REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 19.12.2018
dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tagħha,
Billi:
(1)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza sabiex titqies l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u Prattiki Rakkomandati dwar il-Protezzjoni Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (l-Anness 16, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta' Chicago) adottati mill-Kunsill tal-ICAO fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Ġunju 2018, li huma maħsuba li japplikaw mill-2019.
(2)Il-monitoraġġ u r-rapportar kompluti, konsistenti, trasparenti u preċiżi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, skont ir-rekwiżiti armonizzati stabbiliti f’dan ir-Regolament, huma fundamentali għall-operat effikaċi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (“EU ETS”) stabbilita skont id-Direttiva 2003/87/KE.
(3)Fit-tielet perjodu ta’ negozjar tal-EU ETS (mill-2013 sal-2020), l-operaturi industrijali, l-operaturi tal-avjazzjoni, il-verifikaturi u l-awtoritajiet kompetenti kisbu esperjenza fil-monitoraġġ u r-rapportar skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012. Dik l-esperjenza wriet il-ħtieġa għal titjib, kjarifika u simplifikazzjoni tar-regoli ta’ monitoraġġ u rapportar sabiex tiġi promossa iktar armonizzazzjoni u s-sistema ssir iktar effiċjenti. Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali. Billi għandhom isiru iktar emendi, jenħtieġ li jiġi sostitwit għal raġunijiet ta’ ċarezza.
(4)Id-definizzjoni ta’ “bijomassa” f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun konsistenti mad-definizzjonijiet ta’ “bijomassa”, “bijolikwidi” u “bijokarburanti” fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, partikolarment peress li trattament preferenzjali fir-rigward ta’ obbligi ta’ restituzzjoni ta’ kwoti taħt l-EU ETS jikkostitwixxi “skema ta’ appoġġ” skont it-tifsira tal-punt (k) tal-Artikolu 2, u, konsegwentement, appoġġ finanzjarju skont it-tifsira tal-Artikolu 17(1)(c), ta’ dik id-Direttiva.
(5)Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/450/KE u d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jenħtieġ li japplikaw għal dan ir-Regolament.
(6)Sabiex jiġi żgurat li jsir l-aqwa operat tas-sistema ta’ monitoraġġ u rapportar, l-Istati Membri li jaħtru iżjed minn awtorità kompetenti waħda jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet kompetenti jikkoordinaw xogħolhom b’konformità mal-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(7)Il-pjan ta’ monitoraġġ li jistabbilixxi dokumentazzjoni dettaljata, kompluta u trasparenti li tikkonċerna l-metodoloġija ta’ installazzjoni speċifika jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiku, jenħtieġ li jkun parti ewlenija mis-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament. Għandhom ikunu meħtieġa aġġornamenti regolari tal-pjan, kemm bħala tweġiba għas-sejbiet tal-verifikatur kif ukoll fuq l-inizjattiva proprja tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. Ir-responsabbiltà ewlenija għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, li partijiet minnha huma speċifikati minn proċeduri meħtieġa minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li tibqa’ tal-operatur jew tal-operatur ta’ inġenji tal-ajru.
(8)Peress li l-pjan ta’ monitoraġġ jikkostitwixxi l-element ċentrali tar-regoli ta’ monitoraġġ u rapportar, kwalunkwe bidla sinifikanti fih jenħtieġ li tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti. Madankollu, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi, ċerti tipi ta' tibdil fil-pjan jenħtieġ li ma jitqisux sinifikanti u għalhekk ma jeħtiġux approvazzjoni formali.
(9)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti metodoloġiji bażiċi ta’ monitoraġġ sabiex jiġi mminimizzat il-piż fuq l-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, u jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ u r-rapportar effettivi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE. Dawk il-metodoloġiji jenħtieġ li jinkludu metodoloġiji bażiċi ta’ kalkolu u kejl. Il-metodoloġiji ta’ kalkolu jenħtieġ li jikkonsistu f’metodoloġija standard u f’metodoloġija tal-bilanċ tal-massa. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-metodoloġiji tal-kejl, il-metodoloġija tal-kalkolu standard u l-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa jiġu kkombinati fl-istess installazzjoni, sakemm l-operatur jiżgura li ma jkun hemm l-ebda ommissjoni jew għadd doppju.
(10)Sabiex jiġi mminimizzat il-piż fuq l-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, jenħtieġ li tiġi introdotta simplifikazzjoni rigward ir-rekwiżit tal-valutazzjoni tal-inċertezza, mingħajr ma titnaqqas il-preċiżjoni. Jenħtieġ li jiġu applikati rekwiżiti mnaqqsa b’mod konsiderevoli rigward il-valutazzjoni tal-inċertezza fejn jintużaw strumenti tal-kejl f'kundizzjonijiet “konformi mat-tip”, b’mod partikolari fejn dawk l-istrumenti jkunu taħt il-kontroll metroloġiku legali nazzjonali.
(11)Jeħtieġ li jiġu ddefiniti fatturi ta’ kalkolu li jistgħu jkunu fatturi predefiniti jew fatturi ddeterminati minn analiżi. Ir-rekwiżiti għall-analiżi jenħtieġ li jżommu l-preferenza għall-użu ta’ laboratorji akkreditati skont l-istandard armonizzat Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta’ laboratorji għall-ittestjar u l-kalibrar (EN ISO/IEC 17025) għall-metodi analitiċi rilevanti, u jipprovdu rekwiżiti sabiex tintwera ekwivalenza robusta fil-każ ta’ laboratorji mhux akkreditati, inkluż b’konformità mal-istandard armonizzat Sistemi ta’ maniġment tal-kwalità – Rekwiżiti (EN ISO/IEC 9001) jew sistemi ta’ maniġment tal-kwalità ċertifikati relevanti oħrajn.
(12)Jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija trasparenti u konsistenti sabiex jiġu ddeterminati kostijiet irraġonevoli.
(13)Jenħtieġ li tiġi stabbilita ekwivalenza ulterjuri bejn il-metodoloġiji bbażati fuq il-kalkolu u dawk ibbażati fuq il-kejl. Dan ser jeħtieġ allinjament aħjar tar-rekwiżiti tal-livelli. Għall-iskop tad-determinazzjoni ta’ frazzjonijiet tal-bijomassa ta’ CO2 meta jintużaw sistemi ta’ kejl kontinwu tal-emissjonijiet (CEMS), jenħtieġ li jittieħed kont tal-progress teknoloġiku reċenti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli iktar flessibbli għad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa, b’mod partikolari billi jiġu permessi metodi oħra minbarra approċċi bbażati fuq il-kalkolu għal dan l-iskop.
(14)Peress li l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-bijomassa huma komunement ikklassifikati bħala żero għall-iskop tal-EU ETS, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ssimplifikati ta’ monitoraġġ għal flussi ta’ sorsi ta’ bijomassa puri. Meta l-fjuwils jew il-materjali jkunu taħlitiet ta’ bijomassa u kostitwenti fossili, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jiġu ċċarati. Jenħtieġ li ssir distinzjoni aħjar bejn il-fattur ta’ emissjoni preliminari li jirreferi għall-kontenut totali tal-karbonju u l-fattur ta’ emissjoni li jirreferi biss għall-frazzjoni ta’ CO2 fossili. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li jiġu pprovduti definizzjonijiet separati tal-livelli għall-fattur ta’ emissjoni preliminari u l-frazzjoni tal-bijomassa/fossili. Bħal fil-każ ta’ fatturi ta’ kalkolu oħrajn, ir-rekwiżiti jenħtieġ li jqisu d-daqs tal-installazzjoni u l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra assoċjati mal-fjuwil jew mal-materjal. Għal dan il-għan, ir-rekwiżiti minimi jenħtieġ li jiġu definiti.
(15)L-impożizzjoni ta’ sforz ta’ monitoraġġ sproporzjonat fuq installazzjonijiet b’emissjonijiet annwali iżjed baxxi u inqas konsegwenzjali jenħtieġ li tiġi evitata, filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm livell aċċettabbli ta’ preċiżjoni. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċjali għal installazzjonijiet ikkunsidrati li għandhom emissjonijiet baxxi u għal operaturi ta’ inġenji tal-ajru kkunsidrati bħala emittenti żgħar.
(16)L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jippermetti lill-Istati Membri jeskludu installazzjonijiet żgħar mill-EU ETS, suġġett għal miżuri ekwivalenti u dejjem jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet f’dak l-Artikolu. L-Artikolu 27a tad-Direttiva 2003/87/KE jippermetti lill-Istati Membri jeskludu l-installazzjonijiet b’emissjonijiet ta’ inqas minn 2 500 tunnellata, mill-EU ETS sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet f’dak l-Artikolu. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax direttament għal installazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27 jew 27a tad-Direttiva 2003/87/KE sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix mod ieħor.
(17)Sabiex jiġu koperti lakuni potenzjali marbutin mat-trasferiment ta’ CO2 inerenti jew pur, trasferimenti bħal dawn jenħtieġ li jiġu permessi biss soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi ħafna. Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Jannar 2017 fil-Kawża C-460/15, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 u l-punt 10(B) tal-Anness IV ta' dak ir-Regolament huma invalidi safejn jinkludu b’mod sistematiku d-dijossidu tal-karbonju (CO2) trasferit lejn installazzjoni oħra għall-produzzjoni tal-karbonat tal-kalċju ppreċipitat fl-emissjonijiet tal-installazzjoni tal-kombustjoni tal-ġir, irrispettivament minn jekk dak is-CO2 huwiex rilaxxat fl-atmosfera jew le. Sabiex titqies is-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-460/15, is-CO2 li jiġi ttrasferit għall-produzzjoni tal-karbonat tal-kalċju ppreċipitat u jispiċċa marbut kimikament fih jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li mhuwiex rilaxxat fl-atmosfera. Madankollu, dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li ma jeskludux il-possibbiltà ta’ innovazzjonijiet futuri. Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 jenħtieġ li, għalhekk, jiġi emendat kif meħtieġ.
(18)Peress li huwa possibbli li mhux biss CO2, iżda wkoll N2O jiġi ttrasferit bejn l-installazzjonijiet, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli ta’ monitoraġġ għat-trasferiment ta’ N2O li huma simili għal dawk għat-trasferiment ta’ CO2. Barra minn hekk, huwa xieraq li d-definizzjoni ta’ CO2 inerenti tiġi estiża lil hinn mil-limiti tas-CO2 li jinsab fi fjuwils għal CO2 li jinsab fi kwalunkwe fluss mis-sors li għandu jiġi mmonitorjat.
(19)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-avjazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ monitoraġġ u l-monitoraġġ ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra.
(20)L-istima ta’ data nieqsa jenħtieġ li ssir iżjed konsistenti billi jkun meħtieġ li jintużaw proċeduri konservattivi ta’ stima rikonoxxuti fil-pjan ta’ monitoraġġ jew, fejn dan ma jkunx possibbli, permezz tal-approvazzjoni ta’ proċedura xierqa mill-awtorità kompetenti u l-inklużjoni tagħha fil-pjan ta’ monitoraġġ.
(21)L-operaturi jenħtieġ li jkunu meħtieġa li jirrevedu regolarment il-metodoloġija ta’ monitoraġġ tagħhom għat-titjib u li jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-verifikaturi bħala parti mill-proċess ta’ verifika. Fejn ma jużawx metodoloġija bbażata fuq is-sistema tal-livelli jew jonqsu milli jilħqu l-ogħla livell tal-metodoloġiji, l-operaturi jenħtieġ li jirrapportaw regolarment dwar il-passi li qed jieħdu biex jilħqu metodoloġija ta’ monitoraġġ ibbażata fuq is-sistema tal-livelli u biex jilħqu l-ogħla livell meħtieġ. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mar-rappurtar dwar it-titjib, l-intervalli u r-raġunijiet għar-rappurtar dwar it-titjib jenħtieġ li jiġu aġġustati billi jitqiesu l-esperjenzi fil-prattika amministrattiva mill-Istati Membri.
(22)Skont l-Artikoli 3e(1) u 28a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru jistgħu japplikaw għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, rigward attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, fuq bażi ta’ data vverifikata dwar it-tunnellati-kilometri.
(23)Jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġija tal-informatika, inklużi rekwiżiti għal formati tal-iskambju tad-data u l-użu ta’ sistemi awtomatizzati, u għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistemi bħal dawn. L-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew ukoll jelaboraw il-mudelli elettroniċi u speċifiċitajiet ta’ formats ta’ fajl tagħhom stess li, madankollu, jenħtieġ li jikkonformaw mal-istandards minimi ppubblikati mill-Kummissjoni.
(24)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal sustanzi li fihom forom oħra ta’ karbonju li jwasslu għal emissjonijiet ta’ CO2 għajr materjali li fihom il-karbonat sabiex jipprovdu iktar ċarezza dwar ir-regoli ta’ monitoraġġ u rappurtar għall-emissjonijiet tal-proċess. L-użu tal-urea fit-tisfija mill-impuritajiet tal-gassijiet mit-tromba taċ-ċumnijajenħtieġ li jissemma espliċitament u jenħtieġ li jiġi elenkat fattur tal-emissjoni predefinit korrispondenti.
(25)L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw ħin biżżejjed sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa u jistabbilixxu l-qafas istituzzjonali nazzjonali xieraq sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika, inkluż wara reviżjoni oħra, qabel il-bidu tal-applikabilità tiegħu, sabiex iqis l-iżviluppi ulterjuri u sabiex ineħħu r-referenzi għal sorsi barra mil-liġi tal-Unjoni fejn possibbli, mill-bidu tar-raba’ perjodu ta’ negozjar, ħlief għall-emendi lir-Regolament (UE) Nru 601/2012 li jenħtieġ li japplikaw malajr kemm jista’ jkun.
(26)Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 jenħtieġ li jitħassar mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, l-effetti tiegħu jenħtieġ li jinżammu għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tad-data tal-emissjonijiet u tal-attivitajiet li jseħħu matul it-tielet perjodu ta’ negozjar tal-EU ETS.
(27)Dan ir-Regolament jinkludi titjib lill-monitoraġġ u r-rapportar li jqis l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u Prattiki Rakkomandati dwar il-Protezzjoni Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (Anness 16, Volum IV għall-Ftehim) adottata mill-Kunsill tal-ICAO fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Ġunju 2018. Ir-Regolament dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati-kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE qed jiġi emendat ukoll sabiex titqies l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati, u dawn iż-żewġ strumenti qed jiġu ssupplimentati minn Att Delegat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(28)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Taqsima 1
Is-suġġett u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-attivitajiet skont id-Direttiva 2003/87/KE fil-perjodu ta’ negozjar tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet li jibda fl-1 ta’ Jannar 2021 u perjodi sussegwenti ta’ negozjar.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra speċifikati b’rabta mal-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE u data dwar l-attivitajiet minn installazzjonijiet stazzjonarji, minn attivitajiet tal-avjazzjoni u għall-monitoraġġ u r-rapportar tad-data dwar it-tunnellati-kilometri minn attivitajiet tal-avjazzjoni.
Dan għandu japplika għad-data dwar l-emissjonijiet u l-attivitajiet li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“data dwar l-attivitajiet” tfisser data dwar l-ammont ta’ karburanti jew materjali kkonsmati jew prodotti minn proċess rilevanti għall-metodoloġija ta’ monitoraġġ ibbażata fuq kalkolu, espress f’terajoules, il-massa f’tunnellati jew (għall-gassijiet) bħala volum f’metri kubiċi normali, kif xieraq;
(2)“perjodu ta’ negozjar” tfisser perjodu kif imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/87/KE;
(3)“tunnellata-kilometru” tfisser tunnellata ta’ tagħbija utli li tkun inġarret distanza ta’ kilometru;
(4)“fluss mis-sors” tfisser kwalunkwe ħaġa minn dawn li ġejjin:
(a)tip speċifiku ta’ karburant, materja prima jew prodott li joħloq emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilevanti f’sors ta’ emissjoni wieħed jew iktar b'riżultat tal-konsum jew il-produzzjoni tiegħu;
(b)tip speċifiku ta’ karburant, materja prima jew prodott li jinkludi l-karbonju u inkluż fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bl-użu ta’ metodoloġija ta’ bilanċ tal-massa;
(5)“sors ta’ emissjoni” tfisser parti identifikabbli b’mod separat ta’ installazzjoni jew proċess f’installazzjoni, li minnha jiġu rilaxxati gassijiet serra rilevanti jew, għall-attivitajiet tal-avjazzjoni, inġenju tal-ajru individwali;
(6)“inċertezza” tfisser parametru, assoċjat mar-riżultat tad-determinazzjoni ta’ kwantità, li jikkaratterizza d-dispersjoni tal-valuri li jkunu jistgħu jiġu attribwiti b’mod raġonevoli lill-kwantità partikolari, inklużi l-effetti ta’ fatturi sistematiċi kif ukoll ta’ fatturi aleatorji, espressi f’perċentwal, u jiddeskrivi intervall ta’ kunfidenza madwar il-valur medju li jinkludi 95 % tal-valuri dedotti b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe asimmetrija tad-distribuzzjoni tal-valuri;
(7)“fatturi ta’ kalkolu” tfisser valur kalorifiku nett, fattur ta’ emissjoni, fattur preliminari ta’ emissjoni, fattur ta’ ossidazzjoni, fattur ta’ konverżjoni, kontenut ta’ karbonju jew frazzjoni ta’ bijomassa;
(8)“livell” tfisser rekwiżit stabbilit użat għad-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet, il-fatturi ta’ kalkolu, l-emissjonijiet annwali u l-medja fis-siegħa annwali tal-emissjonijiet, u t-tagħbija utli;
(9)“riskju inerenti” tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar it-tunnellati-kilometri annwali għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jiġi kkunsidrat l-effett ta’ kwalunkwe attività ta’ kontroll relatata;
(10)“riskju ta’ kontroll” tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar it-tunnellati-kilometri għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, u li ma jiġux evitati jew skoperti u korretti fil-ħin mis-sistema ta’ kontroll;
(11)“emissjonijiet ta’ kombustjoni” tfisser emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jseħħu waqt ir-reazzjoni eżotermika ta’ karburant mal-ossiġenu;
(12)“perjodu ta’ rapportar” tfisser sena kalendarja li matulha jkollhom jiġu mmonitorjati u rrapportati emissjonijiet jew, għal data ta’ tunnellati-kilometri, is-sena ta’ monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikoli 3e u 3f tad-Direttiva 2003/87/KE;
(13)“fattur ta’ emissjoni” tfisser ir-rata medja ta’ emissjoni ta’ gass serra relatata mad-data dwar l-attivitajiet ta’ fluss minn sors bis-suppożizzjoni ta’ ossidazzjoni kompluta għall-kombustjoni u l-konverżjoni kompluta għar-reazzjonijiet kimiċi l-oħrajn kollha;
(14)“fattur tal-ossidazzjoni” tfisser il-proporzjon ta’ karbonju ossidat għal CO2 bħala konsegwenza ta’ kombustjoni mat-total ta’ karbonju li jinsab fil-karburant, espress bħala frazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-monossidu tal-karbonju (CO) rilaxxat fl-atmosfera bħala l-ammont molari ekwivalenti ta’ CO2;
(15)“fattur ta’ konverżjoni” tfisser il-proporzjon ta’ karbonju rilaxxat bħala CO2 mal-karbonju totali inkluż fil-fluss minn sors qabel ma jseħħ il-proċess ta’ emissjoni, espress bħala frazzjoni, b’kunsiderazzjoni tas-CO rilaxxat fl-atmosfera bħala l-ammont molari ekwivalenti ta’ CO2;
(16)“preċiżjoni” tfisser kemm ikun qrib il-qbil bejn ir-riżultat ta’ kejl u l-valur effettiv tal-kwantità partikolari jew valur ta’ referenza ddeterminat b’mod empiriku bl-użu ta’ materjali ta’ kalibrazzjoni u metodi standard aċċettati f’livell internazzjonali u traċċabbli, billi jiġu kkunsidrati kemm il-fatturi aleatorji kif ukoll dawk sistematiċi;
(17)“kalibrazzjoni” tfisser il-grupp ta’ operazzjonijiet, li jistabbilixxi, f'kundizzjonijiet speċifikati, ir-rabtiet bejn valuri indikati minn strument tal-kejl jew sistema tal-kejl, jew valuri rrappreżentati minn kejl materjali jew materjal ta’ referenza u l-valuri korrispondenti ta’ kwantità realizzata permezz ta’ standard ta’ referenza;
(18)“titjira” tfisser titjira kif definita fil-punt 1(1) tal-Anness tad-Deċiżjoni 2009/450/KE;
(19)“passiġġieri” tfisser persuni abbord l-inġenju tal-ajru waqt titjira esklużi l-membri tal-ekwipaġġ waqt il-ħin tax-xogħol;
(20)“konservattiv” tfisser li jiġi ddefinit grupp ta’ suppożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li ma sseħħ l-ebda sottostima ta’ emissjonijiet annwali jew sovrastima ta’ tunnellati -kilometri;
(21)“bijomassa” tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi ta’ oriġini bijoloġika mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u tal-annimali), mill-forestrija u minn industriji oħrajn relatati, inkluż mis-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u dak muniċipali; tinkludi wkoll il-bijolikwidi u l-bijokarburanti;
(22)“bijolikwidi” tfisser karburant likwidu għal finijiet enerġetiċi minbarra għat-trasport, inkluż l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ, prodott minn bijomassa;
(23)“bijokarburanti” tfisser karburant likwidu jew gassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa;
(24)“kontroll metroloġiku legali” tfisser il-kontroll tal-kompiti tal-kejl maħsuba għall-kamp tal-applikazzjoni ta’ strument tal-kejl, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġbir tat-taxxi u tad-dazji, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-kummerċ ġust;
(25)“żball massimu permissibbli” tfisser l-iżball ta’ kejl permess kif speċifikat fl-Anness I u l-annessi speċifiċi għall-istrumenti tad-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew regoli nazzjonali dwar il-kontroll metroloġiku legali, kif xieraq;
(26)“attivitajiet ta’ fluss ta’ data” tfisser attivitajiet relatati mal-akkwist, l-ipproċessar u l-immaniġġjar ta’ data meħtieġa għat-tfassil ta’ rapport dwar l-emissjonijiet minn data ta’ sorsi primarji;
(27)“tunnellati ta’ CO2(e)” tfisser tunnellati metriċi ta’ CO2 jew CO2(e);
(28)“CO2(e)” tfisser kwalunkwe gass serra, minbarra CO2, elenkat fl-Anness II tad-Direttiva 2003/87/KE b’potenzjal ekwivalenti ta’ tisħin globali bħal CO2;
(29)“sistema ta’ kejl” tfisser grupp komplut ta’ strumenti tal-kejl u tagħmir ieħor, bħal tagħmir għat-teħid ta’ kampjuni u l-ipproċessar ta’ data, użati għad-determinazzjoni ta’ fatturi varjabbli bħad-data tal-attivitajiet, il-kontenut ta’ karbonju, il-valur kalorifiku jew il-fattur ta’ emissjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
(30)“valur kalorifiku nett” (NCV) tfisser l-ammont speċifiku ta’ enerġija rilaxxata bħala sħana meta karburant jew materjal jiġi sottopost għal kombustjoni kompluta bl-ossiġenu f'kundizzjonijiet standard, bit-tnaqqis tas-sħana tal-vaporizzazzjoni ta’ kwalunkwe ilma li jifforma;
(31)“emissjonijiet ta’ proċess” tfisser emissjonijiet ta’ gassijiet serra minbarra l-emissjonijiet ta’ kombustjoni li jinħolqu bħala riżultat ta’ reazzjonijiet intenzjonati u mhux intenzjonati bejn sustanzi jew it-trasformazzjoni tagħhom, inkluż ir-riduzzjoni kimika jew elettrolitika ta’ minerali metalliċi, id-dekompożizzjoni termali ta’ sustanzi, u l-formazzjoni ta’ sustanzi għall-użu bħala prodott jew materja prima;
(32)“karburant standard kummerċjali” tfisser il-karburanti kummerċjali standardizzati f’livell internazzjonali li juru intervall ta’ kunfidenza ta’ 95 % ta’ mhux iżjed minn 1 % għall-valur kalorifiku speċifikat tagħhom, inkluż iż-żejt tal-gass, iż-żejt ta’ karburanti ħfief, il-gażolina, iż-żejt tal-lampi, il-pitrolju, l-etan, il-propan u l-butan, il-pitrolju tal-ġettijiet (ġett A1 jew ġett A), il-gażolina tal-ġettijiet (ġett B) u l-gażolina tal-avjazzjoni (AvGas);
(33)“lott” tfisser ammont ta’ karburant jew materjal meħud bħala kampjun b’mod rappreżentattiv u kkaratterizzat u ttrasferit bħala vjeġġ wieħed jew kontinwament matul perjodu ta’ żmien speċifiku;
(34)“karburant imħallat” tfisser karburant li jinkludi kemm karbonju tal-bijomassa kif ukoll karbonju fossili;
(35)“materjal imħallat” tfisser materjal li jinkludi kemm karbonju tal-bijomassa kif ukoll karbonju fossili;
(36)“fattur ta’ emissjoni preliminari” tfisser il-fattur ta’ emissjoni totali preżunt ta’ karburant jew materjal ibbażat fuq il-kontenut ta’ karbonju tal-frazzjoni ta’ bijomassa tiegħu flimkien mal-frazzjoni ta’ fossili tiegħu qabel ma jiġi mmultiplikat mal-frazzjoni ta’ fossili sabiex jipproduċi l-fattur ta’ emissjoni;
(37)“frazzjoni fossili” tfisser il-proporzjon ta’ karbonju fossili mal-kontenut totali ta’ karbonju ta’ karburant jew materjal, espress bħala frazzjoni;
(38)“frazzjoni ta’ bijomassa” tfisser il-proporzjon ta’ karbonju li joriġina minn bijomassa mqabbel mal-kontenut totali ta’ karbonju ta’ karburant jew materjal, espress bħala frazzjoni;
(39)“metodu tal-bilanċ tal-enerġija” tfisser metodu għall-istima tal-ammont ta’ enerġija użata bħala karburant f'bojler, ikkalkulat bħala s-somma ta’ sħana li tista’ tintuża u t-telf rilevanti kollu ta’ enerġija permezz ta’ radjazzjoni, trażmissjoni u permezz tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija;
(40)“kejl kontinwu tal-emissjonijiet” tfisser grupp ta’ operazzjonijiet li jkollhom l-għan li jiddeterminaw il-valur ta’ kwantità permezz ta’ kejl perjodiku, bl-applikazzjoni ta’ kejl in situ fiċ-ċumnija jew ta’ proċeduri estrattivi bi strument tal-kejl imqiegħed qrib iċ-ċumnija, waqt li jiġu esklużi metodoloġiji ta’ kejl ibbażati fuq il-ġbir ta’ kampjuni individwali miċ-ċumnija;
(41)“CO2inerenti” tfisser CO2 li huwa parti minn fluss ta’ sors;
(42)“karbonju fossili” tfisser karbonju inorganiku jew organiku li ma jkunx bijomassa;
(43)“punt tal-kejl” tfisser is-sors ta’ emissjoni li għalih jintużaw sistemi ta’ kejl ta’ emissjonijiet kontinwi (CEMS) għall-kejl ta’ emissjonijiet, jew it-taqsima trasversali ta’ sistema ta’ pajpijiet li għaliha l-fluss ta’ CO2 jiġi ddeterminat bl-użu ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu;
(44)“dokumentazzjoni ta’ massa u bilanċ” tfisser id-dokumentazzjoni kif speċifikata fl-implimentazzjoni internazzjonali jew nazzjonali tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs), kif stabbilit fl-Anness 6 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 u kif speċifikat fit-Taqsima 3 tas-Sottoparti C tal-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012, jew regoli internazzjonali applikabbli ekwivalenti;
(45)“distanza” tfisser id-distanza ortodromika bejn l-ajrudrom tat-tluq u l-ajrudrom tal-wasla, flimkien ma’ fattur fiss ta’ 95 km;
(46)“ajrudrom tat-tluq” tfisser l-ajrudrom li fih tibda titjira li tikkostitwixxi attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE;
(47)“ajrudrom tal-wasla” tfisser l-ajrudrom li fih tispiċċa titjira li tikkostitwixxi attività tal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE;
(48)“tagħbija utli” tfisser il-massa totali ta’ merkanzija, posta, passiġġieri u bagalji li jinġarru abbord inġenju tal-ajru waqt titjira;
(49)“emissjonijiet li jaħarbu” tfisser emissjonijiet irregolari jew ta’ bla ħsieb minn sorsi li ma jkunux lokalizzati, jew li jvarjaw wisq jew żgħar wisq sabiex jiġu mmonitorjati individwalment;
(50)“ajrudrom” tfisser ajrudrom kif definit fil-punt 1(2) tal-Anness tad-Deċiżjoni 2009/450/KE;
(51)“par ajrudromi” tfisser par magħmul mill-ajrudrom tat-tluq u l-ajrudrom tal-wasla;
(52)“kundizzjonijiet standard” tfisser temperatura ta’ 273,15 K u kundizzjonijiet ta’ pressjoni ta’ 101 325 Pa li jiddefinixxu metri kubiċi normali (Nm3);
(53)“sit tal-ħżin” tfisser sit tal-ħżin kif definit fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/31/KE;
(54)“il-qbid ta’ CO2 ” tfisser l-attività tal-qbid ta’ CO2 minn flussi tal-gass, li inkella jiġi rilaxxat, bil-għan li jinġarr u jinħażen b’mod ġeoloġiku f’sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(55)“trasport ta’ CO2 ” tfisser it-trasport ta’ CO2 permezz ta’ pajpijiet għall-ħżin ġeoloġiku f’sit ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(56)“ħżin ġeoloġiku ta’ CO2” tfisser il-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2 kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/31/KE;
(57)“emissjonijiet ivventjati” tfisser emissjonijiet rilaxxati deliberatament minn installazzjoni permezz ta’ punt definit ta’ emissjoni;
(58)“irkupru mtejjeb ta’ idrokarburi” tfisser l-irkupru ta’ idrokarburi minbarra dawk estratti bl-injezzjoni ta’ ilma jew mezzi oħrajn;
(59)“data proxy” tfisser valuri annwali li jiġu sostanzjati b’mod empiriku jew jiġu dderivati minn sorsi aċċettati u li operatur juża sabiex jissostitwixxi d-data tal-attivitajiet jew il-fatturi ta’ kalkolu għall-fini li jiġi żgurat rapportar komplut meta ma jkunx possibbli li tiġi ġġenerata d-data tal-attivitajiet kollha meħtieġa jew il-fatturi ta’ kalkolu fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikabbli;
(60)“kolonna tal-ilma” tfisser kolonna tal-ilma kif definita fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/31/KE;
(61)“tnixxija” tfisser tnixxija kif definit fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/31/KE;
(62)“kumpless tal-ħżin” tfisser il-kumpless tal-ħżin kif definit fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/31/KE;
(63)“netwerk tat-trasport” tfisser netwerk tat-trasport kif definit fl-Artikolu 3(22) tad-Direttiva 2009/31/KE.
Taqsima 2
Prinċipji ġenerali
Artikolu 4
Obbligu ġenerali
L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom relatati mal-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra taħt id-Direttiva 2003/87/KE skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9.
Artikolu 5
Kompletezza
Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu kompluti u jkopru l-emissjonijiet kollha tal-proċess u l-kombustjoni mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi mis-sorsi kollha li jagħmlu parti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u attivitajiet rilevanti oħrajn inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, u tal-gassijiet serra kollha speċifikati b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet waqt li jiġi evitat l-għadd doppju.
L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jevitaw kwalunkwe nuqqas fid-data fi żmien il-perjodu ta’ rapportar.
Artikolu 6
Konsistenza, komparabbiltà u trasparenza
1.Il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom ikunu konsistenti u komparabbli tul iż-żmien. Għal dak il-għan, l-operaturi u l-operaturi ta’ inġeni tal-ajru għandhom jużaw ċerti metodoloġiji ta’ monitoraġġ u gruppi ta’ data soġġetti għal tibdil u derogi approvati mill-awtorità kompetenti.
2.L-operaturi u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jiksbu, jirreġistraw, jikkompilaw, janalizzaw u jiddokumentaw data ta’ monitoraġġ, inklużi suppożizzjonijiet, referenzi, data dwar l-attivitajiet u fatturi ta’ kalkolu, b’mod trasparenti li jippermetti r-riproduzzjoni tad-determinazzjoni ta’ emissjonijiet mill-verifikatur u l-awtorità kompetenti.
Artikolu 7
Akkuratezza
L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jiżguraw li d-determinazzjoni ta’ emissjonijiet ma tkunx impreċiża la b’mod sistematiku u lanqas b’mod konxju.
Huma għandhom jidentifikaw u jnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli kwalunkwe sors ta’ ineżattezza.
Huma għandhom jeżerċitaw diliġenza xierqa sabiex jiżguraw li l-kalkolu u l-kejl tal-emissjonijiet juru l-ogħla preċiżjoni li tista’ tintlaħaq.
Artikolu 8
Integrità tal-metodoloġija u tar-rapport dwar l-emissjonijiet
L-operaturi u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jippermettu li tiġi rrappurtata assigurazzjoni raġonevoli tal-integrità tad-data tal-emissjonijiet. Huma għandhom jiddeterminaw l-emissjonijiet bl-użu tal-metodoloġiji ta’ monitoraġġ xierqa stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Id-data dwar l-emissjonijiet irrappurtata u l-iżvelar relatat għandhom ikunu ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali kif definit fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill], għandhom jevitaw il-preġudizzju fl-għażla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni, u għandhom jipprovdu rendikont kredibbli u bbilanċjat tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni jew operatur ta’ inġenji tal-ajru.
Fl-għażla tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, it-titjib li jirriżulta minn akkuratezza ikbar għandu jiġi bbilanċjat mal-kostijiet addizzjonali. Il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet għandu jkollhom il-mira li jilħqu l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb, għajr jekk dan ma jkunx teknikament vijabbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli.
Artikolu 9
Titjib kontinwu
L-operaturi u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti ta’ verifika maħruġa skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE fil-monitoraġġ u r-rapportar konsegwenti.
Artikolu 10
Koordinazzjoni
Fejn Stat Membru jaħtar iżjed minn awtorità kompetenti waħda skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa għandu jikkoordina l-ħidma mwettqa minn dawk l-awtoritajiet skont dan ir-Regolament.
Kapitolu II
PJAN TA’ MONITORAĠĠ
Taqsima 1
Regoli ġenerali
Artikolu 11
Obbligu ġenerali
1.Kull operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-emissjoniijet ta’ gassijiet serra fuq il-bażi ta’ pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 12, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew tal-attività ta’ avjazzjoni li japplika għalihom.
Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jiġi ssupplimentat permezz ta’ proċeduri bil-miktub li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm għal attivitajiet skont il-pjan ta’ monitoraġġ, skont kif ikun xieraq.
2.Il-pjan ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiddeskrivi l-istruzzjonijiet lill-operatur jew lill-operatur ta’ inġenji tal-ajru b'mod loġiku u sempliċi, billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu kkunsidrati sistemi eżistenti li jkunu jinsabu fl-installazzjoni jew użati mill-operatur jew mill-operatur ta’ inġenji tal-ajru.
Artikolu 12
Il-kontenut u s-sottomissjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ
1.Kull operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.
Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni dettaljata, kompluta u trasparenti tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni speċifika jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru speċifiku u għandu jinkludi mill-inqas l-elementi stabbiliti fl-Anness I.
Flimkien mal-pjan ta’ monitoraġġ, l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jissottometti d-dokumenti ta’ appoġġ li ġejjin:
(a)għal installazzjonijiet, evidenza għal kull fluss ta’ sors maġġuri u minuri li turi konformità mal-limiti ta’ inċertezza għal data tal-attivitajiet u fatturi ta’ kalkolu, fejn applikabbli, għal livelli applikati kif definiti fl-Annessi II u IV, u għal kull sors ta’ emissjoni li juri konformità mal-limiti ta’ inċertezza għal-livelli applikati kif definiti fl-Anness VIII, fejn applikabbli;
(b)ir-riżultati ta’ valutazzjoni tar-riskji li jipprovdu evidenza li l-attivitajiet ta’ kontroll u l-proċeduri għall-attivitajiet ta’ kontroll proposti jkunu proporzjonati mar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll identifikati.
2.Fejn l-Anness I jirreferi għal proċedura, operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura bħal din b’mod separat mill-pjan ta’ monitoraġġ.
L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jagħmel sommarju tal-proċeduri fil-pjan ta’ monitoraġġ li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
(a)it-titlu tal-proċedura;
(b)referenza traċċabbli u verifikabbli għall-identifikazzjoni tal-proċedura;
(c)identifikazzjoni tal-kariga jew tad-dipartiment responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proċedura u għad-data ġġenerata minn jew immaniġġjata mill-proċedura;
(d)deskrizzjoni fil-qosor tal-proċedura, li tippermetti lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru, lill-awtorità kompetenti u lill-verifikatur jifhmu l-parametri essenzjali u l-operazzjonijiet imwettqa;
(e)il-post tar-reġistri u tal-informazzjoni rilevanti;
(f)isem is-sistema kompjuterizzata użata, fejn applikabbli;
(g)lista tal-istandards EN jew standards oħrajn applikati, jekk rilevanti.
L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħmel disponibbli kwalunkwe dokumentazzjoni bil-miktub tal-proċeduri lill-awtorità kompetenti fuq talba. L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandhom jagħmluhom disponibbli wkoll għall-finijiet tal-verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
3.Minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-inklużjoni ta’ elementi ulterjuri fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjonijiet sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 10a(21) ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 13
Pjanijiet ta’ monitoraġġ standardizzati u simplifikati
1.L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operaturi u lill-operaturi ta’ inġenji tal-ajru l-użu ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ standardizzati jew simplifikati, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(3).
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw mudelli għal dawk il-pjanijiet ta’ monitoraġġ, inkluż id-deskrizzjoni ta’ fluss ta’ data u proċeduri ta’ kontroll imsemmija fl-Artikoli 58 u 59, abbażi tal-mudelli u l-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni.
2.Qabel l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe pjan ta’ monitoraġġ issimplifikat, kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni tar-riskji simplifikata dwar jekk l-attivitajiet ta’ kontroll u l-proċeduri għal attivitajiet ta’ kontroll proposti humiex proporzjonati mar-riskji inerenti u mar-riskji ta’ kontroll identifikati, u jekk jiġġustifikawx l-użu ta’ pjan ta’ monitoraġġ simplifikat bħal dan.
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jwettaq il-valutazzjoni tar-riskji skont is-subparagrafu ta’ qabel stess, fejn ikun xieraq.
Artikolu 14
Modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ
1.Kull operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jivverifika regolarment jekk il-pjan ta’ monitoraġġ jirriflettix in-natura u l-funzjonament tal-installazzjoni jew tal-attività ta’ avjazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87/KE, u jekk il-metodoloġija ta’ monitoraġġ tistax tittejjeb.
2.L-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jimmodifika l-pjan ta’ monitoraġġ, mill-inqas, fi kwalunkwe sitwazzjoni bħal dawn li gejjin:
(a)iseħħu emissjonijiet ġodda minħabba attivitajiet ġodda li jkunu qegħdin jitwettqu jew minħabba l-użu ta’ karburanti jew materjali ġodda li jkunu għadhom mhumiex inklużi fil-pjan ta’ monitoraġġ;
(b)tinbidel id-disponibbiltà tad-data, minħabba l-użu ta’ tipi ġodda ta’ strumenti tal-kejl, ta’ metodi għat-teħid ta’ kampjuni jew ta’ metodi ta’ analiżi, jew għal raġunijiet oħra, li twassal għal preċiżjoni ogħla fid-determinazzjoni tal-emissjonijiet;
(c)id-data li tirriżulta mill-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikata preċedentement tkun instabet li mhix korretta;
(d)it-tibdil tal-pjan ta’ monitoraġġ itejjeb il-preċiżjoni tad-data rrapportata, għajr jekk dan ma jkunx teknikament vijabbli jew jista’ jimplika kostijiet irraġonevoli;
(e)il-pjan ta’ monitoraġġ ma jkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-awtorità kompetenti titlob lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru sabiex jibdluh;
(f)ikun meħtieġ li ssir tweġiba għas-suġġerimenti għat-titjib tal-pjan ta’ monitoraġġ inkluż f’rapport ta’ verifika.
Artikolu 15
Approvazzjoni ta’ modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ
1.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe proposta għal tibdil tal-pjan ta’ monitoraġġ mingħajr dewmien żejjed.
Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jinnotifika modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ li mhumiex sinifikanti skont it-tifsira tal-paragrafi 3 u 4 sal-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
2.Kwalunkwe tibdil sinifikanti tal-pjan ta’ monitoraġġ kif mifhum fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun suġġett għal approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.
Fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li modifika ma tkunx sinifikanti, għandha tgħarraf lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru dwar dan mingħajr dewmien żejjed.
3.Modifiki sinifikanti għall-pjan ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni jinkludu:
(a)bidliet fil-kategorija tal-installazzjoni fejn dawn il-bidliet jeħtieġu bidla fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ jew iwasslu għal bidla fil-livell ta’ materjalità applikabbli skont l-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill];
(b)minkejja l-Artikolu 47(8), tibdil dwar jekk l-installazzjoni hijiex ikkunsidrata bħala “installazzjoni b’emissjonijiet baxxi”;
(c)tibdil fis-sorsi tal-emissjonijiet;
(d)bidla minn metodoloġiji bbażati fuq il-kalkoli għal dawk ibbażati fuq il-kejl, jew vice versa, jew minn metodoloġija ta’ riżerva għal metodoloġija bbażata fuq il-livelli sabiex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet jew vice versa;
(e)bidla fil-livell applikat;
(f)l-introduzzjoni ta’ flussi ġodda minn sorsi;
(g)bidla fil-kategorizzazzjoni ta’ flussi minn sorsi – bejn flussi minn sors kbar, minuri jew de-minimis fejn tali bidla teħtieġ bidla fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ;
(h)bidla fil-valur predefinit għal fattur ta’ kalkolu, fejn il-valur għandu jiġi stabbilit fil-pjan ta’ monitoraġġ;
(i)l-introduzzjoni ta’ metodi ġodda jew bidliet għal metodi eżistenti relatati mat-teħid ta’ kampjuni, analiżi jew kalibrazzjoni, fejn dan għandu impatt dirett fuq l-akkuratezza tad-data tal-emissjonijiet;
(j)l-implimentazzjoni jew l-adattament ta’ metodoloġija ta’ kwantifikazzjoni għall-emissjonijiet minn tnixxija fil-postijiet tal-ħżin.
4.Tibdil sinifikanti fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru jinkludi:
(a)fir-rigward tal-pjan ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet:
(i)bidla tal-valuri tal-fatturi ta’ emissjoni stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ;
(ii)bidla fil-metodi tal-kalkolu kif stipulat fl-Anness III, jew bidla mill-użu ta’ metodu tal-kalkolu għall-użu ta’ metodoloġija ta’ stima skont l-Artikolu 55(2) jew vice versa;
(iii)l-introduzzjoni ta’ flussi ġodda minn sorsi;
(iv)bidliet fl-istatus tal-operatur tal-inġenji tal-ajru bħala emittent żgħir fit-tifsira tal-Artikolu 55(1) jew fir-rigward ta’ wieħed mil-limiti previsti fl-Artikolu 28a(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;
(b)fir-rigward tal-pjan ta’ monitoraġġ tad-data dwar it-tunnellati-kilometri:
(i)bidla minn stat mhux kummerċjali għal wieħed kummerċjali tas-servizz ta’ trasport bl-ajru pprovdut;
(ii)bidla fl-oġġett tas-servizz tat-trasport bl-ajru, fejn l-oġġett huwa passiġġieri, merkanzija jew posta.
Artikolu 16
Implimentazzjoni u ż-żamma tar-reġistri tal-modifiki
1.Qabel ma jirċievi approvazzjoni jew informazzjoni skont l-Artikolu 15(2), l-operatur jew l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jista’ jwettaq monitoraġġ u rapportar bl-użu tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat fejn ikun jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li l-modifiki proposti ma jkunux sinifikanti, jew fejn il-monitoraġġ skont il-pjan ta’ monitoraġġ oriġinali jista’ jwassal għal data tal-emissjonijiet mhux kompluta.
F’każijiet ta’ dubju l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jwettaq il-monitoraġġ u r-rapportar kollu, u fid-dokumentazzjoni interim, b’mod parallel, bl-użu kemm tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat kif ukoll dak oriġinali.
2.Mal-wasla ta’ approvazzjoni jew informazzjoni skont l-Artikolu 15(2), l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża biss id-data relatata mal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat u jwettaq il-monitoraġġ u r-rapportar kollu bl-użu biss tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat mid-data li fiha dik il-verżjoni tal-monitoraġġ hija applikabbli.
3.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jżomm reġistri tal-modifiki kollha tal-pjan ta’ monitoraġġ. Kull reġistrazzjoni għandu jkun fiha:
(a)deskrizzjoni trasparenti tal-modifika;
(b)ġustifikazzjoni għall-modifika;
(c)id-data tan-notifika tal-modifika lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 15(1);
(d)id-data li fiha l-awtorità kompetenti rrikonoxxiet il-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 15(1), fejn disponibbli, u d-data tal-approvazzjoni jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2);
(e)id-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Taqsima 2
Vijabbiltà teknika u kostijiet irraġonevoli
Artikolu 17
Fattibbiltà teknika
Fejn operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru jsostni li l-applikazzjoni ta’ metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ mhijiex fattibbli teknikament, l-awtorità kompetenti għanda tivvaluta l-fattibbiltà teknika billi tikkunsidra l-ġustifikazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru. Dik il-ġustifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu r-riżorsi tekniċi li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ sistema jew rekwiżit proposti li jkunu jistgħu jiġu implimentati fil-ħin meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk ir-riżorsi tekniċi għandhom jinkludu d-disponibbiltà tat-tekniki u t-teknoloġija meħtieġa.
Artikolu 18
Kostijiet irraġonevoli
1.Fejn operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jsostni li l-applikazzjoni ta’ metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ timplika kostijiet irraġonevoli, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-kostijiet humiex irraġonevoli, billi tikkunsidra l-ġustifikazzjoni tal-operatur.
L-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-kostijiet irraġonevoli fejn l-istima tal-kostijiet taqbeż il-benefiċċju. Għal dak il-għan, il-benefiċċju għandu jiġi kkalkulat permezz tal-multiplikazzjoni ta’ fattur ta’ titjib bi prezz ta’ referenza ta’ EUR 20 għal kull kwota u l-kostijiet għandhom jinkludu perjodu ta’ deprezzament xieraq ibbażat fuq it-tul tal-ħajja ekonomika tat-tagħmir.
2.Meta tkun qiegħda tivvaluta n-natura irraġonevoli tal-kostijiet rigward l-għażla tal-operatur tal-livelli għal data tal-attivitajiet, l-awtorità kompetenti għandha tuża bħala l-fattur ta’ titjib imsemmi fil-paragrafu 1 id-differenza bejn l-inċertezza li attwalment tkun intlaħqet u l-livell limitu ta’ inċertezza tal-livell li jkun jista’ jintlaħaq bit-titjib immultiplikat bl-emissjonijiet medji annwali kkawżati minn dak il-fluss minn sors matul it-tliet snin l-iżjed riċenti.
Fin-nuqqas ta’ tali data tal-emissjonijiet annwali medji maħluqa minn dak il-fluss minn sors matul it-tliet snin l-iżjed riċenti, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi stima konservattiva tal-emissjonijiet annwali medji, bl-esklużjoni ta’ CO2 li jinħoloq minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit. Għall-istrumenti tal-kejl taħt il-kontroll metroloġiku legali nazzjonali, l-inċertezza li tintlaħaq attwalment tista’ tiġi ssostitwita bl-iżball massimu permissibbli waqt it-tħaddim li jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
3.Meta tkun qiegħda tivvaluta n-natura irraġonevoli tal-kostijiet rigward il-miżuri li jżidu l-kwalità tal-emissjonijiet irrapportati iżda mingħajr impatt dirett fuq il-preċiżjoni tad-data tal-attivitajiet, l-awtorità kompetenti għandha tuża fattur tat-titjib ta’ 1 % tal-emissjonijiet annwali medji tal-flussi minn sorsi rispettivi fit-tliet perjodi ta’ rapportar l-iżjed riċenti. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu:
(a)bidla minn valuri predefiniti għal analiżijiet sabiex jiġu ddeterminati l-fatturi tal-kalkolu;
(b)żieda fl-għadd ta’ analiżijiet għal kull fluss minn sors;
(c)fejn il-kompitu speċifiku tal-kejl ma jaqax taħt kontroll metroloġiku legali nazzjonali, is-sostituzzjoni ta’ strumenti tal-kejl bi strumenti li jikkonformaw ma’ rekwiżiti rilevanti ta’ kontroll metroloġiku legali tal-Istat Membru f’applikazzjonijiet simili, jew għal strumenti tal-kejl li jilħqu r-regoli nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew id-Direttiva 2014/32/UE;
(d)it-tqassir tal-intervalli ta’ kalibrazzjoni u manutenzjoni tal-istrumenti tal-kejl;
(e)it-titjib ta’ attivitajiet ta’ fluss ta’ data u attivitajiet ta’ kontroll li jnaqqsu r-riskju inerenti jew ta’ kontroll b’mod sinifikanti.
4.Ma għandux jiġi kkunsidrat li l-miżuri relatati mat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni jimplikaw kostijiet irraġonevoli sa ammont akkumulat ta’ EUR 2 000 għal kull perjodu ta’ rapportar. Għall-installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi dak il-livell limitu għandu jkun ta’ EUR 500 għal kull perjodu ta’ rapportar.
Kapitolu III
MONITORAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET TA’ INSTALLAZZJONIJIET STAZZJONARJI
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 19
Kategorizzazzjoni ta’ installazzjonijiet, flussi minn sorsi u sorsi ta’ emissjoni
1.Għall-iskop tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet u d-determinazzjoni tar-rekwiżiti minimi għal-livelli, kull operatur għandu jiddetermina l-kategorija tal-installazzjoni tiegħu skont il-paragrafu 2, u fejn rilevanti, ta’ kull fluss minn sors skont il-paragrafu 3 u ta’ kull sors ta’ emissjoni skont il-paragrafu 4 .
2.L-operatur għandu jikklassifika kull installazzjoni f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a)installazzjoni tal-kategorija A, fejn l-emissjonijiet annwali medji vverifikati tal-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali, bl-esklużjoni ta’ CO2 li jinħoloq mill-bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, ikunu daqs jew inqas minn 50 000 tunnellata ta’ CO2(e);
(b)installazzjoni tal-kategorija B, fejn l-emissjonijiet medji annwali vverifikati tal-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali, bl-esklużjoni ta’ CO2 li jinħoloq minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, ikunu iżjed minn 50 000 tunnellata ta’ CO2(e) u daqs jew inqas minn 500 000 tunnellata ta’ CO2(e);
(c)installazzjoni tal-kategorija C, fejn l-emissjonijiet annwali medji vverifikati tal-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali, bl-esklużjoni ta’ CO2 li jinħoloq minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, ikunu iżjed minn 500 000 tunnellata ta’ CO2(e).
B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur ma jimmodifikax il-pjan ta’ monitoraġġ meta, abbażi ta’ emissjonijiet ivverifikati, jinqabeż il-limitu għall-klassifikazzjoni tal-installazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li dan il-limitu ma jkunx diġà inqabeż matul l-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jerġax jinqabeż f’perjodi ta’ rapportar sussegwenti.
3.L-operatur għandu jikklassifika kull fluss minn sors f’waħda mill-kategoriji li ġejjin, billi jqabblu mas-somma tal-valuri kollha assoluti ta’ CO2 fossili u CO2(e) korrispondenti mal-flussi tas-sors kollha inklużi f’metodoloġiji bbażati fuq kalkolu u tal-emissjonijiet kollha ta’ sorsi ta’ emissjonijiet immonitorjati bl-użu ta’ metodoloġiji bbażati fuq il-kejl, qabel it-tnaqqis ta’ CO2ittrasferit:
(a)flussi minn sors minuri, fejn il-flussi minn sorsi magħżula mill-operatur flimkien jikkorrispondu għal inqas minn 5 000 tunnellata ta’ CO2 fossili fis-sena jew għal inqas minn 10 %, sa kontribut massimu totali ta’ 100 000 tunnellata ta’ CO2 fossili fis-sena, skont liema minnhom ikun l-ogħla f’termini ta’ valur assolut;
(b)flussi minn sorside-minimis fejn il-flussi mis-sors magħżula mill-operatur flimkien jikkorrispondu għal inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fossili fis-sena jew inqas minn 2 %, sa massimu totali ta’ 20 000 tunnellata ta’ CO2 fossili fis-sena, skont liema minnhom ikun l-ogħla f’termini ta’ valur assolut;
(c)flussi minn sorsi maġġuri, fejn il-flussi minn sors ma jaqgħux taħt il-kategoriji msemmija fil-punti (a) u (b).
B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur ma jimmodifikax il-pjan ta’ monitoraġġ meta, abbażi ta’ emissjonijiet ivverifikati, jinqabeż il-limitu għall-klassifikazzjoni ta’ fluss minn sors bħala fluss minn sors minuri jew fluss minn sors de-minimis imsemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li dan il-limitu ma jkunx diġà inqabeż matul l-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jerġax jinqabeż f’perjodi ta’ rapportar sussegwenti.
4.L-operatur għandu jikklassifika kull sors ta’ emissjoni li għalih tiġi applikata metodoloġija bbażata fuq il-kejl f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a)flussi minn sors minuri, fejn is-sors ta’ emissjoni jirrilaxxa inqas minn 5 000 tunnellata ta’ CO2(e) fossili fis-sena jew inqas minn 10 % tal-emissjonijiet tal-fossili totali tal-installazzjoni, sa kontribut massimu totali ta’ 100 000 tunnellata ta’ CO2(e) fossili fis-sena, skont liema minnhom ikun l-ogħla f’termini ta’ valur assolut;
(b)sorsi maġġuri ta’ emissjonijiet, fejn is-sors ta’ emissjoni ma jikklassifikax bħala sors minuri ta’ emissjoni.
B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur ma jimmodifikax il-pjan ta’ monitoraġġ fejn, abbażi ta’ emissjonijiet ivverifikati, jinqabeż il-limitu għall-klassifikazzjoni ta’ sors ta’ emissjoni bħala sors ta’ emissjoni minuri msemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li dan il-limitu ma jkunx diġà inqabeż matul l-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jerġax jinqabeż f’perjodi ta’ rapportar sussegwenti.
5.Fejn l-emissjonijiet annwali medji vverifikati fil-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali għall-installazzjoni ma jkunux disponibbli jew ma jkunux rappreżentattivi iktar għall-iskop tal-paragrafu 2, l-operatur għandu juża stima konservattiva ta’ emissjonijiet medji annwali, bl-esklużjoni ta’ CO2 li joriġina minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, sabiex tiġi ddeterminata l-kategorija tal-installazzjoni.
Artikolu 20
Il-konfini tal-monitoraġġ
1.L-operaturi għandhom jiddefinixxu l-konfini tal-monitoraġġ għal kull installazzjoni.
Fi ħdan dawk il-konfini, l-operatur għandu jinkludi l-emissjonijiet rilevanti kollha ta’ gassijiet serra mis-sorsi ta’ emissjonijiet u l-flussi minn sorsi kollha li jagħmlu parti minn attivitajiet imwettqa fl-installazzjoni u elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, u minn attivitajiet u gassijiet serra inklużi mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-installazzjoni,skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva.
L-operatur għandu jinkludi wkoll l-emissjonijiet minn operazzjonijiet regolari u avvenimenti anormali, inklużi sitwazzjonijiet ta’ bidu, għeluq u ta’ emerġenza, matul il-perjodu ta’ rapportar, bl-eċċezzjoni ta’ emissjonijiet minn makkinarju mobbli għal finijiet ta’ trasport.
2.Meta jkun qed jiddefinixxi l-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar, l-operatur għandu jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi għas-settur stabbiliti fl-Anness IV.
3.Fejn jiġu identifikati tnixxijat minn kumpless ta’ ħżin fis-sens tad-Direttiva 2009/31/KE li jwasslu għal emissjonijiet, jew rilaxx ta’ CO2 fil-kolonna tal-ilma, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sorsi ta’ emissjonijiet għall-installazzjoni inkwistjoni u għandhom jiġu mmonitorjati skont it-Taqsima 23 tal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.
L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti l-esklużjoni ta’ sors ta’ emissjoni ta’ tnixxija mill-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar, ladarba jkunu ttieħdu miżuri korrettivi skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE u ma jkunux jistgħu jiġu individwati iżjed emissjonijiet jew rilaxxi fil-kolonna tal-ilma minn dik it-tnixxija.
Artikolu 21
Għażla tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ
1.Għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni, l-operatur għandu jagħżel li japplika metodoloġija bbażata fuq kalkolu jew metodoloġija bbażata fuq kejl, suġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.
Metodoloġija bbażata fuq kalkolu għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ emissjonijiet minn flussi minn sorsi bbażati fuq data tal-attivitajiet miksuba permezz ta’ sistemi ta’ kejl u parametri addizzjonali minn analiżi fil-laboratorju jew valuri predefiniti. Il-metodoloġija bbażata fuq kalkolu tista’ tiġi implimentata skont il-metodoloġija standard stabbilita fl-Artikolu 24 jew il-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa stabbilita fl-Artikolu 25.
Metodoloġija bbażata fuq il-kejl għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-emissjonijiet minn sorsi ta’ emissjonijiet permezz tal-kejl kontinwu tal-konċentrazzjoni tal-gassijiet serra rilevanti fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija u tal-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, inkluż il-monitoraġġ tat-trasferimenti ta’ CO2 bejn installazzjonijiet fejn jitkejlu l-konċentrazzjoni ta’ CO2 u l-fluss tal-gass ittrasferit.
Fejn tiġi applikata l-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu, l-operatur għandu jiddetermina għal kull fluss minn sors, fil-pjan ta’ monitoraġġ, jekk tkunx qiegħda tintuża l-metodoloġija standard jew il-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa, inkluż il-livelli rilevanti skont l-Anness II.
2.Bla ħsara għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, operatur jista’ jikkombina metodoloġija standard, bilanċ tal-massa u metodoloġiji bbażati fuq il-kejl għal sorsi differenti ta’ emissjonijiet u flussi minn sorsi li jagħmlu parti minn installazzjoni waħda, bil-kundizzjoni li ma jirriżulta l-ebda nuqqas u lanqas ma jirriżulta għadd doppju li jikkonċerna l-emissjonijiet.
3.Fejn ir-rekwiżiti speċifiċi għas-settur stipulati fl-Anness IV jeħtieġu l-użu ta’ metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ, l-operatur għandu juża dik il-metodoloġija jew metodoloġija bbażata fuq il-kejl. L-operatur jista’ jagħżel metodoloġija differenti biss jekk jipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li l-użu tal-metodoloġija meħtieġa mhux fattibbli teknikament jew jinvolvi kostijiet irraġonevoli, jew li l-metodoloġija alternattiva twassal għal akkuratezza ġenerali ogħla tad-data dwar l-emissjonijiet.
Artikolu 22
Metodoloġija ta’ monitoraġġ mhux ibbażata fuq livelli
Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 21(1), l-operatur jista’ juża metodoloġija ta’ monitoraġġ li ma tkunx ibbażata fuq livelli (iktar ’il quddiem “il-metodoloġija sekondarja”) għal flussi minn sorsi jew sorsi ta’ emissjonijiet magħżula, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-applikazzjoni ta’ mill-inqas livell 1 skont il-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu għal fluss minn sors maġġuri jew fluss minn sors minuri wieħed jew iktar u metodoloġija bbażata fuq il-kejl għal tal-inqas sors ta’ emissjoni wieħed relatat mal-istess flussi minn sorsi ma tkunx teknikament vijabbli jew timplika spejjeż mhux raġonevoli;
(b)l-operatur jivvaluta u jikkwantifika kull sena l-inċertezzi tal-parametri kollha użati għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet annwali skont il-Gwida tal-ISO għall-espressjoni ta’ inċertezza fil-kejl (JCGM 100:2008), jew standard ekwivalenti ieħor aċċettat fil-livell internazzjonali, u jinkludi r-riżultati fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet;
(c)l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li bl-applikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ sekondarja bħal din, il-livelli limitu ġenerali ta’ inċertezza għal-livell annwali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-installazzjoni kollha ma jaqbżux is-7,5 % għall-installazzjonijiet tal-kategorija A, il-5,0 % għall-installazzjonijiet tal-kategorija B u t-2,5 % għall-installazzjonijiet tal-kategorija C.
Artikolu 23
Tibdil temporanju fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ
1.Fejn għal, raġunijiet tekniċi, ma jkunx fattibbli temporanjament li jiġi applikat il-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti, l-operatur ikkonċernat għandu japplika l-ogħla livell li jista’ jintlaħaq, jew approċċ konservattiv mingħajr livelli jekk ma tkunx tista’ tinkiseb l-applikazzjoni ta’ livell, sakemm jiġu rrestawrati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-livell approvat fil-pjan ta’ monitoraġġ.
L-operatur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippermetti t-tkomplija fil-pront tal-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti.
2.L-operatur ikkonċernat għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-bidla temporanja msemmija fil-paragrafu 1 għall-metodoloġija ta’ monitoraġġ mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità kompetenti, u jispeċifika:
(a)ir-raġunijiet għad-devjazzjoni mill-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti;
(b)id-dettalji tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ interim li qiegħed juża l-operatur sabiex jiddetermina l-emissjonijiet sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jkunu ġew irrestawrati;
(c)il-miżuri li l-operatur ikun qed jieħu sabiex jirrestawra l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti;
(d)il-mument mistenni meta l-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti tkun se tiġi rrestawrata.
Taqsima 2
Metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu
Subtaqsima 1
Ġenerali
Artikolu 24
Kalkolu ta’ emissjonijiet skont il-metodoloġija standard
1.Skont il-metodoloġija standard, l-operatur għandu jikkalkula l-fluss minn sors tal-emissjonijiet ta’ kombustjoni bil-multiplikazzjoni tad-data tal-attivitajiet relatata mal-ammont ta’ karburant maħruq, espressa bħala terajoules ibbażata fuq il-valur kalorifiku nett (NCV), bil-fattur korrispondenti ta’ emissjoni, espress bħala tunnellati ta’ CO2 kull terajoule (t CO2/TJ) b’mod konsistenti mal-użu tal-NCV, u l-fattur korrispondenti ta’ ossidazzjoni.
L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti l-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni għall-karburanti, espressi bħala t CO2/t jew t CO2/Nm3. F’każijiet bħal dawn, l-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet ta’ kombustjoni billi jimmultiplika d-data tal-attivitajiet relatata mal-ammont ta’ karburant maħruq, espress bħala tunnellati jew metri kubiċi normali, mal-fattur korrispondenti ta’ emissjonijiet u l-fattur korrispondenti ta’ ossidazzjoni.
2.L-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet ta’ proċess għal kull fluss minn sors bil-multiplikazzjoni tad-data tal-attivitajiet relatata mal-konsum materjali, l-ipproċessar jew il-produzzjoni ta’ materjal, espressa f’tunnellati jew metri kubiċi normali bil-fattur korrispondenti ta’ emissjoni, espress f’t CO2/t jew t CO2/Nm3, u l-fattur ta’ konverżjoni korrispondenti.
3.Fejn fattur ta’ emissjoni tal-Livell 1 jew tal-Livell 2 jinkludi diġà l-effett ta’ reazzjonijiet kimiċi mhux kompluti, il-fattur tal-ossidazzjoni jew il-fattur ta’ konverżjoni għandu jiġi ssettjat għal 1.
Artikolu 25
Kalkolu ta’ emissjonijiet skont il-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa
1.Skont il-metodoloġija tal-bilanċ tal-massa, l-operatur għandu jikkalkula l-kwantità ta’ CO2 korrispondenti għal kull fluss minn sors inkluż fil-bilanċ tal-massa bil-multiplikazzjoni tad-data tal-attivitajiet relatata mal-ammont ta’ karburant jew materjal li jkun dieħel fi jew ħiereġ mill-konfini tal-bilanċ tal-massa, bil-kontenut ta’ karbonju tal-karburant jew tal-materjal immultiplikat bi 3,664 t CO2/t C, bl-applikazzjoni tat-Taqsima 3 tal-Anness II.
2.Minkejja l-Artikolu 49, l-emissjonijiet tal-proċess totali koperti mill-bilanċ tal-massa għandhom ikunu s-somma tal-kwantitajiet ta’ CO2 korrispondenti għall-flussi minn sors kollha koperti mill-bilanċ tal-massa. Is-CO rilaxxat fl-atmosfera għandu jiġi kkalkulat fil-bilanċ tal-massa bħala emissjoni tal-ammont molari ekwivalenti ta’ CO2.
Artikolu 26
Livelli applikabbli
1.Meta jkun qed jiddefinixxi l-livelli rilevanti għal flussi minn sors maġġuri u minuri skont l-Artikolu 21(1), sabiex jiddetermina d-data tal-attivitajiet u kull fattur ta’ kalkolu, kull operatur għandu japplika dan li ġej:
(a)mill-inqas il-livelli elenkati fl-Anness V, f’każ ta’ installazzjoni tal-kategorija A, jew fejn ikun meħtieġ fattur ta’ kalkolu għal fluss minn sors li jkun karburant standard kummerċjali;
(b)f’każijiet oħrajn għajr dawk imsemmija fil-punt (a), l-ogħla livell kif iddefinit fl-Anness II.
Madankollu, għal flussi minn sorsi maġġuri, l-operatur jista’ japplika livell li jkun livell wieħed iżjed baxx minn dak meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu għall-installazzjonijiet tal-kategorija C u sa żewġ livelli iżjed baxxi għall-installazzjonijiet tal-kategoriji A u B, b’minimu ta’ livell 1, fejn jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu mhuwiex teknikament fattibbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli.
L-awtorità kompetenti tista’, għal perjodu tranżizzjonali miftiehem mal-operatur, tippermetti lill-operatur japplika livelli għal flussi minn sorsi maġġuri iżjed baxxi minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu, b’minimu ta’ livell 1, bil-kundizzjoni li:
(a)l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ skont it-tieni subparagrafu mhuwiex teknikament fattibbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli; u
(b)l-operatur jipprovdi pjan ta’ titjib li jindika kif u sa meta jkun se jintlaħaq mill-inqas il-livell meħtieġ skont it-tieni subparagrafu .
2.Għal flussi minn sorsi minuri, l-operatur jista’ japplika livell iżjed baxx minn dak meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, b’minimu ta’ livell 1, fejn jintwera b’sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 mhuwiex teknikament fattibbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli.
3.Għall-flussi minn sorsi de-minimis l-operatur jista’ jiddetermina data tal-attivitajiet u kull fattur ta’ kalkolu billi juża stimi konservattivi minflok ma juża livelli, għajr jekk livell iddefinit ikun jista’ jintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali.
4.Għall-fattur tal-ossidazzjoni u l-fattur ta’ konverżjoni, l-operatur għandu, bħala minimu, japplika l-livelli l-iżjed baxxi elenkati fl-Anness II.
5.Fejn l-awtorità kompetenti tkun ippermettiet l-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni espressi bħala t CO2/t jew t CO2/Nm3 għall-karburanti, u għall-karburanti użati bħala input ta’ proċess jew fil-bilanċi tal-massa skont l-Artikolu 25, il-valur kalorifiku nett jista’ jiġi mmonitorjat bl-użu ta’ stima konservattiva minflok milli bl-użu ta’ livelli, sakemm ma jkunx jista’ jinkiseb livell definit mingħajr sforz addizzjonali.
Subtaqsima 2
Id-data dwar l-attivitajiet
Artikolu 27
Determinazzjoni tad-data dwar l-attivitajiet
1.L-operatur għandu jiddetermina d-data dwar l-attivitajiet ta’ fluss minn sors f’wieħed mill-modi li ġejjin:
(a)fuq il-bażi ta’ kejl kontinwu b’miter fil-proċess li joħloq l-emissjonijiet;
(b)fuq il-bażi tal-aggregazzjoni ta’ kejl b’miter ta’ kwantitajiet imwassla b’mod separat b’kunsiderazzjoni tat-tibdil rilevanti tal-ħażniet.
2.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, il-kwantità ta’ karburant jew materjal ipproċessat waqt il-perjodu ta’ rapportar għandha tiġi kkalkulata bħala l-kwantità ta’ karburant jew materjal riċevut waqt il-perjodu ta’ rapportar, li minnha titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jitneħħa mill-installazzjoni, u tiżdied il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fil-bidu tal-perjodu ta’ rapportar, u titnaqqas il-kwantità ta’ karburant jew materjal li jkun hemm fil-ħażna fl-aħħar tal-perjodu ta’ rapportar.
Fejn id-determinazzjoni tal-kwantitajiet li jkun hemm fil-ħażna permezz ta’ kejl dirett ma tkunx teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli, l-operatur jista’ jagħmel stima ta’ dawk il-kwantitajiet fuq bażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:
(a)data minn snin ta’ qabel korrelatata mal-produzzjoni għall-perjodu ta’ rapportar;
(b)proċeduri ddokumentati u d-data rispettiva f’dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati għall-perjodu ta’ rapportar.
Fejn id-determinazzjoni tad-data dwar l-attivitajiet għas-sena kalendarja sħiħa ma tkunx teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli, l-operatur jista’ jagħżel il-jum l-iżjed xieraq li jkun imiss sabiex jissepara sena ta’ rapportar mis-sena ta’ wara, u jirrikonċilja skont kif ikun xieraq mas-sena kalendarja meħtieġa. Id-devjazzjonijiet involuti għal fluss minn sors wieħed jew aktar għandhom jiġu rreġistrati b’mod ċar, jifformaw il-bażi ta’ valur rappreżentattiv għas-sena kalendarja, u jiġu kkunsidrati b’mod konsistenti b’rabta mas-sena li jkun imiss.
Artikolu 28
Sistemi ta’ kejl taħt il-kontroll tal-operatur
1.Sabiex jiddetermina d-data dwar l-attivitajiet skont l-Artikolu 27, l-operatur għandu juża riżultati tal-kejl bil-miter ibbażati fuq sistemi ta’ kejl taħt il-kontroll tiegħu stess fl-installazzjoni, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-operatur għandu jwettaq valutazzjoni ta’ inċertezza u jiżgura li l-livell limitu ta’ inċertezza tal-livell rilevanti jintlaħaq;
(b)l-operatur għandu jiżgura mill-inqas darba fis-sena, u wara kull kalibrazzjoni tal-istrument tal-kejl, li r-riżultati tal-kalibrazzjoni mmultiplikati b’fattur ta’ aġġustament konservattiv jitqabblu mal-limiti rilevanti ta’ inċertezza. Il-fattur ta’ aġġustament konservattiv ibbażat fuq serje ta’ perjodi ta’ ħin xierqa ta’ kalibrazzjonijiet ta’ qabel ta’ dak l-istrument tal-kejl jew strumenti oħrajn simili sabiex jiġi kkunsidrat l-effett ta’ inċertezza fis-servizz.
Fejn il-livelli limitu tal-livelli approvati skont l-Artikolu 12 jinqabżu jew jinstab li t-tagħmir ma jkunx konformi ma’ rekwiżiti oħrajn, l-operatur għandu jieħu azzjoni korrettiva mingħajr dewmien żejjed u jinnotifika lill-awtorità kompetenti b’dan.
2.Meta jinnotifika pjan ġdid ta’ monitoraġġ jew meta jkun rilevanti għal bidla fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat, l-operatur għandu jipprovdi l-valutazzjoni tal-inċertezza msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 lill-awtorità kompetenti.
Il-valutazzjoni għandha tkopri l-inċertezza speċifikata tal-istrumenti tal-kejl applikati, l-inċertezza assoċjata mal-kalibrazzjoni, u kwalunkwe inċertezza addizzjonali konnessa ma’ kif l-istrumenti tal-kejl jintużaw fil-prattika. Il-valutazzjoni tal-inċertezza għandha tkopri inċertezza relatata ma’ tibdil fil-ħażniet fejn il-faċilitajiet ta’ ħżin ikunu kapaċi jżommu mill-inqas 5 % tal-kwantità annwali użata tal-karburant jew tal-materjal ikkunsidrat. Meta jkun qed iwettaq il-valutazzjoni, l-operatur għandu jikkunsidra l-fatt li l-valuri ddikjarati użati sabiex jiġu ddefiniti l-livelli limitu ta’ inċertezza tal-livell fl-Anness II jirreferu għall-inċertezza matul il-perjodu kollu ta’ rapportar.
L-operatur jista’ jissimplifika l-valutazzjoni ta’ inċertezza billi jassumi li l-iżbalji massimi permissibbli speċifikati għall-istrument tal-kejl waqt it-tħaddim, jew jekk f’livell iżjed baxx, l-inċertezza miksuba bil-kalibrazzjoni, immultiplikati b’fattur ta’ aġġustament konservattiv sabiex jiġi kkunsidrat l-effett tal-inċertezza waqt it-tħaddim, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-inċertezza matul il-perjodu kollu ta’ rapportar kif meħtieġ bid-definizzjonijiet tal-livelli fl-Anness II, bil-kundizzjoni li l-istrumenti tal-kejl jiġu installati f’ambjent xieraq għall-ispeċifikazzjonijiet tal-użu tagħhom.
3.Minkejja l-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-operatur juża r-riżultati tal-kejl bil-miter ibbażati fuq sistemi ta’ kejl taħt il-kontroll tiegħu stess fl-installazzjoni, fejn l-operatur jipprovdi evidenza li l-istrumenti tal-kejl applikati huma suġġetti għal kontroll metroloġiku legali nazzjonali rilevanti.
Għal dak il-għan, l-iżball massimu permissibbli waqt it-tħaddim permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar il-kontroll metroloġiku legali għall-kompitu ta’ kejl rilevanti jista’ jintuża bħala l-valur ta’ inċertezza mingħajr ma tiġi pprovduta iżjed evidenza.
Artikolu 29
Sistemi ta’ kejl li ma jkunux fil-kontroll tal-operatur stess
1.Fejn, abbażi ta’ valutazzjoni ssimplifikata ta’ inċertezza, l-użu ta’ sistemi ta’ kejl li ma jkunux fil-kontroll tal-operatur stess, kif imqabbel mal-użu ta’ dawk li jkunu fil-kontroll tal-operatur stess skont l-Artikolu 28, jippermetti lill-operatur jikkonforma mill-inqas ma’ livell li jkun tal-istess grad, jagħti riżultati iżjed affidabbli u jkun inqas suxxettibbli għal riskji ta’ kontroll, l-operatur għandu jiddetermina d-data tal-attivitajiet minn sistemi ta’ kejl li ma jkunux fil-kontroll tiegħu stess.
Għal dak il-għan, l-operatur jista’ jirrikorri għal wieħed mis-sorsi ta’ data li ġejjin:
(a)ammonti minn fatturi maħruġa minn sieħeb fin-negozju, bil-kundizzjoni li sseħħ tranżazzjoni kummerċjali bejn żewġt isħab indipendenti fin-negozju;
(b)qari dirett mis-sistemi ta’ kejl.
2.L-operatur għandu jiżgura konformità mal-livell applikabbli skont l-Artikolu 26.
Għal dak il-għan, l-iżball massimu permissibbli waqt it-tħaddim permess mil-leġiżlazzjoni rilevanti għall-kontroll metroloġiku legali nazzjonali għat-tranżazzjoni kummerċjali rilevanti jista’ jintuża bħala inċertezza mingħajr ma tiġi pprovduta iżjed evidenza.
Fejn ir-rekwiżiti applikabbli skont il-kontroll metroloġiku legali nazzjonali jkunu inqas stretti mil-livell applikabbli skont l-Artikolu 26, l-operatur għandu jikseb evidenza dwar l-inċertezza applikabbli mis-sieħeb fin-negozju responsabbli għas-sistema ta’ kejl.
Subtaqsima 3
Fatturi ta’ kalkolu
Artikolu 30
Determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu
1.L-operatur għandu jiddetermina l-fatturi ta’ kalkolu jew bħala valuri predefiniti jew bħala valuri bbażati fuq analiżi li tiddependi fuq il-livell applikabbli.
2.L-operatur għandu jiddetermina u jirrapporta fatturi ta’ kalkolu b’mod konsistenti mal-istat użat għad-data tal-attivitajiet relatata, b’referenza għall-istat tal-karburant jew tal-materjal li fih il-karburant jew il-materjal jinxtara jew jintuża fil-proċess li jikkawża l-emissjonijiet, qabel ma jitnixxef jew jiġi ttrattat mod ieħor għal analiżi fil-laboratorju.
Fejn approċċ bħal dan ikun jimplika kostijiet irraġonevoli jew fejn tkun tista’ tinkiseb preċiżjoni ogħla, l-operatur jista’ jirrapporta b’mod konsistenti d-data tal-attivitajiet u l-fatturi ta’ kalkolu b’referenza għall-istat li fih jitwettqu l-analiżijiet fil-laboratorju.
L-operatur għandu jkun meħtieġ jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa biss għal karburanti jew materjali mħalltin. Għal fjuwils jew materjali oħrajn għandu jintuża l-valur predefinit ta’ 0 % għall-frazzjoni tal-bijomassa ta’ karburanti fossili jew materjali, u valur predefinit ta’ 100 % frazzjoni tal-bijomassa għal karburanti tal-bijomassa jew materjali li jikkonsistu esklussivament minn bijomassa.
Artikolu 31
Valuri predefiniti għall-fatturi ta’ kalkolu
1.Fejn l-operatur jiddetermina l-fatturi ta’ kalkolu bħala valuri predefiniti, huwa għandu juża wieħed mill-valuri li ġejjin, skont ir-rekwiżit tal-livell applikabbli, kif stabbilit fl-Annessi II u VI:
(a)fatturi standard u fatturi stojkjometriċi elenkati fl-Anness VI;
(b)fatturi standard użati mill-Istat Membru għas-sottomissjoni tal-inventarju nazzjonali tiegħu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;
(c)valuri tal-letteratura miftiehma mal-awtorità kompetenti, inkluż fatturi standard ippubblikati mill-awtorità kompetenti, li jkunu kompatibbli ma’ fatturi msemmija fil-punt (b), iżda rappreżentattivi ta’ flussi minn sorsi ta’ karburanti iżjed diżaggregati;
(d)valuri speċifikati u ggarantiti mill-fornitur ta’ karburant jew materjal fejn l-operatur jista’ juri b’sodisfazzjon għall-awtorità kompetenti li l-kontenut tal-karbonju juri intervall ta’ kunfidenza ta’ 95 % ta’ mhux iżjed minn 1 %;
(e)valuri bbażati fuq analiżi imwettqa fl-imgħoddi, fejn l-operatur jista’ juri b’sodisfazzjon għall-awtorità kompetenti li dawk il-valuri huma rappreżentattivi għal lottijiet tal-ġejjieni tal-istess karburant jew materjal.
2.L-operatur għandu jispeċifika l-valuri predefiniti kollha użati fil-pjan ta’ monitoraġġ.
Fejn il-valuri predefiniti jinbidlu fuq bażi annwali, l-operatur għandu jispeċifika s-sors awtoritarju applikabbli ta’ dak il-valur fil-pjan ta’ monitoraġġ.
3.L-awtorità kompetenti tista’ tapprova bidla tal-valuri predefiniti għal fattur ta’ kalkolu fil-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 15(2) biss fejn l-operatur jipprovdi evidenza li l-valur predefinit ġdid iwassal għal determinazzjoni iżjed preċiża tal-emissjonijiet.
4.Mal-applikazzjoni min-naħa tal-operatur, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-valur kalorifiku nett u l-fatturi ta’ emissjoni tal-karburanti jiġu ddeterminati bl-użu tal-istess livelli skont kif ikun meħtieġ għall-karburanti standard kummerċjali bil-kundizzjoni li l-operatur jissottometti, mill-inqas kull tliet snin, evidenza li l-intervall ta’ 1 % għall-valur kalorifiku speċifiku jkun intlaħaq waqt l-aħħar tliet snin.
5.Wara li ssir applikazzjoni mill-operatur, l-awtorità kompetenti tista’ taċċetta li l-kontenut tal-karbonju stojkjometriku ta’ sustanza kimika pura jitqies bħala li jilħaq livell li f’każ kuntrarju jkun jirrikjedi analiżijiet imwettqa skont l-Artikoli 32 sa 35, jekk l-operatur jista’ juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-użu tal-analiżijiet iwassal għal kostijiet irraġonevoli u li l-użu tal-valur stojkjometriku ma jwassalx għal sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet.
Artikolu 32
Fatturi ta’ kalkolu bbażati fuq analiżijiet
1.L-operatur għandu jiżgura li kwalunkwe analiżi, kampjunar, kalibrazzjoni u validazzjoni għad-determinazzjoni ta’ fatturi ta’ kalkolu jitwettqu bl-applikazzjoni ta’ metodi bbażati fuq standards EN korrispondenti.
Fejn standards bħal dawn ma jkunux disponibbli, il-metodi għandhom ikunu bbażati fuq standards ISO adattati jew standards nazzjonali. Fejn ma jeżistu l-ebda standards applikabbli ppubblikati, għandhom jintużaw abbozzi ta’ standards adattati, linji gwida dwar l-aqwa prattiki tal-industrija jew metodoloġiji oħrajn ippruvati xjentifikament, u għandu jiġi limitat il-preġudizzju fil-kampjunar u l-kejl.
2.Fejn jintużaw kromatografi tal-gass onlajn jew analizzaturi tal-gass estrattivi jew mhux estrattivi għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet, l-operatur għandu jikseb l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-użu ta’ tagħmir bħal dan. It-tagħmir għandu jintuża biss fir-rigward ta’ data tal-kompożizzjoni tal-karburanti u tal-materjali gassużi. Bħala miżuri minimi ta’ garanzija tal-kwalità, l-operatur għandu jiżgura li jitwettqu validazzjoni tal-bidu u validazzjonijiet ripetuti kull sena tal-istrument.
3.Ir-riżultat ta’ kwalunkwe analiżi għandu jintuża biss għall-perjodu tal-kunsinna jew għal lott ta’ karburant jew materjal li għalih ikunu ttieħdu l-kampjuni, u li għalih ikun ġie intiż li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi.
Meta jiġi stabbilit parametru speċifiku, l-operatur għandu juża r-riżultati tal-analiżi kollha magħmula fir-rigward ta’ dak il-parametru.
Artikolu 33
Pjan ta’ kampjunar
1.Fejn fatturi ta’ kalkolu jiġu ddeterminati permezz ta’ analiżijiet, l-operatur għandu jissottometti, lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni, għal kull karburant jew materjal, pjan ta’ kampjunar fil-forma ta’ proċedura bil-miktub, li tinkludi informazzjoni dwar metodoloġiji għall-preparazzjoni ta’ kampjuni, inkluż informazzjoni dwar ir-responsabbiltajiet, il-postijiet, il-frekwenzi u l-ammonti, u l-metodoloġiji għall-ħżin u t-trasport ta’ kampjuni.
L-operatur għandu jiżgura li l-kampjuni derivati jkunu rappreżentattivi għal-lott jew il-perjodu ta’ konsenja rilevanti u jkunu ħielsa minn preġudizzji. Għandu jkun hemm qbil mal-laboratorju li jkun qed iwettaq l-analiżi għall-karburant jew il-materjal rispettiv dwar l-elementi rilevanti tal-pjan ta’ kampjunar, u evidenza ta’ dak il-qbil għandha tiġi inkluża fil-pjan. L-operatur għandu jagħmel il-pjan disponibbli għall-finijiet ta’ verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
2.L-operatur għandu, bi ftehim mal-laboratorju li jkun qed iwettaq l-analiżi għall-karburant jew il-materjal rispettiv u suġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, jadatta l-elementi tal-pjan ta’ kampjunar fejn riżultati analitiċi jindikaw li l-eteroġeneità tal-karburant jew tal-materjal tkun differenti b’mod sinifikanti mill-informazzjoni dwar l-eteroġeneità li fuqha jkun ġie bbażat il-pjan ta’ kampjunar oriġinali għal dak il-karburant jew il-materjal speċifiku.
Artikolu 34
Użu ta’ laboratorji
1.L-operatur għandu jiżgura li l-laboratorji użati għat-twettiq ta’ analiżi għad-determinazzjoni ta’ fatturi ta’ kalkolu jiġu akkreditati skont EN ISO/IEC 17025, għall-metodi analitiċi rilevanti.
2.Il-laboratorji mhux akkreditati skont EN ISO/IEC 17 025 jistgħu jintużaw għad-determinazzjoni ta’ fatturi ta’ kalkolu biss fejn l-operatur jista’ juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-aċċess għal-laboratorji msemmija fil-paragrafu 1 mhuwiex teknikament vijabbli jew jista’ jimplika kostijiet irraġonevoli u li l-laboratorju mhux akkreditat jissodisfa r-rekwiżiti ekwivalenti għall-EN ISO/IEC 17025.
3.L-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra li laboratorju jissodisfa rekwiżiti ekwivalenti għall-EN ISO/IEC 17025 kif mifhum fil-paragrafu 2 meta l-operatur jipprovdi, sakemm ikun vijabbli, fil-forma ta’ u sa livell simili tad-dettall meħtieġ għall-proċeduri skont l-Artikolu 12(2), evidenza skont it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-paragrafu.
Fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kwalità, l-operatur għandu jipproduċi ċertifikazzjoni akkreditata tal-laboratorju f’konformità mal-EN ISO/IEC 9001, jew sistemi oħra ta’ ġestjoni tal-kwalità ċċertifikati li jkopru l-laboratorju. Fin-nuqqas ta’ sistemi ċċertifikati ta’ mmaniġġjar tal-kwalità bħal dawn, l-operatur għandu jipprovdi evidenza xierqa oħra li l-laboratorju huwa kapaċi jimmaniġġja l-persunal, il-proċeduri, id-dokumenti u l-kompiti tiegħu b’mod affidabbli.
Fir-rigward tal-kompetenza teknika, l-operatur għandu jipprovdi evidenza li turi li l-laboratorju huwa kompetenti u kapaċi jiġġenera riżultati teknikament validi bl-użu tal-proċeduri analitiċi rilevanti. Evidenza bħal din għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a)l-immaniġġjar tal-kompetenza tal-persunal għall-kompiti speċifiċi mogħtija;
(b)l-adattabilità tal-akkomodazzjoni u l-kundizzjonijiet ambjentali;
(c)l-għażla ta’ metodi analitiċi u standards rilevanti;
(d)fejn applikabbli, l-immaniġġjar tal-kampjunar u l-preparazzjoni tal-kampjuni, inkluż il-kontroll tal-integrità tal-kampjuni;
(e)fejn applikabbli, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ metodi analitiċi ġodda jew l-applikazzjoni ta’ metodi mhux koperti bi standards internazzjonali jew nazzjonali;
(f)stima tal-inċertezzi;
(g)l-immaniġġjar ta’ tagħmir, inklużi proċeduri għall-kalibrazzjoni, l-aġġustament, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tagħmir, u ż-żamma tar-reġistri tagħhom;
(h)l-immaniġġjar u l-kontroll ta’ data, dokumenti u softwer;
(i)l-immaniġġjar ta’ oġġetti tal-kalibrazzjoni u materjali ta’ referenza;
(j)il-garanzija tal-kwalità għar-riżultati tal-kalibrazzjoni u t-testijiet, inkluż parteċipazzjoni regolari fi skemi ta’ ttestjar tal-profiċjenza, bl-applikazzjoni ta’ metodi analitiċi għal materjali ta’ referenza ċċertifikati, jew paragun reċiproku ma’ laboratorju akkreditat;
(k)l-immaniġġjar ta’ proċessi esternalizzati;
(l)l-immaniġġjar ta’ inkarigi, ilmenti tal-klijenti, u l-iżgurar li tittieħed azzjoni korrettiva fil-ħin.
Artikolu 35
Frekwenzi għall-analiżijiet
1.L-operatur għandu japplika l-frekwenzi minimi għall-analiżijiet għall-karburanti u l-materjali rilevanti elenkati fl-Anness VII.
2.L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-operatur juża frekwenza li hija differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn ma jkunux disponibbli frekwenzi minimi jew fejn l-operatur juri wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)abbażi ta’ data storika, inklużi valuri analitiċi għall-karburanti u l-materjali rispettivi fil-perjodu ta’ rapportar immedjatament qabel il-perjodu ta’ rapportar attwali, kwalunkwe varjazzjoni fil-valuri analitiċi għall-karburant jew il-materjal rispettiv li ma taqbiżx 1/3 tal-valur ta’ inċertezza li miegħu l-operatur irid jaderixxi rigward id-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet tal-karburant jew tal-materjal rilevanti;
(b)l-użu tal-frekwenza meħtieġa jista’ jimplika kostijiet irraġonevoli.
Fejn installazzjoni topera għal parti mis-sena biss, jew fejn il-karburanti jew il-materjali huma kkonsenjati f’lottijiet li huma kkonsmati matul iktar minn sena kalendarja waħda, l-awtorità kompetenti tista’ tiftiehem mal-operatur rigward skeda iktar xierqa għal analiżijiet, sakemm tkun tirriżulta f’inċertezza komparabbli bħal fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.
Subtaqsima 4
Fatturi speċifiċi ta’ kalkolu
Artikolu 36
Fatturi ta’ emissjoni għal CO2
1.L-operatur għandu jiddetermina fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-attivitajiet għall-emissjonijiet ta’ CO2 .
2.Il-fatturi ta’ emissjoni tal-karburanti, inkluż meta użati bħala input ta’ proċess, għandhom jiġu espressi bħala CO2/TJ.
L-awtorità kompetenti tista' tippermetti li l-operatur juża fattur ta’ emissjoni għal karburant espress bħala t CO2/t jew t CO2/Nm3 għall-emissjonijiet ta’ kombustjoni, fejn l-użu ta’ fattur ta’ emissjoni espress bħala t CO2/TJ jimplika kostijiet irraġonevoli jew fejn mill-inqas tkun tista’ tintlaħaq preċiżjoni ekwivalenti għall-emissjonijiet ikkalkulati bl-użu ta’ fattur ta’ emissjoni bħal dan.
3.Għall-konverżjoni tal-kontenut ta’ karbonju fil-valur rispettiv ta’ fattur ta’ emissjoni relatat ma’ CO2 jew vice versa, l-operatur għandu juża l-fattur 3,664 t CO2/t C.
Artikolu 37
Fatturi ta’ ossidazzjoni u ta’ konverżjoni
1.L-operatur għandu juża l-livell 1 bħala minimu sabiex jiddetermina l-fatturi ta’ ossidazzjoni jew ta’ konverżjoni. L-operatur għandu juża valur ta’ 1 għall-fattur ta’ ossidazzjoni jew ta’ konverżjoni fejn il-fattur ta’ emissjoni jinkludi l-effett ta’ ossidazzjoni jew ta’ konverżjoni mhux kompluti.
Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-operaturi jużaw dejjem il-livell 1.
2.Fejn jintużaw ħafna karburanti f’installazzjoni u jkollu jintuża l-livell 3 għall-fattur speċifiku ta’ ossidazzjoni, l-operatur jista’ jitlob l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għal wieħed minn dawn li ġejjin jew għatt-tnejn li huma:
(a)id-determinazzjoni ta’ fattur wieħed ta’ ossidazzjoni aggregat għall-proċess kollu ta’ kombustjoni u jiġi applikat għall-karburanti kollha;
(b)l-attribuzzjoni tal-ossidazzjoni mhux kompluta lil fluss wieħed minn sors maġġuri u l-użu ta’ valur ta’ 1 għall-fattur tal-ossidazzjoni tal-flussi mis-sorsi l-oħrajn.
Jekk jintużaw il-bijomassa jew il-karburanti mħallta, l-operatur għandu jipprovdi evidenza li l-applikazzjoni tal-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu ma twassalx għal sotto valutazzjoni tal-emissjonijiet.
Subtaqsima 5
Trattament tal-bijomassa
Artikolu 38
Flussi minn sorsi ta’ bijomassa
1.L-operatur jista’ jiddetermina d-data tal-attivitajiet ta’ fluss minn sors ta’ bijomassa mingħajr l-użu ta’ livelli u billi jipprovdi evidenza analitika dwar il-kontenut ta’ bijomassa, fejn il-fluss minn sors jikkonsisti esklussivament minn bijomassa u l-operatur jista’ jiżgura li ma jkunx ikkontaminat b’materjali jew karburanti oħrajn.
2.Il-fattur ta’ emissjoni tal-bijomassa għandu jkun żero.
Il-fattur ta’ emissjoni ta’ kull karburant jew materjal għandu jiġi kkalkulat u rrapportat bħala l-fattur ta’ emissjoni preliminari ddeterminat skont l-Artikolu 30, immultiplikat bil-frazzjoni fossili tal-karburant jew tal-materjal.
3.Il-pit, il-ksilit u l-frazzjonijiet fossili tal-karburanti jew tal-materjali mħallta ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala bijomassa.
4.Fejn il-frazzjoni ta’ bijomassa ta’ karburanti jew materjali mħallta tkun daqs jew ogħla minn 97 %, jew fejn minħabba l-ammont tal-emissjonijiet assoċjati mal-frazzjoni fossili tal-karburant jew tal-materjal tikkwalifika bħala fluss minn sors de-minimis, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-operatur japplika metodoloġiji mingħajr livelli, inkluż il-metodu tal-bilanċ tal-enerġija, għad-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet u fatturi ta’ kalkolu rilevanti.
Artikolu 39
Determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa u tal-frazzjoni fossili
1.Għal karburanti jew materjali mħallta, l-operatur jista’ jew jassumi l-assenza ta’ bijomassa u japplika frazzjoni fossili predefinita ta’ 100 %, jew jiddetermina frazzjoni tal-bijomassa skont il-paragrafu 2, billi japplika livelli kif definit fit-taqsima 2.4 tal-Anness II.
2.Fejn, suġġett għal-livell meħtieġ, l-operatur għandu jwettaq analiżi sabiex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa, huwa għandu jagħmel dan abbażi ta’ metodu standard rilevanti u l-metodi analitiċi hemmhekk, sakemm l-użu ta’ dak il-metodu standard u analitiku jiġi approvat mill-awtorità kompetenti.
Fejn, suġġett għal-livell meħtieġ, l-operatur għandu jwettaq analiżijiet sabiex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa, iżda jekk l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu mhix teknikament fattibbli jew ikollha kostijiet irraġonevoli, l-operatur għandu jissottometti metodu alternattiv ta’ stima sabiex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni. Għall-karburanti jew il-materjali li joriġinaw minn proċess ta’ produzzjoni bi flussi ta’ input iddefiniti u traċċabbli, l-operatur jista’ jibbaża l-istima fuq bilanċ tal-massa ta’ karbonju fossili u tal-bijomassa li jkun dieħel u ħiereġ mill-proċess.
Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi linji gwida dwar metodi oħrajn ta’ stima applikabbli.
3.Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u l-Artikolu 30, fejn il-garanzija tal-oriġini tkun ġiet stabbilita skont l-Artikoli 2(j) u 15 tad-Direttiva 2009/28/KE għall-bijogass injettat f'netwerk ta’ gass u sussegwentement imneħħi minnu, l-operatur ma għandux juża analiżi sabiex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa.
Taqsima 3
Metodoloġija bbażata fuq il-kejl
Artikolu 40
Użu tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ibbażata fuq il-kejl
L-operatur għandu juża metodoloġiji bbażati fuq il-kejl għall-emissjonijiet kollha tal-ossidu nitruż (N2O) kif stabbilit fl-Anness IV, u sabiex jikkwantifika CO2 ittrasferit skont l-Artikolu 49.
Barra dan, l-operatur jista’ juża metodoloġiji bbażati fuq il-kejl għas-sorsi ta’ emissjoni ta’ CO2, jekk ikun jista’ jipprovdi evidenza li għal kull sors ta’ emissjoni jkun hemm konformità mal-livelli meħtieġa skont l-Artikolu 41.
Artikolu 41
Rekwiżiti tal-livelli
1.Għal kull sors maġġuri ta’ emissjoni, l-operatur għandu japplika dan li ġej:
(a)fil-każ ta’ installazzjoni tal-kategorija A, mill-inqas il-livelli elenkati fit-taqsima 2 tal-Anness VIII;
(b)f’każijiet oħrajn, l-ogħla livell elenkat fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII.
Madankollu, l-operatur jista’ japplika livell li jkun livell wieħed iżjed baxx minn dak meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu għall-installazzjonijiet tal-kategorija C u sa żewġ livelli iżjed baxxi għall-installazzjonijiet tal-kategoriji A u B, b’minimu ta’ livell 1, fejn jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu mhuwiex teknikament fattibbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli.
2.Għal emissjonijiet minn sors ta’ emissjoni minuri, l-operatur jista’ japplika livell iżjed baxx minn dak meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, b’minimu ta’ livell 1, fejn jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 mhuwiex teknikament fattibbli jew jimplika kostijiet irraġonevoli.
Artikolu 42
Standards u laboratorji ta’ kejl
1.Il-kejl kollu għandu jsir bl-applikazzjoni ta’ metodi bbażati fuq:
(a)EN 14181 (Emissjonijiet ta’ sors stazzjonarju — Assigurazzjoni ta’ kwalità ta’ sistemi ta’ kejl awtomatizzati);
(b)EN 15259 (Kwalità tal-arja — Kejl ta’ emissjonijiet minn sorsi stazzjonarji — Rekwiżiti għal taqsimiet u postijiet ta’ kejl u għall-għan, il-pjan u r-rapport tal-kejl);
(c)standards EN rilevanti oħrajn, b’mod partikolari EN ISO 169112 (Emissjonijiet ta’ sors stazzjonarju — Determinazzjoni manwali u awtomatika tar-rata tal-fluss tal-veloċità u tal-volum fit-tubi).
Fejn standards bħal dawn ma jkunux disponibbli, il-metodi għandhom ikunu bbażati fuq standards ISO adattati, standards ippubblikati mill-Kummissjoni jew standards nazzjonali. Fejn ma jeżistux standards applikabbli ppubblikati, għandhom jintużaw abbozzi ta’ standards adattati, linji gwida dwar l-aqwa prattiki tal-industrija jew metodoloġiji oħra ppruvati xjentifikament, u għandu jiġi limitat il-preġudizzju fil-kampjunar u l-kejl.
L-operatur għandu jikkunsidra l-aspetti kollha rilevanti tas-sistema tal-kejl kontinwu, inkluż il-post tat-tagħmir, il-kalibrazzjoni, il-kejl, il-garanzija tal-kwalità u l-kontroll tal-kwalità.
2.L-operatur għandu jiżgura li l-laboratorji li jkunu qegħdin iwettqu kejl, kalibrazzjonijiet u valutazzjonijiet ta’ tagħmir rilevanti għal CEMS ikunu akkreditati skont EN ISO/IEC 17025 għall-metodi analitiċi jew l-attivitajiet ta’ kalibrazzjoni rilevanti.
Fejn il-laboratorju ma jkollux akkreditazzjoni bħal din, l-operatur għandu jiżgura li r-rekwiżiti ekwivalenti tal-Artikolu 34(2) u (3) jiġu ssodisfati.
Artikolu 43
Determinazzjoni tal-emissjonijiet
1.L-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet annwali minn sors ta’ emissjoni matul il-perjodu ta’ rapportar billi jgħodd matul il-perjodu ta’ rapportar il-valuri kollha fis-siegħa tal-konċentrazzjoni mkejla tal-gassijiet serra mmultiplikati bil-valuri fis-siegħa tal-fluss ta’ gass mit-tromba taċ-ċumnija, fejn il-valuri fis-siegħa għandhom ikunu medji tar-riżultati kollha tal-kejl individwali tas-siegħa rispettiva tal-operat.
Fil-każ ta’ emissjonijiet ta’ CO2, l-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet annwali fuq il-bażi tal-ekwazzjoni 1 fl-Anness VIII. Is-CO rilaxxat fl-atmosfera għandu jiġi ttrattat bħall-ammont molari ekwivalenti ta’ CO2.
Fil-każ tal-ossidu nitruż (N2O), l-operatur għandu jiddetermina l-emissjonijiet annwali fuq il-bażi tal-ekwazzjoni fis-subtaqsima B.1 tat-taqsima 16 tal-Anness IV.
2.Fejn jeżistu ħafna sorsi ta’ emissjoni f'installazzjoni waħda u ma jkunux jistgħu jitkejlu bħala sors wieħed ta’ emissjoni, l-operatur għandu jkejjel l-emissjonijiet minn dawk is-sorsi ta’ emissjoni b’mod separat u jgħodd ir-riżultati sabiex jikseb it-total tal-emissjonijiet tal-gass inkwistjoni matul il-perjodu ta’ rapportar.
3.L-operatur għandu jiddetermina l-konċentrazzjoni tal-gassijiet serra fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija permezz ta’ kejl kontinwu f’punt rappreżentattiv permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)kejl dirett;
(b)fil-każ ta’ konċentrazzjoni għolja fil-gass mit-tromba taċ-ċumnija, il-kalkolu tal-konċentrazzjoni bl-użu ta’ kejl indirett tal-konċentrazzjoni bl-applikazzjoni tal-ekwazzjoni 3 fl-Anness VIII u billi jikkunsidra l-valuri mkejla ta’ konċentrazzjoni tal-komponenti l-oħra kollha tal-fluss ta’ gassijiet kif stabbilit fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-operatur.
4.Fejn rilevanti, l-operatur għandu jiddetermina b’mod separat kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn bijomassa u jnaqqsu mit-total tal-emissjonijiet imkejla ta’ CO2. Għal dan il-għan l-operatur jista’ juża:
(a)approċċ ibbażat fuq il-kalkolu, inkluż approċċi bl-użu ta’ analiżijiet u kampjunar ibbażat fuq EN ISO 13833 (Emissjonijiet tas-sors stazzjonarji — Determinazzjoni tal-proporzjon tad-dijossidu tal-karbonju derivat mill-bijomassa (bijoġeniku) u mill-fossili — Kampjunar u determinazzjoni tar-radjukarbonju);
(b)metodu ieħor ibbażat fuq standard rilevanti, inkluż ISO 18466 (Emissjonijiet ta' sors stazzjonarju - Determinazzjoni tal-frazzjoni bijoġenika f'CO2 f'gass taċ-ċumnija bl-użu tal-metodu tal-bilanċ);
(c)metodu ta’ stima ppubblikat mill-Kummissjoni.
Fejn il-metodu propost mill-operatur jinvolvi kampjunar kontinwu mill-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, EN 15259 (Kwalità tal-arja — Kejl ta’ emissjonijiet minn sorsi stazzjonarji — Rekwiżiti għal taqsimiet u postijiet ta’ kejl u għall-għan, il-pjan u r-rapport tal-kejl) għandu jiġi applikat.
5.L-operatur għandu jiddetermina l-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija għall-kalkolu skont il-paragrafu 1 permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:
(a)kalkolu permezz ta’ bilanċ tal-massa adattat, b’kunsiderazzjoni tal-parametri sinifikanti kollha fuq in-naħa tal-input, inkluż għall-emissjonijiet ta’ CO2 mill-inqas it-tagħbijiet tal-materjali ta’ input, il-fluss tal-arja tal-input u l-effiċjenza tal-proċess, kif ukoll fuq in-naħa tal-produzzjoni mill-inqas il-produzzjoni tal-prodott, u l-konċentrazzjoni ta’ ossiġenu (O2), diossidu tal-kubrit (SO2) u ossidi tan-nitroġenu (NOx);
(b)id-determinazzjoni permezz tal-kejl kontinwu tal-fluss f’punt rappreżentattiv.
Artikolu 44
Aggregazzjoni tad-data
1.L-operatur għandu jikkalkula l-medji fis-siegħa għal kull parametru, inkluż il-konċentrazzjonijiet u l-fluss tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija, rilevanti għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet bl-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-kejl bl-użu tal-punti kollha tad-data disponibbli għal dik is-siegħa speċifika.
Fejn operatur jista’ jiġġenera data għal perjodi iqsar ta’ referenza mingħajr kostijiet addizzjonali, l-operatur għandu juża dawk il-perjodi għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet annwali skont l-Artikolu 43(1).
2.Fejn it-tagħmir tal-kejl kontinwu għal parametru jkun tilef il-kontroll, ikun barra mill-firxa jew ma jkunx qed jopera għal parti mis-siegħa jew il-perjodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1, l-operatur għandu jikkalkula l-medja fis-siegħa relatata pro rata mal-punti tad-data li jifdal għal dik is-siegħa speċifika jew il-perjodu ta’ referenza iqsar bil-kundizzjoni li tal-anqas ikun disponibbli 80 % tal-għadd massimu ta’ punti tad-data għal parametru.
L-Artikolu 45(2) sa (4) għandu japplika fejn inqas minn 80 % tal-għadd massimu ta’ punti ta’ data għal parametru jkunu disponibbli.
Artikolu 45
Data nieqsa
1.Jekk parti mit-tagħmir tal-kejl f’CEMS ma toperax għal iżjed minn ħamest ijiem konsekuttivi fi kwalunkwe sena kalendarja, l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien żejjed u jipproponi miżuri adegwati għat-titjib tal-kwalità tas-CEMS inkwistjoni.
2.Fejn ma tkunx tista’ tiġi pprovduta siegħa valida jew perjodu iqsar ta’ referenza ta’ data skont l-Artikolu 44(1) għal parametru wieħed jew iktar tal-metodoloġija bbażata fuq il-kejl minħabba li t-tagħmir ikun tilef il-kontroll, ikun barra mill-firxa jew ma jkunx qed jopera, l-operatur għandu jiddetermina valuri ta’ sostituzzjoni ta’ kull siegħa ta’ data nieqsa.
3.Fejn ma tkunx tista’ tiġi pprovduta siegħa valida jew perjodu iqsar ta’ referenza għal parametru mkejjel direttament bħala konċentrazzjoni, l-operatur għandu jikkalkula valur ta’ sostituzzjoni bħala s-somma ta’ konċentrazzjoni medja u d-doppju tad-devjazzjoni standard assoċjata ma’ dik il-medja, bl-użu tal-ekwazzjoni 4 fl-Anness VIII.
Fejn il-perjodu ta’ rapportar ma jkunx applikabbli għad-determinazzjoni ta’ valuri ta’ sostituzzjoni bħal dawn minħabba tibdil tekniku sinifikanti fl-installazjoni, l-operatur għandu jiftiehem mal-awtorità kompetenti dwar perjodu ta’ żmien rappreżentattiv għad-determinazzjoni tal-medja u d-devjazzjoni standard, fejn possibbli b’dewmien ta’ sena.
4.Fejn ma tkunx tista’ tiġi pprovduta siegħa valida ta’ data għal parametru għajr il-konċentrazzjoni, l-operatur għandu jikseb valuri ta’ sostituzzjoni ta’ dak il-parametru permezz ta’ mudell adattat ta’ bilanċ tal-massa jew bilanċ tal-enerġija tal-proċess. L-operatur għandu jivvalida r-riżultati bl-użu tal-parametri mkejla li jifdal tal-metodoloġija bbażata fuq il-kejl u d-data f’kundizzjonijiet tax-xogħol regolari, b’kunsiderazzjoni ta’ perjodu ta’ żmien tal-istess dewmien tan-nuqqas fid-data.
Artikolu 46
Korroborazzjoni mal-kalkolu tal-emissjonijiet
L-operatur għandu jikkorrobora emissjonijiet iddeterminati minn metodoloġija bbażata fuq il-kejl, bl-eċċezzjoni tal-emissjonijiet ta’ N2O mill-produzzjoni tal-aċidu nitriku u l-gassijiet serra ttrasferiti f’netwerk ta’ trasport jew post tal-ħżin, billi jikkalkula l-emissjonijiet annwali ta’ kull gass serra kkunsidrat għall-istess sorsi ta’ emissjoni u flussi minn sorsi.
L-użu ta’ metodoloġiji ta’ livelli ma għandux ikun meħtieġ.
Taqsima 4
Dispożizzjonijet speċjali
Artikolu 47
Installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi
1.L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-operatur jissottometti pjan ta’ monitoraġġ issimplifikat skont l-Artikolu 13, bil-kundizzjoni li huwa jopera installazzjoni b’emissjonijiet baxxi.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet li għalihom huwa inkluż l-N2O skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE.
2.Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, installazzjoni għandha tiġi kkunsidrata installazzjoni b’emissjonijiet baxxi fejn tintlaħaq mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-emissjonijiet annwali medji ta’ dik l-installazzjoni rrapportati fir-rapporti vverifikati dwar l-emissjonijiet waqt il-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali, bl-esklużjoni ta’ CO2 li joriġina minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, ikunu inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2(e) kull sena;
(b)l-emissjonijiet annwali medji msemmija fil-punt (a) ma jkunux disponibbli jew ma jkunux għadhom applikabbli minħabba tibdil fil-konfini tal-installazzjoni jew tibdil fil-kundizzjonijiet tal-operat tal-installazzjoni, iżda l-emissjonijiet annwali ta’ dik l-installazzjoni għall-ħames snin li jkun imiss, bl-esklużjoni ta’ CO2 li joriġina minn bijomassa u qabel it-tnaqqis ta’ CO2 ittrasferit, ikunu, abbażi ta’ metodu konservattiv ta’ stima, inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2(e) kull sena.
3.L-operatur ta’ installazzjoni b’emissjonijiet baxxi ma għandux ikun meħtieġ jissottometti d-dokumenti ta’ appoġġ imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1), u għandu jkun eżentat mir-rekwiżit tar-rapportar dwar titjib imsemmi fl-Artikolu 69(4) bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet għat-titjib irrappurtat mill-verifikatur fir-rapport ta’ verifika.
4.Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 27, l-operatur ta’ installazzjoni b’emissjonijiet baxxi jista’ jiddetermina l-ammont ta’ karburant jew materjal bl-użu ta’ reġistri disponibbli u ddokumentati dwar ix-xiri u stimi ta’ tibdil fil-ħażna. L-operatur għandu jkun ukoll eżentat mir-rekwiżit li jipprovdi l-valutazzjoni ta’ inċertezza msemmija fl-Artikolu 28(2) lill-awtorità kompetenti.
5.L-operatur ta’ installazzjoni b’emissjonijiet baxxi għandu jkun eżentat mir-rekwiżit tal-Artikolu 28(2) li jinkludi l-inċertezza relatata ma’ tibdil fil-ħażna f’valutazzjoni ta’ inċertezza.
6.Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 26(1) u 41(1), l-operatur ta’ installazzjoni b’emissjonijiet baxxi jista’ japplika bħala minimu l-livell 1 għall-finijiet li jiddetermina data tal-attivitajiet u fatturi ta’ kalkolu għall-flussi kollha minn sorsi u għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet b’metodoloġiji bbażati fuq il-kejl, sakemm ma tkunx tista’ tintlaħaq preċiżjoni ogħla mingħajr sforz addizzjonali għall-operatur, mingħajr ma jipprovdi evidenza li l-applikazzjoni ta’ livelli ogħla mhijiex teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli.
7.Għall-iskop li jiġu ddeterminati fatturi ta’ kalkolu abbażi ta’ analiżi skont l-Artikolu 32, l-operatur ta’ installazzjoni b’emissjonijiet baxxi jista’ juża kwalunkwe laboratorju li jkun teknikament kompetenti u li kapaċi jiġġenera riżultati teknikament validi bl-użu tal-proċeduri analitiċi rilevanti, u jipprovdi evidenza għal miżuri ta’ garanzija tal-kwalità kif imsemmi fl-Artikolu 34(3).
8.Fejn installazzjoni b’emissjonijiet baxxi suġġetta għal monitoraġġ simplifikat taqbeż il-livell limitu msemmi fil-paragrafu 2 fi kwalunkwe sena kalendarja, l-operatur tagħha għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar dan mingħajr dewmien żejjed.
L-operatur għandu, mingħajr dewmien żejjed, jissottometti modifika sinifikanti tal-pjan ta’ monitoraġġ kif mifhum fil-punt (b) tal-Artikolu 15(3), lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.
Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti li l-operatur ikompli l-monitoraġġ issimplifikat bil-kundizzjoni li l-operatur juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell limitu msemmi fil-paragrafu 2 ma jkunx inqabeż fil-ħames perjodi ta’ rapportar li jkunu għaddew u ma jkunx se jerġa' jinqabeż mill-perjodu ta’ rapportar li jmiss ’il quddiem.
Artikolu 48
CO2 inerenti
1.Is-CO2 inerenti li jiġi ttrasferit f’installazzjoni, inkluż dak li jkun jinsab f’gass naturali jew gass tal-iskart (inkluż il-gass minn kalkara tal-funderija jew gass ta’ forn tal-kokk) jew f'inputs ta' proċess (inkluż gass ta' sinteżi), għandu jiġi inkluż fil-fattur ta’ emissjoni għal dak il-karburant.
2.Fejn CO2 inerenti joriġina minn attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jew inklużi skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva u sussegwentement jiġi ttrasferit barra mill-installazzjoni bħala parti ta’ fluss minn sors lejn installazzjoni u attività oħra koperti b’dik id-Direttiva, ma għandux jingħadd bħala emissjonijiet tal-installazzjoni fejn joriġina.
Madankollu, fejn CO2 inerenti jiġi rilaxxat, jew ittrasferit barra mill-installazzjoni lejn entitajiet mhux koperti minn dik id-Direttiva, għandu jingħadd bħala emissjonijet tal-installazzjoni fejn joriġina.
3.L-operaturi jistgħu jiddeterminaw kwantitajiet ta’ CO2 inerenti ttrasferiti barra mill-installazzjoni kemm fl-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi. F’dak il-każ, il-kwantitajiet ta’ CO2 inerenti ttrasferiti u riċevuti rispettivament għandhom ikunu identiċi.
Fejn il-kwantitajiet ta’ CO2 inerenti ttrasferiti u riċevuti ma jkunux identiċi, il-medja aritmetika taż-żewġ valuri determinati għandha tintuża kemm fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi, fejn id-devjazzjoni bejn il-valuri tista’ tiġi spjegata bl-inċertezza tas-sistemi ta’ kejl jew tal-metodu tad-determinazzjoni. F’każijiet bħal dan, ir-rapport dwar l-emissjonijiet għandu jirreferi għall-allinjament ta’ dak il-valur.
Fejn id-devjazzjoni bejn il-valuri ma tistax tiġi spjegata bil-firxa ta’ inċertezza approvata tas-sistemi ta’ kejl jew tal-metodu ta’ determinazzjoni, l-operaturi tal-installazzjonijiet tat-trasferiment u dawk riċevituri għandhom jallinjaw il-valuri billi japplikaw aġġustamenti konservattivi approvati mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 49
CO2ittrasferit
1.L-operatur għandu jnaqqas mill-emissjonijiet tal-installazzjoni kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn karbonju fossili f’attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, li ma jiġix rilaxxat mill-installazzjoni, iżda:
(a)jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(i)installazzjoni għall-qbid għall-fini ta’ trasport u ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(ii)netwerk tat-trasport bl-iskop ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(iii)post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE għall-iskop ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil;
(b)jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni u użat sabiex jipproduċi karbonat tal-kalċju ppreċipitat, li s-CO2 użat jiġi marbut kimikament fih.
2.Fir-rapport dwar l-emissjonijiet annwali tiegħu, l-operatur tal-installazzjoni tat-trasferiment għandu jipprovdi l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-istallazzjoni tal-installazzjoni riċevitriċi rikonoxxut skont l-atti adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, jekk l-installazzjoni riċevitriċi tkun koperta minn dik id-Direttiva. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-operatur tal-installazzjoni tat-trasferiment għandu jipprovdi l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ persuna ta’ kuntatt għall-installazzjoni riċevitriċi.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-installazzjoni riċevitriċi fir-rigward tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ installazzjoni tal-installazzjoni tat-trasferiment.
3.Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 ittrasferit minn installazzjoni waħda għall-oħra, l-operatur għandu japplika metodoloġija bbażata fuq il-kejl inkluż skont l-Artikoli 43, 44 u 45. Is-sors ta’ emissjoni għandu jikkorrispondi għall-punt tal-kejl u l-emissjonijiet għandhom jiġu espressi bħala l-kwantità ta’ CO2 ittrasferit.
Għall-iskop tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-operatur għandu japplikaw metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu.
4.Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 ittrasferit minn installazzjoni għall-oħra, l-operatur għandu japplika l-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII.
Madankollu, l-operatur jista’ japplika l-livell iktar baxx li jkun imiss bil-kundizzjoni li huwa jistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII ma tkunx teknikament fattibbli jew timplika kostijiet irraġonevoli.
Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 kimikament marbut fil-karbonat tal-kalċju ppreċipitat, l-operatur għandu juża sorsi ta’ data li jirrappreżentaw l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb.
5.L-operaturi jistgħu jiddeterminaw kwantitajiet ta’ CO2 ittrasferiti barra mill-installazzjoni kemm fl-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi. F’każijiet bħal dawn, għandu japplika l-Artikolu 48(3).
Artikolu 50
Użu jew trasferiment ta’ N2O
1.Fejn l-N2O joriġina minn attivitajiet koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li għalihom dak l-Anness jispeċifika l-N2O bħala rilevanti u installazzjoni ma tirrilaxxax l-N2O iżda tittrasferih lejn installazzjoni oħra li timmonitorja u tirrapporta l-emissjonijiet skont dan ir-Regolament, ma għandux jingħadd bħala emissjonijiet tal-installazzjoni fejn joriġina.
Installazzjoni li tirċievi l-N2O minn installazzjoni u attività skont l-ewwel subparagrafu għandha timmonitorja l-flussi tal-gass rilevanti bl-istess metodoloġiji, kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, daqs li kieku l-N2O ġie ġġenerat fl-installazzjoni riċevitriċi stess.
Madankollu, fejn l-N2O jiġi bbottiljat jew użat bħala gass fi prodotti sabiex jiġi rrilaxxat barra l-installazzjoni, jew fejn jiġi ttrasferit barra mill-installazzjoni lil entitajiet mhux koperti bid-Direttiva 2003/87/KE, għandu jingħadd bħala emissjonijiet tal-installazzjoni fejn joriġina, ħlief għall-kwantitajiet ta’ N2O li fir-rigward tagħhom l-operatur tal-installazzjoni fejn joriġina l-N2O jista’ juri lill-awtorità kompetenti li l-N2O jinqered bl-użu ta’ tagħmir adattat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
2.Fir-rapport dwar l-emissjonijiet annwali tiegħu, l-operatur tal-installazzjoni tat-trasferiment għandu jipprovdi l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-installazzjoni tal-installazzjoni riċevitriċi rikonoxxut skont l-atti adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, jekk rilevanti.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-installazzjoni riċevitriċi fir-rigward tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ installazzjoni tal-installazzjoni tat-trasferiment.
3.Sabiex jiddetermina l-kwantità ta’ N2O ittrasferita minn installazzjoni waħda għall-oħra, l-operatur għandu japplika metodoloġija bbażata fuq il-kejl, inkluż skont l-Artikoli 43, 44 u 45. Is-sors ta’ emissjoni għandu jikkorrispondi għall-punt tal-kejl u l-emissjonijiet għandhom jiġu espressi bħala l-kwantità ta’ N2O ittrasferita.
4.Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ N2O ittrasferita minn installazzjoni għall-oħra, l-operatur għandu japplika l-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII għal emissjonijiet ta’ N2O.
Madankollu, l-operatur jista’ japplika l-livell iktarbaxx li jkun imiss bil-kundizzjoni li huwa jistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII ma tkunx teknikament fattibbli jew timplika kostijiet irraġonevoli.
5.L-operaturi jistgħu jiddeterminaw kwantitajiet ta’ N2O ittrasferiti barra mill-installazzjoni kemm fl-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi. F’każijiet bħal dawn, għandu japplika l-Artikolu 48(3) mutatis mutandis.
Kapitolu IV
MONITORAĠĠ TA’ EMISSJONIJIET U DATA TAT-TUNNELLATI-KILOMETRI MILL-AVJAZZJONI
Artikolu 51
Dispożizzjonijiet ġenerali
1.Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja u jirrapporta emissjonijiet minn attivitajiet ta’ avjazzjoni għat-titjiriet kollha inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li jitwettqu minn dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru waqt il-perjodu ta’ rapportar u li għalih l-operatur tal-inġenji tal-ajru huwa responsabbli.
Għal dak il-għan, l-operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jattribwixxi t-titjiriet kollha lis-sena kalendarja skont il-ħin tat-tluq imkejjel fil-Ħin Universali Kkoordinat.
2.L-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkollu l-ħsieb li japplika għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikoli 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jimmonitorja wkoll id-data tat-tunnellati-kilometri għall-istess titjiriet waqt is-snin ta’ monitoraġġ rispettivi.
3.Għall-iskop li jiġi identifikat l-operatur tal-inġenji tal-ajru uniku msemmi fil-punt (o) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE li jkun responsabbli għal titjira, għandu jintuża s-sinjal tas-sejħa użat għall-finijiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru. Is-sinjal tas-sejħa għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)id-deżinjatur ICAO stabbilit fil-kaxxa 7 tal-pjan tat-titjira;
(b)fejn id-deżinjatur tal-ICAO tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx disponibbli, il-marki tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru.
4.Fejn l-identità tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma tkunx magħrufa, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru bħala l-operatur tal-inġenji tal-ajru għajr jekk tagħti prova tal-identità tal-operatur tal-inġenji tal-ajru responsabbli.
Artikolu 52
Sottomissjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ
1.Mhux aktar tard minn erba’ xhur qabel ma operatur tal-inġenji tal-ajru jibda attivitajiet ta’ avjazzjoni koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti pjan ta’ monitoraġġ għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet skont l-Artikolou 12.
B’deroga mill-ewwel sottoparagrafu, operatur tal-inġenji tal-ajru li għall-ewwel darba jwettaq attività tal-avjazzjoni koperta bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li ma setgħetx tiġi prevista erba’ xhur qabel l-attività, għandu jissottometti pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien żejjed, iżda mhux aktar minn sitt ġimgħat wara li l-attività tkun twettqet. L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa lill-awtorità kompetenti għala ma setax jissottometti pjan ta’ monitoraġġ erba’ xhur qabel l-attività.
Fejn l-Istat Membru li jamministra msemmi fl-Artikolu 18a tad-Direttiva 2003/87/KE ma jkunx magħruf minn qabel, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu mingħajr dewmien żejjed jissottometti l-pjan ta’ monitoraġġ meta informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jamministra ssir disponibbli.
2.Fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu l-ħsieb li japplika għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikoli 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa għandu jissottometti wkoll pjan ta’ monitoraġġ għall-monitoraġġ u r-rapportar tad-data tat-tunnellati-kilometri. Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jiġi sottomess mhux aktar tard minn erba’ xhur qabel il-bidu ta’ waħda minn dawn li ġejjin:
(a)is-sena ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 3e(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-applikazzjonijiet skont dak l-Artikolu;
(b)it-tieni sena kalendarja tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 3c(2) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 3f ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 53
Metodoloġija ta’ monitoraġġ għall-emissjonijiet minn attivitajiet tal-avjazzjoni
1.Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-emissjonijiet annwali ta’ CO2 minn attivitajiet tal-avjazzjoni billi jimmultiplika l-konsum annwali ta’ kull karburant (espress f’tunnellati) bil-fattur rispettiv ta’ emissjoni.
2.Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-konsum ta’ karburant għal kull titjira u għal kull karburant, inkluż il-karburant ikkunsmat mill-unità tal-enerġija awżiljara. Għal dak l-iskop, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża wieħed mill-metodi stabbiliti fit-taqsima 1 tal-Anness III. L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħżel il-metodu li jipprovdi għad-data l-iżjed kompluta u puntwali kkombinata mal-inċertezza l-iżjed baxxa mingħajr ma jidħol f’kostijiet irraġonevoli.
3.Kull operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-karburant ippumpjat fit-tank imsemmi fit-Taqsima 1 tal-Anness III abbażi ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)il-kejl min-naħa tal-fornitur tal-karburant, kif iddokumentat fin-noti tal-konsenja jew il-fatturi tal-karburant għal kull titjira;
(b)id-data minn sistemi ta’ kejl abbord inġenji tal-ajru rreġistrata fid-dokumentazzjoni tal-massa u l-bilanċ, fir-reġistru tekniku tal-inġenju tal-ajru jew trażmessa b’mod elettroniku mill-inġenju tal-ajru lill-operatur tal-inġenji tal-ajru.
4.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-karburant li jkun hemm fit-tank bl-użu ta’ data minn sistemi ta’ kejl abbord ta’ inġenji tal-ajru u rreġistrata fid-dokumentazzjoni tal-massa u l-bilanċ, fir-reġistru tekniku tal-inġenju tal-ajru jew jittrażmettiha b’mod elettroniku mill-inġenju tal-ajru lill-operatur tal-inġenji tal-ajru.
5.Fejn l-ammont ta’ karburant ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta’ karburant li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f’unitajiet ta’ volum, espressi f’litri, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jibdel dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta’ valuri tad-densità. L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża d-densità tal-karburant (li jista’ tkun valur effettiv jew standard ta’ 0,8 kg għal kull litru) li jintuża għal raġunijiet operattivi u ta’ sikurezza.
Il-proċedura għall-informazzjoni dwar l-użu ta’ densità effettiva jew standard għandha tkun iddettaljata fil-pjan ta’ monitoraġġ flimkien ma’ referenza għad-dokumentazzjoni rilevanti tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.
6.Għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża l-fatturi predefiniti tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabella 1 fl-Anness III.
Għal karburanti mhux elenkati f’dik it-tabella, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-fattur ta’ emissjoni skont l-Artikolu 32. Għal karburanti bħal dawn, il-valur kalorifiku nett għandu jiġi ddeterminat u r-rapportat bħala oġġett ta’ memo.
7.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 6, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’, mal-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, jikseb il-fattur ta’ emissjoni jew il-kontenut ta’ karbonju, li fuqu tkun ibbażata, jew il-valur kalorifiku nett għall-karburanti li jiġu nnegozjati b’mod kummerċjali mir-reġistri tax-xiri għall-karburant inkwistjoni pprovdut mill-fornitur ta’ karburant, bil-kundizzjoni li dawk li jkunu nkisbu abbażi ta’ standards u fatturi ta’ emissjonijiet aċċettati f’livell internazzjonali elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness III ma jkunux jistgħu jiġu applikati.
Artikolu 54
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-bijomassa
L-Artikolu 39 għandu japplika skont kif ikun xieraq għad-determinazzjoni tal-frazzjoni ta’ bijomassa ta’ karburant imħallat.
Minkejja l-Artikolu 39(2), l-awtorità kompetenti għandha tippermetti l-użu ta’ metodoloġija applikabbli b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha għad-determinazzjoni tal-frazzjoni ta’ bijomassa, skont kif ikun xieraq.
Skont dik il-metodoloġija, il-frazzjoni ta’ bijomassa, il-valur kalorifiku nett u l-fattur ta’ emissjoni jew il-kontenut ta’ karbonju tal-karburant użat f’attività ta’ avjazzjoni tal-EU ETS elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu ddeterminati bl-użu ta’ reġistri tax-xiri tal-karburant.
Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq il-linji gwida pprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tagħha fl-Istati Membri kollha.
L-użu ta’ bijokarburanti għall-avjazzjoni għandu jiġi vvalutat skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28/KE.
Artikolu 55
Emittenti żgħar
1.L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw inqas minn 243 titjira għal kull perjodu għal tliet perjodi konsekuttivi ta’ erba’ xhur il-wieħed u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 25 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena għandhom jiġu kkunsidrati bħala emittenti żgħar.
2.Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 53, l-emittenti żgħar jistgħu jikkalkulaw il-konsum ta’ karburant bl-użu ta’ għodod implimentati mill-Eurocontrol jew organizzazzjoni rilevanti oħra, li tista’ tipproċessa l-informazzjoni kollha rilevanti dwar it-traffiku tal-ajru u tevitaw kwalunkwe sottovalutazzjonijiet tal-emissjonijiet.
L-għodod applikabbli jistgħu jintużaw biss jekk jiġu approvati mill-Kummissjoni inkluż l-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ korrezzjoni sabiex jikkumpensaw kwalunkwe nuqqas ta’ preċiżjoni fil-metodi ta’ mmudellar.
3.Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 12, emittent żgħir li jkollu l-ħsieb li juża kwalunkwe mill-għodod imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jissottometti biss l-informazzjoni li ġejja fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-emissjonijiet:
(a)l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I;
(b)evidenza li l-livelli limitu għall-emittenti żgħar stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu ntlaħqu;
(c)l-isem ta’ jew referenza għall-għodda kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkollha tintuża għall-kalkolu tal-istima tal-konsum ta’ karburant.
Emittent zgħir għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit li jissottometti d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1).
4.Fejn operatur tal-inġenji tal-ajru juża kwalunkwe mill-għodod imsemmija fil-paragrafu 2 u jaqbeż il-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 1 waqt sena ta’ rapportar, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti b’dan mingħajr dewmien żejjed.
L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, mingħajr dewmien żejjed, jissottometti modifika sinifikanti tal-pjan ta’ monitoraġġ kif mifhum fil-punt (iv) tal-Artikolu 15(4)(a) lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.
Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkompli juża l-għodda msemmija fil-paragrafu 2 bil-kundizzjoni li l-operatur tal-inġenji tal-ajru juri għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti li l-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 1 ikunu għadhom ma nqabżux fl-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jkunux se jerġgħu jinqabżu mill-perjodu ta’ rapportar li jkun imiss ’il quddiem.
Artikolu 56
Sorsi ta’ inċertezza
1.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkunsidra s-sorsi ta’ inċertezza u l-livelli assoċjati tagħhom ta’ inċertezza meta jagħżel il-metodoloġija ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 53(2).
2.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jwettaq regolarment attivitajiet adattati ta’ kontroll, inkluż verifiki doppji bejn il-kwantità ta’ karburant ippumpjat fit-tank kif ipprovdut mill-fatturi u l-kwantità ta’ karburant ippumpjat fit-tank indikata minn kejl abbord, u jieħu azzjoni korrettiva jekk jiġu osservati devjazzjonijiet sinifikanti.
Artikolu 57
Determinazzjoni tad-data tat-tunnellati-kilometri
1.Operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkollhom il-ħsieb li japplikaw għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikoli 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jimmonitorjaw id-data tat-tunnellati-kilometri għat-titjiriet kollha inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE fis-snin ta’ monitoraġġ rilevanti għal applikazzjonijiet bħal dawn.
2.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkalkula d-data tat-tunnellati-kilometri billi jimmultiplika d-distanza, ikkalkulata skont it-Taqsima 3 tal-Anness III u espressa f’kilometri (km), bit-tagħbija utli, ikkalkulata bħala s-somma tal-massa ta’ merkanzija, il-posta u l-passiġġieri u bagalji vverifikati, espressi f’tunnellati (t).
3.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-massa tal-merkanzija u tal-posta fuq il-bażi tal-massa effettiva jew standard li jkun hemm fid-dokumentazzjoni tal-massa u tal-bilanċ għat-titjiriet rilevanti.
L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li ma jkunux meħtieġa li jkollhom dokumentazzjoni tal-massa u tal-bilanċ għandhom jipproponu metodoloġija adattata fil-pjan ta’ monitoraġġ għad-determinazzjoni tal-massa tal-merkanzija u tal-posta, waqt li jeskludu l-piż tat-tara tal-pelits u tal-kontejners kollha li ma jkunux tagħbija utli, u l-piż tas-servizz.
4.L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-massa ta’ passiġġieri li jkunu qegħdin jużaw wieħed mil-livelli li ġejjin:
(a)livell 1: jikkonsisti f’valur predefinit ta’ 100 kg għal kull passiġġier inkluż il-bagalji rreġistrati tiegħu;
(b)livell 2: jikkonsisti fil-massa tal-passiġġieri u l-bagalji rreġistrati inklużi fid-dokumentazzjoni tal-massa u tal-bilanċ għal kull titjira.
Madankollu, il-livell magħżul għandu japplika għat-titjiriet kollha fis-snin ta’ monitoraġġ rilevanti għal applikazzjonijiet skont l-Artikolu 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE.
Kapitolu V
IMMANIĠĠJAR U KONTROLL TAD-DATA
Artikolu 58
Attivitajiet ta’ fluss ta’ data
1.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċeduri bil-miktub għall-attivitajiet ta’ fluss ta’ data għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jiżgura li r-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li jirriżulta minn attivitajiet ta’ fluss ta’ data, ma jkunx jinkludi dikjarazzjonijiet skorretti u jkun konformi mal-pjan ta’ monitoraġġ, dawk il-proċeduri bil-miktub u dan ir-Regolament.
Fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkollu l-ħsieb li japplika għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikoli 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-monitoraġġ u r-rapportar tad-data tat-tunnellati-kilometri.
2.Id-deskrizzjonijiet tal-proċeduri bil-miktub għall-attivitajiet ta’ fluss ta’ data li jkun hemm fil-pjan ta’ monitoraġġ għandhom mill-inqas ikopru l-elementi li ġejjin:
(a)l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 12(2);
(b)identifikazzjoni tas-sorsi primarji tad-data;
(c)kull pass fil-fluss ta’ data minn data primarja għal data annwali tal-emissjonijiet jew it-tunnellati-kilometri li għandu jirrifletti s-sekwenza u l-interazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ fluss ta’ data, inklużi l-formoli rilevanti u l-passi aggregati tad-data applikati;
(d)il-passi tal-ipproċessar rilevanti relatati ma’ kull attività speċifika ta’ fluss ta’ data inkluż il-formoli u d-data użati għad-determinazzjoni tad-data tal-emissjonijiet jew it-tunnellati-kilometri;
(e)sistemi rilevanti tal-ipproċessar u l-ħżin ta’ data elettronika użati u l-interazzjoni bejn sistemi bħal dawn u inputs oħra inkluż input manwali;
(f)il-mod kif il-produzzjoni tal-attivitajiet ta’ fluss ta’ data tiġi ddokumentata.
Artikolu 59
Sistema ta’ kontroll
1.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm sistema effettiva ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li r-rapport annwali dwar l-emissjonijiet u, fejn applikabbli, ir-rapport dwar it-tunnellati-kilometri annwali li jirriżulta minn attivitajiet ta’ fluss ta’ data ma jkunx jinkludi dikjarazzjonijiet skorretti u jkun konformi mal-pjan ta’ monitoraġġ u ma’ dan ir-Regolament.
2.Is-sistema ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkonsisti minn dan li ġej:
(a)valutazzjoni ta’ operatur jew ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru tar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll fuq il-bażi ta’ proċedura bil-miktub għat-twettiq tal-valutazzjoni;
(b)proċeduri bil-miktub relatati ma’ attivitajiet ta’ kontroll li għandhom inaqqsu r-riskji identifikati.
3.Il-proċeduri bil-miktub relatati mal-attivitajiet ta’ kontroll kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom mill-inqas jinkludu:
(a)il-garanzija tal-kwalità tat-tagħmir tal-kejl;
(b)il-garanzija tal-kwalità tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika użata għall-attivitajiet ta’ fluss ta’ data, inkluż it-teknoloġija tal-kompjuters tal-kontroll tal-proċess;
(c)is-segregazzjoni tad-dmirijiet fl-attivitajiet ta’ fluss ta’ data u l-attivitajiet ta’ kontroll u l-immaniġġjar tal-kompetenzi meħtieġa;
(d)eżamijiet mill-ġdid interni u validazzjoni tad-data;
(e)korrezzjonijiet u azzjoni korrettiva;
(f)kontroll tal-proċessi esternalizzati;
(g)żamma ta’ reġistri u dokumentazzjoni inkluż l-immaniġġjar ta’ verżjonijiet ta’ dokumenti.
4.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-effettività tas-sistema ta’ kontroll, inkluż it-twettiq ta’ eżamijiet mill-ġdid interni u b’kunsiderazzjoni tas-sejbiet tal-verifikatur waqt il-verifika tar-rapporti ta’ emissjonijiet annwali u, fejn ikun applikabbli, ir-rapporti dwar it-tunnellati-kilometri, imwettqa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
Kull meta jinstab li s-sistema ta’ kontroll ma tkunx effikaċi jew ma tkunx proporzjonata mar-riskji identifikati, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprova jtejjeb is-sistema ta’ kontroll u jaġġorna l-pjan ta’ monitoraġġ jew il-proċeduri bil-miktub sottostanti għall-attivitajiet ta’ fluss ta’ data, il-valutazzjonijiet tar-riskji u l-attivitajiet ta’ kontroll skont kif ikun xieraq.
Artikolu 60
Assigurazzjoni tal-kwalità
1.Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 59(3), l-operatur għandu jiżgura li t-tagħmir tal-kejl rilevanti kollu jiġi kkalibrat, aġġustat u vverifikat f’intervalli regolari, inkluż qabel l-użu, u vverifikat ma’ standards ta’ kejl traċċabbli għal standards ta’ kejl internazzjonali, fejn disponibbli, skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u proporzjonati mar-riskji identifikati.
Fejn il-komponenti tas-sistemi tal-kejl ma jkunux jistgħu jiġu kkalibrati, l-operatur għandu jidentifikahom fil-pjan ta’ monitoraġġ u jipproponi attivitajiet alternattivi ta’ kontroll.
Meta jinstab li t-tagħmir ma jikkonformax mal-prestazzjoni meħtieġa, l-operatur għandu minnufih jieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa.
2.Fir-rigward ta’ sistemi ta’ kejl kontinwu, l-operatur għandu japplika garanzija tal-kwalità bbażata fuq l-istandard Assigurazzjoni ta’ kwalità ta’ sistemi ta’ kejl awtomatizzati (EN 14181), inkluż kejl parallel b’metodi ta’ referenza standard mill-inqas darba fis-sena, li jitwettaq minn persunal kompetenti.
Fejn assigurazzjoni ta’ kwalità bħal din tesiġi valuri limitu ta’ emissjonijiet (ELVs) bħala parametri meħtieġa għall-bażi tal-verifiki tal-kalibrazzjoni u tal-prestazzjoni, għandha tintuża l-konċentrazzjoni annwali medja fis-siegħa tal-gass serra bħala sostitut għal ELVs bħal dawn. Fejn l-operatur isib nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-garanzija tal-kwalità, inkluż li jkollha titwettaq rikalibrazzjoni, huwa għandu jirrapporta dik iċ-ċirkostanza lill-awtorità kompetenti u jieħu azzjoni korrettiva mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 61
Assigurazzjoni tal-kwalità tat-teknoloġija tal-informatika
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 59(3), l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiżgura li s-sistema tat-teknoloġija tal-informatika tiġi mfassla, iddokumentata, ittestjata, implimentata, ikkontrollata u miżmuma b’mod li jippermetti l-ipproċessar ta’ data affidabbli, preċiża u puntwali skont ir-riskji identifikati skont il-punt (a) tal-Artikolu 59(2).
Il-kontroll tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika għandu jinkludi l-kontroll tal-aċċess, il-kontroll tal-back-up, l-irkupru, l-ippjanar tal-kontinwità u s-sigurtà.
Artikolu 62
Segregazzjoni tad-dmirijiet
Għall-finijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 59(3), l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jassenja persuni responsabbli għall-attivitajiet kollha ta’ fluss ta’ data u għall-attivitajiet kollha ta’ kontroll b’mod li jissepara d-dmirijiet konfliġġenti. Fin-nuqqas ta’ attivitajiet oħra ta’ kontroll, huwa għandu jiżgura għall-attivitajiet kollha ta’ fluss ta’ data proporzjonati mar-riskji inerenti identifikati li l-informazzjoni u d-data rilevanti kollha tiġi kkonfermata minn tal-anqas persuna waħda li ma tkunx ġiet involuta fid-determinazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dik l-informazzjoni jew dik id-data.
L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jimmaniġġja l-kompetenzi meħtieġa għar-responsabbiltajiet involuti, inkluż it-tqassim xieraq tar-responsabbiltajiet, it-taħriġ, u l-analiżi tal-prestazzjonijiet.
Artikolu 63
Eżamijiet mill-ġdid interni u validazzjoni tad-data
1.Għall-finijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 59(3) u abbażi tar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 59(2), l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu janalizza u jivvalida data li tirriżulta mill-attivitajiet ta’ fluss ta’ data msemmija fl-Artikolu 58.
Analiżi u validazzjoni tad-data bħal dawn għandhom mill-inqas jinkludu:
(a)verifika dwar jekk id-data hijiex kompluta;
(b)tqabbil tad-data li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun kiseb, immonitorja u rrapporta tul diversi snin;
(c)tqabbil tad-data u l-valuri li jirriżultaw minn sistemi differenti ta’ ġbir ta’ data tal-operat, inkluż it-tqabbil li ġej, fejn applikabbli:
(i)tqabbil tad-data tax-xiri tal-karburant jew tal-materjal mad-data dwar it-tibdil fl-istokk u d-data dwar il-konsum għall-flussi minn sorsi applikabbli;
(ii)tqabbil tal-fatturi ta’ kalkolu li jkunu ġew iddeterminati b’analiżi, ikkalkulati jew miksuba mill-fornitur tal-karburant jew tal-materjal, ma’ fatturi ta’ referenza nazzjonali jew internazzjonali ta’ karburanti jew materjali komparabbli;
(iii)tqabbil tal-emissjonijiet miksuba minn metodoloġiji bbażati fuq il-kejl u r-riżultati tal-kalkolu korroborattiv skont l-Artikolu 46;
(iv)tqabbil ta’ data aggregata u data mhux ipproċessata.
2.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiżgura, safejn possibbli, li l-kriterji għar-rifjut ta’ data bħala parti mill-analiżi u l-validazzjoni jkunu magħrufa minn qabel. Għal dak il-għan il-kriterji għar-rifjut ta’ data għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-proċeduri bil-miktub rilevanti.
Artikolu 64
Korrezzjonijiet u azzjoni korrettiva
1.Fejn kwalunkwe parti tal-attivitajiet ta’ fluss ta’ data msemmija fl-Artikolu 58 jew attivitajiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 59 tinstab li ma tkunx qiegħda tiffunzjona b'mod effikaċi, jew li tkun qiegħda tiffunzjona barra mill-konfini stabbiliti fid-dokumentazzjoni tal-proċeduri għal dawk l-attivitajiet ta’ fluss ta’ data u attivitajiet ta’ kontroll, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jwettaq korrezzjonijiet xierqa u jikkoreġi d-data rrifjutata filwaqt li jevita sottostima tal-emissjonijiet.
2.Għall-fini tal-paragrafu 1, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu mill-inqas jipproċedi għal dan kollu li ġej:
(a)valutazzjoni tal-validità tal-produzzjonijiet tal-passi applikabbli fl-attivitajiet ta’ fluss ta’ data msemmija fl-Artikolu 58 jew l-attivitajiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 59;
(b)id-determinazzjoni tal-kawża prinċipali tal-funzjonament ħażin jew tal-iżball ikkonċernat;
(c)l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva xierqa, inkluż il-korrezzjoni ta’ kwalunkwe data affettwata fir-rapport dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar it-tunnellati-kilometri, kif ikun xieraq.
3.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jwettaq il-korrezzjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mod li dawn jirrispondu għar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 59.
Artikolu 65
Proċessi esternalizzati
Fejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jesternalizza attività waħda jew aktar ta’ fluss ta’ data msemmija fl-Artikolu 58 jew attivitajiet ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 59, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipproċedi għal dan kollu li ġej:
(a)jivverifika l-kwalità tal-attivitajiet ta’ fluss ta’ data esternalizzati u l-attivitajiet ta’ kontroll skont dan ir-Regolament;
(b)jiddefinixxi rekwiżiti xierqa għall-produzzjonijiet tal-proċessi esternalizzati u l-metodi użati f’dawk il-proċessi;
(c)jivverifika l-kwalità tal-produzzjonijiet u l-metodi msemmija fil-punt (b) ta’ dan l-Artikolu;
(d)jiżgura li l-attivitajiet esternalizzati jitwettqu b’mod li dawk jirrispondu għar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 59.
Artikolu 66
Trattament tal-lakuni fid-data
1.Fejn data rilevanti għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni tkun nieqsa, l-operatur għandu juża metodu ta’ stima xieraq sabiex jiddetermina data ta’ sostituzzjoni konservattiva għall-perjodu ta’ żmien rispettiv u l-parametru nieqes.
Fejn l-operatur ma jkunx stabbilixxa l-metodu ta’ stima fi proċedura bil-miktub, huwa għandu jistabbilixxi proċedura bil-miktub bħal din u jissottometti lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni modifika xierqa tal-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 15 għall-approvazzjoni.
2.Fejn data rilevanti għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għal titjira waħda jew iktar tkun nieqsa, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża data ta’ sostituzzjoni għall-perjodu ta’ żmien rispettiv ikkalkulat skont il-metodu alternattiv iddefinit fil-pjan ta’ monitoraġġ.
Fejn id-data ta’ sostituzzjoni ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-istimi tal-emissjonijiet għal dik it-titjira jew dawk it-titjiriet jistgħu jsiru mill-operatur tal-inġenji tal-ajru mill-konsum ta’ karburant iddeterminat bl-użu ta’ għodda msemmija fl-Artikolu 55(2).
Fejn in-numru ta’ titjiriet b’nuqqasijiet fid-data msemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi jaqbeż il-5 % tat-titjiriet annwali li jiġu rrappurtati, l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti dwar dan mingħajr dewmien bla bżonn u għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju għat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ.
Artikolu 67
Reġistri u dokumentazzjoni
1.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jżomm reġistri tad-data u l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluż informazzjoni kif elenkata fl-Anness IX, għal mill-inqas 10 snin.
Id-data ta’ monitoraġġ iddokumentata u arkivjata għandha tkun biżżejjed sabiex tippermetti l-verifika tar-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet jew ir-rapporti dwar it-tunnellati-kilometri skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill]. Id-data rrapportata mill-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun hemm f’sistema elettronika ta’ rapportar u mmaniġġjar ta’ data stabbilita mill-awtorità kompetenti tista’ tiġi kkunsidrata li tinżamm mill-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru, jekk huma jkollhom aċċess għal dik id-data.
2.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiżgura li d-dokumenti rilevanti jkunu disponibbli meta u fejn ikunu meħtieġa sabiex iwettaq l-attivitajiet ta’ fluss ta’ data u l-attivitajiet ta’ kontroll.
L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, fuq talba, jagħmel dawk id-dokumenti disponibbli lill-awtorità kompetenti u lill-verifikatur għall-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew ir-rapport dwar it-tunnellati-kilometri skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
Kapitolu VI
REKWIŻITI TAR-RAPPORTAR
Artikolu 68
Ħin u obbligi għar-rapportar
1.L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena rapport dwar l-emissjonijiet li jkopri l-emissjonijiet annwali fil-perjodu tar-rapportar u li huwa vverifikat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu li l-operaturi jew l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru jissottomettu r-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet qabel il-31 ta’ Marzu, iżda mhux iktar kmieni mit-28 ta’ Frar.
2.Fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru jagħżel li japplika għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas skont l-Artikolu 3e jew 3f tad-Direttiva 2003/87/KE, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 3e jew 3f ta’ dik id-Direttiva rapport dwar it-tunnellati-kilometri li jkopri d-data dwar it-tunnellati-kilometri tas-sena ta’ monitoraġġ u li jiġi vverifikat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
3.Ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet u r-rapporti dwar it-tunnellati-kilometri għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni mniżżla fl-Anness X.
Artikolu 69
Rapportar dwar titjib fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ
1.Kull operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jivverifika regolarment jekk il-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikata tistax tittejjeb.
Operatur ta’ installazzjoni għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni rapport li jkun jinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 jew 3, fejn xieraq, sal-iskadenzi li ġejjin:
(a)għal installazzjoni tal-Kategorija A, sat-30 ta’ Ġunju kull erba’ snin;
(b)għal installazzjoni tal-Kategorija B, sat-30 ta’ Ġunju kull sentejn;
(c)għal installazzjoni tal-Kategorija C, sat-30 ta’ Ġunju kull sena.
Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi data alternattiva għas-sottomissjoni tar-rapport, iżda mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru tal-istess sena.
B’deroga mit-tieni u t-tielet subparagrafi, u mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova, flimkien mal-pjan ta’ monitoraġġ jew ir-rapport tat-titjib, estensjoni tal-iskadenza applikabbli skont it-tieni subparagrafu, jekk l-operatur jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti meta jissottometti pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 12 jew man-notifika tal-aġġornamenti skont l-Artikolu 15, jew meta jissottometti rapport ta’ titjib skont dan l-Artikolu, li r-raġunijiet għal kostijiet irraġonevoli jew għal miżuri ta’ titjib li teknikament mhumiex fattibbli jibqgħu validi għal perjodu ta’ żmien itwal. Dik l-estensjoni għandha tqis in-numru ta’ snin li għalihom l-operatur jipprovdi evidenza. Il-perjodu ta’ żmien totali bejn ir-rapporti tat-titjib ma għandux jaqbeż tliet snin għal installazzjoni tal-kategorija C, erba’ snin għal installazzjoni tal-kategorija B jew ħames snin għal installazzjoni tal-kategorija A.
2.Fejn operatur ma japplikax mill-inqas il-livelli meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) għal flussi minn sors maġġuri u flussi minn sors minuri u skont l-Artikolu 41 għal sorsi tal-emissjonijiet, l-operatur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni għaliex l-applikazzjoni tal-livelli meħtieġa mhijiex teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli.
Madankollu, fejn tinstab evidenza li l-miżuri meħtieġa għall-ilħiq ta’ dawk il-livelli jkunu saru teknikament fattibbli u ma jkunux għadhom jimplikaw kostijiet irraġonevoli, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar modifiki xierqa tal-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 15, u jissottometti proposti għall-implimentazzjoni tal-miżuri relatati u l-iskeda taż-żmien.
3.Fejn l-operatur japplika metodoloġija ta’ monitoraġġ sekondarja msemmija fl-Artikolu 22, l-operatur għandu jipprovdi: ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni għaliex l-applikazzjoni mill-inqas tal-livell 1 għal fluss minn sors maġġuri jew minuri wieħed jew iktar mhijiex teknikament fattibbli jew tista’ twassal għal kostijiet irraġonevoli.
Madankollu, fejn tinstab evidenza li l-miżuri meħtieġa għall-ilħiq mill-inqas tal-livell 1 għal dawk il-flussi minn sorsi jkunu saru teknikament vijabbli u ma jkunux għadhom jimplikaw kostijiet irraġonevoli, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar modifiki xierqa tal-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 15 u jissottometti proposti għall-implimentazzjoni tal-miżuri relatati u l-iskeda taż-żmien tagħhom.
4.Fejn ir-rapport ta’ verifika stabbilit skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill] jiddikjara nuqqasijiet ta’ konformità jew rakkomandazzjonijiet għal titjib pendenti, skont l-Artikoli 27, 29 u 30 ta’ dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti rapport għall-approvazzjoni sat-30 ta’ Ġunju tas-sena li fiha dak ir-rapport ta’ verifika jinħareġ mill-verifikatur. Dak ir-rapport għandu jiddeskrivi kif u meta l-operatur jew l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jkun irrettifika jew jippjana li jirrettifika n-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati mill-verifikatur u li jimplimenta t-titjib irrakkomandat.
L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi data alternattiva għas-sottomissjoni tar-rapport kif imsemmi f’dan il-paragrafu, iżda mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru tal-istess sena. Fejn applikabbli, rapport bħal dan jista’ jiġi kkombinat mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Fejn titjib irrakkomandat ma jkunx se jwassal għal titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni sabiex jispjega għaliex dak huwa l-każ. Fejn it-titjib irrakkomandat ikun se jwassal għal kostijiet irraġonevoli, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi evidenza tan-natura irraġonevoli tal-kostijiet.
5.Il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika fejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun diġà solva n-nuqqasijiet ta’ konformità u r-rakkomandazzjonijiet kollha għat-titjib u ssottometta modifiki relatati tal-pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti għal approvazzjoni skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament qabel id-data stabbilita skont il-paragrafu 4.
Artikolu 70
Determinazzjoni ta’ emissjonijiet mill-awtorità kompetenti
1.L-awtorità kompetenti għandha tagħmel stima konservattiva tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni jew operatur ta’ inġenju tal-ajru fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)ma jkun ġie sottomess l-ebda rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet mill-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru sal-iskadenza meħtieġa skont l-Artikolu 68(1);
(b)ir-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet imsemmi fl-Artikolu 68(1) ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament;
(c)ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta’ operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx ġie vverifikat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill].
2.Fejn verifikatur ikun iddikjara, fir-rapport ta’ verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill], l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet skorretti mhux materjali li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-operatur jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, u tagħmel stima konservattiva tal-emissjonijiet tal-installazzjoni jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fejn ikun xieraq. L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jekk ikunux meħtieġa korrezzjonijiet u liema huma dawn il-korrezzjonijiet fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet. L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-verifikatur.
3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u l-awtoritajiet responsabbli għall-aċċettazzjoni ta’ rapporti annwali dwar l-emissjonijiet.
Artikolu 71
Aċċess għall-informazzjoni
Ir-rapporti dwar l-emissjonijiet miżmuma mill-awtorità kompetenti għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku minn dik l-awtorità soġġett għal regoli nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 2003/4/KE, l-operaturi jew l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru jistgħu jindikaw fir-rapport tagħhom liema informazzjoni jikkunsidraw bħala kummerċjalment sensittiva.
Artikolu 72
Approssimazzjoni tad-data
1.L-emissjonijiet annwali totali għandhom jiġu rrapportati bħala tunnellati approssimati ta’ CO2 jew CO2(e).
It-tunnellati-kilometri għandhom jiġu rrapportati bħala valuri approssimati ta’ tunnellati-kilometri.
2.Il-fatturi varjabbli kollha użati għall-kalkolu tal-emissjonijiet għandhom jiġu approssimati sabiex jinkludu ċ-ċifri sinifikanti kollha għall-fini tal-kalkolu u r-rapportar tal-emissjonijiet.
3.Id-data kollha għal kull titjira għandha tiġi approssimata sabiex tinkludi ċ-ċifri sinifikanti kollha għall-fini tal-kalkolu tad-distanza u t-tagħbija utli skont l-Artikolu 57 u r-rapportar tad-data tat-tunnellati-kilometri.
Artikolu 73
L-iżgurar ta’ konsistenza ma’ rapportar ieħor
Kull attività elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE li titwettaq minn operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi ttikkettata bl-użu tal-kodiċijiet, jekk ikunu applikabbli, mill-iskemi ta’ rapportar li ġejjin:
(a)il-format komuni ta’ rapportar għas-sistemi nazzjonali ta’ inventarji ta’ gassijiet serra, kif approvat mill-korpi rispettivi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;
(b)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-installazzjoni fir-Reġistru Ewropew dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta’ inkwinanti skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ();
(c)l-attività tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 166/2006;
(d)il-kodiċi NACE skont ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ().
Kapitolu VII
REKWIŻITI TAT-TEKNOLOĠIJA TAL-INFORMATIKA
Artikolu 74
Formats għall-iskambju tad-data elettronika
1.L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru juża mudelli elettroniċi jew formats speċifiċi ta’ fajls għas-sottomissjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u tibdil fil-pjan ta’ monitoraġġ, kif ukoll għas-sottomissjoni ta’ rapporti annwali dwar l-emissjonijiet, rapporti dwar it-tunnellati-kilometri, rapporti ta’ verifika u rapporti dwar it-titjib.
Dawk il-mudelli jew l-ispeċifikazzjonijiet ta’ format ta’ fajl stabbiliti mill-Istati Membri għandhom, tal-anqas, jinkludu l-informazzjoni inkluża f’mudelli elettroniċi jew speċifikazzjonijiet ta’ formats ta’ fajls ippubblikati mill-Kummissjoni.
2.Meta jkunu qegħdin jistabbilixxu l-mudelli jew l-ispeċifikazzjonijiet ta’ format ta’fajls imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu waħda mill-opzjonijiet li ġejjin jew it-tnejn li huma:
(a)speċifikazzjonijiet ta’ format ta’ fajls abbażi ta’ XML, bħal-lingwa ta’ rapportar tal-EU ETS ippubblikata mill-Kummissjoni għall-użu fil-konnessjoni ma’ sistemi awtomatizzati avvanzati;
(b)mudelli ppubblikati f’forma li tista’ tintuża minn softwer tal-uffiċċju standard, inklużi spreadsheets u fajls ta’ word processors.
Artikolu 75
Użu ta’ sistemi awtomatizzati
1.Fejn Stat Membru jagħżel li juża sistemi awtomatizzati għal skambju ta’ data elettronika abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-format tal-fajl skont il-punt (a) tal-Artikolu 74(2), dawk is-sistemi għandhom jiżguraw b’mod kost effiċjenti, permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi skont l-istat attwali tat-teknoloġija:
(a)l-integrità tad-data, li tipprevjeni l-modifika tal-messaġġi elettroniċi waqt it-trażmissjoni;
(b)il-kunfidenzjalità tad-data, permezz tal-użu ta’ tekniki ta’ sigurtà, inkluż tekniki ta’ kriptaġġ, b’tali mod li d-data tkun aċċessibbli biss għall-parti li għaliha kienet maħsuba u li l-ebda data ma tkun tista’ tiġi interċettata minn partijiet mhux awtorizzati;
(c)l-awtentiċità tad-data, b’mod li l-identità kemm tal-ispeditur kif ukoll tar-riċevitur tad-data tkun magħrufa u tiġi vverifikata;
(d)in-nuqqas ta’ rifjut tad-data, b’mod li parti waħda ta’ tranżazzjoni ma tkunx tista’ tinnega li rċeviet tranżazzjoni u lanqas il-parti l-oħra ma tkun tista’ tinnega li bagħtet tranżazzjoni, bl-applikazzjoni ta’ metodi bħal tekniki ta’ ffirmar, jew l-awditjar indipendenti ta’ salvagwardji tas-sistemi.
2.Kwalunkwe sistema awtomatizzata użata mill-Istati Membri bbażata fuq speċifikazzjonijiet tal-format tal-fajls skont l-Artikolu 74(2) għall-komunikazzjoni bejn l-awtorità kompetenti, l-operatur u l-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll il-verifikatur u l-korp ta’ akkreditazzjoni kif mifhum fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [OP: PE/2018/9017 dwar il-verifika tad-data u dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill], għandha tissodisfa r-rekwiżiti mhux funzjonali li ġejjin, permezz ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi skont l-istat attwali tat-teknoloġija:
(a)kontroll tal-aċċess, b’mod li s-sistema tkun aċċessibbli biss għall-partijiet awtorizzati u l-ebda data ma tkun tista’ tinqara, tinkiteb jew tiġi aġġornata minn partijiet mhux awtorizzati, permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi sabiex jintlaħaq dan li ġej:
(i)ir-restrizzjoni tal-aċċess fiżiku għall-ħardwer li fuqu jaħdmu s-sistemi awtomatizzati permezz ta’ ostakli fiżiċi;
(ii)ir-restrizzjoni tal-aċċess loġiku għas-sistemi awtomatizzati permezz tal-użu ta’ teknoloġija għall-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni;
(b)id-disponibbiltà, b’mod li l-aċċessibbiltà tad-data tiġi żgurata, anke wara żmien sinifikanti u l-introduzzjoni ta’ softwer ġdid possibbli;
(c)rekord tal-verifika, b’mod li jiġi żgurat li t-tibdil fid-data dejjem ikun jista’ jinstab u jiġi analizzat retrospettivament.
Kapitolu VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 76
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 601/2012
Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 huwa emendat kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 12(1), it-tielet subparagrafu, il-punt (a) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(a) għal installazzjonijiet, evidenza għal kull fluss ta’ sors maġġuri u minuri li turi konformità mal-limiti ta’ inċertezza għal data tal-attivitajiet u fatturi ta’ kalkolu, fejn applikabbli, għal livelli applikati kif definiti fl-Annessi II u IV, kif ukoll għal kull sors ta’ emissjoni li juri konformità mal-limiti ta’ inċertezza għal-livelli applikati kif definiti fl-Anness VIII, fejn applikabbli;”
(2) Fl-Artikolu 15(4), is-subparagrafu (a) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(a) fir-rigward tal-pjan ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet:
(i)bidla tal-valuri tal-fatturi ta’ emissjoni stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ;
(ii)bidla fil-metodi tal-kalkolu kif stipulat fl-Anness III, jew bidla mill-użu ta’ metodu tal-kalkolu għall-użu ta’ metodoloġija ta’ stima skont l-Artikolu 55(2) jew vice versa;
(iii)l-introduzzjoni ta’ flussi ġodda minn sorsi;
(iv)bidliet fl-istatus tal-operatur tal-inġenji tal-ajru bħala emittent żgħir fit-tifsira tal-Artikolu 55(1) jew fir-rigward ta’ wieħed mil-limiti previsti fl-Artikolu 28a(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;”
(3) L-Artikolu 49 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 49
CO2ittrasferit
1.L-operatur għandu jnaqqas mill-emissjonijiet tal-installazzjoni kwalunkwe ammont ta’ CO2 li joriġina minn karbonju fossili f’attivitajiet koperti bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, li ma jiġix rilaxxat mill-installazzjoni, iżda:
(a)jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(i)installazzjoni għall-qbid għall-fini ta’ trasport u ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(ii)netwerk tat-trasport bl-iskop ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil f’post ta’ ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE;
(iii)post tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE għall-iskop ta’ ħżin ġeoloġiku fuq perjodu twil;
(b)jiġi ttrasferit ’il barra mill-installazzjoni u użat sabiex jipproduċi karbonat tal-kalċju ppreċipitat, li s-CO2 użat jiġi marbut kimikament fih.
2.Fir-rapport dwar l-emissjonijiet annwali tiegħu, l-operatur tal-installazzjoni tat-trasferiment għandu jipprovdi l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-istallazzjoni tal-installazzjoni riċevitriċi rikonoxxut skont l-atti adottati skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, jekk l-installazzjoni riċevitriċi tkun koperta minn dik id-Direttiva. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-operatur tal-installazzjoni tat-trasferiment għandu jipprovdi l-isem, l-indirizz u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ persuna ta’ kuntatt għall-installazzjoni riċevitriċi.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-installazzjoni riċevitriċi fir-rigward tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ installazzjoni tal-installazzjoni tat-trasferiment.
3.Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 ittrasferit minn installazzjoni waħda għall-oħra, l-operatur għandu japplika metodoloġija bbażata fuq il-kejl inkluż skont l-Artikoli 43, 44 u 45. Is-sors ta’ emissjoni għandu jikkorrispondi għall-punt tal-kejl u l-emissjonijiet għandhom jiġu espressi bħala l-kwantità ta’ CO2 ittrasferit.
Għall-iskop tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-operatur għandu japplika metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu.
4.Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 ittrasferit minn installazzjoni għall-oħra, l-operatur għandu japplika l-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII.
Madankollu, l-operatur jista’ japplika l-livell iktar baxx li jkun imiss bil-kundizzjoni li huwa jistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-ogħla livell kif iddefinit fit-Taqsima 1 tal-Anness VIII ma tkunx teknikament fattibbli jew timplika kostijiet irraġonevoli.
Għad-determinazzjoni tal-kwantità ta’ CO2 kimikament marbut fil-karbonat tal-kalċju ppreċipitat, l-operatur għandu juża sorsi ta’ data li jirrappreżentaw l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb.
5.L-operaturi jistgħu jiddeterminaw kwantitajiet ta’ CO2 ittrasferiti barra mill-installazzjoni kemm fl-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi. F’każijiet bħal dawn, għandu japplika l-Artikolu 48(3).”
(4) L-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:
(a) jitħassar il-paragrafu 5;
(b) il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. Fejn l-ammont ta’ karburant ippumpjat fit-tank jew l-ammont ta’ karburant li jifdal fit-tankijiet jiġi ddeterminat f’unitajiet ta’ volum, espressi f’litri, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jibdel dak l-ammont minn volum għal massa bl-użu ta’ valuri tad-densità. L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża d-densità tal-karburant (li jista’ tkun valur effettiv jew standard ta’ 0,8 kg għal kull litru) li jintuża għal raġunijiet operattivi u ta’ sikurezza.
Il-proċedura għall-informazzjoni dwar l-użu ta’ densità effettiva jew standard għandha tkun deskritta fil-pjan ta’ monitoraġġ flimkien ma’ referenza għad-dokumentazzjoni rilevanti tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.”
(c) il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:
“7. Għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fil-paragrafu 1, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu juża l-fatturi predefiniti tal-emissjonijiet stabbiliti fit-Tabella 2 fl-Anness III. Għal fjuwils mhux elenkati f’dik it-tabella, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina l-fattur tal-emissjoni skont l-Artikolu 32. Għall-karburanti bħal dawn, il-valur kalorifiku nett għandu jiġi ddeterminat u r-rapportat bħala oġġett ta’ memo.”
(5) Fl-Artikolu 54(2), is-subparagrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:
“2. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 52, l-emittenti żgħar jistgħu jikkalkulaw il-konsum ta’ karburant bl-użu ta’ għodod implimentati mill-Eurocontrol jew organizzazzjoni rilevanti oħra, li tista’ tipproċessa l-informazzjoni kollha rilevanti dwar it-traffiku tal-ajru u tevita kwalunkwe sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet.”
(6) L-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkunsidra sorsi ta’ inċertezza u l-livelli assoċjati tagħhom ta’ inċertezza meta jagħżel il-metodoloġija ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 52(2).”
(b) il-paragrafi 2, 3 u 4 huma mħassra
(7) Fl-Artikolu 59, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’li ġej:
Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 58(3), l-operatur għandu jiżgura li t-tagħmir tal-kejl rilevanti kollu jiġi kkalibrat, aġġustat u vverifikat f’intervalli regolari, inkluż qabel l-użu, u vverifikat ma’ standards ta’ kejl traċċabbli għal standards ta’ kejl internazzjonali, fejn disponibbli, skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u proporzjonati mar-riskji identifikati.
Fejn il-komponenti tas-sistemi tal-kejl ma jkunux jistgħu jiġu kkalibrati, l-operatur għandu jidentifikahom fil-pjan ta’ monitoraġġ u jipproponi attivitajiet alternattivi ta’ kontroll.
Meta jinstab li t-tagħmir ma jikkonformax mal-prestazzjoni meħtieġa, l-operatur għandu minnufih jieħu l-azzjoni korrettiva meħtieġa.”
(8) Fl-Artikolu 65(2), jiżdied it-tielet subparagrafu:
“Fejn in-numru ta’ titjiriet b’nuqqasijiet fid-data msemmija fl-ewwel żewġ subparagrafi jaqbeż il-5 % tat-titjiriet annwali li jiġu rrappurtati, l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti dwar dan mingħajr dewmien bla bżonn u għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju għat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ.”
(9) Fl-Anness I, it-taqsima 2 hija emendata kif ġej:
(a) il-punt (2)(b)(ii) huwa sostitwit b’li ġej:
“(ii) proċeduri għall-kejl tal-ammonti tal-fjuwil ippompjat u tal-fjuwil fit-tankijiet, deskrizzjoni tal-istrumenti tal-kejl involuti u l-proċeduri sabiex tiġi ddokumentata, irkuprata, trażmessa u maħżuna informazzjoni dwar kejl, kif applikabbli;”
(b) il-punt (2)(b)(iii) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(iii) il-metodu għad-determinazzjoni tad-densità, fejn applikabbli;”
(c) il-punt (2)(b)(iv) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(iv) ġustifikazzjoni tal-metodoloġija tal-monitoraġġ magħżula, sabiex jiġu żgurati l-iktar livelli baxxi ta’ inċertezza, skont l-Artikolu 55(1);”
(d) jitħassar il-punt (2)(d)
(e) il-punt (2)(f) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(f) deskrizzjoni tal-proċeduri u s-sistemi għall-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tan-nuqqasijiet fid-data skont l-Artikolu 65(2).”
(10) Fl-Anness III, it-taqsima 2 hija mħassra.
(11) L-Anness IV huwa emendat kif ġej:
(a) fit-taqsima 10, subtaqsima B, ir-raba’ paragrafu huwa mħassar;
(b) fit-taqsima 14, subtaqsima B, it-tielet paragrafu huwa mħassar.
(12) L-Anness IX huwa emendat kif ġej:
(a) it-taqsima 1, punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Dokumenti li jiġġustifikaw l-għażla tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ u d-dokumenti li jiġġustifikaw bidliet temporali jew li mhumiex temporali ta’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ u, fejn applikabbli, ta’ livelli li ġew approvati mill-awtorità kompetenti;”
(b) it-taqsima 3, il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(5) Dokumentazzjoni dwar il-metodoloġija għal nuqqasijiet fid-data fejn applikabbli, in-numru ta’ titjiriet fejn seħħew in-nuqqasijiet fid-data, id-data użata biex jingħalqu n-nuqqasijiet fid-data, fejn seħħew, u, fejn in-numru ta’ titjireit bin-nuqqasijiet fid-data qabżu l-5 % tat-titjiriet li ġew irrappurtati, ir-raġunijiet għan-nuqqasijiet fid-data kif ukoll id-dokumentazzjoni tal-azzjonijiet rimedjali meħuda.”
(13) Fl-Anness X, it-taqsima 2 hija emendata kif ġej:
(a) il-punt (7) jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“(7) In-numru totali ta’ titjiriet għal kull par ta’ Stati koperti mir-rapport;”
(b) il-punt li ġej huwa miżjud taħt il-punt (7):
“(7a) Massa ta’ fjuwil (f’tunnellati) għal kull tip ta’ karburant għal kull par ta’ Stati;”
(c) il-punt (10)(a) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(a) in-numru ta’ titjiriet espressi bħala perċentwal ta’ titjiriet annwali li għalihom seħħew nuqqasijiet fid-data; u ċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għan-nuqqasijiet fid-data li japplikaw;”
(d) il-punt (11)(a) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(a) in-numru ta’ titjiriet espressi bħala perċentwal ta’ titjiriet annwali (approssimat għall-eqreb 0,1%) li għalihom seħħew nuqqasijiet fid-data; u ċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għan-nuqqasijiet fid-data li japplikaw;”
Artikolu 77
Tħassir tar-Regolament (UE) Nru 601/2012
1.Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 għandu jiġi revokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
Ir-referenzi li jsiru għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu li jkunu qed isiru għal dan ir-Regolament, u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tingħata fl-Anness XI.
2.Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 għandhom jibqgħu japplikaw għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika ta’ emissjonijiet u, fejn applikabbli, għad-data tal-attivitajiet li jseħħu qabel l-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 78Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Madankollu, l-Artikolu 76 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019 jew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont liema minnhom jiġi l-iktar tard.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 19.12.2018
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER