|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Il-pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons |
|
DĠ ewlieni — unità responsabbli |
SANTE – B2 (Sigurtà tas-Saħħa) |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni |
|
Żmien indikattiv |
Q4-2025 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
Is-sigurtà tas-saħħa u l-mard infettiv — il-Kummissjoni Ewropea |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
Fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li tatna l-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni ressqet damma ta’ proposti biex tissawwar Unjoni Ewropea tas-Saħħa li saħħet il-qafas tal-UE għas-sigurtà fil-qasam tas-saħħa. Ir-Regolament (UE) 2022/2371 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa huwa biċċa prinċipali mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti mill-qafas. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa (il-pjan tal-Unjoni). Il-pjan tal-Unjoni għandu l-għan li jippromwovi rispons effettiv u kkoordinat għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa fil-livell tal-UE billi jiddeskrivi l-arranġamenti konġunti li huma fis-seħħ għall-governanza, għall-kapaċitajiet, u għar-riżorsi. Se jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet operazzjonali biex jingħata l-appoġġ lill-Istati Membri għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons f’każ ta’ theddida transkonfinali serja għas-saħħa, inklużi r-reżistenza għall-antimikrobiċi u r-riskji klimatiċi iżda wkoll xenarji intenzjonali bħat-terroriżmu sponsorjat mill-istat u l-operazzjonijiet ta’ ġlied fuq skala kbira. Il-pjan tal-Unjoni se jikkomplementa l-pjanijiet nazzjonali ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons. Il-pjan tal-Unjoni se jkun marbut mill-qrib ma’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni, inklużi l-istrateġija għal Unjoni ta’ Preparatezza, l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-istrateġija Ewropea ta’ sigurtà interna, l-istrateġija biex jiġu appoġġati kontromiżuri mediċi kontra t-theddid għas-saħħa pubblika, u l-istrateġija tal-UE għall-kumulazzjoni tar-riżervi. Jirrifletti wkoll ir-Rapport tal-Konsulent Speċjali Niinistö. Il-pjan tal-Unjoni se jikkunsidra l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2371. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa għal approċċ effettiv u kkoordinat biex jiġi indirizzat it-theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Kixfet ukoll lakuni u dgħufijiet fil-kapaċitajiet tat-tħejjija u tar-rispons tal-UE. Xi pjanijiet ta’ tħejjija kienu fis-seħħ, iżda l-mekkaniżmi u l-għodod mhux dejjem kienu jaqblu mal-ħtiġijiet tal-ġestjoni tal-emerġenzi u ġew adottati ad hoc. Din il-kriżi wriet li l-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni jisboq il-kost ta’ investiment effettiv u sistematiku fit-tħejjija u l-ippjanar, inkluża l-prospettiva strateġika 1 . Il-kriżi klimatika li qed tikber qed toħloq theddid serju għas-saħħa li jirrikjedi azzjoni koordinata mill-Istati Membri kollha għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons effettivi fir-rigward tat-theddid għas-saħħa għajr it-tifqigħat ta’ mard infettiv. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali tbiddel ix-xenarju tat-theddid. Sabiex jiġu indirizzati dawn ix-xenarji multipli u kumplessi ta’ theddid, huwa meħtieġ approċċ ta’ gvern sħiħ u tas-soċjetà kollha għall-ippjanar tat-tħejjija. L-applikazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda” tippermetti lil dawk li jfasslu l-politika jindirizzaw id-determinanti komuni għas-saħħa tan-nies, tal-annimali, u tal-ekosistemi. Biex jiġu fformalizzati t-tagħlimiet li ħadna mill-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2022/2371 jinkludi diversi dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-ippjanar għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons fl-UE/fiż-ŻEE. Dawn jinkludu rappurtar u valutazzjoni regolari tal-ippjanar tal-Istati Membri, u l-koordinazzjoni tal-ippjanar fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Barra minn hekk, ir-Regolament jintroduċi l-pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa, li se jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE, u f’konformità mal-qafas ta’ tħejjija u rispons f’każ ta’ emerġenza stabbilit fir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa. Il-pjan tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni, l-istrutturi ta’ governanza, il-kapaċitajiet, u r-riżorsi eżistenti tal-UE, u għalhekk ma jintroduċi l-ebda obbligu ġdid għall-Istati Membri jew għall-istituzzjonijiet tal-UE. Minflok, il-valur miżjud tal-pjan tal-Unjoni jinsab fil-kapaċità li tinġabar informazzjoni frammentata dwar arranġamenti konġunti f’dokument uniku, aċċessibbli, u operazzjonali li l-maniġers tal-kriżijiet jistgħu jikkonsultaw f’każ ta’ bżonn. Il-pjan tal-Unjoni se jikkomplementa l-politiki nazzjonali billi jiffaċilita livell adegwat ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons fl-UE kollha fir-rigward tat-theddid transkonfinali kollu għas-saħħa; u billi jiġu kkoordinati azzjonijiet għall-monitoraġġ, it-twissija bikrija, u l-ġestjoni ta’ dak it-theddid. Dan ifisser li, flimkien mal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll ma’ pjanijiet settorjali oħra, il-pjan tal-Unjoni se jifforma arkitettura ta’ ppjanar solida u li qed titjieb b’mod kostanti għall-UE/għaż-ŻEE. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2022/2371 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa. Ir-Regolament (UE) 2022/2371 huwa bbażat fuq l-Artikolu 168(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan jippermetti lill-UE tadotta (i) miżuri ta’ inċentiv għall-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem u għall-ġlieda kontra l-flaġelli transkonfinali ewlenin fil-qasam tas-saħħa; u (ii) miżuri dwar il-monitoraġġ, it-twissija bikrija, u l-ġlieda kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri. |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
Il-valur miżjud tal-UE fil-ħolqien ta’ pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa jinsab fil-kapaċità tagħha li tikkomplementa l-pjanijiet nazzjonali, filwaqt li tiżgura approċċ ikkoordinat biex jiġu indirizzati t-theddid u l-kriżijiet transkonfinali għas-saħħa. Permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-UE, il-pjan tal-Unjoni (i) isaħħaħ il-koordinazzjoni tat-tħejjija għall-kriżijiet tas-saħħa u tar-rispons għalihom; u (ii) iżid l-effiċjenza billi jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi u jippromwovi l-aħjar użu tar-riżorsi u l-għodod eżistenti. Għalhekk jipprovdi rispons f’waqtu, aktar effettiv, u simplifikat għall-kriżijiet tas-saħħa fil-livell tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, inaqqas ir-riskju u l-impatt tat-theddid transkonfinali għas-saħħa pubblika, għas-soċjetajiet, u għall-ekonomiji. |
|
B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom |
|
Il-pjan tal-Unjoni se jistabbilixxi qafas (i) għall-attivitajiet relatati mal-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons fir-rigward tal-kriżijiet tas-saħħa fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, u tal-aġenziji u l-korpi tal-UE; kif ukoll (ii) għall-interazzjonijiet u l-koordinazzjoni ma’ korpi internazzjonali rilevanti f’approċċ ikkoordinat li jkopri l-perikli kollha, il-gvern kollu, is-soċjetà kollha, u “Saħħa Waħda”. ll-pjan se jiddeskrivi l-partijiet ikkonċernati ewlenin kif ukoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-livell tal-UE. L-għan ġenerali tal-pjan tal-Unjoni huwa li jgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE għat-tħejjija u r-rispons f’każ ta’ emerġenza kaġun ta’ kriżijiet tas-saħħa, inklużi l-pandemiji; li tinbena r-reżiljenza maż-żmien permezz ta’ ttestjar regolari tal-istress; li jkun hemm rispons f’waqtu fil-livell tal-UE; kif ukoll li jingħata appoġġ lir-risponsi fil-livell nazzjonali jekk jintalab. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan tal-Unjoni jestendi għal theddid ta’ oriġini bijoloġika, kimika, ambjentali, u mhux magħrufa u għal theddid għas-saħħa transfruntier ieħor, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/2371. Il-pjan tal-Unjoni se jinkludi dispożizzjonijiet dwar arranġamenti konġunti għall-governanza, il-kapaċitajiet, u r-riżorsi. Dawn id-dispożizzjonijiet se jiżguraw il-kooperazzjoni f’waqtha bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti; l-iskambju sigur tal-informazzjoni; is-sorveljanza epidemjoloġika u l-monitoraġġ; twissija bikrija u valutazzjoni ta’ perikli multipli ta’ riskji fuq terminu qasir u fit-tul; komunikazzjoni dwar ir-riskji u l-kriżijiet; kollaborazzjoni multisettorjali; id-disponibbiltà ta’ kontromiżuri mediċi; u r-riċerka u l-innovazzjoni ta' emerġenza. Il-pjan tal-Unjoni se jinkludi elementi ta’ tħejjija interreġjonali transkonfinali f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda” biex jappoġġa miżuri tas-saħħa pubblika li jkunu konsistenti, multisettorjali, u transkonfinali. Se jikkunsidra ċ-ċirkostanzi nazzjonali u jinkludi miżuri ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ individwi b’riskji ogħla ta’ impatti minn theddida transkonfinali serja għas-saħħa. Għal rispons effettiv u kkoordinat fil-livell tal-UE, il-pjanijiet nazzjonali ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons tal-Istati Membri u l-pjan tal-Unjoni jeħtieġ li jaħdmu flimkien mingħajr xkiel. Il-pjan tal-Unjoni, għalhekk, se jikkomplementa l-pjanijiet nazzjonali u jippromwovi sinerġiji effettivi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, il-pjanijiet tal-Istati Membri jeħtieġ li jfittxu li jkunu kemm jista’ jkun koerenti mal-pjan tal-Unjoni. Il-pjan tal-Unjoni se jiġi ttestjat u aġġornat jekk ikun meħtieġ. |
|
Impatti probabbli |
|
Il-pjan tal-Unjoni huwa mistenni li jkollu impatti pożittivi fuq is-saħħa pubblika, fuq is-soċjetajiet, u fuq l-ekonomiji billi: ·jippromwovi sinerġiji bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE għal rispons effettiv u kkoordinat għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli u emarġinati li huma affettwati b’mod sproporzjonat minn theddid bħal dan; ·jiddeskrivi l-arranġamenti konġunti għall-governanza, il-kapaċitajiet, u r-riżorsi għall-kooperazzjoni f’waqtha, l-iskambju sigur tal-informazzjoni, is-sorveljanza, it-twissija bikrija, il-valutazzjoni tar-riskju, il-komunikazzjoni tar-riskji u tal-kriżijiet, il-kontromiżuri mediċi, ir-riċerka u l-innovazzjoni ta’ emerġenza, u l-valutazzjoni tar-riskji u tal-impatt; ·jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet operazzjonali fis-seħħ għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons multisettorjali fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa; ·jippromwovi l-kooperazzjoni interreġjonali transkonfinali għall-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa; ·jgħin lill-Istati Membri biex ifittxu li jkunu koerenti mal-pjan tal-Unjoni, filwaqt li jiżviluppaw jew jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom biex jiżguraw azzjoni koordinata mil-livell lokali sa dak reġjonali sa dak nazzjonali sal-livell tal-UE u fis-setturi kollha. |
|
Monitoraġġ futur |
|
Il-pjan tal-Unjoni se jiġi ttestjat u aġġornat regolarment sabiex jiġi żgurat li jippromwovi azzjoni effettiva u kkoordinata fil-livell tal-UE u li jkun interoperabbli mal-pjanijiet nazzjonali u mal-qafas ta’ tħejjija u rispons għall-emerġenzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Se jsiru eżerċizzji li se jidentifikaw l-aħjar prattiki u l-lakuni potenzjali u joħolqu sinerġiji, u b’hekk jiżguraw titjib kontinwu tat-tħejjija għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-ħajja reali. L-eżerċizzji se jsegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-eżerċizzji tal-ġestjoni tal-kriżijiet. |
|
C. Regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt għal din l-inizjattiva. Il-pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa huwa mistenni li jieħu l-forma ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet operazzjonali biex tippromwovi sinerġiji effettivi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-UE. Għalhekk, il-pjan huwa mistenni li jissimplifika l-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa madwar l-UE. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
L-għan tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni huwa li jinġabru l-kummenti ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp tal-pjan tal-Unjoni ta’ prevenzjoni, tħejjija, u rispons għall-kriżijiet tas-saħħa. L-għan huwa li jiġi żgurat li dan jippromwovi rispons effettiv u kkoordinat għat-theddid transkonfinali għas-saħħa fil-livell tal-UE. Il-konsultazzjonijiet se jkopru diversi servizzi tal-Kummissjoni, u aġenziji u korpi rilevanti tal-UE; u se jinvolvu wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali (b’mod partikolari d-WHO) sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas globali ta’ tħejjija għall-emerġenzi tas-saħħa. Il-pjan tal-Unjoni se jiġi żviluppat f’kooperazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa. Jistgħu jiġu kkonsultati wkoll gruppi rilevanti oħra. Il-pubbliku ġenerali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-atturi tas-settur privat, u l-akkademja qed jiġu infurmati permezz ta’ webinars permezz tal-Pjattaforma tal-Politika tas-Saħħa. L-għan ta’ dawk il-webinars huwa li ninfurmaw lid-diversi partijiet ikkonċernati u nitkellmu magħhom dwar il-pjan tal-Unjoni sabiex nisimgħu l-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom. Il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati qed jiġi kkunsidrat matul l-iżvilupp tal-pjan tal-Unjoni biex jiġi żgurat li jaqdi l-iskop tiegħu. Minħabba l-ambitu u l-varjetà ta’ dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni, mhux se ssir konsultazzjoni pubblika. |
|
Din is-sejħa għal evidenza se tiġi ppubblikata għal erba’ ġimgħat fuq il-website tal-Kummissjoni Semma’ Leħnek sabiex jinġabru l-kummenti ta’ diversi partijiet ikkonċernati. |