Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2018)7507

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq il-ħġieġ

C/2018/7507 final

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS 2) fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċomb u l-kadmju.

Id-Direttiva RoHS 2 tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, kif previst fl-Artikolu 4 tagħha. Din daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2011.

Is-sustanzi ristretti huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS 2. Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurati huma diġà fis-seħħ, ir-restrizzjonijiet fuq il-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP), il-benżilbutilftalat (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP) jibdew japplikaw mit-22 ta’ Lulju 2019 jew aktar tard. L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS 2 jelenkaw il-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva RoHS 2.

L-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku (l-inklużjoni, it-tiġdid, l-emendi u r-revokar tal-eżenzjonijiet) tal-Annessi III u IV. Skont l-Artikolu 5(1)(a) l-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk l-inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2 u meta tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u l-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku; l-affidabbiltà tas-sostituti mhix żgurata; jew it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jkun ogħla mit-total tal-benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) jistipula li l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) għandha tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali b’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka ta’ eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, il-Kummissjoni rċeviet għadd 3 ġmielu ta’ talbiet mingħand l-operaturi ekonomiċi, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness V, kemm għall-għoti ta’ eżenzjonijiet ġodda u kif ukoll għat-tiġdid ta’ dawk eżistenti.

L-eżenzjoni 21 tal-Anness III attwali tippermetti l-użu taċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq ħġieġ, bħall-ħġieġ tal-borosilikat u tas-soda lime. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni waħda għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni f’Jannar 2015. Filwaqt li l-eżenzjoni 21 kienet tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016 għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 4 , b’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva RoHS (l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu), din għandha tibqa’ tapplika sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-applikazzjoni.

Sabiex issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, li kien jinkludi konsultazzjoni online miftuħa ta’ tmien ġimgħat malpartijiet ikkonċernati 5 dwar l-applikazzjoni. Għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati saru tliet kontributi.

Ir-rapport finali bil-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġie ppubblikat; 6 ; u l-partijiet ikkonċernati ġew notifikati b’dan.

Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonsultat bil-miktub lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS 2 kif miftiehem waqt il-laqgħa preċedenti 7 . L-esperti qablu mal-abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni, b’maġġoranza kbira ta’ membri li ma ddikjarawx il-fehma tagħhom. Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat li matulu l-pubbliku seta’ jippreżenta r-reazzjonijiet tiegħu. Waslu tliet kummenti; tnejn minnhom jappoġġaw l-abbozz tal-att u wieħed jipproponi li tinżamm l-eżenzjoni relatata maċ-ċomb għall-kategorija 5. Tqies il-kumment u l-abbozz tad-Direttiva Delegata korrispondenti ġie emendat għal raġunijiet ta’ ċarezza legali. Twettqu l-passi kollha meħtieġa relatati mal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni tas-sustanza skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7) 8 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

Ir-rapport finali saħaq l-aktar fuq l-informazzjoni u l-valutazzjoni tekniċi li ġejjin:

·Iċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar applikati fuq il-ħġieġ jipprovdu mmarkar durabbli tal-prodott, l-aktar fuq il-bozoz tal-ħġieġ tal-lampi. L-immarkar jaqdi bosta skopijiet fosthom għall-immarkar CE u WEEE, jidentifika l-produttur, it-tip ta’ lampa u l-potenza, li huma rilevanti għas-sikurezza, għall-bidla korretta tal-lampa u għar-riċiklaġġ. Id-durabbiltà tal-immarkar hi importanti biex l-immarkar tal-prodott jibqa’ leġibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, kif jeżiġu l-leġiżlazzjonijiet u l-istandards tas-sikurezza tal-prodott.

·Iċ-ċomb jipprovdi proprjetajiet essenzjali, fosthom adeżjoni tajba, temperaturi aktar baxxi tal-enamellar, aktar durabbiltà u opaċità. Il-kadmju jintuża biex jinkisbu ċerti kuluri tal-enamel f’diversi oqsma ta’ applikazzjonijiet, inkluż applikazzjonijiet għal finijiet ta’ sikurezza u ta’ twissija meta ċerti kuluri jitqiesu li jżidu l-viżibbiltà. Il-kadmju jipprovdi wkoll funzjonijiet importanti ta’ ffiltrar.

·Bħalissa, sostituzzjoni jew tneħħija taċ-ċomb u l-kadmju għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku għal ċerti applikazzjonijiet.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 juru li mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) jiġi ssodisfat mit-talba għal eżenzjoni b’rabta mal-entrata 21 fl-Anness III. Peress li għal ċerti applikazzjonijiet ma teżisti l-ebda alternattiva affidabbli, hu ġġustifikat li tiġġedded l-eżenzjoni bit-test emendat biex jinħolqu subentrati separati għas-sustanzi rispettivi (iċ-ċomb u l-kadmju) u biex tkun tirrifletti l-istatus attwali tat-teknoloġiji alternattivi. It-tiġdidiet tal-eżenzjonijiet mogħtija bis-subentrati għandhom jibqgħu validi sal-21 ta’ Lulju 2021. Il-perjodu ta’ validità mogħti mhux mistenni jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. Meta jkun hemm sostituzzjoni affidabbli disponibbli, jaf ikun hemm xi impatti soċjoekonomiċi limitati fuq ċerti manifatturi fl-għamla ta’ investiment meħtieġ relatat mal-aġġustamenti fit-tagħmir. Għall-kategoriji l-oħra għajr il-kategoriji 1 sa 7 u 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ tgħodd għall-perjodi ta’ validità stabbiliti fl-Artikolu 5(2). L-eżenzjoni speċifika ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), b’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva Delegata tagħti eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), li jridu jiġu elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb u tal-kadmju f’applikazzjonijiet speċifiċi.

L-istrument huwa Direttiva Delegata, kif previst fid-Direttiva 2011/65/UE, u b’mod partikolari b’konformità mar-rekwiżiti rilevanti fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha.

Id-Direttiva Delegata għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u tapprossima d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma projbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS 2 u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u b’konformità mal-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 16.11.2018

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq il-ħġieġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 9 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)    Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(2)    Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE (kategoriji 1 sa 11) huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)    Iċ-ċomb u l-kadmju huma sustanzi ristretti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Madankollu, l-użu taċ-ċomb u l-kadmju f’ċerti applikazzjonijiet tal-istampar fuq il-ħġieġ, kien eżentat mir-restrizzjoni u bħalissa hu elenkat fl-entrata 21 tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, l-iskadenza ta’ dik l-eżenzjoni kienet il-21 ta’ Lulju 2016.

(4)    Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għal tiġdid ta’ dik l-eżenzjoni qabel il-21 ta’ Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni tibqa’ valida sakemm tkun ġiet adottata deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni.

(5)    Iċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar applikati fuq il-ħġieġ jipprovdu mmarkar durabbli tal-prodott, l-aktar fuq il-bozoz tal-ħġieġ tal-lampi. L-immarkar jaqdi bosta skopijiet fosthom għall-immarkar CE (il-konformità Ewropea) u WEEE (skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku), jidentifika l-produttur, it-tip ta’ lampa u l-potenza, li huma rilevanti għas-sikurezza, għall-bidla korretta tal-lampa u għar-riċiklaġġ. Id-durabbiltà tal-immarkar hi importanti biex l-immarkar tal-prodott jibqa’ leġibbli tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, kif jeżiġu l-leġiżlazzjonijiet u l-istandards tas-sikurezza tal-prodott.

(6)    Iċ-ċomb jipprovdi proprjetajiet essenzjali, fosthom adeżjoni tajba, temperaturi aktar baxxi tal-enamellar, aktar durabbiltà u opaċità.

(7)    Il-kadmju jintuża biex jinkisbu ċerti kuluri tal-enamel f’diversi oqsma ta’ applikazzjonijiet, inkluż applikazzjonijiet għal finijiet ta’ sikurezza u ta’ twissija meta ċerti kuluri jitqiesu li jżidu l-viżibbiltà. Dan jipprovdi wkoll funzjonijiet importanti ta’ ffiltrar.

(8)    Sostituzzjoni jew tneħħija taċ-ċomb għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku għal ċerti applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni attwali fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u 10 minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli. L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 . Għaldaqstant jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġġedded għal dawk l-applikazzjonijiet u l-kategoriji partikolari.

(9)    Sostituzzjoni jew tneħħija tal-kadmju għadhom mhumiex prattiċi mil-lat xjentifiku jew tekniku għal ċerti applikazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni attwali fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u 10 minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli. L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għaldaqstant jenħtieġ li l-eżenzjoni tiġġedded għal dawk l-applikazzjonijiet u l-kategoriji partikolari.

(10)    Għall-applikazzjonijiet l-oħra kollha li bħalissa huma koperti mill-eżenzjoni, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid mhumiex issodisfati. Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet għal dawk l-applikazzjonijiet jibqgħu japplikaw għal 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva Delegata skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(11)    Peress li, għall-applikazzjonijiet biċ-ċomb ikkonċernati mit-tiġdid, ma hemm l-ebda alternattiva disponibbli fis-suq, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġġedded għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 għall-perjodu massimu ta’ ħames snin sal-21 ta’ Lulju 2021. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(12)    Peress li, għall-applikazzjonijiet bil-kadmju kkonċernati mit-tiġdid, ma hemm l-ebda alternattiva disponibbli fis-suq, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ tiġġedded għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 għall-perjodu massimu ta’ ħames snin sal-21 ta’ Lulju 2021. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(13)    Għall-kategoriji l-oħra għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ valida għall-perjodi ta’ validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li d-dati tal-iskadenza jiżdiedu fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(14)    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [enter the last day of the 12th month after the date of entry into force of this Directive] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [enter the last day of the 12th month after the date of entry into force of this Directive + 1 day].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 16.11.2018

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3)    Il-lista tinsab fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm
(4)    Dawn il-kategoriji huma: 1. Apparat elettrodomestiku kbir; 2. Apparat elettrodomestiku żgħir; 3. Tagħmir tal-informatika u t-telekomunikazzjoni; 4. Tagħmir tal-konsumatur; 5. Tagħmir tat-tidwil; 6. Għodda elettrika u elettronika; 7. Ġugarelli, tagħmir ta’ divertiment u tal-isport; 10. Apparat ta’ distribuzzjoni awtomatika. Il-kategoriji EEE huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva RoHS.
(5)     Perjodu ta’ konsultazzjoni : mill-21.08.2015 sas-16.10.2015
(6)

    https://bookshop.europa.eu/en/assistance-to-the-commission-on-technological-socio-economic-and-cost-benefit-assessment-related-to-exemptions-from-the-substance-restrictions-in-electrical-and-electronic-equipment-pbKH0416554/  

(7)    Il-konsultazzjonijiet saru bil-miktub bejn is-27 ta’ April u t-18 ta’ Mejju 2017.
(8)    Lista tal-passi amministrattivi meħtieġa tinsab fuq is-sit web tal-Kummissjoni . L-istadju attwali tal-proċedura jistgħu jidhru għal kull abbozz tal-att delegat fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati fuq https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home .
(9)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
Top

ANNESS

Fl-Anness III, l-entrata 21 hija sostitwita b’dan li ġej:

“21

Iċ-ċomb u l-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq ħġieġ, bħall-ħġieġ tal-borosilikat u tas-soda lime.

Dan japplika għall-kategoriji 8, 9 u 11 u jiskadi fi:

-il-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll industrijali;

-il-21 ta’ Lulju 2023 għall-kategorija 8, l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

-il-21 ta’ Lulju 2024 għall-kategorija 9, l-istrumenti ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.

21(a)

Il-kadmju, meta jintuża fil-ħġieġ stampat bil-kulur biex jipprovdi funzjonijiet ta’ ffiltrar, użat bħala komponent f’applikazzjonijiet tat-tidwil installati fuq skrins u pannelli tal-kontroll tal-EEE

Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, għajr għall-applikazzjonijiet koperti bl-entrati 21(b) jew 39, u jiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.

21(b)

Il-kadmju fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq ħġieġ, bħall-ħġieġ tal-borosilikat u tas-soda lime.

Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10, għajr għall-applikazzjonijiet koperti bl-entrati 21(a) jew 39, u jiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.”

21(c)

Iċ-ċomb fil-linka tal-istampar għall-applikazzjoni ta’ enameli fuq ħġieġ, għajr il-ħġieġ tal-borosilikat

Dan japplika għall-kategoriji 1 sa 7 u 10 u jiskadi fil-21 ta’ Lulju 2021.”

Top