Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0820

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/PESK tat- 23 ta’ Ottubru 2009 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU L 291, 7.11.2009, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/820/oj

    Related international agreement
    Related international agreement

    7.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 291/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/820/PESK

    tat-23 ta’ Ottubru 2009

    dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    B’segwitu tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill lill-Presidenza fis-26 ta’ April 2002, bl-assistenza tal-Kummissjoni, biex tidħol f’negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika, ġew negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika żewġ Ftehimiet dwar il-koperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali, wieħed dwar l-estradizzjoni u wieħed dwar l-assistenza legali reċiproka.

    (2)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/516/KE tas-6 ta’ Ġunju 2003 (1), il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (2) u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (3) ġew iffirmati f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Ġunju 2003.

    (3)

    Il-Ftehimiet issa għandhom jiġu approvati.

    (4)

    Il-Ftehimiet jipprevedu fl-Artikolu 3(2) tagħhom li jridu jiġu skambjati strumenti bil-miktub bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Istati Membri tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni ta’ trattati bilaterali. L-Artikolu 3(3) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka jipprovdi obbligu simili għal dawk l-Istati Membri li m’għandhomx trattat ta’ għajnuna legali reċiproka mal-Istati Uniti. Dawn l-istrumenti bil-miktub ġew skambjati bejn l-Istati Membri kollha u l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (5)

    Fid-19 ta’ Frar 2009 s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill innotifika lill-Istati Uniti tal-Amerika bid-desinjazzjonijiet skont l-Artikoli 2(3) u 10(2) tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni u skont l-Artikoli 4(3) u 8(2)(b) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka, kif ukoll bil-limitazzjonijiet invokati taħt l-Artikolu 4(4) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna bis-setgħa, f’isem l-Unjoni Ewropea, li tiskambja l-istrumenti ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. BILLSTRÖM


    (1)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 25.

    (2)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 27.

    (3)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.


    Top