EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2013_308_R_NS0070

2013/604/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011

ĠU L 308, 16.11.2013, p. 70–70 (HR)
ĠU L 308, 16.11.2013, p. 308–311 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/308


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011

(2013/604/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0072/2013),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 180.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju qafas għall-korpi msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0072/2013),

A.

billi l-Eurojust, li tinsab fl-Aja, ġiet imwaqqfa permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI,

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli u li l-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

C.

billi fl-10 Mejju 2012, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2010 (6), u billi fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, fost affarijiet oħra:

talab lill-Eurojust tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi meħuda biex jiġi evitat ir-riport tal-approprjazzjonijiet;

esprima tħassib dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kienet għal darba oħra nnutat nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ reklutaġġ; innota b’mod partikolari li l-livell ta’ pożizzjonijiet vakanti (13 %) kien għadu għoli wisq, għalkemm inqas milli kien fl-2009 (24 %) u fl-2008 (28 %);

talab lill-Eurojust tistabbilixxi pjan strateġiku multiannwali għall-IT kemm għall-attivitajiet operattivi kif ukoll għal dawk ta’ appoġġ;

ħeġġeġ lill-Eurojust tindirizza b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda f’dan ir-rigward;

D.

billi l-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2011 kien ta’ EUR 31 357 900,47 meta mqabbel ma’ EUR 32 241 523,92 fl-2010, somma li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,91 %;

E.

billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Eurojust għall-2011 kienet tammonta għal EUR 31 333 740, meta mqabbla ma’ EUR 30 163 220 fl-2010, somma li tirrappreżenta żieda ta’ 5,20 %,

F.

billi l-bilanċ tal-kont tal-eżitu għall-Eurojust fl-2011 kien pożittiv, b’ammont totali ta’ EUR 2 496 985,21,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali tal-2011 li l-Eurojust irċeviet baġit ta’ EUR 31 733 740 mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, li minnu ġew inkassati EUR 31 333 740; jinnota wkoll li l-baġit kien magħmul minn approprjazzjonijiet mhux differenzjati;

2.

Jinnota li fl-2011, il-Eurojust impenjat 93 %, 99 % u 96 % tal-approprjazzjonijiet riċevuti fil-qafas tat-Titolu I (nefqa relatata mal-persunal), it-Titolu II (nefqa amministrattiva) u t-Titolu III (nefqa operazzjonali) rispettivament; josserva li f’termini ta’ approprjazzjonijiet imħallsa, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-Eurojust hija ta’ 90 % fil-qafas tat-Titolu I, 78 % fil-qafas tat-Titolu II u 58 % fil-qafas tat-Titolu III u għalhekk jitlob lill-Eurojust timplimenta miżuri speċifiċi biex ittejjeb il-proċedura baġitarja tagħha u r-rata tal-eżekuzzjoni tal-pagamenti tagħha; jinnota wkoll li ġie pproċessat ammont totali ta’ 7 300 tranżazzjoni (impenji u pagamenti);

3.

Jistabbilixxi mill-kontijiet annwali li fl-2010 l-Eurojust ingħatat EUR 2 159 000 mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ ġustizzja kriminali (skwadri ta’ investigazzjoni konġunti); jistabbilixxi wkoll li fl-2011 ma rċeviet l-ebda għotja;

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-kwittanza għall-2010

4.

Jiddispjaċih li l-Eurojust ma tatx lill-awtorità tal-kwittanza rapport bil-miżuri adottati u implimentati b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza għall-2010, kif jirrikjedi l-Artikolu 96(2) tar-Regolament Finanzjarju Qafas; iħeġġeġ lill-Eurojust tibgħat rapport mill-aktar fis sabiex tippermetti lill-awtorità tal-kwittanza tevalwa jekk sarx progress;

5.

Jitlob lill-Eurojust tipprovdi r-rapport mitlub mill-Artikolu 96(2) tar-Regolament Finanzjarju Qafas b’rabta mal-proċedura tal-kwittanza għall-2011 fi żmien debitu għall-proċedura tal-kwittanza;

Ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet

6.

Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-approprjazzjonijet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 6 448 762 kienu ġew riportati mill-2010 għall-2011; jinnota wkoll li mill-ammont li ġie riportat, EUR 1,3 miljun kellhom jiġu kkanċellati fl-2011; ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri enfasizzat fir-rapport tagħha għas-sena finanzjarja 2010 li livell hekk għoli ta’ riport huwa eċċessiv;

7.

Jistabbilixxi mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 5 187 289 (16 % tal-approprjazzjonijiet totali ta’ pagament) ġew riportati għall-2012 u li minn dan l-ammont, EUR 3,1 miljun huma relatati mat-Titolu III (nefqa operazzjonali) u jirrappreżentaw 39 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tat-Titolu III; jitlob lill-Eurojust tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjonijiet meħuda sabiex tindirizza dan in-nuqqas peress li dan il-livell huwa eċċessiv u jmur kontra l-prinċipju ta’ annwalità;

8.

Jinnota li l-baġit għalt-Titolu I żdied b’7 % mill-2010 ‘l hawn, u dan jirrifletti ż-żieda fl-ispejjeż tal-persunal u spejjeż relatati;

9.

Jinnota li kważi 99 % tal-fondi ġew impenjati fil-qafas tat-Titolu II (nefqa amministrattiva) fl-2011; jinnota wkoll li r-rata tal-eżekuzzjoni tal-pagamenti kienet ta’ 78 %, meta mqabbla ma’ 72 % fl-2010;

10.

Jirrikonoxxi li kważi 96 % tal-fondi ġew impenjati fil-qafas tat-Titolu III fl-2011, filwaqt li r-rata tal-eżekuzzjoni tal-pagamenti kienet ta’ 58 % fl-2011, meta mqabbla ma’ 59 % fl-2010; jitlob lill-Eurojust tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjonijiet meħuda sabiex tindirizza dan in-nuqqas peress li dan il-livell baxx ta’ eżekuzzjoni jindika diffikultajiet fl-ippjanar jew l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Eurojust;

Is-sistema kontabilistika

11.

Jinnota mill-kontijiet annwali li fl-2011, il-Eurojust użat is-sistema finanzjarja ta’ kontabilità bbażata fuq id-dovuti, is-sistema kontabilistika użata mill-Kummissjoni għall-kontabilità baġitarja; jinnota wkoll li l-informazzjoni baġitarja hija integrata f’sistema waħda li għandha l-SAP bħala back-end għall-parti kontabilistika;

It-trasferimenti

12.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali li b’kollox kien hemm 12-il trasferiment baġitarju matul l-2011;

Il-bini

13.

Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività (AAR) tal-Eurojust tal-2011 li ntlaħaq ftehim mal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala l-Istat Membru ospitanti, għall-bini l-ġdid għall-Eurojust fl-2015 permezz ta’ Ftehim ta’ Kooperazzjoni bid-data tat-30 ta’ Ġunju 2011 u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni rigward l-implikazzjonijiet baġitarji;

Il-proċeduri ta’ reklutaġġ

14.

Jinnota l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri għal darba oħra osservat nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ reklutaġġ; għaldaqstant, jitlob lill-Eurojust tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni komprensiv għar-reklutaġġ li jirrispetta l-opportunitajiet indaqs għall-kandidati kollha, tnaqqas b’mod sinifikanti r-rata ta’ pożizzjonijiet vakanti u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda; iqis li wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu ta’ piż amministrattiv konsiderevoli; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippermetti ċertu livell ta’ simplifikazzjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-aġenziji;

15.

Jirrikonoxxi mill-AAR li n-numru ta’ persuni li kienu jaħdmu fil-Eurojust fl-2011 kien ta’ 269, kif ġej:

42 kienu prosekuturi, imħallfin jew uffiċjali tal-pulizija ta’ kompetenza ekwivalenti ssekondati mill-Istati Membri, megħjuna minn 15-il espert nazzjonali sekondat (SNE) fl-uffiċċji nazzjonali;

210 persuna kienu impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal, megħjuna minn żewġ SNEs fl-amministrazzjoni;

Il-prestazzjoni

16.

Jinnota li n-numru ta’ każijiet fejn l-Istati Membri talbu l-għajnuna tal-Eurojust fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali serja żdied minn 1 421 fl-2010 għal 1 441 fl-2011; jirrikonoxxi b’mod partikolari li ġew reġistrati 218-il każ ta’ frodi fl-2011 u li n-numru ta’ laqgħat ta’ koordinament dwar frodi żdied minn 17 fl-2010 għal 58 fl-2011; jilqa’ l-fatt li fl-istess sena, il-Eurojust, flimkien mat-Tim tar-Reati Ekonomiċi, iffinalizzat proġett strateġiku dwar it-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għajnuna legali reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qasam tal-frodi tal-VAT;

17.

Jinnota li ġew reġistrati 26 każ ta’ korruzzjoni fl-2011 kontra 31 fl-2010; jenfasizza li n-numru ta’ laqgħat ta’ koordinament żdied minn 11 fl-2010 għal 19 fl-2011; jilqa’ l-fatt li fl-istess sena, skwadra ta’ investigazzjoni konġunta dwar il-korruzzjoni kiseb riżultati pożittivi meta impriża ta’ Stat Membru għamlet ħlas ta’ madwar EUR 3 000 000 wara każ ta’ korruzzjoni transkonfinali ta’ natura globali;

18.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri reġgħet irrimarkat dwar il-ħtieġa li d-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi bejn id-Direttur u l-Kulleġġ tal-Eurojust terġa’ tiġi kkunsidrata; iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikkunsidra din il-kwistjoni fir-reviżjoni li jmiss tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI li tirregola lill-Eurojust;

19.

Jirrikonoxxi li ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-bini l-ġdid tal-Eurojust mill-2015 ‘il quddiem;

20.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw din id-Deċiżjoni ta’ kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 180.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 267.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013)0134 (Ara paġna 374 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top