Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
ECO/453
Qafas Ewropew għall-bonds koperti
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ skoperturi fil-forma ta’ bonds koperti[COM(2018) 93 final 2018/0042 (COD)]
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE
[COM(2018) 94 final 2018/0043 (COD)]
Relatur: Daniel MAREELS
|
Konsultazzjoni
|
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28/03/2018
Parlament Ewropew, 16/04/2018
|
|
Bażi legali
|
L-Artikoli 53, 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
|
|
Adottata fis-sezzjoni
|
27/06/2018
|
|
Adottata fil-plenarja
|
11/07/2018
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
536
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
165/0/1
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Għar-raġunijiet elenkati hawn taħt, il-KESE tassew jilqa’ l-proposti dwar il-bonds koperti (ara l-punt 1.2 u ta’ wara). Il-Kumitat jappella li jsir kull sforz għal progress rapidu u jinkiseb riżultat ta’ suċċess. F’dan ir-rigward iressaq ukoll numru ta’ suġġerimenti (ara l-punt 1.7 u ta’ wara).
1.2L-ewwel, dawn il-proposti jidħlu f’kuntest usa’ u jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-għanijiet li huma għal qalb il-Kumitat, bħall-ħolqien rapidu tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u t-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Barra minn hekk, il-bonds koperti jippromovu l-operazzjonijiet ta’ finanzjament transkonfinali u għalhekk jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-riskju privat.
1.3Barra minn hekk, numru ta’ Stati Membri tal-UE tradizzjonalment kellhom pożizzjoni b'saħħitha fis-swieq internazzjonali u globali. L-approċċ Ewropew għat-trattament prudenzjali tal-bonds koperti jservi ta’ gwida fid-dinja kollha. Il-proposti attwali għandhom jintużaw mhux biss biex tiġi kkonsolidata din il-pożizzjoni ta’ tmexxija, iżda fejn ikun possibbli anke biex tissaħħaħ. Partikolarment fid-dawl tad-diversi tibdil globali fil-poter li għaddejjin bħalissa bejn il-Lvant u l-Punent, huwa importanti li l-UE tieħu pożizzjoni deċiżiva u effettiva.
1.4Għandha tinħataf l-opportunità ppreżentata f’dawn il-proposti sabiex jiġi promoss l-użu wiesgħa tal-bonds koperti u jiġu żviluppati swieq għalihom fl-UE kollha. Għandu jsir kull sforz biex jinkiseb suċċess hawnehkk, partikolarment fl-Istati Membri fejn dawn l-istrumenti u s-swieq għadhom mhux magħrufa.
1.5Il-Kumitat jilqa’ wkoll b’mod ġenerali kemm l-approċċ magħżul ta’ armonizzazzjoni minima abbażi ta’ skemi nazzjonali kif ukoll il-kontenut tal-proposti, li għalihom, barra minn hekk, tfasslu pedamenti sodi mill-Parlament Ewropew, is-superviżuri u partijiet interessati oħra. Dan kollu wassal biex jinkiseb riżultat kwalitattiv mingħajr ma jiġu distorti s-swieq eżistenti, u bi prezz raġonevoli.
1.6Huwa importanti ħafna li l-bonds koperti jippermettu lill-banek li joħolqu riżorsi addizzjonali għall-iffinanzjar fit-tul tal-ekonomija. Dawn il-fondi l-ġodda mbagħad iridu jintużaw biex jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għall-gvernijiet, negozji u familji. Jekk dan huwa l-każ, din il-proposta tista’ tgħin biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fid-dinja bankarja u finanzjarja.
1.7Il-Kumitat huwa partikolarment sodisfatt li l-proposta tipprevedi wkoll li l-bonds koperti jkunu jistgħu jintlaħqu mill-banek iżgħar. Madankollu, il-Kumitat jappella sabiex jitqies aktar kif din il-possibbiltà tista’ tiġi sfruttata b’mod sħiħ. Mingħajr ma jkun hemm devjazzjoni mir-regoli ġeneralment applikabbli, jistgħu jitqiesu, pereżempju, liema rekwiżiti amministrattivi u obbligi oħra jistgħu jiġu adattati għal banek iżgħar.
1.8Il-KESE jirrakkomanda wkoll bil-qawwa li l-użu tat-tikketta Ewropea għall-bonds koperti jsir obbligatorju, u mhux fakultattiv kif huwa previst bħalissa. Hawnhekk hemm bżonn ta’ viżjoni li tħares ’il quddiem. L-użu obbligatorju ġeneralizzat tat-tikketta Ewropea bla dubju ser isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Ewropa fil-livell globali u joħloq opportunitajiet għall-Istati Membri (l-aktar dawk li huma żgħar) li ser ikunu jixtiequ jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-sistema l-ġdida. Dan għandu jagħtihom garanzija li l-prodotti tagħhom jistgħu jitqassmu fis-suq u dan l-użu obbligatorju tat-tikketta jista’ wkoll itejjeb il-fiduċja tal-investituri.
1.9Waqt li jitqiesu s-sigurtà u l-likwidità ġeneralment aċċettati tal-bonds koperti, kif ukoll il-protezzjoni addizzjonali li jipprovdu peress li mhumiex soġġetti għar-rikapitalizzazzjoni interna (bail-in), il-Kumitat jappella li jitqies x’miżuri jridu jittieħdu sabiex dawn il-bonds jiġbdu lil dawk li jfaddlu b’mod privat u lill-konsumaturi privati. Bħala strumenti fit-tul, il-bonds koperti jidhru li huma partikolarment adatti sabiex tiġi ffurmata l-pensjoni, u hawnhekk għandhom jitqiesu l-proposti dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP).
1.10Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li hija pprovduta evalwazzjoni tas-sistema l-ġdida, iżda l-perjodu propost sabiex din l-evalwazzjoni ssir wara tliet snin huwa wisq qasir. Peress li din hija kwistjoni tas-suq, u għandu jgħaddi biżżejjed żmien sabiex tinkiseb esperjenza utli bir-regoli l-ġodda, il-Kumitat jappella sabiex dan il-perjodu jiġi estiż għal, pereżempju, 5 snin. L-Istati Membri ovvjament jistgħu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali.
2.Sfond
2.1Meta bdiet il-mandat fl-2014, il-Kummissjoni Juncker fasslet “pjan ta’ investiment għall-Ewropa” bil-għan li jinkisbu l-prijoritajiet ewlenin fit-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-pjan huwa t-twettiq gradwali ta’ unjoni tas-swieq kapitali, flimkien ma’ suq uniku diġitali u unjoni tal-enerġija. L-għan huwa li tiġi żviluppata unjoni tas-swieq kapitali integrata, li tiffunzjona sew u li tkopri lill-Istati Membri kollha.
2.2Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta l-elementi kostitwenti kollha għal din l-unjoni sal-2019. B’kollox kienu ppjanati aktar minn 33 inizjattiva u azzjoni.
2.3Wara appelli għal progress rapidu twettaq rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2017. Dan irriżulta f’għadd ta’ azzjonijiet prijoritarji ġodda bil-għan li jitqiesu l-isfidi li qed jevolvu u ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, inkluż il-“Brexit”.
2.4Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, f’dik l-okkażjoni, li kien meħtieġ li “ngħollu l-livell ta’ ambizzjoni, sabiex nindirizzaw l-ostakli iżda aktar importanti minn hekk biex nieħdu vantaġġ minn dawn l-opportunitajiet ġodda”. F’dan l-isfond, fit-8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-2019 żmien li nħaffu l-proċes u ħabbret pakkett ta’ miżuri.
2.5Il-proposti attwali dwar il-bonds koperti, li jiffurmaw parti minn dan il-pakkett, jinkludu żewġ testi, speċifikament:
2.5.1proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE; u
2.5.2proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ skoperturi fil-forma ta' bonds koperti.
2.6Dawn il-proposti għandhom l-għan li joħolqu qafas ta’ abilitazzjoni għal bonds koperti fil-livell tal-UE. Dan jinkludi definizzjoni ta’ tali bonds, l-użu ta’ tikketta Ewropea fis-suq, ir-rekwiżiti prudenzjali għall-ksib tat-trattament ta’ kapital preferenzjali u ċerti obbligi min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.
3.Osservazzjonijiet u kummenti
3.1Il-KESE jilqa’ bi pjaċir dawn il-proposti li jiffurmaw parti minn miżuri biex tinbena Unjoni tas-Swieq Kapitali, u jitlob li jsir kull sforz biex l-affarijiet jimxu malajr u jinkiseb eżitu ta’ suċċess.
3.2L-ewwel u qabel kollox, dawn il-proposti jikkontribwixxu għal għadd ta’ għanijiet usa’ li huma ta’ interess partikolari għall-KESE u li kien talab preċedentement. Dawn jinkludu:
3.2.1Il-bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, li għandu jsir id f’id ma’ konverġenza ekonomika u soċjali akbar u ma’ integrazzjoni finanzjarju u ekonomika, għandu jżid is-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u ekonomika billi jwessa’ u jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament tal-ekonomija. Implimentazzjoni rapida tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tibqa’ prijorità ewlenija.
3.2.2Ir-regoli proposti għall-bonds koperti jippromovu l-operazzjonijiet ta’ finanzjament transkonfinali u għalhekk jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-riskju privat. Għall-Istati Membri dan huwa importanti ħafna biex jiġu evitati skossi asimmetriċi fil-każ ta’ kriżi, jew biex jitnaqqas l-impatt tagħha. Barra minn hekk, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qed tagħti kontribut importanti għal tkabbir konverġenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, li għandu jippermetti lill-ekonomiji inqas żviluppati jlaħħqu aktar malajr ma’ dawk li qed jagħtu prestazzjoni aħjar.
3.2.3L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha wkoll importanza kruċjali sabiex tkompli titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u huwa indispensabbli li din tiġi implimentata. Flimkien ma’ unjoni bankarja kompluta, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha twassal għal unjoni finanzjarja ġenwina, li tikkostitwixxi wieħed mill-erba’ pilastri tal-UEM.
3.2.4L-Ewropa hija tradizzjonalment b’saħħitha ħafna fil-qasam tal-bonds koperti. Dawn il-proposti għandhom jintużaw bħala opportunità biex tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Ewropa fil-livell globali. B’mod aktar ġenerali, u minn perspettiva internazzjonali, huwa importanti li l-UE taġixxi b’mod effettiv u ssib pożizzjoni b’saħħitha, speċjalment peress li bħalissa għaddejjin għadd ta’ tibdil globali bejn il-Lvant u l-Punent.
3.3Dawn il-proposti ser jgħinu li jinħoloq riżorsi addizzjonali għall-iffinanzjar fit-tul tal-ekonomija. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ bonds koperti jippermetti lill-banek li jiksbu finanzjament kosteffettiv fuq żmien twil. Id-daqs totali tal-potenzjal tas-suq li attwalment mhuwiex sfruttat għall-bonds koperti f’termini ta’ ħruġ jista’ jkun sa EUR 342 biljun u dan jista’ jwassal għal frankar annwali potenzjali għas-selliefa tal-UE ta’ EUR 1,5 sa 1,9 biljun.
3.4Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li r-riżorsi l-ġodda jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija. Dan il-finanzjament addizzjonali għandu jintuża mill-banek għal self addizzjonali lill-gvernijiet, l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Jekk dak huwa l-każ, din il-proposta tista’ tgħin biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fid-dinja bankarja u finanzjarja.
3.5Fl-interess tal-istabbiltà u s-sigurtà tas-sistema finanzjarja, huwa importanti li dan il-finanzjament il-ġdid jiġi permezz ta’ strumenti li huma sikuri u likwidi fiċ-ċirkostanzi kollha, u li dawn il-proposti jinkludu numru ta’ salvagwardji għal dak il-għan. Sistema soda għall-bonds koperti għandha tkun ukoll ta’ benefiċċji għall-investituri permezz ta’ aktar għażliet u għażliet aħjar fis-swieq. Il-mekkaniżmu ta’ rikors doppju huwa ta’ importanza kbira għal dawn l-investituri u għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet jinsistu li l-assi sottostanti huma vvalutati tajjeb mill-emittenti.
3.6B’konformità ma’ dan, il-proposta biex jinħoloq qafas ta’ abilitazzjoni li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ bonds koperti u s-swieq għal dawn l-istrumenti madwar l-UE jistħoqqilha l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat. Għandu jsir kull sforz biex jinkiseb suċċess hawnhekk, partikolarment fl-Istati Membri fejn dawn l-istrumenti u s-swieq għadhom mhux magħrufa. Huwa importanti li jitneħħew l-aħħar punti vojta fuq il-mappa u jiġi żgurat li jkun fis-seħħ qafas għall-bonds koperti fl-Istati Membri kollha.
3.7Permezz ta’ dan l-appoġġ, il-Kumitat jixtieq jirrikonoxxi u japprova l-isforzi preċedenti li saru matul bosta snin mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, l-ABE u oħrajn lejn skema għall-bonds koperti fil-livell tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u partijiet interessati oħra, bħal pereżempju l-Kunsill Ewropew ta’ Bond Kopert, ukoll esprimew appoġġ għal din il-proposta.
3.8Il-Kumitat jappoġġja bi sħiħ l-għażla li jkun hemm armonizzazzjoni minima fil-livell Ewropew abbażi tar-regolamenti nazzjonali, peress li din tippermetti li jinkisbu diversi għanijiet bi spiża raġonevoli. Ser tipprevjeni wkoll id-distorsjonijiet fis-swieq eżistenti u ser jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ tranżizzjoni. Madankollu, huwa importanti li r-regolamenti nazzjonali eżistenti japprovaw l-għan tal-proposta Ewropea sabiex jiġi stimolat is-suq tal-bonds koperti. L-ostakli jew ir-restrizzjonijiet possibbli fuq livell nazzjonali li jmorru kontra din il-proposta m’humiex għalhekk mixtieqa.
3.9Kif issemma aktar ’il fuq, għadd ta’ Stati Membri huma b’saħħithom ħafna f’dan is-suq, iżda fl-istess ħin żviluppi reċenti juru li qed jikber l-interess f’bonds koperti x’imkien ieħor fid-dinja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li l-pożizzjoni attwali ta’ tmexxija tal-Ewropa f’dan il-qasam fil-kuntest internazzjonali tkompli tissaħħaħ aktar, u jsiru sforzi biex jiġi promoss l-approċċ Ewropew bħala standard globali.
3.10Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-fatt li tiġi prevista evalwazzjoni tar-riżultati u s-suċċess ta’ dawn ir-regoli l-ġodda. Peress li din hija kwistjoni tas-suq, u għandu jgħaddi biżżejjed żmien sabiex tinkiseb esperjenza utli, partikolarment fl-Istati Membri li għalihom din hija ġdida, il-Kumitat jemmen li l-perjodu propost ta’ tliet snin huwa qasir wisq u jappella sabiex dan il-perjodu jiġi estiż għal, pereżempju, ħames snin. L-Istati Membri ovvjament huma ħielsa li jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni fi kwalunkwe ħin.
4.Aktar osservazzjonijiet u kummenti
4.1Għaldaqstant, b’mod ġenerali, jiġi appoġġjat l-approċċ tal-Kummissjoni li tfassal regoli ċari u komprensivi, inklużi definizzjoni, deskrizzjoni tal-karatteristiċi strutturali tagħhom, is-sorveljanza pubblika u l-ħolqien ta’ tikketta Ewropea għall-bonds koperti, kif ukoll it-trattament prudenzjali ta’ dan l-istrument.
4.2Huwa importanti li din l-iskema hija aċċessibbli u tista’ tintuża b’mod effettiv mill-banek kollha. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li qed tingħata attenzjoni speċjali lid-diffikultajiet u l-problemi li l-banek iż-żgħar jistgħu jiltaqgħu magħhom meta jkunu jixtiequ joħorġu bonds koperti. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li din il-possibbiltà tiġi sfruttata b’mod sħiħ. Mingħajr ma jkun hemm devjazzjoni mir-regoli ġeneralment applikabbli, jistgħu jitqiesu, pereżempju, liema rekwiżiti amministrattivi u obbligi oħra jistgħu jiġu adattati għal banek iżgħar.
4.3L-użu tat-tikketta Ewropea għall-bonds koperti hija purament fakultattiva, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ id-denominazzjonijiet nazzjonali tagħhom stess u l-qafas tat-tikkettar. Il-Kumitat mhuwiex tal-istess fehma, u b’mod qawwi jappoġġja, għall-kuntrarju, l-użu obbligatorju tat-tikketta Ewropea. Hawnhekk hemm bżonn ta’ viżjoni li tħares ’il quddiem. L-użu obbligatorju tat-tikketta Ewropea bla dubju ser isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ tmexxija tal-Ewropa fil-livell globali u joħloq opportunitajiet għall-Istati Membri (l-aktar dawk li huma żgħar) li ser ikunu jixtiequ jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-sistema l-ġdida. Għalihom it-tikketta tal-UE ser tkun garanzija li l-bonds koperti tagħhom jistgħu jitqassmu fis-swieq. Dan l-użu obbligatorju jista’ wkoll itejjeb il-fiduċja tal-investituri.
4.4Is-suq tal-bonds koperti bħalissa huwa ddominat minn investituri professjonali u istituzzjonali. il-Kumitat jappella li jitqies x’aktar miżuri jridu jittieħdu sabiex dawn il-bonds jiġbdu lil dawk li jfaddlu b’mod privat u lill-konsumaturi privati. Hemm għadd ta’ fatturi li huma favurihom. Il-bonds koperti tradizzjonali, u anke fi żminijiet ta’ kriżi, tqiesu bħala assi likwidi u sikuri; barra minn dan għandu jitqies il-kontribut li jagħtu l-proposti attwali. Barra minn hekk, mhumiex soġġetti għar-rikapitalizzazzjoni interna, li mhuwiex insinifikanti fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu b’mod privat. B’hekk, huma jidhru li huma iktar adattati minn xi prodotti oħra. Bħala strumenti fit-tul, il-bonds koperti jidhru li huma partikolarment utli sabiex tiġi ffurmata l-pensjoni, u hawnhekk għandha ssir referenza għall-proposti dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP).
Brussell, 11 ta' Lulju 2018
Luca Jahier
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew