Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2021-03554-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - L-IA fl-MSMEs

EESC-2021-03554-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-IA fl-MSMEs

_____________

L-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali fl-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) Ewropej
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Relatur: Marie-Françoise GONDARD-ARGENTI

MT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

13/12/2021

Adottata fil-plenarja

19/01/2022

Sessjoni plenarja Nru

566

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

238/0/3

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ifakkar li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) se jieħdu vantaġġ mill-intelliġenza artifiċjali (IA) skont l-affidabbiltà, l-inklużività u s-sostenibbiltà tagħha, u jekk tkun parti minn pjan ekonomiku u soċjali li jirrispetta l-ambjent, fattur fl-iżvilupp tal-intrapriżi, l-impjegabbiltà u kwalità ta' ħajja u saħħa aħjar għall-ħaddiema u ċ-ċittadini Ewropej kollha. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u soċjali, u t-tisħiħ tar-rekwiżiti tat-trasparenza se jrawwem il-fiduċja u l-approprjazzjoni tal-IA miċ-ċittadini kollha u l-MSMEs.

1.2Il-KESE jfakkar li l-persuni li jaħdmu għal rashom, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, is-setturi kollha, jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi tal-UE, żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat u aktar minn nofs il-valur miżjud maħluq mill-intrapriżi fl-UE. Esposti għal kompetizzjoni trasformata radikalment mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, huma madankollu għandhom rwol essenzjali x'jaqdu fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika tal-UE sabiex jiffaċċjaw l-isfidi maħluqa. Għalhekk għandhom jingħataw aċċess ugwali għall-IA jew inkella l-Ewropa tiġi mċaħħda mir-riżorsi ekonomiċi, soċjali u umani l-aktar prezzjużi tagħha.

 

1.3Il-KESE enfasizza fl-Opinjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjan ikkoordinat 1 , li l-adozzjoni mifruxa tal-IA mill-MSMEs hija l-muftieħ għall-irkupru industrijali Ewropew. Minkejja l-aġilità tagħhom, l-MSMEs ħerqana għat-trasformazzjoni diġitali jiffaċċjaw diffikultajiet interni u esterni importanti: spejjeż, nuqqas ta' infrastruttura b'veloċità għolja f'ċerti territorji, aċċess għal finanzjament, riżorsi umani, informazzjoni, taħriġ, eċċ.

1.4Il-KESE jappella biex l-MSMEs jingħataw għodod sempliċi u finanzjamenti aċċessibbli li jgħinuhom jintegraw din it-teknoloġija għalja li madankollu hija essenzjali biex tinżamm, u anke tissaħħaħ, il-kompetittività tagħhom. L-aċċess għal data ta' kwalità u fi kwantitajiet suffiċjenti, kif ukoll fuq l-esperimentazzjoni fuq skala sħiħa, hija prijorità.

1.5Il-KESE jqis li assistenza effettiva għall-MSMEs fl-approprjazzjoni tagħhom tal-IA titlob rieda politika qawwija fil-livelli kollha, kollaborazzjoni mill-qrib mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili organizzata u djalogu soċjali ta’ kwalità tajba fl-Istati Membri.

1.6Il-varjetà tal-MSMEs f'setturi differenti titlob appoġġ tal-IA imfassal apposta u mmirat, kif ukoll leġiżlazzjoni intelliġenti u inklużiva, li huma essenzjali biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-fiduċja.

1.7Il-KESE jirrakkomanda t-tixrid rapidu lill-atturi kollha kkonċernati u, bħala prijorità, lill-mexxejja tal-intrapriżi tal-għodda edukattiva rappreżentata mis-”sett ta’ għodod” inkluż fl-istudju ppubblikat mill-KESE dwar dan is-suġġett 2 u li jiddeskrivi l-istadji differenti fl-użu tal-IA mill-MSMEs. Dan il-kontenut huwa mfassal biex jitneħħew l-ansjetajiet li din it-teknoloġija tista' tqajjem u biex jinbidlu l-perċezzjonijiet f'dan il-qasam.

2.Kummenti ġenerali

2.1L-istudju “Boosting the use of artificial intelligence in Europe’s micro, small and medium-sized enterprises”, ippubblikat mill-KESE, janalizza ħames setturi (l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi legali u l-kontabbiltà) f’ħames Stati Membri: l-Italja, Franza, l-Irlanda, ir-Rumanija u l-Iżvezja. Ir-rakkomandazzjonijiet tas-”sett ta’ għodod” tiegħu huma aċċessibbli għal dawk li jfasslu l-politika u l-MSMEs.

2.2Ir-rapport tal-2021 dwar l-SMEs, ippubblikat f’Lulju li għadda mill-Kummissjoni Ewropea (KE) 3 , jidentifika b’mod ċar ir-realtà tal-approprjazzjoni diġitali mill-MSMEs fis-27 pajjiż tal-Unjoni abbażi ta’ żewġ stħarriġiet, li saru matul l-ewwel fażi tal-pandemija, u fl-aħħar kwart tal-2020.

 

2.3Il-25 miljun MSMEs Ewropej, pilastri tal-ekonomija tal-UE b’madwar 100 miljun impjieg u kważi 57 % tal-PGD Ewropew, għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien tal-valur, is-setturi kollha (mis-sengħa tradizzjonali indipendenti għall-ekonomija soċjali, jiġifieri 2,8 miljun stabbiliment, negozji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata, eċċ.) u jitolbu appoġġ adattat u mmirat, kif ukoll leġiżlazzjoni intelliġenti u inklużiva, garanzija ta' sigurtà legali, fiduċja u kwalità tal-ħajja għall-ħaddiema.

2.4Il-KESE jittama li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jiġu implimentati b'mod konkret fuq il-post. Is-sett ta' għodod imsemmi hawn fuq għandu jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi biex jesperimentaw, b'kollaborazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi kkonċernati, b'inizjattivi adattati.

 

2.5L-IA, garanzija għat-trasformazzjoni tal-industriji, ħafna drabi tibqa’ inaċċessibbli għall-MSMEs: l-aġilità tagħhom hija tabilħaqq imxekkla kemm minn diffikultajiet interni (riżorsi umani, spejjeż, aċċess għal data ta' kwalità, eċċ.) kif ukoll esterni (aċċess għall-infrastruttura tal-broadband, finanzjamenti, informazzjoni, taħriġ, eċċ.).

2.6L-adozzjoni mifruxa tal-IA mill-MSMEs hija l-muftieħ għall-irkupru industrijali Ewropew 4 , għaliex l-aktar vulnerabbli, dawk li jaħdmu għal rashom, il-mikrointrapriżi, l-istrutturi tal-familja jew l-intrapriżi 'l bogħod miċ-ċentri urbani, kif ukoll l-intrapriżi fl-ekonomija soċjali jistħoqqilhom attenzjoni partikolari biex tiġi evitata kull diskriminazzjoni, li r-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha jkunu diżastrużi għall-UE kollha kemm hi.

2.7Il-ħolqien ta’ ambjent ta’ fiduċja huwa prijorità assoluta sabiex l-MSMEs jiġu inklużi fl-istrateġija tal-UE għall-eċċellenza u t-tmexxija. Dan jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-atturi istituzzjonali kollha, mill-Kummissjoni Ewropea sal-gvernijiet nazzjonali u sal-istrutturi reġjonali u lokali, sabiex jiġu pprovduti għodod u għajnuna mmirati skont id-daqs u jiġu pprovduti appoġġ u garanziji għall-investiment. It-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-integrazzjoni tan-networks biex jitnaqqas id-distakk bejn l-MSMEs u l-korporazzjonijiet kbar f’dak li jirrigwarda l-IA huma fundamentali.

2.8Il-fiduċja tiġi minn rieda politika qawwija għal kollaborazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha: is-soċjetà ċivili organizzata, l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet, il-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet professjonali, ir-raggruppamenti, eċċ., li jinsabu fuq il-post u huma magħrufa u rikonoxxuti kemm mill-impjegaturi kif ukoll mill-impjegati tal-MSMEs, u huma l-korpi ideali biex jinfurmaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi dwar ir-riskji u l-isfidi skont is-settur ta’ attività.. Dawn ilkoll għandhom il-ħiliet kollha biex jispiraw id-deċiżjoni politika fil-livelli kollha, sabiex din id-deċiżjoni tissodisfa l-ħtiġijiet tal-MSMEs fir-rigward tal-IA. Il-KESE jqis li l-Istati Membri jibbenefikaw mill-promozzjoni ta’ djalogu soċjali u kuntrattwali ta’ kwalità sabiex jimmassimizzaw l-effetti tal-politiki mmirati lejn l-MSMEs.

2.9L-importanza ta’ mira effettiva ta’ programmi Ewropej bħal Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa lejn l-MSMEs 5 b'valur probatorju. L-għodod kollha għandhom jiġu mmobilizzati f’forma sempliċi għall-użu.

2.10Is-sofistikazzjoni dejjem tiżdied tal-algoritmi taffettwa l-kwalità u l-protezzjoni tad-data, u s-sigurtà u t-trasparenza, u tagħti lok għal ħafna tħassib etiku (diskriminazzjoni, żieda fl-inugwaljanzi soċjali, dubji dwar l-awtonomija tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bnedmin, eċċ.). Dawn l-isfidi, li jimponu l-akbar viġilanza fuq kulħadd, inklużi l-MSMEs, ma jistgħux idewmu l-adozzjoni tal-IA minn dawn tal-aħħar.

2.11Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE huma appoġġjati mir-riżultati tal-istudju msemmi hawn fuq:

˗l-adozzjoni tal-IA mill-MSMEs tiddependi primarjament fuq il-kapaċità tad-diriġenti u l-impjegati tagħhom li jużawha, inkluż fir-rigward tar-riskji, minn qabel l-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji;

˗finanzjament adegwat biss jippermetti li jiġi kkumpensat l-iżvantaġġ tad-daqs u l-maturità li de facto jxekklu l-iżvilupp tal-IA fl-MSMEs. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' l-pakkett imħabbar mill-KE ta' EUR 1,98 biljun taħt il-programm Ewropa Diġitali 6 . Iċ-ċentri tal-innovazzjoni jipprovdu l-aqwa aċċess għall-aktar kapaċitajiet diġitali moderni u għat-taħriġ ta’ dawk ikkonċernati;

˗l-MSMEs jeħtieġu bażijiet tad-data esterni tajbin. Il-KESE diġà enfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess universali għall-big data fis-settur pubbliku u li jiġu stabbiliti interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet robusti, kif ukoll pjattaformi Ewropej għall-kondiviżjoni sikura tad-data 7 , bħal Gaia-X. Huwa ppropona wkoll approċċ kollettiv għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data u enfasizza l-importanza li tiġi żviluppata data altruwista 8 ;

˗għall-provvista ta’ teknoloġiji tal-IA, aċċess għad-data, standardizzazzjoni u aċċess għall-finanzjament, l-MSMEs jeħtieġu regoli ċari u omoġenji fi ħdan is-suq Ewropew, kondizzjonijiet għal kompetizzjoni tajba, li hija stess tiġġenera tkabbir u impjiegi. Barra minn hekk, huma stess għandhom jipparteċipaw kemm jista' jkun kmieni fil-proċess ta' żvilupp ta' standards u regolamenti fil-livell Ewropew. Soluzzjonijiet ċari u trasparenti għal kwistjonijiet etiċi u ta’ responsabbiltà se jippermettu biex tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi, u se jħeġġu lill-MSMEs jadottaw l-IA.

2.12Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju msemmi hawn fuq, filwaqt li jenfasizza li dawn jirrikjedu rieda politika partikolarment attiva u kostanti:

˗jippromovi permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fehim ġenerali tajjeb tal-IA miċ-ċittadini, sabiex il-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili, inklużi l-MSMEs, ikunu jistgħu jadottaw din it-teknoloġija l-ġdida u jaħdmu b’kompetenza u responsabbiltà f’dan il-qasam. Huwa essenzjali li t-taħriġ akkademiku jiġi ssupplimentat b’apparati prattiċi u li jiġi introdott taħriġ kontinwu adegwat u affordabbli għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, id-diriġenti tal-MSMEs u l-impjegati tagħhom 9 . Fir-rigward tad-diriġenti, jeħtieġ li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal għarfien espert estern permezz ta’ sħubijiet B2B, IA li tkun tista’ tintlaħaq minn kulħadd u l-forniment ta’ “AI-as-a-Service”;

˗jiġi żgurat li l-MSMEs jkollhom aċċess faċli kemm għall-finanzjament pubbliku kif ukoll għal dak privat u jiġu attivati sinerġiji ta’ finanzjament Ewropew maħsuba għalihom;

˗jiġu żgurati l-infrastruttura u l-konnessjonijiet meħtieġa fiż-żoni kollha, inklużi dawk rurali, biex jiġi evitat id-distakk diġitali u jiġi pprovdut aċċess għal data rilevanti u interoperabbli, li l-agrikoltura, b'mod partikolari, hija utent kbir tagħha;

˗tiġi żgurata koordinazzjoni tajba bejn l-atturi kollha u l-livelli kollha;

˗titrawwem sensibilizzazzjoni ġenerali dwar l-isfidi taċ-ċibersigurtà 10 , kif ukoll dwar il-ħsara ekonomika u soċjetali kkawżata minn data preġudikata u mir-riskji potenzjali emerġenti l-oħrajn. Id-diversità umana fid-disinn tal-għodod tal-IA hija mezz essenzjali biex tittejjeb il-kwalità tad-data;

˗jixxerdu b’mod wiesa’ l-prattiki tajba u xhieda ta’ suċċess fil-qasam, tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni ta’ feedback ta’ esperjenza biex jingħata bidu għall-ispinta meħtieġa għall-adozzjoni mifruxa tal-IA mill-MSMEs.

2.13Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-prinċipji ta’ azzjoni li ġejjin fir-rigward tal-IA:

˗jinbdew fuq skala żgħira, biex jiġu ispirati politiki adegwati u proporzjonati, anke jekk dan ifisser li jiġu adattati aktar tard għall-intrapriżi kbar;

˗tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u jiġi promoss fehim tajjeb tar-regoli sabiex jiġi ffaċilitat l-użu mill-intrapriżi u jiġu appoġġjati l-investimenti tagħhom stess ħalli jiġu żviluppati l-innovazzjoni u l-IA;

˗jiġi ffaċilitat il-fehim tal-IA minn kulħadd permezz ta’ koordinazzjoni aħjar u aktar sinerġiji bejn l-istrumenti u l-inizjattivi politiċi, bis-saħħa ta’ pjattaforma apposta tal-MSMEs;

˗titrawwem minn qabel esperimentazzjoni fuq skala sħiħa, b'mod partikolari, permezz ta' protokolli ta' impenn operazzjonali. Il-KESE jfakkar l-importanza li jkun hemm"siti ta' ttestjar u "sandboxes" regolatorji li jippermettu li jiġu sperimentati ideat ġodda u ttestjati" 11 , kif ukoll il-ħtieġa li dawn l-apparati jiġu vvalutati sabiex jiġu adattati bl-aħjar mod possibbli 12 . Iċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali, in-Network Enterprise Europe u l-pjattaformi fuq talba għandhom jaħdmu f’koordinazzjoni mill-qrib biex jappoġġjaw l-isforzi ta’ implimentazzjoni tal-SMEs;

˗jitrawwem approċċ pan-Ewropew billi jitlesta s-suq uniku Ewropew u jiġu aġġustati l-politiki għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri, mill-iżvilupp tal-IA sal-adozzjoni tagħha;

˗jiġi ffaċilitat aċċess tat-tip “open data” filwaqt li jiġu rrispettati l-protezzjoni u s-sjieda tad-data kif ukoll jiżdiedu l-flussi tad-data biex jiġu fornuti s-sistemi bbażati fuq l-IA;

˗jiġi żgurat suq uniku Ewropew trasparenti sabiex jitnaqqsu r-riskji u tiżdied it-trasferibbiltà tas-soluzzjonijiet tal-IA għall-MSMEs. L-interoperabbiltà tal-infrastrutturi diġitali essenzjali hija kundizzjoni ewlenija għal dan.

3.Kummenti speċifiċi 13

3.1Agrikoltura

3.1.1Is-settur agrikolu, li huwa sors ta’ MSMEs tal-familja (96 % tal-azjendi agrikoli fl-2016), jiffaċċja diversi sfidi: id-demografija, il-klima, l-attraenza u l-kompetittività.

3.1.2Fid-dawl tal-vantaġġi murija tal-IA u r-robotika f'dan is-settur, huwa mixtieq li jingħata appoġġ kontinwu lill-bdiewa u lill-impjegati tagħhom fl-akkumpanjament ta' dawn il-bidliet, biex jiġu żviluppati taħriġ fil-kwistjoni u pedagoġija adegwata f'termini ta' kondiviżjoni u aggregazzjoni tad-data 14 , filwaqt li jiġu esplorati toroq ġodda f'termini ta' qsim tal-ispejjeż bħal soluzzjonijiet kooperattivi.

3.2Kostruzzjoni

3.2.1Dan is-settur li juża ħafna manodopera jista’ jibbenefika aktar mid-diġitalizzazzjoni: 36 % tal-kumpaniji tiegħu adottaw mill-inqas teknoloġija waħda tal-IA, meta mqabbla ma’ 42 % fis-setturi kollha.

3.2.2L-immudellar tal-informazzjoni tal-kostruzzjoni (jew BIM għal building information modelling), li huwa dejjem aktar importanti għas-settur u ntuża minn 29 % tal-intrapriżi fl-2016, jeħtieġ investimenti kbar fit-taħriġ u fl-iżgurar ta’ aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għal software tal-ippjanar elettroniku permezz ta’ interfaċċi miftuħa u standardizzati (“open BIM”) sabiex ma jiġix kompromess l-aċċess għas-suq għall-MSMEs.

3.2.3Il-karatteristiċi ta’ dan is-settur u l-potenzjal tiegħu jistgħu jkunu turija ta’ Ewropa ekoloġika u diġitalizzata jekk il-prerekwiżiti għall-iżgurar tal-aċċess għas-suq ikunu żgurati f’termini ta’ teknoloġija u ta’ liġi tal-akkwist pubbliku.

3.3Saħħa

3.3.1Fis-settur tas-saħħa, aktar milli f’setturi oħrajn, l-innovazzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti etiċi u ta' sigurtà, mid-disinn sal-użu. L-iżvilupp ta' settur tal-IA fis-saħħa jeħtieġ aċċess għal data suffiċjenti u ta' kwalità. Esperjenzi territorjali tat-tip “sandbox” ikunu milqugħa biex jgħinu lill-MSMEs f’dan ir-rigward.

3.3.2Partikolarment preżenti fit-tagħmir mediku (95 % tat-32 000 kumpanija fis-settur) u s-servizzi, l-MSMEs huma minn ta' quddiem fl-innovazzjoni u l-produttività (47 % tal-kumpaniji diġà adottaw teknoloġija tal-IA).

3.3.3Madankollu, dawn jiffaċċjaw il-kost għoli tar-R&Ż u ċ-ċikli twal tal-innovazzjoni, proċeduri kumplessi ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-qafas restrittiv tal-GDPR.

3.3.4Il-ħolqien ta’ spazju Ewropew ta’ data affidabbli dwar is-saħħa, kif ukoll ir-reklutaġġ ta’ impjegati “ibridi” li huma esperti fil-professjoni tagħhom u fit-tekniki diġitali, jippromovu l-ħolqien, inkluż fost l-MSMEs, ta' soluzzjonijiet innovattivi, li jnaqqsu l-ispejjeż, u b’hekk is-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti 15 .

3.4Professjonijiet liberi 16

3.4.1Minħabba n-natura sensittiva ħafna tad-data miżmuma minn professjonisti liberi, il-kwistjonijiet f’termini ta’ rispett għall-ħajja privata, kunfidenzjalità, trasparenza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni huma partikolarment akuti f’dan is-settur.

3.4.2L-użu tal-AI għall-awtomatizzazzjoni tal-aktar kompiti tedjanti għandu jippermetti lill-professjonisti liberi jiffokaw mill-ġdid fuq il-qalba tal-professjoni tagħhom biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti/pazjenti tagħhom.

3.4.3Kif enfasizzat fl-Opinjoni tal-KESE dwar “Professjonijiet liberi 4.0” 17 , l-IA tistaqsi dwar ir-relazzjoni partikolari ta’ fiduċja bejn il-professjonist liberu u l-klijent tiegħu kif ukoll dwar il-kunċetti tal-indipendenza u tar-responsabbiltà professjonali. Dan jimplika b’mod partikolari reviżjoni tar-regoli etiċi billi jiġu integrati l-aspetti tekniċi u etiċi relatati mal-IA, u jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda f’termini ta’ taħriġ u ħiliet korrispondenti (sigurtà u kwalità tad-data, protezzjoni tad-data personali, ċibersigurtà, eċċ.).

3.5Parir legali

3.5.1Minkejja tkabbir appoġġjat u indipendenti taċ-ċikli ekonomiċi (2,6 % fis-sena bejn l-2014 u l-2018), dan is-settur ra l-progress tiegħu jonqos minħabba l-problemi ta’ trasparenza u preġudizzju li affettwaw l-IA sa mill-bidu tagħha f’qasam fejn il-fiduċja tiddependi fuq il-kuntatt uman dirett.

3.6Kontabbiltà/kontroll tal-ġestjoni

3.6.1Dan is-settur, fejn operaw 640 000 intrapriża fl-2018 fl-Ewropa, huwa ddominat mill-MSMEs. Peress li nofs il-kompiti tal-kontabbiltà jistgħu jiġu awtomatizzazzjoni, l-IA tirrappreżenta opportunità f’termini ta’ valur miżjud . U tkun tista’ tippermetti lill-professjonisti jiffokaw mill-ġdid fuq l-għoti ta’ pariri lill-utent.

3.6.2F’dawn iż-żewġ setturi, u b’mod partikolari biex jiġu evitati r-riskji tal-piraterija tad-data fit-tieni wieħed, il-formazzjoni ta’ profili ibridi li jgħaqqdu l-liġi jew il-kontabbiltà u l-informatika hija mixtieqa ħafna.

Brussell, 19 ta’ Jannar 2022

Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(1)       ĠU C 517, 22.12.2021, p. 56 .
(2)      Is-sejħa għall-offerti tal-KESE nru CES/FSA/02/2020; awtur: Space Tec Partners.
(3)      Ir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej għall-2020/2021, il-Kummissjoni Ewropea, Lulju 2021.
(4)      Opinjoni dwar ir-reviżjoni tal-pjan ikkoordinat tal-Kummissjoni dwar l-IA, ĠU C 517, 22.12.2021, p. 56
(5)      Opinjoni tal-KESE, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 210 .
(6)      Dikjarazzjoni tal-10 ta' Novembru 2021 mill-Kummissarju Thierry Breton.
(7)      Ara ĠU C 240, 16.7.2019, p. 51
(8)      Kif iddefinit fil-premessa 36 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar il-Governanza tad-Data, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0767 .
(9)      Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 1
(10)    Ara l-punti 4.7 u 4.8 tal-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 429, 11.12.2020
(11)      Ara ĠU C 240, 16.7.2019, p. 51
(12)    Idem.
(13)      Dawn l-osservazzjonijiet speċifiċi jirriflettu s-setturi differenti analizzati fl-istudju ppubblikat mill-KESE msemmi hawn fuq.
(14)      Il-bdiewa, li huma utenti kbar tad-data satellitari u tal-awtomatizzazzjoni, joqogħdu lura milli jikkondividu d-data tagħhom, skont ir-rapport “Intelligence artificielle – État de l’art et perspectives pour la France”, 2021.
(15)      Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 341, 24.8.2021, p. 76 u l-Opinjoni  ĠU C 517, 22.12.2021, p. 56 dwar “IA – Pjan ikkoordinat”, iżda wkoll ir-rapport ta’ prospettiva strateġika 2021 tal-Kummissjoni Ewropea.
(16)    Iddefiniti kif ġej mill-QĠUE: il-professjonijiet liberi jinkludu attivitajiet li, fost affarijiet oħrajn, għandhom karattru intellettwali notevoli, jeħtieġu livell għoli ta’ kwalifika u huma normalment soġġetti għal regolamentazzjoni professjonali preċiża u stretta (is-sentenza C 267/99, I-7467, 2001).
(17)       ĠU C 286, 16.7.2021, p. 8
Top