 
               
            
            
            
               REX/551
            
            
               Qorti multilaterali tal-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istati
            
            
            
            
               OPINJONI
            
            
            
               Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
            
            
            
               Qorti multilaterali tal-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istati: valutazzjoni tal-proċess tal-UNCITRAL u l-kisbiet tiegħu fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
            
            
               (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
            
            
            
            
               Relatur: Christophe QUAREZ
            
            
            
            
            
               
                  | 
                        Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja
                      | 
                        20/1/2022
                      | 
               
                  | 
                        Bażi legali
                      | 
                        Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
                      | 
               
                  |  | 
                        Opinjoni fuq inizjattiva proprja
                      | 
               
                  |  |  | 
               
                  | 
                        Sezzjoni kompetenti
                      | 
                        Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
                      | 
               
                  | 
                        Adozzjoni fis-sezzjoni
                      | 
                        14/09/2022
                      | 
               
                  | 
                        Riżultat tal-votazzjoni
                           (favur/kontra/astensjonijiet)
 | 
                        70/0/1
                      | 
               
                  | 
                        Adozzjoni fil-plenarja
                      | 
                        DD/MM/YYYY
                      | 
               
                  | 
                        Sessjoni plenarja Nru
                      | 
                        …
                      | 
               
                  | 
                        Riżultat tal-votazzjoni
                           (favur/kontra/astensjonijiet)
 | 
                        .../.../...
                      | 
            
            
          
         
            
            
               
            
            
               1.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
            
            
            
               1.1Sistema ta’ protezzjoni tal-investiment internazzjonali effettiva u li tiffunzjona b’soluzzjoni ta’ tilwim hija fl-interess tal-KESE. Madankollu, il-KESE appoġġja l-kritika fil-konfront tas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investituri u l-Istati (ISDS) prevista fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment. Din il-kritika, li tqajmet mis-soċjetà ċivili, tikkonċerna l-aktar il-leġittimità, il-koerenza u t-trasparenza ta’ din is-sistema ta’ arbitraġġ. 
            
            
            
               1.2Il-KESE jieħu nota tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL), it-twaqqif possibbli ta’ qorti multilaterali tal-investiment. Madankollu, jiddispjaċih dwar il-fatt li n-negozjati li għaddejjin qed jiffukaw aktar fuq kwistjonijiet proċedurali milli fuq kwistjonijiet sostantivi.
            
            
            
               1.3Ħames snin wara dan l-ewwel proċess multilaterali ta’ riforma tal-ISDS, il-progress materjali kien limitat, ħlief għall-abbozzar ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, li d-dettalji tiegħu għad iridu jiġu ddeterminati. Il-komponent tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma strutturali tas-sistema tal-ISDS, li l-ħolqien ta’qorti multilaterali tal-investiment huwa propost bħala parti ċentrali tagħha, qed isibha diffiċli biex isib soluzzjoni kondiviża mill-Istati Membri kollha tal-UNCITRAL.
            
            
            
               1.4Fin-nuqqas ta’ kunsens bejn l-Istati Membri fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħalissa mhuwiex previst li tiġi riveduta l-liġi sostantiva. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli taħdem għar-riforma ta’ kwistjonijiet ta’ liġi sostantiva flimkien mar-regoli proċedurali. Fost il-kwistjonijiet sostantivi, dispożizzjonijiet vagi jew estensivi wisq ta’ trattament ġust u ekwu għandhom ikunu limitati għan-nondiskriminazzjoni u l-esproprjazzjoni diretta bħala elementi essenzjali tal-protezzjoni tal-investiment.
            
            
            
               1.5Barra minn hekk, huwa jappella biex jiġi żgurat li wħud mill-kwistjonijiet aktar trasversali jinżammu fuq il-mejda tan-negozjati, inkluż l-effett dissważiv tal-ISDS, l-eżawriment tar-rimedji lokali, u l-aċċess ta’ partijiet terzi, bħall-komunitajiet lokali milquta mill-investimenti. Ir-riżultati ta’ dan il-proċess għandhom ikunu reali u jagħmlu differenza. Il-proċess m’għandux ikun limitat għal ftit aġġustamenti tas-sistema ta’ arbitraġġ attwali tal-ISDS, li mbagħad jitqiesu bħala suċċess.
            
            
            
               1.6Il-KESE jinnota li r-riforma tar-regoli proċedurali (b’mod partikolari dwar it-trasparenza, ir-regoli dwar l-etika, l-aċċess għall-arbitraġġ u l-ispiża tal-arbitraġġ) madankollu twitti t-triq għal dibattitu dwar ir-riforma tar-regoli sostantivi.
            
            
            
               1.7Il-KESE jixtieq li l-mudell amicus curiae jinkludi interventi minn partijiet terzi mill-partijiet interessati kollha (bħar-residenti lokali, il-ħaddiema, it-trade unions, il-gruppi ambjentali jew il-konsumaturi), u jiżgura li l-imħallfin iqisuhom bis-sħiħ.
            
            
            
               1.8Il-KESE jilqa’ l-ħidma tal-OECD biex tqis il-kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta’ investiment, iżda jħeġġeġ sabiex hija twettaq il-ħidma tagħha billi tqis il-kwistjonijiet soċjali, b’mod partikolari billi tinkludi d-diliġenza dovuta bħala kriterju ta’ eliġibbiltà għall-investituri barranin.
            
            
            
               1.9Il-KESE enfasizza b’mod konsistenti (b’mod partikolari fl-Opinjoni REX/501 dwar Il-qorti multilaterali tal-investiment), li huwa essenzjali li l-qorti multilaterali tal-investiment bl-ebda mod ma taffettwa l-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet internazzjonali relatati mal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur. Iridu jiġu previsti wkoll salvagwardji proċedurali kontra talbiet li fil-mira tagħhom ikollhom leġiżlazzjoni nazzjonali fl-interess pubbliku; il-KESE jqis li dan l-objettiv jintlaħaq bl-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ prijorità u eċċezzjoni fl-interess pubbliku.
            
          
         
            
            
               1.10Il-KESE jinnota li għalkemm il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma III tal-UNCITRAL hija ffokata fuq elementi proċedurali, dan jista’ jkollu effetti pożittivi fil-futur, għal ġurisprudenza aktar ċara u stabbli, li jiffaċilita wkoll riforma tal-liġi sostantiva applikabbli fit-trattati dwar l-investiment.
            
            
            
               1.11Il-KESE jenfasizza li skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju u d-dritt internazzjonali tal-bniedem, l-individwi għandhom l-ewwel ifittxu rimedju quddiem il-qrati nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jressqu proċedimenti internazzjonali kontra Stat; jiddispjaċih, madankollu, li il-liġi internazzjonali dwar l-investiment ġeneralment ma tirrikjedix l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali. Il-KESE jinnota li din is-sistema tiddiskrimina kontra l-SMEs minħabba l-mezzi finanzjarji limitati tagħhom. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-proċess tal-UNCITRAL timbotta l-kwistjoni tal-eżawriment tar-rimedji lokali qabel kwalunkwe tressiq ta’ proċedimenti legali internazzjonali. L-ISDS għandha tiġi rikonoxxuta bħala rimedju straordinarju.
            
            
            
               1.12Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu li jkun involut aktar mill-qrib fil-ħidma tal-UNCITRAL.
            
            
            
               1.13Il-KESE jtenni l-ħtieġa li tinstab koerenza bejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli ambizzjużi stabbiliti mill-UE, u l-qafas għar-riforma tal-mudell tal-ISDS. Trattati mfassla ħażin jistgħu jfixklu l-progress, filwaqt li trattati dwar l-investiment imfassla tajjeb jistgħu jgħinu lis-soċjetajiet jegħlbu l-isfidi attwali. Jeħtieġ li niżviluppaw mudell ġdid għall-governanza tal-investiment internazzjonali li jimla d-distakk sinifikanti bejn is-sistema ta’ investiment minn naħa waħda u d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ambjent min-naħa l-oħra.
            
            
            
               2.Introduzzjoni
            
            
            
               2.1Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati (ISDS) hija mekkaniżmu preżenti f’ħafna ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u ftehimiet ta’ investiment internazzjonali, li jippermetti li tinstab soluzzjoni għat-tilwim relatat mal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ protezzjoni ta’ investiment.
            
            
            
               2.2Huwa mezz ta’ rimedju quddiem tribunal tal-arbitraġġ privat li jkun inbeda minn investitur barrani minn Stat kontraenti kontra Stat li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat inkwistjoni.
            
            
            
               2.3Arbitru wieħed jinħatar mill-kumpanija, it-tieni arbitru jinħatar mill-Istat u t-tielet wieħed mis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ.
            
            
            
               2.4Il-KESE diġà indirizza l-kwistjonijiet relatati mal-ISDS f’diversi okkażjonijiet
                  
               . L-għan ta’ din l-Opinjoni għalhekk mhuwiex li tanalizza l-lakuni u l-isfidi kollha tal-arbitraġġ tal-ISDS, iżda li teżamina u tieħu pożizzjoni dwar il-proċess ta’ riforma u modernizzazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ soluzzjoni tat-tilwim, li qed jiġi diskuss fl-UNCITRAL u li l-Kummissjoni Ewropea għandha rwol ċentrali fih.
            
            
            
               3.Kummenti ġenerali
            
          
         
            
            
               3.1Il-mudell tal-ISDS kien is-suġġett ta’ kritika frekwenti f’dawn l-aħħar snin u l-interess fir-riforma tat-trattati dwar l-investiment żdied b’mod kostanti, peress li qed jiġi kompromess id-dritt tal-Istati li jilleġiżlaw u qed tiġi sfidata l-leġittimità demokratika, il-ksur tal-istandards regolatorji Ewropej (fosthom dawk sanitarji, fitosanitarji, soċjali u ambjentali), jew in-newtralità u l-indipendenza tal-arbitri.
            
            
            
               3.2L-aktar problemi identifikati ta’ spiss jikkonċernaw in-nuqqas ta’ trasparenza fit-tilwim dwar l-investiment, in-nuqqas ta’ koerenza u prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, ir-rwol u l-indipendenza tal-arbitri, id-dubji dwar il-leġittimità tagħhom u l-effett deterrenti tas-sentenzi fuq is-setgħat regolatorji tal-Istat. L-effett dissważiv jirreferi b’mod partikolari għall-fatt li l-Istati jistgħu jżommu lura milli jadottaw leġiżlazzjoni, li tkun fl-interess pubbliku, minħabba biża’ ta’ esponiment, għad-detriment taċ-ċittadini u tal-kontribwenti tagħhom, għar-responsabbiltà li tirriżulta minn trattat ta’ investiment u għall-possibbiltà li jkollhom iħallsu somom kbar lill-investituri barranin f’każ ta’ litigazzjoni.
            
            
            
               3.3Il-kritika spiss tirrigwarda wkoll klawżoli dwar l-ISDS li fihom kunċetti vagi u wiesgħa wisq bħal “trattament ġust u ekwu” u “esproprjazzjoni indiretta”, li jistgħu joħolqu inċertezza legali u potenzjalment użu ħażin.
            
            
            
               3.4Bl-istess mod, il-prinċipju tal-ebda appell jew ta’ rikors għal annullament jew ta’ reviżjoni, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, jaffettwa d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Id-difetti ta’ dawn is-sistemi tradizzjonali tal-ISDS ġew sfruttati mill-investituri f’dawn l-aħħar snin, u dan wassal għal żieda bla preċedent fit-tilwim bejn l-investituri u l-Istati, żieda sinifikanti fit-talbiet tal-investituri u spejjeż għolja ta’ litigazzjoni.
            
            
            
               3.5Peress li l-isfidi attwali, bħat-tibdil fil-klima (li jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju), ir-risponsi għall-COVID-19, it-tranżizzjoni diġitali u t-tilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (inkluż il-kunċett ta’ xogħol deċenti), jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ investimenti internazzjonali u nazzjonali, huwa għalhekk meħtieġ li l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati jiġu riformati b’mod fundamentali.
            
            
            
               3.6Il-KESE jtenni l-ħtieġa li jkun hemm sistema ta’ protezzjoni tal-investiment internazzjonali moderna, effettiva u li tiffunzjona b’soluzzjoni tat-tilwim, iżda wkoll li tinkiseb koerenza bejn l-għanijiet ambizzjużi ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE, u l-qafas għar-riforma tal-mudell tal-ISDS. Trattati mfassla ħażin jistgħu jfixklu l-progress, filwaqt li trattati dwar l-investiment imfassla tajjeb jistgħu jgħinu lis-soċjetajiet jegħlbu l-isfidi attwali.
            
            
            
               4.Il-kwistjonijiet involuti fi ħdan l-Unjoni Ewropea
            
            
            
               4.1Il-kritika fir-rigward tal-mudell ISDS wasslet lill-Kummissjoni Ewropea biex tissostitwixxih fl-2015, bil-ħolqien ta’ korp permanenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment, imfassal speċifikament biex jindirizza t-tħassib imsemmi hawn fuq.
            
            
            
               4.2Għandu jiġi ċċarat li l-Kummissjoni, bil-ħolqien ta’ Qorti Multilaterali tal-Investiment, tindirizza biss kwistjonijiet proċedurali relatati mas-soluzzjoni tat-tilwim, iżda ma tweġibx bis-sħiħ għall-kritika sostantiva fir-rigward tal-ISDS.
            
            
            
               4.3Skont l-approċċ attwali ta’ riforma, kwistjonijiet sostantivi, bħal-liġi applikabbli jew ir-regoli ta’ interpretazzjoni, inkluża l-konformità ma’ obbligi internazzjonali oħra (pereżempju dawk relatati mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u mal-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti), se jkunu jistgħu jiġu indirizzati biss fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ investiment li għandhom jiġu applikati mill-Qorti Multilaterali tal-Investiment.
            
          
         
            
            
               4.4Għalhekk, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li anke jekk tinstab sistema ġdida għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-livell multilaterali, din ma ssolvix il-problema sostantiva tal-ftehimiet bilaterali dwar il-protezzjoni tal-investiment li fihom dispożizzjonijiet vagi jew wiesgħa wisq li jħallu lok għal abbuż (bħal dawk dwar it-trattament ġust u ekwu, inkluża l-esproprjazzjoni indiretta msemmija hawn fuq). Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ġust u ekwu jiġu limitati biss għan-nondiskriminazzjoni u l-esproprjazzjoni diretta, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex mhux biss tqis l-elementi proċedurali iżda wkoll tindirizza dawn il-kwistjonijiet ta’ liġi sostantiva applikabbli.
            
            
            
               4.5Il-karatterisrtiċi preċiżi tal-funzjonament tal-Qorti Multilaterali tal-Investiment (bħall-kompożizzjoni tagħha, il-baġit, il-possibbiltà li tiġi assistita minn segretarjat, eċċ.) se jiddependu mill-eżitu tan-negozjati li ġejjin bejn il-pajjiżi li jingħaqdu mas-sistema l-ġdida.
            
            
            
               5.Il-ħtieġa għal approċċ konsistenti mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u ġustizzja soċjali
            
            
            
               5.1Il-perċezzjoni pubblika u anke esperta attwali hija li hemm distakk sinifikanti bejn il-protezzjoni tal-investimenti, li hija legalment vinkolanti bi strumenti legali vinkolanti għall-infurzar tagħha, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, soċjali, ambjentali u tas-saħħa, li l-iskemi internazzjonali tagħhom huma parzjalment vinkolanti jew kompletament mhux vinkolanti, jew jekk vinkolanti, ma għandhomx strumenti għall-infurzar adegwat tagħhom.
            
            
            
               5.2Id-dibattitu dwar ir-riforma tas-sistema tal-ISDS irid iqis ukoll l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE li jirrieżaminaw il-pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il punt tal-2018
                  
               .
            
            
            
               5.3Il-KESE jilqa’ t-tnedija mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta’ inizjattiva
                  
                dwar il-futur tal-ftehimiet ta’ investiment li teżamina kif ftehimiet futuri jistgħu jindirizzaw l-isfidi identifikati hawn fuq, u jfasslu ideat ta’ riforma. Il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi klimatika hija fil-qalba ta’ din l-inizjattiva. Madankollu, huwa jħeġġeġ li l-ħidma tagħha tiġi kkomplementata billi jitqiesu l-kwistjonijiet soċjali, b’mod partikolari billi d-diliġenza dovuta ssir kriterju ta’ eliġibbiltà għall-investituri barranin.
            
            
            
               5.4Il-ħidma tal-OECD tinkludi stadji importanti ta’ 
               
                  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
               
                dwar il-Kwalitajiet tal-Investiment Dirett Barrani għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġiet adottata mill-Ministri tal-OECD f’Ġunju 2022. Din hija l-ewwel strument multilaterali li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika jsaħħu l-kontribut pożittiv tal-investiment internazzjonali għall-SDGs. Hija ssupplimentata mill-
               
                  Għodod tal-Politika tal-Kwalitajiet tal-Investiment Dirett Barrani
               
                u l-
               
                  Indikaturi tal-Kwalitajiet tal-Investiment Dirett Barrani 2022
               
            
            
            
               5.5L-istess bħall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA)
                  
                tal-Parlament Ewropew, il-KESE jqis li l-politika ta’ investiment tal-UE mhux biss għandha twieġeb għall-aspettattivi tal-investituri u tal-pajjiżi benefiċjarji, iżda wkoll għall-interessi ekonomiċi usa’ tal-Unjoni, u l-objettivi tal-politika esterna u l-prijoritajiet tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali, u tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali.
            
            
            
               5.6Il-KESE jenfasizza li skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju u d-dritt internazzjonali tal-bniedem, l-individwi għandhom l-ewwel ifittxu rimedju quddiem il-qrati nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jressqu proċedimenti internazzjonali kontra Stat; jiddispjaċih li, min-naħa l-oħra, il-liġi internazzjonali dwar l-investiment ġeneralment ma tirrikjedix l-eżawriment tar-rimedji nazzjonali qabel kwalunkwe tressiq ta’ proċedimenti internazzjonali.
            
            
            
               5.7Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina l-kwistjoni tal-eżawriment tar-rimedji nazzjonali.
            
          
         
            
            
               6.Ir-rwol tal-Grupp ta’ Ħidma III tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL)
            
            
            
               6.1Abbażi tal-mandat li ngħata l-Kunsill, il-Kummissjoni bdiet negozjati mal-Istati Membri tan-NU taħt l-awspiċi tal-UNCITRAL,fil-Grupp ta’ Ħidma III.
            
            
            
               6.2Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu li jkun aktar involut fil-ħidma tal-UNCITRAL.
            
            
            
               6.3F’Novembru 2017, l-UNCITRAL ta lill-Grupp ta’ Ħidma III tiegħu mandat wiesa’ biex jaħdem fuq ir-riforma possibbli tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati. Matul l-ewwel fażi tad-deliberazzjonijiet tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma III identifika għadd ta’ preokkupazzjonijiet.
            
            
            
               Fir-rigward tal-ispejjeż globali u t-tul ta’ żmien tal-ISDS
                  
               :
            
            
            
               ·Il-Grupp ta’ Ħidma ħa nota tal-analiżijiet ibbażati fuq l-informazzjoni limitata disponibbli, skont liema 80 sa 90 % tal-ispejjeż tal-ISDS kienu relatati mal-ispejjeż tar-rappreżentanza legali u t-tariffi tal-esperti, u l-ispejjeż ammontaw għal medja ta’ USD 8 miljun għal kull proċedura.
            
            
               ·Inġibdet attenzjoni partikolari għall-fatt li l-ispejjeż għoljin tal-proċeduri tal-ISDS iffinanzjati pubblikament kienu diffiċli biex jiġu ġġustifikati fil-każ ta’ Stati li qed jiżviluppaw b’riżorsi finanzjarji limitati.
            
            
               ·Ġie enfasizzat li l-implikazzjonijiet tat-tul u tal-ispejjeż tal-proċedimenti jirriżultaw ukoll mill-fatt li s-sistema tal-ISDS ma ssegwix ir-regola tal-preċedent, li jwassal għal nuqqas ta’ prevedibbiltà. 
            
            
               ·Barra minn hekk, ġie rrappurtat li l-ispejjeż għoljin tal-proċeduri f’ċerti sistemi jillimitaw l-aċċess tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju għall-mekkaniżmu tal-ISDS, u b’hekk jiġu mċaħħda mill-protezzjoni mogħtija mit-trattati dwar l-investiment.
            
            
               ·Madankollu, intqal ukoll li spejjeż addizzjonali jistgħu jirriżultaw ukoll, f’ċerti sistemi, minn prattiki abbużivi, l-eżistenza ta’ proċeduri paralleli, in-nuqqas ta’ regoli proċedurali ċari u n-nuqqas ta’ mekkaniżmu biex jiġu miċħuda fi stadju bikri t-talbiet frivoli. 
            
            
               ·Barra minn hekk, ġie indikat li ż-żieda fl-ispejjeż kienet marbuta ma’ problemi sistemiċi u l-istruttura tas-sistema tal-ISDS, jew man-nuqqas ta’ sistema. Barra minn hekk, dawn il-problemi kienu responsabbli għan-nuqqas ta’ koerenza u ta’ prevedibbiltà tar-riżultati, li affettwaw b’mod partikolari lill-Istati konvenuti.
            
            
            
               Fir-rigward tat-tħassib sostanzjali eżistenti, fid-dawl tal-interazzjoni mal-istandards sostantivi sottostanti:
            
            
          
         
            
               ·Mezzi oħra minbarra l-arbitraġġ għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment kif ukoll metodi ta’ prevenzjoni tat-tilwim
            
            
               ·Eżawriment ta’ rimedji lokali
            
            
               ·Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi
            
            
               ·Kontrotalbiet
            
            
               ·Iffriżar regolatorju
            
            
               ·Kalkolu tad-danni
            
            
            
               6.4Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma III ħadem fuq żewġ objettivi ewlenin: riforma strutturali possibbli, permezz tal-ħolqien ta’ qorti permanenti u sistema ta’ appell, il-ħatra tal-imħallfin, u l-ambitu tal-appell. It-tieni binarju parallel jikkonċerna elementi ta’ riforma mhux strutturali u inkrementali, bħall-ħolqien ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri u għall-imħallfin (biex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati kunflitti ta’ interess), metodoloġija għall-valutazzjoni tad-danni, u modi kif titrawwem il-medjazzjoni bejn il-partijiet. Madankollu, ma sar l-ebda progress kbir dwar ir-riforma strutturali u l-kwistjonijiet trasversali. Pereżempju, il-ġurisdizzjoni tal-qorti permanenti, il-kompożizzjoni tagħha u l-proċedura għall-ħatra tal-membri tal-qorti għadhom qed jiġu diskussi fid-delegazzjonijiet.
            
            
            
               6.5Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tixtieq toħloq regoli ċari dwar l-etika u l-imparzjalità, il-ħatriet li ma jiġġeddux, l-impjieg full time tal-arbitri u mekkaniżmi għall-ħatra ta’ mħallfin indipendenti. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ peress li huma meħtieġa regoli stretti biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess.
            
            
            
               6.6Inizjalment tqajmu kwistjonijiet aktar trasversali bħall-effett dissważiv tal-ISDS, l-eżawriment ta’ rimedji lokali, u l-aċċess ta’ partijiet terzi bħall-komunitajiet lokali milquta mill-investimenti, li rċevew inqas attenzjoni u li ħoloq frustrazzjoni fost ħafna gruppi osservaturi tas-soċjetà ċivili. F’konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni REX/501, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-mistoqsijiet fundamentali jinżammu fuq il-mejda u jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti.
            
            
            
               6.7Il-KESE jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ ċarezza tal-minuti u tas-sit web tal-Grupp ta’ Ħidma III, li ma jippermettix lill-partijiet interessati jiksbu informazzjoni korretta dwar il-progress tal-ħidma.
            
            
            
               6.8Il-KESE jinnota li anke jekk il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma III tiffoka fuq elementi proċedurali, dan jista’ jkollu effetti pożittivi fil-futur, bħal ġurisprudenza aktar ċara u aktar stabbli, li tiffaċilita wkoll riforma tal-liġi sostantiva applikabbli tat-trattati dwar l-investiment. Madankollu, sabiex proċess ta’ riforma multilaterali tal-ISDS jagħmel differenza reali, il-KESE jqis li huwa essenzjali li riforma istituzzjonali titbiegħed minn arbitraġġ ad hoc, li jittieħed approċċ aktar olistiku għall-governanza tal-investiment internazzjonali, u mhux biss li l-arbitraġġ tal-ISDS jiġi sostitwit b’qorti tal-investituri u l-Istati.
            
            
            
            
               Brussell, 14 ta’ Settembru 2022
            
            
          
         
            
            
            
            
               Dimitris DIMITRIADIS
                  
Il-President tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni
            
            
            
               _____________