarba jkunu konklużi
n-negozjati, se jgħinu biex jottimizzaw l-impatt tal-FTAs fuq l-industrija u
fuq l-ekonomija tal-UE. Il-proċedura tan-notifika tad-WTO dwar
l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) hija għodda b’saħħitha biex ittejjeb
l-aċċess għas-suq, iżda l-partijiet interessati, speċjalment l-SMEs, ma
jużawhiex biżżejjed. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-informazzjoni dwar it-TBT
fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq issir aktar aċċessibbli u se
tagħmel il-proċedura aktar viżibbli u aċċessibbli għall-partijiet interessati. B’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, qed
tiġi żviluppata politika komprensiva għall-investiment internazzjonali[50] permezz ta' kombinazzjoni ta'
negozjati bilaterali, djalogi mal-imsieħba ewlenin u l-parteċipazzjoni attiva
fil-fora internazzjonali. Dan għandu jwassal għal aċċess aħjar għas-swieq
ewlenin, standards għoljin ta' protezzjoni tal-investimenti tal-UE fil-pajjiżi
terzi u jipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE. B’mod parallel,
huwa essenzjali li jinżamm ambjent miftuħ u mhux diskriminatorju sabiex tkompli
tiżdied l-attrazzjoni tal-investiment fl-UE[51],
b'mod partikolari għal investimenti diretti barrani ġodda li joħolqu t-tkabbir
u l-impjiegi u jtejbu, fejn meħtieġ, it-trasparenza tal-FDI fl-UE. Sabiex ikun assigurat l-aċċess għall-materja
prima, kif ukoll għall-inizjattivi fil-qasam tal-politika kummerċjali[52], il-Kummissjoni se tkompli
tiżviluppa d-"diplomazija tal-materja prima" tagħha[53] u ttejjeb l-immirar
tal-kooperazzjoni regolatorja f’dan il-qasam. Ir-reġjuni u l-pajjiżi fil-mira
jinkludu l-Groenlandja[54],
il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, il-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar,
l-Amerika Latina, l-Afrika u l-Asja. Jeħtieġ li l-kumpaniji tal-UE jkunu appoġġati
aħjar u akkumpanjati fil-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom, sabiex
jiżdied is-sehem tal-SMEs tal-UE attivi internazzjonalment (bħalissa stmat għal
13 %). Il-"Missjonijiet għat-Tkabbir" immexxija
mill-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi ma' rappreżentanti tal-industrija tal-UE u
l-SMEs, li ma għandhomx jiġu mħawda mal-attivitajiet tradizzjonali
tal-promozzjoni kummerċjali, jista' jkollhom rwol pożittiv biex jipprovdu qafas
komuni għall-kooperazzjoni politika fil-qasam tal-industrija u tal-SMEs u
jgħinu biex jitrawmu r-relazzjonijiet tan-negozji. L-UE qed taħdem fuq reviżjoni tal-istrateġija
għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi
bħala komponent ewlieni tal-inizjattivi tagħha kontra l-iffalsifikar. F’dan
il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġa direttament lill-SMEs biex tipproteġi
l-assi intellettwali tagħhom fi swieq barranin ewlenin bis-saħħa tal-Helpdesks
tal-IPRs għall-SMEs u l-għodod ibbażati fuq l-internet faċli għall-utent,
bħall-Portal TransAtlantiku tal-IPRs konġunt tal-UE u tal-Istati Uniti.
L-effettività tal-istrutturi ta’ appoġġ għan-negozji tal-UE fil-pajjiżi terzi
se tissaħħaħ ukoll. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se takkumpanja
l-azzjonijiet esterni b'inizjattivi interni u tfittex l-appoġġ reċiproku bejn
il-politiki u l-inizjattivi regolatorji fis-Suq Uniku u l-prijoritajiet
esterni, filwaqt li tevita approċċi regolatorji li jgħawġu l-kummerċ. Il-Kummissjoni
se: –
Tieħu azzjonijiet biex iżżid il-viżibbiltà
tal-proċedura ta' notifika tat-TBT u tagħmilha aktar aċċessibbli
għall-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. –
Tkompli tiżviluppa d-"diplomazija
fil-materja prima" b’mod immirat u tiġi implimentata b'mod sħiħ
l-istrateġija ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs[55]. –
Tappoġġa l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà
intellettwali fil-pajjiżi terzi u testendi l-għodod biex tiżgura l-IPRs
tal-SMEs fis-swieq internazzjonali, inklużi l-inizjattivi tal-Helpdesk tal-IPRs
għall-SMEs fir-reġjuni tal-ASEAN u tal-Mercosur u ttejjeb l-effikaċja ta’
strutturi ta’ appoġġ għan-negozji tal-UE f'pajjiżi terzi billi toħloq rabta
bejniethom u n-Netwerk għall-Ewropew għall-Intrapriżi. –
Tippromwovi aktar il-kooperazzjoni u
l-konverġenza regolatorji internazzjonali, speċjalment vis-à-vis l-pajjiżi
ġirien, sabiex takkumpanja l-ħolqien tas-swieq għal prodotti u teknoloġiji
ġodda u bil-ħsieb li tiżgura l-appoġġ reċiproku bejn l-inizjattivi tas-Suq
Uniku u l-prijoritajiet esterni. C. L-aċċess għall-finanzi u s-swieq
kapitali L-irkupru u t-tkabbir futur tal-industrija
Ewropea jiddependu fuq id-disponibbiltà tal-kapital biex jitwettqu
l-investimenti meħtieġa għall-adozzjoni ta' teknoloġiji u apparati ġodda sabiex
tiżdied il-kompetittività tagħna. Sfortunatament, il-konsultazzjoni tagħna
mal-partijiet interessati u l-istħarriġ tagħna juru biċ-ċar li l-aċċess
għas-swieq kapitali u għall-krediti jikkostitwixxi problema prinċipali
għan-negozju Ewropew. Id-domanda dgħajfa għall-kreditu tispjega
parzjalment il-livelli attwalment baxxi tas-self bankarju, iżda
r-restrizzjonijiet marbuta mal-provvista huma importanti ħafna wkoll[56]. It-tnaqqis fl-ingranaġġ u
r-ristrutturar meħtieġa tas-settur bankarju x'aktarx li joħolqu dewmien
għall-irkupru tas-self bankarju. Il-problema hija partikolarment serja
għall-SMEs. Skont l-"Istħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzjament
tal-SMEs" imwettaq f'April mill-BĊE, l-SMEs irrapportaw rati ta' rifjut
ogħla tal-applikazzjonijiet tagħhom għas-self (13 %, minn 10 %
preċedentement). Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji industrijali
Ewropej jiddependu ħafna fuq is-self mill-bank. Fl-Istati Uniti, kemm it-titoli
ta' dejn kif ukoll il-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità jaqbżu l-volum
totali tal-assi tal-banek. Il-kontijiet tad-dejn fis-suq kapitali
għall-finanzjament tal-intrapriżi huma biss 7 % tal-PDG fl-Ewropa meta
mqabbla ma' 35 % fl-Istati Uniti[57].
Din il-karatteristika strutturali tal-ekonomija tal-UE tagħmel l-industrija
tal-UE aktar sensittiva għall-impatt tal-kriżi bankarja, minħabba
d-disponibbiltà limitata ta’ sorsi alternattivi ta’ finanzjament. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi
għadd ta' miżuri biex ittejjeb l-aċċess tal-industrija għall-kapital. L-ewwel
grupp ta' miżuri jiddependi fuq l-appoġġ tas-settur pubbliku, filwaqt li
t-tieni grupp jinkludi miżuri li jistgћu jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq
kapitali. 1. L-appoġġ tas-settur pubbliku biex
jiffaċilita l-aċċess tal-industrija għall-kapital L-ipprogrammar ġdid għall-Qafas Finanzjarju
Multiannwali mill-2014 sal-2020 se jissemplifika u jsaħħaħ l-effettività
tal-istrumenti finanzjarji biex jappoġġaw l-attivitajiet innovattivi.
Il-possibbiltà li jintużaw ir-riżorsi allokati għall-Orizzont 2020
flimkien mal-programm COSME se tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iżvilupp
teknoloġiku għall-isfruttament tat-teknoloġiji ġodda mill-industrija u mis-suq.
L-espansjoni tal-faċilità tal-finanzjament bil-qsim tar-riskju se tgħin biex
tnaqqas ir-riskji għall-kumpaniji potenzjal ta' tkabbir għoli. Il-Politika ta’
Koeżjoni tipprovdi approċċ integrat biex jiġu indirizzat l-ħtiġijiet
tal-SMEs, li jkopri l-fażijiet kollha ta' ħolqien u żvilupp tan-negozju, u hija
l-akbar sors ta' appoġġ tal-UE għall-SMEs b'volum totali ta'
EUR 25 biljun immirati direttament lejn l-SMEs fil-perjodu
finanzjarju attwali (2007-13) mill-EUR 55 biljun għall-appoġġ
lin-negozji fil-Politika Reġjonali. Il-kompetittività tal-SMEs hija wkoll
prijorità ċara li fuqha se jikkonċentra l-finanzjament tal-politika ta’
koeżjoni fil-ġejjieni. Il-miżuri ta’ appoġġ jikkombinaw l-appoġġ finanzjarju
dirett, kemm fil-forma ta' għotjiet kif ukoll ta' strumenti finanzjarji
rotattivi, b’servizzi ta' pariri u appoġġ, inkluż għat-taħriġ vokazzjonali u
l-intraprenditorija. L-għan tagħha huwa li tgħin lill-SMEs jibbenefikaw minn
netwerking u ragruppament u biex jiżviluppaw mudelli ġodda tan-negozju u jġibu
ideat ġodda aktar malajr fis-swieq lokali u globali. Il-Kummissjoni
se tikkoopera mal-BEI u mal-EIF sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta' strumenti
finanzjarji aktar effiċjenti u effettivi għall-investiment tar-riżorsi allokati
fl-inizjattiva Orizzont 2020 u fil-programmi COSME. L-Istati
Membri għandhom jiżguraw li l-użu effettiv tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni
msaħħa mill-kunċett ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti" se
jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi billi jtejjeb
il-kompetittività industrijali (2013). Sabiex jiġi
ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi[58],
il-Kummissjoni se tniedi portal uniku li jipprovdi informazzjoni dwar kif
jinkiseb l-aċċess għall-finanzi mill-programmi differenti tal-UE f’kull pajjiż.[59] Minbarra dawn il-miżuri fuq medda medja u
twila ta' żmien, iż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew tal-Investiment
ta’ EUR 10 biljun hija stmata li tiġġenera EUR 60 biljun
ta' kapaċità ta' self addizzjonali fil-futur qarib. Fil-prinċipju, se jiġu
allokati bejn EUR 10 biljun u EUR 15 il-biljun għall-SMEs,
ammont simili għall-innovazzjoni u bejn EUR 15-il biljun u
EUR 20 biljun għall-użu effiċjenti tar-riżorsi[60]. Sabiex
jitħaffu l-irkupru u t-tkabbir: –
Iż-żieda fil-kapacità ta' self li tirriżulta
miż-żieda fil-kapital tal-BEI se ssir disponibbli sa mill-2013, bl-użu
tal-faċilitajiet ta' self attwali tal-BEI. Wara l-2014, se jiġu implimentati
l-istrumenti ġodda żviluppati għall-qafas finanzjarju l-ġdid. –
L-Istati Membri għandhom jeżaminaw fil-kuntest
tal-perjodu ta' programmar attwali tal-fondi strutturali għall-2007-2013
l-opportunitajiet kollha biex jidderieġu r-riżorsi li fadal lejn is-sitt linji
prijoritarji definiti f'din il-Komunikazzjoni u fi proġetti li għandhom l-għan
li jżidu l-kompetittività, b'mod partikolari dik tal-SMEs. –
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar
l-Aċċess għall-Finanzi tibqa' prijorità għolja fil-livell Ewropew biex ittejjeb
l-aċċess tan-negozji għall-finanzi. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu
azzjoni biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament fil-livelli lokali, reġjonali u
nazzjonali. –
L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu azzjoni
biex jiġi ffaċilitat l-ambjent ta' finanzjament fil-livelli lokali, reġjonali u
nazzjonali b'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. 2. L-aċċess għas-swieq kapitali Il-kriżi kompliet tnaqqas l-għadd diġà limitat
ta' għażliet ta' finanzjament disponibbli għall-SMEs u l-kumpaniji
b'kapitalizzazzjoni medja. Is-suq tat-titolizzazzjoni għal self lill-SMEs għadu
baxx. Tiġdid ta’ dan is-suq f'ambjent ta' regolamentazzjoni u superviżjoni
prudenzjali aktar effettivi biex tiġi ppreżervata l-istabbiltà tas-swieq
finanzjarji jista' jikkontribwixxi għal finanzjament fit-tul ta' proġetti. Il-perspettiva ekonomika li qed tiddeterjora
kellha wkoll effett negattiv fuq id-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju. Bosta
fondi ta' kapital tar-riskju qed jieħdu ħsieb il-portafoll tal-kumpaniji
tagħhom mingħajr ma jfittxu kuntratti ġodda. Il-fondi Ewropej tal-kapital ta'
riskju għadhom fil-biċċa l-kbira ta' karattru nazzjonali, żgħar wisq u ta’
spiss ma jkunux kapaċi jiżguraw il-fluss tal-operazzjonijiet billi
l-kundizzjonijiet ta' qafas għadhom mhux favorevoli biżżejjed. L-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq
kapitali sar objettiv importanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak
nazzjonali. F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex
ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.[61]
Fost miżuri oħra, dan il-pjan ta' Azzjoni jinkludi proposti biex jinħoloq Suq
verament Uniku għall-fondi tal-Kapitali ta' Riskju fl-Ewropa u għal sistema ta'
Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropej ġdid ippreżentata
mill-Kummissjoni f'Diċembru 2011. Il-Ftehim dwar dawn il-proposti
mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew għandu jintlaħaq b'mod urġenti minħabba
l-importanza ta' dawn il-miżuri għall-SMEs li qed jikbru malajr. Minbarra l-ekwità, jistgħu jitqiesu tipi oħra
tal-mezzi ta' finanzjament[62].
L-aktar tradizzjonali fosthom hija s-sistema privata ta' kollokament -
stabbilita sewwa fl-Istati Uniti, li permezz tagħha s-settur tal-assigurazzjoni
u tal-fondi tal-pensjoni jista' jipprovdi l-kapital direttament lin-negozji
mingħajr intermedjazzjoni bankarja. Mezzi oħra jinkludu l-finanzjament
tal-katina tal-provvista, fil-finanzjament ibbażat fuq l-assi, il-fatturament
jew l-iskontar tal-fatturi, il-leasing, l-investituri provvidenzjali (business
angels), u s-self peer-to-peer. Il-progress fl-iżvilupp ta' dawn l-għażliet
finanzjarji se jieħu ż-żmien u jeħtieġ kunsiderazzjoni prudenzjali
mir-regolatur. Il-kategoriji tas-swieq tal-SMEs li ġew proposti reċentement
fir-reviżjoni għad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji
(MiFID) jistgħu jkunu utli ferm biex tissaħħaħ il-protezzjoni għall-investitur.
Sadanittant, jistgħu jiġu previsti xi soluzzjonijiet fuq medda qasira ta'
żmien, bl-għan li jegħlbu l-ostakli kurrenti għall-attivitajiet transfruntiera.
Pereżempju, jistgħu jiġu pprovduti linji gwida biex jarmonizzaw in-notazzjoni
tal-SMEs madwar l-UE. Dawn jiffaċilitaw l-operazzjonijiet transfruntiera
mill-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Fil-Green
Paper li se tiġi ppreżentata lejn tmiem l-2012 rigward il-finanzjament ta'
investiment fit-tul fl-UE, il-Kummissjoni se tkompli teżamina kif tista'
tiffaċilita u tiddiversifika l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u
għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-Kummissjoni
se trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar mezzi alternattivi
ta' finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-pajjiżi
fejn is-swieq tal-kapital ta’ riskju għadhom serjament sottożviluppati għandhom
jirrevedu l-ambjent operattiv tal-fondi tal-kapital ta' riskju sabiex jevalwaw
l-azzjoni xierqa li ttejjeb l-aċċess għall-kapital tal-ekwità ta' kumpaniji
b’potenzjal ta’ tkabbir għoli. Bl-istess mod għandu jkun hemm inċentivi
adegwati għall-investituri provvidenzjali biex jagħmlu attraenti din il-forma
ta' investiment. Il-Kummissjoni
tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw malajr
il-proposta għal Regolament dwar il-Fondi Ewropej tal-Kapital ta' Riskju[63]. Fl-2012,
il-Kummissjoni se tlesti l-eżami tal-ostakli fiskali għall-investimenti
transfruntiera tal-kapital ta' riskju u tippreżenta l-proposti, fejn meħtieġ
biex tiffaċilita dawn l-investimenti, filwaqt li fl-istess ħin tipprevjeni
l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. D. Ir-rwol
kruċjali tal-kapital uman 1. Jiġu indirizzati l-isfidi
attwali: il-ħolqien tax-xogħol L-aġġustamenti tas-suq matul il-kriżi u
fil-perjodu ta' warjaha jirrikjedu koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki
rilevanti tal-UE u għal sforzi konġunti min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri ġew mistiedna mill-Kummissjoni[64] biex tagħmel aktar enfasi fuq
il-politiki tal-ħolqien tal-impjiegi, kif indikat fil-Pakkett dwar l-Impjiegi
propost f'April mill-Kummissjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jenfasizzaw
il-politiki għall-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment fl-isfruttar tal-potenzjal
ta' teknoloġiji ġodda u l-ekonomija ekoloġika u biex jiġi indirizzat il-qgħad
fost iż-żgħażagħ. It-trasformazzjoni tal-ekonomija f'dan is-sens se żżid
il-kompetittività u tipprovdi sorsi importanti ta' ħolqien tal-impjiegi, li huma
indispensabbli biex tinkiseb il-mira ta' 75 % ta' impjiegi fl-UE sal-2020
permezz ta' 17,6 miljun impjieg ġdid li jridu jinħolqu. Il-politika industrijali kompetittiva u
effiċjenti tiddependi wkoll fuq is-swieq tax-xogħol dinamiċi u l-mobilità
tax-xogħol hija fattur varjabbli ta' aġġustament ewlieni f'dan il-proċess.
It-trasformazzjoni tal-għodda tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) f’għodda
Ewropea ta' kollokament u rekltuaġġ hija mfassla biex tiffaċilita t-tqabbil,
il-kollokament u r-reklutaġġ fl-UE. Il-kriżi wriet li, fi żminijiet ta' tnaqqis
ekonomiku, il-flessibbiltà interna tista' tkun effettiva ħafna bħala mezz biex
jinżammu l-impjiegi u jitnaqqsu l-ispejjeż ta' aġġustament, kif ġie kkonfermat
fil-konsultazzjoni rigward il-Green Paper dwar ir-Ristrutturar[65], iżda dan jeħtieġ miżuri biex
jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet professjonali bla xkiel kemm mill-imsieħba
soċjali kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi. L-Istati Membri għandhom iqisu
r-riformi adattati u bbilanċjati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi
sabiex jirrimedjaw is-segmentazzjoni jew biex iwaqqfu l-użu eċċessiv ta'
kuntratti mhux standard u l-abbuż ta’ impjiegi indipendenti foloz. It-titjib
tal-kwalità tal-apprendistati fl-Ewropa se jgħin biex jiffaċilita
t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u jżid l-impjegabbiltà
taż-żgħażagħ. Karatteristika komuni tal-pajjiżi fejn
is-swieq tax-xogħol kienu l-iżjed resiljenti għall-kriżi hija l-importanza li
tingħata lid-djalogu soċjali. Huwa importanti, għalhekk, li jiġu involuti
l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali fi skambji ta' fehmiet aktar
konsistenti. Il-Kummissjoni
tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ambizzjuż u l-politiki
għall-ħolqien tal-impjiegi bħala parti mill-Pjanijiet Nazzjonali tagħhom
għall-Impjiegi. Ir-riforma
tan-netwerk tas-servizzi Ewropej għall-impjieg fiż-ŻEE (EURES) se tgħin
fl-immaniġġar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u t-tranżazzjonijiet professjonali. Fl-2012
għandu jiġi finalizzat qafas biex jinvolvi l-imsieħba soċjali fit-tfassil
tal-politiki tal-impjiegi, inklużi l-ħiliet u t-taħriġ, fis-Semestru Ewropew
tal-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni
qed taħdem favur Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, li għandu jħeġġeġ
lill-kumpaniji biex joffru apprendistati li jipprovdu kontenut ta’ tagħlim ta’
kwalità tajba, kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u kontribuzzjoni siewja
għad-dħul fis-suq tax-xogħol. 2. L-investimenti fil-ħiliet u t-taħriġ
biex jakkumpanjaw il-bidla strutturali Is-suċċess tal-industrija Ewropea se
jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tivvalorizza l-potenzjal eżistenti u futur
tal-kapital uman fl-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq is-sitt linji ta' azzjoni
prijoritarji kif definiti f'din il-Komunikazzjoni. Il-konsultazzjoni tagħna
enfasizzat l-importanza li l-industrija tagħti lill-ħiliet
għall-kompetittività. Il-grupp ta' esperti dwar Ħiliet ġodda għal Impjiegi
Ġodda[66]
wera b' mod ċar il-ħtieġa li jgħaqqad flimkien l-edukazzjoni u t-taħriġ
mal-industrija sabiex tiġi antiċipata aħjar id-domanda futura għall-ħiliet. Il-ħiliet huma mutur ewlieni għat-tkabbir, l-impjiegi
u l-kompetittività: dawn jistabbilixxu s-sisien għall-produttività u
l-innovazzjoni. Madankollu, l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma' sfidi serji
relatati mal-provvista tal-ħiliet. Illum, diġà hemm nuqqasijiet ta' taqbil
– u f''xi Stati Membri saħansitra nuqqasijiet ta' ħiliet – li jxekklu
t-tkabbir u l-impjiegi. Is-sistema edukattiva għandha tipprovdi l-aħjar
sett ta' ħiliet biex jintużaw fl-industrija, partikolarment għal dawk li
jispiċċaw l-iskola u għall-gradwati. L-investiment fit-taħriġ huwa wkoll
investiment fl-innovazzjoni, billi ħafna tibdil tekniku huwa l-frott ta'
innovazzjonijiet li jsiru progressivament minn ħaddiema tas-sengħa u inġiniera
fil-fabbrika[67].
Madankollu, prerekwiżit għal investiment f'ħiliet ġodda u t-taħriġ huwa
l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati għodod biex jissorveljaw u jantiċipaw
il-ħtiġijiet u l-ispariġġ fil-qasam tal-ħiliet. Fil-livell Ewropew, bħalissa
qegħdin jiġu żviluppati bosta għodod għal dan il-għan. 3. L-antiċipazzjoni
tal-ħtiġijiet fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet u l-ġestjoni tar-ristrutturar
fin-negozji L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet fir-rigward
tal-impjiegi u l-ħiliet hija rikonoxxuta bħala essenzjali għas-suċċess ta' kull
negozju; din tinfluwenza l-kompetittività u l-perspettiva fit-tul tal-kumpaniji
irrispettivament mis-setturi industrijali li fihom huma attivi. F'dan
il-kuntest, antiċipazzjoni tajba u ristrutturar ippreparat sewwa jista'
jkollhom impatt pożittiv mhux biss fuq il-kompetittività sostnuta tan-negozji,
iżda jistgħu jipproduċu riperkussjonijiet pożittivi fuq swieq u setturi oħra,
filwaqt li jżidu l-impjegabbiltà ġenerali tal-forza tax-xogħol u jiffaċilitaw
it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjiegi ġodda. It-tweġibiet għall-Green Paper
tal-Kummissjoni dwar ir-"Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla:
X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti" jikkonfermaw li l-antiċipazzjoni
hija essenzjali għall- investimenti fil-kapital uman, filwaqt li waħda
mill-isfidi ewlenin tibqa' d-definizzjoni tal-ħtiġijiet fir-rigward
tal-impjiegi u l-ħiliet u l-investiment skont dan. B'mod partikolari,
il-kapaċità tan-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju li jantiċipaw il-ħtiġijiet
fir-rigward tal-impjiegi u l-ħiliet hija ħafna aktar limitata meta mqabbla ma'
kumpaniji kbar u għalhekk huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li
jantiċipaw u jagħmlu għażliet xierqa f'termini ta' investimenti fil-kapital
uman, anki bl-għan li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom li jmexxu 'l
quddiem l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-Ewropa. Sabiex
tqabbel l-ħiliet u l-impjiegi, il-Kummissjoni se: 1. tiżviluppa klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet,
il-Kompetenzi u l-Impjiegi; 2. tippromwovi l-ħolqien tal-Kunsilli ta' Ħiliet Settorjali Ewropej u
Alleanzi għall-Għarfien u l-Ħiliet Settorjali u tappoġġa l-iżvilupp ta'
sħubijiet bejn għadd ta' partijiet interessati fis-settur tal-ICT sabiex
tirranġa n-nuqqas ta' ħiliet fis-settur tal-ICT. Il-Kummissjoni
se tippromwovi l-adozzjoni ta' skemi ta' ċertifikazzjoni tal-ħiliet
standardizzati permezz tal-Programm għall-Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa
fl-2013/2014. Il-Kummissjoni
se tappoġġa lill-Istati Membri fir-"reviżjoni tal-ħiliet" billi
tipprovdilhom gwida tal-politika f'Komunikazzjoni f'Novembru dwar
l-implimentazzjoni ta' riformi effiċjenti u l-iżvilupp tas-sistemi ta'
edukazzjoni u taħriġ effettivi li se jwasslu għal provvista ta' ħiliet aħjar. IV. Konklużjoni:
il-governanza u l-miri L-industrija tista’ tikkontribwixxi ferm biex
toħroġ l-ekonomija tal-UE mill-kriżi. Din il-Komunikazzjoni enfasizzat
il-politika industrijali proattiva li tista' tkabbar il-kompetittività tagħna u
tistabbilixxi s-sisien għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa.
Il-miżuri proposti jservu biex isaħħu u jirfdu l-approċċ strateġiku
għall-politika industrijali propost fl-2010. Sabiex
tiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se
tissorvelja mill-qrib għadd ta' fatturi varjabbli ewlenin. 1.
L-investiment –
Il-formazzjoni gross tal-kapital fiss bħala
sehem tal-PDG kienet ta' 18,6 % fl-2011. Qabel il-kriżi, din laħqet
21,25 % tal-PDG fl-2007. L-isforz tal-investiment meħtieġ biex titjieb
il-produttività tagħna jkun jeħtieġ livelli ta' investiment kif kienu qabel
il-kriżi fl-2015 u livelli medji ta' aktar minn 23 % sal-2020.
L-investiment fl-apparat bħalissa jammonta bejn 6 u 7 % tal-PDG. Sabiex
titjieb il-produttività u jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, jeħtieġ li dan
l-investiment jirkupra l-livelli ta' qabel il-kriżi u jikber b'mod stabbli
b'rati 'l fuq minn 9 % tal-PDG sal-2020. 2.
Il-kummerċ fis-suq intern –
Il-kummerċ tal-prodotti fis-Suq Intern bħalissa
jammonta għal ftit inqas minn 21 % tal-PDG[68]. F'suq intern imsaħħaħ
mill-ġdid, din ir-rata għandha tkun ta' 25 % sal-2020. 3. L-SMEs –
B'konformità mal-aspirazzjonijiet
tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva ewlenija għall-Aġenda Diġitali, l-għadd ta'
kumpaniji żgħar involuti f’bejgħ elettroniku għandu jiżdied biex jilħaq
it-33 % sal-2015. Il-proporzjoni ta' SMEs li jesportaw fis-Suq Intern kien
ta' 25 % skont l-istħarriġ tal-2009[69].
L-objettiv fuq medda medja ta' żmien huwa li l-SMEs ikunu involuti fis-suq
barra mill-UE daqskemm huma involuti fis-suq intern. Billi tikseb dawn il-miri, l-Unjoni se tkun
tista' tindustrijalizza ruħha mill-ġdid, filwaqt li żżid is-sehem
tal-industrija fil-PDG mil-livell attwali ta' madwar 16 % għal 20 %
fl-2020. Is-suċċess tal-politika industrijali
jiddependi ferm fuq il-kapaċità tagħna li nisfruttaw is-sinerġiji.
Il-politiki Komunitarji għandhom jiġu kkoordinati u sinkronizzati kif xieraq.
L-attivitajiet tal-UE f’oqsma ewlenin li jikkontribwixxu biex jintlaħqu
l-objettivi tal-Ewropa 2020, bħall-investimenti fl-infrastrutturi, ir-riċerka u
l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-Aġenda Diġitali tagħna
għall-Ewropa, l-azzjonijiet ta' politika għall-ħiliet u l-impjiegi, il-politika
tagħna għall-kummerċ u l-investiment, il-politiki tagħna għas-suq intern,
il-politika tagħna tal-kompetizzjoni, il-politika marittima u tat-trasport,
il-politika tagħna għall-enerġija, l-ambjent u l-klima, se jiġu kkoordinati
mill-qrib mal-iżviluppi fil-politika industrijali. Il-miżura tas-suċċess tagħna
se tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tagħna li nipproduċu bl-effettività
konġunta massima f'dawn l-oqsma kollha. Għandhom jittejbu s-sinerġiji bejn
l-azzjonijiet immexxija mill-UE u l-politiki industrijali tal-Istati Membri. L-istrumenti ġodda tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 se
jgħinu lill-Istati Membri biex iżidu l-kompetittività tagħhom. Strateġija
għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija meħtieġa bħala prekundizzjoni
għall-użu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bl-objettiv tematiku
tat-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, speċjalment
fl-SMEs, li jkopri ħafna mill-prijoritajiet għall-investiment proposti bħala
linji ta' azzjoni prijoritarji f'din il-Komunikazzjoni. L-Istati Membri
għandhom isegwu r-riformi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiżi approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. L-implimentazzjoni tal-politika industrijali
teħtieġ ukoll struttura ta’ governanza Ewropea aktar effettiva.
Diġà sar progress f'dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni tal-2010: · Kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri nkisbet permezz
tal-iżvilupp tas-Semestru Ewropew u l-monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni
tal-kompetittività u l-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri permezz
tal-proċedura prevista fl-Artikolu 173 tat-Trattat ta' Lisbona. L-ewwel
waħda minn serje ġdida ta' proġetti għal prattiki aħjar tlestiet fuq
it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, u għandha tkun segwita bi proġett
ulterjuri dwar l-investiment dirett barrani. · L-ittestjar tal-kompetittività tal-proposti ġodda tal-Kummissjoni ġew
inkorporati b’suċċess fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, hemm ħafna lok għal titjib
ulterjuri fil-governanza. ·
Megħjun mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar
il-Kompetittività u t-Tkabbir, il-Kunsill tal-Kompetittività se jivvaluta kull
sena l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u dwar
l-effettività tal-miżuri tal-politika industrijali sabiex isaħħaħ
il-kompetittività, filwaqt li jiżgura li dawn jikkonformaw mas-Semestru
Ewropew. ·
Ir-rappreżentanti tal-SMEs se jirrapportaw kull
sena dwar l-effettività tal-miżuri nazzjonali u tal-UE biex itejbu
l-kompetittività tal-SMEs f'pajjiżhom stess u jikkontribwixxu għas-Semestru
Ewropew. ·
It-task forces differenti għal-linji ta' azzjoni
prijoritarji se jitwaqqfu kemm jista' jkun malajr. Dawn se jirrappurtaw darba
fis-sena lill-Kunsill tal-Kompetittività. Dawn se jinkludu fil-ħidma tagħhom
l-informazzjoni li tirriżulta mill-ipprogrammar tal-fondi strutturali. ·
Il-Kummissjoni tistieden lir-reġjuni biex jibnu
fuq l-istrateġiji tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni
intelliġenti biex jikkontribwixxu għall-miri ta’ din il-Komunikazzjoni
b'konsultazzjoni mill-qrib mas-settur privat u mal-atturi fil-qasam tar-riċerka
u l-innovazzjoni sabiex jidentifikaw oqsma ta' prijorità strateġika
għall-investimenti bbażati fuq l-għarfien. ·
Jinħtieġu sforzi ulterjuri biex tiġi żgurata
l-kombinazzjoni tal-użu tal-istrumenti tal-Komunità bħalma huma l-inizjattiva
Orizzont 2020 u COSME, mal-Fondi Strutturali u mal-fondi proprji tal-Istati
Membri, b'mod partikolari għall-finanzjament ta' proġetti kbar ta' investiment,
inklużi l-proġetti ta' dimostrazzjoni u l-linji pilota. Anness: Il-miżuri ewlenin tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali || Għodda || Azzjoni Ewlenija || Proposta mill-Kummissjoni L-iffaċilitar tal-investiment fit-teknoloġiji ġodda u fl-innovazzjoni 1 || Linji ta' azzjoni prijoritarji || Jittieħdu, b'kooperazzjoni mal-industrija u mal-Istati Membri, miżuri għall-iżvilupp rapidu tal-produzzjoni u s-swieq. -swieq għal teknoloġiji tal-manifattura avvanzati għal produzzjoni nadifa -swieq għal teknoloġiji abilitanti essenzjali -swieq ta' bijoprodotti -politika sostenibbli fil-qasam tal-industrija,il-kostruzzjoni u l-materja prima -vetturi nodfa -grilji intelliġenti || Se jinħolqu task forces iddedikati qabel tmiem l-2012 sabiex jiġu definiti pjanijiet direzzjonali għal kull linja ta' azzjoni. 2 || Il-miżuri ta' akkumpanjament || Jiġi żgurat qafas regolatorju simplifikat, prevedibbli u stabbli għall-prodotti u s-servizzi ġodda, inklużi l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni xierqa. || Se jittieħdu azzjonijiet ulterjuri fil-qasam tal-istandardizzazzjoni, filwaqt li jitrawmu l-infrastrutturi u s-suq diġitali fl-2013 Aċċess għas-swieq 3 || It-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti || Simplifikazzjoni u governanza aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern sabiex dan isir aktar stabbli u prevedibbli. Protezzjoni aħjar taċ-ċittadini kontra prodotti mhux konformi u kundizzjonijiet tas-suq imparzjali. || Jiġi adottat Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq sa tmiem l-2012 li jkun jikkonsisti f'Direttiva riveduta dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti, Regolament ġdid dwar is-Sorveljanza tas-Suq u Komunikazzjoni dwar pjan ta' azzjoni multiannwali għas-sorveljanza tas-suq mill-2012 sal-2015. Fl-2013 se jiġi definit pjan direzzjonali għar-riforma tas-Suq Intern għall-Prodotti 4 || Verifiki tal-adegwatezza || Titjieb il-konsistenza fl-implimentazzjoni u l-interazzjoni ta' dawk il-politiki l-aktar importanti għall-kompetittività. || Jitwettqu verifiki tal-adegwatezza tas-setturi tar-raffinar taż-żejt u tal-aluminju qabel tmiem l-2012. 5 || L-intraprenditorija || Titjib fil-kundizzjonijiet ta' qafas u l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprenditorija kif ukoll azzjonijiet biex jistimolaw l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u kummerċ elettroniku. || Jiġi propost Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija li jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri. Novembru 2012. 6 || Il-Proprjetà Intellettwali || Jitqiesu l-miżuri biex tiżdied it-trasparenza u jittejjeb it-trattament tal-IPRs fl-istandardizzazzjoni. L-SMEs jiġu appoġġati biex iħarsu u jużaw b'mod effettiv id-drittijiet tal-proporjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi inklużi l-pajjiżi tal-ASEAN u tal-Mercosur. || Fl-2013 se jiġu stabbiliti u se jsiru operazzjonali helpdesks ġodda tal-IPRs biex jappoġġaw lill-SMEs. 7 || Il-materja prima || Tiġi żviluppata aktar id-"diplomazija tal-materja prima" u jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji internazzjonali, speċjalment vis-à-vis l-pajjiżi ġirien, sabiex takkumpanja l-ħolqien tas-swieq għal prodotti u teknoloġiji ġodda. || L-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' ftehimiet iffirmati f'missjonijiet preċedenti u f'missjonijiet ġodda li se jibdew f'Novembru 2012 mal-Marokk u mat-Tuneżija; L-aċċess għall-finanzi u s-swieq kapitali 8 || L-SMEs || Tiġi ssimplifikata u msaħħa l-effettività tal-istrumenti finanzjarji biex jappoġġaw l-attivitajiet innovattivi mill-SMEs. Jitjieb u jiġi diversifikat l-aċċess tal-ekonomija reali għall-finanzi. || Faċilitajiet addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità ta' self se jirriżultaw miż-żieda kapitali tal-BEI li se tkun disponibbli fl-2013. Il-proposti se jibnu fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Green paper dwar il-finanzjament tal-investiment fit-tul fl-UE li hija mistennija sa tmiem l-2012. 9 || "Speċjalizzazzjoni intelliġenti" || L-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw b'mod effettiv il-fondi strutturali u ta' koeżjoni msaħħa mill-kunċett ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti" biex jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Fil-kuntest tal-perjodu attwali tal-ipprogrammar tal-fondi strutturali bejn l-2007 u l-2013, dawn għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet kollha biex jidderieġu r-riżorsi li fadal lejn l-investiment fl-innovazzjoni. || Dispożizzjonijiet ġodda tal-politika ta' koeżjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali bejn l-2014 u l-2020 u l-iżvilupp tal-programmi COSME u Orizzont 2020. Ir-rwol kruċjali tal-kapital uman 10 || Ħiliet u taħriġ || Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-impjiegi billi tiġi żviluppata klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u l-Impjiegi. || Il-ħolqien tal-Kunsilli ta' Ħiliet Settorjali Ewropej u Alleanzi għall-Għarfien u l-Ħiliet Settorjali u jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn għadd ta' partijiet interessati fis-settur tal-ICT sabiex jiġi rranġat in-nuqqas ta' ħiliet fis-settur tal-ICT. (2013) Jiġi żviluppat l-EURES f'għodda pan-Ewropea ta' kollokazzjoni u reklutaġġ Jiġi stabbilit Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati sabiex iħeġġeġ lill-kumpaniji joffru apprendistati għaż-żgħażagħ [1] L-attivitajiet industrijali jħallu wkoll
riperkussjonijiet importanti fuq il-produzzjoni u l-impjieg f'setturi oħra. Għal
kull 100 impjieg maħluqa fl-industrija, huwa stmat li jinħolqu bejn 60 u
200 impjieg ġdid fil-bqija tal-ekonomija, skont is-settur industrijali. Ara
d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff mehmuż. [2] Ara r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li
jakkumpanjaw l-"Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir u
għall-Impjiegi" COM(2012) 299 tat-30 ta' Mejju 2012. [3] Perċentwal tal-manifattura fil-PDG skont il-kost
tal-fattur, 2011: Eurostat (nama_nace_10_c) [4] COM(2010)614. [5] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal SWD(2012) 297 għal
rapport ta’ implimentazzjoni dettaljat dwar dawn l-azzjonijiet. [6] Dokument ta' ħidma li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni
jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2010 u jippreżenta
evidenza b’appoġġ għall-azzjonijiet ta' politika inklużi f'din
il-Komunikazzjoni. Appoġġ ulterjuri huwa pprovdut mir-rapport dwar il-Kompetittività
tal-2012 u r-"Rapport dwar il-Prestazzjoni u l-Politiki tal-Kompetittività
fl-Istati Membri" bbażati fuq l-Artikolu 173 tat-TFUE. Din
il-Komunikazzjoni bbenefikat minn diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri,
il-partijiet interessati u konsultazzjoni pubblika. Il-konferenza dwar
l-innovazzjoni industrijali "Missjoni Tkabbir", li saret
fid-29 ta' Mejju 2012 fi Brussell, tat kontribuzzjoni
addizzjonali. [7] Ara
t-tbassir tal-ECFIN għar-rebbiegħa tal-2012 http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/ee1upd_en.htm [8] L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija: Energy Prices
and Taxes, it-Tieni Trimestru 2012 [9] Ara Boston Consulting Group: "US manufacturing
nears the tipping point", Marzu 2012. [10] L-inizjattiva ewlenija "Unjoni
tal-Innovazzjoni", COM(2010) 546,
tas-6 ta’ Ottubru 2010. [11] Ara Rifkin J. “The Third Industrial Revolution: How
Lateral Power Is Transforming Energy, the Economy, and the World »
Palgrave McMillan, New York 2011. [12] Il-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020: Investiment
fit-tkabbir u l-impjiegi COM(2011) 614
tas-6 ta’ Ottubru 2011 [13] Roland Berger "GreenTech Made in Germany: update
2012" http://www.rolandberger.com/media/pdf/Roland_Berger_Umbau_Energiesystem_20120208.pdf [14] "Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2010"
SEC(2010) 1272 [15] Dwar dan il-kunċett ara “Trends and challenges in demand-side innovation policies
in Europe » fuq http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5532&lang=en&tpa_id=135 [16] "Strateġija Ewropea għal Teknoloġiji Ewlenin ta'
Appoġġ – Pont għat-tkabbir u l-impjiegi" COM(2012) 341 [17] Il-KETs ġew identifikati wkoll bħala qasam ta' prijorità
għas-self awtorizzat permezz taż-żieda tal-kapital tal-BEI. [18] Ir-rapport tal-Europe Innova "Assessment of the
Bio-based Products Market Potential for Innovation" 2010 [19] "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija
għall-Ewropa" COM(2012) 60 tat-13 ta' Frar 2012. [20] http://www.cen.eu/cen/Sectors/Sectors/Biobased/Pages/default.aspx [21] "Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva dwar
l-Effiċjenza tal-Enerġija" SEC(2011) 779
tat-22 ta' Ġunju 2011. [22] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/ecodesign/index_en.htm [23] "Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri
tal-Ewropa fil-ġejjieni - proposta għal Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-materja
prima" COM(2012) 82. [24] Imħabbar fil-Komunikazzjoni "L-Istrateġija
tal-Kompetittività Sostenibbli fis-Settur tal-Kostruzzjoni u tal-Intrapriżi
tiegħu" COM(2012) 433. [25] "Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport
trans-Ewropew, COM(2011)650/3" [26] Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport –
Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.
