EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2013_308_R_NS0032

2013/566/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011

ĠU L 308, 16.11.2013, p. 196–201 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 308, 16.11.2013, p. 32–32 (HR)

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/196


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011

(2013/566/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0113/2013),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 60.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7–0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0113/2013),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea (“l-Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli u l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi l-Awtorità, Aġenzija li għadha kemm inħolqot u li tinsab f’Londra, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u uffiċjalment bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2011 bħala awtorità indipendenti,

C.

billi l-Awtorità għandha titqies fil-kuntest tat-tranżizzjoni legali tagħha mill-predeċessur tagħħa, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE), u bħala riżultat, minbarra l-mandat il-ġdid tagħha, ħadet f’idejha l-kompiti u r-responsabbiltajiet kollha eżistenti u li kienu għaddejjin mill-KSBE,

D.

billi l-Awtorità hija parti integrali mis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji u taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet assoċjati magħha, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, fi ħdan Kumitat Konġunt, u mal-Bord Ewropew tar-Riskji Sistemiċi,

E.

billi l-baġit globali tal-Awtorità għall-2011 kien ta’ EUR 12 685 000,

F.

billi, f’konformità mar-Regolament Fundatur tagħha (6), 60 % tal-baġit tal-2011 ġie ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għal Kummerċ Ħieles (EFTA), u 40 % ġie ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni,

G.

billi, fl-aħħar tal-2011, l-Awtorità rreġistrat eżitu baġitarju pożittiv ta’ EUR 3 579 861 (7) li mbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala obbligazzjoni fir-rigward tal-Kummissjoni,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jieħu nota mill-kontijiet annwali (8) li l-kontribuzzjoni inizjali mill-Unjoni għall-baġit tal-Awtorità għall-2011 kienet ta’ EUR 5 073 000; jinnota li din kienet l-ewwel sena ta’ attività għall-Aġenzija;

2.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali li l-baġit globali tal-Awtorità għall-2011 ammonta għal EUR 12 865 000 (li jinkludu EUR 7 413 000 bħala kontribuzzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u EUR 199 000 bħala kontribuzzjoni mill-osservaturi);

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li toħroġ bi proposta li tiżgura li l-baġits tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikunu kompletament iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;

4.

Jinnota bi tħassib li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju mhumiex kompletament adattati għall-iskema ta’ finanzjament tal-Awtorità, peress li 60 % tal-baġit huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi EFTA; jemmen li l-kwistjoni għandha tiġi indirizzata, l-aktar tard, matul ir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-aġenziji, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta din is-sitwazzjoni u tirrapporta dwar din il-kwistjoni lill-awtorità ta’ kwittanza;

5.

Jinnota mill-kontijiet annwali li, fl-2011, il-biċċa l-kbira tal-attenzjoni tal-Awtorità kienet dedikata lill-istabbiliment u l-estensjoni ulterjuri tagħha;

6.

Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm korrispondenza adegwata bejn il-baġit allokat u l-impjiegi disponibbli minn naħa u l-kompiti fdati lill-awtorità min-naħa l-oħra, peress li korrispondenza ħażina tista’ tirriżulta fi żbilanċ fil-livell ta’ persunal fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal tal-Awtorità minn banda u l-involviment ta’ esperti nazzjonali mill-banda l-oħra; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Kummissjoni bidlet l-organigramma, kif ġiet proposta mill-Awtorità, mingħajr ma indikat din il-bidla b’mod ċar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun trasparenti għal kollox dwar din il-kwistjoni u kwistjonijiet oħra;

7.

Jinnota t-tħassib li tqajjem fil-konklużjonijiet preliminari tal-valutazzjoni tal-IMF tas-settur finanzjarju ta’ Diċembru 2012 dwar l-Unjoni li fiha ġie rakkomandat li għandhom jiżdiedu r-riżorsi u s-setgħat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej biex ikunu jistgħu jissodisfaw b’suċċess il-mandati tagħhom, filwaqt li tissaħħaħ ukoll l-indipendenza operattiva tagħhom;

8.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali li fil-laqgħa ta’ inawgurazzjoni tagħha fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Bord Maniġerjali tal-Awtorità adotta u approva r-regoli finanzjarji prinċipali u r-Regolament Finanzjarju tal-Awtorità sabiex tkun tista’ teżerċita s-setgħat tagħha bħala awtorità Ewropea;

9.

Jinnota li ż-żewġ uffiċċji mikrijin, li jkopru erja totali ta’ 1 089 m2, wasslu biex intefqu EUR 1 016 512,64 u jistieden lill-Awtorità tiżgura li l-kirjiet tal-uffiċċji u n-nefqa relatata ma jaqbżux il-prezzijiet normali tas-suq lokali u anke tipprova tnaqqas l-ispejjeż fuq perjodi korrispondenti bejn sena u oħra hekk kif il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu;

Sistema kontabilistika

10.

