MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.
IL-KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
It-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol isaħħaħ is-sikurezza tat-traffiku billi jipprevjeni lis-sewwieqa milli jsuqu b’konċentrazzjonijiet tal-alkoħol ogħla minn ċerti limiti. Tali tagħmir mhuwiex obbligatorji għal vetturi bil-mutur fl-UE iżda huwa maħsub l-aktar għas-suq ta’ wara l-bejgħ. Sabiex jiġi evitat li dan jinterferixxi mal-prestazzjoni tal-vettura u mas-sikurezza u s-sigurtà tagħha meta jiġi installat, jeħtieġ li l-manifatturi tal-vetturi jintalbu jipprovdu d-dettalji meħtieġa lit-tekniċi li jinstallaw it-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol f’ċertu mudell ta’ vettura. Dan jiffaċilita ferm l-installazzjoni ta’ tali tagħmir u jagħmlu sikur.
Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi tali faċilitazzjoni għall-installazzjoni ta’ tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol f’vetturi bil-mutur tal-kategoriji M u N mis-6 ta’ Lulju 2022 għal tipi ġodda ta’ vetturi u mis-7 ta’ Lulju 2024 għall-vetturi ġodda kollha.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol. Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 billi jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi rispettivi. B’mod partikolari, jobbliga lill-manifatturi tal-vetturi biex jipprovdu dokument ta’ installazzjoni bid-dettalji meħtieġa għall-installazzjoni. Id-dispożizzjonijiet proposti huma bbażati fuq l-istandard eżistenti EN 50436.
Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jemenda wkoll l-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144 billi jżid referenza għal dan ir-Regolament, li huwa l-att regolatorju li jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol fil-vetturi bil-mutur.
2.
KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Fit-tħejjija ta’ dan l-att, il-Kummissjoni wettqet il-konsultazzjonijiet xierqa mal-esperti u l-partijiet ikkonċernati tal-Istati Membri, li kkonfermaw l-appoġġ ġenerali tagħhom.
3.
ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Il-bażi ġuridika ta’ dan l-att delegat hija l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 19.4.2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol fil-vetturi bil-mutur u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 6(6) tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jeħtieġ li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji M u N ikunu mgħammra b’ċertu sistemi avvanzati tal-vetturi, inkluż il-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol;. Fl-Anness II tiegħu jistabbilixxi rekwiżiti bażiċi għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol f’dawk il-vetturi.
(2)It-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol issaħħaħ is-sikurezza tat-traffiku billi jipprevjeni lill-persuni b’konċentrazzjonijiet tal-alkoħol fil-ġisem li jaqbżu valur limitu stabbilit milli jsuqu vettura bil-mutur.
(3)Huma meħtieġa regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol.
(4)Is-serje tal-Istandard Ewropew EN 50436 tispeċifika l-metodi tal-ittestjar u r-rekwiżiti essenzjali tal-prestazzjoni għat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol u tagħti gwida lill-awtoritajiet, lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lix-xerrejja u lill-utenti. L-istandards f’dik is-serje jinkludu wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-vetturi bil-mutur biex jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol.
(5)It-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa maħsub għall-installazzjoni ta’ wara l-bejgħ. Għal dan il-għan, dan it-tagħmir jiġi konness maċ-ċirkwiti elettriċi u ta’ kontroll tal-vettura. Jenħtieġ li tali installazzjoni ma tfixkilx il-prestazzjoni jew il-manutenzjoni xierqa tal-vettura u ma xxekkilx is-sikurezza u s-sigurtà tal-vettura, iżda jenħtieġ ukoll li tkun sempliċi kemm jista’ jkun għall-installaturi speċjalizzati u mħarrġa.
(6)Għalhekk jeħtieġ li l-manifatturi tal-vetturi jintalbu jagħmlu disponibbli fuq is-siti web tagħhom dokument bi struzzjonijiet ċari għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol (“dokument ta’ installazzjoni”) sabiex jippermettu lit-tekniċi jinstallaw tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol b’mod xieraq f’ċertu mudell ta’ vettura.
(7)Billi parti mill-informazzjoni li tinsab fid-dokument ta’ installazzjoni tista’ tkun relatata mas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi relatati mas-sigurtà, jenħtieġ li din tkun disponibbli biss għall-operaturi indipendenti li huma awtorizzati minn entitajiet akkreditati skont l-Appendiċi 3 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858.
(8)It-tabella li fiha l-lista ta’ rekwiżiti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144 ma fiha l-ebda referenza għal atti regolatorji fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol. Għalhekk jeħtieġ tiġi introdotta referenza għal dan ir-Regolament f’dak l-Anness.
(9)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/2144 jiġi emendat skont dan.
(10)Billi r-Regolament (UE) 2019/2144 irid japplika mis-6 ta’ Lulju 2022, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mill-istess data,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Rekwiżiti dwar il-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol
L-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tal-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) 2019/2144
L-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-6 ta’ Lulju 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 19.4.2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN