REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 29.5.2019
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 293/2012 dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda tat-tip approvat fi proċess b’diversi stadji
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief 1 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(9) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 293/2012 2 jirrikjedi li l-Istati Membri iżda wkoll il-manifatturi jirrappurtaw ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011.
(2)Mill-1 ta’ Settembru 2019, proċedura tat-test regolatorja ġdida għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil minn vetturi ħfief, Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 3 , se tissostitwixxi ċ-Ċiklu ta’ Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC) stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 4 . Dik il-bidla se taffettwa wkoll il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil mill-vetturi N1 tat-tip approvat fi proċess b’diversi stadji (aktar ’il quddiem imsejħa “vetturi b’diversi stadji”).
(3)Skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011, l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ vettura b’diversi stadji jridu jiġu allokati lill-manifattur tal-vettura bażi. Sabiex il-manifattur tal-vettura bażi jkun jista’ jippjana b’mod effettiv u b’ċertezza suffiċjenti l-konformità tiegħu mal-miri speċifiċi ta’ CO2 tiegħu, il-metodoloġija tiżgura li l-emissjonijiet tas-CO2 u l-massa allokati lil dak il-manifattur ikunu magħrufa fil-mument tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-vettura bażi, u mhux biss meta l-manifattur tal-istadju finali jqiegħed il-vettura kompletata fis-suq.
(4)Il-manifattur tal-vettura bażi jenħtieġ li jirrapporta lill-Kummissjoni l-valuri tal-input li jkunu ntużaw għall-kalkolu tal-interpolazzjoni msemmi fil-punt 1a.1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 u l-valuri tal-massa tal-vettura bażi mhux kompletata. Dawn il-valuri jenħtieġ li jintużaw biex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet speċifiċi medji u l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tal-manifattur tal-vettura bażi.
(5)Il-manifatturi tal-vetturi mhux kompletati li nbiegħu fis-sena kalendarja preċedenti għall-fini li jitlestew minn manifattur tat-tieni stadju jenħtieġ li jressqu d-data speċifikata fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 lir-Repożitorju tad-Data tan-Negozju tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 293/2012 jiġi emendat skont dan.
(7)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 293/2012, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:
“3. Għall-fini tal-kalkolu tal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi proviżorja u l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 proviżorji u għall-fini tal-verifika tal-valuri tal-input li ntużaw skont il-punt 1a.1 tal-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-manifatturi għandhom iressqu lill-Kummissjoni, permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-data lir-Repożitorju tad-Data ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, id-data għal kull vettura bażi soġġetta għal approvazzjoni tat-tip b’diversi stadji li biegħu fis-sena kalendarja preċedenti fl-Unjoni, kif speċifikat fil-punt 1c. tal-Parti A tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.
Id-data għandha tiġi trażmessa permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-data lir-Repożitorju tad-Data ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.