MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Objettiv u bażi ġuridika tal-azzjoni proposta
Dan ir-Regolament Delegat jirrevedi l-Anness VIII u l-Parti 1 tal-Anness IX tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija 1 (l-“EED”). L-iskop tar-reviżjoni huwa li jiġi ssimplifikat u ċċarat il-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti. Ir-reviżjoni tallinja wkoll il-kontenut fil-konfront tal-leġiżlazzjoni aġġornata dwar l-unjoni tal-enerġija, b’mod partikolari d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2 , id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 3 , id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 4 u r-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 5 .
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/27/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti sal-31 ta’ Diċembru 2015. F’dawn il-valutazzjonijiet komprensivi, l-Istati Membri jintalbu jiddeskrivu u jbassru l-potenzjal għall-introduzzjoni ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja u għal tisħin u għal tkessiħ distrettwali effiċjenti, u jintalbu wkoll jadottaw politiki li jqisu sew il-potenzjal għall-użu ta’ sistemi ta’ tisħin u ta’ tkessiħ effiċjenti.
L-Anness VIII tad-Direttiva jelenka l-elementi li jridu jkunu inklużi fil-valutazzjonijiet komprensivi, u l-Parti 1 tal-Anness IX jiddeskrivi l-prinċipji ġenerali għall-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji li l-Istati Membri jeħtieġ li jwettqu meta jivvalutaw l-iktar soluzzjonijiet effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi u tal-kostijiet sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ tisħin u ta’ tkessiħ.
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jridu jaġġornaw u jinnotifikaw il-valutazzjonijiet komprensivi lill-Kummissjoni kull ħames snin. Il-Kummissjoni trid tressaq kwalunkwe talba ta’ din ix-xorta minn tal-inqas sena qabel id-data tal-iskadenza. Minn rieżami tar-riżultati tal-ewwel ċiklu ta’ valutazzjonijiet komprensivi jirriżulta li jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jħejju t-tieni ċiklu ta’ valutazzjonijiet komprensivi.
Is-simplifikazzjoni tal-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi, kif stabbilit fl-Anness VIII u fil-Parti 1 tal-Anness IX, tista’ ssir bl-adozzjoni ta’ atti delegati kif stabbilit fl-Artikoli 22 u 23(2) tad-Direttiva rreveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
Kuntest ġenerali tar-Regolament Delegat
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea analizza l-ewwel ċiklu ta’ valutazzjonijiet komprensivi. Dan ikkonkluda li filwaqt li l-valutazzjonijiet kienu utli għal għadd ta’ raġunijiet, jenħtieġ li l-kontenut tagħhom jittejjeb qabel iċ-ċiklu li jmiss. Fost il-benefiċċji li ġew identifikati kien hemm il-ġbir ta’ data ġdida u d-deskrizzjoni tal-potenzjal ġdid għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti, kif ukoll it-titjib tal-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali. Fost it-titjib li l-JRC irrakkomanda kien hemm l-istabbiliment ta’ rekwiżiti iktar ċari għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data u li l-Istati Membri jitħallew jiffukaw l-analiżi tagħhom fuq modi rilevanti lokalment biex it-tisħin u t-tkessiħ isiru b’mod teknoloġikament newtrali.
L-ewwel ċiklu ta’ valutazzjonijiet komprensivi indika li sabiex ikompli jkun hemm benefiċċji mill-potenzjal ta’ dawn il-valutazzjonijiet, jenħtieġ li jibqgħu t-tliet elementi strutturali tagħhom. Dawn it-tliet elementi huma: (1) ħarsa kumplessiva lejn id-domanda, il-provvista u l-infrastruttura attwali tat-tisħin u tat-tkessiħ, flimkien ma’ rappreżentazzjoni viżiva ta’ dan fuq mappa u projezzjonijiet tad-domanda futura, (2) analiżi tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti, u (3) ħarsa kumplessiva lejn il-politiki u l-miżuri eżistenti u ppjanati flimkien mal-impatt tagħhom.
