EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02009R1069-20191214
Regulation (EC) No 1069/2009 of the European Parliament and of the Council of 21 October 2009 laying down health rules as regards animal by-products and derived products not intended for human consumption and repealing Regulation (EC) No 1774/2002 (Animal by-products Regulation)
Consolidated text: Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)
Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)
02009R1069 — MT — 14.12.2019 — 004.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (KE) Nru 1069/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300 14.11.2009, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 276 |
33 |
20.10.2010 |
||
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1385/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 |
L 354 |
86 |
28.12.2013 |
|
REGOLAMENT (UE) 2017/625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Marzu 2017 |
L 95 |
1 |
7.4.2017 |
|
REGOLAMENT (UE) 2019/1009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-5 ta' Ġunju 2019 |
L 170 |
1 |
25.6.2019 |
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT (KE) Nru 1069/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2009
li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet komuni
Taqsima 1
Suġġett, ambitu u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal:
(a) prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li huma esklużi mill-konsum mill-bniedem taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja; u
(b) il-prodotti segwenti li skont deċiżjoni minn operatur, li għandha tkun irriversibbli, ikunu destinati għal għanijiet oħra għajr għall-konsum mill-bniedem:
(i) prodotti li ġejjin mill-annimali li jistgħu jkunu destinati għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja;
(ii) materja prima għall-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.
2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika sekondarji li ġejjin mill-annimali:
(a) ġisem sħiħ jew partijiet ta’ annimali salvaġġi, għajr annimali tal-kaċċa selvaġġi, li ma hemmx suspett li jkunu infettati jew affettwati b’mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali, għajr għal annimali tal-ilma mistada għal għanijiet kummerċjali;
(b) iġsma sħaħ jew partijiet ta’ annimali tal-kaċċa selvaġġi li ma jinġabrux wara li jinqatlu, skont prattika ta’ kaċċa tajba, bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 853/2004;
(c) prodotti sekondarji li ġejjin mill-kaċċa salvaġġa u mil-laħam tal-kaċċa salvaġġa msemmija fl-Artikolu 1(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;
(d) ooċiti, embrijuni u semen maħsuba għall-għanijiet ta’ tgħammir;
(e) ħalib mhux ipproċessat, kolostru u prodotti li ġejjin minnhom li jinkisbu, jinżammu, jintremew jew jintużaw fir-razzett ta’ oriġini;
(f) qxur mill-frott tal-baħar bit-tessut artab tiegħu u laħmu mneħħi;
(g) skart mill-catering, għajr jekk:
(i) joriġina minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;
(ii) ikun maħsub għal għanijiet ta’ għalf;
(iii) ikun maħsub għal proċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew għal proċessar permezz tal-metodi msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew għal trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost;
(h) mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent tal-Komunità, materjal minn vapuri b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 u (KE) Nru 853/2004, li jkun irriżulta matul l-operazzjonijiet ta’ sajd tagħhom u li jintrema fil-baħar, għajr materjal li jkun ġej mit-tneħħija tal-imsaren tal-ħut abbord li juri sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin, inklużi l-parassiti;
(i) ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi minn ħwienet li jbiegħu bl-imnut, fejn jitqatta’ u jinħażen biss biex jiġi pprovdut direttament lill-konsumatur fuq il-post;
(j) ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi minn annimali li jinqatlu fir-razzett ta’ oriġini għal konsum domestiku privat; u
(k) ħmieġ korporali u awrina għajr id-demel u l-gwanu mhux mineralizzat.
3. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità li għandha bħala l-għan tagħha l-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “prodotti sekondarji mill-annimali” tfisser iġsma jew partijiet ta’ annimali, jew prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi ooċiti, embrijuni u semen;
(2) “prodotti derivati” tfisser prodotti miksuba minn trattament, trasformazzjoni jew grad ta’ ipproċessar wieħed jew aktar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali;
(3) “prodotti li oriġinaw mill-annimali” tfisser prodotti li joriġinaw mill-annimali kif definit fil-punt 8.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;
(4) “karkassa” tfisser karkassa kif definita fil-punt 1(9) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;
(5) “annimal” tfisser kull annimal invertebru jew vertebru;
(6) “annimali tat-trobbija” tfisser:
(a) kull annimal li huwa miżmum, imsemmen jew mgħammar mill-bnedmin u użat għall-produzzjoni ta’ ikel, suf, pil, rix, ġlud jew xi prodott ieħor miksub mill-annimali jew għal għanijiet ta’ trobbija oħrajn;
(b) equidae;
(7) “annimal salvaġġ” tfisser kull annimal mhux miżmum mill-bnedmin;
(8) “annimal domestiku” tfisser kull annimal li jaqa’ taħt speċi li tiġi normalment mitmugħa u miżmuma imma mhux ikkunsmata, mill-bnedmin għal għanijiet li mhumiex dawk ta’ trobbija f’razzett;
(9) “annimali akkwatiċi” tfisser annimali akkwatiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2006/88/KE;
(10) “awtorità kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament ►C1 (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(11) “operatur” tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utenti;
(12) “utent” tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw il-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għal skopijiet ta’ tagħlif speċjali, għar-riċerka jew għal skopijiet speċifiċi oħrajn;
(13) “stabbiliment” jew “impjant” tfisser kwalunkwe post fejn titwettaq operazzjoni li tinvolvi l-immaniġġar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għajr il-bastimenti tas-sajd;
(14) “tqegħid fis-suq” tfisser kull operazzjoni li l-għan tagħha huwa li jinbiegħu prodotti mill-annimali jew prodotti derivati lil parti terza fil-Komunità jew kull forma oħra ta’ forniment bi ħlas jew mingħajru lil tali parti terza jew ħażna bil-ħsieb li tiġi fornuta din il-parti terza;
(15) “transitu” tfisser transitu kif definit fl-Artikolu 3(44) tar-Regolament ►C1 (UE) 2017/625 ◄ ;
(16) “esportazzjoni” tfisser moviment mill-Komunità lejn pajjiż terz;
(17) “enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs)” tfisser l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli kollha kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(18) “materjal speċifiku ta’ riskju” tfisser materjal speċifiku ta’ riskju kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(19) “sterilizzazzjoni bil-pressjoni” tfisser l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, wara tnaqqis fid-daqs tal-partiċella għal mhux iktar minn 50 mm, għal temperatura fil-qalba ta’ aktar minn 133 °C għal mhux inqas minn 20 minuta mingħajr waqfien bi pressjoni assoluta ta’ mhux inqas minn 3 bar;
(20) “demel” tfisser kull ħmieġ u/jew urina ta’ annimali tat-trobbija, barra l-ħut tat-trobbija, flimkien mal-materjal li jintuża għall-mifrex jew mingħajru
(21) “radam awtorizzat” tfisser radam li għalih nħareġ permess skont id-Direttiva 1999/31/KE;
(22) “fertilizzant organiku” u “prodott li jtejjeb il-ħamrija” jfissru materjali li joriġinaw mill-annimali użati biex iżommu jew itejbu n-nutriment tal-pjanti u l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u l-attivitajiet bijoloġiċi tal-ħamrija, jew separatament jew flimkien; jistgħu jinkludu demel, gwanu mhux mineralizzat, kontenut tas-sistema diġestiva, kompost u residwi tad-diġestjoni;
(23) “żona remota” tfisser żona fejn il-popolazzjoni tal-annimali tant hija żgħira, u fejn l-istabbilimenti jew l-impjanti ta’ rimi huma tant ‘il bogħod li l-arranġamenti meħtieġa għall-ġbir u t-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali jkunu onerużi b’mod mhux aċċettabbli meta mqabbla ma’ rimi lokali;
(24) “ikel” jew “materjal li jista’ jintuża bħala ikel” tfisser ikel jew materjal li jista’ jintuża bħala ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;
(25) “għalf” jew “materjal li jista’ jintuża bħala għalf” tfisser għalf jew materjal li jista’ jintuża bħala għalf kif iddefinit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;
(26) “ħama taċ-ċentrifugi jew tas-separaturi” tfisser materjal li jinkiseb bħala prodott sekondarju wara l-purifikazzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat u s-sparazzjoni tal-ħalib xkumat u l-krema mill-ħalib mhux ipproċessat;
(27) “skart” tfisser skart kif definit fil-, punt 1 tal-Artikolu 3tad-Direttiva 2008/98/KE.
Taqsima 2
Obbligi
Artikolu 4
Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi
1. Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq).
2. L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.
3. L-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jivverifikaw li r-rekwiżiti relevanti ta’ dan ir-Regolament huma ssodisfati mill-operaturi flimkien mal-katina sħiħa tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom kif imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dan il-għan, għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom sistema xierqa stabbilita fit-territorju tagħhom biex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji mill-annimali:
(a) jinġabru, jiġu identifikati u ttrasportati mingħajr dewmien bla bżonn; u
(b) jiġu ttrattati, użati jew mormija skont dan ir-Regolament.
5. L-Istati Membri jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 4 f’koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra jew ma’ pajjiżi terzi.
Artikolu 5
Il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura
1. Il-prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 33 li jkunu laħqu l-istadju ta’ manifattura regolat bil-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija f’dak l-Artikolu għandhom jitqiesu li laħqu l-punt aħħari fil-katina tal-manifattura, li warajh ma jibqgħux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Sussegwentement, dawn il-prodotti derivati jistgħu jitqiegħdu fis-suq bla restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament u m’għandhomx jibqgħu suġġetti għal kontrolli uffiċjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura jista’ jiġi modifikat:
(a) għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 33(a) sa (d), f’każ ta’ riskji għas-saħħa tal-annimali;
(b) għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 33(e) sa (f), f’każ ta’ riskji għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali;
Dawn il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont il-proċeduri regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(6).
2. Fir-rigward tal-prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 32, 35 u 36 li ma jkunux għadhom ta' riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, jista' jiġi determinat punt aħħari fil-katina tal-manifattura, li lil hinn minnu ma jibqgħux soġġetti għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
Sussegwentement, dawn il-prodotti derivati jistgħu jitqiegħdu fis-suq bla restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament u m'għandhomx jibqgħu suġġetti għal kontrolli uffiċjali f'konformità ma' dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 51a li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddeterminaw punt aħħari fil-katina tal-manifattura, li lil hinn minnu l-prodotti derivati msemmija f'dan il-paragrafu ma jibqgħux soġġetti għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
3. Fil-każ ta' riskji għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 dwar miżuri ta' emerġenza għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 32, 33 u 36 ta' dan ir-Regolament.
4. Fi żmien sitt xhur wara l-15 ta' Lulju 2019, il-Kummissjoni għandha tibda l-ewwel evalwazzjoni tal-prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 32 li għandhom użu mifrux fl-Unjoni bħala fertilizzanti u prodotti li jtejbu l-ħamrija. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri mill-anqas il-prodotti li ġejjin: il-frakass tal-laħam, il-frakass tal-għadam, il-frakass tal-laħam u tal-għadam, id-demm tal-annimali, il-proteini idrolizzati tal-materjali fil-Kategorija 3, id-demel proċessat, il-kompost, ir-residwi tad-diġestjoni għall-bijogass, il-frakass tar-rix, il-gliċerina u prodotti oħra minn materjali fil-Kategorija 2 jew 3 derivati mill-produzzjoni tal-bijodiżil u ta' karburanti rinnovabbli, kif ukoll l-ikel għall-annimali tad-dar, l-għalf u l-magħda tal-klieb li kienu rifjutati għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba falliment tekniku, u l-prodotti derivati mid-demm tal-annimali, mill-ġlud, mid-dwiefer u l-qrun, mill-gwanu tal-friefet il-lejl u l-għasafar, mis-suf u x-xagħar, mir-rix, u mil-lanżit tal-ħnieżer. Fejn l-evalwazzjoni tikkonkludi li dawk il-prodotti derivati ma jkunux għadhom ta' riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-Kummissjoni tista' tiddetermina punt aħħari fil-katina tal-manifattura skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-finalizzazzjoni tal-evalwazzjoni.
Taqsima 3
Restrizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali
Artikolu 6
Restrizzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali
1. Il-prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati minn speċijiet suxxettibbli ma għandhomx jintbagħtu minn azjendi, stabbilimenti, impjanti jew żoni li huma suġġetti għal restrizzjonijiet
(a) skont il-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità; jew
(b) minħabba l-preżenza ta’ marda serja li tittieħed:
(i) elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 92/119/KEE; jew
(ii) stipulati f’konformità mat-tieni subparagrafu.
Il-miżuri msemmija fil-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).
2. Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika fejn prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati jintbagħtu skont kondizzjonijiet imfassla biex jintlaqa’ minn qabel it-tixrid ta’ mard li jittieħed fost il-bnedmin jew l-annimali.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(5).
Taqsima 4
Kategorizzazzjoni
Artikolu 7
Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati
1. Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.
2. Il-prodotti derivati għandhom ikun suġġetti għar-regoli għall-kategorija speċifika ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li minnhom ikunu derivati, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament, jew previsti permezz ta’ miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li taħthom il-prodotti derivati mhumiex suġġetti għal dawk ir-regoli adottati mill-Kummissjoni.
3. L-Artikoli 8, 9 u 10 jistgħu jiġu emendati biex jitqies il-progress xjentifiku fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju, sakemm dan il-progress ikun jista’ jiġi identifikat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-istituzzjoni xjentifika xierqa. Madankollu, l-ebda prodotti sekondarji tal-annimali elenkati f’dawk l-Artikoli ma jistgħu jitneħħew mil-lista, iżda jistgħu jsiru biss bidliet tal-kategorizzazzjoni jew addizzjonijiet.
4. Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).
Artikolu 8
Materjal tal-Kategorija 1
Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:
(a) iġsma sħaħ u l-partijiet kollha tal-ġisem, inklużi l-ġlud, tal-animali li ġejjin:
(i) annimali suspettati li huma infettati bit-TSE bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jew li fihom ġiet ikkonfermata uffiċjalment il-preżenza ta’ TSE;
(ii) annimali maqtula fil-kuntest ta’ miżuri ta’ eradikazzjoni tat-TSE;
(iii) annimali oħra li mhumiex imrobbija fl-irziezet u annimali salvaġġi, inklużi b’mod partikolari annimali domestiċi, annimali taż-żoo u annimali taċ-ċirku;
(iv) annimali użati fi proċess jew proċessi ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/63/UE tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal skopijiet xjentifiċi ( 2 ), f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li dawk l-annimali jew xi partijiet minn ġisimhom għandhom il-potenzjal li jikkawżaw riskji tas-saħħa serji għall-bnedmin jew għal annimali oħra, b’riżultat ta’ dawk il-proċess(i) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003;
(v) annimali salvaġġi, meta ssuspettati li huma infettati minn mard li jittieħed mill-bnedmin jew mill-annimali;
(b) il-materjal li ġej:
(i) materjal ta’ riskju speċifikat;
(ii) iġsma sħaħ jew partijiet minn annimali mejtin li fihom materjal ta’ riskju speċifikat fil-ħin tar-rimi;
(c) prodotti sekondarji tal-annimali derivati minn annimali li ġew sottomessi għal trattament illegali kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 96/22/KE jew l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 96/23/KE;
(d) prodotti sekondarji tal-annimali li jkun fihom residwi ta’ sustanzi oħrajn u kontaminanti ambjentali elenkati fil-Grupp B(3) tal-Anness I tad-Direttiva 96/23/KE, jekk dawn ir-residwi jaqbżu l-livell permess stipulat bil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew, fin-nuqqas ta’ dan, bil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(e) prodotti sekondarji tal-annimali miġbura matul it-trattament tal-ilma tal-iskart kif meħtieġ bir-regoli implimentattivi adottati taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27:
(i) minn stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw materjal tal-Kategorija 1; jew
(ii) minn stabbilimenti jew impjanti oħrajn fejn ikun qed jitneħħa materjal ta’ riskju speċifiku;
(f) skart mill-catering minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;
(g) taħlita ta’ materjal tal-Kategorija 1 jew ma’ materjal tal-Kategorija 2 jew materjal tal-Kategorija 3 jew mat-tnejn li huma.
Artikolu 9
Materjal tal-Kategorija 2
Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:
(a) demel, gwanu mhux mineralizzat u kontenut tas-sistema diġestiva;
(b) prodotti sekondarji tal-annimali miġbura matul it-trattament tal-ilma tal-iskart kif meħtieġ bir-regoli implimentattivi adottati taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27:
(i) minn stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw materjal tal-Kategorija 2; jew
(ii) minn biċċeriji għajr dawk koperti bl-Artikolu 8(e);
(c) prodotti sekondarji tal-annimali li fihom residwi ta’ sustanzi jew kontaminanti awtorizzati li jaqbżu l-livelli permessi kif imsemmi fl-Artiikolu 15(3) tad-Direttiva 96/23/KE;
(d) prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew dikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ residwi fiżiċi f’dawn il-prodotti;
(e) prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex materjal tal-Kategorija 1, li jkunu:
(i) importati jew introdotti minn pajjiż terz u li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità għall-importazzjoni jew l-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità għajr għal fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti l-importazzjoni jew l-introduzzjoni tagħhom suġġetta għal restrizzjonijiet speċifiċi jew ir-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż terz; jew
(ii) intbagħtu lejn Stat Membru ieħor u li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti jew awtorizzati bil-leġiżlazzjoni Komunitarja għajr meta jintbagħtu lura bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.
(f) annimali u partijiet ta’ annimali, għajr għal dawk imsemmija fl-Artikolu 8 jew fl-Artikolu 10,
(i) li mietu għajr għal dawk maqtula għall-konsum mill-bniedem, inklużi annimali maqtula għal għanijiet ta’ kontroll ta’ mard;
(ii) feti;
(iii) ooċiti, embrijuni u semen mhux maħsuba għall-għanijiet ta’ tgħammir; u
(iv) tjur mejjet fil-qoxra;
(g) taħlitiet ta’ materjal tal-Kategorija 2 u materjal tal-Kategorija 3;
(h) prodotti sekondarji mill-annimali għajr materjal tal-Kategorija 1 jew materjal tal-Kategorija 3.
Artikolu 10
Materjal tal-Kategorija 3
Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:
(a) karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;
(b) karkassi u l-partijiet li ġejjin li joriġinaw jew minn annimali maqtula f’biċċerija u kkunsidrati xierqa għal-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem jew iġsma u l-partijiet li ġejjin ta’ annimali minn kaċċa maqtula għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja:
(i) karkassi jew iġsma u partijiet minn annimali li jitwarrbu bħala mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda li ma wrewx xi sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali;
(ii) irjus ta’ tjur tal-irziezet;
(iii) ġlud, inklużi bċejjeċ minnhom, qrun u saqajn, inklużi l-għadan tal-karpu u l-metakarpu, l-għadam tal-falanġi, tat-tarsus u l-metatarsus, ta’:
— annimali għajr dawk li jixtarru li jeħtieġu l-ittestjar għat-TSE; u
— annimali li jixtarru li ġew ittestjati b’riżultat negattiv skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(iv) lanżit tal-ħanżir;
(v) rix;
(c) prodotti sekondarji mit-tjur u l-lagomorfi maqtula fl-irziezet kif imsemmi fl-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, li ma urew l-ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mill-bniedem jew mill-annimali;
(d) demm ta’ annimali li ma jkun wera ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mid-demm minn bnedmin jew annimali miksub mill-annimali li ġejjin li nqatlu f’biċċerija wara li tqiesu xierqa għall-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja:
(i) annimali għajr dawk li jixtarru li jeħtieġu l-ittestjar għat-TSE; u
(ii) annimali li jixtarru li ġew ittestjati b’riżultat negattiv skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(e) prodotti sekondarji li jirriżultaw mill-annimali derivati mill-produzzjoni ta’ prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem inkluż għadam bix-xaħam imneħħi, qasab tas-saqajn u ħama taċ-ċentrifugi jew tas-separaturi mill-ipproċessar tal-ħalib;
(f) prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew oġġetti tal-ikel li jkun fihom prodotti li joriġinaw mill-annimali, li m’għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew l-annimali;
(g) għalf tal-annimali domestiċi u materjal li jista’ jintuża bħala għalf li joriġinaw mill-annimali, jew materjal li jista’ jintuża bħala għalf li jkun fih prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati, li m’għadhomx maħsuba għall-għalf minħabba raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma joħolqux riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali;
(h) demm, plaċenta, suf, rix, xagħar, qrun, biċċiet ta’ qawqab u ħalib mhux ipproċessat li ġej minn annimali ħajjin li ma urew ebda sinjal ta’ xi mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali permezz ta’ dan il-prodott;
(i) annimali akkwatiċi, u partijiet minn dawn l-annimali, għajr għall-mammali tal-baħar, li ma urew ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali;
(j) prodotti sekondarji minn annimali akkwatiċi li joriġinaw minn stabbilimenti jew impjanti li jimmanifatturaw prodotti għall-konsum mill-bniedem;
(k) il-materjal li ġej li joriġina mill-annimali li ma jkun wera ebda sinjal ta’ mard li jittieħed minn dan il-materjal minn bnedmin jew annimali:
(i) qxur mill-frott tal-baħar b’laħam jew tessut artab;
(ii) dawn li ġejjin li joriġinaw minn annimali tal-art:
— prodotti sekondarji tal-maqfas,
— bajd,
— prodotti sekondarji tal-bajd, inkluż il-qxur tal-bajd,
(iii) flieles ta’ ġurnata maqtula minħabba raġunijiet kummerċjali;
(l) invertebrati akkwatiċi u tal-art għajr għal speċi patoġeniċi għal bnedmin jew annimali;
(m) annimali u partijiet minnhom tal-ordnijiet żooloġiċi Rodentia u Lagomorpha, għajr materjal tal-Kategorija 1 kif imsemmi fl-Artikolu 8(a)(iii) sa (v) u materjal tal-Kategorija 2 kif imsemmi fl-Artikolu 9(a) sa (g);
(n) ġlud, qawqab, rix, suf, qrun, xagħar u pil li joriġinaw minn annimali mejtin li ma wrewx sinjali ta’ xi marda li tittieħed permezz ta’ dan il-prodott mill-bnedmin jew mill-annimali, għajr dawk imsemmija fil-punt (b);
(o) tessut xaħmi minn annimali li ma wrew l-ebda sinjal ta’ mard li jittieħed permezz ta’ dak il-materjal mill-bnedmin jew mill-annimali, li nqatlu f’biċċerija u li tqiesu xierqa għall-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja;
(p) skart mill-catering għajr kif imsemmi fl-Artikolu 8(f).
KAPITOLU II
Rimi u użu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati
Taqsima 1
Restrizzjonijiet dwar l-użu
Artikolu 11
Restrizzjonijiet dwar l-użu
1. L-użi li ġejjin ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati għandhom ikunu pprojbiti:
(a) it-tmigħ ta’ annimali terrestri ta’ speċi partikolari għajr l-annimali bil-pil bi proteina pproċessata mill-annimali derivata minn iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ annimali tal-istess speċi;
(b) it-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija għajr għal annimali tal-pil bi skart mill-catering jew materjal tal-għalf li fih jew huwa derivat minn skart mill-catering;
(c) it-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija bi ħxejjex, jew direttament meta jirgħu jew bit-tmigħ ta’ ħxejjex maqtugħa, minn art li fuqha ġew applikati fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, għajr għal demel, sakemm il-qtugħ jew ir-rigħi isir wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ stennija, li jiżgura kontrolli xierqa tar-riskji għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali u jkun mill-inqas ta’ 21 jum; u
(d) it-tmigħ ta’ ħut tat-trobbija bi proteina pproċessata mill-annimali derivata mill-iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ ħut tat-trobbija tal-istess speċi.
2. Jistgħu jiġu stipulati miżuri relatati ma’ dan li ġej:
(a) il-verifiki u l-kontrolli li jridu jitwettqu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi metodi u testijiet li jridu jintużaw għall-ivverifikar tal-preżenza ta’ materjal li joriġina minn ċerti speċijiet u limiti massimi għal ammonti insinifikanti tal-proteini pproċessati tal-annimali msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 1 ikkawżati minn kontaminazzjoni fortuwita u teknikament inevitabbli,
(b) il-kondizzjonijiet għat-tmigħ ta’ annimali bil-pil bi proteina pproċessata mill-annimali derivata minn iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ annimali tal-istess speċi; u
(c) il-kondizzjonijiet għat-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija bi ħxejjex minn art li fuqha ġew applikati fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, b’mod partikolari modifika tal-perjodu ta’ stennija kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1.
Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Taqsima 2
Rimi u użu
Artikolu 12
Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 1
Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu:
(a) jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni:
(i) direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew
(ii) wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(b) jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart:
(i) direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew
(ii) wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(c) fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 1 għajr għal materjal imsemmi fl-Artikolu 8(a)(i) u (ii), jintrema bi proċess ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni, immarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta u rdim f’radam awtorizzat;
(d) fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(f), jintrema billi jiġi mirdum f’radam awtorizzat;
(e) jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan; jew
(f) jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli.
Artikolu 13
Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 2
Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu:
(a) jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni:
(i) direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew
(ii) wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(b) jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, jekk il-materjal tal-Kategorija 2 ikun skart:
(i) direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew
(ii) wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(c) jintrema f’radam awtorizzat, wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(d) jintuża għall-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi jew ta’ prodotti li jtejbu l-ħamrija maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq skont l-Artikolu 32 wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni, meta dan ikun applikabbli, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;
(e) jiġi ttrasformat f’kompost jew f’bijogass:
(i) wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta; jew
(ii) fil-każ ta’ demel, l-apparat ta’ diġestjoni u l-kontenut tiegħu, ħalib, prodotti mill-ħalib u kolostrum, bajd u prodotti tal-bajd li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ xi mard serju li jittieħed, wara l-ipproċessar jew mingħajr ipproċessar minn qabel;
(f) jiġi applikat lill-art mingħajr ipproċessar, fil-każ ta’ demel, il-kontenut tal-apparat ta’ diġestjoni jinfired mill-apparat ta’ diġestjoni, ħalib, prodotti mill-ħalib u kolostrum, li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ xi mard serju li jittieħed;
(g) fil-każ ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi, jitqiegħed f’sili, minnu jsir il-kompost jew li jiġi ttrasformat f’bijogass;
(h) jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew minghajr dan; jew
(i) jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli.
Artikolu 14
Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3
Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu:
(a) jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;
(b) jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart;
(c) jintrema f’radam awtorizzat, wara li jiġi pproċessat;
(d) jiġi pproċessat, ħlief fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkun inbidel minħabba dekompożizzjoni jew taħsir b’mod li, permezz ta’ dak il-prodott, jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, u jintuża:
(i) għall-manifattura ta’ għalf għal annimali tat-trobbija għajr għal annimali tal-pil, bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 31, ħlief fil-każ ta’ materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);
(ii) għall-manifattura ta’ għalf għal annimali bil-pil, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 36;
(iii) għall-manifattura ta’ għalf għal annimali domestiċi, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 35; jew
(iv) għall-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, maħsuba sabiex jitqiegħdu fis-suq taħt l-Artikolu 32.
(e) għall-produzzjoni ta’ għalf mhux ipproċessat għal annimali domestiċi, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 35;
(f) biex jiġi ttrasformat f’kompost jew f’bijogass;
(g) fil-każ ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi, jitqiegħed f’sili, jiġi ttrasformat f’kompost jew jiġi ttrasformat f’bijogass;
(h) fil-każ ta’ qxur mill-frott tal-baħar, għajr għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(f), u l-qxur tal-bajd, li jintuża skont kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti li jilqgħu minn qabel riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali;
(i) jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;
(j) jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli;
(k) fil-każ tal-iskart mill-catering imsemmi fl-Artikolu 10(p), ipproċessat permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew permezz tal-metodi ta’ proċessar imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew ittrasformat f’kompost jew f’bijogass;
(l) jiġi applikat lill-art mingħajr ipproċessar, fil-każ ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti derivati minnu, li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ kwalunkwe marda li tittieħed permezz ta’ dawk il-prodotti mill-bnedmin jew mill-annimali.
Artikolu 15
Miżuri ta’ implimentazzjoni
1. Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima marbuta ma’ dan li ġej:
(a) kondizzjonijiet speċjali għall-immaniġġar u r-rimi abbord ta’ materjali li jkun ġej mit-tneħħija tal-imsaren tal-ħut abbord li juri sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin, inklużi l-parassiti;
(b) metodi ta’ pproċessar għal prodotti sekondarji tal-annimali ħlief l-isterilizzazzjoni tal-pressjoni fir-rigward tal-parametri li jridu jiġu applikati għal dawk il-metodi ta’ pproċessar, b’mod partikolari l-ħin, it-temperatura, il-pressjoni u d-daqs tal-partikoli;
(c) parametri għat-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, inkluż l-iskart mill-catering, f’bijogass jew kompost;
(d) kondizzjonijiet għall-inċenerazzjoni u l-koinċenerazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;
(e) il-kondizzjonijiet għall-kombustjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;
(f) kondizzjonijiet għall-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(c);
(g) preservazzjoni ta’ materjal li joripina minn annimali akkwatiċi;
(h) markament permanenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;
(i) l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali, fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija;
(j) l-użu ta’ ċerti prodotti sekondarji bħala għalf għall-annimali fl-irziezet; u
(k) il-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali fir-rigward ta’ ċertu materjal li tqies inaċċettabbli kif imsemmi fl-Artikolu 14(d).
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(4).
2. Sa meta jiġu adottati r-regoli msemmija:
(a) fil-punti (c), (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu r-regoli nazzjonali għal:
(i) il-ġenerazzjoni u t-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(c);
(ii) it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(p);u
(iii) il-preservazzjoni ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi;
(b) fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fih jistgħu jintremew il-baħar, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja.
Taqsima 3
Derogi
Artikolu 16
Derogi
B’deroga mill-Artikoli 12, 13 u 14, il-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu:
(a) fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), ikunu trattati u mormija b’konformità mal-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti skont dak il-punt;
(b) jintużaw għal riċerka u għanijiet speċifiċi oħra skont l-Artikolu 17;
(c) fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 18, jintużaw għal għanijiet speċjali ta’ tagħlif skont dak l-Artikolu;
(d) fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 19, jintremew skont dak l-Artikolu;
(e) jintremew jew jintużaw b’konformità ma’ metodi alternattivi li ġew awtorizzati b’konformità mal-Artikolu 20, ibbażati fuq il-parametri li jistgħu jinkludu l-isterilizzazzjoni bil-pressa jew rekwiżiti oħra ta’ dan ir-Regolament jew il-miżuri implimentattivi tiegħu;
(f) fil-każ ta’ materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 u jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, ikunu użati għall-preparazzjoni u l-applikazzjoni fuq l-art ta’ preparati bijodinamiċi kif imsemmi fl-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007;
(g) fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 u, jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, ikunu użati għat-tagħlif ta’ annimali domestiċi;
(h) fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ħlief għal materjal tal-Kategorija 1, li joħorġu fil-kors ta’ interventi kirurġiċi fuq annimali ħajjin jew waqt it-twelid ta’ annimali fl-azjenda u, jekk awtorizzati mill-awtorità kompetenti, jintremew f’dik l-azjenda stess.
Artikolu 17
Riċerka u għanijiet speċifiċi oħra
1. L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12, 13 u 14, tawtorizza l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għall-eżibizzjonijiet, u għal finijiet dijanjostiċi, edukattivi u ta’ riċerka skont kondizzjonijiet li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.
Kondizzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu:
(a) il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe użu sussegwenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għal finijiet oħrajn; u
(b) l-obbligu li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jintremew b’mod sikur jew jerġgħu jintbagħtu lejn il-post tal-oriġini tagħhom, jekk ikun il-każ.