COM(2011) 144 [27] COM(2011) 202 tat-12 ta' April 2011. [28] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011) 202
"Grilji intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom". [29] L-investiment fl-infrastrutturi huwa wkoll qasam ta'
prijorità għal self li huwa possibbli permezz taż-żieda fil-kapital tal-BEI. [30] Proposta għal Regolament dwar linji gwida
għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea COM(2011) 658 [31] Dawn se jitwaqqfu b'rispett sħiħ għar-regoli dwar
il-gruppi ta' esperti u korpi oħra stabbiliti mill-Kummissjoni
(C(2010) 7649 u SEC(2010) 1360). [32] "Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni
Ewropea" COM(2010) 543 tat-8 ta' Ottubru 2010. [33] Eż. il-valutazzjonijiet mill-Istati Membri ppreżentati
waqt il-Mejda Tonda tal-UE dwar ir-raffinar tal-Kummissjoni
fil-15 ta' Mejju 2012 dwar l-impatt ikkombinat tal-politiki
tal-UE dwar ir-raffinar. [34] Id-Direttiva COM(98/34)/KE li tistabbilixxi proċedura
għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti
tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. [35] Il-proposta dwar l-impatt ambjentali mħabbra fl-Att dwar
is-Suq Uniku se titnieda fl-2013 f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. [36] Il-konferenza tad-DĠ ENTR dwar is-Sorveljanza tas-Suq u
l-Makkinarju, l-24 ta’ Novembru 2011: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/machinery/market-surveillance/index_en.htm [37] Albert Bravo-Biosca "The dynamics of Europe's
industrial structure and the growth of innovative firms" il-konferenza ta'
JRC f'Seville, Ottubru 2011. [38] Boston Consulting Group "The internet economy in the
G-20" Marzu 2012. [39] COM(2010)245. [40] COM(2011) 942 "Qafas koerenti
għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u
tas-servizzi online". Ara wkoll COM(2011) 942
finali "Qafas
koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali
tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online". [41] COM(2012) 225 "Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej
– Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir". [42] Ir-reġistrazzjoni u l-ispejjeż tat-traduzzjoni għall-ksib
ta’ protezzjoni tal-privattivi fl-Ewropa se jonqsu b'massimu ta' 80 %. [43] Ara "Patent Translate",
http://www.epo.org/searching/free/patent-translate.html. [44] L-"għoqod ta' privattivi" jseħħu fejn għadd
sinifikanti ta’ privattivi jikkonċernaw prodott partikolari u jinżammu minn
sidien ta' privattivi differenti. L-akkumulazzjoni tad-drittijiet dovuti
għall-użu ta' propjetà tirriżulta mill-ipprezzar indipendenti ta' dawn
il-privattivi komplementari. L-għoqod ta' privattivi huma prevalenti
fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni, is-semikundutturi l-ottika, il-makkinarju
elettriku u teknoloġija medika. [45] L-"imbuskati għall-privattivi" jseħħu meta
l-parteċipant fi proċedura ta' standardizzazzjoni jiżvela li hu jżomm
il-privattivi jew l-applikazzjonijiet għall-privattivi rigward teknoloġija
inkluża fl-istandard biss ladarba l-istandard jiġi adottat u mbagħad jirrifjuta
li jagħti liċenzja għal dawn il-privattivi jew jagħtiha biss fuq
kundizzjonijiet inġusti, mhux raġonevoli jew diskriminatorji. [46] Ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tad-19.04.2012; ĠU
L 129, 16.05.2012, p. 1 [47] http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/stakeholders/index_en.htm#maincontentSec2
[48] COM(2012)70, "Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli
għall-Kummerċ u l-Investiment". [49] COM(2010) 612, Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet
Dinjija". Ara wkoll SWD(2012)219. [50] COM(2010)343, "Lejn politika komprensiva ta' investiment
internazzjonali Ewropew". [51] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-attrazzjoni tal-investiment
fl-Ewropa. [52] Id-DĠ KUMMERĊ, "Il-Politika Kummerċjali tal-UE
għall-Materja prima. It-Tieni Rapport ta' Attività". [53] F'dan il-qasam il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll
inizjattivi oħra bħalma huwa 'l hekk imsejjaħ rappurtar pajjiż pajjiż. [54] Ittra ta' intenzjoni dwar il-kooperazzjoni fiż-żona
tar-riżorsi minerali mal-Groenlandja ġiet iffirmata f'Ġunju 2012 -
L-iżvilupp ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku,
JOIN(2012) 19 finali [55] COM(2011)702, "Negozju Żgħir, Dinja Kbira— sħubija
ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali". [56] Ir-Rapport tal-integrazzjoni finanzjarja tal-BĊE
għall-2012 jiddikjara li "l-indeboliment u l-frammentazzjoni tas-sorsi ta'
finanzjament tal-banek taż-żona tal-euro affettwaw ukoll, permezz
tat-trażmissjoni, il-kundizzjonijiet tas-self disponibbli għall-ekonomija
reali". BĊE, Financial Integration Report, April 2012, paġna 57. [57] Standard & Poors, "The
Credit Overhang", RatingsDirect, 31 ta' Lulju 2012,
paġna 5. [58] COM(2011) 870 finali [59] Sabiex tikseb aċċess għall-istrumenti finanzjarji tal-UE,
jekk jogħġbok żur il-websajt li ġejja biex issir taf dwar il-banek jew il-fondi
tal-kapital ta' riskju li jipprovdu finanzjament f'pajjiżek: http://access2finance.eu [60] EIB Lending Priorities Associated
with a Capital Increase: A joint
European Commission and European Investment Bank report to the European
Council: http://www.eib.org/attachments/lending-policy-associated-with-a-capital-increase-final.pdf [61] COM(2011) 870 finali [62] Bosta Stati Membri diġà jipprovdu lill-SMEs u
lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja b’mezzi alternattivi ta’ finanzjament.
Fil-Ġermanja, ħames Boroż wettqu 50 ħarġa ta' bonds għal kumpaniji
b'kapitalizzazzjoni medja b'volumi individwali li normalment ivarjaw bejn
EUR 30 miljun u EUR 100 miljun. Żewġ swieq alternattivi
ġodda se jitniedu fil-ħarifa fi Franza u fl-Isvezja. Fl-Italja, is-suq bi dħul
fiss se jwessa' l-possibbiltjiet għall-kummerċ biex jinkludi titoli mhux
ikkwotati minn qabel. Id-Dipartiment għan-Negozju, l-Innovazzjoni u l-Ħiliet
fir-Renju Unit nieda reviżjoni komprensiva tal-mezzi alternattivi ta'
finanzjament, inklużi s-swieq bi dħul fiss. [63] COM(2011) 860 finali [64] COM (2012) 173 finali, Lejn irkupru li jwassal
għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, COM(2012) 299 finali, Azzjoni
għall-Istabilità, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi. [65] "Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X'tgħallimna
mill-esperjenza reċenti?" COM(2012)7. [66] Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa Rapport
mill-Grupp ta' Esperti dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda ppreparat
għall-Kummissjoni Ewropea, Frar 2010 disponibbli fuq http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=568&langId=en [67] L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)
għandu rwol fundamentali fit-trawwim tat-talenti minn pajjiż għall-ieħor u
tal-innovazzjoni mmexxija min-nies permezz tal-integrazzjoni tar-riċerka,
l-edukazzjoni ogħla u n-negozju - it-Trijangolu tal-għarfien. Permezz tal-Komunitajiet
ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), l-EIT jipprovdi toroq ġodda fil-karriera
bejn l-edukazzjoni ogħla u s-settur privat, u skemi innovattivi għall-iżvilupp
professjonali. L-intraprenditorija hija komponent ewlieni tal-programmi
tal-KICs tal-EIT, li permezz tagħha l-istudenti u r-riċerkaturi ta' klassi
dinjija jkunu mgħammra bl-għarfien u l-attitudnijiet li jittrasformaw l-ideat
f'opportunitajiet ġodda tan-negozju. [68] Sors: L-Istatistika tal-Eurostat fil-Fokus 3/2012 [69] Id-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, "Stħarriġ dwar
l-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs", 2010.