This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D1830
Council Decision (EU) 2024/1830 of 17 June 2024 on the conclusion, on behalf of the European Union, of the Agreement under the United Nations Convention on the Law of the Sea on the conservation and sustainable use of marine biological diversity of areas beyond national jurisdiction
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
ST/7577/2024/INIT
ĠU L, 2024/1830, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1830/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1830/oj
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1830 |
19.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1830
tas-17 ta’ Ġunju 2024
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (2), il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet irregolati minnha li l-kompetenza dwarhom ġiet ittrasferita lill-Komunità mill-Istati Membri tagħha. L-Unjoni s’issa hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li hija Parti għall-UNCLOS skont it-tifsira tal-Artikolu 305(1)(f) tal-UNCLOS u l-Artikolu 1 tal-Anness IX tagħha. |
|
(2) |
Il-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (“il-Ftehim”) ġie adottat fi New York fid-19 ta’ Ġunju 2023. |
|
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill innota li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma impenjati għar-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tal-Ftehim u ħeġġeġ lill-Istati kollha biex jagħmlu l-istess. |
|
(4) |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom l-għan li jirratifikaw il-Ftehim qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Oċeani li ser isseħħ fl-2025. |
|
(5) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1974 (3), il-Ftehim ġie ffirmat fl-20 ta’ Settembru 2023, f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 66 tal-Ftehim, il-Ftehim huwa soġġett għar-ratifika, l-approvazzjoni jew l-aċċettazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni. |
|
(7) |
Il-Ftehim huwa konformi mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri: l-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali; u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u partikolarment għall-ġlieda kontra t-tibdil klimatiku. |
|
(8) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward tal-oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Ftehim ma jaffettwax regoli komuni jew ma jbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, inkluż l-iżvilupp futur prevedibbli tagħhom. |
|
(9) |
Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Unjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika, l-approvazzjoni jew l-aċċettazzjoni tal-Ftehim. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 67(1) tal-Ftehim, ġie mfassal kodiċi ta’ kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi l-arranġamenti interni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jirriflettu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq tal-obbligi tagħhom u l-eżerċizzju tad-drittijiet skont il-Ftehim u għandu jkun applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Dawk l-arranġamenti jqisu kif xieraq l-interessi leġittimi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, b’rispett dovut għad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont l-UNCLOS. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 67(2) tal-Ftehim, l-Unjoni għandha tiddikjara, fl-istrument ta’ approvazzjoni tagħha, l-estent tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati mill-Ftehim (“id-Dikjarazzjoni tal-Kompetenza”). |
|
(12) |
Skont l-Artikolu 70 ta’ dan il-Ftehim, flimkien mal-Artikolu 10(1) tiegħu, jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel eċċezzjoni biex teskludi l-effetti retroattivi kif jinsabu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim (“l-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività”). Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jenħtieġ li japplikaw, għall-Unjoni, biss għal attivitajiet marbuta mar-riżorsi ġenetiċi marini u mal-informazzjoni ta’ sekwenza diġitali dwar riżorsi ġenetiċi marini ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali miġbura u ġġenerata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għall-Unjoni. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sovranità, id-drittijiet sovrani u l-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri f’konformità mal-UNCLOS. |
|
(14) |
Il-Ftehim, id-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza u l-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività jenħtieġ li jiġu approvati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).
2. Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Unjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Ftehim.
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza meħtieġa mill-Artikolu 67(2) tal-Ftehim (“id-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni (5).
Artikolu 3
L-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività skont l-Artikolu 70 tal-Ftehim, flimkien mal-Artikolu 10(1) tiegħu, (“l-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni (6).
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ approvazzjoni previst mill-Artikolu 66 tal-Ftehim, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza u l-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil- jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
A. MARON
(1) Approvazzjoni mogħtija fl-24 ta’ April 2024.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1974 tat-18 ta’ Settembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversitàmarina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (ĠU L 235, 25.9.2023, p. 1).
(4) It-test tal-Ftehim huwa ppublikat fil-ĠU L, 2024/1831, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2024/1831/oj.
(5) It-test tad-Dikjarazzjoni ta’ Kompetenza huwa ppublikat fil-ĠU L, 2024/1832, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2024/1832/oj.
(6) It-test tal-Eċċezzjoni dwar in-nonretroattività huwa ppublikat fil-ĠU L, 2024/1833, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2024/1833/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1830/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)