2. F’każ ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li jitolbu l-adozzjoni ta’ miżuri għat-territorju kollu tal-Komunità, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskji emerġenti ġodda, kondizzjonijiet armonizzati għall-importazzjoni u l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu stabbiliti. Kondizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu rekwiżiti rigward il-ħżin, l-imballaġġ, l-identifikazzjoni, it-trasport u r-rimi.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Artikolu 18
Finijiet ta’ tagħlif speċjali
1. L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 13 u 14, tawtorizza, skont kondizzjonijiet li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, il-ġbir u l-użu ta’ materjal tal-Kategorija 2, sakemm jiġi minn annimali li ma nqatlux jew ma mitux b’riżultat tal-preżenza jew preżenza suspettata ta’ marda li tittieħed mill-bnedmin jew l-annimali, u ta’ materjal tal-Kategorija 3 għat-tagħlif lil:
(a) annimali żooloġiċi;
(b) annimali taċ-ċirku;
(c) rettili u tjur tal-priża għajr annimali żooloġiċi jew taċ-ċirku;
(d) annimali tal-pil;
(e) annimali selvaġġi;
(f) klieb minn kanili rikonoxxuti jew klieb tal-kaċċa;
(g) klieb u qtates f’kennijiet;
(h) dud u ħniex għal-lixka għas-sajd.
2. L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 12, u skont il-kondizzjonijiet stipulati taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu:
(a) it-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii) u tal-materjal li ġej minn annimali żooloġiċi għat-tagħlif għal annimali żooloġiċi; u
(b) it-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii) lill-ispeċijiet ta’ għasafar nekrofaġi li huma fil-periklu ta’ estinzjoni jew protetti u speċijiet oħra li jgħixu fil-ħabitat naturali tagħhom, għall-promozzjoni tal-bijodiversità.
3. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:
(a) il-kondizzjonijiet li bihom il-ġbir u l-użu kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi awtorizzat fir-rigward taċ-ċaqliq, il-ħżin u l-użu ta’ materjal tal-Kategorija 2 u materjal tal-Kategorija 3 għat-tagħlif, inkluż fil-każ ta’ riskji emerġenti ġodda; u
(b) il-kondizzjonijiet li bihom, f’ċerti każijiet b’deroga mill-obbligu stipulat fl-Artikolu 21(1), it-tagħlif ta’ materjal tal-Kategorija 1 kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jkun awtorizzati, inkluż:
(i) l-ispeċi fil-periklu ta’ estinzjoni jew protetti ta’ għasafar nekrofaġi u speċijiet oħra f’ċerti Stati Membri fejn materjal bħal dan jista’ jintema’;
(ii) miżuri għall-prevenzjoni ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Artikolu 19
Il-ġbir, it-trasport u r-rimi
1. L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12, 13, 14 u 21, tawtorizza r-rimi:
(a) billi jindifnu annimali domestiċi u equidae mejtin;
(b) billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post jew b’mezzi oħrajn taħt superviżjoni uffiċjali li jevitaw it-tixrid ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(a)(v) u 8(b)(ii), materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 f’żoni remoti;
(c) billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post jew b’mezzi oħrajn taħt superviżjoni uffiċjali li jevitaw it-tixrid ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii), materjali tal-Kategorija 2, u tal-Kategorija 3 f’żoni fejn l-aċċess huwa prattikament impossibbli jew fejn l-aċċess ikun possibbli biss f’ċirkostanzi, relatati ma’ raġunijiet ġeografiċi jew klimatiċi jew minħabba diżastru naturali, li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persunal li jwettaq il-ġbir jew fejn l-aċċess jitlob l-użu ta’ mezzi sproporzjonati ta’ ġbir;
(d) b’mezzi li jinkludu l-ħruq jew id-dfin fuq il-post, taħt superviżjoni uffiċjali, fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 li mhumiex ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali, meta l-ammonti ta’ materjal ma jkunux iktar minn volum partikolari fil-ġimgħa, tali volum li jkun ikkalkulat f’relazzjoni man-natura tal-attivitajiet imwettqa u l-ispeċji tal-oriġini tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati;
(e) permezz tal-ħruq jew id-dfin fuq il-post, skont kondizzjonijiet li jevitaw it-tixrid tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ħlief materjal tal-Kategorija 1 imsemmija fl-Artikolu 8(a)(i) fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda notifikabbli, jekk it-trasport lejn l-eqreb impjant approvat għall-ipproċessar jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali jżid il-periklu ta’ propagazzjoni ta’ rikji tas-saħħa jew iwassal, f’każ ta’ tifqigħa mifruxa ta’ marda epiżootika, li jkun ifisser li l-kapaċitajiet ta’ rimi f’impjanti bħal dawn ikunu nqabżu; u
(f) billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post, b’kondizzjonijiet li jevitaw it-tixrid tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, tan-naħal u tal-prodotti sekondarji tal-apikultura.
2. Il-popolazzjoni tal-annimali ta’ speċi partikolari fiż-żoni remoti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 m’għandhiex taqbeż perċentwali massima tal-popolazzjoni tal-annimali ta’ dan l-ispeċi fl-Istat Membru kkonċernat.
3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni tagħrif dwar:
(a) iż-żoni li jikkategorizzaw bħala żoni remoti għall-fini li japplikaw il-punt (b) tal-paragrafu 1 u r-raġunijiet għal dik il-kategorizzazzjoni, u tagħrif aġġornat li jikkonċerna kwalunkwe bidla għal kategorizzazzjoni bħal din; u
(b) l-użu li jagħmlu mill-awtorizzazzjonijiet stipulati fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 fir-rigward tal-materjal tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2.
4. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:
(a) kondizzjonijiet immirati li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali fil-każ ta’ ħruq u dfin fuq il-post;
(b) il-perċentwali massima tal-popolazzjoni tal-annimali kif imsemmi fil-paragrafu 2;
(c) il-volum ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, f’relazzjoni man-natura tal-attivitajiet u l-ispeċji tal-oriġini, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1; u
(d) il-lista ta’ mard imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Taqsima 4
Metodi alternattivi
Artikolu 20
Awtorizzazzjoni ta’ metodi alternattivi
1. Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ metodu alternattiv ta’ użu u rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jistgħu jinbdew jew mill-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata, li tista’ tirrappreżenta bosta partijiet interessati.
2. Partijiet interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu bi ħsiebhom jużaw il-metodu alternattiv.
L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta, fi żmien xahrejn wara li taslilha applikazzjoni mimlija, jekk l-applikazzjoni tkunx konformi mal-format standard għall-applikazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 10.
3. L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-applikazzjonijiet tal-Istati Membri u partijiet interessati, flimkien ma’ rapport dwar il-valutazzjoni tagħha mal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (AESI) u tinforma lill-Kummissjoni bihom.
4. Meta l-Kummissjoni tibda l-proċedura għall-awtorizzazzjoni, għandha tibgħat rapport dwar l-evalwazzjoni tagħha lill-AESI.
5. L-AESI għandha tevalwa, fi żmien sitt xhur minn meta taslilha applikazzjoni mimlija, jekk il-metodu mibgħut jiżgurax li r-riskji għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali
(a) jiġux ikkontrollati b’mod li jevita l-proliferazzjoni tagħhom qabel ir-rimi, b’konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-miżuri implimentattivi tiegħu; jew
(b) jitnaqqsux sa punt li huwa tal-inqas ekwivalenti, għall-kategorija rilevanti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, għall-metodi ta’ pproċessar stipulati skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1).
L-AESI għandha toħroġ opinjoni dwar l-applikazzjoni li tkun intbagħtet.
6. F’każijiet ġustifikati kif xieraq fejn l-AESI titlob tagħrif addizzjonali mill-applikanti, il-perjodu stipulat fil-paragrafu 5 jista’ jkun estiż.
Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni jew mal-applikant, l-AESI għandha tiddeċiedi dwar perjodu li matulu dak it-tagħrif għandu jkun provdut lilha u tinforma lill-Kummissjoni u lill-applikant kif jixraq bil-perjodu addizzjonali meħtieġ.
7. Meta l-applikanti jkunu jixtiequ jibagħtu tagħrif addizzjonali fuq inizjattiva personali tagħhom, għandhom jibagħtuh direttament lill-AESI.
F’dak il-każ il-perjodu stipulat fil-paragrafu 5 ma għandux jiġi estiż b’perjodu addizzjonali.
8. L-AESI għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, lill-applikant u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
9. Fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-opinjoni tal-AESI u wara li tqis dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant bil-miżura proposta li għandha tiġi adottata b’konformità mal-paragrafu 11.
10. Għandu jiġi adottat format standard għall-applikazzjonijiet għal metodi alternattivi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).
11. Wara li l-AESI tirċievi l-opinjoni, għandu jiġi adottat dan li ġej:
(a) jew miżura li tawtorizza metodu alternattiv ta’ użu jew rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati; jew
(b) miżura li tiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ metodu alternattiv bħal dan.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
TITOLU II
OBBLIGI TAL-OPERATURI
KAPITOLU I
Obbligi ġenerali
Taqsima 1
Il-ġbir, it-trasport u t-traċċabbiltà
Artikolu 21
Il-ġbir u l-identifikazzjoni fir-rigward tal-Kategorija u tat-trasport
1. L-operaturi għandhom jiġbru, jidentifikaw u jġorru prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien bla bżonn b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali.
2. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati jkunu akkumpanjati matul it-trasport minn dokument kummerċjali jew, meta meħtieġ b’dan ir-Regolament jew b’miżura adotatta taħt il-paragrafu 6, minn ċertifikat ta’ saħħa.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-trasport ta’ demel bejn żewġ postijiet li jinsabu fl-istess azjenda jew bejn irziezet u utenti ta’ demel fl-istess Stat Membru mingħajr dokument kummerċjali jew ċertifikat ta’ saħħa.
3. Dokumenti kummerċjali u ċertifikati ta’ saħħa li jakkumpanjaw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati matul it-trasport għandhom għall-inqas jinkludu tagħrif dwar l-oriġini, id-destinazzjoni u l-kwantità ta’ dawn il-prodotti, u deskrizzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati u l-immarkar tagħhom, meta dan l-immarkar ikun meħtieġ b’dan ir-Regolament.
Madankollu, għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li jinġarru fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tawtorizza t-tixrid tat-tagħrif imsemmi fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ sistema alternattiva.
4. L-operaturi għandhom jiġbru, iġorru u jarmu skart mill-catering tal-Kategorija 3, b’konformità mal-miżuri nazzjonali previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE.
5. Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3):
(a) mudelli għal dokumenti kummerċjali meħtieġa li jakkumpanjaw prodotti sekondarji tal-annimali matul it-trasport; u
(b) mudelli għal ċertifikati ta’ saħħa u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih għandhom jakkumpanjaw il-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati matul it-trasport.
6. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:
(a) każijiet fejn ċertifikat ta’ saħħa huwa meħtieġ wara li jiġi kkunsidrat il-livell ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali minn ċerti prodotti derivati;
(b) każijiet fejn, b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u wara li tikkunsidra l-livell baxx ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali minn ċerti prodotti sekondarji tal-annimali jew minn prodotti derivati, it-trasport ta’ prodotti derivati jista’ jseħħ mingħajr id-dokumenti jew iċ-ċertifikati msemmija f’dan il-paragrafu;
(c) rekwiżiti għall-identifikazzjoni, l-ittikkettar inkluż, u għas-separazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali matul it-trasport; u
(d) kondizzjonijiet biex tilqa’ minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali matul il-ġbir u t-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, inklużi kondizzjonijiet għat-trasport bla periklu ta’ dawn il-prodotti fir-rigward ta’ kontenituri, vetturi u materjal ta’ ppakkjar.
Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Artikolu 22
Traċċabbiltà
1. Operaturi li jikkunsinnaw, iġorru jew jirċievu prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għandhom iżommu reġistru tal-kunsinni u dokumenti kummerċjali jew ċertifikati ta’ saħħa rilevanti.
Iżda, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta awtorizzazzjoni għat-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mingħajr dokumenti kummerċjali jew ċertifikati ta’ saħħa tkun ingħatat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) jew b’konformità mal-miżuri implimentattivi adottati skont l-Artikolu 21(6)(b).
2. L-operaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu sistemi u proċeduri biex jidentifikaw:
(a) lill-operaturi l-oħrajn li jkunu ġew fornuti bil-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati tagħhom; u
(b) l-operaturi li jkunu fornewhom.
Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli fuq talba mill-awtoritjiet kompetenti.
3. Jistgħu jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), b’mod partikolari dwar:
(a) it-tagħrif li jrid ikun disponibbli għall-awtoritjiet kompetenti;
(b) il-perjodu ta’ żmien li matulu trid tinżamm din l-informazzjoni.
Taqsima 2
Reġistrazzjoni u approvazzjoni
Artikolu 23
Reġistrazzjoni ta’ operaturi, stabbilimenti jew impjanti
1. Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, l-operaturi għandhom:
(a) qabel jibdew joperaw, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b’xi stabbilimenti jew impjanti fil-kontroll tagħhom li jkunu attivi fi kwalunkwe fażi tal-ġenerazzjoni, it-trasport, it-trattament, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati;
(b) jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif dwar:
(i) il-kategorija ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fil-kontroll tagħhom;
(ii) in-natura tal-operazzjonijiet imwettqa bl-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħala materjal ta’ bidu.
2. L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif aġġornat dwar l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, fosthom kull tibdil sinifikanti fl-attivitajiet, bħall-għeluq ta’ stabbiliment jew impjant eżistenti.
3. Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati rigward ir-reġistarzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).
4. B’deroga mill-paragrafu 1, ma tkun meħtieġa l-ebda notifika rigward ir-reġistrazzjoni għal attivitajiet li għalihom l-istabbilimenti li jiġġeneraw il-prodotti sekondarji tal-annimali jkunu diġà ġew approvati jew reġistrati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 jew mar-Regolament (KE) Nru 853/2004; u għal attivitajiet li għalihom l-istabbilimenti jew l-impjanti jkunu diġà ġew approvati b’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament.
L-istess deroga għandha tapplika għall-attivitajiet li jinvolvu l-ġenerazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali fuq il-post biss, għal dawk li jsiru fl-irziezet jew f’postijiet oħrajn fejn l-annimali jinżammu, jitrabbew jew jittieħed ħsiebhom.
Artikolu 24
Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti
1. L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar:
(a) l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali bl-isterilizzazzjoni bil-pressa, b’metodi tal-ipproċessar msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew b’metodi alternattivi awtorizzati b’konformità mal-Artikolu 20;
(b) ir-rimi, bħala skart, bl-inċinerazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, barra l-istabbilimenti jew l-impjanti li jkollhom permess li joperaw b’konformità mad-Direttiva 2000/76/KE;
(c) ir-rimi jew l-irkupru ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, jekk ikunu skart, bil-koinċinerazzjoni, barra l-istabbilimenti jew l-impjanti li jkollhom permess li joperaw b’konformità mad-Direttiva 2000/76/KE;
(d) l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati bħala fjuwil għall-kombustjoni;
(e) il-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi;
(f) il-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi u sustanzi li jtejbu l-ħamrija;
(g) it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u/jew prodotti derivati f’bijogass jew kompost;
(h) it-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali wara li jinġabru, permezz ta’ operazzjonijiet bħall-issortjar, il-qtugħ, it-tkessiħ, l-iffriżar, it-tmelliħ, it-tneħħija tal-ġlud jew ta’ materjal ta’ riskju speċifiku;
(i) il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;
(j) il-ħżin ta’ prodotti derivati intiżi biex;
(i) jintremew fil-landfills jew jinqerdu bl-inċinerazzjoni jew li jkunu intiżi biex jiġu rkuprati jew jinqerdu bil-koinċinerazzjoni;
(ii) jintużaw bħala fjuwil għall-kombustjoni;
(iii) jintużaw bħala għalf, barra minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 183/2005;
(iv) jintużaw bħala fertilizzanti organiċi u sustanzi li jtejbu l-ħamrija, barra mill-ħżin f’post ta’ applikazzjoni diretta.
2. L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika jekk l-istabbiliment jew l-impjant huwiex approvat għal operazzjonijiet bi prodotti sekondarji tal-annimali u/jew prodotti derivati ta’:
(a) kategorija partikolari msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10; jew
(b) aktar minn kategorija waħda msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10 u turi jekk dawn l-operazzjonijiet jitwettqux:
(i) b’mod permanenti skont kondizzjonijiet ta’ firda stretta li jilqgħu minn qabel kontra xi riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali; jew
(ii) b’mod temporanju skont kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra t-tniġġis, bi tweġiba għan-nuqqas ta’ kapaċità għal prodotti bħal dawn li tkun ġejja minn:
— tifqigħa mxerrda ta’ marda epiżootika, jew
— ċirkustanzi oħra mhux tas-soltu u mhux imbassra.
Artikolu 25
Rekwiżiti ta’ iġjene ġenerali
1. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 24(1)(a) u (h):
(a) ikunu mibnija b’mod li jkunu jistgħu jitnaddfu u jiġu diżinfettati b’mod effikaċi u, fejn ikun xieraq, il-kostruzzjoni tal-art tiffaċilita d-drenaġġ tal-likwidi;
(b) ikollhom aċċess għal faċilitajiet adegwati għall-iġjene personali, bħal tojlits, kmamar fejn wieħed ibiddel u friskaturi għall-persunal;
(c) ikollhom arranġamenti xierqa għall-protezzjoni kontra ħlejjaq li jagħmlu l-ħsara, bħal ma huma insetti, annimali gerriema u għasafar;
(d) iżommu l-apparat u t-tagħmir f’kondizzjoni tajba u jiżguraw li t-tagħmir tal-kejl jiġi kkalibrat regolarment; u
(e) ikollhom arranġamenti xierqa għat-tindif u għad-diżinfettar tal-kontejners u l-vetturi fil-post biex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni;
2. Kull persuna li taħdem fl-istabbilimenti jew fl-impjanti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun liebsa lbies xieraq, nadif u, fejn ikun meħtieġ, protettiv.
Fejn ikun il-każ, fi stabbilimenti jew impjanti partikolari:
(a) persuni li jaħdmu fil-partijiet li ma jkunux nodfa m’għandhomx jidħlu fil-partijiet nodfa qabel ma jkunu biddlu l-ħwejjeġ tax-xogħol u ż-żraben tagħhom jew qabel ma jkunu ddiżinfettawhom;
(b) it-tagħmir u l-makkinarju m’għandux jittieħed mill-parti mhux nadifa għall-parti nadifa jekk ma jitnaddafx jew jiġi ddiżinfettat qabel; kif ukoll
(c) l-operatur għandu jistabbilixxi proċedura fir-rigward taċ-ċaqliq tal-persuni sabiex il-moviment tagħhom jiġi kkontrollat u biex jiġi spjegat l-użu tajjeb ta’ banjijiet għall-ħasil tal-bwiez u tar-roti.
3. Fl-istabbilimenti jew fl-impjanti li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 24(1)(a):
(a) il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu ttrattati b’mod li jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;
(b) il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu pproċessati mill-aktar fis. Wara l-ipproċessar, il-prodotti derivati għandhom jiġu ttrattati u maħżuna b’mod li jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;
(c) fejn ikun xieraq, waqt l-ipproċessar applikat għall-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati, kull parti tal-prodott sekondarju tal-annimali u tal-prodotti derivati għandha tiġi ttrattata b’temperatura stabbilita għal perjodu ta’ żmien biex jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;
(d) l-operaturi għandhom jiċċekkjaw regolarment il-parametri applikabbli, b’mod partikolari t-temperatura, il-pressa, il-ħin, id-daqs tal-partikoli, fejn ikun il-każ b’apparat awtomatiku;
(e) għandhom jiġu stabbiliti u dokumentati l-proċeduri ta’ tindif għall-partijiet kollha tal-istabbiliment jew l-impjant.
Artikolu 26
It-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi stabbilimenti tal-ikel
1. It-trattament, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi stabbilimenti approvati jew reġistrati b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jew b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 għandhom isiru bil-kondizzjonijiet li tiġi evitata t-transkontaminazzjoni u, skont il-każ, f’parti dedikata tal-istabbiliment jew tal-impjant.
2. Materja prima għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kolaġen li ma tkunx intiża għall-konsum tal-bniedem tista’ tinħażen, tiġi ttrattata jew ipproċessata fl-istabbilimenti awtorizzati b’mod speċifiku b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 853/2004, Anness III, Taqsima XIV, Kapitolu I, punt 5, u Taqsima XV, Kapitolu I, punt 5, sakemm jiġi evitat ir-riskju li jittieħed xi mard billi din il-materja prima tinfired mill-materja prima għall-produzzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali.
3. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw bla ħsara għal rekwiżiti aktar speċifiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja.
