REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 16.3.2023
li jistabbilixxi l-formola għad-dikjarazzjoni relatata mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/770
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/770 tat-30 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ li mhux qed jiġi riċiklat, dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex titqiegħed għad-dispożizzjoni dik ir-riżorsa proprja, fuq il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u fuq ċerti aspetti tar-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Wara li kkonsulta mal-kumitat li jistabbilixxi l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/770, jenħtieġ li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni data statistika dwar il-piż f’kilogrammi tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat u riċiklat, kif ukoll il-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażat fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
(2)Biex ikun limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrażmettu d-data statistika u l-ammont tar-riżorsa proprja f’dikjarazzjoni unika.
(3)Id-data dwar il-ġenerazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ tikkostitwixxi l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jissaħħu il-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza ta' dik id-data.
(4)Sabiex jiġu ggarantiti l-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tad-data bejn l-Istati Membri, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar id-data li għandha tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni li għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni.
(5)Id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tippermetti r-rapportar ta’ data dwar it-tqegħid fis-suq bħala skart mill-imballaġġ iġġenerat. Madankollu, dan il-metodu ta’ rapportar tad-data jista’ jwassal għal ammonti ta’ skart ikkalkulati b’mod differenti madwar l-Istati Membri, u għaldaqstant għal data inqas komparabbli bejn l-Istati Membri li jużaw l-“approċċ ta’ tqegħid fis-suq” u l-Istati Membri li jużaw l-“approċċ tal-analiżi tal-iskart”.
(6)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi dwar ir-rappurtar tad-data sabiex l-Istati Membri kollha jirrapportaw l-informazzjoni dwar l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ f’termini komparabbli, sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom matul il-verifika tad-data u tiġi ċċarata l-metodoloġija applikabbli għall-fini tar-riżorsa proprja tal-plastik. Għalhekk, il-metodoloġija tal-kalkoli stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE jenħtieġ li tiġi dettaljata aktar.
(7)Meta jintuża l-approċċ ta’ tqegħid fis-suq biex jiġi stmat l-ammont ta’ skart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat, jenħtieġ li d-data tat-tqegħid fis-suq tiġi kkomplementata b’fatturi ta’ korrezzjoni sabiex tkopri l-iskart kollu tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat fi Stat Membru, biex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tad-data rrapportata.
(8)L-ammont ta’ skart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat jenħtieġ li jiġi ddeterminat biż-żewġ approċċi disponibbli sabiex ikun hemm stima soda, ikkalkulata b’mod komparabbli għall-Istati Membri kollha.
(9)Sabiex jiġu mmonitorjati l-bidliet fid-data pprovduta, huwa essenzjali li, meta l-Istati Membri jirrevedu dikjarazzjoni preċedenti, huma jindikaw liema data nbidlet u jispjegaw ir-raġunijiet għad-differenzi fl-istess ħin li tiġi ppreżentata d-data riveduta.
(10)F’każ li jeżistu differenzi fid-data dwar l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ irrapportata skont id-Direttiva 94/62/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw ukoll ir-raġunijiet għad-differenzi,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-formola għad-dikjarazzjoni relatati mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“skart” tfisser skart kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE;
(2)“miġbur separatament” tfisser l-ammont ta’ skart miġbur permezz tal-ġbir separat kif definit fl-Artikolu 3(11) tad-Direttiva 2008/98/KE;
(3)“riċiklat” tfisser l-ammont ta’ skart ittrattat permezz tar-riċiklaġġ kif definit fl-Artikolu 3(17) tad-Direttiva 2008/98/KE;
(4)“plastik” tfisser imballaġġ kif definit fl-Artikolu 3(1a) tad-Direttiva 94/62/KE;
(5)“imballaġġ” tfisser imballaġġ kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62/KE;
(6)“imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża ” tfisser imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża kif definit fl-Artikolu 3(2a) tad-Direttiva 94/62/KE;
(7)“skart mill-imballaġġ” tfisser skart mill-imballaġġ kif definit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/62/KE;
(8)“punt tal-kalkolu” tfisser il-punt tal-kalkolu kif definit fl-Artikolu 2(1)(d) u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2005/270/KE;
(9)“suq online” tfisser suq online kif definit fl-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(10)“skart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat” tfisser l-ammont ta’ imballaġġ tal-plastik, inklużi l-komponenti tal-plastik ta’ imballaġġ kompost u imballaġġ ieħor, li jsir skart fi Stat Membru f’sena kalendarja, espress f’kilogrammi;
(11) “skart tal-plastik mill-imballaġġ riċiklat” tfisser l-ammont ta’ skart tal-plastik mill-imballaġġ, inklużi l-komponenti tal-plastik ta’ imballaġġ kompost u imballaġġ ieħor, fil-punt tal-kalkolu tal-plastik, espress f’kilogrammi;
(12)“organizzazzjoni b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” tfisser organizzazzjoni li timplimenta l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi tal-prodotti;
(13)“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq ta’ Stat Membru matul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas;
(14)“approċċ ta’ tqegħid fis-suq” tfisser metodu biex jiġi stmat l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat abbażi ta’ data dwar it-tqegħid fis-suq minn organizzazzjonijiet b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi u/jew sorsi oħra; id-data għandha tiġi kkomplementata, fejn rilevanti u applikabbli, bl-ammonti stmati għal dawn li ġejjin:
(a)profittaturi,
(b)produtturi taħt il-livell limitu de minimis,
(c)awtokonformi,
(d)esportazzjonijiet ta’ wara t-tqegħid fis-suq,
(e)kummerċ online,
(f)importazzjonijiet privati,
(g)esportazzjonijiet privati,
(h)imballaġġ li jista' jerġa' jintuża mqiegħed fis-suq għall-ewwel darba,
(i)imballaġġ li jista' jerġa' jintuża li sar skart,
(j)kwalunkwe stima oħra;
(15)“approċċ ta’ analiżi tal-iskart” tfisser metodu biex jiġi stmat l-ammont annwali totali ta’ skart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat billi tiġi kkombinata d-data tal-iskart mill-imballaġġ (tal-plastik) miġbur separatament ma’ data dwar l-iskart muniċipali mħallat abbażi ta’ analiżi tal-kompożizzjoni tal-iskart li ma tkunx eqdem minn erba’ snin, u ma’ kwalunkwe data rilevanti oħra dwar l-iskart, inkluż l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ industrijali u kummerċjali;
(16)“profittatur” tfisser produttur jew distributur li jqiegħed fis-suq imballaġġ tal-plastik jew prodotti ppakkjati li ma jirrappurtax lil organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jew lil awtorità pubblika, u lanqas li b’xi mod ieħor jieħu responsabbiltà finanzjarja jew responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-immaniġġjar tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ; jew jirrapporta ammont iżgħar minn dak attwalment imqiegħed fis-suq;
(17)“de minimis” tfisser livell limitu minimu li jista’ jiġi definit mill-Istati Membri, li taħtu ma jkunx meħtieġ rappurtar lil organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jew awtorità pubblika;
(18)“awtokonformi” tfisser produttur li jieħu responsabbiltà finanzjarja jew responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-ġestjoni tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ, u għalhekk mhuwiex meħtieġ jirrapporta lil organizzazzjoni b’kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi;
(19)“esportazzjonijiet ta’ wara t-tqegħid fis-suq” tfisser prodotti ppakkjati u/jew imballaġġ esportati fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz wara li jkunu tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru wieħed;
(20)“kummerċ online” tfisser kummerċ ta’ merkanzija fl-Unjoni miksub b’mezzi elettroniċi;
(21)“importazzjonijiet privati” tfisser imballaġġ ta’ prodotti importati minn persuna fiżika għall-użu finali proprju minn Stat Membru ieħor minn ħanut fiżiku, jew minn pajjiż terz minn ħanut fiżiku jew permezz ta’ suq online;
(22)“esportazzjonijiet privati” tfisser l-imballaġġ ta’ prodotti esportati minn persuna fiżika għall-użu finali proprju lejn Stat Membru ieħor, jew lejn pajjiż terz minn ħanut fiżiku;
(23)“imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża mqiegħed fis-suq għall-ewwel darba” tfisser l-ewwel provvista ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża mimli bi prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq ta’ Stat Membru matul attività kummerċjali.
Artikolu 3
Dikjarazzjoni annwali
1.Id-dikjarazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2021/770, għandu jkun fihom data statistika dwar il-piż tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat u riċiklat u jipprovdu l-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat. Id-dikjarazzjoni annwali għandhom iservu bħala dokument ta’ sostenn għall-kontroll u s-superviżjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat.
2.L-approċċi li ġejjin għandhom ikunu aċċettabbli għall-istima tal-iskart tal-plastik mill-imballaġġ iġġenerat:
(a)approċċ ta’ tqegħid fis-suq;
(b)approċċ ta’ analiżi tal-iskart.
3.Kalkoli bbażati fuq iż-żewġ approċċi msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jiġu aġġustati biex jiġu żgurati l-komparabbiltà, l-affidabbiltà u l-eżawrjenza tar-riżultati.
4.L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-istimi miż-żewġ approċċi msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), u jipprovdu stima unika tal-iskart iġġenerat billi jibbilanċjaw ir-riżultati disponibbli, sabiex jużaw id-data mis-sors bażika kollha disponibbli sottostanti għall-approċċi differenti għall-kompilazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart b’mod effettiv.
5.Kwalunkwe differenza bejn id-data miksuba miż-żewġ approċċi msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), għandha tiġi spjegata fid-dettall f'konformità mal-format stabbilit fit-tabella 3 tal-Anness I.
6.Minbarra d-data statistika, id-dikjarazzjonijiet annwali għandu jkun fihom, jekk applikabbli, spjegazzjonijiet ta’ dawn li ġejjin:
(a)bidliet metodoloġiċi;
(b)reviżjonijiet ta’ data statistika rrappurtata qabel;
(c)kwalunkwe differenza bejn id-data dwar l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ irrappurtata sat-30 ta’ Ġunju skont id-Direttiva 94/62/KE u d-data statistika rrapportata sal-31 ta’ Lulju tal-istess sena skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/770, minbarra d-differenzi mit-trasformazzjoni ta’ kilogrammi f’tunnellati.
L-ispjegazzjonijiet għandhom jingħataw skont il-format stabbilit fl-Anness II.
Artikolu 4
Struttura tad-data
1.Id-data statistika fid-dikjarazzjoni annwali għandha ssegwi l-istruttura stabbilita fit-tabella 1 tal-Anness I.
2.Il-kalkolu tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskart tal-plastik mill-imballaġġ mhux riċiklat fid-dikjarazzjoni annwali għandu jiġi inkluż fit-tabella 2 tal-Anness I.
3.Analiżi dettaljata tad-data statistika għandha tiġi pprovduta skont it-tabella 3 tal-Anness I.
4.Id-dikjarazzjoni għall-ewwel sena ta’ rappurtar għandu jkun fihom id-data għall-2021.
Artikolu 5
Trażmissjoni tad-dikjarazzjoni u tar-reviżjonijiet
1.L-Istati Membri għandhom jittrażmettu b’mod elettroniku lill-Kummissjoni (Eurostat) id-dikjarazzjoni annwali għas-sena li tkun sentejn qabel is-sena attwali (“n-2”).
2.It-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
3.Kwalunkwe reviżjoni tad-data għas-snin preċedenti għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni (Eurostat) billi terġa’ tintbagħat id-dikjarazzjoni annwali, flimkien ma’ spjegazzjonijiet għall-bidliet li jkunu saru.
Artikolu 6
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 16.3.2023
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN