Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0583

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/583 tat- 13 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta' nfiq għall-programmi ta' żvilupp rurali u t-trasparenza

ĠU L 97, 14.4.2015, pp. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0128

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/583/oj

14.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/583

tat-13 ta' April 2015

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta' nfiq għall-programmi ta' żvilupp rurali u t-trasparenza

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 36(6) u 114 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (2) jistabbilixxi l-iskadenzi li fihom l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa għall-programmi ta' żvilupp rurali approvati, kif ukoll il-perjodi korrispondenti tan-nefqa.

(2)

L-Istati Membri jridu jiddikjaraw lill-Kummissjoni n-nefqa kollha li jkunu daħlu responsabbli għaliha u ħallsu lill-benefiċjarji qabel l-approvazzjoni ta' programm ta' żvilupp rurali fl-ewwel dikjarazzjoni tan-nefqa wara dik l-approvazzjoni. L-istess regola tapplika, mutatis mutandis, fil-każ ta' emenda ta' programm għall-iżvilupp rurali.

(3)

Għall-finijiet tal-kontabilità jeħtieġ li jiġi ċċarat li d-dikjarazzjoni dwar in-nefqa mħallsa mill-aġenziji tal-pagamenti qabel l-approvazzjoni ta' programm ta' żvilupp rurali jew qabel l-emenda ta' programm ta' żvilupp rurali għandha tikkorrispondi ma' perjodi sħaħ, kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Barra minn hekk, in-nefqa kollha mħallsa mill-aġenziji tal-pagamenti matul il-perjodu li fih issir l-approvazzjoni ta' programm ta' żvilupp rurali jew l-emenda tiegħu, għandhom jiġu ddikjarati sad-data ta' skadenza stabbilita għall-perjodu korrispondenti f'dak l-Artikolu.

(4)

Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li r-regola stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 ma għandhiex tapplika għall-finanzjament ta' aġġustamenti ta' pjanijiet kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) ta' dak ir-Regolament.

(5)

L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 jistipula li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 111(1)(c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ffinanzjati mill-Fondi elenkati fl-Anness XIII ta' dan ir-Regolament. L-iskemi ta' appoġġ stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (3) għandhom jiżdiedu mal-Anness XIII billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jibdew japplikaw biss mill-1 ta' Jannar 2015.

(6)

L-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 jistipula deroga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 (5) fir-rigward tal-perjodu li fih l-informazzjoni msemmija f'dak l-Artikolu għandha tinżamm disponibbli fuq il-websajt. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi mmodifikata biex tapplika għall-pagamenti magħmula kemm għas-sena finanzjarja tal-2012 kif ukoll għal dik tal-2013. Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-pubblikazzjoni għandha tistipula li l-informazzjoni tibqa' disponibbli fil-websajt sal-31 ta' Mejju 2015, jew, sa meta l-informazzjoni dwar il-pagamenti magħmula għas-sena finanzjarja 2014 tiġi ppubblikata b'konformità mal-Artikolu 59(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

(7)

Għaldaqstant ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 22(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, in-nefqa kollha mħallsa mill-aġenziji tal-pagamenti lill-benefiċjarji skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 sa tmiem l-aħħar perjodu, kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, qabel l-approvazzjoni ta' programm għall-iżvilupp rurali kif hemm referenza fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, issir taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u għandha tiġi ddikjarata lill-Kummissjoni fl-ewwel dikjarazzjoni tan-nefqa wara l-approvazzjoni ta' dak il-programm. L-istess regola għandha tapplika, bit-tibdil meħtieġ, fil-każ ta' emenda ta' programm għall-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ħlief għall-aġġustamenti tal-pjan ta' finanzjament, kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) ta' dan ir-Regolament.”

(2)

Fl-Artikolu 63, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 259/2008 għandu jkompli japplika għall-pagamenti magħmula għas-snin finanzjarji 2012 u 2013. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 3(3) ta' dak ir-Regolament, l-informazzjoni msemmija f'dak l-Artikolu għandha tinżamm disponibbli fuq il-websajt sal-31 ta' Mejju 2015, jew, sa meta l-informazzjoni dwar il-pagamenti magħmula għas-sena finanzjarja 2014 tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 59(2) ta' dan ir-Regolament.”

(3)

Fl-Anness XIII jiżdied il-punt 9 kif ġej:

“9.

L-iskemi ta' appoġġ stabbiliti fl-Anness I tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 tat-18 ta' Marzu 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta' tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 28).


Top