Sabiex il-valutazzjonijiet ikunu iktar rilevanti għat-tfassil tal-politika nazzjonali u sabiex jitlestew iktar malajr, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom iktar flessibbiltà fir-rigward tal-kontenut rilevanti għall-politiki tagħhom dwar l-enerġija u dwar l-ambjent.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Konsultazzjoni tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat u n-natura teknika tas-simplifikazzjoni tal-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi, l-emendar jista’ jsir permezz ta’ att delegat u permezz ta’ proċedura ssimplifikata. B’konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva rreveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti ddeżinjati mill-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati.
L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna għal laqgħa ta’ konsultazzjoni fi Brussell fil-25 ta’ Ottubru 2018. Abbozz ta’ dokument ta’ ħidma kien disponibbli għall-parteċipanti u dan ġie ppreżentat fil-laqgħa. Kienu preżenti parteċipanti minn 16-il Stat Membru u 17-il parti kkonċernata. Il-maġġoranza tal-parteċipanti, inkluż il-partijiet ikkonċernati kollha, appoġġaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni titlob għat-tieni ċiklu ta’ valutazzjonijiet komprensivi.
Diversi punti minuri ġew iċċarati, u waslu wkoll xi kummenti dwar il-parti tat-test li jiddeskrivi dak li huwa meħtieġ meta tinġabar id-data għall-ħarsa kumplessiva lejn id-domanda, il-provvista u l-infrastruttura attwali tat-tisħin u tat-tkessiħ. F’din il-parti tad-dokument, li hija l-iktar teknika, diversi partijiet ikkonċernati pproponew aġġustamenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġbir tad-data sabiex jiżguraw li s-setturi tagħhom ikunu rrappreżentati biżżejjed. Tliet Stati Membri pproponew il-preżentazzjoni tad-data dwar it-teknoloġiji tal-provvista tal-enerġija f’livell iktar ġenerali li jkun aggregat nazzjonalment. Barra minn hekk, tliet Stati Membri talbu għal bidla fil-livell limitu tar-rekwiżit tal-ġbir tad-data dwar il-provvista potenzjali ta’ sħana residwa għall-ġenerazzjoni annwali tal-enerġija, li jirriżulta mill-Anness VIII tal-EED eżistenti, minn kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ 20 GWh għal 20 MW. Żewġ Stati Membri fakkru l-ħtieġa li tinżamm konsistenza mad-Direttiva rreveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
Il-mekkaniżmu ta’ feedback seħħ mit-13 ta’ Diċembru 2018 sal-10 ta’ Jannar 2019. Waslu kummenti minn 14-il entità: 10 min-negozji, 3 mill-impriżi tat-tisħin distrettwali u 1 minn Stat Membru. Il-kontributuri kollha qablu li t-tisħin u t-tkessiħ huma elementi kruċjali li jistħoqqilhom analiżi bir-reqqa. Il-maġġoranza tal-kummenti indirizzaw ir-rekwiżiti għall-ġbir u għall-analiżi tad-data, fejn ġew proposti suġġerimenti biex ir-rekwiżiti jkunu iktar dettaljati u iktar flessibbli. Fir-rigward tar-rapportar tal-politika eżistenti u ppjanata, ġew issuġġeriti l-benefiċċji tas-CHP għas-sistema, filwaqt li tqajmet ukoll il-kwistjoni taż-żamma tan-newtralità teknoloġika.
Fl-24 ta’ Jannar 2019 seħħet laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, fejn ġie diskuss l-abbozz tad-dokument ta’ ħidma. Intlaħaq konsensus biex jiġi appoġġat l-att delegat, u saru xi bidliet tekniċi. Ġie ċċarat li fejn ir-Regolament ma jirregolax mod ieħor, l-Istati Membri jistgħu jaġixxu abbażi tal-liġi nazzjonali eżistenti tagħhom.