Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0811

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 811/2014 tal- 25 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

ĠU L 221, 25.7.2014, pp. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/811/oj

25.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/11


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 811/2014

tal-25 ta' Lulju 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u jipprovdi għall-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw attivament jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi; persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw materjalment jew finanzjarjament, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina; jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet ittrasferita bi ksur tal-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 2014, il-Kunsill qabel li jitwessgħu l-miżuri restrittivi bil-ħsieb li jindirizzaw individwi jew entitajiet li b'mod attiv jipprovdu materjal jew appoġġ finanzjarju, jew qed jibbenefikaw mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li kienu responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

(3)

Fil-25 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/…/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK u li tipprovdi għal kriterji emendati ta' elenkar li jippermettu l-elenkar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li b'mod attiv jipprovdu materjal jew appoġġ finanzjarju, jew qed jibbenefikaw mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li kienu responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.

(4)

Din il-miżura taqa' taħt il-kamp tat-Trattat u, għalhekk, bil-ħsieb, b'mod partikolari, li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex din tkun implimentata.

(5)

Ir-Regolament (EU) Nru 269/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:

“1.   L-Anness I jinkludi:

(a)

persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw attivament jew li jimplimentaw, azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, jew li jostakolaw ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukraina, u ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi;

(b)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw materjalment jew finanzjarjament, azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina;

(c)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom ġiet ittrasferita bi ksur tal-liġi tal-Ukraina, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn tali trasferiment; jew

(d)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li b'mod attiv jipprovdu materjal jew appoġġ finanzjarju, jew qed jibbenefikaw mill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li kienu responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u Sevastopol jew id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/…/PESK 25 ta' Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ara l-paġna … ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top