Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0755

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/755 tat-13 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/7714/2023/INIT

    ĠU L 100I, 13.4.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/755/oj

    13.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 100/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/755

    tat-13 ta’ April 2023

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

    (2)

    L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kunsill Ewropew tenna wkoll li l-Unjoni tibqa’ impenjata li żżomm u żżid il-pressjoni kollettiva fuq ir-Russja, inkluż permezz ta’ miżuri restrittivi ulterjuri possibbli.

    (4)

    Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li żewġ entitajiet responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ROSWALL


    (1)  ĠU L 78, 17.3.2014 p. 6.


    ANNESS

    L-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

     

    Isem

    Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    “210.

    Wagner Group

    (bir-Russu: Группа Вагнера)

    magħruf ukoll bħala:

    Vagner Group

    PMC Wagner

    Liga

    League

    Individwi assoċjati: Dimitriy Utkin; Yevgeniy Prigozhin

    Wagner Group huwa entità militari privata mhux inkorporata bbażata r-Russja, li ġiet stabbilita fl-2014 bħala organizzazzjoni suċċessur ta’ Slavonic Corps. Huwa mmexxi minn Dimitriy Utkin u ffinanzjat minn Yevgeniy Prigozhin. Permezz tal-istabbiliment ta’ entitajiet lokali, u bl-appoġġ tal-gvernijiet lokali, Wagner Group jiffinanzja u jwettaq l-operazzjonijiet tiegħu. Wagner Group mexxa l-attakki kontra l-bliet Ukreni ta’ Soledar u Bakhmut f’Jannar 2023 u qed jipparteċipa b’mod attiv fil-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Għalhekk, Wagner Group huwa responsabbli għal appoġġ materjali għal azzjonijiet li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    13.4.2023

    211.

    RIA FAN

    magħrufa wkoll bħala:

    FNA

    Federal News Agency LLC

    RIA FNA

    Post tar-reġistrazzjoni: St. Petersburg, Russian Federation

    Data tar-reġistrazzjoni: 11.5.2014

    Sit web:

    www.riafan.ru

    Individwu assoċjat: Yevgeniy Prigozhin

    Entitajiet assoċjati: Patriot Media Group; Wagner Group.

    RIA FAN hija parti minn Patriot Media Group, organizzazzjoni tal-media Russa li l-Bord tal-Fiduċjarji tagħha huwa mmexxi minn Yevgeniy Prigozhin. RIA FAN hija involuta fi propaganda favur il-gvern u diżinformazzjoni dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. RIA FAN tirreferi għall-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna bħala missjoni biex twaqqaf in-“Nazisti Ukreni” u tippromwovi azzjonijiet li jitwettqu minn Wagner Group. Għalhekk, RIA FAN hija responsabbli għal appoġġ materjali għal azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. RIA FAN hija assoċjata wkoll ma’ Patriot Media Group.

    13.4.2023”


    Top