Jieħu nota mill-kontijiet annwali (9) li kien hemm bżonn li l-istruttura ta’ baġit standard u ġenerali adottata mill-Awtorità fil-bidu tal-2011 tiġi adattata skont il-bżonnijiet tagħha (peress li l-baġit tħejja qabel l-ewwel sena ta’ attività, ma kien hemm ebda esperjenza preċedenti disponibbli);

11.

Josserva mill-kontijiet annwali li, fl-10 ta’ Ġunju 2011, l-Awtorità introduċiet kontabilità bbażata fuq id-dovuti (ABAC), is-sistema kontabilistika użata mill-Kummissjoni għall-kontabilità baġitarja; jinnota, barra minn hekk, li matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju 2011, l-Awtorità użat għodda bbażata fuq il-programm Excel għall-kontabilità baġitarja tagħha u li, fil-mument ta’ tranżizzjoni, tfassal rapport b’impenji u pagamenti fl-ABAC;

12.

Jieħu nota tal-fatt li l-pagamenti li saru qabel l-implimentazzjoni tal-ABAC ġew riflessi biss fis-sistema ta’ tranżizzjoni u mhux fl-ABAC; jinnota li kull darba li rapport dwar il-konsum u l-eżekuzzjoni tal-baġit jiġi estratt mill-ABAC, issir aggregazzjoni manwali fi spreadsheet Excel li tirrifletti bis-sħiħ il-baġit inizjali u l-konsum tal-impenji u l-pagamenti għas-sena finanzjarja kollha;

13.

Jirrikonoxxi mill-kontijiet annwali li, mill-2012 ‘il quddiem, it-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha huma kompletament rappreżentati fl-ABAC;

14.

Josserva mill-kontijiet annwali li, fir-rigward tal-kontabilità ġenerali, l-Awtorità implimentat is-sistema SAP fl-10 ta’ Ġunju 2011, li hi marbuta direttament mal-ABAC, li hija s-sistema użata mill-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li sa din id-data, l-Awtorità użat is-sistema SAGE (10), stabbilita mill-KSBE għall-kontabilità finanzjarja, u li, mill-10 ta’ Ġunju 2011, ġie stabbilit bilanċ tranżitorju;

15.

Jinnota li, fit-28 ta’ Awwissu 2011, l-Awtorità stabbilixxiet is-sistema għar-reġistrazzjoni tal-assi tal-Kummissjoni (ABAC Assets) sabiex tkun tista’ tittraċċa fiżikament l-elementi individwali tal-assi fissi (ABAC Assets hija integrata fis-sistema kontabilistika tal-Awtorità); jinnota, madanakollu, li l-ebda sistema ma kienet teżisti għal dak l-iskop fil-KSBE;

16.

Josserva mill-kontijiet annwali (11) li matul ix-xhur ta’ Awwissu u Settembru 2011, l-Awtorità pproċediet b’inventarju fiżiku tal-assi fissi li rċeviet mill-KSBE u kkonkludiet li ma nstabet l-ebda varjazzjoni sinifikanti;

17.

Jilqa’ l-validazzjoni tas-sistema kontabilistika tal-Awtorità li saret mill-awditur estern, Deloitte Consulting (12); jinnota li l-eżami tas-sistema kontabilistika tal-Awtorità sar f’Novembru 2012;

18.

Josserva mir-rapport Deloitte li “abbażi tal-proċeduri għall-validazzjoni tal-konformità li saru, il-konklużjoni ġenerali ta’ Deloitte hi li s-sistema kontabilistika tal-ABE hija konformi mal-kriterji speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea (DĠ Baġit). Numru ta’ kontrolli interni diġà huma fis-seħħ u qed jiġu eżegwiti adegwatament mill-ABE responsabbli għall-proċess kontabilistiku, u għall-għoti ta’ aċċess għall-elementi infrastrutturali ewlenin involuti fil-qasam tal-informatika, f’konformità ma’ prassi tajba”;

Impenji

19.

Josserva mill-kontijiet annwali li l-Awtorità rreġistrat proporzjon ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 71 % għall-impenji u ta’ 59 % għall-pagamenti fl-aħħar tal-2011;

20.

Jinnota li din ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-impenji għat-Titolu I (Nefqa għall-Persunal) hija 91 % u hija konformi mal-għadd ta’ karigi vakanti li mtlew fil-31 ta’ Diċembru 2011 (41 minn 46 previsti fl-organigramma); jinnota wkoll li r-rata aktar baxxa f’termini ta’ pagamenti (83 %) hija prinċipalment dovuta għal fatturazzjoni tard tal-persunal sekondat mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet li tkun ħadet biex tindirizza dan in-nuqqas;

21.

Josserva mill-kontijiet annwali li l-livell aktar baxx ta’ implimentazzjoni fit-Titolu III (Nefqa operattiva) huwa prinċipalment relatat mal-qasam tat-teknoloġija informatika, relazzjoni li tista’ tiġi spjegata permezz ta’ reklutaġġ itwal milli mistenni tal-persunal informatiku neċessarju u t-tul fil-proċedura ta’ akkwist itwal milli mistennija; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet li tkun ħadet biex ittejjeb il-livell ta’ implimentazzjoni fit-Titolu III;

22.

Josserva mir-Rapport Annwali tal-Awtorità (13) li, fl-2011, użat biss approprjazzjonijiet mhux differenzjati; jinnota wkoll li l-impenji ammontaw għal EUR 9 054 030 jew 71 % tal-baġit tal-2011, li minnhom EUR 7 436 217 tħallsu u EUR 1 617 813 ġew riportati awtomatikament, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Finanzjarju tal-Awtorità;

23.

Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li r-rati ta’ impenji kienu baxxi, speċjalment għat-Titolu II (Nefqa amministrattiva) (57 %) u t-Titolu III (Nefqa operattiva) (46 %), u li dan kellu impatt fuq l-objettivi informatiċi tal-Awtorità, li ma ntlaħqux bis-sħiħ; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri li tkun ħadet biex ittejjeb dawn ir-rati, peress li r-rata ta’ implimentazzjoni baxxa tindika diffikultajiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni baġitarji;

24.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri indikat li hemm dgħufijiet fir-rigward ta’ tliet impenji legali li saru b’mod antiċipat għall-impenji baġitarji (EUR 742 000); jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet li tkun ħadet biex tindirizza dan in-nuqqas;

Proceduri ta’ akkwist

25.

Jinnota li, skont ir-Rapport Annwali tal-Awtorità (14), fl-2011, inbdew għadd ta’ proċeduri ta’ akkwist għal oġġetti u servizzi; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità għamlet użu mill-kuntratti qafas eżistenti tal-Kummissjoni, speċjalment fil-qasam tal-informatika fejn użat numru ta’ sistemi informatiċi interni, bħall-e-Mail u l-intranet, kif ukoll pjattaforma informatika għall-ġbir u l-analiżi ta’ data mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

26.

Jirrikonoxxi li l-Awtorità għamlet progress sinifikanti fl-aġġornament tal-proċeduri ta’ akkwist tagħha sabiex tiġi konformi mar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist; jinnota li l-proċeduri ta’ akkwist pendenti akkumulati tnaqqsu sostanzjalment u li, skont l-Awtorità, il-proċeduri ta’ akkwist pendenti/l-oqsma ta’ nonkonformità li fadal se jiġu koretti fl-2013; jistieden lill-Awtorità tagħti segwitu għal din il-kwistjoni u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar;

27.

Jirrikonoxxi li ngħataw xi eċċezzjonijiet għar-regoli dwar l-akkwist; jinnota, madankollu, li dan in-numru kien ħafna inqas fl-2012 milli fl-2011 u li l-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ nonkonformità sinifikanti ġew korretti; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe azzjoni ulterjuri li tkun ħadet biex tindirizza dan in-nuqqas;

Proċeduri ta’ reklutaġġ

28.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Awtorità teħtieġ ittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha; iħeġġeġ lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-azzjonijiet li tkun ħadet biex tindirizza dan in-nuqqas; jikkunsidra li wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu ta’ piż amministrattiv konsiderevoli; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tippermetti ċertu livell ta’ semplifikazzjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-aġenziji;

29.

Josserva mir-Rapport Annwali tal-Awtorità (15) li l-2011 kienet sena kruċjali għall-Awtorità biex twaqqaf u testendi t-tim tar-riżorsi umani sabiex jinstabu r-riżorsi xierqa għall-funzjonijiet u l-kompiti ġodda tagħha; jinnota wkoll li b’kollox, twettqu 33 proċedura ta’ reklutaġġ u li l-persunal tal-Awtorità żdied minn 31 għal 52 persuna bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011 u jinkludi 19-il nazzjonalità differenti;

30.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 (16) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 60.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  GU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, Artikolu 62(1).

(7)  Kontijiet annwali 2011, p. 19.

(8)  Kontijiet annwali 2011, p. 18.

(9)  Kontijiet annwali 2011, p. 31.

(10)  SAGE hija sistema kontabilistika magħmula tapposta għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll għal kumpaniji, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet.

(11)  Kontijiet annwali 2011, p. 26.

(12)  Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), Validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi, 7.12.2012, Deloitte.

(13)  Rapport annwali 2011, p. 41.

(14)  Rapport annwali 2011, p. 36.

(15)  Rapport annwali 2011, p. 36.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2013)0134 (Ara paġna 374 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top