MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
L-Anness IV, il-Parti II, tar-Regolament (UE) 2019/1009 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE 1 jistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti fertilizzanti kif previst fid-Deċiżjoni 768/2008/KE dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti 2 . F’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex tadatta l-Anness IV għall-progress tekniku u biex tiffaċilita l-aċċess għas-suq intern u l-moviment liberu għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li għandhom il-potenzjal li jkunu s-suġġett ta’ kummerċ sinifikanti fis-suq intern u li għalihom hemm evidenza xjentifika li ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent u li jiżguraw l-effiċjenza agronomika.
Il-modulu A1 jiddeskrivi l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu. Skont ir-regoli attwali, it-test meħtieġ tar-reżistenza għad-detonazzjoni u ċ-ċikli termali preċedenti jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe laboratorju magħżul mill-manifattur. Korp notifikat b’akkreditazzjoni biex iwettaq spezzjonijiet jeħtieġlu jissorvelja l-ittestjar. Madankollu, meta jitqies li l-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu huma prodotti b’potenzjal splussiv, huwa importanti li ċ-ċikli termali u t-testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni jitwettqu biss f’laboratorji li l-kapaċità teknika tagħhom tkun ġiet approvata b’mod affidabbli. Għalhekk, dan ir-Regolament delegat jemenda l-Modulu A1 fl-Anness IV biex iżid ir-rekwiżit li l-laboratorji li jwettqu ċ-ċikli termali u t-testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni jeħtieġ li jiġu akkreditati għal dawk l-attivitajiet minn korp ta’ akkreditazzjoni stabbilit fi Stat Membru li jopera f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 3 . Dan ir-rekwiżit il-ġdid għandu japplika biss 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, biex il-manifatturi jkunu jistgħu jadattaw, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li jaġixxu f’perjodu ta’ żmien raġonevoli ħalli jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti tagħhom.
Il-modulu D1 jistabbilixxi rekwiżit tal-awditjar għall-materjali komponenti rkuprati. Bħalissa, il-frekwenza tal-awditi li għandhom jitwettqu mill-korpi notifikati hija marbuta mal-frekwenza meħtieġa tal-kampjunar tal-materjal ta’ output li, skont il-kategorija kkonċernata tal-materjal komponenti, tiżdied mal-volum tal-input jew tal-output annwali. Għall-manifatturi ta’ tunnellaġġ għoli, dan jirriżulta fi frekwenza għolja ta’ awditi u, għaldaqstant, f’piż sinifikanti għall-manifatturi u għall-korpi notifikati. Sabiex jiġi żgurat li l-awditi jitwettqu bi frekwenza proporzjonata, dan ir-Regolament delegat jemenda l-Anness IV sabiex il-frekwenza tal-awditi tiġi diżakkoppjata mill-frekwenza tal-kampjunar, u biex tiġi stabbilita frekwenza tal-awditjar ta’ awditu wieħed fis-sena.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-abbozz fil-laqgħat tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Prodotti Fertilizzanti (E01320) 4 fid-29 ta’ Novembru 2023, fil-15 u s-16 ta’ April 2024, fis-26 u s-27 ta’ Novembru 2024 u fis-7 u t-8 ta’ Mejju 2025, 5 skont ir-regoli tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 6 .
L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati interessati kienu fil-biċċa l-kbira favur l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament Delegat.
L-abbozz tar-Regolament Delegat ġie ppubblikat għall-feedback fuq il-portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar. 7 Il-feedback li wasal kien fil-biċċa l-kbira pożittiv.
Fir-rigward tal-emendi proposti tal-Modulu A1, xi partijiet ikkonċernati ssuġġerew li ssir referenza għall-EN ISO/IEC 17025 għall-akkreditazzjoni u/jew l-ispeċifikazzjoni li l-laboratorji għandhom jiġu akkreditati speċifikament għaċ-ċikli termali u għat-testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni. Il-Kummissjoni qieset is-suġġeriment tal-aħħar iżda tqis li referenza espliċita għall-istandard EN ISO/IEC 17025 mhijiex meħtieġa peress li hija l-uniku standard eliġibbli għal-laboratorji. Xi partijiet ikkonċernati pproponew li l-għażla tal-laboratorji tiġi limitata għal-laboratorji li jinsabu fl-UE. Il-Kummissjoni tqis li limitazzjoni ġeografika mhijiex ġustifikata, peress li l-akkreditazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni tal-UE hija prova tal-kapaċità teknika tal-laboratorju.
Fuq kumment ta’ parti kkonċernata waħda, fit-test legali l-Kummissjoni ċċarat li l-emenda tikkonċerna biss ċikli termali u testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni, filwaqt li r-rekwiżiti għat-testijiet tar-ritenzjoni taż-żejt jitqiesu suffiċjenti. Barra minn hekk, ċittadin issuġġerixxa li jkunu meħtieġa rieżamijiet perjodiċi tal-akkreditazzjonijiet tal-laboratorji. Peress li l-korpi ta’ akkreditazzjoni diġà huma meħtieġa jimmonitorjaw il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li lilhom ikunu ħarġu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, ma saret l-ebda bidla fl-abbozz.
Fir-rigward tal-emendi proposti tal-Modulu D1, parti kkonċernata waħda ssuġġeriet frekwenza tal-awditjar aktar baxxa. Il-Kummissjoni tqis li l-frekwenza tal-awditjar proposta (awditu wieħed fis-sena) hija proporzjonata. Barra minn hekk, ċittadin ippropona li jiġu introdotti rieżamijiet perjodiċi tal-konformità tal-awditjar mill-Kummissjoni. Ma saret l-ebda bidla fl-abbozz peress li l-konformità tal-awditjar hija infurzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.
L-abbozz tar-Regolament Delegat ġie nnotifikat ukoll abbażi tal-Artikolu 2(9)(2) tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ u ma wasal l-ebda kumment.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament delegat jemenda żewġ dispożizzjonijiet tekniċi fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009. Il-bażi legali ta’ dan l-att delegat huwa l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda l-Anness IV għall-fini li tiffaċilita l-aċċess għas-suq intern u l-moviment liberu għall-prodotti fertilizzanti tal-UE.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'17.7.2025
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
fir-rigward tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti fertilizzanti tal-UE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)