REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 30.7.2018
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 2 stabbilixxa regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 billi ssimplifika r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Għalhekk, ir-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.
(2)Tħassar l-obbligu li jintgħażlu korpi ta’ konsulenza permezz ta’ proċedura speċifika ta’ sejħa għall-offerti. Għalhekk, ir-regoli ta’ implimentazzjoni li jirreferu għas-sejħiet għall-offerti jenħtieġ li jitħassru.
(3)Ir-regoli għall-istabbiliment konġunt ta’ bdiewa żgħażagħ ġew introdotti fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u żdiedet definizzjoni ta’ “data ta’ stabbiliment” fl-Artikolu 2(1)(s) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-bdiewa żgħażagħ stabbiliti fil-paragrafu 8 tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jenħtieġ li jiġu allinjati. Barra minn hekk, wara t-tħassir tal-Artikolu 57 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 4 li jistabbilixxi regoli dwar l-iżvilupp tal-azjenda agrikola u tan-negozju, ir-regoli għal pjan ta’ negozju stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jenħtieġ li jiġu ssimplifikati wkoll.
(4)Ir-regoli dwar l-istrumenti finanzjarji ġew issimplifikati. B’mod partikolari, fl-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ġiet introdotta deroga mill-applikabbiltà tal-kriterji tal-għażla għal operazzjonijiet appoġġjati minn strumenti finanzjarji. Il-paragrafu 8 tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ din id-deroga.
(5)Sabiex jiġu evitati piż amministrattiv bla bżonn u b’mod partikolari modifiki frekwenti fil-pjanijiet ta’ finanzjament, hemm bżonn jiġi ċċarat li l-limiti massimi relatati mal-iżbilanċ tal-kontribuzzjonijiet ippjanati tal-FAEŻR kif ippreżentati fil-pjan finanzjarju ta’ kull programm jiġu kkalkulati fil-livell tal-ammont totali ta’ kull miżura.
(6)L-Artikolu 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jipprovdi għal appoġġ lill-bdiewa permezz ta’ għodda għall-istabilizzazzjoni tad-dħul speċifika għas-settur u l-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament jippermetti appoġġ għal skemi tal-assigurazzjoni agrikola li jkopru telf fil-produzzjoni li jaqbeż l-20 % tal-medja annwali kkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-annimali jew tal-pjanti, infestazzjoni tal-organiżmi ta’ ħsara, jew inċident ambjentali. F’konformità mal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-pjan ta’ finanzjament jenħtieġ li jindika l-appoġġ ippjanat mill-FAEŻR u r-rata ta’ kontribuzzjoni.
(7)Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(8)Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Iżvilupp Rurali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 7 jitħassar;