MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
It-terminu “vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija” jkopri firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ vetturi b’tal-anqas żewġ fusien, pereżempju t-tratturi b’katina dejqa, it-tratturi b’wisa’ addizzjonali, it-tratturi biċ-ċineg, il-karrijiet agrikoli u t-tagħmir irmunkat interkambjabbli, bħar-rombli, l-imħaret, il-magni taż-żrigħ, eċċ.
Ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip li japplikaw għall-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u fil-ħames atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.
Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq li t-tratturi b’katina dejqa li jkollhom magni b’medda ta’ potenza ta’ bejn 56 u 130 kW jitħallew jilħqu, fil-ħin, l-Istadju V tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-istess ħin jegħlbu d-diffikultajiet tekniċi li għandhom biex jilħqu l-Istadju IV tat-tali emissjonijiet.
Dan l-att għandu l-għan li jemenda l-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 u l-Anness V tiegħu billi jistabbilixxi r-rekwiżiti għal skema adattata ta’ flessibbiltà għat-tratturi li ssemmew hawn fuq. Din l-iskema ta’ flessibbiltà tippermetti lill-manifatturi tat-tratturi jixtru, waqt stadju partikulari tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu mill-magni, għadd limitat ta’ magni li ma jkunux jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet li jkunu japplikaw matul dak l-istadju, iżda li jkunu approvati skont ir-rekwiżiti tal-istadju li jkun eżatt qablu.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Hija u tħejji dan l-att, il-Kummissjoni wettqet il-konsultazzjonijiet ix-xierqa fil-livell tal-esperti, li kienu jinkludu l-partijiet interessati rilevanti mill-industrija, is-sħab soċjali u l-esperti mill-Istati Membri.
Saret konsultazzjoni pubblika dwar dan l-att mit-2 ta’ Diċembru 2016 sat-30 ta’ Diċembru 2016 permezz tal-Portal għal regolamentazzjoni aħjar u l-kummenti li waslu permezz tagħha tqiesu kif xieraq.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
(a)Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ dan l-att delegat hija r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, kif emendat bir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.
(b)Għażla tal-istrumenti
Regolament huwa l-istrument ix-xieraq biex jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 1.2.2017
li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti ambjentali u tar-rendiment tal-unità tal-propulsjoni tal-vetturi agrikoli u forestali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, u b’mod partikulari l-Artikolu 19(6) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 jgħid li l-limiti tal-emissjonijiet imsejħa l-Istadju IIIB tal-magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni b’medda ta’ potenza ta’ bejn 56 u 130 kW għandhom japplikaw sat-30 ta’ Settembru 2016 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 mgħammrin b’dawk il-magni, u sat-30 ta’ Settembru 2017 għat-tqegħid fis-suq tat-tali tratturi. L-Istadju IV, li jipprevedi limiti tal-emissjonijiet iktar stretti mill-Istadju IIIB, imbagħad jibda japplika fl-1 ta’ Ottubru 2016 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk il-magni u għat-tratturi b’katina dejqa mgħammrin b’dawk il-magni, u fl-1 ta’ Ottubru 2017 għat-tqegħid fis-suq ta’ dawk ilmagni.
(2)Sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tippreskrivix rekwiżiti tekniċi li jkun għadhom ma jistgħux jintlaħqu, u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom it-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 li jkunu mgħammrin b’magni b’medda ta’ potenza ta’ bejn 56 u 130 kW ma jkunux jistgħu jibqgħu jingħataw approvazzjoni tat-tip jew jitqiegħdu fis-suq jew jiddaħħlu fis-servizz, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżitorju ta’ sena. Matul dak il-perjodu, it-tratturi jistgħu jibqgħu jingħataw approvazzjoni tat-tip jew jitqiegħdu fis-suq jew jiddaħħlu fis-servizz jekk ikunu jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet tal-Istadju IIIB.
(3)Sabiex l-industrija tkun tista’ tgħaddi bla problemi għall-Istadji IV u V tal-limiti tal-emissjonijiet li jiġu wara meta tibda tapplikahom għat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 li jkunu mgħammrin b’magni b’medda ta’ potenza ta’ bejn 56 u 130 kW, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet biex tiġi applikata l-iskema tal-flessibbiltà jiġu adattati għal dawn l-Istadji u li jiġi permess li din tintuża b’perċentwal ogħla waqt l-Istadju IV.
(4)Għalhekk ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 għandu jiġi emendat kif xieraq.
(5)Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 diġà qed japplika, filwaqt li l-emendi tiegħu biex issir tranżizzjoni bla xkiel biex l-Istadju IV jibda japplika għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 saru possibbli u obbligatorji wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dak l-Istadju għat-tali tratturi (jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2016) minħabba l-emenda tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 permezz tar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/96 qed jiġi emendat kif ġej:
(1)l-Artikolu 11(4) qed jinbidel b’dan li ġej:
“4. Għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip u tat-tqegħid fis-suq:
(a) id-dati stabbiliti fl-Artikolu 9(3)(c) u (d) tad-Direttiva 97/68/KE għandhom jiġu posposti għal erba’ snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013;
(b) id-dati stabbiliti fl-Artikolu 9(4)(a) tad-Direttiva 97/68/KE għandhom jiġu posposti għal tliet snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013;
(c) il-klawżoli ta’ tranżizzjoni u ta’ eżenzjoni mogħtija fl-Artikolu 9(4)(a) u fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 97/68/KE u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 ukoll għandhom jiġu posposti għal tliet snin għall-vetturi agrikoli u forestali tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 iddefiniti fl-Artikolu 4(3), (6) u (9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013.”;
(2)il-punt 1.1.1 tal-Anness V qed jinbidel b’dan li ġej:
“1.1.1. L-għadd ta’ vetturi agrikoli u forestali li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema tal-flessibbiltà f’kull kategorija tal-magni ma għandux jaqbeż l-20 % tal-għadd annwali ta’ vetturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur b’magni fil-firxa rilevanti ta’ saħħa tal-magna (ikkalkulat bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-Unjoni). Minkejja l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu, għat-tratturi tal-kategoriji T2, T4.1 u C2 biss, l-għadd ta’ vetturi li jitqiegħdu fis-suq taħt l-iskema tal-flessibbiltà tal-Istadju IV, f’kull firxa ta’ saħħa tal-magna, ma għandux jaqbeż il-150 % tal-għadd annwali ta’ vetturi li jitqiegħdu fis-suq mill-manifattur b’magni fil-firxa rilevanti ta’ saħħa tal-magna (ikkalkulat bħala l-medja tal-bejgħ tal-aħħar ħames snin fis-suq tal-Unjoni). Meta manifattur tal-vetturi jkun qiegħed vetturi agrikoli u forestali fis-suq tal-Unjoni għal perjodu ta’ inqas minn ħames snin, il-medja għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-perjodu attwali li matulu l-manifattur tal-vetturi jkun qiegħed fis-suq il-vetturi agrikoli u forestali fl-Unjoni.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, 1.2.2017
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER