Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2024)5321

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 fir-rigward tar-regoli dwar il-kwantità referenzjali għall-gruppi ta’ kwoti tariffarji fis-settur tal-pollam

C/2024/5321 final

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760, li ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021, jistabbilixxi regoli dwar kif l-operaturi jistgħu jiksbu liċenzji biex jimportaw prodotti agrikoli skont il-kwoti tariffarji eżistenti.

Sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni xierqa ta’ ċerti kwoti tariffarji soġġetti għal domanda eċċessiva, il-kwantità massima tal-liċenzji li għalihom jistgħu japplikaw l-operaturi hija stabbilita fil-forma ta’ kwantità referenzjali, ikkalkolata individwalment għal kull operatur abbażi tal-importazzjonijiet tal-prodotti koperti minn ċerta kwota tariffarja fis-snin ta’ qabel l-applikazzjoni għal-liċenzja. Sabiex jikkalkolaw il-kwantità referenzjali għal kwota tariffarja speċifika, l-operaturi jistgħu jużaw ukoll importazzjonijiet barra dik il-kwota, jekk jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz kopert minn dik il-kwota tariffarja.

Madankollu, għal xi kwoti tariffarji, ir-Regolament (UE) 2020/760 jippermetti lill-operaturi jikkalkolaw il-kwantità referenzjali billi jikkunsidraw ukoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux koperti mill-kwota rilevanti. F’każijiet bħal dawn, ir-Regolament (UE) 2020/760 jiġbor flimkien diversi kwoti, li jippermettu lill-operaturi biex l-ewwel jikkalkolaw il-kwantità referenzjali għall-grupp kollu u mbagħad iqassmu l-kwantità referenzjali fid-diskrezzjoni tagħhom bejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji skont il-kwoti differenti tal-grupp. Konsegwentement, operatur jista’ jikkalkula l-kwantità referenzjali abbażi tal-importazzjonijiet tal-pollam mit-Tajlandja u mbagħad jitlob liċenzja biex jimporta l-pollam mill-Brażil, taħt kwota tal-istess grupp.

Dan il-mekkaniżmu nħoloq biex jippermetti lill-operaturi jimportaw alternattivament minn oriġini jew oħra sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ disturbi kbar f’każ ta’ tfixkil globali fil-kummerċ bħal tifqigħa tal-influwenza avjarja.

Wara l-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna prevista mir-Regolamenti (UE) 2022/870 u (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-importazzjonijiet tal-pollam mill-Ukrajna żdiedu b’mod sinifikanti. Dawn l-importazzjonijiet jistgħu jintużaw mill-operaturi biex jikkalkolaw il-kwantità referenzjali għall-gruppi ta’ kwoti tariffarji rregolati mir-Regolament (UE) 2020/760. Madankollu, dan ipoġġi lill-operaturi li jimportaw mill-Ukrajna f’vantaġġ inġust meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament jiġi emendat biex jillimita l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-kalkolu tal-kwantità referenzjali għal gruppi ta’ kwoti tariffarji.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Dan l-abbozz ta’ att delegat ġie ppreżentat u diskuss mal-esperti waqt il-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti rigward mistoqsijiet orizzontali dwar il-PAK fl-24 ta’ April 2024 u fl-24 ta’ Ġunju 2024.

Dan l-abbozz tal-att delegat ġie ppreżentat fil-Mekkaniżmu ta’ Feedback li sar mill-5 ta’ Ġunju 2024 sat-3 ta’ Lulju 2024. Intbagħat 12-il rispons minn 11-il parti kkonċernata (parti kkonċernata minnhom ippreżentat żewġ risponsi) u minn Stati Membri differenti. Ir-rispons wasal minn ħames kumpaniji privati, ħames assoċjazzjonijiet u kamra tal-kummerċ.

7 partijiet ikkonċernati esprimew l-opinjoni tagħhom kontra l-esklużjoni tal-kwoti tariffarji erga omnes (09.4213, 09.4216, u 09.4412) mill-gruppi tal-Artikolu 9, il-paragrafi 6 u 7, tar-Regolament (UE) 2020/760, abbażi tal-argumenti ewlenin li ġejjin:

- l-emenda se tnaqqas il-flessibbiltà tal-importaturi li jagħżlu li jallokaw il-kwantità referenzjali tagħhom fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi għajr il-Brażil, it-Tajlandja u l-Arġentina;

- l-emenda jaf iżżid is-saħħa fis-suq tal-esportaturi fil-pajjiżi terzi (il-Brażil, it-Tajlandja, u l-Arġentina) meta mqabbla mal-importaturi tal-UE;

- l-importazzjonijiet mill-Ukrajna huma relevanti biss għal waħda mill-kwoti tariffarji erga omnes esklużi mill-gruppi, filwaqt li huma pjuttost marġinali għall-oħrajn;

- l-importaturi tal-UE jenħtieġ li jitħallew jikkalkulaw il-kwantità referenzjali għal dawn il-gruppi abbażi wkoll tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (eż. iċ-Ċina);

- l-emenda jaf ikollha effetti pożittivi fuq il-produtturi tal-pollam tal-UE iżda fl-istess ħin ixxekkel in-negozju tal-esportaturi tal-UE u jaf twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi.

Madankollu, erba’ partijiet ikkonċernati kienu favur is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, għalkemm żewġ partijiet ikkonċernati enfasizzaw li s-soluzzjoni preferuta tagħhom kienet tkun li l-importazzjonijiet mill-Ukrajna biss jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kwantità referenzjarja, jew inkella, li jiġu esklużi l-importazzjonijiet kollha lejn l-UE mill-kwoti tariffarji b’dazju żero minn kwalunkwe pajjiż terz.

Il-Kummissjoni ħadet nota tar-rispons li wasal u kkonkludiet li mhix beħsiebha temenda r-Regolament minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

- mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/870 1 , l-importazzjonijiet tal-pollam mill-Ukrajna żdiedu b’mod sinifikanti, u l-kwantitajiet importati ntużaw għall-kalkolu tal-kwantità referenzjarja tal-kwoti tariffarji li jkopru l-prodotti rilevanti;

- din iċ-ċirkostanza provdiet vantaġġ sinifikanti għall-operaturi li jimportaw il-pollam mill-Ukrajna, li setgħu jibnu kwantità referenzjarja għall-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ukoll, filwaqt li żammew għadd kbir ta’ importazzjonijiet mill-Ukrajna;

- il-kwantità referenzjarja hija kkalkulata fuq l-importazzjonijiet fis-sentejn qabel l-applikazzjoni għal-liċenzji, u b’hekk l-operaturi li importaw mill-Ukrajna setgħu jużaw iż-żieda fl-importazzjonijiet tagħhom fil-kalkolu tal-kwantità referenzjarja tagħhom sa sentejn wara li l-eliminazzjoni tad-dazji mill-importazzjonijiet mill-Ukrajna ma jibqax ikollha effett, u l-kwantitajiet importati jerġgħu lura għal-livelli normali;

- il-Kummissjoni tipprevedi li jekk jiġi modifikat biss wieħed mill-gruppi koperti bl-Artikolu 9, il-paragrafi 6 u 7, tar-Regolament (UE) 2020/760, kif propost minn xi partijiet ikkonċernati, dan jista’ jwassal f’miżura li fil-mira tagħha jkollha speċifikament il-kumpaniji individwali, u għalhekk mhix beħsiebha tipproċedi f’dan ir-rigward;

- fl-istess waqt, il-Kummissjoni tqis li l-eliminazzjoni tal-importazzjonijiet kollha b’dazju żero minn kwalunkwe pajjiż terz mill-kalkolu tal-kwantità referenzjarja tkun sproporzjonata, peress li taffettwa l-kwoti tariffarji kollha fis-setturi kollha fejn tapplika l-kwantità referenzjarja, u barra minn hekk teskludi mill-kalkolu mhux biss l-importazzjonijiet li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Ukrajna, iżda wkoll dawk il-miżuri kollha li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, kif ukoll l-importazzjonijiet li jsiru skont programmi tal-UE speċifiċi (eż. POSEI).

3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT

Dan l-att delegat jipprevedi t-tħassir tal-kwoti tariffarji taħt in-numri tal-ordni 09.4213, 09.4216, u 09.4412 mill-Artikolu 9(6) u 9(7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta'30.7.2024

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 fir-rigward tar-regoli dwar il-kwantità referenzjali għall-gruppi ta’ kwoti tariffarji fis-settur tal-pollam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 186 tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 3 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli soġġetti għal liċenzji.

(2)Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, l-operaturi jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet għal liċenzji taħt kwota tariffarja partikolari għal kwantità limitata biss, ikkalkolata abbażi tal-kwantitajiet li importaw fil-passat (“il-kwantità referenzjali”). L-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat jipprevedi li l-kwantità referenzjali għandha tkopri prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni li jaqgħu taħt l-istess numru tal-ordni tal-kwota tariffarja u li jkollhom l-istess oriġini.

(3)L-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jistabbilixxi deroga mir-regola li l-kwantità referenzjali għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li jkunu ġejjin mill-istess oriġini. Għal ċerti gruppi ta’ kwoti tariffarji, il-kwantità referenzjali tiġi kkalkolata b’mod kumulattiv għall-grupp kollu stabbilit f’dak l-Artikolu 9 minflok ma tiġi kkalkolata għal kwota tariffarja unika. Konsegwentement, dik il-kwantità referenzjali tal-grupp tista’ tintuża għall-applikazzjoni ta’ liċenzji għal kwalunkwe kwota tariffarja tal-grupp ikkonċernat.

(4)Għalhekk, id-deroga stabbilita fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760 tippermetti lill-importaturi japplikaw għall-kwoti tariffarji taħt il-kwantità referenzjali tal-grupp b’ċertu grad ta’ flessibbiltà.

(5)Madankollu, l-użu ta’ dik id-deroga jista’ potenzjalment iwassal għal distorsjonijiet tas-suq, peress li l-iżviluppi leġiżlattivi u tas-suq reċenti jippermettu lil għadd limitat ta’ kumpaniji jiksbu ishma sinifikanti ta’ liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji kkonċernati. Dak ir-riskju żdied bl-eliminazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjonijiet mill-Ukrajna, kif previst fir-Regolamenti (UE) 2022/870 4 , (UE 2023/1077 5 u (UE) 2024/1392 6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)Sabiex jiġi minimizzat dan ir-riskju ta’ distorsjonijiet tas-suq u biex jiġi żgurat li l-operaturi interessati kollha jkunu jistgħu japplikaw għal liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji kkonċernati, huwa xieraq li jitneħħew il-kwoti tariffarji taħt in-numri tal-ordni 09.4213, 09.4216, u 09.4412 mill-gruppi elenkati fl-Artikolu 9(6) u (7) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760.

(7)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/760 jiġi emendat skont dan.

(8)Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa ta’ dawk il-gruppi ta’ kwoti tariffarji, u filwaqt li jitqies il-fatt li l-perjodi tal-kwota tariffarja ma humiex l-istess għalihom kollha, l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mill-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760

Fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/760, il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6. B’deroga mill-paragrafu 2, il-kwantità referenzjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġu akkumulati l-kwantitajiet ta’ prodotti rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, li jaqgħu taħt kull wieħed mill-gruppi li ġejjin ta’ żewġ jew tliet kwoti bin-numri tal-ordni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/761:

(a) 09.4211, 09.4212 u 09.4290;

(b) 09.4214 u 09.4215;

(c) 09.4410, 09.4411 u 09.4289.

7. B’deroga mill-paragrafu 3, għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4211, 09.4212 u 09.4290, il-kwantità totali tal-prodotti koperti bl-applikazzjonijiet għal-liċenzji ppreżentati fil-perjodu tal-kwota tariffarja għal dawk it-tliet kwoti tariffarji ma għandhiex tkun aktar mill-kwantità referenzjali totali tal-applikant għal dawk il-kwoti tariffarji. L-applikant jista’ jagħżel kif jissuddividi l-kwantità referenzjali totali fost il-kwoti tariffarji li għalihom l-applikant ippreżenta l-applikazzjonijiet għal-liċenzja. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għall-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4214 u 09.4215 u bin-numri tal-ordni 09.4410, 09.4411 u 09.4289.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-perjodi tal-kwota tariffarja li jibdew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 30.7.2024

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/870/oj).
(2)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(3)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/760 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni soġġetti għal liċenzji u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-depożitu ta’ garanziji fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji (ĠU L 185, 12.6.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/760/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/870/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 144, 5.6.2023, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1077/oj ).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj ).
Top