Artikolu 27
Miżuri ta’ implimentazzjoni
Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima u tat-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu, marbuta ma’ dan li ġej:
(a) rekwiżiti ta’ infrastruttura u tagħmir applikabbli fl-istabbilimenti jew fl-impjanti;
(b) rekwiżiti tal-iġjene applikabbli għal kull xorta ta’ trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, fosthom miżuri li jimmodifikaw ir-rekwiżiti tal-iġjene għall-istabbilimenti jew impjanti msemmija fl-Artikolu 25(1);
(c) kondizzjonijiet u rekwiżiti tekniċi għall-immaneġġjar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati u kondizzjonijiet għat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ;
(d) evidenza li għandha tiġi ppreżentata mill-operatur għall-iskop ta’ validazzjoni tat-trattament, it-trasformazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati, rigward il-kapaċità tagħhom li jevitaw riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;
(e) kondizzjonijiet għall-immaneġġjar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati ta’ aktar minn kategorija waħda msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10 fl-istess stabbilimenti jew impjant:
(i) fejn dawn l-operazzjonijiet jitwettqu separatament;
(ii) fejn dawn l-operazzjonijiet jitwettqu temporanjament f’ċerti ċirkostanzi;
(f) kondizzjonijiet biex tiġi evitata t-transkontaminazzjoni meta l-prodotti sekondarji tal-annimali jinħażnu, jiġu trattati jew ipproċessati f’parti għaliha tal-istabbiliment jew l-impjant imsemmija fl-Artikolu 26;
(g) parametri ta’ trasformazzjoni standard għall-impjanti tal-bijogass u kompost;
(h) ir-rekwiżiti applikabbli għall-inċinerazzjoni jew għall-koinċinerazzjoni f’impjanti ta’ kapaċità kbira u żgħira kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(b) u (c); u
(i) ir-rekwiżiti applikabbli għall-kombustjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(d).
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).
Taqsima 3
Kontrolli tal-operaturi stess u l-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll
Artikolu 28
Kontrolli tal-operaturi stess
L-operaturi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jibqgħu jagħmlu l-kontrolli tagħhom stess fl-istabbilimenti jew l-impjanti tagħhom biex jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jiżguraw li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jkunu ssuspettati jew misjuba li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament ma joħorġu mill-istabbiliment jew l-impjant, sakemm ma jkunux destinati għar-rimi.
Artikolu 29
L-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll
1. L-operaturi li jwettqu waħda mill-attivitajiet li ġejjin għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti bil-miktub ibbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) għal:
(a) l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;
(b) it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali f’bijogass u kompost;
(c) l-immaneġġjar u l-ħżin ta’ aktar minn kategorija waħda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fl-istess stabbiliment jew impjant;
(d) il-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi.
2. L-operaturi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari:
(a) jidentifikaw kull periklu li għandu jiġi evitat, eliminat jew imnaqqas għal livelli aċċettabbli;
(b) jidentifikaw il-punti kritiċi ta’ kontroll fil-mument jew mumenti li fih jew fihom il-kontroll huwa essenzjali biex ikun evitat jew eliminat periklu jew biex dan jitnaqqas għal livell aċċettabbli;
(c) jistabbilixxu limiti kritiċi f’punti kritiċi ta’ kontroll li jisseparaw dak li hu aċċettabbli minn dak li mhux aċċettabbli għall-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis ta’ perikli identifikati;
(d) jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri effikaċi ta’ sorveljanza fil-punti kritiċi ta’ kontroll;
(e) jistabbilixxu azzjonijiet korrettivi f’każ li s-sorveljanza turi li punt kritiku ta’ kontroll ma jkunx ikkontrollat;
(f) jistabbilixxu proċeduri biex jivverifikaw jekk il-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (e) humiex kompleti u jaħdmux b’mod effikaċi. Għandhom isiru proċeduri ta’ verifika regolarment;
(g) jistabbilixxu dokumenti u reġistri proporzjonati għan-natura u d-daqs tan-negozji biex juru l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri stipulati fil-punti (a) sa (f).
3. Meta ssir xi modifika fil-prodott, fil-proċess, jew fi kwalunkwe fażi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-ħżin jew tad-distribuzzjoni, l-operaturi għandhom jirrivedu l-proċeduri u jagħmlu l-bidliet li jkunu meħtieġa.
4. Jistgħu jiġu adottati miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).
Artikolu 30
Gwidi nazzjonali għal prattika tajba
1. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp, it-tixrid u l-użu volontarju ta’ gwidi nazzjonali għal prattika tajba, b’mod partikolari għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP, kif imsemmi fl-Artikolu 29. L-operaturi jistgħu jużaw dawn il-gwidi volontarjament.
2. L-awtorità kompetenti għandha tevalwa l-gwidi nazzjonali sabiex tiżgura:
(a) li jkunu ġew żviluppati b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jintlaqtu b’mod sostanzjali, u li jkunu nxterdu mis-setturi tal-operaturi; kif ukoll
(b) li l-kontenuti tagħhom ikunu prattiċi għas-setturi li jirriferu għalihom.
KAPITOLU II
Tqegħid fis-suq
Taqsima 1
Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet minbarra annimali bil-pil
Artikolu 31
Tqegħid fis-suq
1. Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet, minbarra annimali bil-pil, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm:
(a) ikunu jew ikunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3 ħlief materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);
(b) ikunu nġabru jew ġew ipproċessati, kif xieraq, skont il-kondizzjonijiet għall-isterilizzazzjoni bil-pressa jew kondizzjonijiet oħrajn biex jiġu pprevenuti riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali b’konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikolu 15 umiżuri li ġew stipulati b’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; kif ukoll
(c) ikunu ġejjin minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati, kif xieraq għall-prodott sekondarju tal-annimali jew prodott derivat ikkonċernat.
2. Miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti rigward il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali għall-ġbir, l-ipproċessar u t-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1.
Dawn il-miżuri, mfasslamfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Taqsima 2
Fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija
Artikolu 32
Tqegħid fis-suq u użu
1. Fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm:
(a) ikunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3;
(b) ikunu ġew prodotti skont il-kondizzjonijiet għall-isterilizzazzjoni bil-pressa jew kondizzjonijiet oħrajn biex jiġu pprevenuti riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, b’konformità mar-rekwiżiti stipulati skont l-Artikolu 15 u miżuri li ġew stipulati b’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;
(c) ikunu ġejjin minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati, kif applikabbli; u
(d) fil-każ ta’ ikel mil-laħam u l-għadam imfarrak li jkunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 2 u proteini pproċessati tal-annimali intiżi biex jintużaw bħala fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija jew fil-fertilizzanti, ikunu tħalltu b’komponent li jeskludi l-użu sussegwenti tat-taħlita għal finijiet ta’ tagħlif u ġew immarkati meta jkun meħtieġ mill-miżuri adottati taħt il-paragrafu 3.
Addizzjonalment, ir-residwi diġestivi mit-trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jiġu użati bħala fertilizzanti organiċi jew bħala prodotti li jtejbu l-ħamrija.
L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jirrestrinġu jew jimponu kondizzjonjiet addizzjonali fuq l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija, sakemm regoli bħal dawn ikunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.
2. B’deroga mill-punt (d) tal-paragrafu 1, it-taħlit m’għandux ikun meħtieġ għal materjal li l-użu tiegħu għall-finijiet ta’ tagħlif ikun eskluż minħabba l-kompożizzjoni jew l-imballaġġ tiegħu.
3. Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu marbuta ma’ dan li ġej:
(a) kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-pubbliku u tal-annimali għall-produzzjoni u l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija;
(b) komponenti jew sustanzi għall-immarkar ta’ fertilizzanti jew prodotti li jtejbu l-ħamrija;
(c) komponenti li jridu jitħalltu ma’ fertilizzanti organiċi jew prodotti li jtejbu l-ħamrija;
(d) kondizzjonijiet supplimentari, bħall-metodi li jridu jintużaw għall-immarkar u l-proporzjonijiet minimi li jridu jiġu osservati fit-tħejjija tat-taħlita, sabiex jiġi eskluż l-użu ta’ fertilizzanti jew prodotti li jtejbu l-ħamrija bħal dawn għal finijiet ta’ tagħlif; u
(e) każijiet fejn il-kompożizzjoni jew l-imballaġġ jippermettu lill-materjal li jiġi eżentat mir-rekwiżit tat-taħlit.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(4).
Taqsima 3
Prodotti derivati regolati minn leġiżlazzjoni komunitarja oħra
Artikolu 33
Tqegħid fis-suq
L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq il-prodotti derivati li ġejjin:
(a) prodotti kożmetiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/768/KEE;
(b) tagħmir mediku attiv li jiġi impjantat kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 90/385/KEE;
(c) tagħmir mediku kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/42/KEE;
(d) tagħmir in vitro mediku ta’ dijanjożi kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 98/79/KE;
(e) prodotti mediċinali veterinarji kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/82/KE;
(f) prodotti mediċinali kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE.
Artikolu 34
Manifattura
1. L-importazzjoni, il-ġbir u l-moviment ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għall-istabbilimenti jew l-impjanti għall-manifattura tal-prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 33 u l-manifattura ta’ dawk il-prodotti derivati għandhom jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija f’dak l-Artikolu.
Materjal li ma ntużax minn dawn l-istabbilimenti jew impjanti għandu jintrema skont dik il-leġiżlazzjoni.
2. Madankollu, dan ir-Regolament għandu japplika fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija fl-Artikolu 33 ma tistipulax kondizzjonijiet li jikkontrollaw riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali skont l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.
Taqsima 4
Prodotti derivati oħrajn
Artikolu 35
It-tqegħid fis-suq tal-ikel tal-annimali domestiċi
L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq ikel għall-annimali domestiċi sakemm:
(a) il-prodotti jkunu ġejjin:
(i) minn materjal tal-Kategorija 3, hlief materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);
(ii) fil-każ ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun ġie impurtat jew ta’ ikel għall-annimali domestiċi magħmul minn materjal impurtat, mill-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(c), suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40; jew
(iii) fil-każ ta’ ikel nej għall-annimali domestiċi, minn materjal imsemmi fl-Artikolu 10(a) u (b)(i) u (ii); u
(b) jiżguraw il-kontroll ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali bi trattament sikur b’konformità mal-Artikolu 38, fejn is-sorsi sikuri skont l-Artikolu 37 ma jiżgurawx kontroll suffiċjenti.
Artikolu 36
It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati oħrajn
L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq prodotti derivati, ħlief il-prodotti msemmija fl-Artikoli 31, 32, 33 u 35, sakemm:
(a) dawk il-prodotti:
(i) ma jkunux maħsuba għal użu għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet jew għall-applikazzjoni fuq art minn fejn se jieklu dawn l-annimali; jew
(ii) ikunu maħsuba għal tagħlif għall-annimali tal-pil; u
(b) jiżguraw il-kontroll ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali billi:
(i) jintużaw sorsi sikuri b’konformità mal-Artikolu 37;
(ii) ikun hemm trattament sikur skont l-Artikolu 38, meta l-użu ta’ sorsi sikuri ma jiżgurax kontroll suffiċjenti; jew
(iii) jiġi vverifikat li l-prodotti jintużaw biss għal użi finali sikuri skont l-Artikolu 39 meta trattament sikur ma jiżgurax kontroll suffiċjenti.
Artikolu 37
Użu ta’ sorsi sikuri
1. L-użu ta’ sorsi sikuri għandu jinkludi l-użu ta’ materjal:
(a) li ma joħloq l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;
(b) li jkun inġabar u nġarr mill-punt tal-ġbir għall-istabbiliment jew l-impjant tal-manifattura skont kondizzjonijiet li jeskludu riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali; jew
(c) li jkun ġie importat fil-Komunità u nġarr mill-punt tal-ewwel dħul għall-istabbiliment jew l-impjant tal-manifattura skont kondizzjonijiet li jeskludu riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;
2. Għall-fini ta’ użu ta’ sorsi sikuri, l-operaturi għandhom jipprovdu d-dokumentazzjoni tar-rekwiżiti tal-paragrafu 1, inkluż, fejn hemm bżonn, prova tas-sigurtà tal-miżuri ta’ bijosikurezza meħuda sabiex jeskludu l-ħolqien ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali mill-materjal tal-bidu.
Dokumentazzjoni bħal din għandha tinżamm disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti malli jitolbuha.
Fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, il-konsenji għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jikkorrispondi għal mudell adottat b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).
Artikolu 38
Trattament sikur
Trattament sikur għandu jinkludi applikazzjoni ta’ proċess ta’ manifattura għall-materjal użat li jnaqqas għal livell aċċettabbli r-riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li jinħolqu mill-materjal użat jew minn sustanzi oħrajn li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura.
Għandu jkun żgurat li l-prodott derivat ma joħloq l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, b’mod partikolari permezz tal-ittestjar tal-prodott finali.
Artikolu 39
Użi finali sikuri
Użi finali sikuri għandhom jinkludu l-użu ta’ prodotti derivati:
(a) skont kondizzjonijiet li ma joħolqu l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali; jew
(b) li jistgħu joħolqu riskju lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, għal finijiet speċifiċi sakemm użu bħal dan ikun iġġustifikat mill-għanijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari għall-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.
Artikolu 40
Miżuri ta’ implimentazzjoni
Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima marbuta ma’ dan li ġej:
(a) kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun ġie impurtat jew ta’ ikel għall-annimali domestiċi magħmul minn materjal impurtat, mill-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(c);
(b) kondizzjonijiet għall-użu sikur tas-sorsi u l-moviment tal-materjal li jrid jintuża skont kondizzjonijiet li jeskludu r-riskji fuq is-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;
(c) dokumentazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2);
(d) parametri għall-proċess ta’ manifattura kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 38, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ trattamenti fiżiċi u kimiċi għall-materjal użat;
(e) rekwiżiti għall-ittestjar applikabbli għall-prodott finali; u
(f) kondizzjonijiet għall-użu sikur ta’ prodotti derivati li joħolqu riskju lis-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
KAPITOLU III
Importazzjoni, transitu u esportazzjoni
Artikolu 41
Importazzjoni u transitu
1. Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandhom ikunu importati fil-Komunità, jew mibgħuta fi transitu permezz tagħha, skont:
(a) ir-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu għall-prodott sekondarju tal-annimali partikolari jew prodott derivat li huma tal-inqas stretti daqs dawk applikabbli għall-produzzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħal dawn fi ħdan il-Komunità;
(b) kondizzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħal dawn skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja; jew
(c) fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 35 u 36, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-Artikoli.
Il-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-importazzjoni u t-transitu ta’:
(a) materjal ta’ riskju speċifikat għandu jseħħ biss b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(b) prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;
(c) materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u prodotti derivati minnhom li mhumiex maħsuba għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 35 u 36 għandu jseħħ biss jekk ikunu ġew adottati r-regoli għall-importazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 42(2)(a);
(d) prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) għandhom iseħħu skont il-miżuri nazzjonali li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, sakemm jiġu adottati l-kondizzjonijiet armonizzati msemmija fl-Artikolu 17(2).
3. Fil-każ ta’ importazzjoni u transitu ta’ materjal tal-Kategorija 3 u prodotti derivati minnhom, ir-rekwiżiti rilevanti kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti.
Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jispeċifikaw li l-konsenji:
(a) iridu jiġu minn pajjiż terz jew parti minn pajjiż terz elenkat taħt il-paragrafu 4;
(b) iridu jiġu minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tal-oriġini u elenkati minn dik l-awtorità għal dik il-fini; u
(c) iridu jkunu akkumpanjati f’dak il-punt tad-dħul fil-Komunità fejn il-kontrolli veterinarji jsiru permezz tad-dokumentazzjoni bħal dokument kummerċjali jew ċertifikat tas-saħħa u fejn ikun xieraq permezz ta’ dikjarazzjoni, li tikkorrispondi għal mudell stabbilit skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2).
Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Sa meta r-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u (c) tat-tieni subparagrafu jiġu adottati, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dawk ir-rekwiżiti f’miżuri nazzjonali.
4. Listi ta’ pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi minn fejn jistgħu jiġu importati prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jistgħu jkunu importati jew fi transitu mill-Komunità skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu:
(a) il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz;
(b) l-organizzazzjoni tal-awtorità kompetenti u s-servizzi tal-ispezzjoni tagħha fil-pajjiż terz, il-poteri ta’ dawk is-servizzi, is-sorveljanza li għaliha huma suġġetti, u l-awtorità tagħhom li jimmonitorjaw effettivament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom;
(c) il-kondizzjonijiet tas-saħħa effettivi applikati għall-produzzjoni, manifattura, immaniġġar, ħażna u dispaċċ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-Komunità;
(d) l-assigurazzjonijiet li l-pajjiż terz jista’ jagħti rigward konformità mal-kondizzjonijiet tas-saħħa rilevanti;
(e) l-esperjenza ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mill-pajjiż terz u r-riżultati ta’ kontrolli ta’ importazzjonijiet imwettqa;
(f) ir-riżultat ta’ ispezzjonijiet Komunitarji fil-pajjiż terz;
(g) l-istat tas-saħħa tal-bhejjem ħajjin, annimali domestiċi u selvaġġi fil-pajjiż terz, b’kunsiderazzjoni partikolari għal mard eżotiku tal-annimali u aspetti tas-sitwazzjoni ġenerali tas-saħħa fil-pajjiż li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali fil-Komunità;
(h) ir-regolarità u l-ħeffa li biha l-pajjiż terz iforni t-tagħrif dwar l-eżistenza ta’ mard tal-annimali infettuż fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari l-mard elenkat fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali;
(i) ir-regolamenti dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard tal-annimali infettuż fis-seħħ fil-pajjiż terz u l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi regoli dwar importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn.
Il-listi ta’ stabbilimenti jew impjanti msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 għandhom jinżammu aġġornati u komunikati lill-Kummissjoni u l-Istati Membri u jkunu disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 42
Miżuri ta’ implimentazzjoni
1. Għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 41 li jistgħu jeskludu prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati manifatturati f’ċerti stabbilimenti jew impjanti milli jiġu impurtati jew milli jgħaddu bi transitu sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali, b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).
2. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri oħra għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 41, marbuta ma’ dan li ġej:
(a) kondizzjonijiet għall-importazzjoni u t-transitu ta’ materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 u għal prodotti derivati minnhom;
(b) restrizzjonijiet rigward is-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali applikabbli għal materjal tal-Kategorija 3 jew prodotti derivati minnhom li jistgħu jkunu stipulati b’referenza għal listi Komunitarji ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minn pajjiżi terzi mfassla skont l-Artikolu 41(4) jew għal finijiet oħrajn ta’ saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali;
(c) kondizzjonijiet għall-manifattura ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fi stabbilimenti jew impjanti f’pajjiżi terzi; kondizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu l-arranġamenti għall-kontrolli ta’ stabbilimenti jew impjanti bħal dawn mill-awtorità kompetenti kkonċernata u jistgħu jeżentaw ċerti tipi ta’ stabbilimenti jew impjanti li jimmaniġġaw il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati minn approvazzjoni jew reġistrazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(3); u
(d) mudelli għaċ-ċertifikati tas-saħħa, għad-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet kummerċjali li għandhom jakkumpanjaw il-konsenji, u li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom jistgħu jistqarru li l-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati kkonċernati nġabru jew ġew manifatturati skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
Artikolu 43
Esportazzjoni
1. L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati destinati għall-inċinerazzjoni jew għal-landfill għandha tkun ipprojbita.
2. L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għal pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-OECD għall-użu f’impjant tal-bijogass jew kompost għandha tkun ipprojbita.
3. Materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u prodotti derivati minnhom għandhom ikunu esportati biss għal finijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 bil-kondizzjoni li r-regoli għall-esportazzjoni tagħhom ikunu ġew stabbiliti.
Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
4. L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jikkonċerna ikel u għalf esportat mill-Komunità għandu japplika mutatis mutandis għall-esportazzjoni ta’ materjal tal-Kategorija 3 jew prodotti derivati minnhom b’konformità ma’ dan ir-Regolament.
5. B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-esportazzjoni ta’:
(a) materjal ta’ riskju speċifikat għandu jseħħ biss b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 999/2001;
(b) prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.
TITOLU III
KONTROLLI UFFIĊJALI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
KAPITOLU I
Kontrolli uffiċjali
Artikolu 44
Proċedura għall-approvazzjoni
1. L-awtorità kompetenti għandha tapprova stabbilimenti jew impjanti biss wara li żjara fuq il-post, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe attività, tkun uriet li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 27.
2. L-awtorità kompetenti tista’ tagħti l-approvazzjoni bil-kondizzjoni li jkun jidher li, wara ż-żjara fuq il-post, l-istabbilment jew l-impjant ikun jissodisfa r-rekwiżiti kollha fir-rigward tal-infrastruttura u t-tagħmir sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-proċeduri operattivi b’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-approvazzjoni sħiħa għandha tingħata biss jekk ikun jidher li, wara li tkun saret żjara oħra fuq il-post fi żmien tliet xhur wara l-għoti tal-approvazzjoni bil-kondizzjoni msemmija qabel, l-istabbilment jew l-impjant ikun jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra msemmija fil-paragrafu 1. Jekk ikun sar progress biċ-ċar, iżda l-istabbiliment jew l-impjant ikun għadu ma ssodisfax dawn ir-rekwiżiti kollha, l-awtorità kompetenti tista’ ttawwal l-approvazzjoni b’kondizzjoni. Madankollu, l-approvazzjoni b’kondizzjoni m’għandhiex taqbeż is-sitt xhur.
3. L-operaturi għandhom jiggarantixxu li stabbiliment jew impjant ma jibqax jopera jekk l-awtorità kompetenti tirtira l-approvazzjoni tagħha jew, fil-każ ta’ approvazzjoni b’kondizzjoni, tonqos li testendiha jew tagħti l-approvazzjoni sħiħa.
▼M3 —————
Artikolu 46
Sospensjonijiet, irtiri u projbizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet
1. Jekk il-kontrolli u s-superviżjoni uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti jiżvelaw li wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mhumiex sodisfatti, hija għandha tieħu azzjoni xierqa.
L-awtorità kompetenti għandha b’mod partikolari, skont il-każ tan-natura u l-gravità tad-defiċjenzi u skont ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali:
(a) tissospendi l-approvazzjonijiet ta’ stabbilimenti jew impjanti approvati skont dan ir-Regolament, jekk:
(i) il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni jew l-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant ma baqgħux jiġu sodisfatti;
(ii) l-operatur jista’ jkun mistenni jirrimedja d-defiċjenzi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; u
(iii) ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ma jirrikjedux azzjoni skont il-punt (b);
(b) tirtira l-approvazzjonijiet ta’ stabbilimenti jew impjanti approvati skont dan ir-Regolament, jekk:
(i) il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni jew l-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant ma baqgħux jiġu sodisfatti; u
(ii) l-operatur ma jistax ikun mistenni jirrimedja d-defiċjenzi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;
— għal raġunijiet marbuta mal-infrastruttura tal-istabbiliment jew l-impjant;
— għal raġunijiet relatati mal-kapaċità personali tal-operatur jew il-persunal taħt is-superviżjoni tiegħu, jew
— minħabba riskji serji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li tirrikjedi aġġustamenti kbar għall-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant qabel ma l-operatur ikun jista’ japplika għal approvazzjoni mill-ġdid;
(c) timponi kondizzjonijiet speċifiċi fuq stabbilimenti jew impjanti sabiex jissewwew defiċjenzi eżistenti.
2. L-awtorità kompetenti għandha, skont il-każ tan-natura u l-gravità tad-defiċjenzi u skont ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, tipprojbixxi temporanjament jew permanentement operaturi msemmija fl-Artikolu 23(1) u (3) u fl-Artikolu 24(1), milli jwettqu operazzjonijiet skont dan ir-Regolament, kif xieraq, wara r-riċezzjoni ta’ tagħrif li jindika:
(a) li r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mhumiex sodisfatti; u
(b) riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali li jiġu minn operazzjonijiet bħal dawn.
Artikolu 47
Listi
1. Kull Stat Membru għandu jfassal lista ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi li ġew approvati jew reġistrati skont dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tiegħu.
Huwa għandu jassenja numru uffiċjali lil kull stabbiliment, impjant jew operatur approvat jew reġistrat, li jidentifika l-istabbiliment, l-impjant jew l-operatur fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet tiegħu.
L-Istati Membri għandhom jindikaw, jekk ikun applikabbli, numru uffiċjali li ngħata lill-istabbiliment, impjant jew operatur skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-listi ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi approvati jew reġistrati disponibbli għall-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn.
L-Istati Membri għandhom iżommu l-listi ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi approvati jewreġistrati aġġornati u jagħmluhom disponibbli għal Stati Membri oħrajn u għall-pubbliku.
2. Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), b’mod partikolari dwar:
(a) il-format għal-listi msemmija fil-paragrafu 1; u
(b) il-proċedura biex il-listi msemmija fil-paragrafu 1 isiru disponibbli.
Artikolu 48
Kontrolli għad-dispaċċ lejn Stati Membri oħrajn
1. Meta operatur ikun bi ħsiebu jibgħat materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam jew xaħam tal-annimali li jkun ġej minn materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 lejn Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jiddeċiedi mal-applikazzjoni mill-operatur, f’perjodu speċifiku ta’ żmien:
(a) li jirrifjuta l-wasla tal-konsenja;
(b) li jaċċetta l-konsenja bla kondizzjoni; jew
(c) li jirrikonoxxi r-riċezzjoni tal-konsenja tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(i) jekk il-prodotti derivati ma jkunux għaddew minn sterilizzazzjoni bil-pressa, ikollhom jgħaddu minn dan it-trattament; jew
(ii) il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati jridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għad-dispaċċ tal-konsenja li jkunu ġġustifikati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jkunu maniġġati b’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. Għandhom jiġu adottati formati għall-applikazzjonijiet minn operaturi msemmija fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).
3. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema Traces b’konformità mad-Deċiżjoni 2004/292/KE, tad-dispaċċ ta’ kull konsenja mibgħuta lill-Istat Membru tad-destinazzjoni, ta’
(a) prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1;
(b) proteini tal-annimali pproċessati ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3.
Meta tiġi infurmata bid-dispaċċ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bil-wasla ta’ kull konsenja permezz tas-sistema Traces.
4. Il-materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2, ikel ta’ laħam u għadam u xaħam tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trasportati direttament lejn lill-impjant ta’ destinazzjoni, li kellu jkun reġistrat jew approvat skont l-Artikoli 23, 24 u 44 jew, fil-każ ta’ demel, lir-razzett ta’ destinazzjoni.
5. Meta prodotti sekondarji jew prodotti derivati jintbagħtu lil Stati Membri oħrajn permezz tat-territorju ta’ pajjiż terz, huma għandhom jintbagħtu b’konsinja li ġew issiġillati fl-Istat Membru tal-oriġini u għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa.
Il-konsenji ssiġillati għandhom jerġgħu jidħlu fil-Komunità biss permezz ta’ post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera, b’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/662/KEE.
6. Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 5, il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fihom li tħalltu jew ġew ikkontaminati ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħrajn suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.
7. Għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu marbuta ma’ dan li ġej:
(a) perjodu ta’ żmien speċifiku għad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti kif imsemmi fil-paragrafu 1;
(b) kondizzjonijiet supplimentari għad-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 4;
(c) mudelli għaċ-ċertifikati tas-saħħa li jridu jakkumpanjaw il-konsenji mibgħuta taħt il-paragrafu 5; u
(d) kondizzjonijiet li bihom il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati maħsuba biex jintużaw f’wirjiet, attivitajiet artistiċi, u għal skopijiet dijanjostiċi, edukattivi jew ta’ riċerka jistgħu jintbagħtu lil Stati Membri oħra, permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa5 ta’ dan l-Artikolu.
Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
8. Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom, permezz tad-deroga mill-paragrafi 1 sa 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu:
(a) id-dispaċċ ta’ demel trasportat bejn żewġ postijiet li jinsabu fl-istess razzett jew bejn irziezet li jinsabu f’reġjuni fil-fruntiera ta’ Stati Membri li jaqsmu fruntiera bejniethom;
(b) id-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali oħrajn trasportati bejn stabbilimenti jew impjanti li jinsabu f’reġjuni fil-fruntiera ta’ Stati Membri li jaqsmu fruntiera bejniethom; u
(c) it-trasport ta’ annimal domestiku mejjet għall-inċinerazzjoni lejn stabbiliment jew impjant li jinsab f’reġjun fil-fruntiera ma’ Stat Membru ieħor li jaqsam fruntiera komuni.
Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).
▼M3 —————
KAPITOLU VII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 51
Dispożizzjonijiet nazzjonali
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw taħt il-kompetenza tagħhom li tikkonċerna direttament l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 51a
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-15 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien ta' tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal estensjoni bħal din mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 3 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma informaw lill-Kummissjoni li ma kinux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 52
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.
4. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
5. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
L-iskadenzi stipulati fl-Artikoli 5a(3)(c), (4)(b) u (4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu ta’ xahrejn, xahar u xahrejn rispettivament.
6. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 53
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penalitajiet stipulati jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet sal-4 ta’ Ġunju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.
Artikolu 54
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huwa b’dan imħassar b’effett mill-4 ta’ Marzu 2011.
Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness.
Artikolu 55
Miżura transitorja
L-istabbilimenti, impjanti u utenti approvati jew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel l-4 ta’ Marzu 2011 għandhom jitqiesu bħala approvati jew reġistrati, kif meħtieġ, skont dan ir-Regolament.
Artikolu 56
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011.
Madankollu, l-Artikolu 4 għandu japplika għall-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem “il-Majott”), mill-1 ta' Jannar 2021. Il-prodotti sekondarji u l-prodotti derivati mill-annimali ġġenerati fil-Majott qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom jintremew f'konformità mal-Artikolu 19(1)(b) ta' dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 u 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 4(1) u (2) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 41(3), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 4(3), (4) u (5) |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 8 |
Artikolu 4(2) |
Artikoli 12, 15 u 16 |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 24(h), (i) u (j) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 41(2)(c), Artikolu 43(3) u (5)(a) |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 9 |
Artikolu 5(2) |
Artikoli 13, 15 u 16 |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 24(h), (i) u (j) |
Artikolu 5(4) |
Artikolu 41(2)(c) u Artikolu 43(3) |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 10 |
Artikolu 6(2) |
Artikoli 14, 15 u 16 |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 24(h), (i) u (j) |
Artikolu 7 |
Artikolu 21 |
Artikolu 8 |
Artikolu 48 |
Artikolu 9 |
Artikolu 22 |
Artikoli 10 sa 15, 17 u 18 |
Artikoli 23, 24, 27 u44 |
Artikolu 16 |
Artikolu 6 |
Artikolu 19 |
Artikolu 31 |
Artikolu 20(1) |
Artikoli 35 u 36 |
Artikolu 20(2) |
Artikolu 32 |
Artikolu 20(3) |
Artikolu 36 |
Artikolu 21 |
— |
Artikolu 22 |
Artikolu 11 |
Artikolu 23 |
Artikoli 17 u 18 |
Artikolu 24 |
Artikolu 19 |
Artikolu 25 |
Artikoli 28 u 29 |
Artikolu 26 |
Artikoli 45, 46 u 47 |
Artikolu 27 |
Artikolu 49 |
Artikolu 28 |
Artikolu 35(a)(ii) u Artikolu 41(1) |
Artikolu 29 |
Artikoli 41 u 42 |
Artikolu 30 |
Artikoli 41(1)(b) |
Artikolu 31 |
Artikolu 50(1) |
Artikolu 32 |
— |
Artikolu 33 |
Artikolu 52 |
Artikolu 34 |
— |
Artikolu 35 |
Artikolu 15(2) u Artikolu 51 |
Artikolu 36 |
— |
Artikolu 37 |
Artikolu 54 |
Artikolu 38 |
Artikolu 56 |
( 1 ) Regolament ►C1 (UE) 2017/625 ◄ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ►C1 ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 ◄ ).
( 2 ) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33.
( 3 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.