EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2013_308_R_NS0058

2013/592/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2011

ĠU L 308, 16.11.2013, p. 277–280 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 308, 16.11.2013, p. 58–58 (HR)

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/277


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2011

(2013/592/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija) (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0103/2013),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 145.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija) (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0103/2013),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropa (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

iddispjaċih li l-iżbalji fil-previżjonijiet baġitarji rriżultaw fil-kanċellazzjoni jew fid-dewmien ta’ ċerti investimenti; ħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma immedjatament lill-awtorità ta’ kwittanza bil-miżuri implimentati sabiex ikun jista’ jsir tbassir aħjar tal-infiq,

fakkar li l-Aġenzija, fis-snin finanzjarji 2008 u 2009, ukoll kienet riportat approprjazzjonijiet f’ammonti konsiderevoli għal fuq is-sena finanzjarja 2010; kien tal-fehma li dak il-ksur serju tal-prinċipju baġitarju tal-annwalità ma jistax jiġi aċċettat aktar fil-futur u li l-kwittanza f’okkażjoni oħra għandha tiġi rrifjutata, f’każ ta’ ksur ieħor ta’ dak il-prinċipju baġitarju; talab lill-Aġenzija tieħu mingħajr dewmien il-miżuri meħtieġa għat-titjib tas-sitwazzjoni,

kien tal-opinjoni li l-Aġenzija ma indirizzatx b’mod adegwat il-problema tal-approprjazzjonijiet li ġew riportati minn sena għall-oħra; fakkar fl-importanza tal-prinċipju baġitarju ta’ annwalità; stieden lill-Aġenzija tinforma l-awtorità tal-kwittanza dwar azzjonijiet li ttieħdu biex titjieb l-implimentazzjoni tal-baġit annwali u jitnaqqsu r-riporti tal-approprjazzjonijiet tal-baġit,

ħeġġeġ lill-Aġenzija toħloq pjan pluriennali li jittraduċi objettivi fit-tul f’kompiti multiannwali u indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni assoċjati; enfasizza li dan se jżomm il-partijiet interessati informati aħjar dwar l-objettivi jew l-attivitajiet, il-prijoritajiet strateġiċi u l-allokazzjoni tar-riżorsi,

stieden lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) relatati mal-verifika dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani li saret mill-IAS fl-2009,

C.

billi, skont ir-rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-2011 (7), il-baġit tal-Aġenzija għas-sena 2011 kien jammonta għal EUR 25 988 665, meta mqabblel ma’ EUR 24 147 240 fl-2010, li jirrappreżenta żieda ta’ 7,62 % meta mqabbel mas-sena preċedenti,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Josserva li fir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-Aġenzija ġie impenjat 95 % tal-approprjazzjonijiet u li 81 % ntuża għall-pagamenti; jikkonstata partikolarment li:

fit-Titolu I “Nefqa għall-persunal”, l-approprjazzjonijiet totali impenjati ammontaw għal EUR 15 930 664 (100 %), 99 % minnhom intuża għall-eżekuzzjoni ta’ pagamenti (EUR 15 710 948) filwaqt li 1 % tal-approprjazzjonijiet ġie riportat għall-2012 (EUR 219 716);

fit-Titolu II “Nefqa amministrattiva”, l-approprjazzjonijiet totali impenjati ammontaw għal EUR 2 212 548 (kważi 100 %), 75 % minnhom intuża għall-eżekuzzjoni ta’ pagamenti (EUR 1 649 635) filwaqt li 25 % tal-approprjazzjonijiet ġie riportat għall-2012 (EUR 562 913);

fit-Titolu III “Nefqa għall-operat”, l-approprjazzjonijiet totali impenjati ammontaw għal EUR 6 495 020 (83 %), 47 % minnhom intuża għall-eżekuzzjoni ta’ pagamenti (EUR 3 659 761) filwaqt li 36 % tal-approprjazzjonijiet ġie riportat għall-2012 (EUR 2 835 259);

2.

Jirrikonoxxi li l-livell tal-pagamenti quddiem l-approprjazzjonijiet baġitarji tjieb għat-titoli kollha, iżda jibqa’ baxx għat-Titolu III li jilħaq 47 % (39 % fl-2010); jesiġi li l-Aġenzija tadotta miżuri ulterjuri biex tittratta dan in-nuqqas, inkwantu din is-sitwazzjoni tikser il-prinċipju tal-annwalità tal-baġit u tirrapporta lura lill-awtorità baġitarja minnufih;

Persunal

3.

Josserva mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Aġenzija se jkollha tissostitwixxi nofs il-persunal operattiv fil-perjodu 2013-2015; jistieden lill-Aġenzija tgħarraf lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjonijiet meħuda biex issib tarf din is-sitwazzjoni diffiċli li taf tħarbat b’mod gravi l-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija;

Żewġ postijiet

4.

Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija tirrikonoxxi li l-użu ta’ żewġ postijiet iwassal għal ineffiċjenzi u spejjeż addizzjonali; josserva, barra minn hekk, li l-Aġenzija qiegħda tagħmel l-almu tagħha biex tnaqqas l-impatt negattiv tad-deċiżjoni dwar is-sede tal-Aġenzija;

5.

Jikkonstata mir-Rapport Annwali ta’ Attività li l-fażi preparatorja tal-proġett intiż li jżid il-kapaċità tas-sede ta’ Valenciennes tlestiet; josserva wkoll li t-titjib li għandu jsir lill-uffiċini ta’ Lille ġie pospost minħabba nuqqas ta’ riżorsi;

Sistema kontabilistika

6.

Josserva, mir-Rapport Annwali ta’ Attività, li l-Aġenzija aġġornat il-Manwal għall-Proċeduri Finanzjarji tagħha skont il-moduli tal-kontabilità bbażata fuq id-dovuti, ABAC Workflow u ABAC Assets; jikkonstata, barra minn hekk, li l-modulu ABAC Assets ġie implimentat fl-2011;

7.

Japprezza l-implimentazzjoni, mill-1 ta’ Settembru 2010, min-naħa tal-Aġenzija ta’ sistema ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tal-fatturi li jidħlu; jenfasizza l-bżonn ta’ tali miżura biex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni fil-ħin tal-fatturi kollha u tikkontribwixxi biex tevita ttardjar fl-eżekuzzjoni tal-pagamenti;

Riporti

8.

Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-approprjazzjonijiet riportati għall-2012 kienu jammontaw għal EUR 3 617 887; jistieden lill-Aġenzija tadotta miżuri ulterjuri biex tittratta dan in-nuqqas, inkwantu din is-sitwazzjoni tikser il-prinċipju tal-annwalità tal-baġit;

Proċeduri ta’ reklutaġġ

9.

Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Aġenzija tista’ ttejjeb il-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha biex tiggarantixxi bis-sħiħ it-trasparenza u t-trattament indaqs tal-kandidati; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda sabiex jittejbu l-proċeduri ta’ reklutaġġ; iqis li wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu ta’ piż amministrattiv konsiderevoli; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tippermetti ċertu livell ta’ simplifikazzjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-aġenziji;

10.

Jieħu nota mir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-Aġenzija tal-fatt li ġie reklutat persunal skont il-previżjonijiet u li r-rata ta’ impjiegi vakanti hija 2,78 % fi tmiem is-sena; josserva wkoll li n-numru totali tal-persunal fi tmiem l-2011 kien ugwali għal 140 aġent temporanju u 14-il aġent ieħor (aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati);

Kunflitti ta’ interess

11.

Jitlob lill-Aġenzija tistudja u tipprojbixxi kunflitti tal-interess potenzjali meta tkun qiegħda tirrekluta esperti u persunal mis-settur li twettaq is-superviżjoni tiegħu;

Awditjar intern

12.

Jikkonstata minn kif indikat l-Aġenzija li fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq eżerċizzju ta’ awditjar bit-titolu “Ġestjoni tal-interoperabilità min-naħa ta’ esperti” biex jagħti assigurazzjoni raġonevoli tal-adegwatezza u tal-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern għal dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tal-interoperabilità min-naħa ta’ esperti fi ħdan l-Aġenzija; josserva li, fuq il-bażi tar-riżultati, is-Servizz tal-Awditjar Intern ifformula sitt rakkomandazzjonijiet, tnejn minnhom huma kklassifikati bħala “importanti ħafna”, tlieta bħala “importanti” u waħda “awspikabbli”; jitlob lill-Aġenzija timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza informata dwar l-azzjonijiet meħuda;

13.

Jilqa’ pożittivament l-inizjattiva tal-Aġenzija biex tinħoloq, fi tmiem l-2007, Kapaċità ta’ Awditjar Intern inkarigata li toffri sostenn u konsulenza lid-Direttur Eżekuttiv u lir-responsabbli maniġerjali dwar il-kontrolli interni, il-valutazzjoni tar-riskji u l-awditjar intern; josserva wkoll li matul l-2011 l-attività tal-Kapaċità ta’ Awditjar Intern kienet immirata li tassisti lil-livell maniġerjali fil-valutazzjoni annwali tas-16-il Standard ta’ Kontroll Intern, fir-reviżjoni tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskji, fil-koordinament tal-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskji għall-2011 u fl-iżvilupp ta’ politika speċifika fil-qasam tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fi ħdan l-Aġenzija;

14.

Jirreferi, għall-kummenti l-oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 (8) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 145.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 229.

(7)  Rapport dwar il-kontijiet annwali 2011, p. 6.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0134 (Ara paġna 374 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top