Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0625

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Awwissu 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva

    ĠU L 227, 29.8.2009, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2009/625/oj

    29.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 227/9


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Awwissu 2009

    dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva

    (2009/625/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu (1),

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni “Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali” (2), li ffukat fuq il-litteriżmu medjatiku għall-komunikazzjoni kummerċjali u kopriet kwistjonijiet marbuta mar-riklamar, il-litteriżmu medjatiku għax-xogħlijiet awdjoviżivi li parzjalment marbuta mat-tqajjim ta' kuxjenza dwar il-films Ewropej u t-tisħiħ tal-ħiliet kreattivi, u l-litteriżmu medjatiku għall-qasam online li, nagħtu kas, jagħti liċ-ċittadini għarfien aħjar dwar kif jaħdmu l-magni tat-tiftix tal-Internet.

    (2)

    Il-Parlament Ewropoew, fir-rapport tiegħu dwar il-litteriżmu medjatiku f'dinja diġitali (3), ħeġġeġ lill-Kummissjoni tespandi l-politika tagħha biex tippromwovi l-litteriżmu medjatiku, taħdem flimkien mal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    (3)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Litteriżmu Medjatiku (4) adottati mill-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura tal-21/22 ta' Mejju 2008 jappoġġaw il-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-litteriżmu medjatiku bħala fattur importanti għal ċittadinanza attiva fis-soċjetà tal-informazzjoni tal-lum.

    (4)

    Opinjoni globali dwar il-Kontenut Kreattiv online u l-Litteriżmu Medjatiku ġiet adottata mill-Kumitat tar-Reġjuni f'Ottubru 2008 (5).

    (5)

    Il-Kunsill ta' Liżbona (6) kkonkluda li “l-industriji tal-kontenut joħolqu valur miżjud meta jisfruttaw u jgħaqqdu f'network id-diversità kulturali Ewropea”. L-Aġenda Ewropea għall-Kultura mnedija fl-2007 tistabbilixxi qafas politiku strateġiku biex jindirizza l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-kultura, filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2009 dwar il-kultura bħala katalist għall-kreattività u l-innovazzjoni, jillustraw il-kontribut speċifiku li l-kultura tista' tagħti lill-kreattività u l-innovazzjoni, u jsejħu għal kunċett wiesa' ta' innovazzjoni bħala parti mill-istrateġija ta' Liżbona lil hinn mill-2010. Dan huwa wkoll partikolarment importanti fil-qafas tal-inizjattiva tal-2010 tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kompetittività fis-settur tal-ICT u jinħoloq Spazju Waħdieni Ewropew tal-Informazzjoni.

    (6)

    Livell ogħla ta' litteriżmu medjatiku jista' b'mod sinifikanti jikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet stabbiliti għall-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ewropew ta' Liżbona u l-inizjattiva i2010, partikolarment fir-rigward ta' ekonomija tal-għarfien aktar kompetittiva, filwaqt li jsir kontribut għal soċjetà tal-informazjoni aktar inklussiva.

    (7)

    Il-konsultazzjoni pubblika ta' tmiem l-2006 wriet li hemm differenzi fil-prattiki u livelli mhux indaqs tal-litteriżmu medjatiku madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, huwa magħruf li ma hemm l-ebda kriterji jew standards maqbula għall-valutazzjoni tal-litteriżmu medjatiku, u hemm ħtieġa urġenti ta' riċerka fuq skala akbar u fuq medda ta' żmien sabiex jiġu stabbiliti dawn il-kriterji.

    (8)

    Kif ġie rikonoxxut fl-istudju “Current trends and approaches to media literacy in Europe” li sar għall-Kummissjoni fi-tieni nofs tal-2007, hemm xi ostakli għall-iżvilupp fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku fuq livell Ewropew. Dawn partikolarment jinkludu nuqqas ta' viżjoni kondiviża, nuqqas ta' viżibilità Ewropea għal inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali, nuqqas ta' netwerks Ewropej u koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati.

    (9)

    Ikun għalhekk importanti għall-aħħar li wieħed ikun jista' janalizza, jenfasizza u jxerred prattiki tajba fil-qasam madwar l-Unjoni Ewropea, u joħloq u jrawwem netwerks Ewropej fost il-partijiet interessati.

    (10)

    Il-kapaċità taċ-ċittadini Ewropej li jagħmlu għażliet informati u diversifikati bħala konsumaturi tal-midja tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva u tal-kontenut Ewropea.

    (11)

    Il-litteriżmu medjatiku jirrelata mal-kapaċità li wieħed jaċċessja l-midja, jifhimha u jqis b’mod kritiku l-aspetti differenti tal-midja u tal-kontenuti tagħha u joħloq il-komunikazzjonijiet f'varjetà ta' kuntesti.

    (12)

    It-tixrid tal-kontenut kreattiv diġitali u l-moltiplikazzjoni ta' pjattoformi mobbli u online tad-distribuzzjoni joħolqu sfidi ġodda għall-litteriżmu medjatiku. Fid-dinja tal-um, iċ-ċittadini għandhom bżonn jiżviluppaw ħileit analitiċi li jippermettulhom ikollhom fehim intellettwali u emozzjonali aħjar tal-midja diġitali.

    (13)

    Il-litteriżmu medjatiku jinkludi l-midja kollha. L-għan tal-litteriżmu medjatiku huwa li jikeber l-għarfien tan-nies dwar il-bosta forom ta' messaġġi medjatiċi li jiltaqgħu magħhom f'ħajjithom ta' kuljum. Il-messaġġi tal-midja huma l-programmi, il-films, ix-xbihat, it-testi, il-ħsejjes u l-websjats li jinġiebu permezz ta' forom ta' komunikazzjoni differenti.

    (14)

    Il-litteriżmu medjatiku għandu rwol importnati fit-tkabbir tal-kuxjenza dwar il-wirt awdjoviżiv u l-identitajiet kulturali Ewropej u għarfien u interess akbar il-wirt u xogħlijiet kulturali Ewropej reċenti.

    (15)

    Il-litteriżmu medjatiku jikkonċerna l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza fis-soċjetà tal-informazzjoni tal-lum. Hija ħila fundamentali mhux biss għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ iżda wkoll għall-adulti u l-anzjani, il-ġenituri, l-għalliema, u l-professjonisti tal-midja. Bis-saħħa tal-internet u t-teknoloġija diġitali, għadd dejjem akbar ta' Ewropej issa jista' joħloq u jxerred xbihat, tagħrif u kontenut. Il-litteriżmu medjatiku illum jitqies bħala wieħed mill-pre-rekwiżiti ewlenin għal ċittadinanza attiva u sħiħa sabiex ma jkunx hemm esklużjoni mill-ħajja komunitarja u jitnaqqsu r-riskji ta' dan.

    (16)

    Soċjetà medjatikament letterata tkun fl-istess ħin stimolu u prekundizzjoni għall-pluraliżmu u l-indipendenza fil-midja. L-espressjoni ta' opinjonijiet u ideat diversi, f'ilsna differenti, li jirrappreżentaw gruppi differenti, fis-soċejetajiet u minn soċjetà għall-oħra, għandhom impatt pożittiv fuq il-valuri tad-diversità, it-tolleranza, l-ekwità u d-djalogu. Għalhekk l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media fit-taqsimiet kollha tas-soċjetà għandu jiġi promoss u l-progress tiegħu segwit mill-qrib.

    (17)

    Id-demokrazija tiddependi mill-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja tal-komunità tagħhom u l-litteriżmu medjatiku jista' jipprovdi l-ħiliet li jeħtieġu biex jagħmlu sens mill-fluss ta' kuljum ta' informazzjoni mxerrda bis-saħħa ta' teknoloġija ġodda tal-komunikazzjoni.

    (18)

    Il-litteriżmu medjatiku għandu jiġi indirizzat b'modi differenti fuq livelli differenti. Il-modalitajiet tal-inklużjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli tal-iskola fil-livelli kollha huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali huwa importanti ħafna wkoll, għaliex huma eqreb għaċ-ċittadin u jappoġġaw inizjattivi fis-settur tal-edukazzjoni mhux formali. Is-soċjetà ċivili għandha wkoll tagħti kontribut attiv lill-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku li jitlaq mil-livelli safliena tas-soċjetà.

    (19)

    Inzijattivi tal-Kummissjoni bħall-MEDIA 2007 (Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (7) (MEDIA 2007)) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (Id-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (8)) li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva u tal-kontenut Ewropea, jistgħu jikkontribwixxu għal-litteriżmu medjatiku.

    (20)

    Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel monitoraġġ tal-isforzi li jsiru fil-litteriżmu tal-midja awdjoviżiva u litteriżmu medjatiku għall-komunikazzjoni kummerċjali kif previst fil-premessa 37 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva, partikolarment fil-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u fi ħdan l-obbligu tar-rapportar previst fl-Artikolu 26 tad-Direttiva.

    (21)

    Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi proġetti ta' riċerka dwar il-litteriżmu medjatiku fil-qafas ta' programmi eżistenti. B'mod partikolari, biħsiebha tniedi studju dwar il-livell ta' għarfien tar-riskji marbuta mat-tixrid tad-dejta personali fl-ambjent online, u studju dwar it-titjib tal-użu tal-magni tat-tiftix.

    (22)

    Inizjattivi dwar il-litteriżmu medjatiku għandhom ukoll jinkludu dimensjoni tal-kuxjenza dwar ir-rwol tad-dritt tal-awtur.

    (23)

    L-ipproċessar u l-użu tad-dejta personali fin-netwerks tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-aktar sabiex jiġu pprovduti offerti skont il-profil tal-konsumaturi, u l-isfidi li dan joħloq f'termini ta' ħarsien ta' dejta personali u rispett tal-privatezza jridu jiġu indirizzati bħala parti minn inizjattivi ta' litteriżmu medjatiku. Fil-fatt, in-netwerks tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-utenti; madankollu, jistgħu jinħolqu wkoll riskji ġodda għall-individwu, bħas-serq tal-identità, profilar diskriminatorju jew sorveljanza kontinwa Il-Kummissjoni indirizzat dawn il-kwistjonijiet u soluzzjonijiet possibbli għalihom fil-Komunikazzjoni dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Dejta b'Teknoloġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs) (9).

    (24)

    Inizjattivi għal-litteriżmu tal-midja diġitali għandhom jiżguraw involviment mill-qrib tal-pubblikaturi tradizzjonali, fid-dawl tal-esperjenza ta' siwi liema bħalha tal-industrija tal-pubblikazzzjoni fir-rigward tal-litteriżmu medjatiku fid-dinja offline u minħabba iċ-ċaqliqa dejjem akbar ta' din l-industrija lejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali.

    (25)

    Il-Kummmisjoni biħsiebha toħloq aktar konsensus dwar aspetti essenzjali tal-litteriżmu medjatiku (definizzjonijiet, għanijiet) u ssostni l-analiżi u l-iskambju ta' prattiki tajba għal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali, inkluż għall-ekonomija ta-settur tal-midja fl-Ewropa, partikolarment bis-saħħa tal-organizzazzjoni ta' laqgħat tal-Kumitat ta' Kuntatt AVMS (10), il-promozzjoni u l-appoġġ ta' avvenimenti taħt MEDIA 2007 (11), kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-UNESCO, u l-Alleanza tan-Nazzjonijiet Uniti taċ-Ċiviltà, u l-promozzjoni ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat dwar il-litteriżmu medjatiku,

    B'HEKK JIRRAKKOMANDAW LI:

    I.

    L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni elettronika u awdjoviżiva u f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji għall-ħarsien tad-dejta, fejn xieraq:

    (1)

    jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi ko-regolatorji li jwasslu għall-adozzjoni ta' kodiċijiet ta' mġiba mill-partijiet interessati ewlenin u jipproponu inizjattivi u linjigwida awtoregolatorji, dwar is-suġġetti identifikati għall-Industrija taħt il-Parti II isfel;

    (2)

    b'segwitu għall-istudju li għaddej bħalissa tal-Kummissjoni dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tal-livelli tal-litteriżmu medjatiku fl-Ewropa, jippromwovu riċerka sistematika bis-saħħa ta' studji u proġetti dwar l-aspetti u d-dimensjonijiet differenti tal-litteriżmu u jimmonitorjaw u jkejlu l-progress tal-livelli tal-litteriżmu medjatiku;

    (3)

    jiftħu dibattitu f'konferenzi u avvenimenti pubbliċi oħra dwar l-inklużjoni tal-lietteriżmu medjatiku fil-kurikkulu edukattiv obbligatorju, u bħala parti mill-għoti ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja;

    (4)

    isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kuxjenza dwar il-wirt awdjoviżiv nazzjonali u Ewropew bis-saħħa ta' kampanji nazzjonali għat-trawwim tal-kuxjenza mmirati lejn iċ-ċittadini;

    (5)

    Iqajmu kuxjenza bis-saħħa ta' taħriġ, jiem ta' informazzjoni u tqassim ta' pakketti informattivi dwar ir-riskji involuti fl-ipproċessar tad-dejta personali permezz ta' netwerks ta' komunikazzjoni u informazzjoni, u jedukaw lill-utenti f'dan il-qasam, speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ, il-ġenituri u l-għalliema.

    II.

    L-Industrija tal-Midja tkabbar l-impenn tagħha lejn l-għoti tal-għodod meħtieġa biex ittejjeb il-livell tagħha tal-litteriżmu medjatiku billi:

    (1)

    ixxerred sistematikament l-għarfien bis-saħħa ta' kampanji informattivi dwar kif l-informazzjoni u l-kontenut kreattiv jiġu prodotti, immuntati u mqassma mad-dinja diġitali, inkluz kif jaħdmu l-magni tat-tiftix u kif wieħed jista' jużahom aħjar;

    (2)

    tagħti liċ-ċittadini informazzjoni ċara u dħulija billi torganizza kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza, dwar tekniki użati għal għanijiet ta' komunikazzjoni kummerċjali, partikolarment dwar il-pubbliċità indiretta, ir-riklamar online, u b'mezzi biex jingħarfu aktar il-konfini bejn il-marketing u l-kontenut;

    (3)

    tipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni, billi toħloq pakketti informattivi mmirati l-aktar lejn it-tfal u żgħażagħ, dwar kif id-dejta personali tiġi pproċessata fil-kuntest ta' offerti mmirati skont il-profil tal-utent, partikolarment ir-riklamar interattiv, b'osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet legali eżisteni;

    (4)

    tinforma attivament liċ-ċittadini billi torganizza jiem ta' informazzjoni dwar kif taħdem l-ekonomija kreattiva, inkluż ir-rwol tad-dritt tal-awtur f'dak ir-rigward.

    III.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 325, 24.12.2002, p. 1.

    (2)  COM(2007) 833 finali.

    (3)  2008/2129(INI), 24 Novembru 2008.

    (4)  2008/C 140/08.

    (5)  CdR 94/2008.

    (6)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A6-2005-0278+0+DOC+XML+V0//MT

    (7)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

    (8)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.

    (9)  COM(2007) 228 finali, 2 ta’ Mejju 2007.

    (10)  AVMS, ara d-Direttiva 2007/65/KE.

    (11)  Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE.


    Top