REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 3.9.2018
li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati u b’mod partikolari l-Artikoli 3a(8), 3b(6) u 3c(3) tagħha,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħti d-dritt li l-kumpaniji elenkati jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u tirrikjedi li l-intermedjarji jikkooperaw f’dan il-proċess ta’ identifikazzjoni. Din id-Direttiva għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-komunikazzjoni minn kumpaniji elenkati lill-azzjonisti tagħhom, b’mod partikolari t-trażmissjoni tal-informazzjoni tul il-katina ta’ intermedjarji u tirrikjedi li l-intermedjarji jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt li jipparteċipaw u li jivvotaw fil-laqgħat ġenerali, u d-drittijiet finanzjarji bħad-dritt li jirċievu d-distribuzzjonijiet ta’ profitti jew jipparteċipaw f’avvenimenti soċjetarji oħra mibdija mill-emittent jew minn terza persuna.
(2)Dan ir-Regolament għandu l-għan li jipprevjeni l-implimentazzjoni diverġenti tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/36/KE, li tista’ tirriżulta fl-adozzjoni ta’ standards nazzjonali inkompatibbli, u b’hekk jiżdiedu r-riskji u l-ispejjeż ta’ operazzjonijiet transfruntiera u, għalhekk jipperikolaw l-effettività u l-effiċjenza tagħhom u jirriżultaw f’piżijiet addizzjonali fuq l-intermedjarji. L-użu ta’ formati komuni ta’ data u strutturi ta’ messaġġi fi trażmissjonijiet għandhom jippermettu l-ipproċessar effiċjenti u affidabbli kif ukoll l-interoperabbiltà bejn l-intermedjarji, l-emittent u l-azzjonisti tiegħu, biex b’hekk jiġi żgurat il-funzjonament effiċjenti tas-swieq kapitali fl-Unjoni għall-ishma.
(3)Konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat u l-prinċipji ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament jinkludi biss rekwiżiti minimi. L-intermedjarji u l-parteċipanti fis-suq l-oħra huma mħeġġa biex ikomplu jirregolaw huma stess dawn il-formati skont il-ħtiġijiet tas-swieq differenti. Huma jistgħu wkoll jagħmlu ħilithom sabiex ikomplu jiġu standardizzati l-messaġġi msemmija f’dan ir-Regolament u xi tipi ta’ messaġġi oħra meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti u jiġu adottati teknoloġiji ġodda li jistgħu jsaħħu t-trasparenza u l-fiduċja.
(4)Biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti u biex dan isir aktar effiċjenti, speċjalment bejn il-fruntieri, jenħtieġ li jiġi inkoraġġut l-użu ta’ teknoloġiji moderni fil-komunikazzjoni bejn l-emittenti u l-azzjonisti tagħhom u l-intermedjarji, inklużi l-fornituri ta’ servizzi oħra li jintużaw għal dawn il-proċessi. Jenħtieġ li kull komunikazzjoni bejn l-intermedjarji, sa fejn ikun possibbli, tiġi trażmessa bl-użu ta’ formati standardizzati u li jinqraw minn magna li huma interoperabbli bejn l-operaturi u li jippermettu l-ipproċessar dirett. Madankollu, jenħtieġ li l-intermedjarji jagħmlu aċċessibbli għall-azzjonisti, li mhumiex intermedjarji, l-informazzjoni u l-mezzi biex jirreaġixxu bl-użu ta’ ħafna modalitajiet disponibbli fuq skala wiesgħa, li jippermettu l-ipproċessar dirett minn intermedjarji.
(5)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi f’dak li għandu x’jaqsam mat-talba għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-azzjonisti flimkien mat-tweġiba li għandha tiġi trażmessa sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi, awtomatizzata u bla xkiel tad-dritt tal-emittent li jkun jaf l-azzjonisti tiegħu.
(6)Mingħajr preġudizzju għall-konvokazzjoni tal-laqgħa ġenerali, sabiex jiġi żgurat proċessar dirett, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi fir-rigward tat-tipi u l-format ta’ informazzjoni fl-Avviż tal-Laqgħa standardizzat li għandu jiġi trażmess, fejn meħtieġ, tul il-katina ta’ intermedjarji lill-azzjonisti. L-għan huwa wkoll li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-istruzzjonijiet elettroniċi dwar il-votazzjoni minn azzjonisti lill-emittent.
(7)Dan ir-Regolament ikopri l-mudelli differenti ta’ azjendi għal ishma li jeżistu madwar l-Istati Membri mingħajr ma jiffavorixxi l-ebda wieħed partikolari.
(8)Il-liġi nazzjonali tal-uffiċċju reġistrat tal-emittent tiddetermina liema obbligi l-intermedjarji jridu jikkonformaw magħhom b’mod konkret sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mill-azzjonisti. Dawn se jinkludu, fejn meħtieġ, l-obbligu li jikkonfermaw l-intitolament tal-azzjonist li jieħu sehem f’laqgħa ġenerali, u l-obbligu li jikkomunika l-avviż ta’ parteċipazzjoni lill-emittent. Għal dan l-iskop, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti tipi minimi ta’ informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’din in-notifika ta’ parteċipazzjoni.
(9)Għad hemm il-ħtieġa li tiġi standardizzata l-konferma ta’ intitolament għal parteċipazzjoni f’laqgħa ġenerali, billi l-informazzjoni preċiża rigward pożizzjonijiet intitolati tista’ ma tkunx magħrufa mill-emittent, jew ikkomunikata lilu b’mod effiċjenti, partikolarment minħabba l-komunikazzjoni transfruntiera. Il-konfermi ta’ intitolament huma kkomunikati b’modi diverġenti bħal elettronikament permezz tal-katina ta’ intermedjarji, jew direttament mill-aħħar intermedjarju lill-emittent, jew mill-aħħar intermedjarju f’format stampat jew elettroniku lill-azzjonist jew klijent, skont il-mudell taż-żamma tat-titoli fis-suq rilevanti. Dan ir-Regolament jistipula l-minimu tat-tipi ta’ informazzjoni li trid tiġi inkluża f’konfermi jew ir-riċeviment ta’ voti u r-reġistrazzjoni u l-għadd tal-voti.
(10)Huwa kruċjali t-trattament rapidu ta’ trażmissjonijiet fil-katina ta’ intermedjarji, b’mod partikolari meta dan jikkonsisti minn kustodji jew operaturi oħra f’saffi multipli u, meta jintużaw kontijiet tal-klijenti omnibus, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tasal għand l-azzjonisti transfruntiera, u li dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu fi żmien raġonevoli u fi żmien l-iskadenzi stabbiliti għall-avvenimenti soċjetarji mill-emittenti u l-intermedjarji. Biex ikunu protetti u bbilanċjati l-interessi raġonevoli tal-azzjonisti ma’ dawk tal-emittenti u l-intermedjarji, huwa importanti li jiġu definiti l-iskadenzi li jridu jiġu osservati fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar avvenimenti soċjetarji u interventi tal-azzjonist.
(11)Billi qed jiġu applikati fil-parti l-kbira, standards tas-suq volontarji għat-trattament tal-azzjonijiet soċjetarji, inklużi l-avvenimenti soċjetarji ta’ natura finanzjarja, bħad-distribuzzjonijiet u r-riorganizzazzjonijiet soċjetarji li jaffettwaw is-sehem sottostanti, dan ir-Regolament jistabbilixxi biss l-elementi u l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu rispettati f’dawk il-proċessi.
(12)Huwa essenzjali li tiġi prodotta data affidabbli u li data kunfidenzjali tiġi trażmessa b’mod sigur. L-intermedjarji, l-emittenti u l-fornituri tas-servizzi tal-emittenti jenħtieġ li jkollhom il-proċessi xierqa stabbiliti biex jiżguraw b’mod partikolari l-integrità u s-sigurtà ta’ dawk il-proċessi, li jinkludu data personali għall-finijiet definiti fid-Direttiva 2007/36/KE.
(13)Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “emittent” tfisser kumpanija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u li l-ishma tiegħu huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru jew terza persuna nnominata minn din il-kumpanija għall-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;
(2) “CSD emittent” tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli li jipprovdi s-servizz ewlieni kif definit fil-punti 1 jew 2 tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ishma kkummerċjalizzati f’suq regolat;
(3) “avveniment soċjetarju” tfisser azzjoni mibdija mill-emittent jew terza persuna li tinvolvi l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma u li jistgħu jew ma jistgħux jaffettwaw sehem sottostanti, bħat-tqassim ta’ profitti jew laqgħa ġenerali;
(4) “intermedjarju” tfisser persuna kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2007/36/KE u intermedjarju f’pajjiż terz fis-sens tal-Artikolu 3e tad-Direttiva 2007/36/KE;
(5) “intervent tal-azzjonist ” tfisser kull reazzjoni, struzzjoni jew reazzjoni oħra mill-azzjonist jew terza persuna nnominata mill-azzjonist, kif ikun il-każ skont il-liġi applikabbli, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti li jirriżultaw mill-ishma, f’avveniment soċjetarju;
(6) “l-aħħar intermedjarju” tfisser kull intermedjarju li jipprovdi kontijiet tat-titoli fil-katina ta’ intermedjarji għall-azzjonist;
(7) “data ta’ reġistrazzjoni” tfisser id-data stabbilita mill-emittent, li fiha d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma, inkluż id-dritt għal parteċipazzjoni u għal vot f’laqgħa ġenerali, kif ukoll l-identità tal-azzjonisti, għandhom jiġu determinati, fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet konsolidati kkonsenjati fil-kotba tas-CSD emittent jew tal-ewwel intermedjarju l-ieħor permezz ta’ entrata fil-kotba fl-għeluq tan-negozju tagħha;
(8) “pożizzjoni intitolata” tfisser il-pożizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja mid-“data ta’ reġistrazzjoni”, li għaliha d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma, inkluż id-dritt għal parteċipazzjoni u għal vot f’laqgħa ġenerali, huma mehmuża;
(9) “l-ewwel intermedjarju” tfisser “is-CSD emittent” jew intermedjarju ieħor nominat mill-emittent, li jżomm rekords tal-ishma tal-emittent b’entrata fil-kotba fl-ogħla livell fir-rigward tal-ishma nnegozjati f’suq regolat, jew li jkollu dawn l-ishma fl-ogħla livell f’isem l-azzjonisti tal-emittent. L-ewwel intermedjarju jista’ jaġixxi wkoll fir-rwol tal-aħħar intermedjarju;
(10) “id-data tal-ħlas” tfisser id-data li fiha l-ħlas li jirrigwarda l-qligħ ta’ avveniment soċjetarju jekk ikun applikabbli, jkun dovut lill-azzjonist;
(11) “il-perijodu elettorali” tfisser il-perjodu li matulu l-azzjonist jista’ jagħżel bejn l-għażliet disponibbli f’avveniment soċjetarju;
(12) “data tal-aħħar parteċipazzjoni” tfisser l-aħħar data li fiha jistgħu jinxtraw jew jiġu ttrasferiti l-ishma bid-dritt mehmuż għall-parteċipazzjoni fl-avveniment soċjetarju eskluż id-dritt ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa ġenerali;
(13) “skadenza għall-protezzjoni tax-xerrej” tfisser l-aħħar jum u ħin li fih xerrej li għad irid jirċievi s-sehem sottostanti ta’ avveniment soċjetarju, li jinkludi għażliet għall-azzjonist, għandu jagħti struzzjonijiet lill-bejjiegħ dwar l-għażla bejn l-alternattivi;
(14) “skadenza stipulata mill-emittent” tfisser l-aħħar jum u ħin, skont kif stabbilit mill-emittent, li fih l-emittent, it-terza persuna nnominata mill-emittent jew is-CSD emittent, għandhom jiġu notifikati dwar intervent tal-azzjonist fir-rigward ta’ avveniment soċjetarju u fil-kuntest ta’ avveniment soċjetarju mibdi minn terza persuna, din għandha tapplika għal kull skadenza għan-notifika lil terza persuna jew lit-terza persuna nnominata minn tali terza persuna li tirrigwarda l-intervent tal-azzjonist f’dak li għandu x’jaqsam mal-avveniment soċjetarju li huwa nieda;
(15) “ex data” tfisser id-data li fiha l-ishma jiġu nnegozjati mingħajr id-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma inkluż id-dritt għal parteċipazzjoni u għal vot f’laqgħa ġenerali;
(16) “ISIN” tfisser in-numru internazzjonali ta’ identifikazzjoni tat-titoli assenjat lit-titoli definit taħt ISO 6166 jew metodoloġija kompatibbli;
(17) “LEI” tfisser l-identifikatur ta’ entità ġuridika ISO 17442 imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2012
Artikolu 2 Formati standardizzati, interoperabbiltà u lingwa
1.L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli minn 3 sa 8 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi trażmessa mill-intermedjarji skont il-formati standardizzati stabbiliti fl-Anness, u għandha tinkludi t-tipi minimi ta’ informazzjoni u jkunu f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness.
2.L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-emittenti intermedjarji u tiġi trażmessa tul il-katina ta’ intermedjarji lill-azzjonisti għandha tkun f’format li jippermetti l-ipproċessar f’konformità mal-paragrafu 3.
L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-emittent fil-lingwa li fiha huwa jippubblika l-informazzjoni finanzjarja tiegħu skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, sakemm dan ma jkunx ġustifikat filwaqt li jiġi kkunsidrat il-bażi azzjonarju tal-emittent, ukoll f’lingwa użata komunement fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.
3.It-trażmissjonijiet bejn l-intermedjarji għandhom isiru b’mezzi elettroniċi u formati li jinqraw minn magna, li jippermettu l-interoperabbiltà u l-ipproċessar dirett u li jużaw standards tal-industrija applikati internazzjonalment bħal pereżempju l-ISO jew metodoloġija kompatibbli mal-ISO.
4.L-intermedjarji għandhom jippermettu aċċess lill-azzjonisti, li mhumiex intermedjarji, għall-informazzjoni kollha, kif ukoll kull modalità għal interventi tal-azzjonist permezz ta’ għodod u faċilitajiet ġeneralment disponibbli, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-azzjonist. L-intermedjarji għandhom jiżguraw li dawn l-għodod u l-faċilitajiet jippermettu l-ipproċessar ta’ interventi tal-azzjonist mill-intermedjarju skont il-paragrafu 3.
Artikolu 3 Talba għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti u rispons
1.Ir-rekwiżiti minimi rigward il-format ta’ talba għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti f’konformità mal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 2007/36/KE għandhom ikunu kif stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness.
2.Ir-rekwiżiti minimi rigward il-format tar-reazzjoni minn intermedjarji għal talba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness.
3.Ir-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, għal kull aġġornament u kanċellazzjoni ta’ tali talbiet jew tweġibiet.
Artikolu 4 Trażmissjoni ta’ avviż ta’ laqgħa
1.Ir-rekwiżiti minimi rigward it-tipi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa f’konformità mal-Artikolu 3b(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2007/36/KE dwar l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ġenerali għandhom ikunu kif stipulat fit-Tabella 3 tal-Anness.
2.Ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom japplikaw ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, għal kull aġġornament u kanċellazzjoni ta’ dawn l-avviżi ta’ laqgħa.
Artikolu 5 Konferma ta’ intitolament għall-eżerċiżżju tad-drittijiet tal-azzjonisti f’laqgħa ġenerali
1.Bl-iskop li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonist f’laqgħa ġenerali, inkluż id-dritt li jipparteċipa u jivvota, kif imsemmi fl-Artikolu 3c(1) tad-Direttiva 2007/36/KE, l-aħħar intermedjarju għandu jikkonferma, wara talba, lill-azzjonist jew lil terza persuna nnominata mill-azzjonist, il-pożizzjoni intitolata li tidher fir-reġistri tiegħu. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed fil-katina ta’ intermedjarji, l-aħħar intermedjarju għandu jiżgura li l-pożizzjonijiet intitolati fir-rekords tiegħu jikkorrispondu ma’ dawk tal-ewwel intermedjarju.
Tali konferma mill-aħħar intermedjarju lill-azzjonist ma għandhiex tkun meħtieġa, jekk il-pożizzjoni intitolata tkun magħrufa jew tkun se tiġi trażmessa lill-emittent jew lill-ewwel intermedjarju, skont kif applikabbli.
2.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u l-elementi tad-data li l-konferma ta’ intitolament għandha tinkludi, skont kif ikun rilevanti għat-tip ta’ trażmissjoni, għandhom ikunu kif stabbiliti fit-Tabella 4 tal-Anness.
3.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u l-elementi tad-data msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom japplikaw ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, għal kull aġġornament u kanċellazzjoni ta’ konfermi ta’ intitolamenti.
Artikolu 6 Notifika ta’ parteċipazzjoni minn azzjonist f’laqgħa ġenerali
1.Bl-iskop li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mill-azzjonist f’laqgħa ġenerali, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw, kif imsemmi fl-Artikolu 3c(1) tad-Direttiva 2007/36/KE, l-intermedjarji għandhom, jekk meħtieġ skont l-emittent u b'talba mill-azzjonist, jikkomunikaw l-avviż ta’ parteċipazzjoni lill-emittent, jew biex jagħtu lill-azzjonist il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet huwa stess jew biex jagħtu lill-azzjonist il-possibbiltà li jinnomina terza persuna biex jeżerċita dawn id-drittijiet fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti mill-azzjonist għall-benefiċċju tal-azzjonist.
2.Meta n-notifika ta’ parteċipazzjoni tinkludi referenza għall-voti, l-aħħar intermedjarju għandu jiżgura li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ ishma vvotati tkun konsistenti mal-pożizzjoni intitolata. Fil-każ li n-notifika tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji qabel id-data ta’ reġistrazzjoni, l-aħħar intermedjarju għandu jaġġorna l-avviż, jekk meħtieġ, biex jallinja l-informazzjoni.
3.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u ta’ elementi tad-data, li l-avviż ta’ parteċipazzjoni minn azzjonist f’laqgħa ġenerali għandu jinkludi, għandhom ikunu kif stabbiliti fit-Tabella 5 tal-Anness.
It-tipi minimi ta’ informazzjoni u ta’ elementi tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom japplikaw ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, għal messaġġi li jirrigwardaw kull aġġornament u kanċellazzjoni ta’ avviżi ta’ parteċipazzjonijiet.
Artikolu 7 Format ta’ konferma tal-irċevuta u r-reġistrazzjoni u l-għadd tal-voti
1.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u ta’ elementi tad-data li jagħmlu parti mill-konferma tar-riċevuta tal-voti mitfugħa b’mod elettroniku kif previst fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 3c(2) tad-Direttiva 2007/36/KE, għandhom ikunu kif stabbilit fit-Tabella 6 tal-Anness.
2.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u ta’ elementi tad-datali jagħmlu parti mill-konferma ta’ reġistrazzjoni u l-għadd tal-voti mill-emittent lill-azzjonist jew lil terza persuna nnominata mill-azzjonist kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3c(2) tad-Direttiva 2007/36/KE, għandhom ikunu kif stabbilit fit-Tabella 7 tal-Anness.
Artikolu 8 Trażmissjoni ta’ informazzjoni speċifika għal avvenimenti korporattivi għajr laqgħat ġenerali
1.L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-emittent lill-ewwel intermedjarju jew lil intermedjarji oħra, kif ukoll in-notifiki li jintbagħtu fil-katina ta’ intermedjarji, għandhom jinkludu l-informazzjoni essenzjali kollha dwar l-avveniment soċjetarju għajr laqgħa ġenerali, li hija meħtieġa għall-intermedjarju biex iwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2007/36/KE lejn l-azzjonist jew biex l-azzjonist jeżerċita d-drittijiet tal-azzjonisti.
2.Ir-rekwiżiti minimi li ġejjin dwar is-sekwenza ta’ trażmissjonijiet, kif ukoll id-dati u l-iskadenzi f’avveniment soċjetarju għandhom japplikaw:
(a)l-emittent għandu jinnotifika lill-ewwel intermedjarju u sa fejn meħtieġ, lil intermedjarji oħra l-informazzjoni ta’ każ korporattiv kmieni biżżejjed biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jirreaġixxu u jibagħtu l-informazzjoni, u biex is-snajja' jew il-pretensjonijiet tas-suq pendenti jkunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod adegwat qabel id-dati ta’ skadenza rilevanti jew qabel il-bidu ta’ perjodu ta’ elezzjoni, kif applikabbli;
(b)id-data tal-pagament għandha tiġi ffissata kemm jista’ jkun qrib id-data ta’ reġistrazzjoni, l-iskadenza stipulata mill-emittent, jew l-iskadenza stabbilita mit-terza persuna li tniedi avveniment soċjetarju, skont kif applikabbli, sabiex l-ipproċessar ta’ pagamenti lill-azzjonisti jkun jista’ jsir malajr kemm jista’ jkun;
(c)f’każ ta’ avveniment soċjetarju li jinkludi alternattivi għall-azzjonist, il-perjodu tal-elezzjoni jenħtieġ li jkun twil biżżejjed biex l-azzjonisti u l-intermedjarji jkollhom perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jirreaġixxu;
(d)f’każ ta’ avveniment soċjetarju li jinkludi xi għażliet għall-azzjonist, id-data tal-aħħar parteċipazzjoni u l-iskadenza ta’ protezzjoni lix-xerrej għandhom jippreċedu, f’din l-ordni, l-iskadenza stipulata mill-emittent sabiex it-talbiet tax-xerrej ikunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod adegwat qabel tmiem il-perjodu tal-elezzjoni;
(e)f’każ ta’ avveniment soċjetarju li huwa kondizzjonali, l-emittent għandu jinnotifika lill-ewwel intermedjarju bl-informazzjoni rigward l-eżitu tal-avveniment soċjetarju mill-aktar fis possibbli wara l-iskadenza stipulata mill-emittent u qabel ma jsir kwalunkwe pagament fl-avveniment soċjetarju.
3.Wara d-data tal-ħlas tal-avveniment soċjetarju, l-ewwel intermedjarju jew, fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed fil-katina, l-intermedjarji kollha, għandhom jittrażmettu min-naħa tagħhom l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew dwar it-transazzjonijiet kompluti mill-intermedjarju għall-kont tal-azzjonist. L-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa mill-intermedjarju għandha tinkludi mill-inqas ir-riżultati bbażati fuq l-azzjoni tal-azzjonist f’avveniment soċjetarju b’alternattivi, il-pożizzjonijiet intitolati jew saldati, kull rikavat riċevut, kif ukoll ir-riżultati rigward kull pretensjoni tas-suq, sa fejn dan ikun rilevanti għall-azzjonist.
4.It-tipi minimi ta’ informazzjoni u l-elementi tad-data li għandhom jiġu pprovduti u trażmessi, sa fejn rilevanti għall-azzjoni korporattiva, skont l-Artikolu 3b(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2007/36/KE fir-rigward ta’ avveniment soċjetarji oħra għajr laqgħat ġenerali għandhom ikunu kif stipulati fit-Tabella 8 tal-Anness.
Ir-rekwiżiti stipulati fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll, sa fejn huwa meħtieġ, għal kull kanċellazzjoni jew aġġornament ta’ dawn in-notifiki.
Artikolu 9 Skadenzi li jridu jikkonformaw magħhom l-emittenti u l-intermedjarji f’avvenimenti soċjetarji u fi proċessi ta’ identifikazzjoni tal-azzjonisti
1.L-emittent li jagħti bidu għall-avveniment soċjetarju għandu jipprovdi lill-intermedjarji bl-informazzjoni dwar l-avveniment soċjetarju fi żmien xieraq, mhux aktar tard mill-istess jum tan-negozju li fih jitħabbar l-avveniment soċjetarju skont il-liġi applikabbli.
2.Meta l-intermedjarju jipproċessa u jibgħat informazzjoni dwar avvenimenti soċjetarji, l-intermedjarju għandu jiżgura, fejn meħtieġ, li l-azzjonisti jkollhom biżżejjed żmien biex jirreaġixxu għall-informazzjoni li jirċievu sabiex ikunu jistgħu jirrispettaw l-iskadenza stipulata mill-emittent jew id-data ta’ reġistrazzjoni.
L-ewwel intermedjarju u kull intermedjarju ieħor li jirċievi informazzjoni dwar l-avveniment soċjetarju għandu jittrażmetti din l-informazzjoni lill-intermedjarju li jmiss fil-katina mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-għeluq tal-istess jum ta’ negozju li fih ikun irċieva l-informazzjoni. Meta l-intermedjarju jirċievi l-informazzjoni wara l-16.00 matul il-jum ta’ negozju tiegħu, huwa għandu jittrażmetti l-informazzjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-10.00 tal-jum ta’ negozju li jsegwi.
Fejn il-pożizzjoni fis-sehem rilevanti tinbidel wara l-ewwel trażmissjoni, l-ewwel intermedjarju u kull intermedjarju fil-katina, għandu, barra minn hekk, jgħaddi l-informazzjoni lill-azzjonisti l-ġodda fil-kotba tiegħu, skont il-pożizzjonijiet ta’ tmiem il-jum f’kull jum ta’ negozju, sad-data ta’ reġistrazzjoni.
3.L-aħħar intermedjarju għandu jittrażmetti lill-azzjonist l-informazzjoni dwar l-avveniment soċjetarju mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-għeluq tal-istess jum ta’ negozju li fih ikun irċieva l-informazzjoni. Meta l-intermedjarju jirċievi l-informazzjoni wara l-16.00 matul il-jum ta’ negozju tiegħu, huwa għandu jittrażmetti l-informazzjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-10.00 tal-jum ta’ negozju li jsegwi. Barra minn hekk, huwa għandu jikkonferma d-dritt tal-azzjonist sabiex jipparteċipa fl-avveniment soċjetarju mingħajr dewmien żejjed u fiż-żmien dovut sabiex ikunu jista’ jirrispetta l-iskadenza stipulata mill-emittent jew id-data ta’ reġistrazzjoni, skont kif applikabbli.
4.Kull intermedjarju għandu jittrażmetti lill-emittent kull informazzjoni dwar l-intervent tal-azzjonist mingħajr dewmien wara li jkun irċieva l-informazzjoni, skont proċess li jippermetti li tiġi rispettata l-iskadenza stipulata mill-emittent jew id-data ta’ reġistrazzjoni.
Kull rekwiżit addizzjonali li jikkonċerna l-intervent tal-azzjonist, li l-emittent jeħtieġ li l-azzjonist jipprovdi skont il-liġi applikabbli, u li ma jistax jiġi pproċessat bħala li jinqara minn magna jew awtomatizzat għal kollox kif previst fl-Artikolu 2(3), għandu jiġi trażmess mill-intermedjarju mingħajr dewmien u fil-ħin sabiex l-iskadenza stipulata mill-emittent jew id-data ta’ reġistrazzjoni tkun tista’ tiġi rrispettata.
L-aħħar intermedjarju ma għandux jistabbilixxi skadenza li tkun teħtieġ xi intervent tal-azzjonist aktar kmieni minn tliet ijiem ta’ xogħol qabel l-iskadenza stipulata mill-emittent jew qabel id-data ta’ reġistrazzjoni. L-aħħar intermedjarju jista’ javża lill-azzjonist fir-rigward tar-riskji marbuta ma’ tibdiliet fil-pożizzjoni azzjonarja qrib id-data ta’ reġistrazzjoni.
5.Il-konferma tar-riċevuta tal-voti mitfugħa elettronikament kif previst fl-Artikolu 7(1) għandha tiġi pprovduta lill-persuna li titfa’ l-vot immedjatament wara li jintefgħu l-voti.
Il-konferma tar-reġistrazzjoni u l-għadd tal-voti kif prevista fl-Artikolu 7(2) għandha tiġi pprovduta mill-emittent f’waqtha u mhux aktar tard minn 15-il jum wara t-talba jew il-laqgħa ġenerali, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar, sakemm l-informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli.
6.It-talba biex tiġi kkomunikata l-identità tal-azzjonisti magħmula minn emittent jew terza persuna nnominata mill-emittent għandha tiġi trażmessa minn intermedjarji, skont il-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba, lill-intermedjarju li jmiss fil-katina mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-għeluq fl-istess jum ta’ negozju meta tasal it-talba. Meta l-intermedjarju jirċievi talba wara l-16.00 matul il-jum ta’ negozju tiegħu, huwa għandu jittrażmetti l-informazzjoni mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-10.00 tal-jum ta’ negozju li jmiss.
Ir-rispons għat-talba biex tiġi kkomunikata l-identità tal-azzjonist għandu jiġi pprovdut u trażmess minn kull intermedjarju lid-destinatarju definit fit-talba mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn matul il-jum tan-negozju li jsegwi immedjatament wara d-data ta’ reġistrazzjoni jew id-data ta’ meta tasal it-talba mingħand l-intermedjarju rispondenti, skont liema jseħħ l-aħħar.
L-iskadenza msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhiex tapplika għat-tweġibiet għal talbiet jew dawk il-partijiet ta’ talbiet, kif applikabbli, li ma jistgħux jiġu pproċessati bħala li jinqraw minn magna u awtomatizzati għal kollox, kif previst fl-Artikolu 2(3). Dan ma għandux japplika lanqas għal risposti għal talbiet li jaslu għand l-intermedjarju aktar minn sebat ijiem ta’ negozju wara d-data ta’ reġistrazzjoni. F’każijiet bħal dawn, it-tweġiba għandha tiġi pprovduta u trażmessa mill-intermedjarju mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ sal-skadenza stipulata mill-emittent.
7.L-iskadenzi msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 6 għandhom japplikaw, sa fejn huwa meħtieġ, għal kull kanċellazzjoni jew aġġornament tal-informazzjoni rilevanti.
8.L-intermedjarju għandu jittimbra b’indikazzjoni ta’ ħin, it-trażmissjonijiet kollha msemmija f’dan l-Artikolu.
Artikolu 10 Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà
1.Meta jittrażmettu informazzjoni lill-intermedjarji, lill-azzjonisti jew lil terzi persuni nnominati mill-azzjonisti skont l-Artikoli 3a, 3b u 3c tad-Direttiva 2007/36/KE, l-emittent u l-intermedjarju għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa li jkollhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà, l-integrità u l-awtentikazzjoni tal-informazzjoni oriġinata mill-emittent jew mitterza persuna li tniedi l-avveniment soċjetarju. L-intermedjarji għandhom jimplimentaw tali miżuri wkoll fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-emittent jew lit-terza persuna nnominata mill-emittent.
2.L-intermedjarju li jirċievi talba mingħand l-emittent jew mingħand it-terza persuna nnominata mill-emittent biex jikkomunika l-identità tal-azzjonist, jew kull komunikazzjoni oħra msemmija f’dan ir-Regolament, li għandha tiġi trażmessa tul il-katina ta’ intermedjarji, jew lill-azzjonisti, għandu jivverifika li t-talba jew l-informazzjoni trażmessa toriġina mingħand l-emittent.
Artikolu 11 Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn [24 xahar wara l-adozzjoni tar-Regolament]
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 3.9.2018
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER