Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document Ares(2025)4899426

Citizens Energy Package – Protecting and empowering Consumers for the Just Transition. Effective implementation of the EU framework on consumers, including vulnerable ones and promotion of citizens and communities’ participation to the energy transition

SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Lil dawn il-gruppi nitolbuhom jesprimu ruħhom dwar kif il-Kummissjoni qed tinterpreta l-problema u dwar x’soluzzjonijiet jista’ jkun hemm, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Titolu tal-inizjattiva

Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini — inħarsu u nirresponsabbilizzaw lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ġusta

DĠ ewlieni — unità responsabbli

Direttorat Ġenerali għall-Enerġija — Unità B.1

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Żmien indikattiv

Ir-raba’ trimestru tal-2025

Informazzjoni addizzjonali

-

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

L-Unjoni Ewropea trid tara li t-tranżizzjoni tal-enerġija tkun mhux biss attraenti iżda wkoll ġenwinament aċċessibbli għal kulħadd. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli jiddeskrivi miżuri biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija għall-industrija, għan-negozji, u għad-djar fuq terminu qasir, filwaqt li jiġu aċċellerati wkoll ir-riformi strutturali essenzjali biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jibnu Unjoni tal-Enerġija reali li tiżgura l-kompetittività, is-sigurtà, id-dekarbonizzazzjoni, u tranżizzjoni ġusta 1 .

Riżultat ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni huwa l-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini. Il-Kummissjoni għamlet l-iżvilupp ta’ dan il-pakkett prijorità fil-politika tagħha dwar l-enerġija, bl-għan li “ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni tal-Enerġija u tindirizza l-faqar enerġetiku”.

Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini huwa maħsub biex jindirizza l-isfidi kontinwi li jipprevjenu lin-nies milli jifhmu bis-sħiħ kif jaħdem is-suq tal-enerġija, jipparteċipaw fih, u jkunu protetti b’mod adegwat. Huwa maħsub biex jiżgura li l-ebda reġjun, komunità, jew individwu ma jitħallew lura fit-tranżizzjoni tal-enerġija.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

Ħafna nies huma mħassbin dwar il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u minħabba f’hekk joqogħdu aktar lura milli jipparteċipaw fil-proċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-isfidi ewlenin li l-pakkett għandu l-għan li jindirizza huma msemmijin hawn taħt.

 

1.It-tranżizzjoni tal-enerġija qed ikollha impatt serju b’mod sproporzjonat fuq xi gruppi tal-popolazzjoni, reġjuni, u komunitajiet. Il-faqar enerġetiku żdied matul il-kriżi tal-enerġija; fl-2023, 47 miljun Ewropew qalu li ma kellhomx biżżejjed flus biex isaħħnu djarhom. Il-probabbiltà tal-faqar enerġetiku hija ogħla fost in-nisa u ċerti gruppi tal-popolazzjoni — inklużi l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, u l-familji b’ġenitur wieħed. 

 

Ir-reġjuni li għandhom dipendenza ekonomika partikolarment għolja fuq sorsi tal-enerġija tradizzjonali jħossu b’mod sproporzjonat l-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika. Bħalissa tali reġjuni ħafna drabi m’għandhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji soċjoekonomiċi assoċjati mal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u mal-iżvilupp ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan huwa partikolarment minnu għar-reġjuni li għandhom ir-riżorsi tal-faħam, tal-pit, u tal-iskist keroġenuż, li qed jaraw l-industriji tradizzjonali tagħhom jgħibu, kif ukoll għall-gżejjer.

 

2.Involviment fjakk min-naħa tal-konsumaturi fis-suq tal-enerġija, li jfixkel l-adozzjoni ta’ servizzi innovattivi tal-enerġija u soluzzjonijiet li jippermettu l-iffrankar tal-enerġija u tal-ispejjeż. Dan, imbagħad, iżid l-ispejjeż għan-nies u jnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni tal-enerġija. 

 

Il-konsumaturi m’għandhomx fiduċja fis-swieq tal-enerġija, u dan iwassalhom biex joqogħdu pass lura milli jibdlu l-fornituri. Skont l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, Agency for the Cooperation of Energy Regulators), kieku l-konsumaturi kollha tal-UE jaqilbu b’mod regolari għall-aħjar offerti disponibbli, jistgħu jiffrankaw medja ta’ €200 fis-sena.

 

Il-konsumaturi jsibuha kumplessa u għalja biex jaċċessaw l-għażliet favur l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli li hemm fis-suq. Biex id-domanda tiġi mmaniġġjata b’mod effettiv, hemm bżonn ta’ arloġġi tad-dawl intelliġenti u użu akbar tad-diġitalizzazzjoni, iżda l-installazzjoni tal-arloġġi intelliġenti miexja bil-mod. L-ACER sabet li fl-Iżvezja ġew iffrankati sa 42% fuq il-kontijiet tal-enerġija għall-konsumaturi li kellhom kuntratti dinamiċi (jiġifieri li jippermettu li l-provvista tkun skont id-domanda), u li dan kien possibbli biss minħabba l-użu mifrux tal-arloġġi intelliġenti.

 

Il-benefiċċji li l-konsumaturi jgawdu meta jingħaqdu ma’ komunità tal-enerġija, li toffri l-possibbiltà li wieħed jiffranka sa €1,000 fis-sena, mhumiex qed jiġu sfruttati għal kollox. Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għadha limitata. Fil-bidu tal-2024, fl-UE kien hemm aktar minn 9,000 komunità tal-enerġija li fihom kienu involuti madwar 1.5 miljun ruħ, parti żgħira tal-popolazzjoni tal-UE.

 

Il-konsegwenzi huma offerti inqas innovattivi ta’ servizzi tal-enerġija għall-konsumaturi u prezzijiet ogħla. L-implimentazzjoni tar-riformi reċenti tas-swieq tal-elettriku u tal-gass (inkluża d-Direttiva dwar it-Tfassil tas-Suq tal-Elettriku u d-Direttiva riformulata dwar il-Gass u l-Idroġenu) għadha kif bdiet jew miexja bil-mod wisq.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’kunsiderazzjoni xierqa wkoll għall-Artikolu 114 TFUE. Iż-żewġ artikoli jimplikaw kompetenzi li huma maqsumin bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Id-drittijiet tal-konsumaturi fl-ambitu tat-tranżizzjoni tal-enerġija, it-traspożizzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur, l-isfidi soċjoekonomiċi, kif ukoll prijoritajiet strateġiċi ewlenin oħrajn tal-UE, jimplikaw interdipendenzi u sinerġiji fil-livelli politiċi, soċjali u ekonomiċi li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effiċjenti mill-Istati Membri individwalment, fil-livell nazzjonali. Minħabba li t-tranżizzjoni tal-enerġija fl-UE hija supranazzjonali, l-UE għandha tipproteġi lill-konsumaturi b’mod aktar koordinat, minkejja li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, kompetenza nazzjonali. Filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi nazzjonali, il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiġi inkwadrat fi djalogu u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha, u l-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fil-qasam tal-enerġija.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu l-għan li jiżgura li t-tranżizzjoni tal-enerġija u s-suq tal-enerġija jkunu ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha. Jipprovdi strateġija koerenti u sett ta’ azzjonijiet biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni ġusta kif ukoll biex jagħmilha aċċessibbli u faċli għall-konsumaturi kollha biex jipparteċipaw fis-suq billi jiffaċilita t-traspożizzjoni bla skossi tar-regoli tal-UE, iżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar drittijiethom, u jsaħħaħ il-fiduċja. Il-pilastri tiegħu huma dawn li ġejjin. 

1) L-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta, li tinkudi l-indirizzar tal-faqar enerġetiku 

L-indirizzar tal-faqar enerġetiku billi: (i) jiġu identifikati impenji nazzjonali aktar ambizzjużi sabiex titbaxxa r-rata tal-faqar enerġetiku; u (ii) jiġu żviluppati aktar il-gwida u l-appoġġ dwar miżuri maħsubin biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku.  

L-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u tal-ugwaljanza fis-settur tal-enerġija.  

It-tisħiħ tal-appoġġ għar-reġjuni u għall-komunitajiet billi: (i) titnieda fażi ġdida tal-inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni; (ii) tissaħħaħ l-inizjattiva tal-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE; u (iii) jissaħħaħ l-appoġġ għall-atturi lokali permezz ta’ inizjattivi mmirati, bħall-Patt tas-Sindki. 

2) Ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies u tal-komunitajiet fis-suq tal-enerġija 

Il-pakkett għandu jżid l-aċċettazzjoni soċjali tas-swieq tal-enerġija u l-fiduċja fihom, u jiffaċilita involviment aktar attiv min-naħa tal-konsumaturi, kemm individwalment kif ukoll b’mod kollettiv. Se jippromwovi l-użu ta’ komunitajiet tal-enerġija u ta’ inizjattivi tal-qsim tal-enerġija.  

3) L-indirizzar ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw lil kulħadd, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiġi żgurata enerġija bi prezzijiet aċċessibbli. Dan jimplika li tiġi żgurata opinjoni pubblika favorevoli billi jissawru relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka mal-fornituri u mal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (DSOs, distribution system operators) u jissaħħaħ ir-rwol tal-atturi u l-inizjattivi lokali. Il-fehmiet ta’ dawk li se jwieġbu se jkunu importanti għall-ħidma tal-Kummissjoni biex tappoġġa t-traspożizzjoni bla skossi u koerenti tar-regoli tal-UE dwar il-konsumaturi tal-enerġija permezz ta’ gwida lill-Istati Membri.

Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu jinkorpora sett koerenti ta’ azzjonijiet u miżuri individwali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ hawn taħt.  

·Is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar drittijiethom bħala konsumaturi. Dan l-għan għandu jkun imsejjes fuq l-involviment tal-aktar kumpaniji tal-enerġija avvanzati u progressivi, filwaqt li jagħti prijorità lill-konsumaturi u jirrispetta l-prinċipji tas-sodisfazzjon tal-klijenti u tar-responsabbiltà soċjali fir-rigward ta’ diversi drittijiet ewlenin tal-konsumatur, bħal kummerċjalizzazzjoni u informazzjoni kuntrattwali ġusti, kontijiet ċari, u protezzjoni mill-iskonnessjoni. Il-komunitajiet tal-enerġija għandhom ikunu fil-mira ta’ sett komprensiv ta’ miżuri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet legali, amministrattivi, u tekniċi ewlenin li jiffaċċjaw il-komunitajiet tal-enerġija, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità u aċċessibbiltà akbar tal-għodod tal-finanzjament.  

·L-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-arloġġi intelliġenti u servizzi diġitali tal-enerġija għall-konsumaturi, inkluż billi jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni / kodiċijiet tan-network ġodda dwar l-interoperabbiltà tad-data u l-ġestjoni tad-domanda. 

·L-appoġġ għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet ewlenin relatati mal-konsumaturi, inkluża informazzjoni kuntrattwali ġusta, il-protezzjoni tal-konsumaturi matul l-eliminazzjoni gradwali tal-gass, il-komunitajiet tal-enerġija, u l-prevenzjoni tal-iskonnessjoni għall-familji vulnerabbli.  

Impatti probabbli

Il-pakkett se jistabbilixxi viżjoni politika ċara għar-rwol u l-protezzjoni tal-pubbliku fl-ambitu tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija matul il-mandat tal-Kummissjoni.

Garanzija ta’ tranżizzjoni ġusta u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku

Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu l-għan li jiżgura li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħallew lura fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Se jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fil-faqar enerġetiku madwar l-UE.

Il-pakkett huwa maħsub ukoll biex jappoġġja lin-nies li jgħixu f’reġjuni milqutin b’mod sproporzjonat mit-tranżizzjoni billi jtejbilhom l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli u għal miżuri tal-effiċjenza enerġetika.

Ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies u tal-komunitajiet fis-suq tal-enerġija

L-inizjattiva għandha żżid ir-rieda tal-konsumaturi li jibdlu l-fornituri u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-enerġija. Dan se jagħmilha wkoll aktar faċli biex il-konsumaturi jadottaw servizzi tal-enerġija innovattivi, li jistgħu jnaqqsulhom l-ispejjeż filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjoni usa’ tal-enerġija. Se jagħmilha wkoll aktar faċli għan-nies madwar l-UE biex jistabbilixxu komunitajiet tal-enerġija u jipparteċipaw fihom, u b’hekk jingħata appoġġ lill-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

Il-pakkett se jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fis-swieq tal-enerġija biex tiżdied l-aċċettazzjoni soċjali tal-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija abbażi ta’ relazzjoni mġedda bejn il-konsumaturi u l-fornituri.

In-nies se jkunu infurmati aħjar, u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar il-konsum tagħhom u dwar drittijiethom, u fl-aħħar mill-aħħar jaraw il-benefiċċji riflessi fil-kontijiet tagħhom.

Implimentazzjoni u ambitu

L-impatt tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiddependi ħafna fuq kif l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom, is-sistemi amministrattivi speċifiċi, u l-finanzjament disponibbli.

L-inizjattiva se tkopri lill-UE kollha. Mhix se toħloq piżijiet amministrattivi addizzjonali għan-negozji, li huma mistennijin jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tas-suq aktar dinamiċi u parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-konsumaturi.

It-tisħiħ tar-responsabbilizzazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni

Miljuni ta’ konsumaturi huma mistennijin jibbenefikaw minn implimentazzjoni aktar faċli tal-leġiżlazzjoni u aċċess aħjar għall-informazzjoni. Dan se jgħinhom jifhmu drittijiethom, isiru parteċipanti aktar attivi fis-suq — inkluż bħala prosumaturi — u jinvolvu ruħhom f’komunitajiet tal-enerġija.

Mal-pakkett se ssir kampanja usa’ ta’ komunikazzjoni u ta’ involviment biex lin-nies tgħarrafhom aktar dwar l-għanijiet tiegħu, tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, u tikkontribwixxi għal tranżizzjoni tal-enerġija aktar inklużiva u ġusta.

Monitoraġġ futur

Il-pakkett se jinkludi sett ta’ dokumenti ta’ gwida bħala sostenn lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati ewlenin — jiġifieri r-regolaturi, l-industrija (il-fornituri, id-DSOs), u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi — fi proċessi ad hoc u permezz ta’ gruppi ta’ ħidma u fora, bħall-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija, il-Patt tas-Sindki, jew l-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE. Se tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat l-involviment maż-żgħażagħ, pereżempju permezz tad-Djalogi maż-Żgħażagħ (https://youth.europa.eu/youth-policy/dialogues_mt) u l-Ġimgħa tal-UE għall-Enerġija Sostenibbli (https://sustainable-energy-week.ec.europa.eu/index_en?prefLang=mt).

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiġbor flimkien f’dokument strateġiku wieħed diversi azzjonijiet u inizjattivi li għaddejjin bħalissa dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u dwar it-tranżizzjoni ġusta, u b’hekk jiżgura l-koerenza u l-viżibbiltà. Il-pakkett mhu se jinkludi l-ebda proposta leġiżlattiva ġdida. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tħejji atti ta’ implimentazzjoni rigward l-aċċess għad-data dwar il-kejl biex tiffaċilita l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-enerġija madwar l-UE kollha. Fejn tkun meħtieġa azzjoni leġiżlattiva ulterjuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni f’dawn l-oqsma, dan jinkiseb permezz ta’ inizjattivi oħrajn, pereżempju r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza, u jkun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt xierqa f’dak il-kuntest.

Strateġija tal-konsultazzjoni

L-għan ta’ din il-konsultazzjoni huwa li jinġabru l-kummenti u l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati biex jorjentaw l-iżvilupp tal-oqsma u azzjonijiet prijoritarji tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini.

Il-konsultazzjoni se żżid mal-kummenti u l-kontributi li diġà nġabru fid-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati matul l-2024, b’mod partikolari fil-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija tal-2024 u fid-Diskussjoni madwar Mejda dwar ir-Regolamentazzjoni.

Il-konsultazzjoni pubblika li tkopri l-aspetti essenzjali tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se titnieda f’Ġunju 2025, u se ddum sejra 12-il ġimgħa. Il-konsultazzjoni se tkun disponibbli fil-portal Semma’ Leħnek tal-Kummissjoni. Ir-risposti jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Sommarju fattwali tar-riżultati tal-konsultazzjoni se jiġi ppubblikat fil-paġna web tal-konsultazzjoni fi żmien tmien ġimgħat minn meta tintemm.

Rapport fil-qosor li jkopri l-attivitajiet kollha tal-konsultazzjoni se jiġi ppubblikat malli tkun ġiet adottata l-inizjattiva.

Ma’ din il-konsultazzjoni saru, f’dawn l-aħħar ftit xhur, konsultazzjonijiet immirati.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

L-għan ta’ din il-konsultazzjoni huwa li ninfurmaw u nirċievu kummenti u proposti dwar l-inizjattivi previsti li jindirizzaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-enerġija. Il-konsultazzjoni hija mmirata lejn il-pubbliku ġenerali kif ukoll lejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-qasam tal-enerġija. Biex jirnexxi, il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini jeħtieġ sjieda usa’ bbażata fuq involviment reali tal-partijiet ikkonċernati.

Udjenza fil-mira

L-udjenza fil-mira hija l-awtoritajiet nazzjonali, ir-regolaturi, l-industrija (DSOs, fornituri), organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, u l-konsumaturi individwali.

Top