EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2013_308_R_NS0003

2013/537/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar ir-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza 2011 tal-Kummissjoni

ĠU L 308, 16.11.2013, p. 25–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 308, 16.11.2013, p. 3–3 (HR)

16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/25


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi

(2013/537/UE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7–0224/2012) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585), u d-dokumenti ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dan ir-rapport (SWD(2012) 340 u SWD(2012) 330),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2011” (COM(2012) 281),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Awtorità tal-Kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2011(COM(2012) 563), u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SWD(2012) 283),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 (05752/2013 — C7-0038/2013),

wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0116/2013),

A.

billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u timmaniġġja l-programmi, u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri taħt ir-responsabilità tagħha stess, waqt li tikkunsidra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba,

1.

Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni li hi parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, kif ukoll fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza għall-Kummissjoni tal-2011 (7);

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 68, 15.3.2011.

(2)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.

(3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013) 123 (Ara paġna 68 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7–0224/2012) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585), u d-dokumenti ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dan ir-rapport (SWD(2012) 340 u SWD(2012) 330),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 intitolata “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2011” (COM(2012) 281),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni lill-Awtorità tal-Kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2011(COM(2012) 563), u d-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SWD(2012) 283),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3) (ir-Rapport Annwali), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011(05752/2013 — C7-0038/2013),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011 (05754/2013 — C7-0039/2013),

wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (7), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) u (3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A7-0116/2013),

A.

billi l-Ewropa qed tiffaċċja kriżi ekonomika u finanzjarja flimkien ma’ kriżi ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet, sitwazzjoni li tirrikjedi li l-Parlament ikun partikolarment rigoruż meta jiskrutinja l-kontijiet tal-Kummissjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri, għat-18-il darba konsekuttiva, ma setgħatx tagħti dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti;

C.

billi l-Istati Membri attwalment qed jinnegozjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid għall-2014–2020;

D.

billi f’sitwazzjoni ta’ tnaqqis fir-riżorsi, kaġun mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, iqis il-bżonn tal-hekk imsejħa “Solidarjetà Intelliġenti” – l-użu tal-fondi tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tar-riformi, josserva d-dixxiplina finanzjarja u jiżgura l-istabilità politiku u ekonomikament;

E.

billi, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni għandha r-responsabilità aħħarija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, waqt li l-Istati Membri huma rikjesti jikkooperaw b’mod sinċier mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet jintużaw bi qbil mal-prinċipji tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba;

F.

billi l-Artikolu 287(1) tat-TFUE jipprevedi li l-“Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom …”;

G.

billi l-eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment li jkejlu sa liema punt l-infiq kiseb l-objettivi segwiti saru dejjem aktar importanti;

H.

billi n-nuqqasijiet fis-sistema doganali jitolbu bilanċ aħjar bejn il-kontrolli mnaqqsa u żieda fil-kontrolli ex post;

I.

billi l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod ġust bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet;

J.

billi l-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi hi strateġija komprensiva li tkopri l-attivitajiet ta’ kważi s-servizzi kollha tal-Kummissjoni responsabbli għall-politiki interni, u billi l-2011 kienet l-ewwel sena sħiħa li matulha ġiet implimentata l-istrateġija;

K.

billi d-djalogu interistituzzjonali previst fl-Artikolu 318 TAT-TFUE għandu jkun l-opportunità biex titqanqal kultura ġdida bbażata fuq ir-rendiment fi ħdan il-Kummissjoni;

L.

billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit għandu jkun involut aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-infiq tal-Kummissjoni fil-ġejjieni; jistenna kooperazzjoni aħjar mal-Qorti tal-Awdituri bil-għan li jitfasslu proposti aktar estensivi dwar titjib fl-effiċjenza fil-proċeduri ta’ awditjar;

M.

billi s-setgħat u r-riżorsi tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-proċedura ta’ kwittanza għandhom jiġu eżaminati u stabbiliti fid-dettall f’rapport ta’ inizjattiva proprja;

Azzjonijiet prijoritarji għall-Kummissjoni

1.

Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb tal-għoti tal-kwittanza, tippreżenta lill-Parlament pjan ta’ azzjoni għall-kisba tal-azzjonijiet prijoritarji li ġejjin:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

(a)

Il-Kummissjoni kull sena għandha tadotta, u għall-ewwel darba f’Settembru 2013, komunikazzjoni indirizzata lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri bil-ħsieb li tippubblika l-impatt tal-azzjonijiet preventivi u korrettivi tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li għandha, b’mod partikolari, tiżvela fil-waqt is-sospensjonijiet, l-interruzzjonijiet u ż-żammiet kollha li għandhom l-għan li jevitaw żbalji u l-ammonti kollha (f’termini nominali) li jiġu rkuprati għal kull Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali je pajjiż terz matul is-sena preċedenti permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri għal kull modalità ġestjonali fil-livell tal-Unjoni u mqassma skont l-Istati Membri; il-Kummissjoni għandha turi kemm jista’ jkun li l-korrezzjonijiet finanzjarji kkumpensaw b’mod xieraq għall-iżbalji magħmula, u li kkontribwixxew għal titjib dejjiemi għas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

(b)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal programm jekk, minħabba żbalji jew ġestjoni ħażina tal-fondi mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, il-programm ma jirnexxilux fil-parti l-kbira jilħaq l-għanijiet tiegħu anke meta parti mill-programm tkun ġiet iffinanzjata u jkunu diġà ġew żburżati fondi;

(c)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi d-data relevanti li tkopri l-politiki kollha ġestiti mill-Kummissjoni fin-Nota 6 “Korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri”, mehmuża mal-kontijiet tal-Unjoni;

(d)

Fir-rigward tal-politiki ġestiti permezz ta’ programmi pluriennali, il-Kummissjoni għandha tispeċifika, fil-waqt tal-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni, l-impatt tal-irkupri u tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jkunu saru matul dak il-perjodu fuq ir-rata ta’ żball; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha turi li l-korrezzjonijiet finanzjarji kkumpensaw b’mod xieraq għall-iżbalji magħmula, u li kkontribwixxew għal titjib dejjiemi għas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

(e)

Il-Kummissjoni għandu jkollha responsabilità akbar għall-awtoritarjiet ta’ awditjar nazzjonali u għas-siostemi ta’ kontroll f’dawk l-Istati Membri li fihom ikunu nstabu l-ikbar ammont ta’ żbalji; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tħejji proposta dwar sa liema punt iċ-ċertifikazzjoni u l-ħidma tal-awtoritajiet ta’ awditjar f’dawk l-Istati Membri jistgħu jittejbu iktar; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippubblika s-sejbiet tagħha u għandha tintegrathom fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-regolamenti relevanti u l-QFP;

Rata ta’ żball fil-ġestjoni kondiviża

Jistieden lill-Kummissjoni:

(f)

tarmonizza l-prattika tas-servizzi tagħha rigward l-interruzzjoni/is-sospensjoni tal-pagamenti meta jinstabu nuqqasijiet sinifikanti fil-livell tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Istati Membri;

(g)

tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkomunikaw lis-servizzi tagħha l-abbozzi tar-regoli dwar l-eliġibilità sabiex tadatta regoli nazzjonali dwar l-eliġibilità li ma jkunux kompatibbli mar-regoli relevanti tal-Unjoni, u biex tintensifika l-kontrolli dwar id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u l-effettività tal-kontrolli fl-ewwel livell;

(h)

tiġbor informazzjoni mill-Istati Membri rigward kemm ir-regoli nazzjonali jrendu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-amministrazzjoni baġitarja kkumplikata bla bżonn (“gold-plating”) u tirrapporta lill-Parlament sa Ottubru 2013; ifakkar li ksur ta’ dawn ir-regoli nazzjonali jirrappreżenta żball fl-amministrazzjoni baġitarja u li l-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar hi responsabbli għall-iżbalji fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni (Artikolu 317 tat-TFUE); jitlob li din l-informazzjoni tintbagħat lill-parlamenti nazzjonali darba fis-sena u li l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit jiġi infurmat kif xieraq;

(i)

tappoġġja lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri fl-identifikazzjoni tas-sorsi sistemiċi tal-iżbalji u b’mod partikolari fl-iżgurar ta’ implimentazzjoni konformi tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u tagħti gwida fil-forma ta’ opinjonijiet motivati lil dawk l-awtoritajiet fl-isforzi ta’ simplifikazzjoni tagħhom; dawk l-opinjonijiet ikunu pubbliċi;

(j)

tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma tissottovaluta r-regoli maħsuba biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jiffaċilitaw ir-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri; jinnota li pass addizzjonali favur is-simplifikazzjoni huwa l-użu obbligatorju tal-applikazzjoni u r-rappurtar tal-proġett b’mezzi elettroniċi kif ukoll l-unifikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tad-dokumenti u tal-proċeduri għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali;

(k)

tarmonizza l-kriterji li s-servizzi tagħha jużaw biex jagħmlu riżervi fir-rapport ta’ attività annwali tagħha u l-metodoloġiji differenti li jintużaw biex jiġu kkwantifikati l-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fiż-żewġ oqsma ta’ politika tal-agrikoltura u l-politika ta’ koeżjoni;

(l)

tħaffef il-proċeduri ta’ awditjar u ta’ korrezzjoni finanzjarja segwiti mis-servizzi tagħha stess u, b’mod partikulari, tikkunsidra li twaħħad l-istadji differenti tal-proċedura “kontradittorja” li twassal għal korrezzjoni finanzjarja;

(m)

tivvaluta l-progress li jkun sar fil-ġestjoni finanzjarja fil-gruppi ta’ politika tal-baġit tal-Unjoni bil-ħsieb li tasal għal dikjarazzjoni pożittiva ta’ assigurazzjoni u tirrapporta dwar din il-valutazzjoni sa Marzu 2014 fil-kuntest tar-rapporti annwali tal-attività mfassla mid-Diretturi Ġenerali u r-rapport ta’ Sinteżi dwar il-kisbiet maniġerjali tal-Kummissjoni għall-2013;

DĠ AGRI

(n)

Id-DĠ AGRI għandu jallinja l-prattiki tiegħu għall-interruzzjoni tal-pagamenti mal-aħjar prattiki tad-Direttorati Ġenerali jew is-servizzi l-oħra kif ukoll iressaq proposti għal applikazzjoni u użu mtejbin tas-sospensjoni fil-qasam ta’ politika tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

(o)

Filwaqt li jqis il-qafas ġuridiku, id-DĠ AGRI għandu sistematikament jinterrompi u jissospendi l-pagamenti meta l-kontrolli tal-ewwel livell jiżvelaw li huma milquta materjalment minn żbalji; il-pagamenti għandhom jissoktaw biss jekk evidenza xierqa suffiċjenti miġbura fuq il-post tagħti prova li d-dgħufijiet ġew irranġati;

(p)

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta sa tmiem Ġunju 2013 dwar il-progress li jkun sar mill-grupp ta’ ħidma mwaqqaf mid-DĠ AGRI biex jivvaluta l-kawżi li huma l-għeruq tal-iżbalji fil-qasam tal-Iżvilupp Rurali u jiżviluppa azzjoni korrettiva għall-perjodi futuri ta’ programmazzjoni attwali u suċċessivi; dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew biex dawn ikunu jistgħu janalizzaw il-kawżi tal-iżbalji, jagħtu opinjonijiet mhux vinkolanti u jippreżentaw proposti biex jiġu mxejna dawk l-iżbalji;

(q)

Id-DĠ AGRI għandu jieħu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jeliminaw mill-programmi tagħhom dawk il-kundizzjonijiet li intrinsikament għandhom it-tendenza li joħolqu diffikultajiet ta’ implimentazzjoni u kontroll;

DĠ REGIO

(r)

Il-Kummissjoni għandha żżomm il-proposti oriġinali tagħha għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014–2020 fil-politika ta’ koeżjoni u għandha tinsisti, fir-rigward tal-Istati Membri, fuq il-ħtieġa assoluta li, fil-leġiżlazzjoni l-ġdida, jiddaħħlu l-prinċipji tal-korrezzjonijiet finanzjarji netti (8), kif ukoll proċeduri u kundizzjonijiet simplifikati skont liema l-pagamenti jistgħu jiġu interrotti jew sospiżi;

(s)

Il-Kummissjoni għandha tuża wkoll, kemm jista’ jkun, il-korrezzjonijiet finanzjarji netti għall-korrezzjoni ta’ żbalji serji fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali skont l-Artikolu 99 et seq. tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (9); b’mod partikolari, il-korrezzjonijiet finanzarji netti għandhom jiġu applikati fl-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni;

(t)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiddefendi l-pożizzjoni inizjali tagħha li ma tippermettix l-għażla sekondarja ta’ proġetti fiżikament lesti jew kompletament implimentati qabel l-applikazzjoni għal finanzjament (l-hekk imsejħa “proġetti retrospettivi”) għall-perjodu ta’ finanzjament tal-2014–2020 (10);

(u)

Id-DĠ REGIO għandu jallinja kompletament il-prattiki tiegħu rigward il-pagamenti mal-aħjar prattiki tad-Direttorati Ġenerali jew is-servizzi l-oħra, u jkompli billi jagħmel użu dirett u sħiħ mill-istrumenti legali previsti mir-regolamenti, speċjalment l-interruzzjoni tal-pagamenti jew kull meta jkun meħtieġ is-sospensjoni tal-programmi operattivi;

(v)

Jitlob li jkun hemm monitoraġġ u kundizzjonijiet aktar riġidi fil-każ ta’ Stati Membri li manifestament jiksru dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-liġi baġitarja u l-liġi tal-kompetizzjoni (partikolarment fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi); jitlob li jkun hemm sospensjoni awtomatika tal-pagamenti għall-programmi relevanti tal-Fondi Strutturali meta ikun hemm ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sakemm ikun hemm konformità mar-regoli, sabiex l-użu tal-fondi f’konformità mar-regoli tal-Unjoni jkun garantit;

(w)

Jitlob politika ta’ sospensjoni aktar b’saħħitha fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjnoali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), bħal dik li diġà qed tiġi applikata għall-pagamenti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), sabiex issir prevenzjoni fi stadju bikri ta’ użu irregolari ta’ finanzjament mill-Fond Strutturali u biex jiġi appoġġjat bil-qawwa l-approċċ ta’ tolleranza żero mill-Kummissjoni;

(x)

B’mod partikulari, id-DĠ REGIO għandu sistematikament jinterrompi l-pagamenti u jissospendi l-programmi meta l-kontrolli tal-ewwel livell jiżvelaw li huma milquta materjalment minn żbalji; il-pagamenti għandhom jissoktaw biss jekk ikun hemm evidenza suffiċjenti u affidabbli li d-dgħufijiet ġew irranġati;

Rata ta’ żball fil-ġestjoni ċentralizzata

DĠ Riċerka

(y)

Sa tmiem Ġunju 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament li jivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni mdaħħla fl-2011;

(z)

Dak ir-rapport għandu jivvaluta wkoll it-titjib imħabbar mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istrateġiji ta’ kontroll ex ante u ta’ awditjar ex post u tat-titjib fil-gwida dwar l-aktar żbalji komuni li tingħata lil min jieħu sehem fis-Seba’ Programm Qafas dwar ir-Riċerka u lill-awdituri;

(aa)

F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk il-miżuri li ttieħdu għat-tnaqqis tal-piż tal-awditjar, iġġenerat mill-fatt li seba’ Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega huma responsabbli għall-baġit għar-Riċerka, kinux effettivi u, jekk le, tipproponi soluzzjonijiet oħra;

Rapport ta’ valutazzjoni (l-Artikolu 318 tat-TFUE) u użu msaħħaħ tal-awditi tar-rendiment

(ab)

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw kultura ġdida bbażata fuq ir-rendiment, billi jiddefinixxu fil-pjan ġestjonali tagħhom għadd ta’ objettivi u indikaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Awdituri f’termini ta’ rilevanza, paragunabilità u affidabilità; barra minn hekk l-indikaturi tar-rendiment u l-miri għandhom jiġu integrati għalkollox fil-proposti kollha għal politiki u programmi ġodda;

(ac)

Jitlob lill-Kummissjoni tqis b’mod sħiħ il-kummenti u t-talbiet ifformulati fit-“Tweġiba tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għat-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 318 tal-Kummissjoni”;

(ad)

Jistieden lill-Kummissjoni biex, sar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu fl-oqsma varji tal-politika u l-programmi, tipproponi definizzjoni ċara ta’ valur miżjud Ewropew; jitlob reviżjoni tal-programmi bl-għan li jiġu evitati effetti ta’ konsegwenza fil-livell nazzjonali u reġjonali u biex fir-realtà tiffanzja biss dawk il-miżuri li ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati mingħajr impuls min-naħa tal-Unjoni;

(ae)

Fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom, is-servizzi għandhom ikejlu r-rendiment tagħhom billi jissintetizzaw ir-riżultati miksuba b’kontribut għall-politiki prinċipali segwiti mill-Kummissjoni; dan ir-rendiment “dipartimentali” se jiġi kkomplementat minn valutazzjoni globali tar-rendiment tal-Kummissjoni fir-rapport ta’ valutazzjoni previst mill-Artikolu 318 tat-TFUE;

(af)

Il-Kummissjoni għandha timmodifika l-istruttura tar-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi hawn fuq, billi tiddistingwi l-politiki interni minn dawk esterni u tiffoka, fi ħdan it-taqsima relatata mal-politiki interni, fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni; Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-enfasi fuq il-progress li sar fil-ksib tal-inizjattivi emblematiċi;

(ag)

Jistenna li fil-qafas ta’ politika ġdida u mtejba dwar ir-rendiment, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha magħmula jew imħallsa mill-Kummissjoni jsiru disponibbli bis-sħiħ għall-Parlament; li jista’ jiddeċiedi li jagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tiegħu għal konsultazzjoni;

Introjti u riżorsi proprji tradizzjonali

Sabiex tiżgura protezzjoni xierqa tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u bil-ħsieb li tgħammar l-Unjoni b’biżżejjed riżorsi proprji għat-tkabbir, il-Kummissjoni għandha:

(ah)

tipprovdi lill-Parlament, fiż-żmien dovut qabel il-proċedura ta’ kwittanza għall-2012, b’evalwazzjoni ta’ kemm jiswa l-posponiment tal-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (KDM), li tkun tikkwantifika l-konsegwenzi baġitarji tat-tali posponiment;

(ai)

tiġbor data affidabbli dwar id-distakk fil-qasam tad-dwana u tal-VAT fl-Istati Membri u tirrapporta kull sitt xhur lill-Parlament f’dan ir-rigward;

(aj)

tidentifika u timplimenta l-azzjonijiet li jżidu l-effettività u l-effiċjenza tal-ġbir tad-dazji u tal-VAT fl-Istati Membri; il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 (11);

(ak)

tidentifika l-kanali u l-iskemi li jippermettu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, b’mod partikolari mill-kumpaniji multinazzjonali u permezz ta’ kumpaniji fittizzi, u tippromwovi l-kontromiżuri xierqa; jilqa’, f’dan il-kuntest, ir-rapport tal-OKŻE dwar it-tgħawwir tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti u jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-OKŻE li se tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dwar kif tiġi indirizzata din il-problema sa Lulju 2013;

(al)

tissensibilizza lill-Istati Membri, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li l-ġbir effettiv tal-introjtu jibqa’ fattur essenzjali tal-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi, inkluż il-fatt li l-aspetti tal-introjtu mhux miġbur għandhom impatt fuq id-disponibilità tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, il-qagħda ekonomika tal-Istati Membri u s-suq intern, u tikkummissjona studju li jikkalkula l-benefiċċji finanzjarji potenzjali għall-Istati Membri f’termini ta’ introjtu mit-taxxa jekk jinħolqu kundizzjonijiet ugwali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-Unjoni kollha;

2.

Huwa allarmat bin-numru kbir ħafna ta’ attivitajiet finanzjarji offshore, kif żvelat mill-inkjesta riċenti “Offshore Leaks”; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti biex telimina dawn il-possibilitajiet ta’ devjazzjoni ta’ eluf ta’ biljuni ta’ euro barra miċ-ċirkwit finanzjarju normali sabiex primarjament tiġi evitata t-taxxa u biex jinħbew fondi illegali mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri.

3.

Jissuġġerixxi bil-qawwa li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura li l-attivitajiet bankarji kollha relatati mal-konsulenza dwar strutturi offshore u l-istabbiliment tagħhom, isiru illegali u li l-ebda bank fl-Unjoni Ewropea involut f’attivitajiet bħal dawn ma jirċevi jew ma jkun jista’ jirċievi finanzjament Ewropew taħt kwalunkwe skema jew jibbenefika minn miżuri ta’ appoġġ nazzjonali.

4.

Jistenna li jirċievi, fi żmien xahrejn, abbozz ta’ proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni biex twaqqaf il-prattika tal-użu ta’ rifuġji fiskali minn individwi, kumpaniji u saħansitra istituzzjonijiet pubbliċi.

Segwitu għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2010  (12)

Monitoraġġ tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja

5.

Jilqa’ s-segwitu li ngħata mill-Kummissjoni għat-talba tal-Parlament għal aktar trasparenza fir-rigward tal-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja (SIF), b’mod partikulari billi r-rapportar mill-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u ta’ implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni relevanti jsir proċedura obbligatorja (13), u jinnota li r-Rapport sommarju dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-SIF li tħabbar mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2012) 585) ġie trażmess fiż-żmien dovut lill-Parlament; jinnota wkoll li dan tal-aħħar jipprovdi data dwar id-deskrizzjoni tal-SIF u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tagħhom, l-identifikazzjoni tal-entitajiet implimentattivi u l-ammonti ta’ assistenza mħallsa lill-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja u minnhom;

6.

Jinnota li l-ammont ta’ fondi strutturali implimentati permezz tal-SIF kompla jiżdied matul il-perjodu 2007–2013, b’mod partikolari għall-istrumenti li jimmiraw lejn l-imrpiżi; jindika li aktar minn 90 % tal-ammonti effettivament imħallsa lid-destinatarji finali marru għand impriżi; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara liema perċentwali tal-ammonti li fil-fatt ġew żburżati marru għand impriżi li verament kienu privati, meta mqabbla ma’ impriżi li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma proprjetà tas-settur pubbliku;

7.

Jinnota bi tħassib li l-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja għall-iżvilupp urban u l-effiċjenza enerġetika/l-enerġiji rinnovabbli jirrappreżentaw 17 % biss tal-ammont imħallas lill-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja kollha fi tmiem l-2011 u, barra minn hekk, li l-fluss għal ġo proġetti urbani konkreti baqa’ bil-mod;

8.

Jappoġġja t-tagħlim li ħadet il-Kummissjoni skont ir-rapport sommarju msemmi hawn fuq fir-rigward tar-rapportaġġ mill-Istati Membri, kif ġej:

il-proċess tal-ġbir tad-data mill-awtoritajiet maniġerjali u t-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni għandhom jibdew minn kemm jista’ jkun malajr;

l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jipprovdu kontribut li jkopri aktar mill-ammonti impenjati għall-fondi, kif ukoll l-għadd u t-tip tad-destinatarji finali;

il-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar gwida lill-Istati Membri;

9.

Jinnota li l-Kummissjoni qabbdet lil grupp ta’ esperti (14) jfasslu rapport dwar l-użu tal-FEŻR bħala appoġġ għall-SIF; iqis li dan hu l-ewwel pass u jinsab inkwetat li l-analiżi tan-netwerk ta’ valutazzjoni esperta tiżvela għadd ta’ problemi serji, pereżempju, in-nuqqas ta’ evidenza biex jiġi stabbilit jekk l-iskala ta’ appoġġ tikkorrispondix mad-daqs tan-nuqqasijiet fis-suq għas-self u l-finanzjament ekwitattiv; in-nuqqas ta’ evidenza li minnha jista’ jiġi vvalutat jekk il-fondi ta’ kapital ta’ riskju mwaqqfa bl-appoġġ tal-FEŻR humiex kbar biżżejjed biex ikunu vijabbli; l-iskarsezza tad-data rigward l-ispejjeż biex jitwaqqfu u jiġu operati l-SIF meta mqabbla ma’ għotjiet li ma jitħallsux lura; u l-kumplessità tar-regolamenti u l-inċertezza dwar l-interpretazzjoni tagħhom;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti biex ittejjeb b’mod sinifikanti l-użu tal-SIF bil-ħsieb li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti aħjar;

11.

Itenni li l-Parlament stieden lill-Kummissjoni tivvaluta b’mod oġġettiv u kritiku l-esperjenzi bl-SIF fil-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2007-2013, tipprovdi valutazzjoni tar-riskji li tikkunsidra l-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja differenti b’mod separat, kif ukoll tqis l-istruttura tar-riskji tal-benefiċjarji tal-SIF, u tirrapporta annwalment lill-Parlament, fiż-żmien dovut qabel il-proċedura ta’ kwittanza rispettiva, dwar l-użu tal-SIF fl-Istati Membri, inklużi indikaturi paragunabbli dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-SIF, u anke dwar kif il-Kummissjoni tikkoordina, tiżgura l-konsistenza u ttaffi r-riskju li jkun hemm elementi doppji bejn l-oqsma ta’ politika;

Katina/kaskata ta’ responsabilità

12.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tinjora b’mod kostanti t-talba li ilha ssir mill-Parlament biex iżżid il-firma tal-Kummissarju responsabbli mar-rapporti ta’ attività annwali tad-Direttorat Ġenerali relatat tiegħu/tagħha; jinnota, madankollu, li r-Rapport ta’ Sinteżi jiġi adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u jinkludi dikjarazzjoni speċifika li tenfasizza r-responsabilità finali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-uffiċjali awtorizzanti tagħha abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi li jkunu għamlu fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom; hu għalhekk tal-opinjoni li l-Kulleġġ, meta adotta r-Rapport ta’ Sinteżi, ħa nota tal-problemi fid-direttorati ġenerali rispettivi u jista’ jinżamm responsabbli;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kwalità u l-paragunabilità tar-rapporti ta’ attività annwali;

14.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tat aċċess lill-Parlament għas-sommarji annwali tal-Istati Membri; jiddeplora, madankollu, il-fatt li 17-il Stat Membru biss taw permess lill-Kummissjoni biex tagħmel dan; jitlob lill-Kummissjoni tikkomunika liema passi u miżuri se tieħu biex tiżgura li l-10 Stati Membri li għad fadal jagħtu wkoll il-permess tagħhom;

L-użu ta’ prefinanzjament

15.

Jilqa’ r-regoli ġodda introdotti fir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar l-approvazzjoni regolari tal-prefinanzjamenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tad-data u l-metodi kontabilistiċi relevanti;

L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettiv fl-oqsma ta’ nfiq kbir

16.

Jirrikonoxxi li l-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014–2020 fil-biċċa l-kbira tagħhom issodisfaw it-tħassib li l-Parlament esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit fl-2008 (15), bil-proposta għall-introduzzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji netti għall-Istati Membri, kif ukoll proċeduri u kundizzjonijiet simplifikati skont liema l-pagamenti jistgħu jiġu interrotti jew sospiżi; jinnota li dawn il-proposti jiċċaraw ukoll ċerti regoli dwar l-eliġibilità u jipprojbixxu b’mod ċar il-possibilità li l-awtoritajiet maniġerjali jagħżlu proġetti fiżikament lesti jew kompletament implimentati qabel l-applikazzjoni għal finanzjament (l-hekk imsejħa “proġetti retrospettivi”);

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltajiet għat-twaqqif ta’ sistema korrettiva għal oqsma ta’ nfiq li huma suxxettibbli għal żbalji, u li fiha l-valur materjali totali ta’ żbalji fis-sena ikun parzjalment jew għalkollox imnaqqas, mit-talbiet annwali ta’ rimborż li jsiru mill-organizzazzjonijiet li jakkreditaw, skont il-gravità tal-irregolaritajiet;

Il-ħidma ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri

18.

Ifakkar li l-Artikolu 287 tat-TFUE jipprevedi li: “Il-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dikjarazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom (…)”;

19.

Ifakkar li barra li tagħti opinjoni rigward l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-Qorti tal-Awdituri tagħti tliet opinjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kontijiet; hu tal-fehma li d-diversi opinjonijiet ma jiffaċilitawx il-valutazzjoni li jridu jagħmlu l-Membri tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni;

20.

Jindika li l-Qorti tal-Awdituri tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha, ir-rata ta’ żball l-aktar probabbli, li fl-2011 kienet ta’ 3,9 % għall-pagamenti; jindika li fuq il-bażi ta’ standards internazzjonali ta’ awditjar, il-Qorti tal-Awdituri tieħu 2 % bħala livell minimu ta’ materjalità bħala rata ġeneralment aċċettabbli għall-iżbalji u li, jekk ir-rata ta’ żball l-aktar probabli tkun akbar minn dan il-limitu minimu, il-Qorti se tagħti opinjoni negattiva;

21.

Jindika li bi qbil mal-internazzjonali ta’ awditjar, hija r-responsabbiltà tal-awditur estern li jistabbilixxi b’indipendenza sħiħa l-limitu minimu ta’ materjalità;

22.

Jenfasizza li għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji u l-frodi u jikkunsidra li, fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-iżbalji jirriżultaw minn żbalji akmministrattivi, b’mod partikolari marbuta mal-kumplessità tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali, li jistgħu jiġu korretti; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li r-rata attwali ta’ żbalji għadha għolja b’mod inaċċettabbli u li l-Parlament għandu approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-iżbalji;

23.

Jissottolinja l-fatt li rata ta’ żball fiha nnifisha ma tagħtix perspettiva komprensiva tal-effettività tal-politiki tal-Unjoni; hu, għaldaqstant, tal-fehma li l-eżerċizzji ta’ awditjar tal-konformità għandhom jiġu ssuplimentati b’awditi tar-rendiment li jivvalutaw l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-istrumenti ta’ politika tal-Unjoni; jindika l-fatt li l-Accountability Office tal-Gvern tal-Istati Uniti jikkonċentra aktar fuq l-eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment u mhux fuq dawk tal-konformità;

24.

Josserva li hemm xi differenzi ta’ fehmiet bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-mod kif għandhom jiġu kkalkulati l-iżbalji, b’mod partikulari rigward jekk il-prefinanzjament għandux jiġi inkluż jew eskluż, rigward l-ittrattar tal-iżbalji kwantifikabbli u mhux, u rigward il-mod kif għandhom jiġu kkunsidrati l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-valutazzjoni globali tal-impatt finanzjarju tal-iżbalji u l-kapaċità korrettiva tas-sistemi; hu tal-fehma li l-approċċi differenti huma riflessjoni tar-rwoli differenti li jiżvolġu rispettivament l-istituzzjonijiet, speċifikament ir-rwol ta’ awditur minn naħa u dak ta’ amministratur min-naħa l-oħra; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tqis il-possibbiltà li tissepara dawn il-kategoriji differenti kontroversjali ta’ rati ta’ żbalji fir-rapport annwali li jmiss tagħha u tikklassifika skont il-qasam il-politika u r-riżultati tal-irkupru u l-korrezzjonijiet finanzjarji;

25.

Jifhem li, mal-mogħdija taż-żmien, il-kompetenza u l-metodoloġija jistgħu jinbidlu; jinsisti, madankollu, li hemm bżonn li r-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar jibgħu paragunabbli sabiex il-Parlament ikun jista’ jagħmel valutazzjoni politika fuq żmien itwal;

26.

Jappella, għaldaqstant, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet ta’ awditjar nazzjonali u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-kontrolli ta’ ġestjoni kondiviża, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE;

27.

Jipproponi li titqies il-possibilità li l-entitajiet ta’ awditjar nazzjonali joħorġu, fil-kapaċità tagħhom ta’ awdituri esterni indipendenti u skont l-istandards internazzjonali ta’ awditjar, ċertifikati nazzjonali ta’ awditjar għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; dawn iċ-ċertifikati jiġu ppreżentati lill-gvernijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jitressqu waqt il-proċess ta’ kwittanza skont proċedura interistituzzjonali adegwata li trid tiġi stabbilita;

Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri

Il-kontijiet – opinjoni tajba

28.

Jilqa’ l-fatt li l-kontijiet annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011 jippreżentaw b’mod ġust, u f’kull aspett materjali, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-31 ta’ Diċembru 2011, u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-flussi ta’ flusha għas-sena li kienet għadha kif intemmet;

Il-legalità u r-regolarità tal-introjtu – opinjoni tajba

29.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-introjtu sottostanti għall-kontijiet tas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 hu legali u regolari f’kull aspett materjali;

Il-legalità u r-regolarità tal-impenji – opinjoni tajba

30.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-impenji sottostanti għall-kontijiet tas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari f’kull aspett materjali;

Il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti – opinjoni negattiva

31.

Jiddispjaċih profondament li l-pagamenti għadhom materjalment milqutin minn żbalji;

32.

Jifhem li l-bażi għal din l-opinjoni negattiva tal-Qorti tal-Awdituri hi l-osservazzjoni li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll huma biss parzjalment effettiv u li, b’riżultat ta’ dan, il-pagamenti huma milqutin minn rata ta’ żball tal-ogħla probabilità ta’ 3,9 %;

33.

Jinnota bi tħassib li l-gruppi ta’ politiki li jirrigwardaw l-agrikoltura; l-appoġġ għas-suq u l-appoġġ dirett; l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd u s-saħħa; il-politika reġjonali, l-enerġija u t-trasport; l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, kif ukoll riċerka u politiki interni oħra huma materjalment milquta minn żball;

34.

Ifakkar li l-istima tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli għall-pagamenti fis-sena finanzjarja 2010 kienet ta’ 3,7 % u fis-sena finanzjarja 2009 kienet ta’ 3,3 %; jinsab diżappuntat ħafna dwar din iż-żieda peress li taqleb it-tendenza pożittiva osservata fis-snin 2007, 2008 u 2009; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tikseb tendenza li turi tnaqqis konsistenti fir-rata ta’ żball; jisħaq li l-Parlament hu tal-fehma li l-ilħiq ta’ dawn il-miri huwa parti essenzjali biex jinkiseb valur sħiħ għall-infiq tal-Unjoni fil-futur u biex isir progress lejn DAS pożittiv” (16);

35.

Jattribwixxi dan l-iżvilupp prinċipalment għaż-żieda tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli fil-qasam tal-agrikoltura, u huwa mħasseb b’mod partikulari dwar il-livell għoli ta’ żbalji fl-iżvilupp rurali, fejn l-iktar rata ta’ żbalji probabbli rrappurtata kienet 7,7 %;

36.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tadatta r-rapporti speċjali dwar oqsma speċifiċi tal-politika aktar minn qabel biex tkun iggarantita l-komparabilità ma’ perjodi tal-passat;

Rakomandazzjoni tal-Kunsill

37.

Jiddispjaċih li l-Kunsill qed ikompli jirrifjuta li jikkoopera mal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza tal-Kunsill; jemmen li dan iħalli lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bi ftit strumenti u li eventwalment il-Kumitat se jkun kostrett iressaq il-mistoqsijiet u t-talbiet tiegħu għal informazzjoni dwar il-baġit tal-Kunsill lill-Kummissjoni;

38.

Jinnota li l-Kunsill jirrakkomanda li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011; jinnota li l-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit ivvutaw kontra li tingħata l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2011; jieħu nota tal-kummenti ta’ dawn il-pajjiżi:

li għat-18-il darba konsekuttiva l-Qorti tal-Awdituri ma setgħetx tagħti dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva mingħajr riżervi;

li jenfasizzaw li l-kredibbiltà tal-infiq tal-Unjoni tiddependi fuq ġestjoni finanzjarja soda fil-livelli kollha, kontabilità ordnata u r-responsabbiltà trasparenti tal-atturi relevanti kollha;

li jirrimarkaw li 80 % tal-baġit tal-Unjoni jintnefaq taħt is-sistema ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri;

li jiddispjaċihom li erba’ biss minn seba’ awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri, ivvalutati mill-Qorti tal-Awdituri, tqiesu effettivi;

li jistiednu lill-Istati Membri kollha jipprovdu data sħiħa, trasparenti u preċiża bħala parti mis-sommarji annwali tagħhom;

li jinkoraġġixxu lill-Kummissjoni tkompli tistimola ġestjoni finanzjarja aħjar mill-Istati Membri kollha, inkluża l-applikazzjoni stretta ta’ sanzjonijiet bħas-sospensjonijiet u l-interruzzjonijiet;

39.

Jinnota f’dan il-kuntest l-għadd għoli tar-riżervi tal-Kummissjoni rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FEŻR/il-FK għall-perjodu 2007–2013 fost oħrajn fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jasal għal konklużjonijiet mill-kummenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Isvezja u tar-Renju Unit billi jwettaq analiżi inter pares tal-ġestjoni finanzjarja u tal-kwalità tar-rendiment ta’ kull wieħed mill-Istati Membri;

Kwistjonijiet orizzonatali

Ir-responsabilitajiet tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġestjoni kondiviża

40.

Jenfasizza li, bi qbil mal-Artikolu 317 tat-TFUE, il-Kummissjoni hi fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jindika li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit taħt ġestjoni kondiviża, il-kompiti ta’ implimentazzjoni jiġu ddelegati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002;

41.

Jisħaq fuq il-fatt li, f’dan ir-rigward, ir-responsabilità tad-Diretturi Ġenerali hi ġebla tax-xewka għas-sistema attwali tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, u jenfasizza l-importanza li dawn jirrappreżentaw b’mod ġust ir-rendimenti maniġerjali fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom;

42.

Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu għall-kwittanza għall-2010 il-Parlament ippropona li jkun hemm Kummissarju full-time responsabbli mill-Kontroll tal-Baġit fl-ambitu tal-Kummissjoni tal-2014-2019

43.

Jistenna li l-Istati Membri huma konxji għalkollox dwar l-obbligi tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera, biex jassistu b’mod attiv u effettiv lill-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha li jirriżultaw mit-Trattati;

44.

Jinsisti f’dan il-kuntest fuq l-importanza tal-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002, li jipprevedi li, meta jkunu qed jimplimentaw il-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa, inklużi miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jisħaq f’dan ir-rigward fuq il-fatt li l-Artikolu 59(2) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid saħansitra jispeċifika li dawn il-miżuri għandhom jikludu dan li ġej: (a) l-iżgurar li l-azzjonijiet finanzjati mill-baġit jiġu implimentati b’mod korrett u effettiv u f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur applikabbli għal dak il-għan, u (b) il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi;

45.

Josserva li s-sistema attwali ma tiżgurax it-trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji tal-appoġġ tal-FEŻR u tal-FK; fl-ambitu tal-qafas eżistenti, il-Kummissjoni tipprovdi portal b’aċċess għal-listi ta’ benefiċjarji disponibbli fuq websajts nazzjonali, li jinsabu fil-lingwa nazzjonali rispettiva biss u ma jsegwux kriterji komuni; jistenna r-regolament futur li jkopri l-istrumenti strutturali sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu d-data fuq il-benefiċjarji finali tal-fondi tal-FEŻR/FK li għandha tiġi ppubblikata fil-websajt uffiċjali tal-Kummissjoni f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni u bbażata fuq sett ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm lok għal paragun u l-konstatazzjoni ta’ żbalji;

46.

Jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza ta’ differenzi sinifikanti fir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri fil-qasam tal-introjtu u n-nefqa fil-ġestjoni konġunta, speċjalment marbuta mas-sejba ta’ irregolaritajiet, frodi u żbalji u segwitu finanzjarju kemm fil-qasam doganali u l-infiq tal-fondi tal-Unjoni; jinnota li s’issal-Kummissjoni tissorvelja r-rendiment amministrattiv b’mod reattiv u każ b’każ u għaldaqstant ma twettaqx biżżejjed analiżi tat-tendenzi biex tidentifika l-oqsma ta’ riskju; jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-metodu tal-analiżi tat-tendenzi biex tidentifika r-riskji finanzjarji u tieħu miżuri biex ittejjeb ir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri;

47.

Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-Artikolu 59(3), (4) u (5) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid, l-awtoritajiet maniġerjali tal-Istati Membri fil-futur huma rikjesti li kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni bil-kontijiet tagħhom flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar il-ġestjoni, sommarju annwali tar-rapport finali tal-eżerċizzju ta’ awditjar tagħhom u tal-kontrolli, u opinjoni minn korp ta’ awditjar indipendenti;

48.

Jinsab konvint li d-dikjarazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, meta kkombinati mal-introduzzjoni ta’ deliberazzjoni awtokritika fil-Kunsill, li għad trid tiddaħħal u li s’issa għadha nieqsa, u analiżi inter pares imparzjali, onesta u miftuħa bejn l-Istati Membri, jirriżultaw f’eżekuzzjoni baġitarja aħjar u aktar effettiv, iżidu r-rendiment tal-politiki, tal-programmi u tal-proġetti u jgħinu biex isaħħu s-solidarjetà fost l-Istati Membri u jieħdu post in-nuqqas reċiproku ta’ fiduċja, riżultat li hu preferibbli għat-tnaqqis baġitarju għad-detriment tal-irkupru ekonomiku u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni f’Ewropa komuni;

49.

Jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu, fil-livell xieraq, jippubblikaw l-informazzjoni ta’ hawn fuq u, barra minn hekk, jipprovdu dikjarazzjonijiet iffirmati fil-livell xieraq fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex jipprovdu dawk id-dikjarazzjonijiet volontarji dwar il-ġestjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 il-ġdid billi tippromwovi l-aħjar prattiki; jinsisti li l-Parlament għandu jirċievi kemm id-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet volontarji;

50.

Jinnota li l-Kummissjoni għandha tiggwida lill-Istati Membri bl-abbozzar ta’ sommarji annwali li jagħmlu sens; jinnota li għal dan l-iskop, l-informazzjoni mogħtija dwar programmi operattivi taħt ġestjoni kondiviża għandha tkun standardizzata fir-rigward tal-forma u l-kontenut; jirrimarka li s-sommarji annwali għandhom jingħataw għad-dispożizzjoni tal-Parlament u m’għandhomx ikunu disponibbli biss bil-lingwa tal-Istat Membru, u b’hekk tiżdied it-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni;

51.

JInnota, madankollu, li la l-Qorti tal-Awdituri u lanqas il-Kummissjoni ma jikkunsidraw is-sommarji annwali f’dan l-istadju bħala sors prezzjuż ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mill-benefiċjarji jew tar-rendiment tagħhom; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni għandha tanalizza l-aspetti b’saħħithom u dawk dgħajfin tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali abbażi tas-sommarji annwali li tirċievi; iqis li din is-sitwazzjoni hi inaċċettabbli u jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li s-sommarji annwali li jmiss ikunu utli għall-valutazzjoni tar-rendiment tal-benefiċjarji;

52.

Jindika li ntwera li s-sommarji annwali pprovduti mill-Istati Membri fil-forma attwali tagħhom ftit jipprovdu valur miżjud u li l-elementi ta’ konformità tas-sommarju annwali attwali sempliċiment jidduplikaw informazzjoni disponibbli faċilment minn sorsi oħrajn (17); iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jżidu l-utilità tas-sommarji annwali tagħhom billi jinkludu analiżi ġenerali tar-riżultati u dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ assigurazzjoni biex juru l-impenn tagħhom favur il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE u favur it-trasparenza; Iħeġġeġ lill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja b’mod partikolari jsegwu bla dewmien l-eżempju tal-15-il Stat Membru li inkludew “dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali tal-assigurazzjoni” fis-sommarji annwali tagħhom għall-azzjonijiet strutturali fil-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-FEŻR (18) sabiex il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jibbenefika minn din l-informazzjoni matul il-proċedura ta’ kwittanza tal-2012; jistenna li dawk l-Istati Membri li ma jippreżentawx dikjarazzjoni ta’ dan it-tip fiż-żmien dovut se jippreżentaw dikjarazzjoni komprensiva li tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas;

53.

Jistieden lill-Istati Membri joħorġu dikjarazzjonijijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali fil-livell politiku xieraq u jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi mudell għal dikjarazzjoni ta’ dan it-tip;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi fi żmien qasir, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, mudell għad-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali li jtihom sinifikat u jagħmilhom paragunabbli; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi b’mod miftuħ l-opinjoni tagħha dwar dawn id-dikjarazzjonijiet; hu tal-fehma li t-tali dikjarazzjonijiet għandhom, inter alia, jiċċertifikaw il-kriterji (bħal kontijiet reali u ġusti, l-effettività tas-sistemi ġestjonali u ta’ kontroll u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti) u jispeċifikaw l-ambitu tar-riżervi għall-assigurazzjoni u ċ-ċaħdiet; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex jitnaqqas il-piż tal-kontrolli għal dawk l-Istati Membri jew ir-reġjuni li konsistentement ikollhom rendiment tajjeb, skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri u skont id-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali tagħhom stess; hu tal-fehma li l-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jqisu s-sustanza tad-dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali fil-ħidma ta’ awditjar tagħhom;

55.

Jinnota d-dettalji speċifikati f’din it-tabella ta’ valutazzjoni rigward iż-żewġ inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għat-titjib tal-effettività tal-ġestjoni kondiviża:

Tabella ta’ valutazzjoni

 

Dikjarazzjonijiet dwar il-ġestjoni nazzjonali

“Dikjarazzjoni dwar il-livell ġenerali ta’ assigurazzjoni” fis-Sommarji Annwali għall-azzjonijiet strutturali

Awstrija

Le

Le

Belġju

Le

Le

Bulgarija

Le

Iva

Ċipru

Le

Iva

Repubblika Ċeka

Le

Iva

Danimarka

Iva

Iva

Estonja

Le

Iva

Finlandja

Le

Iva

Franza

Le

Iva

Il-Ġermanja

Le

Le

Ġreċja

Le

Iva

Ungerija

Le

Iva

Irlanda

Le

Le

Italja

Le

Le

Latvja

Le

Le

Litwanja

Le

Le

Lussemburgu

Le

Le

Malta

Le

Le

Pajjiżi Baxxi

Iva

Le

Polonja

Le

Le

Portugall

Le

Iva

Rumanija

Le

Iva

Slovakkja

Le

Iva

Slovenja

Le

Iva

Spanja

Le

Le

Svezja

Iva

Iva

Renju Unit

Iva

Iva

L-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet maniġerjali tal-Kummissjoni

56.

Jinnota li l-għadd totali tar-riżervi inklużi mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni fir-rapport ta’ attività annwali tagħhom żdiedu għal 27 fl-2011 minn 17 fl-2010, u li l-impatt finanzjarju totali stmat tar-riżervi żdied għal EUR 1 959 miljun jew 1,5 % tal-pagamenti li saru fl-2011 (2010: EUR 423 miljun li jikkorrispondu għal 0,3 %);

57.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawk l-iżviluppi jirriflettu riskju għoli ta’ żbalji f’xi oqsma, bħall-iżvilupp rurali, il-koeżjoni jew is-Seba’ Programm Qafas kif rikonoxxuti mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni, u kkorroborati mir-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri;

58.

Jieħu nota tal-gwida mogħtija mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Baġit lid-Diretturi Ġenerali u l-kapijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar kif tiġi kkalkulata r-rata ta’ żball residwu, li wasslet għal titjib f’xi rapporti ta’ attività annwali kif indikat mill-Qorti tal-Awdituri;

59.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri sabet dgħufijiet f’dawk l-istruzzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikulari fir-rigward tar-rata ta’ żball residwu; jistieden lill-Kummissjoni, bħala riżultat ta’ dan, tadatta l-gwida tagħha bħala prijorità immedjata;

60.

Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-livell sa fejn it-tranżazzjonijiet għadhom milqutin minn żbalji, iżda jinnota b’diżappunt li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li r-rata ta’ żball residwu għadha mhijiex indikatur affidabbli;

61.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq progress fl-iżvelar ta’ data aktar preċiża u affidabbli dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji u tippreżenta informazzjoni li tirrkonċilja sa kemm ikun possibbli s-sena meta jsir il-pagament, is-sena meta jinstab l-iżball relatat u s-sena meta l-irkurpi jew il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu żvelati fin-noti għall-kontijiet (19);

62.

Jilqa r-rapport mill-Kummissjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji, inkluż l-ammont realment irkuprat li ddaħħal lura fil-baġit, fl-għeluq tal-perjodu 2000–2006 fil-politika reġjonali li juri l-impatt tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jkunu saru waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni u fl-għeluq fuq ir-rata ta’ żball globali tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000–2006;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni testendi din il-prattika ta’ rapportar għall-politiki l-oħra amministrati minn programmi pluriennali;

64.

Jirrakkomanda, bi qbil mal-fehma li esprimiet il-Qorti tal-Awdituri, li tiġi stabbilita rabta ċara bejn l-ammonti inklużi fir-rapporti ta’ attività annwali, b’mod partikulari biex tiġi stabbilita r-rata ta’ żball residwu, u l-informazzjoni dwar l-irkupri/korrezzjonijiet finanzjarji ppreżentati fil-kontijiet;

65.

Jinnota li l-Kummissjoni tista’ tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-korrezzjonijiet tal-iżbalji u l-irregolaritajiet li saru fl-2011, b’mod partikulari f’dik il-parti tal-baġit implimentata taħt il-modalità ta’ ġestjoni kondiviża (20);

66.

Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li għandha titlob lid-Diretturi Ġenerali tagħha jiġbru sistematikament dik id-data u jippubblikawha fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ, fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza rispettiva, komunikazzjonijiet annwali lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri li jelenkaw, għal kull pajjiż u għal kull programm, il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri miġbura, sabiex jintwera r-rendiment tagħha fil-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tfassal ranking ta’ prestazzjoni fuq din il-bażi;

68.

Jinnota bi tħassib li n-Nota 6 mehmuża mal-kontijiet konsolidati u msemmija hawn fuq tkopri biss dawk il-korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri mwettqa fil-livell tal-Unjoni, u li l-informazzjoni dwar l-irtirar, l-irkupri u l-irkupri pendenti tal-fondi strutturali li jsiru mill-Istati Membri mhijiex qed tiġi żvelata minħabba raġunijiet ta’ affidabilità “peress li għad hemm dubji dwar il-kwalità u l-kompletezza tad-data ppreżentata minn xi Stati Membri u/jew għal xi programmi”; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika f’komunikazzjoni ta’ kull sena l-ammonti kollha korretti s-sena preċedenti permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri għal kull modalità ġestjonali fil-livell tal-Unjoni u mill-Istati Membri

69.

Jinsab ippreokkupat li l-Kummissjoni nnifisha tikkonferma fin-Nota 6 msemmija l-valutazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta’ affidabilità tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Istati Membri, u jiddispjaċih profondament li dan jista’ jolqot l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet maniġerjali tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-data kkomunikata mill-Istati Membri tkun sħiħa u kompletament affidabbli;

70.

Ifakkar f’dan il-kuntest li, meta adottat ir-Rapport ta’ Sinteżi abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi magħmula mid-Diretturi Ġenerali u l-kapijiet tas-servizzi tagħha fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom, il-Kummissjoni ħadet ir-responsabilità politika globali għall-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni (21);

71.

Jilqa’ t-titjib li sar għall-opinjoni globali maħruġa mill-awditur intern tal-Kummissjoni, li jirfed ukoll ir-Rapport ta’ Sinteżi, imma jinnota li l-opinjoni pożittiva li ta l-Awditur Interna hi bbażata b’mod partikulari fuq l-assigurazzjoni mogħtija fir-rapporti ta’ attività annwali mid-diriġenza ta’ livell għoli tal-Kummissjoni;

72.

Itenni, konsegwentement, it-talba preċedenti tiegħu biex il-Kummissjoni tistabbilixxi rapporti ta’ attività annwali li jkunu affidabbli u oġġettivi;

Ir-responsabilità tal-Istati Membri

73.

Jinnota li ż-żewġ oqsma ta’ politika li tendenzjalment għandhom l-ogħla rati ta’ żball (l-iżvilupp rurali, l-ambjent, is-sajd u s-saħħa, kif ukoll il-politika reġjonali, l-enerġija u t-trasport) huma prinċipalment implimentati taħt il-ġestjoni kondiviża, u jiddispjaċih li l-istimi tar-rati ta’ żball l-aktar probabbli jammontaw għal 7,7 % u 6 % rispettivament;

74.

Jenfasizza li l-President tal-Qorti tal-Awdituri osserva li “l-awtoritajiet nazzjonali joperaw l-ewwel linja – u dik l-aktar importanti – ta’ difiża fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE” u li “jeħtieġ li jkun hemm grad akbar ta’ impenn min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali lejn il-ġestjoni u l-kontroll tal-flus tal-UE (22)”; jenfasizza f’dan il-kuntest il-koresponsabilità tal-Istati Membri rigward l-infiq aħjar; jikkunsidra, barra minn hekk, li l-involviment attiv tal-parlamenti nazzjonali permezz tal-kumitati rispettivi għas-sorveljanza tal-użu ta’ flus il-kontribwenti tal-Unjoni fl-Istati Membri (skont l-eżempju tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament), mhux biss fil-livell tal-monitoraġġ politiku u espert, iżda anke fil-proċess ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ġdida, ikun iwassal għal livell aktar baxx tar-rata ta’ żball, għal trasparenza aħjar u għal-leġittimità demokratika tal-proċess ta’ assorbiment tal-fondi tal-Unjoni;

75.

Jiddeplora l-fatt li fi 62 % tat-tranżazzjonijiet awditjati fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, u f’76 % tat-tranżazzjonijiet awditjati tal-FSE, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud minn dawn l-iżbalji qabel ma jitolbu rimborż mill-Kummissjoni, u li, fil-qasam tal-iżvilupp rurali, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-kontrolli fuq il-post mhux dejjem twettqu sew; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu b’urġenza l-kontrolli fl-ewwel livell sabiex jindirizzaw dan il-livell inaċċettabilment għoli ta’ ġestjoni ħażina;

76.

Jistieden lill-Kunsill u l-Coreper jaraw x’jagħmlu biex,fuq bażi regolari s-sistemi ta’ kontrolli nazzjonali, b’mod partikulari, u l-koresponsabilità tal-Istati Membri għall-infiq aħjar b’mod ġenerali jitqiegħdu bħala punti speċifiċi fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Ministri tal-Kunsill kompetenti u jiġu diskussi fil-preżenza tal-Kummissjoni;

77.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-TFUE, tagħti opinjoni dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-adwitjar fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża;

Il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, il-kriterji ta’ eliġibilità

78.

Jinnota li diversi żbalji jirriżultaw mill-applikazzjoni inkorretta tar-regoli nazzjonali (b’mod partikulari, fir-rigward tal-iżbalji li jikkonċernaw il-FSE fl-2011, il-ksur tar-regoli nazzjonali kkontribwixxa 86 % tar-rata ta’ żball), u li l-iżbalji fl-eliġibilità (speċjalment għall-benefiċjarji minn għotjiet) u l-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku (b’mod partikulari għall-fondi kondiviżi u għal dawk ġestiti indirettament) huma ż-żewġ sorsi ewlenin ta’ żbalji;

79.

Jilqa’, għal din ir-raġuni, il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dwar l-akkwist pubbliku adottata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2011 (COM(2011) 896), peress li hi intenzjonata biex tissimplifika r-regoli u tagħmilhom aktar flessibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-infiq pubbliku; jinnota madankollu li anke r-regoli nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu ssimplifikati bi qbil mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

80.

Jiddeplora l-fatt li l-iżbalji jistgħu jirriżultaw ukoll miż-żieda mar-regoli tal-Unjoni ta’ regoli nazzjonali li huma kumplessi bla bżonn u għaldaqstant diffiċli li jiġu implimentati u vverifikati mill-Istati Membri nnifishom, waqt li joħolqu piż addizzjonali u artifiċjali għall-benefiċjarji (“gold plating”);

81.

Jindika li t-tali regoli mhux biss iżidu r-rati ta’ żball bla bżonn, peress li l-ksur kollu jitqies bħala żball fil-ġestjoni baġitarja tal-Unjoni allavolja huma l-Istati Membri li huma responsabbli għal dawn ir-regoli kumplessi għalxejn, iżda jistgħu jwasslu wkoll biex il-Kummissjoni toħroġ talbiet ta’ rkupru;

82.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidentifikaw u jirrapportaw lill-Parlament, b’mod ikkoordinat mal-Kummissjoni u b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, dawk ir-regoli nazzjonali kumplessi bla bżonn sabiex jissimplifikawhom; jinnota li, f’dan ir-rigward, għandu jkompli jiġi esplorat il-potenzjal għat-tfassil ta’ dokumentazzjoni standard għall-offerti fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fejn ikun magħruf li seħħew vjolazzjonijiet tal-liġi baġitarja u l-liġi tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri (partikolarment fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi), tapplika monitoraġġ u kundizzjonijiet aktar riġidi, u f’każ ta’ dubju, tissospendi l-iffinanzjar mill-Fondi Strutturali immedjatament sakemm ikun hemm konformità mar-regoli u għaldaqstant jiġi ggarantit użu tal-fondi li jkun f’konformità mal-Unjoni;

84.

Jinkoraġġixxi lis-servizzi tal-Kummissjoni jniedu pjan ta’ azzjoni pilota, kif għamel id-DĠ Impjiegi fis-setturi politiċi b’riskju ta’ żball għoli, bl-intenzjoni li jidentifikaw dawk l-oqsma kruċjali fejn is-simplifikazzjoni tista’ tgħin biex tnaqqas ir-rata ta’ żball fil-livell tal-benefiċjarji;

85.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti addizzjonali biex tiffaċilita l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-benefiċjarji u ssaħħaħ l-mod kif jgħaddu direttament l-informazzjoni lura lill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod konformi mal-isforzi għas-simplifikazzjoni tar-regoli nazzjonali u għat-tnaqqis tar-rata ta’ żball;

86.

Jirrikjedi għal darb’oħra li l-Kummissjoni ssemmi lil dawk l-Istati Membri li huma responsabbli għall-iżbalji kwantifikabbli kumulattivi li ġew identifikati; Ma jifhimx il-limitazzjonijiet imposti fuq il-Qorti tal-Awdituri mill-metodu tagħha biex tislet kampjuni statistiċi, li effettivament jimpedixxi lill-Qorti tal-Awdituri milli ssemmi lil dawk l-Istati Membri bl-ogħla rata ta’ żball; Għal darb’oħra jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tqabbel ir-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati dawk l-Istati Membri jew ir-reġjuni l-aktar milqutin mil-livell u/jew l-okkorrenza ta’ żbalji;

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

87.

Jinnota d-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà iżda jiddispjaċih li dan il-mekkaniżmu ġie stabbilit barra l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, peress li din il-ħaġa tipprekludi kwalunkwe kontroll demokratiku, politiku u baġitarju mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u b’mod partikolari mill-Parlament; jenfasizza l-fatt li l-ħoqien barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta intopp fl-evoluzzjoni tal-Unjoni, essenzjalment għad-detriment tal-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iqis li hu essenzjali li l-MES jiġi diskuss tal-anqas darba fis-sena f’dibattitu plenarju fil-preżenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ rapport annwali mill-Bord tal-Awdituri tal-MES;

L-Istrateġija Kontra l-Frodi

88.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-istrateġiji ta’ kontra l-frodi stabbiliti f’kull Direttorat Ġenerali u tevalwahom wara l-adozzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (COM(2011) 376) u l-Pjan ta’ Azzjoni Intern (SEC(2011) 787) għall-implimentazzjoni tagħha f’Ġunju 2011;

L-industrija tat-tabakk

89.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif biħsiebha ttejjeb malajr kemm jista’ jkun id-dispożizzjonijiet tagħha biex iddaħħal ġestjoni proattiva ta’ kunflitti potenzjali ta’ interessi u “revolving doors”;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif implimentat l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u kif biħsiebha ttejjeb u tiċċara r-regoli eżistenti;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun b’ħarsa ġenerali dwar id-dokumenti kollha (pubbliċi u mhux pubbliċi) u l-persuni kollha involuti fin-negozjati tal-erba’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-industrija tat-tabakk;

92.

Jinnota li l-Unjoni hi sottofirmatarja tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO; iqis l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(3) bħala obbligu legalment vinkolanti għall-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif ġew implimentati fl-Unjoni u fl-istituzzjonijiet tagħha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3), speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni li ġejja: sa fejn l-implimentazzjoni ssegwi l-linji gwida stipulati mid-WHO għall-Artikolu 5(3); jistaqsi kif u għalfejn il-Kummissjoni ddevjat minn dawk il-linji gwida;

Ġestjoni baġitarja

Ir-rati ta’ implimentazzjoni, l-eċċessi fil-bilanċ baġitarju, l-impenji baġitarji pendenti

93.

Jilqa’ l-livell għoli ta’ implimentazzjoni baġitarja, speċifikament 99,3 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn (l-istess bħal fl-2010) u 98,6 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament (2010: 96,6 %) u t-tnaqqis fl-eċċessi fil-bilanċ baġitarju globali minn EUR 4,5 biljun fl-2010 għal EUR 1,5 biljun fl-2011;

94.

Jinsab imħasseb dwar l-aċċelerazzjoni fir-rata ta’ talbiet għal pagament mill-Istati Membri lejn tmiem is-sena fir-rigward tal-FSE, il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, peress li din timpedixxi lill-Kummissjoni milli titlob baġit emendatorju mill-awtorità baġitarja fiż-żmien dovut sabiex iżżid l-approprjazzjonijiet ta’ pagament bl-intenzjoni li tonora t-talbiet li tirċievi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jittrażmettu l-biċċa l-kbira tat-talbiet malajr kemm jista’ jkun;

95.

Iwissi kontra l-konċentrazzjoni ta’ proporzjon sinifikanti ta’ pagamenti fix-xahar ta’ Diċembru, li tista’ tolqot l-effettività tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll u żżid ir-riskju ta’ żball;

96.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sinifikanti fl-impenji baġitarji pendenti minn EUR 13-il biljun fl-2010 għal EUR 207 biljuni, il-biċċa l-kbira fil-politika ta’ koeżjoni, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013;

97.

Jinsisti li hemm bżonn li, fis-snin li ġejjin, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagament mill-bidu nett;

Introjtu

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali u l-VAT

98.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport annwali tagħha, sabet li l-kalkolu tal-introjtu ma kien jinkludi l-ebda żball materjali; jinsab imħasseb, madankollu, li f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri ma jistax ikopri l-importazzjonijiet mhux iddikjarati jew dawk li rnexxilhom jaħarbu mis-sorveljanza doganali, u li r-rapport annwali, għaldaqstant, ma jipprovdix stima tat-telf għall-baġit tal-Unjoni f’dak ir-rigward; jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Awdituri toħroġ rapport speċjali dwar l-importazzjonijiet mhux iddikjarati abbażi ta’ stħarriġ f’tal-anqas 10 Stati Membri u taġġusta l-programm ta’ ħidma tagħha għall-2013 skont dan;

99.

Hu tal-opinjoni li l-eżerċizzju ta’ awditjar tar-rendiment imwettaq mill-Qorti tal-Awditruifil-qasam tal-introjtu hu ta’ valur partikulari, u jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri tikkonċentra aktar mir-riżorsi tagħha f’dan il-qasam; jiddispjaċih li r-rapport annwali, li madwaru hi ffukata ħafna mill-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri, madankollu jipprovdi ftit informazzjoni dwar is-sitwazzjoni reali f’dak li jirrigwarda l-ġbir effiċjenti tal-introjtu; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tqiegħed aktar enfasi fir-rapport annwali tagħha fuq l-awditjar tal-introjtu, sabiex tippreżenta xbiha komprensiva tal-effettività tas-sistema għall-ġbir tal-introjtu fl-Istati Membri, u tal-konsegwenzi meta ma tiffunzjonax kif jixraq;

100.

Ifakkar li l-Parlament jissorvelja s-sitwazzjoni fir-rigward tal-ġbir tar-riżorsi proprji fir-rapport ta’ inizjattiva proprja tiegħu dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jitfassal annwalment abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni;

101.

Jinsab profondament imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Qorti li hemm dgħufijiet kontinwati fis-superviżjoni doganali nazzjonali u li għalhekk ma jistax jiġi żgurat li r-riżorsi proprji tradizzjonali li ġew irreġistrati huma kompluti u korretti; iqis li hu inaċċettabbli li l-kontroll tal-proċeduri doganali fl-Istati Membri mhuwiex qed jiffunzjona kif suppost; ifakkar li l-operazzjoni korretta tal-proċeduri doganali għandha konsegwenzi diretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud; jinsab preokkupat profondament minn dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha, li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (23) waħedha kienet tirrappreżenta telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun (24) fl-2009 fir-rigward tas-seba’ Stati Membri li ġew awditjati, telf li jirrappreżenta 29 % tal-VAT teoretikament applikabbli fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru skont il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk is-seba’ Stati Membri;

102.

Jisħaq fuq il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha, li “l-evażjoni tal-VAT taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; jinnota li dan għandu impatt fuq il-baġit tal-Unjoni minħabba li twassal għal riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT; jinnota li dan it-telf huwa kkumpensat mir-riżorsi proprji bbażata fuq l-ING, li tgħawweġ il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni u l-frodi tat-taxxa ddgħajjef il-funzjonament tas-suq intern u tevita l-kompetizzjoni leali” (25);.

103.

Jenfasizza li dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha ġie kkorroborat mill-konklużjoni tal-missjoni għat-tisjib tal-fatti tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju tal-Parlament fil-portijiet ta’ Rotterdam u Antwerp, li seħħet nhar id-19 u l-20 ta’ Settembru 2012, jinnota li l-Unjoni hi blokk ta’ kummerċ ewlieni u li l-portijiet Ewropej il-kbar jiġbdu ħafna vapuri; jinnota li bħala riżultat tal-pressjonijiet loġistiċi, dawk il-portijiet jiddependu fuq il-proċeduri previsti fir-regolament doganali u li l-operaturi ekonomiċi awtorizzati jiksbu iktar importanza; jinnota, madankollu, li Rotterdam, pereżempju, l-akbar port Ewropew, ikkonċeda livell għoli ta’ proċeduri doganali ssimplifikati lill-importaturi meta mqabbel mal-portijiet ewlenin l-oħra fl-Unjoni; jisħaq fuq il-fatt li s-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali għandha tinkludi riskju xieraq u effettiv ibbażat fuq approċċ politiku li jwassal għal sistemi ta’ kontroll effettivi li jevitaw id-distorzjoni tal-kompetizzjoni u li l-proċeduri simplifikati għandhom jiġu mmoniterjati regolarment b’mod effettiv mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri; jinnota li kontrolli mnaqqsa jistgħu jfissru vantaġġi ekonomiċi kbar għal port; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe kontroll imnaqqas bla ġustifikazzjoni jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri tagħha;

104.

Jieħu nota tal-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni bħala segwitu għar-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih, madankollu, li, skont l-Ewwel Rapport ta’ Attività ta’ Eurofisc għall-2011 li ħareġ f’Mejju 2012, ir-riżultati u l-osservazzjonijiet prinċipali ta’ dak ir-Rapport Speċjali għadhom pendenti; jitlob informazzjoni qabel Settembru 2013 dwar il-progress li jkun sar;

105.

Jinsab imħasseb serjament, b’mod partikulari, mill-konklużjoni relatata mal-Qasam ta’ Ħidma 3 li, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet fiskali m’għandhom l-ebda aċċess għad-data doganali u li, għaldaqstant, mhux possibbli li jsiru kontrolli trasversali awtomatizzati mad-data fiskali;

106.

Jiddispjaċih li r-Rakkomandazzjoni Nru 6 tar-Rapport Speċjali Nru 13/2011, li titlob li d-Direttiva dwar il-VAT tiġi emendata sabiex jiġu identifikati b’mod separat il-provvisti intra-Komunitarji wara li jkunu saru importazzjonijiet taħt il-proċedura kkonċernata fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tal-VAT tan-negozjanti, għadha ma ġietx implimentata u jinnota li dan jippermetti rikonċiljazzjoni effettiva bejn id-data doganali u dik fiskali fl-Istat Membru tal-importazzjoni jitlob informazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn dan ma sarx;

107.

Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill għadu ma ħax azzjoni rigward ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex id-Direttiva dwar il-VAT tiġi emendata sabiex l-importatur responsabbli (jew ir-rappreżentant tiegħu tat-taxxa) jinżammu responsabbli in solidum għat-telf tal-VAT fl-Istat Membru tad-destinazzjoni fil-każi fejn ma tkunx ngħatat dikjarazzjoni rikapitulattiva tal-VAT kompleta u f’waqtha min-naħa tiegħu;

108.

Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex issewwi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-qagħda ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tagħha;

109.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma setgħux jiżguraw implimentazzjoni f’waqtha tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC), li suppost kellu jsir applikabbli sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Ġunju 2013; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe dewmien ulterjuri se jimpedixxi protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri, u konsegwentement ta’ dawk tal-Unjoni nnifisha; jenfasizza l-fatt li, skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni hi dovuta, fil-biċċa l-kbira tagħha, għall-fatt li l-Istati Membri ma jistgħux jaqblu dwar il-metodoloġija l-aktar xierqa għall-iżvilupp ta’ għodda informatika u li qed jaffaċċjaw limitazzjonijiet fir-riżorsi umani u finanzjarji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jaqgħu lura f’din ir-riforma importanti ħafna fis-sitwazzjoni fejn il-ġbir tar-riżorsi proprji hu anqas milli għandu jkun biex ikun sodisfaċenti;

110.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ kemm jiswa l-posponiment tal-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, filwaqt li tikkwantifika l-konsegwenzi baġitarji ta’ posponiment ta’ dan it-tip;

111.

Jindika studju li ġie kkummissjonat mill-Parlament dwar “L-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat” (26), li minnu jirriżulta li, jekk ma jmur xejn ħażin, id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (li se jissejjaħ il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jekk tiġi adottata l-proposta mfassla mill-ġdid tal-Kummissjoni) jista’ jseħħ f’Diċembru 2017; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-unjoni doganali u li, għaldaqstant, għandha tiżgura l-konformità mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, konsegwentement, tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Kodiċi Doganali Modernizzat jiġi implimentat mill-iktar fis possibbli, u tevita fi kwalunkwe każ l-agħar prospettiva possibbli indikata fl-istudju bħala Marzu 2033;

112.

Jiddeplora l-fatt li żewġ inizjattivi importanti bil-għan li jiġġieldu l-frodi tal-VAT, b’mod partikolari l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT (COM(2012) 428) u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront ta’ fornimenti ta’ ċerti oġġetti u servizzi li jistgħu ikunu suġġetti għal frodi (COM(2009) 511), huma bblukkati fil-Kunsill;

113.

Jilqa’ l-fatt li l-EUROFISC, struttura operattiva komuni li tippermetti li l-Istati Membri jirreaġixxu malajr għal frodi transkonfinali fil-qasam tal-VAT, saret operattiva kompletament; jinnota li, fi Frar 2011, inħoloq qasam ta’ ħidma speċifiku għall-iskambju ta’ informazzjoni mmirata dwar tranżazzjonijiet frodulenti bl-użu tal-proċedura doganali 42;

114.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinament tagħha mal-Istati Membri sabiex tiġbor data affidabbli dwar id-distakk fil-qasam tad-dwana u tal-VAT fil-pajjiżi rispettivi u tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament f’dan ir-rigward;

L-introjtu fuq il-bażi tal-ING – il-volum tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-impatt tiegħu fuq il-baġit tal-Unjoni u l-ekonomiji tal-Istati Membri

115.

Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (COM(2012) 722); ifaħħar, b’mod partikolari,l-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida u jinsisti li dan kieku jippermetti li l-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti għall-frodi fil-qasam tal-VAT; jisħaq fuq il-fatt li hu stmat li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa potenzjalment jammontaw għal EUR 1 triljun fis-sena għall-Istati Membri waqt li, apparagun, il-baġit tal-Unjoni għall-2011 f’termini ta’ approprjazzjonijiet għal impenn ammonta biss għal EUR 142,5 biljun;

Agrikoltura

116.

Jiddeplora ż-żieda tar-rata ta’ żball għal 4,0 % fil-qasam ta’ politika “Agrikoltura u żvilupp rurali” li jkopri l-infiq tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u tal-gruppi ta’ politiki li jirrigwardaw l-ambjent, is-sajd u s-saħħa;

117.

Ifakkar li d-deterjorament tal-qagħda attwali fl-agrikoltura u, b’mod partikulari, fl-iżvilupp rurali, hu l-kawża ewlenija taż-żieda tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli għall-pagamenti kollha fis-sena finanzjarja 2011;

118.

Jinnota li allavolja 0,2 % ta’ din ir-rata ta’ żball ġie ġġenerat minn bidla fil-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri rigward il-ksur tal-kundizzjonalità, bejn l-2010 u l-2011, ir-rata ta’ żball għall-qasam ta’ politika agrikolu kollu kemm hu żdiedet f’termini reali b’1,5 %: minn 2,3 % fl-2010 għal 3,8 % fl-2011 (27);

119.

Jieħu nota tal-approċċ tal-Qorti tal-Awdituri li, għall-ewwel darba, kien jinkludi l-ksur tal-kundizzjonalità fil-kalkolu tar-rata ta’ żball peress li “[l-obbligi] tal-kundizzjonalità huma rekwiżiti legali sostantivi li jridu jiġu ssodisfati mir-riċevituri kollha tal-għajnuna diretta u huma l-kundizzjonijiet bażiċi u, f’ħafna każijiet, l-uniċi kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati sabiex jiġi ġġustifikat il-pagament tal-ammont sħiħ ta’ pagamenti diretti” (28); jitlob lill-Qorti tal-Awdituri f’dan il-kuntest tkompli tispjega u tiġġustifika l-bidliet ta’ metodoloġija tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jaqblu dwar metodoloġija konsistenti bil-għan li ċ-ċifri annwali dwar l-implimentazzjoni baġitarja jsiru ikun kumparabbli;

120.

Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti tal-Awdituri llimitat l-eżerċizzju ta’ awditjar tagħha għal ċerti Rekwiżiti Statutarji tal-Ġestjoni u għar-rekwiżiti ta’ Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba u li “r-rata ta’ żball trid tintuża b’attenzjoni kbira u m’għandhiex tiġi ttrattata bħala valutazzjoni globali tar-rispett tal-obbligi ta’ kundizzjonalità mill-bdiewa” (29);

121.

Jinnota li huma l-Istati Membri li huma responsabbli għad-definizzjoni ta’ “kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba” u għal liema żona kkultivata se tiġi applikata; jikkritika b’qawwa l-fatt li l-benefiċjarji li ħafna drabi ma jkunux bdiewa se jirċievu pagamenti diretti; iqis li din hi allokazzjoni inkorretta ta’ fondi li jistgħu jiġu ffrankati;

122.

Jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri rkupraw EUR 172,7 miljun mill-benefiċjarji matul is-sena finanzjarja 2011, u li l-ammont pendenti globali li għad irid jiġi rkuprat mill-benefiċjarji fi tmiem is-sena kien ta’ EUR 1 206,9 miljun, li minnhom EUR 458 miljun intalbu mill-Istati Membri għall-infiq taħt il-FEAG bi qbil mar-regola 50/50; jirrikonoxxi li madwar EUR 25,7 miljun se jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni għal dawk il-każijiet li ġie rrapportat li ma jistgħux jiġu rkuprati matul is-sena finanzjarja 2011; jindika li d-DĠ AGRI kklerja l-każijiet pendenti kollha li ma ġewx irkuprati minn żmien l-2006 jew l-2002 permezz tad-Deċiżjoni 2011/272/UE (30) tad-29 ta’ April 2011, u li, b’segwitu għall-applikazzjoni tar-regola 50/50, EUR 27,8 miljun intalbu mill-Istati Membri waqt li EUR 29,2 miljun iġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni minħabba li ma setgħux jiġu rkuprati;

123.

Jilqa’ l-fatt li, għall-ewwel darba, il-Qorti qed tipprovdi żewġ valutazzjonijiet speċifiċi: dwar l-appoġġ għas-suq u l-appoġġ dirett, minn naħa, u dwar l-iżvilupp rurali, min-naħa l-oħra, u jqis li din tipprovdi fehim aħjar ta’ kull qasam ta’ politika; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, madankollu, tippreżenta r-rata ta’ żball għall-iżvilupp rurali b’mod separat mill-ambjent, is-sajd u s-saħħa u mhux b’mod aggregat;

124.

Jilqa’ r-reġistru li jipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-pagamenti mill-Politika Agrikola Komuni fl-Istati Membri; jikkunsidra li din l-għodda hi pass importanti biex ikun hemm aktar trasparenza fis-settur agrikolu; ifakkar, madankollu, li bi qbil mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-9 ta’ Novembru 2010 li tinvalida l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-persuni fiżiċi (31), ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 259/2008 (32) ġie mmodifikat biex l-obbligu għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-pagamenti mill-PAK jiġi limitat għall-persuni ġuridiċi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal regoli ġodda rigward it-trasparenza, adottata fil-25 ta’ Settembru 2012, li permezz tagħhom isir obbligatorju li l-Istati Membri jiżvelaw id-data tal-benefiċjarji kollha, inklużi l-persuni fiżiċi, ħlief dawk il-benefiċjarji li l-għajnuna annwali tagħhom ma taqbiżx ċertu limitu minimu de minimis, li fiha jitqiesu l-oġġezzjonijiet li saru fis-sentenza tal-Qorti, b’mod partikulari fir-rigward ta’ kwistjonijijiet relatati mal-protezzjoni tad-data;

125.

Jieħu nota tal-prattika attwali fil-ġestjoni tal-fondi Sapard, speċifikament li l-fondi jiġu biss rkuprati kompletament fuq bażi eċċezzjonali jekk l-imġiba frodulenti għal parti mill-proġett tkun ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet li mingħajrhom il-benefiċjarji ma jkun lanqas kiseb appoġġ għall-proġett; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prattika attwali, rakkomandata mill-Kummissjoni lill-aġenzija Sapard, li proġett li parti minnu tkun affetwata minn imġiba frodulenti jista’ jitqies li jkun eliġibbli għall-finanzjament jekk il-proġett ma jitqisx li jkun ta’ natura artifiċjali, i.e. il-perċentwal tal-ispejjeż tal-elementi kollha affetwati ma jaqbiżx il-50 % tal-ispejjeż totali tal-proġett kollu kemm hu; jinsab imħasseb b’mod speċjali dwar il-fatt li din il-prattika ma turi l-ebda deterrenza minn imġiba frodulenti;

Appoġġ għas-suq u appoġġ dirett

126.

Jiddispjaċih li l-pagamenti mill-FAEG ma kinux ħielsa minn żbalji materjali fl-2011, peress li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi ta’ 2,9 %, u li s-sistemi ta’ kontroll awditjati mill-Qorti tal-Awdituri fl-Awstrija, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja nstabu li huma biss parzjalment effettiv fl-iżgurar tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti;

127.

Jinnota li l-iżball fil-preċiżjoni l-aktar frekwenti għandu x’jaqsam ma’ dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erja, li l-biċċa l-kbira tagħhom individwalment jammontaw għal anqas minn 5 %, u jiddeplora l-fatt li r-rati ikbar ta’ żbalji ta’ daqs akbar għandhom x’jaqsmu mal-każi fejn l-eliġibilità tal-imriegħi permanenti ġiet valutata u reġistrata inkorrettament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’;

128.

Jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li għandha tiġi żgurata l-valutazzjoni korretta tal-eliġibilità tal-imriegħi permanenti (33);

129.

Jinnota b’diżappunt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effettività tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) tintlaqat negattivament minn data impreċiża fid-diversi bażijiet tad-data u anke minn trattament amministrattiv inkorrett mill-aġenziji tal-pagamenti f’ċerti Stati Membri; ifakkar lill-Kummissjoni li l-introduzzjoni tas-SIAK wasslet għal tnaqqis fl-iżbalji u jitlob lill-Kummissjoni tirranġa s-sitwazzjoni mingħajr ebda dewmien bl-użu ta’ sospensjonijiet u interruzzjonijiet tal-finanzjament fejn ikun meħtieġ;

130.

Jinsab imħasseb li l-Kummissjoni, fir-rapport annwali tal-attività tagħha, żammet ir-riżervi tagħha rigward is-sistemi SIAK fil-Bulgarija u l-Portugall minħabba nuqqasijiet serji; jenfasizza l-fatt li, minħabba l-importanza tas-SIAK għall-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq agrikolu, nuqqasijiet serji fl-istruttura u l-attività tagħha jesponu lill-Kummissjoni għal riskju reputazzjonali anke jekk l-impatt finanzjarju ma jaqbiżx il-livell minimu ta’ materjalità;

131.

Jiddispjaċih li xi nuqqasijiet sistematiċi fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li diġà ġew osservati u rrapportati fis-snin preċedenti għadhom ma ġewx irranġati: klassifikazzjoni inkorretta tal-użu tal-art, dikjarazzjoni eċċessiva tal-art eliġibbli fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’ jew applikazzjoni inkorretta tal-kunċett ta’ żball ovvju;

132.

Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqasijiet fil-kejl fuq il-post; jinsisti li l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikunu tal-kwalità meħtieġa biex jidentifikaw iż-żona eliġibbli b’mod affidabbli (34);

133.

Jiddispjaċih li l-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni awditjati mill-Qorti skont il-proċedura volontarja l-ġdida għat-tisħiħ tal-assigurazzjoni mhix suffiċjenti;

134.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex l-aġenziji tal-pagamenti jirranġaw id-dgħufijiet misjuba fis-sistema ta’ amministrazzjoni; jinsisti li d-disinn u l-kwalità tax-xogħol li għandu jitwettaq mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni jridu jittejbu sabiex tingħata valutazzjoni affidabbli tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet fl-aġenziji tal-pagamenti; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga jekk inhux possibbli tikkoopera ma’ individwi privati għall-verifikazzjoni tal-istandards tal-kundizzjonalità u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv;

Żvilupp rurali

135.

Jiddispjaċih li l-pagamenti fis-settur politiku “żvilupp rurali, ambjent, sajd u saħħa” ma kinux ħielsa minn żbalji materjali fl-2011, peress li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi ta’ 7,7 %, u li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll eżaminati kienu parzjalment effettivi;

136.

Jinnota li l-parti ewlenija tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli tirrigwarda l-eliġibilità ta’ miżuri mhux relatati mal-erja bħall-modernizzazzjoni ta’ azjendi agrikoli u t-twaqqif ta’ servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali, parzjalment minħabba r-regoli u l-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità li ta’ spiss ikunu kumplessi;

137.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li nstabu ħafna żbalji meta l-benefiċjarji kienu korpi pubbliċi, bħall-muniċipalitajiet jew l-aġenzija tal-pagamenti nnifisha (35) u li dawk l-iżbalji kellhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet bħad-dikjarazzjoni ta’ VAT ineliġibbli jew nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli eżistenti jiġu infurzati aħjar;

138.

Itenni d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li l-Kummissjoni ssegwi metodoloġiji differenti għall-kwantifikazzjoni tal-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fiż-żewġ oqsma ta’ politika tal-agrikoltura u l-koeżjoni, li t-tnejn li huma, barra minn hekk, mhumiex konformi mal-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jarmonizzaw b’urġenza t-trattament tal-iżbalji fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku f’dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika (36);

139.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri identifikat problemi sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali (37); jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità ta’ kontrolli matul is-sena, mingħajr ma jimponu piżijiet amministrattivi żejda fuq il-benefiċjarji;

140.

Jiddispjaċih li l-Qorti identifikat dgħufijiet fis-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Istati Membri fir-rigward tal-iżvilupp rurali u li t-tliet elementi li ġew awditjati kienu milqutin minn nuqqasijiet: i.e. is-sistemi amministrattivi u ta’ kontroll għall-iżgurar tal-pagament korrett, is-sistemi ta’ kontroll ibbażati fuq kontrolli fiżiċi fuq il-post u s-sistemi għall-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-kontroll tal-kundizzjonalità;

141.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżultati li identifikat il-Qorti tal-Awdituri meta tistabbilixxi l-istrateġija ta’ awditjar tal-approvazzjoni tal-kontijiet tad-DĠ AGRI;

142.

Jinsab partikolarment preokkupat dwar id-dikjarazzjoni maniġerjali tad-DĠ AGRI peress li r-rapport ta’ Attività Annwali ma jipprovdix spjegazzjoni għalfejn ir-rata ta’ żball residwu għall-iżvilupp rurali “żdiedet b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sena preċedenti” (38);

143.

Jinnota li skont il-Qorti tal-Awdituri r-rata ta’ żball residwu tad-DĠ AGRI hi ħafna iżgħar minn dik li sabet il-Qorti tal-Awdituri peress li hi “bbażata fuq ċifri rrapportati mill-Istati Membri għall-2010, u kif ġie identifikat fl-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti, l-Istati Membri la jsibu u lanqas jirrapportaw l-infiq ineliġibbli kollu minħabba dgħufijiet fil-kontrolli tagħha tal-aġenziji tal-pagamenti” (39);

144.

Jinsab partikolarment imħasseb mill-fatt li d-DĠ AGRI jikkunsidra li “ġeneralment, l-Istati Membri qed itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom għall-infiq rurali” (40) waqt li l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri wera li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja ma kinux effettiv jew kienu biss parzjalment effettiv (41); hu tal-opinjoni li varjazzjoni tant kbira bejn il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri tagħmilha diffiċli biex l-awtorità ta’ kwittanza tilħaq konklużjonijiet oġġettivi; jinsisti fuq l-iskambju tad-data bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni biex tkun iffaċilitata l-analiżi retrospettiva għall-perjodi tal-imgħoddi sabiex tkun tista’ tiġi żgurata database affidabbli għat-tqabbil fil-ġejjieni; jinsab konvint dwar l-utilità tal-laqgħat tripartitiċi bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti mill-Istati Membri kkonċernati biex tinstab analiżi komuni;

145.

Jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tnaqqas ir-rata ta’ żball fil-qasam tal-iżvilupp rurali, u jilqa’ l-fatt li d-DĠ AGRI waqqaf grupp ta’ ħidma għall-valutazzjoni tal-kawżi li huma l-għeruq tal-iżbalji fil-qasam tal-iżvilupp rurali u għall-iżvilupp ta’ azzjonijiet korrettivi għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u dawk fil-ġejjieni;

146.

Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex tnaqqas ir-rata ta’ żball, mhux biss billi tingħata gwida u assistenza lill-Istati Membri permezz ta’ eżempji tal-aħjar prattika, iżda anke permezz taż-żieda fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programmi u tal-użu ta’ sanzjonijiet bħal interruzzjonijiet jew sospensjonijiet tal-pagamenti b’mod partikulari fl-iżvilupp rurali b’mod aktar effettiv fejn ikunu meħtieġa;

147.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-kontroll tal-kwalità tal-kriterji ta’ akkreditament għall-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni;

148.

Jappoġġja kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li r-regoli u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp rurali għandhom ikomplu jiġu ssimplifikati u li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli eżistenti jiġu infurzati aħjar;

L-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari

149.

Jinsab imħasseb f’dan il-kuntest dwar il-preżentazzjoni tal-oqsma ta’ politika ambjentali u tas-saħħa flimkien mal-iżvilupp rurali u s-sajd fir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, minħabba li ġie dikjarat li l-pagamenti sa tmiem is-sena kienu milquta minn żbalji materjali; jagħti attenzjoni partikolari dwar il-fatt li din il-konklużjoni tikkonċerna biss il-qasam tal-iżvilupp rurali; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tesplora l-possibilità ta’ preżentazzjoni differenti fil-ġejjieni, li tikkunsidra r-rendiment tajjeb tal-oqsma ta’ politika taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament;

150.

Iqis li r-rati ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-intestaturi baġitarji għall-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel bħala sodisfaċenti; jenfasizza l-fatt li l-2011 hija l-ewwel sena baġitarja taħt il-proċedura baġitarja sħiħa stipulata fit-TFUE; jerġa’ jfakkar għal darb’oħra li huwa biss 0,76 % tal-baġit tal-Unjoni dedikat għal dawk l-istrumenti ta’ politika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, filwaqt li jfakkar il-valur miżjud ċar tal-Unjoni f’dawn l-oqsma u l-appoġġ miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-politiki tal-ambjent u l-klima tal-Unjoni;

151.

Jenfasizza l-fatt li r-rata ġenerali ta’ eżekuzzjoni tammonta għal 99,92 % fil-qasam tal-ambjent u l-azzjoni klimatika; jieħu nota, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni ta’ pagamenti kienet fil-livell ta’ 88,05 %; jieħu nota li għall-ewwel sena l-implimentazzjoni tal-linji baġitarji għall-ambjent u l-azzjoni klimatika saret mid-Direttorat Ġenerali ENV u d-Direttorat Ġenerali l-ġdid CLIMA sar awtoresponsabbli fil-livell baġitarju fl-2011;

152.

Jinsab sodisfatt bil-kisba ta’ 99,82 % tal-implimentazzjoni tal-baġit operazzjonali ta’ LIFE + li juri l-ħtieġa u l-aċċettazzjoni ta’ strument uniku li jippromwovi unikament il-protezzjoni ambjentali; jieħu nota li fl-2011 EUR 267 179 828 ġew allokati għal proġetti fl-Istati Membri, EUR 8 997 284 appoġġjaw attivitajiet operazzjonali tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, EUR 46 817 919 intużaw għal miżuri maħsuba biex jappoġġjaw ir-rwol tal-Kummissjoni li tibda u tissorvelja l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni u EUR 17 589 277 intużaw għal appoġġ aministrattiv; għandu l-intenzjoni li jissorvelja ulterjorment l-allokazzjoni tal-fondi tal-LIFE + fost it-tliet fergħat tal-użu effettiv tiegħu;

153.

Jinsab konxju li r-rata ta’ pagament tal-azzjonijiet ta’ LIFE + taħt ir-responsabbiltà tad-DĠ CLIMA fl-ewwel sena tiegħu laħqet biss il-58,23 %; jieħu nota li dan il-konsum baxx hu dovut għall-fatt li t-tħejjija tal-baġit 2011 kienet wisq ottimista u li l-ammonti mitluba kienu wisq għoljin; jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti finali intalbu biss matul l-2012; jenfasizza l-fatt li approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati ġew trasferiti għal linji baġitarji oħra fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ trasferiment globali li jseħħ kull sena f’Novembru; huwa konxju li fl-2011 dawk l-approprjazzjonijiet ta’ pagament intużaw għan-nuqqas li kien hemm fil-linji baġitarji ta’ Koeżjoni;

154.

Iqis il-progress fl-implimentazzjoni ta’ ħames Proġetti Pilota (PPs) u ta’ żewġ Azzjonijiet Preparatorji (APs), li flimkien jammontaw għal EUR 11 765 508, bħala sodisfaċenti; huwa konxju li l-eżekuzzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet tista’ tkun ta’ piż għall-Kummissjoni minħabba l-ammonti żgħar disponibbli fir-rigward tal-proċeduri meħtieġa għall-eżekuzzjoni (eżempju pjan ta’ azzjoni, sejħa għall-proposti); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-futur tiffoka fuq PPs u APs b’valur miżjud reali għall-Unjoni;

155.

Jieħu nota tal-livell ta’ implimentazzjoni ta’ 95,1 % għall-Kapitolu baġitarju 17 04 - Is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti; huwa konxju li l-implimentazzjoni sħiħa ma kinitx meħtieġa minħabba spejjeż inqas milli previsti mill-Istati Membri għall-vaċċin kontra l-bluetongue, minħabba li xi Stati Membri qalbu għal programmi volontarji ffinanzjati mill-bdiewa u minħabba tnaqqis fil-każijiet ta’ enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE); josserva ż-żieda fl-eżekuzzjoni tal-pagamenti għal 98,1 % meta mqabbla ma’ 90,5 % fl-2010; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tikseb l-aħjar u l-aktar data preċiża għall-previżjonijiet f’dan il-qasam ta’ politika;

Sajd

156.

Jieħu nota tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011; jieħu nota tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2011; jemmen li l-oqsma tal-affarijiet marittimi u tas-sajd mhumiex imsemmija b’mod prominenti f’dawk id-dokumenti;

157.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-implimentazzjoni tat-Titolu 11 tal-baġit kienet, b’mod ġenerali, sodisfaċenti, b’rata ta’ implimentazzjoni ta’ 97 % għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u 95 % għal approprjazzjonijiet ta’ pagament; jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri ma għamlet l-ebda osservazzjoni prinċipali dwar ir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE;

158.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri sabiex tippreżenta r-rata ta’ żball għas-sajd separatament mill-ambjent, l-iżvilupp rurali u s-saħħa u mhux fuq bażi aggregata;

159.

Ifakkar li fl-2010 kien hemm monitoraġġ insuffiċjenti ta’ qabdiet skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd li rriżultaw f’pagamenti addizzjonali li jkopru qabdiet li jkunu akbar mill-kwota nnegozjata; jilqa’, għalhekk, l-azzjoni li ħa DĠ MARE biex itejjeb il-monitoraġġ ta’ qabdiet skont il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd, li hu ttamat li se tevita rikorrenza ta’ din il-kwistjoni enfasizzata mill-Qorti tal-Awdituri; jinnota li l-ammont ta’ qabdiet eċċessivi fl-2010 kienu mnaqqsa mill-kwota għall-2011;

160.

Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri għal darb’oħra tinkludi awditu tad-dimensjoni esterna tal-politika komuni dwar is-sajd fil-programm ta’ ħidma tagħha;

161.

Jinnota r-riservi fir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE fir-rigward tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), b’segwitu għar-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri 12/2011, dwar investimenti abbord iffinanzjati skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 (42) li żiedu l-abbiltà tal-bastimenti li jaqbdu l-ħut; jifhem li DĠ MARE kien qed jaħdem mal-Istati Membri biex jindirizza l-problemi identifikati billi jirrevedi l-proġetti ffinanzjati skont din id-dispożizzjoni tal-FES bl-għan li jelimina nfiq ineliġibbli;

162.

Għandu dubji dwar il-metodi ta’ valutazzjoni teknika li wasslu sabiex ċerta nefqa taħt l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 ġiet iddikjarata ineliġibbli minħabba li żżid il-kapaċità, meta n-nefqa kkonċernata kienet fil-fatt imfassla sabiex timmodernizza l-attività tas-sajd; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi definizzjoni ġdida ta’ kapaċità, b’mod partikolari sabiex ma jkunx hemm interpretazzjoni ġdida bħal din fil-futur;

163.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba li l-għajnuna pubblika intużat biex iżżid l-abbiltà tal-bastimenti biex jaqbdu l-ħut u b’hekk żiedet il-kapaċità eċċessiva fis-settur tas-sajd Ewropew;

164.

Jinnota li t-tieni riserva fir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ DĠ MARE, li tirrigwarda l-ġestjoni u l-kontroll tal-implimentazzjoni tal-FES fir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Rumanija, l-Islovakkja, l-Ispanja u l-Isvezja;

165.

Iqis li fil-futur ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għandu jkollu analiżi proprja għaċ-ċifri relatati ma’ DĠ MARE sabiex tiżdied it-trasparenza, u li l-għadd ta’ testijiet għandu jiżdied sabiex tiġi żgurata eżattezza ġenerali ogħla mill-kampjun;

166.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex jindirizzaw il-problemi identifikati u b’hekk ikun possibbli li jitneħħew ir-riservi eżistenti;

Politika reġjonali, enerġija u trasport

Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività

167.

Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tistma li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’dan il-qasam ta’ nfiq hi ta’ 6 %, li hija għolja b’mod inaċċettabbli; jinnota fl-istess ħin li din ir-rata ta’ żball għadha anqas minn dawk li ġew irrapportati mill-Qorti tal-Awdituri għall-perjodu 2006–2008 minħabba dispożizzjonijiet ta’ kontroll imsaħħa u politika stretta ta’ interruzzjonijiet u sospensjonijiet meta nstabu nuqqasijiet, bi qbil mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2008;

168.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 62 % tat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud mill-iżbalji qabel ma ċċertifikaw in-nefqa għall-Kummissjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom sabiex isibu u jikkorreġu l-iżbalji fil-livell nazzjonali; jikkunsidra li dan hu kmand impost mill-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba (“infiq aħjar”); jenfasizza li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll nazzjonali li għandhom nuqqasijiet irid ikollhom korrezzjonijiet netti bħala konsegwenza;

169.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri vvalutat il-ħidma ta’ seba’ awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali u reġjonali, kull waħda minnhom minn Stat Membru differenti, u kkonkludiet li l-awtoritajiet ta’ awditjar fil-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja u l-Portugall kienu effittivi, li l-awtoritajiet ta’ awditjar fl-Italja–Sqallija u r-Rumanija kienu parzjalment effettivi, u li l-awtorità ta’ awditjar fir-Repubblika Ċeka kienet ineffettiva;

170.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 li jmiss, kif spjegat fil-proposta tal-Kummissjoni (COM(2011) 615/2), b’mod partikulari permezz ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali, u li jiġu adottati mudelli għall-istrateġija ta’ awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport ta’ kontroll annwali, kif ukoll il-metodoloġija għat-teħid ta’ kampjuni;

171.

Jiddispjaċih li skont ir-Rapport Annwali tal-Attivitajiet 2011 tad-DĠ REGIO, il-pajjiżi bl-ogħla riskju ta’ pagamenti inkorretti għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013 huma r-Repubblika Ċeka (11,4 %), ir-Rumanija (11,2 %) u l-Italja (8,6 %);

172.

Jieħu nota tal-fatt li, fl-2011, id-DĠ REGIO sab nuqqasijiet serji f’ħames Stati Membri: Franza, l-Awstrija, l-Italja, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka; jinnota li, waqt li d-diffikultajiet fi Franza u fl-Awstrija ġew identifikati mill-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali nfushom, in-nuqqasijiet fl-Italja, ir-Rumanija u r-Repubblika Ċeka kienu primarjament marbutin mal-istruttura tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

173.

Jilqa’ l-inizjattiva li ħa l-kumitat responsabbli tiegħu li jistieden il-Ministri responsabbli mill-Istati Membri bl-iktar sistema ta’ kontroll dgħajfa jiġu l-Parlament bl-intenzjoni li jispjegawlu x’miżuri ħa l-pajjiż rispettiv biex jirranġa s-sitwazzjoni; jesprimi f’dan il-kuntest l-apprezzament tiegħu għall-kontribut li ta l-Viċi Ministru Ċek għall-Finanzi fid-diskussjonijiet mal-kumitat responsabbli; jikkunsidra li l-preżenza tiegħu fil-kumitat hi pass inizjali biex l-Istati Membri jassumu rwol aktar responsabbli fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni; jilqa’ f’dan il-kuntest l-ewwel kuntatti mal-awtoritajiet Rumeni u l-Parlament Taljan;

174.

Jieħu nota tal-għadd ta’ riżervi (121 programm) li għamlu d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u l-ammonti fil-periklu li, skont il-Kummissarju, jirrappreżentaw EUR 1 600 miljun; jilqa’, fl-istess ħin, il-fatt li ż-żieda hi prinċipalment dovuta għal approċċ aktar strett segwit mill-Kummissjoni, inklużi regola ġenerali li riskju residwu akkumulat ta’ 2 % jwassal għal riżerva għall-programm ikkonċernat;

175.

Jinnota l-għadd għoli tar-riżervi tal-Kummissjoni rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FEŻR/il-FK għal programmi operattivi identifikati għall-perjodu 2007–2013 fl-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit, minħabba kwistjonijiet sinfikanti rigward il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

176.

Jinnota r-riżervi tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2000–2006 rigward is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-FK fl-Ungerija u Spanja, u rigward il-FEŻR konnessi ma’ kwistjonijiet pendenti fl-istadju tal-għeluq fi Spanja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-programmi transkonfinali, u kollha dovuti għal raġunijiet reputazzjonali;

177.

Jinnota bi tħassib li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jirċievu l-fondi mhumiex rappreżentati biżżejjed meta mqabbel mal-kumpaniji l-kbar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli dwar l-eliġibilità, l-obbligi ta’ kontabilità u l-implimentazzjoni prattika tagħhom ma jeskludux projbittivament il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

178.

Hu tal-opinjoni li implimentazzjoni rapida ta’ liġijiet funzjonali dwar il-Libertà ta’ Informazzjoni madwar l-Unjoni hi imperattiva, bl-istess mod kif inhu l-iżvelar sistematiku, proattiv u ċentralizzat tad-data u d-dokumenti, speċjalment fir-rigward tal-politika reġjonali;

Sorsi ta’ żbalji

179.

Jenfasizza l-fatt li hemm tendenza partikulari li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u r-regoli dwar l-eliġibilità jiġu żbaljati;

180.

Jirrikonoxxi l-importanza li l-awtoritajiet maniġerjali jkollhom il-persunal xieraq; jistieden lill-Istati Membri jagħtu kas dan ir-rekwiżit, sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 53b(2) tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002 li jieħdu kull miżura meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni meta jkunu qed jimplimentaw il-baġit;

181.

Jindika l-fatt li l-kwantifikazzjoni ta’ żbalji tista’ twassal għal diverġenza ta’ trattamenti; jinnota li filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tħares lejn il-konformità, perspettiva li tqis biss jekk dak li jkun ikunx mexa mar-regoli jew le, il-Kummissjoni tikkunsidra l-impatt finanzjarju ta’ żball u l-korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jvarjaw konsegwentement;

182.

Jenfasizza l-fatt li spiss l-oriġini tal-iżbalji tkun ġabra ta’ regoli kumplessa; jikkondividi, għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni li tistinka favur is-simplifikazzjoni; iwissi kontra r-riskju li jista’ jirrriżulta minn regolamenti nazzjonali addizzjonali li jżidu l-piż amministrattiv (i.e. “gold plating”, regoli dwar l-eliġibilità kkumplikati);

Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji

183.

Jilqa’ l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni tal-Kummissjoni li jindirizzaw b’mod xieraq l-iżbalji u n-nuqqasijiet li jinstabu fuq perjodu pluriennali u fil-mument tal-għeluq; jinnota li l-pagamenti ta’ terz mill-programmi tal-FEŻR ġew ibblukkati matul l-2012 u, b’segwitu għal 121 riżerva li ħabbar fl-2011, id-DĠ REGIO interrompa l-iskadenzi għall-pagamenti għal 63 programm, ħareġ 115-il ittra ta’ twissija u fetaħ proċeduri ta’ sospensjoni għal 60 minn dawn il-programmi;

184.

Ifakkar li l-korrezzjonijiet finanzjarji m’għandhomx iservu sempliċiment ta’ multa u li l-applikazzjoni tagħhom għandu jkollha impatt pożittiv fuq it-titjib fit-tul tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif ukoll fuq ir-rikorrenza ta’ żbalji;

185.

Jinsab imħasseb dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li m’hemm l-ebda assigurazzjoni li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja jikkumpensaw għall-programmi operattivi kollha b’mod xieraq u li l-kwistjonijiet materjali kollha ġew solvuti; barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri ma sabet l-ebda evidenza li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja jittraduċu ruħhom f’titjib dejjiemi għas-sistemi li kieku jipprevjeni r-rikorrenza tal-iżbalji skoperti; jirreferi f’dan ir-rigward speċifikament għar-Rapport Speċjali Nru 3/2012 (43) (il-punti 83 u 84); jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-korrezzjonijiet finanzjarji li saru u tal-impatt tagħhom fuq is-sistemi fir-rigward tal-prevenzjoni tar-rikorrenza tal-istess żbalji (speċifikament ta’ natura sistemika) fil-ġejjieni; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha sa tmiem l-2013; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-konklużjonijiet relevanti kollha matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 u tressaq proposti biex jiġu emendati r-regolamenti, skont kif ikun xieraq;

186.

Josserva b’sodisfazzjon l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ u, fl-istess ħin, tissimplifika d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll għall-politika ta’ koeżjoni; huwa tal-opinjoni li l-miżuri proposti għall-perjodu ta’ programazzjoni 2014–2020, bħal kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi, dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni annwali, ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali, opinjonijiet ta’ awditjar jew regoli aktar stretti għas-sostituzzjoni ta’ nfiq mhux eliġibbli għandhom ikomplu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji; jappoġġja l-orjentazzjoni li qed tiżdied lejn ir-riżultati u l-konċentrazzjoni tematika tal-politika ta’ koeżjoni li għandha tassigura valur miżjud għoli tal-operazzjonijiet kofinanzjati;

187.

Jitlob biex il-pagamenti mill-Fondi Strutturali jkunu soġġetti għal aktar monitoraġġ tal-kundizzjonalità sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha jikkonformaw mar-regoli dwar l-użu xieraq tal-Fondi Strutturali;

Rakkomandazzjonijiet

188.

Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jfasslu rapporti ta’ kontroll b’awditjar li jkunu komprensivi, sinifikanti u paragunabbli, u li jkunu jinkludu kapitolu dwar il-kontributi li l-fondi tal-Unjoni għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak reġjonali, waqt li jitqies il-potenzjal individwali għall-iżvilupp u l-possibilità tiegħu li jittrasforma ruħu f’ċentru ta’ tkabbir ekonomiku;

189.

F’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fatt li, skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-programmi operattivi għandhom jitfasslu aktar u aktar b’tali mod li l-objettivi sekondarji tagħhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu u jistgħu jinkisbu, relevanti u f’waqthom, u konsegwentement il-programmi għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment; jinnota li t-twaqqif ta’ sistema ta’ indikaturi tar-riżultati u tal-impatti jkun jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-progress miksub taħt il-programmi differenti fil-kuntest tal-effettività u l-effiċjenza tagħhom u mhux biss f’termini tal-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom;

190.

Ifakkar lill-Istati Membri li, minħabba l-iskadenzi stretti għall-eżekuzzjoni tal-proġetti, hi meħtieġa sistema li twassal il-proġetti maturi, speċjalment fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali ewlenin, sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista’ tibda minn kmieni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 li jmiss;

191.

Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ sanzjonijiet attwali (interruzzjoni, sospensjoni, korrezzjonijiet finanzjarji) billi tnaqqas il-possibilità li nfiq ineliġibbli jiġi sostitwit bi nfiq ieħor matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex b’hekk jinħoloq inċentiv addizzjonali għall-Istati Membri biex isibu u jikkorreġu l-iżbalji minn stadju bikri;

192.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, sistema trasparenti li, minn naħa, tippermetti li jitqiesu l-korrezzjonijiet finanzjarji annwali, imma anke, min-naħa l-oħra, il-korrezzjonijiet finanzjarji mill-bidu sal-aħħar ta’ perjodu ta’ programmazzjoni;

193.

Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex il-kontrolli tal-ewwel livell u l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jsiru aktar effettiv permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni eqreb bejn il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-awtoritajiet nazzjonali (“laqgħat tripartitiċi”); iqis, barra minn hekk, li l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jistgħu jqiegħdu enfasi żejda fuq is-segwitu tar-riżultati miksub u l-effettività tal-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni, minflok ma japplikaw biss approċċ kwantitattiv, ikunu xi jkunu l-għanijiet tal-proġett finali;

194.

Jistieden lill-Kummissjoni tibda l-preparazzjoni ta’ manwal tal-“aħjar prattiki” mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, li jinkorpora riżultati prattiċi, l-effet miksub u l-lezzjonijiet meħuda għall-ottimizzazzjoni tal-proċess ta’ assorbiment u biex jitnaqqas il-livell ta’ rati ta’ żball; jinnota li, f’dan ir-rigward, il-benefiċjarji potenzjali futuri għall-perjodu ta’ programmar li jmiss 2014-2020, inkluża l-Kroazja, kif ukoll pajjiżi kanditati potenzjali, jibbenefikaw;

Trasport u turiżmu

195.

Jinnota l-fatt li, waqt li kienet qed tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, bħal fis-snin preċedenti, il-Qorti tal-Awdituri għażlet li tiffoka prinċipalment fuq il-politiki ta’ koeżjoni u tal-enerġija aktar milli fuq il-politika tat-trasport; jenfasizza li din il-politika hija maħsuba sabiex jiġi żviluppat is-suq intern, jiġu stimulati l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni u jiġu integrati n-netwerks tat-trasport;

196.

Jinnota li t-tnaqqis ta’ EUR 51 miljun f’approrijazzjonijiet magħmul fl-2011 fil-kooperazzjoni fit-Trasport għall-Impriża Konġunta Clean Sky, seħħ minħabba r-rieżanu tal-approċċ għall-politika industrijali u t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-pagament ta’ EUR 60 miljun għal proġetti ta’ interess komuni fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport magħmul minħabba raġunijiet ta’ żmien u biex jitħalla l-użu sħiħ tar-riport mill-2010; jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-likwidità għall-Impriża Konġunta Sesar kien konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

197.

Jiddispjaċih għar-rata baxxa ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għal pagament għas-sikurezza tat-trasport fl-2010 u ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal dan l-infiq anqas biex tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-livell ta’ approprjazzjonijiet u l-użu tagħhom mill-Kummissjoni;

198.

Jinnota li l-karatteristiċi ta’ proġetti relatati mat-trasport spiss iwasslu għal konċentrazzjoni ta’ proporzjon sinifikanti ta’ pagamenti f’perjodu limitat, speċjalment lejn tmiem is-sena u jinsab imħasseb mill-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq l-eżerċiżżju ta’ kontabilità;

Impjiegi u affarijiet soċjali

Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività

199.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’dan il-qasam ta’ nfiq kienet ta’ 2,2 %; u li l-eżerċizzju ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri jindika dgħufijiet b’mod partikulari fil-“kontrolli tal-ewwel livell” tal-infiq, li huma r-responsabilità tal-awtoritajiet maniġerjali u tal-korpi intermedji fl-Istati Membri;

200.

Jinnota li, fl-2011, id-Direttur Ġenerali ħareġ riżervi fir-rapport tal-attività annwali tiegħu fir-rigward tal-programmi operattivi fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, l-Islovakkja u r-Renju Unit;

201.

Jinnota b’sodisfazzjon li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hi qrib il-limitu minimu ta’ materjalità, u dan juri li applikazzjoni konsistenti tal-interruzzjonijiet, is-sospensjonijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji kellha effett pożittiv fuq ir-rata ta’ żball globali;

202.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li għal 76 % tat-tranżazzjonijiet fil-qasam tal-politika reġjonali milqutin minn żball, kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jsibu u jikkorreġu tal-anqas uħud mill-iżbalji qabel ma ċċertifikaw in-nefqa għall-Kummissjoni;

203.

Jenfasizza li hu l-kompitu tal-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali li jiżviluppaw l-“awtokontroll intern” neċessarja tar-regoli u l-miżuri sabiex isibu u jikkorreġu l-iżbalji li jitwettqu fl-“ewwel livell”;

204.

Jieħu nota tal-għadd ta’ riżervi (24 programm) li saru mid-DĠ “Impjiegi” (EMPL) tal-Kummissjoni fl-2011, li jikkorrispondu għal EUR 57,7 miljun; jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti għal 21 programm ġew temporanjament interrotti, u dawn huma stmati li jiswew EUR 911 miljun; jilqa’ l-approċċ strett li segwiet il-Kummissjoni, li jinkludi regola ġenerali li riskju residwu akkumulat ta’ 2 % jwassal għal riżerva għall-programm ikkonċernat;

205.

Jilqa’ l-fatt li għall-ewwel darba fl-2011, il-qasam tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ġie ppruvat u evalwat separatament mill-kapitolu dwar il-Politika ta’ Koeżjoni; jilqa’ t-tnaqqis fir-rata ta’ żbalji għal dan il-qasam ta’ politika, li issa hija ta’ 2,2 % meta mqabbla ma’ medja ta’ 3,9 % għall-oqsma politiċi kollha; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż ineliġibbli ġew rimborżati;

206.

Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi mmonitorjata u mkejla l-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fil-konfront tal-miri politiċi – l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 – sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jsir progress; jitlob li l-informazzjoni u d-data b’rabta mal-prestazzjoni jkunu disponibbli fuq bażi annwali; huwa tal-fehma li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, hija meħtieġa b’mod kruċjali data dwar il-prestazzjoni bi kriterji multipli b’rabta mal-interventi tal-FSE;

207.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja t-tisħiħ tal-linji baġitarji tal-FSE permezz ta’ trasferimenti bejn il-linji baġitarji u permezz tal-Baġit Emendatorju, EUR 2,7 biljun f’pagamenti pendenti lill-benefiċjarji ma setgħux jitħallsu minħabba approprjazzjonijiet ta’ pagament insuffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi u lill-Kunsill sabiex jaqbel dwar approprjazzjonijiet ta’ pagament preċiżi fil-proċedura baġitarja annwali sabiex tiġi evitata l-inċertezza u piż proċedurali bla bżonn fuq l-awtorità baġitarja u sabiex il-benefiċjarji jiġu pprovduti b’pagamenti f’waqthom;

208.

Jilqa’ l-fatt li għall-FSE żdied l-ammont ta’ EUR 3,25 miljun fil-linja dwar l-Assistenza Teknika Operattiva sabiex ikun jista’ jiġi mobilizzat għarfien espert speċifiku u tiġi appoġġjata direttament l-implimentazzjoni ta’ Programm Operattiv tal-FSE għall-Greċja;

209.

Jenfasizza li l-effettività u l-kwalità tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-FSE jridu jiġu mtejba;

210.

Jinnota li s-sehem tan-nefqa fuq il-linja tax-xogħol fi ħdan il-programm Progress hija ftit aktar baxxa mis-sehem li għandha fil-programm; b’segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni (44) iqis li għandha tiżdied in-nefqa fuq il-konsulenza politika, ir-riċerka u l-analiżi u d-dibattitu politiku dwar ix-xogħol;

211.

Itenni l-appell tiegħu sabiex tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, progressjoni flokha tat-total ta’ approprjazzjonijiet għal pagamenti fil-konfront tal-approprjazzjonijiet għal impenji, biex b’hekk tiġi evitata kull evoluzzjoni mhux normali ta’ impenji pendenti (RAL) (65 % tal-volum totali ta’ Fondi ta’ Koeżjoni fi tmiem l-2011).

Sorsi ta’ żbalji

212.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li, fi 13 % tal-180 tranżazzjoni li ġew awditjati fil-FSE, ġew rimborżati spejjeż ineliġibbli, u li żbalji ta’ dan it-tip jirrappreżentaw 77 % tal-iżbalji kwantifikabbli kollha u jirrappreżentaw madwar 73 % tar-rata ta’ żball stmata għal dan il-grupp ta’ politiki;

213.

Jinsab preokkupat ħafna li 86 % mir-rata ta’ żball li ġiet ikkalkulata mill-Qorti tal-Awdituri fil-livell tal-Unjoni għall-FSE tirriżulta mill-applikazzjoni inkorretta tar-regoli nazzjonali, li tvarja minn żbalji klerikali, regoli kumplessi eċċessivament bla bżonn (“gold plating”) sa kontrolli tal-ewwel livell insuffiċjenti;

Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji

214.

Hu tal-opinjoni li l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni tal-Kummissjoni jindirizzaw b’mod xieraq l-iżbalji u n-nuqqasijiet li jinstabu fuq perjodu pluriennali u fil-mument tal-għeluq; jinnota li sa Novembru 2012, il-Kummissjoni, apparti l-miżuri li ħadet fl-2011, adottat żewġ deċiżjonijiet għal sospensjoni u 34 interruzzjoni; dawn tal-aħħar jirrappreżentaw valur ta’ EUR 153 miljun; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni imponiet EUR 153 miljun ta’ korrezzjonijiet finanzjarji sa Novembru 2012;

Progress rigward l-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000–2006

215.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw tliet dokumenti għall-għeluq: dikjarazzjoni ċċertifikata tan-nefqa finali, inkluża applikazzjoni għal pagament finali, rapport finali dwar l-implimentazzjoni u dikjarazzjoni dwar it-tmiem tal-assistenza; għall-perjodu ta’ programmazzjoni huma kkonċernati 239 programm operattiv;

216.

Jieħu nota tal-fatt li, sa tmiem Ottubru 2012, ingħalqu 149 programm (62 %); jinnota li għadhom miftuħin approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 1 889 miljun;

Il-prevenzjoni tal-frodi

217.

Jilqa’ l-iżvilupp mid-DĠ EMPL u REGIO ta’ għodda intelliġenti tal-IT għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ frodi bħalma hi l-Għodda ta’ Evalwazzjoni tar-Riskju ARACHNE; jirrimarka li twettaq eżerċizzju pilota fil-Belġju, il-Portugal u l-Ungerija li wassal għall-iżvilupp ulterjuri tal-għodda inizjali ta’ evalwazzjoni tar-riskju b’moduli li huma kapaċi jtejbu il-kwalità tad-data permezz ta’ informazzjoni esterna pubblikament disponibbli; jifhem li l-għodda ARACHNE se tkun lesta fir-Rebbiegħa 2013 filwaqt li sal-aħħar tal-2013, l-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jużaw l-għodda fuq bażi volontarja;

Rakkomandazzjonijiet

218.

Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri jfasslu rapporti ta’ kontroll b’awditjar li jkunu komprensivi, sinifikanti u paragunabbli, u li jkunu jinkludu kapitolu dwar il-kontribut għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 li taw il-fondi tal-Unjoni fl-Istat Membru rispettiv;

219.

Jiġbed l-attenzjoni, f’dan il-kuntest, tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fatt li, skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-programmi operattivi għandhom jitfasslu aktar u aktar b’tali mod li l-objettivi sekondarji tagħhom ikunu speċifiċi, jistgħu jitkejlu u jistgħu jinkisbu, relevanti u f’waqthom, u konsegwentement il-programmi għandhom ikunu jistgħu jiġu soġġetti għal eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment;

220.

Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ sanzjonijiet attwali (interruzzjoni, sospensjoni, korrezzjonijiet finanzjarji) billi tnaqqas il-possibilità li nfiq ineliġibbli jiġi sostitwit bi nfiq ieħor matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss biex b’hekk jinħoloq inċentiv addizzjonali għall-Istati Membri biex isibu u jikkorreġu l-iżbalji minn stadju bikri;

221.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jistabbilixxu sistema trasparenti li, minn naħa, tippermetti li jitqiesu l-korrezzjonijiet finanzjarji annwali, imma anke, min-naħa l-oħra, il-korrezzjonijiet finanzjarji mill-bidu sal-aħħar ta’ perjodu ta’ programmazzjoni;

222.

Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex il-kontrolli tal-ewwel livell u l-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali jsiru aktar effettiv permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni eqreb bejn il-Kummissjoni, il-Qorti u l-awtoritajiet nazzjonali (“laqgħat tripartitiċi”); jilqa’ l-laqgħat tripartitiċi bħala parti importanti fil-proċess kontradittorju mmirat lejn kooperazzjoni msaħħa fost il-partijiet li twassal biex l-iżbalji jinstabu u jiġu korretti b’mod aktar effettiv, b’mod partikulari fir-rigward tal-FSE;

223.

Jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata attenzjoni partikulari:

għat-titjib tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u l-verifika tagħhom fil-livell nazzjonali/reġjonali;

għall-appoġġ tal-awtoritajiet maniġerjali u ta’ kontroll fl-identifikazzjoni tas-sorsi ewlenin ta’ żbalji fil-programmi operattivi l-aktar kritiċi;

għal użu dejjem akbar tal-“Għażliet tal-Ispejjeż Simplifikati” li jipprevedu rimborżi abbażi ta’ tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, spejjeż indiretti skont rata fissa predefinita li tkun perċentwal tal-ispejjeż diretti ta’ proġett, kif ukoll pagamenti ta’ somom f’daqqa;

Il-Bulgarija u r-Rumanija

224.

Jinnota bi tħassib ir-rapport interim tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika, speċjalment fid-dawl tal-kapaċità tar-Rumanija li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jinsab imħasseb dwar il-valutazzjoni tar-rapport li nkiseb progress limitat biss fil-prevenzjoni u s-sanzjoni tal-korruzzjoni relatati mal-akkwist pubbliku; jisħaq l-importanza tas-suġġeriment tar-rapport li l-Gvern iwettaq il-ħatra ta’ tmexxija ġdida għall-prosekuzzjoni u l-Aġenzija Nazzjonali Kontra l-korruzzjoni (DNA); jistieden lill-Kummissjoni tinsisti b’kostanza u b’determinazzjoni, fir-rigward tal-Gvern Rumen, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu osservati u ċċarati; jistenna, finalment, sensiela ta’ miżuri mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Gvern Rumen, bl-għan li tittejjeb l-integrità tas-sistema legali Rumena;

225.

Jinnota bi tħassib ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar mill-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika fid-dawl tal-isforzi ulterjuri meħtieġa sabiex jintwerew riżultati tanġibbli fis-setturi mmoniterjati; jitlob li jiġi implimentat b’mod effettiv il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali stabbilit; jinnota bi tħassib id-dikjarazzjoni tar-Rapport li l-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (KĠS) ma użax kif xieraq is-setgħat il-ġodda mogħtija lilu, bl-għan li jamministra u jmexxi b’mod effettiv il-ġudikatura permezz ta’ proċess ta’ riforma komprensiv; jilqa’ l-isforzi mill-Gvern Bulgaru biex iġedded il-KĠS permezz ta’ mandat li jista’ jimplimenta r-riforma fundamentali permezz tar-regoli l-ġdida li ġejja: smigħ pubbliku tal-kandidati għall-KĠS, kriterji ċari għall-kwalifiki professjonali u edukattivi tagħhom u viżjoni għall-effiċjenza, r-responsabilizzazzjoni u l-integrità tal-ġudikatura; jirrikonoxxi l-fatt li l-istrutturi speċjalizzati l-ġodda li huma fis-seħħ juru impenn għall-adozzjoni tal-istrutturi attwali biex il-kriminalità organizzata tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv; jinnota, madankollu li r-Rapport jissuġerixxi li dawn l-istrumenti l-ġodda għadhom ma tawx ir-riżultati mistennija fir-rigward ta’ kawżi importanti; jinnota bi tħassib kbir li l-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni u abbuż allegati tal-kariga minn maġistrati kellhom rispons partikolarment dgħajjef mill-ġudikatura; jibża, barra minn hekk li implimentazzjoni dgħajfa tal-leġiżlazzjoni ta’ Akkwist Pubbliku tista’ tirriżulta f’sors importanti ta’ korruzzjoni, vjolazzjonijiet serji tar-regoli ta’ akkwist tal-Unjooni, kif ukoll f’forniment dgħajjef ta’ beni pubbliċi b’valur miżjud Ewropew u ħela tal-flus pubbliċi tal-Unjoni; jilqa’ l-liġi emendata dwar l-akkwist pubbliku li tistabbilixxi l-kontroll ex ante fuq il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti biex ikun garantit l-infiq xieraq tar-riżorsi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti b’kostanza u b’determinazzjoni, fir-rigward tal-Gvern Bulgaru, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu osservati; jistenna, finalment, sensiela ta’ miżuri mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-ġudikatura Bulgari, għat-titjib tal-integrità tas-sistema legali Bulgara;

Kontroll tal-Fondi Strutturali fir-Repubblika Ċeka

226.

Jieħu nota tal-pjan ta’ azzjoni li ġie implimentat mill-Gvern Ċek fl-2012; jinnota bi tħassib iċ-ċentralizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ awditjar taħt l-awtorità ewlenija ta’ awditjar fil-Ministeru għall-Finanzi Ċek peress li l-Qorti tal-Awdituri rrapportat li din l-awtorità ta’ awditjar kienet ineffettiva; jistieden lill-Kummissjoni tirraporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-aġġustamenti li jikkonċernaw il-persunal tal-awtorità ta’ awditjar, fuq il-bażi tal-Gvern Ċek, kif ġie mitlub fil-Pjan ta’ Azzjoni;

227.

Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ma applikat l-ebda korrezzjoni minħabba l-ineffettività tas-sistema ta’ awditjar fir-Repubblika Ċeka; jinnota, madnakollu, li l-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet għal xi wħud mill-programmi operattivi, prinċipalment minħabba nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll (żbalji fl-akkwist pubbliku u fl-għażla tal-operazzjonijiet); jinnota li l-korrezzjonijiet applikati jistgħu jiġu allokati għal proġetti oħra; jinsab imħasseb dwar l-informazzjoni rrappurtata inizjalment mill-Qorti tal-Awdituri li ssuġġeriet li l-Ministeru għall-Finanzi Ċek uża r-rwol tiegħu ta’ awtorità tal-awditjar u ta’ awtorità ta’ ċertifikazzjoni biex jinfluwenza r-rata ta’ żball finali; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament fid-dettall dwar il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni telabora b’kooperazzjoni mal-Gvern Ċek u tagħti segwitu lill-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni eżistenti li jindirizza l-qalba tan-nuqqasijiet fis-sistema ta’ awditjar;

Kwistjonijiet relatati mal-ġeneri

228.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 8 tat-TFUE, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni; itenni t-tajba tiegħu għall-implimentazzjoni tal-ibbaġitjar għall-ġeneri mill-atturi kkonċernati kollha fil-proċedura baġitarja tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Awdituri tevalwa l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-perspettiva tal-ġeneri, meta dan ikun applikabbli;

229.

Jiddispjaċih li r-rapport annwali ma fih ebda osservazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri jew ebda risposta mill-Kummissjoni dwar l-infiq marbut mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

230.

Jinnota l-bosta osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll ir-risposti tal-Kummissjoni dwar il-kapitlu dwar ix-xogħol u l-affarijiet soċjali, li huwa l-qasam politiku li primarjament ikopri l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri jagħti dettalji speċifiċi jekk xi waħda mill-osservazzjonijiet tikkonċerna l-infiq marbut mal-ugwaljanza bejn is-sessi;

231.

Itenni t-tajba tiegħu għal aktar sforzi għall-iżvilupp ta’ data speċifika għall-ġeneri, li tippermetti monitoraġġ xieraq ta’ kif l-allokazzjonijiet baġitarji jolqtu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tan-nisa u l-irġiel, li jistgħu jkunu inklużi fir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit; jisħaq li qafas finanzjarju pluriennali ġdid jagħti opportunità għall-iżvilupp ta’ tali data u l-introduzzjoni tagħha, u jimplementa l-baġitarjar favur is-sessi bħala għodda għall-governanza tajba.

Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir

232.

Jisħaq li r-riżorsi tal-Unjoni għandhom jiġu ġestiti b’konformità mal-prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba; jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-pagamenti għas-sena finanzjarja 2011 huma ħielsa minn żbalji materjali taħt l-intestatura 4 tal-baġit, iżda li l-pagamenti interim u finali huma milquta minn żbalji materjali; jinnota wkoll li mhux l-iżbalji kollha huma kwantifikabbli;

233.

Jindika n-natura speċifika tal-finanzjament tal-għajnuna esterna tal-Unjoni li, għalkemm għandu jkun soġġett għall-istess regoli u rekwiżiti ta’ kontroll bħall-bqija tal-baġit tal-Unjoni, huwa implimentat parzjalment minn persuni u entitajiet esterni għall-Unjoni, kultant f’kundizzjonijiet diffiċli, filwaqt li jeħtieġlu jibqa’ reattiv u flessibbli għall-kriżijiet u l-ħtiġijiet;

234.

Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-kapitolu dwar “Relazzjonijiet esterni, għajnuna u tkabbir”, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw id-Direttorat Ġenerali tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) u t-titjib li meħtieġ jagħmel fil-ġestjoni tal-baġit għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni;

235.

Jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-ġestjoni ta’ fondi allokati għall-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali; jitlob lill-Kummissjoni biex għal kull sena finanzjarja tibgħat rapport lill-awtorità baġitarja li jkun jinkludi l-ispejjeż li ntefqu għal kull missjoni, filwaqt li jipprovdi dettalji dwar il-partiti baġitarji kollha, li l-ispejjeż tagħhom ikunu relatati ma’ fornituri esterni ta’ servizzi;

236.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jerġa’ jintuża l-materjal għall-osservazzjoni elettorali (għamara, kompjuters, eċċ.) f’missjonijiet elettorali oħra jew minn delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex dawn jintużaw kemm jista’ jkun;

237.

Jilqa’ l-iżvilupp ta’ qafas imtejjeb għall-ġestjoni tar-riskji tal-appoġġ baġitarju mill-Kummissjoni (li għandu japplika bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2013) bħala parti mil-linji gwida ta’ appoġġ baġitarju ġodda bi tweġiba għal rakkomandazzjoni ewlenija mill-Qorti tal-Awdituri;

238.

Jinnota, madankollu, li fir-rigward tal-appoġġ baġitarju, ir-riżervi u t-twissijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jikkonċernaw ir-riskji inerenti ta’ irregolarità, frodi u korruzzjoni; itenni l-fehma soda ħafna tiegħu li l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa’ mezz importanti għall-għajnuna esterna, għandu jkun soġġett għal prekundizzjonijiet stretti politiċi, ġuridiċi u relatati mal-awditjar;

239.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tar-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-effettività tal-għajnuna tal-Unjoni li tgħaddi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jiġbed l-attenzjoni għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-rapport li jitnaqqas l-impatt negattiv tal-proċeduri onerużi fuq l-effettività tal-programmi implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jilqa’ l-fatt li nħolqu għażliet ġodda biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-fondi;

240.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tqis il-viżibbiltà tal-proġetti tal-Unjoni bħala element ewlieni fl-implimentazzjoni tajba tal-proġetti u li t-tħejjija ta’ pjan ta’ komunikazzjoni għal kull proġett saret obbligatorja.

241.

Jinnota b’sodisfazzjon li r-rata ta’ żball stmata tal-Qorti tal-Awdituri għall-għajnuna esterna mill-baġit tal-Unjoni kienet taħt il-livell ta’ materjalità għal sentejn konsekuttivi; jinsab imħasseb, madankollu, li l-pagamenti interim u finali kienu affettwati minn żball materjali u li l-frekwenza globali ta’ żbalji fil-pagamenti nnutata mill-Qorti kienet ogħla mis-sentejn preċedenti (33 % fl-2011, telgħet minn 23 % fl-2010 u 22 % fl-2009);

242.

Jinsab imħasseb li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-EuropeAid u tad-DĠ ECHO reġgħu nstabu li huma biss parzjalment effettivi; jindika b’mod partikolari l-ħtieġa li jitjiebu dawk is-sistemi fid-delegazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex twarrab riżorsi suffiċjenti biex il-persunal tad-delegazzjonijiet iwettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ u superviżjoni f’waqthom u b’mod sodisfaċenti; jilqa’ l-introduzzjoni tal-verżjoni l-ġdida tar-Rapport ta’ kull sitt xhur dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna f’Lulju 2011, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet tar-responsabbiltà bejn id-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali tal-EuropeAid;

243.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-frekwenza għolja ta’ żbalji ta’ kodifikazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni tal-ġestjoni tal-għajnuna esterna (CRIS), li tista’ tikkomprometti l-affidabbiltà tad-data li tintuża għat-tħejjija tal-kontijiet annwali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvesti fit-titjib tal-kwalità tad-data u fl-iżvilupp tal-funzjonalitajiet tas-CRIS, b’mod partikolari billi tistabbilixxi konnessjoni bejn ir-riżultati tal-awditjar u l-irkuprar tal-fondi (45);

244.

Jistenna bil-ħerqa li jara l-ewwel riżultati tal-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tar-rata ta’ żball residwu, li kellha tiġi applikata għall-ewwel darba fid-direttorati kollha għar-relazzjonijiet esterni fis-sena finanzjarja 2012;

245.

Jikkondividi t-tħassib serju tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-inadegwatezza tar-riżorsi tal-persunal għall-ġestjoni tal-għajnuna, b’mod partikolari fl-Unità tal-Verifika Interna u d-delegazzjonijiet ta’ EuropeAid, u l-effetti ta’ ħsara li jista’ jkollha r-rata għolja ta’ bidla fil-persunal kuntrattwali fil-kwartieri ġenerali u r-riorganizzazzjoni li saret mill-Kummissjoni f’nofs l-2011 fil-qasam tal-ġestjoni tal-għajnuna; jappella lill-Kunsill, bħala l-fergħa l-oħra tal-awtorità baġitarja, biex jassumi r-responsabbiltà tiegħu sabiex jiżgura li l-għajnuna tkun tista’ tkompli tiġi ġestita skont l-ogħla standards fi snin futuri;

246.

Jinnota li fl-2011, l-ewwel sena sħiħa ta’ operazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet ġie sseparat f’termini tal-allokazzjoni u l-finanzjament tiegħu; jinsab imħasseb li fl-2011 mill-inqas 43 sena tal-persuni allokati għall-EuropeAid intużaw mis-SEAE, ħafna aktar mil-limiti ta’ flessibbiltà miftiehma stabbiliti fl-Arranġamenti tax-Xogħol li ġew negozjati bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jirrispettaw bis-sħiħ l-Arranġamenti tax-Xogħol, u jimpenjaw ruħhom b’mod partikolari biex il-persunal tal-EuropeAid jiffoka fuq l-iżgurar tal-ġestjoni adegwata tal-għajnuna, sabiex jiġi evitat li l-ġestjoni finanzjarja soda tal-għajnuna tal-Unjoni titqiegħed f’riskju;

247.

Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ previst tal-livelli tal-persunal tal-EuropeAid fir-reġjun tal-Viċinat m’għandux isir permezz ta’ tnaqqis u trasferiment lejn il-Viċinat tal-persunal li jiġġestixxi l-għajnuna tal-Unjoni lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u Pajjiżi oħra b’Introjtu Baxx f’reġjuni oħra; hu tal-opinjoni li jekk jitfaċċaw ħtiġijiet addizzjonali, dawn għandhom jiġu ssodisfati b’persunal addizzjonali;

248.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffokaw aktar fuq ir-riżultati u l-kejl tal-impatt fit-tfassil ta’ programmi ta’ nefqa ġodda taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għall-perjodu 2014-2020, fost l-oħrajn bl-użu ta’ indikaturi definiti minn qabel, speċifiċi għall-pajjiż, ċari, trasparenti u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi ta’ kull strument; jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi objettivi ta’ politika biex turi aħjar kif tiżgura l-valur miżjud tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; itenni t-talba tiegħu biex il-partijiet interessati kollha relevanti, inklużi s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab, jiġu assoċjati fil-fażi ta’ evalwazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni;

249.

Jinsab imħasseb dwar id-differenza fil-metodoloġiji li ġew applikati mill-Qorti tal-Awdituri għall-kalkolu tar-rata ta’ żball għat-tranżazzjonijiet għar-relazzjonijiet esterni, l-għajnuna u t-tkabbir fil-baġit ġenerali minn naħa, u għal-livell ta’ żbalji għall-pagamenti mill-FEŻ min-naħa l-oħra; jinnota li il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tallinja l-metodoloġija tagħha mill-2012 ‘il quddiem sabiex tipprovdi lill-Parlament bi stampa uniformi tal-attivitajiet fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

250.

Jitlob, wara l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), allokazzjoni ċara u koordinament tar-rwoli u r-responsabilitajiet tal-Kummissjoni u s-SEAE fir-rigward tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-baġit f’pajjiżi terzi;

251.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, qabel Lulju 2013, tirrapporta dwar in-numru ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-Unjoni, iżda li ma għandhom l-ebda qliegħ ieħor għajr il-finanzjament minn aġenziji governattivi;

252.

Jitlob sommarju dettaljat dwar l-allokazzjoni ta’ fondi fil-Libja; jitlob, barra minn hekk, kjarifika dwar jekk is-sottodelegazzjoni tal-Ambaxxatur tal-Unjoni fil-Libja ġietx revokata;

253.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża sistema ta’ “traffic light” fir-rapport ta’ progress għal viżjoni aktar sempliċi dwar dak li minn sena għall-oħra ġie mtejjeb u dak li mar għall-agħar;

Għanjuna għal Ħaiti

254.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-indikaturi tal-prestazzjoni għall-appoġġ tal-baġit lir-Repubblika ta’ Ħaiti ma ġewx magħmula pubbliċi; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika dawk l-indikaturi u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni korrispondenti li joħroġ il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ħaiti sabiex jikkwalifika għal għajnuna mill-baġit;

255.

Jinnota li kriterji ġodda għall-għajnuna mill-baġit huma stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni ‘L-appoġġ futur għall-appoġġ baġitarju tal-Unjoni għal pajjiżi terzi’; jistieden lill-Kummissjoni tapplika dawn il-kriterji mill-2013 ‘il quddiem b’mod trasparenti għall-għajnuna mill-baġit għall-Gvern ta’ Ħaiti;

256.

Jiddispjaċih ħafna li, minkejja dak li twiegħed, il-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx lista ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni fil-Ħaiti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika din il-lista mingħajr dewmien u biex malajr kemm jista’ jkun tipprovdi valutazzjoni tas-sostenibilità ta’ dawn il-proġetti f’perspettiva ta’ ħames snin;

257.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2013 twettaq il-valutazzjoni ġenerali tal-impatt diġà posposta tal-programm ta’ għajnuna tal-Unjoni għal Ħaiti, li hija l-ewwel waħda li qatt se ssir, u tippreżenta rapport dwar dan lill-awtorità tal-kwittanza;

258.

Jinsab imħasseb dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, li jinsabu fir-Rapporti Speċjali Nri 1/2012 u 13/2012 dwar l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għas-sigurtà alimentari fl-Afrika Sub-Saħarjana u dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għall-provvista tal-ilma tax-xorb u s-sanità bażika fil-pajjiżi Sub-Saħarjani, li jqajmu tħassib dwar is-sostenibilità tal-għajnuna tal-Unjoni; jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jinstabu f’dawk ir-rapporti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis dawk ir-rakkomandazzjonijiet sabiex timmassimizza l-benefiċċji min-nefqa għall-iżvilupp tal-Unjoni;

259.

Jilqa’ l-ħolqien, skont ir-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) Nru 966/2012 l-ġdid, ta’ Fondi Fiduċjarji tal-Unjoni, li se jżidu l-viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni u jippermettu kontroll aktar strett tul il-katina ta’ provvista tal-fondi tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-effettività ta’ dawk il-fondi;

Riċerka u politiki interni oħra

260.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-programmi qafas ta’ riċerka qed jiġu implimentati taħt ġestjoni diretta ċentralizzata u ġestjoni indiretta ċentralizzata li jinvolvu sitt direttorati ġenerali tal-Kummissjoni u żewġ aġenziji eżekuttivi; jinnota, barra minn hekk, li partijiet mill-baġit qed jiġu implimetati taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta minn impriżi konġunti u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

261.

Jiddispjaċih li l-għadd kbir ta’ servizzi tal-Kummissjoni involut f’dak il-qasam ta’ politika jtappan it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-linji ta’ responsabilità; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi t-tqassim tal-portafolli tal-Kummissarji sabiex tkun riflessa aħjar id-distribuzzjoni ta’ kompetenzi tal-kumitati tal-Parlament u bħal ma hi prattika komuni fl-Istati Membri;

262.

Jinsab imħasseb dwar id-dewmien biex jiżżarma l-Impjant għall-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja, minħabba kunflitti bejn l-awtoritajiet u l-kuntratturi; jilqa’ u jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni u l-komunità ta’ donaturi internazzjonali ddeċidew li jissospendu l-appoġġ finanzjarju għall-proġett, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, sakemm ikun issolva l-kunflitt;

263.

Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas attwali ta’ għarfien vijabbli dwar l-ammonti neċessarji biex jitlesta l-proċess ta’ diżattivazzjoni kollu kemm hu; jirrikonoxxi li għad hemm bżonn ta’ ammonti konsiderevoli f’dan il-proċess u jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu milli jwaqqfu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiżguraw dan il-finanzjament addizzjonali; itenni u jenfasizza li r-responsabilità finali għall-għeluq sikur tal-impjanti tal-enerġija nukleari hija tal-Istat Membru fejn jinsab l-impjant tal-enerġija; jinnota li in-nuqqas li jkun hemm konformità ma’ dan l-obbligu iqiegħed f’riskju liċ-ċittadini tal-Unjoni;

264.

Jinnota li l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) kkummissjona rapporti minn esperti minn esperti Svediżi (SKB), fost oħrajn, li kkonfermaw li l-elementi tal-fjuwil GNS huma sikuri; jinnota bi tħassib li din id-dokumentazzjoni għall-kontenituri tal-elementi tal-fjuwil, li ilhom disponibbli, ma ġietx imgħoddija lill-awtorità tal-approvazzjoni Litwana; jinnota li, sakemm l-elementi tal-fjuwil ma jiġux maħżuna fil-kontenituri, l-impjant tal-enerġija Ignalina għandu jiġi amministrat bħallikieku kien qed jopera, li jfisser li l-madwar 2 000 impjegat għandhom jibqgħu jiġu ffinanzjati mill-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ma taċċettax skużi mill-Gvern Litwan li jikkawżaw aktar dewmien fl-awtorizzazzjoni u għall-proġett innifsu; jitlob, barra minn hekk,lill-Kummissjoni tistabbilixxi skeda ta’ żmien riġida u thedded li timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità magħha;

265.

Jistieden lill-Bulgarija, lil-Litwanja u lis-Slovakkja jistabbilixxu pjanijiet ta’ diżattivazzjoni, inklużi pakketti finanzjarji dettaljati, li jispjegaw kif l-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari se jiġi ffinanzjat;

Ir-rata ta’ żball f’paragun mal-effettività

266.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri stmat li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli f’qasam ta’ nfiq li hu fil-biċċa l-kbira taħt ġestjoni ċentralizzata kienet ta’ 3 % fl-2011, li hi aktar minn darbtejn akbar mir-rata fl-2010 li kienet ta’ 1,4 %;

Sorsi ta’ żbalji

267.

Jinnota li r-riskju ewlieni ta’ irregolarità hu li l-benefiċjarji jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni eċċessiva tal-ispejjeż eliġibbli; riskju ta’ dan it-tip isir aktar serju minħabba l-kumplessità tar-regoli għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli; barra minn hekk, f’ċerti oqsma, il-korpi ta’ implimentazzjoni jistgħu japplikaw ir-regoli b’mod differenti; l-ispejjeż ineliġibbli li jirrigwardaw il-persunal u dawk marbutin ma’ attivitajiet kummerċjali jirrappreżentaw sorsi ta’ żbalji addizzjonali; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rreaġixxitx fil-ħin;

268.

Iqis li hu inaċċettabbli li l-Qorti tal-Awdituri sabet ukoll dgħufijiet fil-ħidma tal-awdituri indipendenti li ċċertifikaw il-pretiżi tal-ispejjeż tal-benefiċjarji: il-Qorti tal-Awdituri sabet żbalji: f’25 mill-31 każ fejn l-awdituri ħarġu opinjoni mingħajr riżervi; jinsab inkwetat min-nuqqas ta’ professjonalità tant evidenti;

269.

Jinsab sodisfatt, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri tqis li l-eżerċizzji ta’ awditjar ex post kienu effettiv;

270.

Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awditrui sabet li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni kienu ineffettivi; jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-livell ta’ dawn is-sistemi superviżorji u ta’ kontroll bla dewmien;

271.

Jieħu nota tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 għar-riċerka u politiki interni oħra kienu affettwati minn żbalji materjali u li s-sistemi eżaminati ta’ superviżjoni u kontroll għar-riċerka u politiki interni oħra kienu parzjalment effettivi; jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jagħti l-ebda informazzjoni dettaljati dwar l-infiq għall-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

272.

Jissottolinja l-importanza kbira tal-Kapitolu 18 02 – Solidarjetà – Fruntieri esterni, ritorn, politika dwar il-viża u l-moviment liberu tal-persuni għas-sigurtà u l-ekonomija tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-pjanifikazzjoni baġitarja tagħha;

273.

Jieħu nota tar-riservi espressi mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Interni fir-rapport annwali tiegħu dwar l-attività tal-2011 rigward ir-riskji għar-reputazzjoni kkawżati minn dewmien fl-implimentazzjoni tas-SIS II; jieħu nota wkoll tar-riskju finanzjarju li jirriżulta mir-rata residwa ta’ żbalji fil-popolazzjoni mhux aditjata ta’ għotjiet għall-programmi finanzjarji “Prevenzjoni, Stat ta’ Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u “Prevenzjoni u ġlieda kontra l-Kriminalità”; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fuq il-miżuri korrettivi mħabbra.

Rapportar u korrezzjonijiet finanzjarji

274.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-għadd ta’ parteċipanti fis-Seba’ Programm Qafas żdied b’mod sinifikanti biex kważi laħaq l-20 000 u li l-inesperjenza, flimkien ma’ sett kumpless ta’ regoli, tista’ twassal għal żbalji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi gwida u tagħrif kontestwali lill-parteċipanti;

275.

Iqis li hu inkomprensibbli li l-awdituri tal-benefiċjarji jippreżentaw ċertifikati żbaljati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji; jemmen l-Kummissjoni hi obbligata tiffoka fuq l-għoti ta’ gwida dwar il-kwalifiki professjonali tal-awdituri privati u fuq il-forniment ta’ għarfien espert addizzjonali;

276.

Jinnota l-eżempji mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-iżbalji fid-dikjarazzjonijiet tal-persunal u l-ispejjeż indiretti; jinnota li l-proposta tal-programm Orizzont 2020 iddaħħal simplifikazzjonijiet sinifikanti tar-regoli għal dawn il-kategoriji ta’ nefqa; iqis li dawn is-simplifikazzjonijiet huma essenzjali jekk għandu jkun hemm tnaqqis sinifikanti fir-rata ta’ żbalji;

277.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni, meta tkun qed teżamina l-proċeduri għal kontroll ex ante, timpenja ruħha li ssib bilanċ bejn l-approvazzjoni bikrija u l-kontroll;

278.

Jinnota barra minn hekk li, skont l-istrateġija ta’ awditjar tas-Seba’ Programm Qafas, il-benefiċjarji li jirċievu 48 % tal-baġit tas-Seba’ Programm Qafas ġew awditjati;

279.

Jieħu nota wkoll tal-fatt li l-Kummissjoni tuża l-proċedura ta’ estrapolazzjoni simplifikata, ibbażata fuq rati fissi, għall-korrezzjonijiet, li tista’ tħaffef il-proċess ta’ rkupru jekk il-benefiċjarji jikkooperaw kompletament;

Rakkomandazzjonijiet

280.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni fost id-direttorati ġenerali u l-korpi l-oħra involuti, u tagħmel it-tqassim tax-xogħol, il-proċeduri deċiżjonali u l-linji ta’ responsabilità bejnithom aktar trasparenti;

281.

Jappoġġja kompletament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri:

biex jiġu sensibilizzati l-benefiċjarji u l-awdituri esterni;

biex id-ditti esterni ta’ awditjar isiru familjari mal-linji gwida tal-Kummissjoni;

u biex tiġi implimentata strateġija ta’ awditjar għall-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni;

Edukazzjoni u kultura

282.

Jistieden lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) tirrevedi l-proporzjonijiet finanzjarji unilaterali u inadegwati li ġew stabbiliti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarji u biex tittieħed deċiżjoni dwar il-livell tal-ħlasijiet parzjali tal-għotjiet, u li qed jipperikolaw saħansitra l-proġetti magħżula peress li ma jingħatax il-pagament tas-soltu tal-ewwel ħlasijiet parzjali fl-istennija li jitlesta l-proġett u jiġi rrapportat lura; ifakkar lill-EACEA li monitoraġġ u kontroll effiċjenti tal-proġetti jinkludu valutazzjoni realistika tal-ambjent tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-organizzazzjonijiet żgħar ħafna;

283.

Huwa mħasseb rigward l-iżbalji sinifikanti fl-operazzjonijiet sottostanti mill-EACEA fil-kuntest tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (2007-2013) li nstabu permezz ta’ kontrolli ex post; jinnota li dawn l-iżbalji huma prinċipalment dovuti għan-nuqqas ta’ dokumenti ġustifikattivi adegwati mill-benefiċjarji u n-nuqqas ta’ rispett tar-regoli ta’ eliġibbiltà; jinkoraġġixxi lill-EACEA ttejjeb aktar is-sistemi ta’ kontroll tagħha, tadattahom għat-tipi differenti ta’ benefiċjarji u tqajjem kuxjenza dwar l-obbligi finanzjarji tagħhom u dwar il-kontrolli;

284.

Jilqa’ t-titjib fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Aġenziji Nazzjonali u tal-Awtoritajiet Nazzjonali u l-fatt li r-rata ta’ żbalji għall-implimentazzjoni tal-programmi permezz tal-Aġenziji Nazzjonali fl-2011 naqset għal 1 %, rata li tindika tnaqqis sinifikanti mil-livell tas-snin preċedenti;

285.

Jiddispjaċih li għar-raba’ sena konsekuttiva, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni għad għandu riżerva fir-Rapport Annwali tal-Attività rigward in-nonkonformità mal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur minkejja l-pjan ta’ azzjoni li ġie adottat fl-2009;

286.

Jinnota l-azzjonijiet ta’ suċċess li l-Kummissjoni wettqet fil-qasam tal-isport; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża bl-għodda u l-baġit li għandha, sabiex tħejji għall-programm tal-isport fl-2014;

Infiq amministrattiv u ta’ tip ieħor

287.

Jistieden lill-Kummissjoni ma tkomplix tirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-konsulenti tal-Kummissarji, li ħidmithom ma pproduċiet l-ebda riżultat tanġibbli, sakemm ikun jista’ jiġi ppruvat li ħidmithom għandha valur miżjud;

288.

Jinnota bi tħassib is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li fi 15-il każ mit-28 każ li saret verifika tagħhom, l-informazzjoni disponibbli fl-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tal-membri tal-persunal ma kenitx aġġornata; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li titlob lill-persunal jagħti f’intervalli perjodiċi dokumenti li jikkonfermaw is-sitwazzjoni personali tagħhom u li timplimenta sistema għall-monitoraġġ f’waqtu ta’ dawn id-dokumenti;

289.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar id-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u l-privileġġi mogħtija, il-kundizzjonijiet ta’ ħidma, l-allowances, il-ġranet ta’ vakanza bi dritt kif ukoll il-livelli tal-pagi għal pożizzjonijiet tal-uffiċjali pubbliċi u s-servizzi barranin bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li jinsabu fl-istess post ta’ ħidma u dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn id-differenzi jilleġittimiżawx id-differenzi fir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali delegati nazzjonali f’paragun mal-uffiċjali pubbliċi tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni tas-sistema ta’ taxxa relevanti applikabbli billi jitqabblu l-każi ma’ sitwazzjonijiet standardizzati tal-familja;

290.

Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tagħti stampa ġenerali sħiħa tal-ispejjeż li ġejjin mill-impjieg ta’ persunal estern u aġenti temporanji fuq bażi annwali; jitlob li dawk l-ispejjeż ikunu mmoniterjati sistematikament u jitlob li dawn ikunu disponibbli publikament;

291.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar mit-teknoloġiji disponibbli bħat-telekonferenzi u t-telexogħol sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-bini u l-ivvjaġġar; jitlob lill-Kummissjoni tistima l-iffrankar finanzjarju possibbli li jista’ jinkiseb permezz tal-użu miżjud ta’ dawn it-teknoloġiji u tippreżenta r-riżultati lill-Parlament sa Settembru 2013;

292.

Jitlob li titwaqqaf bażi ta’ data interistituzzjonali għall-istudji, biex jiġi evitat il-finanzjament multiplu tal-istess kwistjonijiet u jintlaħaq skambju ta’ riżultati;

OLAF

293.

Ġie infurmat mill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali matul l-investigazzjonijiet tal-OLAF; huwa mħasseb ħafna dwar l-informazzjoni li wasliltu f’dan ir-rigward u jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa rigward dawn l-inċidenti, irrispettivament mill-identità tal-persuna/i involuta/i

294.

Jinnota t-tentattivi numerużi li saru biex jiġu oskurati l-kjarifiki tal-allegazzjonijiet li saru dwar il-metodi investigattivi tal-OLAF; iqis li dan mhuwiex xieraq u jitlob kjarifika sħiħa ta’ dawn l-allegazzjonijiet;

L-Ewrobarometru

295.

Huwa mħasseb dwar il-kritiki, prinċipalment espressi f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi, tal-metodi ta’ sondaġġi tal-Ewrobarometru u jistieden lill-Kummissjoni tagħti opinjoni dettaljata war dawk il-kritiki;

L-ilħuq tar-riżultati mill-baġit tal-Unjoni

296.

Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri għat-tieni darba qed tippreżenta rapport dwar “l-ilħuq tar-riżultati mill-baġit tal-UE”; jitlob lill-Qorti tal-Awdituri testendi l-valutazzjoni tagħha għal servizzi oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikulari d-DĠ EMPL, id-DĠ MARE u għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni;

Rapport ta’ evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba

297.

Jinnota li r-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba (COM(2012) 675) ġie adottat mill-Kummissjoni nhar il-21 ta’ Novembru 2012, biex b’hekk il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri ngħataw biss żmien limitat biex jirrevedu u jwieġbu; itenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni fil-kumitat kompetenti u fil-plenarja meta jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Qorti ta-Awdituri;

298.

Iqis li sar progress rigward ir-rapport ta’ evalwazzjoni relatat mas-sena finanzjarja 2011 peress li dak ir-rapport jipprovdi ċerta informazzjoni relatata mar-rendiment li saret disponibbli fl-2011 għall-finanzjament taħt l-intestaturi baġitarji ewlenin kollha u jissintesizza r-riżultati tal-evalwazzjoni dwar ċerti programmi finanzjarji għal kull intestatura baġitarja;

299.

Jiddispjaċih, madankollu, li dan ir-rapport jipprovdi biss sommarji ta’ diversi evalwazzjonijiet relatati mal-programmi differenti u li jkopru perjodi diverġenti, mingħajr ebda valutazzjoni komprensiva tar-riżultati li nkisbu fl-2011 mill-Kummissjoni fl-insegwiment tal-politiki tagħha;

300.

Jikkondividi l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri (46) li r-rapport ta’ evalwazzjoni għadu ma jipprovdix biżżejjed evidenza u informazzjoni affidabbli dwar il-kisbiet li jirriżultaw mill-politiki tal-Unjoni, u għaldaqstant ma jistax jaqdi r-rwol li għandu jiżvolġi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza;

301.

Jinnota b’sodisfazzjon li xi evalwazzjonijiet ikkontribwixxew għat-titjib tal-impatt finali tal-programmi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-konklużjonijiet ewlenin ta’ dawk l-evalwazzjonijiet meta tkun qed issawwar il-politiki tagħha;

302.

Jistieden lill-Kummissjoni tinform lill-awtorità baġitarja fuq bażi annwali dwar l-iżvilupp ta’ kontijiet barra mill-baġit tal-Unjoni inkluż l-iżvilupp tal-fluss tal-kapital kif ukoll ir-raġuni għal kull kont;

303.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji skont l-intestaturi baġitarji skont l-istruttura tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2007-2013 fiha nnifisha ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni;

304.

Iqis li l-istruttura tar-rapport, li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ varjetà ta’ valutazzjonijiet sommarji, fosthom evalwazzjoni interim, ta’ nofs it-terminu, ex post u finali, tagħmilha diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet konsistenti f’termini ta’ rendiment;

305.

Jinnota li, skont il-Kummissjoni nnifisha, il-valutazzjonijiet tal-impatti fuq il-programmi normalment jirreferu għal fondi impenjati tal-anqas bejn tliet snin u ħames snin qabel; jinsisti biex jirċievi valutazzjoni li tiffoka fuq ir-rendiment li jkun ġie osservat fis-sena finanzjarja preċedenti, i.e. il-miżuri li jittieħdu biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 kull sena, b’mod kompletament konformi mal-Artikolu 318 tat-TFUE;

306.

Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kopertura tal-evalwazzjoni tagħha u tiżviluppa approċċ li jkun tassew kosteffettiv bl-intenzjoni li jitkejlu r-riżultati miksuba fl-insegwiment tal-objettivi politiċi tagħha fuq il-bażi tal-finanzi u l-persunal iddedikati għall-ksib ta’ dawn l-objettivi;

307.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-evalwazzjonijiet jitwettqu b’mod indipendenti; jinnota li r-rapporti li jirriżultaw għandhom jingħataw malajr kemm jista’ jkun lill-kumitat relevanti tal-Parlament;

308.

Jitlob lill-Kummissjoni tispjega fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2012 sistema ġdida ta’ ġestjoni u informazzjoni dwar ir-rendiment li tkun tinkludi t-tfassil u r-rwol ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, waqt li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament kif ġew żviluppati fil-paragrafi 327 u 328 ta’ din ir-riżoluzzjoni u tippreżentaha lill-awtorità tal-kwittanza;

309.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi għal dan il-għan sistema affidabbli għall-ġbir tad-data dwar ir-rendiment biex tidentifika l-eżiti u l-impatti meta jirriżultaw (47);

Rapportar ġestjonali mill-Kummissjoni dwar xi nkiseb matul is-sena

310.

Jilqa’ t-titjib li ġie nnutat mill-Qorti tal-Awdituri fl-awtoevalwazzjoni tar-rendiment tal-Kummissjoni fir-rapporti ta’ attività annwali tagħha, b’mod partikulari fir-rigward tar-rapportar dwar il-kisbiet politiċi fl-ewwel parti ta’ dawk ir-rapporti;

311.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-għadd limitat ta’ objettivi ġenerali u indikaturi tal-impatt li d-Direttorati Ġenerali huma mitlubin jiddefinixxu baqa’ milqut minn dgħufijiet li rażżnu l-utilità tagħhom (48);

312.

Jiddispjaċih ukoll li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi u l-objettivi relatati mal-perjodu 2007–2013 kollu ma jużawx indikaturi interim jew stadji prestabbiliti li juru li ntlaħaq ċertu progress; jinsisti f’dan il-kuntest li l-indikaturi tal-impatt għandu jkollhom assoċjati magħhom skadenzi u objettivi kwantifikati;

313.

Jinsab preokkupat li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni ma stabbilixxewx u lanqas ma irrapportaw dwar objettivi għall-attivitajiet operattivi relatati mal-ekonomija, inklużi l-kost tal-kontributi jew tal-effiċjenza u r-relazzjoni bejn il-kontributi, l-eżiti u r-riżultati;

314.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li jikkonċernaw ir-rotazzjoni tal-persunal eżekuttiv fl-amministrazzjoni tal-Kummissjoni; jikkonferma l-ħtieġa ta’ dawk ir-rekwiżiti sabiex tinħoloq trasparenza u jiġi evitat li l-informazzjoni tinżamm f’ċirku ta’ esperti biss; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dan il-prinċipju mingħajr eċċezzjoni u jissottolinja l-importanza ta’ tmexxija bl-eżempju u ta’ teħid ta’ responsabilità fl-ogħla livelli;

315.

Jiddispjaċih ukoll li d-deskrizzjoni tal-kisbiet politiċi fil-parti 1 tar-rapporti ta’ attività annwali mhix biżżejjed orjentata lejn ir-riżultati u li l-eżami tal-Qorti tal-Awdituri tal-pjan ta’ ġestjoni u tar-rapporti ta’ attività annwali ma żvela l-ebda progress sinifikanti f’dan il-qasam;

316.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-għanijiet, l-indikaturi u l-objettivi previsti fil-pjan ta’ ġestjoni u li ġew ittrattati fir-rapporti ta’ attività annwali;

317.

Jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġi spjegat għalfejn ir-rendiment miksub ma ssodisfax l-għan jew l-objettiv relevanti fir-rapport ta’ attività annwali;

318.

Jindika li, skont il-punti 10.17 u 10.18 tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri, il-preċiżjoni tal-valutazzjoni mwettqa mid-DĠ AGRI u d-DĠ REGIO tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha fuq il-kwalità tad-data li jipprovdu l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lis-servizzi tal-Kummissjoni joħorġu linji gwida dwar kif għandha tiddaħħal id-data u jipprevedu li jkun hemm inċentivi għall-Istati Membri biex jipprovdu data ta’ kwalità għolja dwar ir-rendiment;

319.

Jinnota li, skont ir-rapporti ta’ attività annwali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, id-diretturi ġenerali tal-Kummissjoni “allinjaw” l-objettivi ġenerali u speċifiċi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tagħhom mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

L-Istrateġija Ewropa 2020

320.

Itenni l-fatt li l-Istrateġija Ewropa 2020 (49), tnediet mill-President Barroso fl-2010, hi l-proġett prinċipali tal-Kummissjoni, immirat biex jipprovdi tkabbir li jkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jindika li din l-istrateġija hi ffukata fuq ħames għanijiet ambizzjużi, li jitkejlu permezz ta’ miri kwantifikati fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-faqar u l-klima/l-enerġija;

321.

Jinnota li l-Eurostat hu responsabbli biex jiżgura l-appoġġ statistiku għall-istrateġija, b’mod partikulari billi jipproduċi u jipprovdi d-data statistika relevanti u jiżgura standards ta’ kwalità għolja għad-data;

322.

Jinnota li l-Eurostat għal darb’oħra naqas milli jittratta informazzjoni sensittiva b’mod adegwat, pereżempju fil-każ tad-data dwar il-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjonijiet tal-kwalità b’aktar riġidità u biex il-Eurostat jiggarantixxi l-preżentazzjoni korretta ta’ dajta statistika; jitlob li jsir rapport dwar din il-kwistjoni sa Marzu 2014;

323.

Jinsisti dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kredibilità tas-sistema statistika Ewropea; jilqa’ r-rakkomandazzjoni li l-Qorti tal-Awdituri għamlet f’dan ir-rigward fir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 li jkun hemm bidla “lejn sistema ta’ statistika Ewropea li tiggarantixxi indipendenza professjonali, riżorsi suffiċjenti u sorveljanza b’saħħitha u li tinkludi sanzjonijiet għal każijiet fejn l-istandards tal-kwalità mhumiex rispettati” (50);

324.

Jenfasizza l-fatt li l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi mhijiex ibbażata fuq attivitajiet immexxija minn kull DĠ individwali imma tħaddan seba’ inizjattivi emblematiċi trasversali li kull darba jiġu implimentati minn diversi direttorati ġenerali u dan jirriżulta fi sfidi li jirrigwardaw il-koordinament u l-kooperazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni;

325.

Jinnota li l-koordinament bejn is-servizzi tal-Kummissjoni fil-qafas tal-inizjattivi emblematiċi ħa diversi suriet ta’ konsultazzjonijiet bejn is-servizzi, u ġieli wħud minnhom kienu informali (51); jiddeplora, madankollu, il-fatt li d-disa’ gruppi ta’ Kummissarji li twaqqfu mill-President Barroso f’April 2010 ltaqgħu rarament biss (52) u dan wassal biex dan il-mod ta’ koordinament ġdid ma ntużax biżżejjed fl-2011; jiddeplora l-fatt li ma ġie installat l-ebda mekkaniżmu speċifiku għall-iżgurar ta’ koordinament sodisfaċenti tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi emblematiċi kollha;

326.

Jiddispjaċih li t-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010 ma kkoinċiditx maż-żmien tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 il-ġdid, u jiddeplora l-fatt li dan se jikkawża xi dewmien fil-ksib tal-istrateġija, f’dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunx irnexxielhom jadattaw il-programmi nazzjonali u ffinanzjati mill-Unjoni għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv;

327.

Jitlob lis-servizzi kollha tal-Kummissjoni involuti fl-Istrateġija Ewropa 2020 jiddefinixxu fil-pjan ta’ ġestjoni tagħhom għadd limitat ta’ objettivi sempliċi, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Awdituri f’termini ta’ rilevanza, paragunabilità u affidabilità sabiex kull sena, fir-rapporti ta’ attività annwali tagħhom, ikejlu r-rendiment tal-Kummissjoni fil-ksib tal-istrateġija;

328.

Jitlob lill-Kummissjoni timmodifika fundamentalment l-istruttura tar-rapport ta’ valutazzjoni tagħha previst mill-Artikolu 318 tat-TFUE, billi tiddistingwi l-politiki interni minn dawk esterni u, fil-parti “Politiki Interni” ta’ dan ir-rapport, tiffoka fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-politika dwar it-tkabbir u l-impjiegi, u l-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni; jinsisti li għandu jsir enfasi fuq il-progress li sar fil-ksib tal-inizjattivi emblematiċi;

329.

Japprova l-konklużjonijiet ewlenin li waslet għalihom il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tar-riżultati tal-eżerċizzji ta’ awditjar tagħha tar-rendiment:

sabiex jiġu prodotti riżultati tajbin, hu importanti li jiġu identifikati b’mod ċar il-ħtiġijiet li l-programmi huma maħsuba biex jissodisfaw;

tfassil tajjeb (li jistabbilixxi rabta bejn l-attivitajiet, l-eżiti, ir-riżultati u l-impatti) kemm tal-programmi kif ukoll tal-proġetti individwali fi ħdan il-programmi, hu essenzjali għal amministrazzjoni finanzjarja tajba;

fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2012 il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar kif bi ħsiebha tiżgura valur miżjud Ewropew għall-infiq tal-Unjoni bi qbil mal-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Awdituri fil-punt 10.31 tar-Rapport Annwali tagħha tal-2011 (skala u effetti tal-infiq, effetti transkonfinali, konċentrazzjoni raġonevoli u approċċ selettiv għall-infiq barra l-Unjoni) u biex tiżviluppa indikaturi korrispondenti ta’ prestazzjoni sinifikanti;

330.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni għandha fis-seħħ sistema għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-awditjar tar-rendiment (ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2012 (53)); jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-segwitu sabiex tirreaġixxi b’mod li jkun f’waqtu, effiċjenti u effettiv għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-awtorità ta’ kwittanza;

Ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri

331.

Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu fassal dokumenti ta’ ħidma jew rapporti separati dwar ir-rapporti speċjali individwali tal-Qorti tal-Awdituri, li l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkonsultati f’dokument separat (54);

332.

Hu tal-opinjoni li l-apprezzament politiku tal-konklużjonijiet fir-rapporti speċjali għandu jkun parti integrali mill-proċedura ta’ kwittanza;

333.

Jilqa’, għalhekk, il-konsultazzjonijiet li għaddejjin bħalissa bejn il-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Konferenza tal-Presidenti tiegħu bil-ħsieb li jiġi identifikat l-aktar mod xieraq biex jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapporti speċjali biex b’hekk jiġu sfruttati kompletament il-benefiċċji mill-ħidma ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri;

334.

Jistieden lill-korpi tiegħu jsibu soluzzjoni vijabbli u dejjiema fiż-żmien dovut għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2012.


(1)  ĠU L 68, 15.3.2011.

(2)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.

(3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(7)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(8)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011) 615/2), l-Artikolu 136 et seq.

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp, il-Fondi Soċjali Ewropej u l-Fondi ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(10)  COM(2011) 615/2, Artikolu 55(4).

(11)  Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem ‘Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jipprevjeni u jidentifika l-evażjoni tal-VAT?’

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2012 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 286, 17.10.2012,p. 31).

(13)  Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 fir-rigward tal-iżvilupp rurali; ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2011) 615/2) dwar id-Dispożizzjonijiet komuni tal-istrumenti strutturali għall-2014-2020.

(14)  Ara r-rapport ta’ sinteżi li għamlu Terry Ward u Applica sprl dwar l-użu tal-FEŻR għall-appoġġ tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja bil-kontribut tan-netwerk ta’ valutazzjoni esperta għall-forniment ta’ analiżi politika dwar ir-rendiment tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 39).

(16)  Il-Paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-5 ta’ Mejju 2010.

(17)  Ara t-tweġiba li ta l-Kummissarju Andor għall-mistoqsija bil-mitkub Nru 18 bi tħejjija għas-seduta ta’ smigħ fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit nhar is-26 ta’ Novembru 2012 flimkien mar-Rapport Annwali tal-Attività - Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali, p. 84.

(18)  Ara r-Rapport ta’ Sinteżi tal-Kummissjoni, il-punt 3.3 fin-nota 9 ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ COM(2012) 281.

(19)  Ara r-Rapport Annwali tal-2011 tal-Qorti tal-Awdituri, l-Anness 1.2, il-punt 2.

(20)  Ara n-Nota 6 fil-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-2011.

(21)  COM(2012) 281, punt 1, p. 2.

(22)  Rimarki ta’ introduzzjoni li għamel is-Sur Caldeira nhar is-6 ta’ Novembru 2012 meta kien qed jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea rigward is-sena finanzjarja 2011 lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(23)  Reġim li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-oġġetti importati jkunu se jiġu ttrasportati lejn Stat Membru ieħor u meta l-VAT hi dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(24)  Li minnhom EUR 1 800 miljun iġġarrbu fis-seba’ Stati Membri magħżula u EUR 400 miljun fil-21 Stat Membru ta’ destinazzjoni tal-oġġetti importati fil-kampjun.

(25)  Rapport Speċjali Nru 13/2011, p. 11, paragrafu 5.

(26)  PE 475.094.

(27)  Data kkomunikata mis-Sur Kubyk f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ ma’ Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.

(28)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.9, nota 11 ta’ qiegħ il-paġna

(29)  Data kkomunikata mis-Sur Kubyk f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ ma’ Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.

(30)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/272/UE tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ April 2011 dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) għas-sena finanzjarja 2010 (ĠU L 119, 7.5.2011, p. 70).

(31)  Kawżi magħquda C-92/09 u C-93/09, Ġabra 2010, p. I-11063.

(32)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008 tat-18 ta’ Marzu 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 76, 19.3.2008, p. 28).

(33)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.45.

(34)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 3.23.

(35)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 4.12.

(36)  Ara l-paragrafu 86 tar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2012.

(37)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, punt 4.18.

(38)  Rapport ta’ attività annwali tad-DĠ AGRI, punt 3.1.1.1.6, p. 58.

(39)  Intervent tas-Sa Budbergyte f’isem il-Qorti tal-Awdituri nhar is-6 ta’ Diċembru 2012 matul is-seduta ta’ smigħ tal-Kummissarju Dacian Cioloș fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.

(40)  DĠ AGRI, rapport annwali ta’ attività, p. 79.

(41)  Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2011, l-Anness 4.2.

(42)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(43)  Ir-Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri – il-Fondi Strutturali: Il-Kummissjoni kellha suċċess biex tittratta n-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri?

(44)  L-Evalwazzjoni tal-Progress ta’ Nofs il-Perjodu - Rapport Finali, Ecorys, 22 ta’ Diċembru 2011.

(45)  Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem “Is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni (CRIS)”.

(46)  Ittra mis-Sur Caldeira lill-President Barroso tal-20 ta’ Diċembru 2012 bit-tweġiba tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea għat-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE.

(47)  Ittra mis-Sur Caldeira lill-President Barroso tal-20 ta’ Diċembru 2012 bit-tweġiba tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea għat-tieni rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE.

(48)  Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-2011 - eżempji fil-punti 10.18 et seq.

(49)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010) 2020).

(50)  Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-Kummissjoni u l-Eurostat tejbu l-proċess tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea affidabbli u kredibbli?”, p. 6.

(51)  Ara pereżempju t-tweġbiet li ta l-Kummissarju Andor għall-mistoqsijiet bil-miktub 46 u 47 bi tħejjija għas-smigħ fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit nhar is-26 ta’ Novembru 2012.

(52)  Fl-2011, kien hemm b’kollox 24 laqgħa tad-9 gruppi ta’ Kummissarji dedikati, b’7 laqgħat tal-grupp għall-QFP (ara t-tweġbiet li ta l-Kummissarju Oettinger).

(53)  Rapport Speċjali Nru 19/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bl-isem “Rapport tal-2011 dwar is-segwitu għar-rapporti speċjali tal-Qorti Ewropoea tal-Awdituri”.

(54)  Testi adottati, P7_TA(2013) 123 (Ara paġna 68 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar ir-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza 2011 tal-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 – C7-0224/2012) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali minn dik id-Deċiżjoni,

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (05752/2013 — C7-0038/2013),

wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7), u b’mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0096/2013),

A.

billi, skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u timmaniġġja l-programmi, u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħt ir-responsabilità tagħha stess, waqt li tikkunsidra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba,

B.

billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdu tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ tħassib marbuta mal-implimentazzjoni tal-fondi, u għalhekk huma utli għall-Parlament fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu ta’ awtorità tal-kwittanza,

C.

billi l-kummenti tagħha dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq tas-17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni;

Parti I   Rapport Speċjali Nru 12/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-miżuri tal-UE kkontribwixxew għall-addattament tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal opportunitajiet ta’ sajd disponibbli?”

1.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jinnota l-valutazzjoni negattiva ħafna tagħha tal-miżuri li ttieħdu kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri;

2.

Jenfasizza l-fatt li l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tisħaq li tippromowovi sajd sostenibbli, li timplika l-vijabilità fit-tul tas-settur tas-sajd u bilanċ bejn ir-riżorsi tas-sajd u l-kapaċità tal-flotta tas-sajd sabiex jiġi evitat sfruttar żejjed tal-istokkijiet tal-ħut;

3.

Jieħu nota li minkejja li t-tnaqqis fil-kapaċità żejda tas-sajd kien tema rikorrenti fir-riformi preċedenti tal-PKS u ġie indirizzat fir-Rapporti Speċjali Nru 3/1993 u 7/2007 tal-Qorti tal-Awdituri, il-miżuri għaljin li ttieħdu sal-lum il-ġurnata biex titnaqqas il-kapaċità żejda tas-sajd permezz tal-adattament tal-flotta tas-sajd għar-riżorsi tas-sajd ma rnexxewx;

4.

Jirrikonoxxi li, mill-1995, kien hemm tendenza ta’ tnaqqis fil-qabdiet ta’ ħut fl-UE u li skont il-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2009 dwar ir-riforma tal-PKS (COM(2009) 163), dan it-tnaqqis huwa primarjament dovut għal sajd żejjed u jifforma parti minn ċirku vizzjuż li jinvolvi kapaċità żejda ta’ sajd u rendiment ekonomiku baxx tal-flotot tas-sajd;

5.

Jinsab imħasseb li, mill-aħħar riforma tal-PKS fl-2002, il-qabdiet tal-ħut naqsu b’1 000 000 tunnellata u l-impjiegi fis-settur tas-sajd naqsu minn 421 000 għal 351 000;

6.

Jinnota li, minkejja li m’hemm l-ebda definizzjoni uffiċjali ta’ kapaċità żejda, qabdiet li qed jiċkienu u impjiegi mitlufa kkawżati minn stokkijiet ta’ ħut sfruttati żżejjed juru kapaċità żejda de facto; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi għalhekk il-kapaċità żejda u tikkunsidra aktar miżuri relevanti u b’saħħithom biex jiġu ffaċilitati azzjonijiet biex jibbilanċjaw il-kapaċità tas-sajd mal-opportunitajiet ta’ sajd;

7.

Jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tfassal urġentement abbozz ta’ rapport li jinkludi data dwar il-kapaċità żejda eżistenti fl-Unjoni, imqassma skont l-attività tas-sajd u l-pajjiż;

8.

Jinsab imħasseb, barra minn hekk, li l-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta, bħala miżura li tillimita d-daqs tal-flotta tas-sajd, saru irrilevanti, peress li d-daqs reali tal-flotta huwa ferm iżgħar minn dak permess skont il-limiti u jista’ anke jkun ta’ 200 000 tunnellata aktar, filwaqt li xorta jibqa’ jkun konformi mar-regoli; jenfasizza li, fl-istess ħin, minħabba avvanzi teknoloġiċi, il-kapaċità tas-sajd tal-flotot żdiedet b’medja ta’ 3 % fis-sena matul l-aħħar deċennju;

9.

Jinnota li l-PKS tkejjel il-kapaċità tal-bastimenti f’termini ta’ saħħa (kilowatts) u ta’ daqs (tunnellaġġ gross) u li, madanakollu, dawn il-miżuri ma jqisux il-progress teknoloġiku fil-metodi tas-sajd, u dan jikkomplika l-iffissar ta’ miri xierqa għat-tnaqqis tagħha; jinnota li l-Kummissjoni tixtieq iżżomm dawn il-parametri statiċi sa tmiem l-2015;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri biex jaġġornaw b’mod korrett ir-reġistru tal-flotot tagħhom, u tistabbilixxi l-obbligu ta’ rappurtaġġ tal-isforzi tagħhom biex jibbilanċjaw il-kapaċità tas-sajd mal-opportunitajiet ta’ sajd;

11.

Jinnota li f’termini ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd, il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għall-PKS hija msejsa fuq approċċ ġdid ibbażat fuq is-suq (skemi ta’ għoti ta’ drittijiet tas-sajd trasferibbli), peress li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li dawn l-iskemi għandhom rwol pożittiv fit-tnaqqis tal-kapaċità żejda tas-sajd;

12.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-insuffiċjenzi li jeżistu fir-regolamentazzjoni tat-trattament tad-drittijiet tas-sajd meta bastimenti tas-sajd jiġu skrappjati permezz ta’ għajnuna pubblika, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ kriterji ta’ selezzjoni ċari u effettivi għall-bastimenti; iqis li l-iskemi ta’ skrappjar ġew parzjalment implimentati b’mod li ma kienx tajjeb ħafna, b’eżempji ta’ flus li ġejjin mill-kontribwenti li ntużaw għall-iskrappjar ta’ bastimenti diġa’ mhux attivi jew saħansitra ntużaw b’mod indirett għall-bini ta’ bastimenti ġodda; jinnota madanakollu li xi Stati Membri kellhom skemi ta’ skrappjar li laħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza għalhekk, il-bżonn ta’ salvagwardji stretti meta jintużaw skemi ta’ skrappjar, bħala mezz biex titnaqqas il-kapaċità żejda sabiex jiġi evitat l-abbuż;

13.

Jiddispjaċih li l-investiment abbord il-bastimenti tas-sajd iffinanzjat mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jista’ jżid il-kapaċità ta’ bastimenti individwali biex jaqbdu l-ħut; iqis li n-nota ta’ interpretazzjoni li l-Kummissjoni ppreparat u bagħtet lill-Istati Membri wara r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kapaċità tal-bastimenti biex jaqbdu l-ħut li fih il-Qorti tal-Awdituri talbet lill-awtoritajiet nazzjonali jinfurzaw kontrolli aktar stretti qabel ma jiddeċiedu dwar il-finanzjament ta’ proġetti ta’ investiment abbord, hija insuffiċjenti;

14.

Jinnota li, billi l-punt 36 tar-Rapport Speċjali Nru 12/2011 jgħid li sa tmiem 2010, l-implimentazzjoni tal-FES, f’termini ta’ nefqa ċċertifikata mill-Istati Membri ammontat għal EUR 645 miljun, jew 15 % tal-ammont disponibbli mill-2007 sal-2013, il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ammont kien iddikjarat fl-2010 u EUR 292 miljun kienu għadhom ma tħallsux mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010, minħabba l-adozzjoni tardiva min-naħa tal-Kunsill tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (8) u l-kumplessità involuta fl-istabbiliment inizjali tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll min-naħa tal-Istati Membri; jinnota li l-pagamenti interim iċċertifikati li ntbagħtu mill-Istati Membri sal-aħħar ta’ Diċembru 2011 ammontaw għal 28 % (EUR 1 188 miljun) tal-allokazzjoni globali tal-FES u jilqa’ l-fatt li r-ritmu ta’ assorbiment tal-FES issa qiegħed jiżdied;

15.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex

jadattaw il-flotot tas-sajd tagħhom għall-opportunitajiet ta’ sajd eżistenti,

jiżguraw li l-kriterji ta’ għażla għal skemi ta’ dekommissjonament ta’ bastimenti tas-sajd ikunu mfassla sabiex ikollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà ta’ stokkijiet ta’ ħut immirati u jevitaw li jipprovdu għajnuna pubblika għal dekommissjonament ta’ bastimenti tas-sajd inattivi;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi limiti effettivi tal-kapaċità ta’ flotta tas-sajd;

17.

Iqis li riforma tal-PKS hija meħtieġa għar-reġjonalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tagħha u tal-ġestjoni tal-programmi u l-miżuri tagħha;

18.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li:

għandhom jiġu żviluppati azzjonijiet li jnaqqsu b’mod effettiv il-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd u jiddefinixxu u jkejlu aħjar il-kapaċità tas-sajd u l-kapaċità żejda tas-sajd filwaqt li ma jinjorawx il-fatt li l-impjiegi li fadal fis-settur tas-sajd għandhom jinżammu;

l-iskema ta’ għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid u r-rwol tal-iskemi għat-trasferiment tad-drittijiet tas-sajd għandu jiġi ċċarat;

għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari ta’ selezzjoni għall-iskemi ta’ dekommissjonament ta’ bastimenti tas-sajd;

l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-FES fil-ħin u kwalunkwe investimenti abbord iffinanzjati pubblikament ma għandhomx iwasslu għal żieda fil-kapaċità tas-sajd;

ir-reġistru tal-flotta għandu jiġi aġġornat b’mod korrett, u r-rapporti tal-Istati Membri għandu jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa u jkunu ta’ kwalità xierqa;

19.

Iqis, barra minn hekk, li fid-dawl tal-kritika tal-Qorti tal-Awdituri, huwa evidenti li l-FES u l-PKS attwalment jirrappreżentaw użu ineffettiv tar-riżorsi komuni tagħna, u għalhekk jilqa’ l-fatt li l-iskema se tiġi rieżaminata kollha kemm hi fil-ġejjieni qrib; jenfasizza l-importanza, waqt ir-ristrutturar ta’ dawn l-iskemi, li jiġu enfasizzati dawk l-oqsma tal-politika tas-sajd li jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod fil-livell tal-UE, bħalma huma l-aspetti ambjentali, aktar milli diversi tipi ta’ skemi ta’ sussidju mhux effettivi;

Parti II   Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jimpedixxi u jsib l-evażjoni tal-VAT?”

20.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 13/2011 tal-Qorti tal-Awdituri;

21.

Ifakkar li l-ġbir xieraq tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jolqot b’mod dirett kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri kif ukoll il-baġit tal-UE, minħabba li l-frodi fiskali, b’mod partikolari l-frodi tal-VAT, iwasslu għal telf eżorbitanti għall-baġit tal-Unjoni u għall-ekonomiji tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li jaggravaw il-kriżi tad-dejn; jinnota li l-istimi tal-frodi tal-VAT jammontaw għal figuri annwali ta’ madwar EUR 1 400 biljun;

22.

Jemmen li, partikolarment fil-klima ekonomika attwali, l-enfasi għandha titqiegħed fuq sistemi ta’ ġbir tad-dħul aktar effiċjenti u ġusti; jenfasizza li t-titjib ta’ tali sistemi għandu jkun il-prijorità assoluta għall-Unjoni u għall-Istati Membri kollha, b’mod partikolari għal dawk li qed jiffaċċjaw l-akbar diffikultajiet ekonomiċi;

23.

Ifakkar li skont studju mwettaq f’isem il-Kummissjoni, il-medja stmata tad-distakk tal-VAT fl-Unjoni hija ta’ 12 %; jiġbed attenzjoni speċjali lejn il-fatt li dan id-distakk tal-VAT kien fil-livell allarmanti ta’ 30 % u 22 % fil-Greċja u l-Italja rispettivament, l-Istati Membri li qed jesperjenzaw l-aktar kriżi tad-dejn diffiċli;

24.

Jenfasizza li, minbarra l-evitar tat-taxxa u t-telf minħabba insolvenzi, id-distakk tal-VAT huwa attribwibbli wkoll għall-frodi, regoli mhux trasparenti, sistemi ta’ kontroll inkoerenti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni parzjali tal-liġi tal-Unjoni fl-Istati Membri, u li t-telf tal-VAT, li jammonta għal biljuni ta’ euro, huwa fil-biċċa l-kbira kkumpensat permezz ta’ miżuri ta’ awsterità li jolqtu liċ-ċittadini tal-Unjoni, u jitħallas minn dawk iċ-ċittadini li d-dħul tagħhom huwa ddokumentat tajjeb u huwa traċċabbli;

25.

Jinsab ferm imħasseb dwar is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari għall-fatt li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali 42 (9) weħidha rrappreżentat telf estrapolat ta’ madwar EUR 2 200 miljun fis-seba’ Stati Membri awditjati mill-Qorti tal-Awdituri fl-2009, li jirrappreżenta 29 % tal-VAT teoretikament applikabbli fuq l-ammont taxxabbli tal-importazzjonijiet kollha li saru skont il-proċedura doganali 42 fl-2009 f’dawk l-Istati Membri;

26.

Jinnota bi tħassib li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-qafas regolatorju tal-Unjoni ma jiżgurax il-ġestjoni uniformi u soda ta’ din l-eżenzjoni tal-VAT mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u li l-qafas regolatorju ma jiżgurax li l-informazzjoni li tikkonċerna dawn l-operazzjonijiet issir dejjem disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, b’tali mod li s-sistema tibqa’ vulnerabbli għal abbuż mill-kriminalità organizzata u minn persuni individwali li jwettqu l-frodi, b’mod li jinħolqu żvantaġġi enormi ta’ kompetizzjoni għall-kummerċjanti bona fide;

27.

Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li l-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri li sarilhom awditu ma jiżgurawx il-validità u l-kompletezza tad-data u l-issodisfar ta’ kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni oħrajn;

28.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqasijiet serji fil-kontroll tal-proċeduri doganali semplifikati, li jammontaw għal 70 % tal-proċeduri doganali kollha, b’mod partikolari, awditjar ta’ kwalità ħażina jew awditjar ddokumentat b’mod ħażin u tekniki awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data għat-twettiq ta’ kontrolli matul l-ipproċessar ta’ proċeduri simplifikati, li huma ta’ ftit użu; jinnota li dawk in-nuqqasijiet wasslu għal telf mhux ġustifikat fil-baġit tal-Unjoni u li t-tħaddim korrett tad-dwana għandu impatt dirett fuq il-kalkolu tal-VAT; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx miżuri xierqa biex tirrimedja dan matul l-aħħar 10 snin iżda kienet qed tistaħba wara r-regoli li kienu jidhru li huma pjuttost xierqa fuq il-karta;

29.

Jinnota b’dispjaċir il-fatt li sa mill-introduzzjoni tiegħu, il-mudell tal-ġbir tal-VAT baqa’ ma nbidilx; jemmen li dan għadda żmienu, minħabba l-ħafna tibdiliet li seħħew fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku;

30.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw u jwieġbu b’mod effettiv għal xejriet kemm eżistenti kif ukoll ġodda fil-frodi, u jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sa Settembru 2013 dwar liema miżuri temporanji u permanenti ttieħdu abbażi tal-proċedura doganali 42, mhux biss mill-Unjoni, iżda wkoll fil-livell nazzjonali u x’kien l-effett tagħhom fuq in-numru ta’ każijiet ta’ frodi; jieħu nota tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti (COM(2010) 695), u jitlob biex isiru proposti konkreti rigward ir-riforma tal-VAT;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jissimplifikaw il-liġi tagħhom dwar il-VAT, tintroduċi forma standard għan-notifika tal-implimentazzjoni tal-VAT lill-awtoritajiet fiskali u tistabbilixxi ġestjoni uniformi u xierqa ta’ każijiet ta’ eżenzjoni mill-VAT mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u tiżgura disponibilità akbar ta’ dawk it-testi leġiżlattivi tradotti għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bħala rekwiżit minimu;

32.

Jiddeplora l-posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (MMC) kif ipprovdut fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2012) 64), u jqis id-data l-ġdida proposta tal-31 ta’ Diċembru 2020 bħala waħda inaċċettabbli; ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (10) ipprovda li l-KDM jidħol fis-seħħ sal-24 ta’ Ġunju 2013, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa sabiex iħaffu l-proċess ta’ preparazzjoni;

33.

Jissuġġerixxi b’mod qawwi lill-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem fil-Qasam ta’ Ħidma 3 tal-Eurofisc dwar operazzjonijiet frodulenti bl-użu tal-proċedura tad-dwana 4200;

34.

Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ operazzjonijiet oħra transkonfinali (COM(2008) 805), li għandha l-għan li tintroduċi r-responsabilità konġunta ta’ operazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, fejn l-importaturi jinżammu responsabbli in solidum f’każijiet meta t-telf tal-VAT ikun irriżulta minn rappurtaġġ falz, rappurtaġġ li jkun sar tard jew rappurtaġġ mhux komplut tal-operazzjoni lill-awtorità tal-VAT, u jkunu soġġetti għal penali xierqa;

35.

Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar intensiva u rapida bejn l-Istati Membri, monitoraġġ aħjar tal-iskambji ta’ informazzjoni u kuntatti aktar diretti bejn l-uffiċċji tat-taxxa u tad-dwana lokali, inkluż permezz ta’ Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT (VIES), sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jipprovdu biżżejjed għajnuna lil xulxin;

36.

Jirrakkomanda lill-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet doganali tagħhom aċċess onlajn għan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li jinsabu fil-VIES mingħajr aktar dewmien, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jivverifikaw in-numri tal-VAT miġbura fid-dikjarazzjonijiet doganali; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-kumitati kompetenti tal-Parlament u lill-Qorti tal-Awdituri infurmati fuq bażi ta’ kull xahar dwar l-iżviluppi fl-Istati Membri kollha fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi fil-kuntest tal-proċedura doganali 42;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq sistema li tgħaqqad l-għajnuna fil-qasam doganali u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT biex ikunu żgurati flussi effettivi ta’ informazzjoni, sabiex l-awtoritajiet relevanti f’qasam wieħed ikunu regolarment infurmati dwar kwalunkwe azzjoni fil-qasam l-ieħor; iqis li dan iwassal biex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-impożizzjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jkunu aktar effettivi u rapidi;

38.

Jenfasizza r-rwol tal-gvern elettroniku li jżid it-trasparenza u li jiġġieled kontra l-frodi u l-korruzzjoni, biex b’hekk ikunu ssalvagwardjati l-fondi pubbliċi; jenfasizza li l-Unjoni għadha lura meta mqabbla mal-imsieħba industrijali tagħha, fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ interoperabilità tas-sistemi (11); jenfasizza li l-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tilħaq ġenerazzjoni ġdida ta’ gvern elettroniku;

39.

Jinnota li operazzjonijiet dokumentati, elettroniċi u mhux fi flus kontanti jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija sewda aktar diffiċli, u li jidher li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-proporzjon ta’ pagamenti elettroniċi f’pajjiż u l-ekonomija sewda tiegħu (12); jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ibaxxu l-limiti stabbiliti tagħhom għal pagamenti obbligatorji mhux fi flus kontanti;

40.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari:

ir-rakkomandazzjoni biex jiġu emendati d-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali, bl-implimentazzjoni ta’ komunikazzjoni obbligatorja tan-numri relevanti tal-ID tal-VAT,

ir-rakkomandazzjoni biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT sabiex l-importaturi jinżammu responsabbli in solidum għat-telf tal-VAT,

ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-assistenza u l-kooperazzjoni amministrattiva,

ir-rakkomandazzjoni biex tiġi pprovduta l-verifika awtomatika tan-numri tal-ID tal-VAT u l-ħolqien ta’ profil ta’ riskju tal-UE skont il-proċedura doganali 42,

ir-rakkomandazzjoni biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT li tippermetti r-rikonċiljazzjoni bejn id-data tad-dwana u dik tat-taxxa,

ir-rakkomandazzjoni biex jiġi previst skambju ta’ informazzjoni li huwa meħtieġ għall-impożizzjoni korretta tal-VAT,

ir-rakkomandazzjoni biex jiġi stabbilit skambju dirett u awtomatiku ta’ data dwar operazzjonijiet suxxettibbli għal riskji skont il-proċedura doganali 42;

jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta fuq bażi ta’ 6 xhur dwar kif u meta se timplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

Parti III   Rapport Speċjali Nru 14/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-Assistenza tal-UE tejbet il-kapaċità tal-Kroazja fir-rigward tal-ġestjoni tal-finanzjament wara l-adeżjoni?”

41.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 14/2011 tal-Qorti tal-Awdituri, u jħaddan il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari s-sejbiet tagħha li “b’mod ġenerali, l-assistenza tal-UE għal qabel l-adeżjoni, mogħtija lill-Kroazja, qiegħda tkun ta’ kontribut sinifikanti biex il-Kroazja timxi ‘l quddiem fil-bini tal-kapaċità amministrattiva tagħha għall-ġestjoni ta’ iktar finanzjament mill-UE għal wara l-adeżjoni”; jilqa’ r-rwol sinifikanti u pożittiv tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni sabiex tħejji lill-awtoritajiet Kroati għall-ġestjoni tal-politiki ta’ koeżjoni u dawk rurali fil-perjodu ta’ wara l-adeżjoni;

42.

Jiddispjaċih li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri ma jinkludix biżżejjed informazzjoni dwar il-livelli ta’ żball jew ta’ frodi kif ukoll dwar is-segwitu, inkluż dak ġudizzjarju jekk ikun meħtieġ, kif ukoll dwar il-valutazzjoni tal-prestazzjoni;

43.

Jenfasizza, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li “l-assistenza kisbet biss suċċess parzjali s’issa fil-kisba tal-objettivi tagħha, u żieda ulterjuri fil-progress fil-bini tal-kapaċità għandha tiġi appoġġjata f’numru ta’ oqsma ewlenin kemm qabel kif ukoll wara l-adeżjoni”; jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti li “fil-maġġoranza tal-oqsma li jirrigwardaw l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni għadha ma sabitx lill-Kroazja kapaċi biżżejjed biex tkun tista’ tawtorizzaha timplimenta l-assistenza mingħajr kontrolli ex ante min-naħa tal-Kummissjoni” u li “minkejja l-progress riċenti li nkiseb, il-kapaċità tal-akkwist u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma żewġ oqsma fejn hemm bżonn partikolari li jissaħħaħ l-appoġġ għall-awtoritajiet Kroati”;

44.

Jesprimi t-tħassib tiegħu, fid-dawl ta’ ċerti każijiet ta’ nuqqas ta’ preparazzjoni tal-amministrazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet, u tat-tranżizzjoni mill-finanzjamenti tal-adeżjoni għal dawk permezz tal-fondi strutturali fl-adeżjonijiet preċedenti mal-UE, dwar kif jistgħu jkunu evitati riskji simili għall-Kroazja;

45.

Huma mħasseb dwar il-fatt li, barra mill-attenzjoni partikolari li l-Qorti tal-Awdituri ddedikat lill-allinjament tal-leġiżlazzjoni, se jkun meħtieġ monitoraġġ kontinwu u jeħtieġ li jibdew jitħaddmu miżuri bil-għan li jittrattaw:

il-livelli inadegwati ta’ assorbiment għal numru ta’ programmi reċenti;

l-adegwatezza tal-awditjar estern u tal-kapaċità tal-kontroll intern;

l-istabilità tal-proċeduri fil-programmi ta’ finanzjament;

il-kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza u l-bżonn ta’ titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati u tal-pubbliku ġenerali;

il-kwistjonijiet ta’ effiċjenza, effikaċja u ekonomija fl-użu tal-fondi, permezz tal-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

46.

Iħaddan ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, u b’mod partikolari jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex iżidu l-prijorità mogħtija lill-bini tal-kapaċità ta’ akkwist bl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu, jieħdu passi ikbar biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-bini tal-kapaċità fil-livell reġjonali u lokali, u jiżviluppaw aktar l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-proġetti, kif ukoll jibnu portafoll ta’ proġetti maturi li jkunu jistgħu jassorbu bis-sħiħ iż-żieda tal-fondi ta’ wara l-adeżjoni disponibbli, u anki jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ programmi ta’ żvilupp rurali, u jsaħħu l-miżuri kontra l-korruzzjoni;

47.

Iħaddan ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri lill-Kummissjoni biex tqis it-tagħlimiet li nsiltu mill-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni lill-Kroazja fl-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tagħha għal pajjiżi oħra fejn applikabbli;

48.

Jilqa’ l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2012 fir-rapport ta’ Monitoraġġ tagħha dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja li jistqarr li “B’mod ġenerali, it-tħejjijiet tal-Kroazja għall-adeżjoni mal-UE jinsabu fi stadju tajjeb. Il-Kroazja laħqet livell konsiderevoli ta’ konverġenza mal-acquis. Minn meta nħareġ ir-rapport ta’ progress tal-2011 u l-aħħar aġġornament tat-tabelli ta’ monitoraġġ tal-ħarifa tal-2011 inkiseb progress ulterjuri. Madanakollu, il-Kummissjoni identifikat għadd limitat ta’ kwistjonijiet li jeħtieġu aktar sforzi” (13);

49.

Jieħu nota li għadd ta’ kwistjonijiet pendenti għadhom iridu jiġu indirizzati f’bosta mill-kapitoli tal-acquis; b’mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni lill-allinjament leġiżlattiv fil-leġiżlazzjoni sekondarja rigward l-akkwist pubbliku, speċjalment fil-qasam tal-akkwist tad-difiża, u anki lill-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata, speċjalment fil-livell lokali, anki minħabba l-immaniġġjar futur tal-Fondi Strutturali;

50.

Jieħu nota wkoll li huma meħtieġa sforzi kontinwi fil-qasam tal-kontroll finanzjarju sabiex titjieb il-funzjonalità ġenerali tal-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi u tal-awditjar estern fil-livell ċentrali u lokali, kif ukoll fil-qasam tad-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, fejn huwa meħtieġ li jitkompla l-bini tal-kapaċità li tikkoordina s-sistema ġenerali tar-riżorsi proprji b’mod effiċjenti wara l-adeżjoni, u tkun intensifikata l-modernizzazzjoni tal-istrateġija ta’ kontroll doganali li tiffoka aktar fuq kontrolli wara r-rilaxx;

51.

Jisħaq li f’xi oqsma hi meħtieġa żieda fl-isforzi, b’mod partikolari fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, fejn għandha tingħata attenzjoni biex jiżdied l-allinjament leġiżlattiv u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma tal-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali;

52.

Jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba l-assorbiment skars tal-finanzjamenti Sapard u IPARD - partikolarment xi setturi ma kinux rappreżentati biżżejjed fl-implimentazzjoni tal-Miżura 1 (Investiment fl-azjendi agrikoli), speċjalment fis-settur tal-ħalib, is-settur tas-serer u s-settur tal-frott u l-ħaxix; iqis li dan jindika dgħufijiet serji fil-kapaċità u fl-istat ta’ preparazzjoni ta’ tali setturi biex jassorbu l-fondi futuri tal-UE;

53.

Jinnota d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni; jilqa’ l-progress li sar fl-indirizzar tal-kwistjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati biex ikomplu jtejbu l-ħeffa tal-implimentazzjoni tal-assistenza, speċjalment billi jsaħħu l-bini tal-kapaċità; jenfasizza li l-bini tal-kapaċità fil-qafas tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għandu jkun immirat lejn l-istituzzjonijiet ċentrali kif ukoll lejn l-istrutturi reġjonali u lokali; jinsab imħasseb li fil-każ tal-Kroazja, attenzjoni insuffiċjenti għal dan l-aspett aħħari tista’ twassal sabiex ma jkollhomx kapaċità u esperjenza amministrattiva adegwati għall-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni;

54.

Itenni li l-għan tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni huwa, fost l-oħrajn, li jirrinforza l-kapaċità tal-istati kandidati li jassorbu l-fondi tal-UE futuri b’mod effiċjenti u trasparenti; jilqa’ għaldaqstant, l-aproċċi l-ġodda li ntużaw mill-Kummissjoni fl-ippjanar ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-Kroazja, bħall-irbit ta’ proġetti speċifiċi għall-bini tal-kapaċità ma’ negozjati dwar l-adeżjoni, li jippermettu programmi operattivi pluriennali;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid kemm jista’ jkun il-potenzjal għat-tagħlim istituzzjonali u l-bini tal-kapaċità fl-istati kandidati u dawk li potenzjalment jistgħu jkunu pajjiżi kandidati, b’mod partikolari permezz tal-allinjament ulterjuri tal-proċeduri ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni ma’ dawk użati taħt il-Fond Strutturali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

56.

Jieħu nota wkoll li, fir-rigward tal-politika reġjonali u l-koordinament tal-istrumenti strutturali, jeħtieġ li jiġu ffukati sforzi kostanti u addizzjonali fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva għall-fini tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni futura u l-ħolqien ta’ riżerva ta’ proġetti maturi;

57.

Jistieden lill-awtoritajiet Kroati jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress tal-Kroazja fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet pendenti oħra;

58.

Ifaħħar il-progress li sar min-naħa tal-Kroazja fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tagħha u l-konsolidament tal-ġestjoni tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni;

59.

Jilqa’ t-twaqqif tal-Ministeru Kroat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE f’Diċembru 2011 u l-fatt li l-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fondi tal-UE ġie maħtur ukoll biex iservi bħala Deputat Prim Ministru, li juri l-impenn tal-gvern il-ġdid fi kwistjonijiet ta’ żvilupp reġjonali u użu tal-fondi tal-Unjoni;

60.

Jieħu nota li l-Kroazja għamlet sforz konsiderevoli fl-istabbiliment ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u sistema ta’ kontroll, li għandha tirriżulta fir-rinunzja mistennija tal-kontrolli ex ante fit-tieni nofs tal-2012; jenfasizza mandankollu, li tinħtieġ aktar azzjoni msaħħa fid-dawl tal-fatt li fil-maġġorparti tal-oqsma, il-Kummissjoni għadha ma awtorizzatx lill-Kroazja sabiex timplimenta l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mingħajr kontrolli ex ante;

61.

Jilqa’ l-fatt li minn Jannar 2012, l-Att il-ġdid dwar l-Akkwist Pubbliku daħal fis-seħħ, li jiżgura żieda fit-trasparenza, u li s-sena 2011 rat it-twettiq tal-proġett IPA ta’ ġemellaġġ qasir (Twinning light) tal-2008 bl-isem “Tisħiħ tal-Kapaċitajiet biex ikunu Rimedjati Irregolaritajiet fil-Proċeduri tal-Akkwist Pubbliku”, li inkluda inter alia sforzi fir-rigward taż-żieda tal-għarfien;

62.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Kroati biex l-akkumulazzjoni ta’ kapaċitajiet qawwija fil-qasam tal-akkwist pubbliku tingħata prijorità; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha rwol ċentrali fil-proċess ta’ adeżjoni kollu kemm hu, u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-korruzzjoni se jimpedixxi l-assorbiment futur tal-assistenza tal-Unjoni;

Parti IV   Rapport Speċjali Nru 16/2011 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Għajnuna finanzjarja tal-UE għad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja: Kisbiet u Sfidi Futuri”

63.

Jenfasizza li d-diżattivazzjoni se tkun kwistjoni dejjem aktar importanti fis-snin li ġejjin peress li terz tal-133 reattur nukleari li joperaw f’14-il Stat Membru għandhom jingħalqu sal-2025 (14);

64.

Jistieden lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu u lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jqisu l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (2014-2020);

Il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri

65.

Jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri jistgħu jingħataw fil-qosor kif ġej:

“(a)

B’riżultat ta’ qafas ta’ politika relattivament laxk, il-programmi ma jibbenefikawx minn valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet, prijoritizzazzjoni, l-iffissar ta’ għanijiet u riżultati speċifiċi li għandhom jintlaħqu. Ir-responsabbiltajiet huma mxerrdin, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-monitoraġġ u l-ilħuq tal-objettivi tal-programmi fit-totalità tagħhom. Is-superviżjoni mill-Kummissjoni tiffoka fuq l-eżekuzzjoni baġitarja u l-implimentazzjoni tal-proġetti.

(b)

M’hemmx valutazzjoni komprensiva li tirrigwarda l-progress tal-proċess tad-diżattivazzjoni u tal-mitigazzjoni. Ġie nnutat li kien hemm dewmien u spejjeż żejda fil-proġetti ta’ infrastruttura prinċipali.

(c)

Għalkemm ir-reatturi ngħalqu bejn l-2002 u l-2009, il-programmi għadhom ma wasslux għat-tibdiliet organizzattivi meħtieġa biex jippermettu lill-operaturi jinbidlu f’organizzazzjonijiet effettivi għad-diżattivazzjoni.

(d)

Ir-riżorsi finanzjarji disponibbli bħalissa (inkluża kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE li tammonta għal EUR 2,85 biljun sal-2013) mhumiex se jkunu suffiċjenti, u n-nuqqas ta’ finanzjament huwa sinifikanti (madwar EUR 2,5 biljun).” (15);

66.

Jinnota barra minn hekk, li l-iskema ta’ finanzjament imressqa mill-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal valutazzjoni ex ante komprensiva;

Konklużjonijiet tal-Parlament

67.

Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni deskritta fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tirreferi għall-perjodu sal-aħħar tal-2010 u li sussegwentament, il-Kummissjoni ħadet numru ta’ inizjattivi;

68.

Jinnota li l-objettiv globali tal-Unjoni fil-qasam nukleari huwa li timmassimizza s-sikurezza nukleari;

69.

Jinnota l-fehma tal-Kummissjoni li daħħlet qafas proċedurali li jistabbilixxi objettivi speċifiċi, jiddefinixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet u jiddefinixxi b’mod ċar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u ta’ superviżjoni (16);

70.

Jinnota r-risposta tal-Kummissjoni li tispjega li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kienet parti mill-valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011)1387) imwettqa fl-2011; il-valutazzjoni tal-impatt kopriet il-progress li sar s’issa, l-isfidi li fadal u ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-finanzjament;

71.

Ifakkar li t-Trattati ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u s-Slovakkja jistabbilixxu l-limiti għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-2009 u l-2006 rispettivament;

72.

Jilqa’ l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni Ewropea, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja (COM(2011) 783) li tibbaża ruħha fuq konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, mal-Istati Membri kkonċernati - il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja - u gruppi ta’ esperti fid-diżattivazzjoni; jilqa’ l-fatt li l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ April 2011 (17) u l-konklużjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditu tal-prestazzjoni tad-diżattivazzjoni tal-2011 tal-Qorti tal-Awdituri ntużaw bħala kontribuzzjoni;

73.

Josserva li l-esperti talbu pjan ta’ diżattivazzjoni sod u komplet bħala l-bażi għall-implimentazzjoni ta’ aktar appoġġ mill-Unjoni, inklużi estimi sħaħ tal-ispejjeż sad-data tat-tlestija tad-diżattivazzjoni; iqis li għandha tingħata indikazzjoni ċara tal-kofinanzjament nazzjonali u l-mod kif se jinkiseb dan il-finanzjament nazzjonali fit-tul taż-żmien;

74.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-objettivi intermedjarji prinċipali, kif definiti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq (18), kienu appoġġati b’mod ċar mill-partijiet interessati, kif kien l-iffukar tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-ilħuq ta’ objettivi intermedjarji konkreti bl-ogħla valur miżjud tal-Unjoni; jinnota li l-proċeduri ta’ konformità u l-monitoraġġ mill-qrib tal-ispejjeż għandhom jiġu kkunsidrati mil-bidu nett;

75.

Itenni u jenfasizza l-impenji reċiproċi meħuda mill-Unjoni u l-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Litwanja fir-rigward tad-diżattivazzjoni, rispettivament, ta’erba’ unitajiet tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Kozloduy, l-Unità 1 u l-Unità 2 tal-Impjant Nukleari Bohunice V1 u l-Unitajiet 1 u 2 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Ignalina;

76.

Jiddeplora l-fatt li, fil-każ tal-impjant nukleari ta’ Ignalina, proġetti rilevanti ħafna bħal B1 u B234 iffaċċjaw dewmien serju minħabba tilwim tekniku u kummerċjali, li ħoloq dannu ekonomiku estensiv kif ukoll nuqqas ta’ kontinwità fil-proċess ta’ diżattivazzjoni;

77.

Jemmen li l-pjan direzzjonali, b’soluzzjonijiet tekniċi li kien hemm qbil dwarhom, deċiż f’Lulju 2012 mill-impjant nukleari ta’ Ignalina u minn NUKEM/GNS, jikkostitwixxi pass importanti ‘l quddiem sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni ta’ imblokk relatata mal-faċilità ta’ ħażna provviżorja ta’ fjuwil użat B1;

78.

Jiddeplora l-fatt li r-rapport dettaljat tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali, mistenni fil-5 ta’ Ottubru 2012, ma ssodisfax l-iskadenza;

79.

Jilqa’ l-progress miksub dwar xi wħud mill-kwistjonijiet koperti mill-pjan direzzjonali, bħall-validazzjoni tal-kontenituri u l-miżuri ta’ titjib relatati mal-krejns;

80.

Għadu mħasseb, madankollu, li kwistjonijiet pendenti bħall-problema tal-ammortizzaturi u t-trattament tat-tnixxija u tal-fjuwil li m’għadux tajjeb għadu ma kienx hemm qbil dwarhom, u għalhekk jostakolaw l-implimentazzjoni rapida tal-pjan direzzjonali msemmi hawn fuq;

81.

Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet involuti jikkonkludu ftehim rapidu u f’ħin utli dwar il-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti;

82.

Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-missjoni għall-ġbir tal-fatti tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fil-Litwanja bejn l-10 u t-12 ta’ Lulju 2012 u f’dan ir-rigward jemmen li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi sospiża sakemm jintlaħaq ftehim fil-każ tal-proġetti B1 u B234;

83.

Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni ta’ EUR 230 miljun oħra għall-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina għall-perjodu 2014 sa 2017; itenni li l-flus għandhom ikunu allokati biss jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante stipulati fil-proposta msemmija hawn fuq għal regolament tal-Kunsill ikunu ġew issodisfati; jemmen li l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandha tiġi konkluża wara dik id-data;

84.

Jinsisti li l-attività tad-diżattivazzjoni għandha tkun ippjanata b’mod sikur u effiċjenti li jippermetti rilaxx rapidu tal-liċenzja tad-diżattivazzjoni, skont l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fil-pjanijiet rispettivi ta’ diżattivazzjoni;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament stima tal-finanzjament meħtieġ għad-diżattivazzjoni irriversibbli u totali tat-tliet impjanti tal-enerġija nukleari;

86.

Ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji nukleari biss jistgħu joħorġu liċenzji għad-diżattivazzjoni lil persuni legali f’konformità stretta mal-leġiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti;

87.

Jistieden lill-Gvern tal-Litwanja jistabbilixxi tim indipendenti ta’ ġestjoni tal-proġett għall-proġetti B1 u B234; josserva li ġestjoni indipendenti ta’ proġetti implimentati mill-impjant nukleari ta’ Ignalina għandha wkoll tiġi stabbilita, kif propost mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar Litwan;

88.

Jitlob li tiġi stabbilita skadenza ċara u inekwivoka għall-ksib tal-liċenzji tad-diżattivazzjoni, jekk dan għadu ma sarx;

89.

Jinnota bi tħassib li hemm dewmien fil-kostruzzjoni u fl-ikkompletar tal-faċilitajiet provviżorji biex jinħażen il-fjuwil użat, u sakemm ikunu disponibbli dawn il-faċilitajiet, ma jistgħux jitneħħew il-vireg tal-fjuwil nukleari; josserva li fir-rigward tal-impjant nukleari ta’ Ignalina, it-tneħħija u l-ħażna provviżorja f’kundizzjoni ta’ sikurezza ta’ vireg nukleari mill-Unità 2 għandhom ikunu prijorità;

90.

Jitlob li n-nuqqas ta’ qbil dwar l-interpretazzjoni tat-trattati, l-aġġudikazzjoni tal-kuntratti u t-tilwim tekniku u kummerċjali kontinwu bejn l-impjant nukleari ta’ Ignalina u l-kuntrattur ewlieni għaż-żewġ proġetti jiġi sottomess għal proċedura ta’ arbitraġġ; jinnota li kwalunkwe għajnuna finanzjarja addizzjonali mill-Unjoni għandha tkun sospiża sakemm tkun solvuta t-tilwima; jistieden lill-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament fuq bażi annwali dwar is-sitwazzjoni;

91.

Huwa mħasseb serjament li l-Qorti tal-Awdituri stmat in-nuqqas finanzjarju għat-tlestija tal-proġetti ta’ diżattivazzjoni fil-livell ta’ EUR 2 500 miljun; b’hekk jinħoloq nuqqas konsiderevoli fil-finanzjament;

92.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-gvernijiet tal-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja u timmassimizza l-progress fid-diżattivazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari billi tqiegħed għad-dispożizzjoni biżżejjed finanzjament sal-2017 jew, fejn xieraq, sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tistabbilixxi miri ta’ implimentazzjoni ambizzjużi u timmonitorja l-progress fil-ksib ta’ dawk il-miri; huwa tal-fehma li għandhom jiġu applikati pieni fil-każ ta’ nuqqas li jintlaħqu dawk il-miri; jitlob li jiġi ppreżentat rapport annwali dwar il-progress lill-Parlament;

93.

Jinnota li minn meta bdiet id-diżattivazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari fil-Litwanja, fis-Slovakkja u fil-Bulgarija, ir-responsabbiltà u l-obbligi tal-Istati Membri parteċipanti fil-proċess ta’ diżattivazzjoni ma ġiex definit b’mod ċar; jinnota li l-piż li ġej mir-responsabbiltà għall-proċess kollu kemm hu tad-diżattivazzjoni li jagħlqu l-impjanti tal-enerġija nukleari tagħhom kien sproporzjonat għall-Istati Membri;

94.

Jilqa’ l-fatt li l-proposta msemmija hawn fuq għal regolament tal-Kunsill (COM(2011) 783) mhux biss tistabbilixxi objettivi ġenerali iżda tistabbilixxi wkoll objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu, rilevanti u bi skeda ta’ żmien għat-tliet Stati Membri; jinnota li se jiġu definiti objettivi u indikaturi oħra tal-prestazzjoni fil-livell tal-proġetti, fil-miżuri ta’ implimentazzjoni u fil-programmi annwali ta’ ħidma;

95.

Huwa tal-fehma li fil-proposta għal regolament tal-Kunsill, il-bażi legali għall-għoti ta’ finanzjament addizzjonali għall-programm Ignalina għandu jkun il-Protokoll Nru 4 tal-Att ta’ Adeżjoni u mhux l-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;

96.

Jilqa’ l-fatt li, mhux iktar tard mill-aħħar tal-2015, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta’ valutazzjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-miżuri kollha, fil-livell ta’ riżultati u impatti, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-Unjoni tagħhom, bil-ħsieb ta’ deċiżjoni li temenda jew tissospendi l-miżuri; jitlob lill-Kummissjoni tagħtih kopja tar-rapport ta’ valutazzjoni;

97.

Jistieden lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) iqiegħed ir-rapporti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja għad-dispożizzjoni tal-Parlament;

98.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jivvalutaw il-valur miżjud tal-kooperazzjoni mal-BERŻ, u l-kapaċità tiegħu li jagħmilha ta’ amministratur tal-fondi, meta jitqies li l-Unjoni tipprovdi 96 % tal-finanzjament;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar il-proċessi ta’ diżattivazzjoni f’dawk it-tliet pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal ukoll rapport dwar id-diżattivazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari fi Greifswald, bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-aħjar prattika teknika u organizzattiva, u b’hekk tinħoloq bażi ta’ referenza għal proġetti futuri ta’ diżattivazzjoni;

Parti V   Rapport Speċjali Nru 1/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni Ewropea għas-sigurtà alimentari fl-Afrika sub-Saħarjana”

100.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u l-konklużjoni ġenerali tagħha li l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni għas-sigurtà alimentari fl-Afrika sub-Saħarjana hija fil-biċċa l-kbira effikaċi u tagħti kontribut importanti għall-ksib tas-sigurtà alimentari fil-pajjiżi sħab li għad ma għandhomx settur agrikolu sostenibbli u sikur; josserva madankollu, li skont il-Qorti tal-Awdituri, għad hemm lok għal titjib sinifikanti f’għadd ta’ oqsma;

101.

Jieħu nota, b’sodisfazzjoni, tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, fejn is-sigurtà alimentari hija parti mill-istrateġija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni hija rilevanti immens għall-bżonnijiet u l-prijoritajiet tal-Afrika sub-Saħarjana, u li l-Kummissjoni ffokat l-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-Unjoni fuq il-pajjiżi bl-aktar numru għoli ta’ persuni li jsofru mill-malnutrizzjoni;

102.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li hemm bżonn tingħata attenzjoni akbar lis-sigurtà alimentari fl-assistenza għall-iżvilupp tal-Unjoni;

103.

Jiddeplora l-fatt li għall-10 FEŻ, is-sigurtà alimentari, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ntgħażlu bħala settur ewlieni għal numru anqas ta’ pajjiżi sħab meta mqabbel mad-9 FEŻ u li diversi pajjiżi bi problema ta’ sigurtà alimentari rċevew ftit għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni f’dan il-qasam jew ma rċevew xejn; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li dan huwa inkonsistenti mas-sitwazzjoni kritika fir-rigward tal-Għan ta’ Żvilupp tal-Millenju 1: Eqred il-faqar estrem u l-ġuħ u l-prijorità akbar li l-FEŻ kien mistenni jagħti lis-sigurtà alimentari; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu aktar attenzjoni lil dan il-qasam meta jkunu qed ifasslu d-dokumenti ta’ strateġija għall-pajjiż tal-FEŻ u jallokaw aktar finanzjament għal dan l-iskop;

104.

Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għal valutazzjoni strutturata tal-qagħda tas-sigurtà alimentari f’kull pajjiż u għal kunsiderazzjoni sistematika tal-ambitu potenzjali għal appoġġ rilevanti tal-Unjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-programmazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-Unjoni, jistieden lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid jiżgura l-inkorporazzjoni tad-data u tal-analiżi mill-uffiċċji fil-post tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili u minn sorsi oħra u jgħin biex jiżgura li jkunu hemm fis-seħħ sistemi effikaċi ta’ twissija bikrija għan-nuqqas ta’ sigurtà alimentari; jistieden barra minn hekk lis-SEAE jgħin jiżgura li tinbena kapaċità governattiva korrispondenti biex tħaddem dawk is-sistemi b’mod sostenibbli, u li jiġu implimentati strateġiji ta’ prevenzjoni, sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ dawk l-aktar vulnerabbli;

105.

Josserva li wara l-kriżi tal-ikel tal-2008, li laqtet b’mod gravi lil ħafna pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana, il-prezzijiet tal-ikel reġgħu gradwalment lura għal-livelli preċedenti u huwa probabbli li l-volatilità u l-ispekulazzjoni jkomplu jippersistu; jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġiji ta’ reazzjoni għall-kontinġenzi differenti u tagħmel proposti rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota wkoll tal-fatt li prezzijiet tal-ikel li kull ma jmur qed jiżdiedu huma parti minn tendenza notevoli u fuq perjodu twil ta’ żmien li qed tiżdied, aktar milli kwistjoni ta’ żmien qasir, u għaldaqstant dan jirrikjedi strateġija olistika fuq perjodu twil marbuta b’mod dirett ma’ għanijiet ta’ żvilupp aktar wesgħin; jappella għall-inklużjoni ta’ Faċilità ġdida għall-Ikel jew mekkaniżmu simili fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014 sal-2020 ħalli tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi malajr għal kriżijiet ġodda tal-ikel bl-użu ta’ fondi simili, fid-dawl tan-nuqqas ta’ prevedibbiltà ta’ kriżijiet ġodda tal-ikel u l-volatilità akbar tal-prezzijiet tal-ikel; iqis li l-ispekulazzjoni finanzjarja taggrava l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u li, għaldaqstant, huwa neċessarju wkoll li jsiru interventi effikaċi kontra tali spekulazzjoni, inkluż permezz tar-regolamentazzjoni u tal-kontroll tas-suq tad-derivati;

106.

Jiddeplora l-fatt li, minkejja tkabbir ekonomiku qawwi, kwart tal-popolazzjoni fl-Afrika sub-Saħarjana għadu jsofri mill-malnutrizzjoni; jirrimarka li r-reġjun għandu t-teknoloġija, l-għarfien u r-riżorsi naturali biex ibiddel dan; jenfasizza li l-paċi, id-demokrazija u l-istabbilità politika huma essenzjali peress li l-aċċess għall-art u s-swieq, id-drittijiet tal-proprjetà u l-edukazzjoni se jippermettu li tiżdied l-influwenza u r-responsabilizzazzjoni tal-gvernijiet u tal-awtoritajiet pubbliċi;

107.

Josserva n-nuqqasijiet enfasizzati mill-Qorti tal-Awdituri fil-koordinazzjoni tal-użu tar-riżorsi allokati taħt il-FEŻ u l-linja baġitarja “sigurtà alimentari” għall-perjodu 1996-2006; jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-objettivi taż-żewġ strumenti, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn jikkomplementaw lil xulxin u li l-fondi inkwistjoni jintużaw b’mod kemm jista’ jkun effikaċi;

108.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu kont sistematiku tal-qagħda tas-sigurtà alimentari u n-nuqqas kroniku ta’ sigurtà alimentari, b’mod partikolari waqt l-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni;

109.

Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-rabta bejn l-assistenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-għajnuna; itenni l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna tal-Unjoni għall-iżvilupp barrani (ODA) għas-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta’ għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin ‘l hawn u jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura fl-għajnuna għall-iżvilupp tagħha, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq; jirrimarka li l-għajnuna għall-iżvilupp hija parti minn skema akbar fejn il-kummerċ, ir-rimessi u sorsi oħra ta’ introjtu huma llum il-ġurnata aktar importanti mill-pagamenti totali tal-ODA għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-politika agrikola komuni tostakola kummerċ ħieles u ġust mas-swieq emerġenti;

110.

Jenfasizza li l-katina tal-ikel kollha, mir-razzett sal-mejda tal-konsumatur, għandha tiġi indirizzata sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur agrikolu; jemmen li impenji politiċi fit-tul mill-gvernijiet tal-Afrika sub-Saħarjana huma neċessarji ħalli jitnaqqas il-livell tal-vulnerabilità tas-settur argrikolu; jirrimarka li sussidji temporanji fil-forma ta’ żerriegħa li tiflaħ għal kundizzjonijiet estremi ta’ temp jistgħu jservu ta’ xibka ta’ sikurezza importanti għall-bdiewa li joperaw fuq skala żgħira u l-familji li, mingħajr dawn, ikunu affettwati ħażin ħafna; jenfasizza l-importanza ta’ twissijiet bikrija u xogħol preventiv fil-qasam tas-sanità, iż-żerriegħa u l-għalf għall-annimali; jiddeplora l-fatt li l-vjolenza u n-nuqqas ta’ sigurtà jikkostitwixxu ostakolu għas-sigurtà alimentari fil-futur;

111.

Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm iffukar mill-ġdid fuq il-politika alimentari li tmur lil hinn mill-għajnuna alimentari, fuq il-kooperazzjoni bejn id-donaturi u bejn id-donaturi u l-benefiċjarji, bi sħubija msaħħa fuq il-livell Ewropew u globali, kif ukoll fuq ir-rwol kruċjali tal-pajjiżi sħab fil-provvediment tar-rekwiżiti bażiċi għal kwalunkwe progress sinifikanti f’dan is-settur, bħall-paċi interna u l-investiment fl-infrastruttura rurali; jenfasizza wkoll li l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fit-tul jirrikjedi sorsi ta’ introjtu sostenibbli apparti l-għajnuna; iqis li relazzjonijiet kummerċjali ħielsa u ġusti bejn l-Ewropa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’konformità mal-prinċipji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ huma essenzjali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà alimentari u jitħaffef l-iżvilupp uman fl-Afrika sub-Saħarjana;

112.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li perjodu ta’ implimentazzjoni itwal għall-Faċilità għall-Ikel (2008 sal-2010) kien ikun aktar adatt fid-dawl tal-objettivi tagħha u d-differenza eżistenti ta’ finanzjament bejn l-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni tagħha u l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tal-FEŻ (mill-2014); jenfasizza l-importanza li tiġi żġurata l-kontinwità tal-għajnuna fid-dawl tal-volatilità kontinwa u l-livell għoli tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi; jenfasizza l-bżonn li jinstabu, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Programm Dinji tal-Ikel, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu, il-komplimentarjetà u s-sinerġija bejn il-programmi ta’ sigurtà alimentari tal-Unjoni u l-programmi ta’ dawk u donaturi internazzjonali oħra;

113.

Jinsab imħasseb sew dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti li n-nutrizzjoni ġiet traskurata u huwa tal-fehma li dan huwa nkwetanti peress li l-malnutrizzjoni għandha konsegwenzi dannużi ħafna, b’mod partikolari jekk tirriżulta matul it-tqala u matul l-ewwel sentejn ta’ ħajja, u tista’ twassal għal dannu irriversibbli; jirrimarka li l-malnutrizzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvilupp uman, peress li tikkawża dannu irriversibbli fuq individwi u tikkawża telf soċjali u ekonomiku kbir għall-pajjiżi; jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni, espressa fil-Komunikazzjoni tagħha dwar qafas ta’ politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (COM(2010) 127), li tintegra l-aspett ta’ nutrizzjoni fil-programmi tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal Komunikazzjoni speċifika fuq dan l-aspett u tintegra strateġiji sodi u multisettorjali dwar in-nutrizzjoni fil-politika tagħha għall-iżvilupp; jirrimarka li wieħed mill-interventi l-aktar importanti u kosteffiċjenti huwa l-emanċipazzjoni tan-nisa, li tikkostitwixxi mod b’konsegwenzi vasti li bih il-familji jiġu megħjuna jagħtu prijorità lill-kura tas-saħħa u lin-nutrizzjoni tat-tfal;

114.

Jieħu nota tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-interventi tal-Unjoni b’mod ġenerali, kienu ġew ippjanati sew u jilħqu l-biċċa l-kbira tar-riżultati intiżi tagħhom, iżda jiddispjaċih li l-kwalità tal-objettivi kienet varjabbli u diffiċli titkejjel minħabba n-nuqqas ta’ indikaturi ta’ prestazzjoni u li s-sostenibbiltà tar-riżultati kienet dubbjuża għal dak li jikkonċerna nofs l-interventi suġġetti għall-awditu; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi aktar realistiċi u li jistgħu jitkejlu għall-interventi u ttejjeb id-definizzjoni tagħhom fil-programmi tal-appoġġ baġitarju ġenerali, fejn għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-inkoraġġiment tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ li dejjem qed jiżdiedu u l-interventi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni tan-nisa fis-settur agrikolu;

115.

Jibqa’ konvint mill-importanza tat-tisħiħ tal-aspett tan-nutrizzjoni fl-għajnuna għall-iżvilupp għas-sigurtà alimentari u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport bil-miktub dwar il-progress tagħha f’dan ir-rigward sar-rebbiegħa tal-2013;

116.

Josserva li l-impatt globali tal-azzjoni tal-Unjoni fuq is-sigurtà alimentari huwa wkoll iddeterminat mill-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija u l-kummerċ; jisħaq fuq il-bżonn ta’ garanzija tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, skont l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li dawk il-politiki għandhom iħaddnu u jirrispettaw il-prinċipju “tagħmilx ħsara”;

117.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha sabiex tappoġġa aktar is-sostenibbiltà finanzjarja tal-programmi agrikoli u tat-trasferimenti soċjali;

Parti VI   Rapport Speċjali Nru 2/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali”

118.

Jilqa’ favorevolment ir-Rapport Speċjali Nru 2/2012 li jikkonċentra fuq il-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013; jirrikonoxxi li r-Rapport Speċjali Nru 2/2012 iforni tagħrif dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR u huwa bbażat fuq kampjun ta’ awditjar ta’ proġetti fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fis-Slovakkja, fl-Ungerija u fil-Portugall;

119.

Huwa tal-fehma li tali rapport ta’ awditjar ikun ta’ valur kbir ukoll fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, billi jippermetti li jsiru konklużjonijiet ulterjuri rigward il-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) kofinanzjati mill-FEŻR; iqis ukoll li l-abbozzar ta’ tali rapport fi tmiem dak il-perjodu se jagħmilha possibbli li jiġi evitat li l-iżbalji jerġgħu jsiru, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri futuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR;

120.

Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni, għaliex jiġġeneraw l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-ġid; josserva, iżda, li l-SMEs jistgħu jsofru minn diskrepanzi fil-finanzjament, minħabba li ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għat-tip u l-ammont ta’ finanzjament li jkollhom bżonn f’mumenti partikolari;

121.

Jirrikonoxxi l-fatt li fi żmien ta’ trażżin fiskali u kapaċità mnaqqsa ta’ self tas-settur privat, l-SMEs u b’mod partikolari l-mikroimpriżi kienu dawk li l-aktar intlaqtu u għalhekk għandhom jiġu indirizzati b’mod speċifiku biex jirċievu appoġġ tal-Unjoni msaħħaħ biex ikomplu jiġġeneraw l-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tkabbir; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-SMEs li jiġġeneraw żvilupp sostenibbli fil-livell lokali u li l-politika ta’ koeżjoni, bħala strument ta’ investiment ewlieni għall-konverġenza u l-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni kollha, hija wieħed mill-kanali prinċipali ta’ appoġġ tal-UE għall-SMEs; jenfasizza, għalhekk, li l-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tal-SMEs għandu jissaħħaħ fil-ġejjieni peress li jista’ jiggarantixxi fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, irawwem sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u jikkawża effett multiplikatur bil-baġit tal-Unjoni;

122.

Ifakkar li biex tiġi sostnuta l-imprenditorija, l-Unjoni timplimenta l-politika imprenditorjali tagħha u l-politika ta’ koeżjoni tagħha l-aktar permezz ta’ għotjiet, iżda dejjem aktar permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-qafas tal-FEŻR; josserva li l-istrumenti finanzjarji huma rimborsabbli u jistgħu jerġgħu jintużaw u b’hekk jassiguraw li gruppi suċċessivi ta’ SMEs jistgħu jibbenefikaw;

123.

Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-aċċess għall-programmi ta’ finanzjament teħtieġ l-involviment attiv ta’ intermedjarji finanzjarji, li jittrasformaw fondi pubbliċi fi strumenti finanzjarji għall-SMEs; josserva li fondi addizzjonali mogħtija mis-settur privat jistgħu jiġu miżjuda mal-finanzjament pubbliku u b’hekk jiżdied l-ammont totali disponibbli għall-investimenti fl-SMEs; josserva li din l-azzjoni hija komunement definita bħala effett ta’ ingranaġġ jew effett multiplikatur;

124.

Jenfasizza li n-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi wassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ negozji ġodda li għadhom jibdew (start-ups), li jfisser li r-rwol tal-istrumenti finanzjarji kofinanzjati mill-FEŻR fl-istimolazzjoni tal-imprenditorija qiegħed jassumi importanza li kulma jmur qiegħda tikber;

125.

Ifakkar li l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri kkonċentra fuq il-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-FEŻR matul il-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013 u li r-riżultati tal-awditjar huma bbażati fuq rieżami dirett ta’ kampjun ta’ proġetti u fuq eżami tas-sistemi ta’ ġestjoni, monitoraġġ u informazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri;

126.

Josserva li l-Qorti tal-Awdituri kkonċentrat l-awditjar tagħha fuq tliet tipi ewlenin ta’ strumenti finanzjarji: strumenti ta’ ekwità, ta’ self u ta’ garanzija; jikkonstata li dawn kollha huma strumenti eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEŻR, iżda jridu jirrispettaw ir-regoli ta’ eliġibilità tal-Unjoni u dawk nazzjonali; itenni li l-objettiv prinċipali tal-awditjar kien li jivvaluta jekk in-nefqa tal-FEŻR fuq il-miżuri tal-inġinerija finanzjarja għall-SMEs kinitx effikaċi u effiċjenti;

127.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rigward tal-valutazzjoni tad-diskrepanzi tal-finanzjamenti; jinnota li fil-proposta leġiżlattiva (19) għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss tali valutazzjoni ssir obbligatorja fil-forma ta’ valutazzjoni ex ante; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti rilevanti, inklużi punti ta’ riferiment kwantifikati, rigward ir-rwol u l-applikazzjoni tal-valutazzjoni ex ante fir-regolament rilevanti bħala parti mill-att bażiku; iqis li l-kwestjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw ukoll għandha tiġi ttrattata fil-proposta leġiżlattiva għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

128.

Jikkonstata li r-regolamenti tal-Fondi Strutturali jippermettu li tiġi stabbilita preferenza għas-settur privat meta mqabbel ma’ dak pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni ssib ġustifikazzjoni adegwata għal din il-pożizzjoni privileġġata, billi dan it-trattament jaf jillimita l-kapaċità li dak li jkun jerġa’ jidħol fil-pussess tal-fondi f’eċċess u l-possibilità li tali fondi jiġu allokati lil SMEs oħrajn;

129.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri kienu ostakolati minn dawn in-nuqqasijiet li ġejjin:

il-valutazzjonijiet tad-diskrepanzi fil-finanzjament tal-SMEs, jekk disponibbli, sofrew minn nuqqasijiet sinifikanti u dawn il-valutazzjonijiet tad-diskrepanzi ma sarux pubbliċi b’mod sistematiku;

ir-regolamenti tal-Fondi Strutturali, li oriġinarjament tfasslu għall-għotjiet, fihom dgħufijiet importanti, minħabba li dawn ma jindirizzawx l-ispeċifiċitajiet tal-istrumenti finanzjarji;

qabel ma l-fondi jaslu għand l-SMEs, ġie reġistrat dewmien sinifikanti, u, meta mqabbel ma’ programmi oħra tal-Unjoni għall-SMEs, il-possibilità tal-FEŻR li jkollu effett ta’ lieva fuq l-investimenti privati kienet fqira;

130.

Ifakkar ukoll li, fl-opinjoni tiegħu dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (20), il-Kumitat Parlamentari għall-Iżvilupp Reġjonali talab li tingħata garanzija ta’ ċarezza, sempliċità u trasparenza immedjati tal-qafas ġuridiku tal-istrumenti finanzjarji u riferiment ġuridiku koerenti lid-definizzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji;

131.

Josserva bi tħassib li r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni preċedenti, il-kumitati ta’ monitoraġġ u l-indikaturi tal-programmi operattivi tqiesu bħala inadegwati jew mhux xierqa għall-objettivi u l-finijiet tal-istrumenti finanzjarji; jilqa’ favorevolment l-iżviluppi fl-attivitajiet ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ reġistrati b’JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Impriżi Mikro sa Medji);

132.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li, fil-livell tal-fondi ta’ parteċipazzjoni (holding funds), il-Qorti tal-Awdituri ma ltaqgħatx ma’ ingranaġġ sinifikanti tas-settur privat għall-perjodi ta’ programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013; huwa sorpriż bil-fatt li, is-soltu, fil-ftehimiet tal-finanzjament bejn l-Awtoritajiet Ġestjonarji u l-intermedjarji finanzjari ma jkun hemm l-ebda rekwiżit espliċitu ta’ ingranaġġ, ħlief għal ċerti fondi ta’ ekwità, li kellhom rekwiżiti ta’ ingranaġġ vinkolanti għal koinvestituri privati;

133.

Jappoġġa l-appell tal-Qorti tal-Awdituri għal definizzjoni aktar ċara tal-kunċett ta’ ingranaġġ fl-istrumenti finanzjarji; jenfasizza, madankollu, li fid-dawl tal-pressjoni biex jiġi realizzat ingranaġġ ogħla, huwa importanti li niftakru li l-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni ġeneralment qed jiffinanzjaw proġetti f’reġjuni li huma anqas żviluppati u f’reġjuni li għaddejjin minn diffikultajiet ekonomiċi, bil-għan li jittejbu s-sitwazzjonijiet ta’ falliment tas-swieq u investiment mhux ottimali, u b’hekk l-istrumenti finanzjarji fil-politika ta’ koeżjoni ma jikkonċentrawx biss fuq il-profitabilità fuq perjodu qasir imma wkoll fuq benefiċċji soċjoekonomiċi għolja, speċjalment fil-livell reġjonali u f’dak lokali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-governanza fuq ħafna livelli u l-ġestjoni kondiviża fit-tfassil u t-twettiq tal-programmi bħala l-kunċetti fundamentali li jrieġu l-politika ta’ koeżjoni u jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali jkollhom sehem fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi; jenfasizza, għalhekk, li l-qafas leġiżlattiv jeħtieġ li jżomm ċertu livell ta’ flessibilità anke f’dak li huma d-definizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-effett tal-ingranaġġ;

134.

Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji innovattivi biex jinbena l-kapital u jissaħħu l-investimenti, meta mqabbel mal-għotjiet li b’mod konsistenti jitqiesu eċessivament ikkumplikati u burokratiċi mill-benefiċjarji tagħhom; jenfasizza li l-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji jistgħu jiżvolġu rwol importanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jattiraw fondi minn investituri oħra f’oqsma ta’ interess qawwi tal-Unjoni;

135.

Jikkonstata, barra minn hekk, li għall-istrumenti ta’ ekwità u ta’ self, il-Qorti tal-Awdituri sabet li l-effett ta’ ingranaġġ miksub ma kienx sinifikanti u kien inqas mill-parametri ta’ paragun; josserva b’sodisfazzjon il-fatt li, b’kuntrast, l-effett ta’ inċentiv għall-istrumenti ta’ garanzija kien ogħla;

136.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, mingħajr dewmien, għal dak li għandu x’jaqsam mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; iqis ta’ importanza partikolari ż-żieda, fil-futur, tal-kapaċità tal-FEŻR li jinċentiva l-investimenti privati li jikkorrispondu mal-kontribuzzjonijiet pubbliċi;

137.

Jinsab imħasseb bid-dewmien mifrux biex l-SMEs jiksbu aċċess għal finanzjamenti fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Awtoritajiet Ġestjonarji jevitaw dewmien fl-għoti ta’ aċċess għall-SMEs għall-finanzjamenti, prinċipalment minħabba raġunijiet amministrattivi, ġuridiċi, organizzattivi jew strateġiċi; jiddispjaċih dwar il-fatt li, mil-lat tal-Awtoritajiet Ġestjonarji, l-użu tal-alternattiva tal-għotjiet għall-SMEs isir aktar konvenjenti;

138.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq kemm jista’ jkun malajr, proposta integrata u ta’ kjarifika dwar il-problemi kkawżati mill-firxa attwali ta’ definizzjonijiet ta’ SMEs, li jvarjaw fl-Unjoni skont finijiet jew objettivi differenti, u tipproponi modi possibbli ta’ rimedju għas-sitwazzjoni;

139.

Jiddeplora l-fatt li, f’ċerti każijiet, l-informazzjoni dwar il-kostijiet ta’ ġestjoni mġarrba mill-SMEs ma kinux disponibbli jew ma kinux affidabbli; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-qagħda attwali u jagħtu, fil-futur, l-informazzjoni kollha rilevanti; jirrikonoxxi li għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-kostijiet tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarji (il-kost tal-ġestjoni tal-fond ta’ parteċipazzjoni JEREMIE u l-kost tal-ġestjoni tal-intermedjarji finanzjarji) u l-kost għall-SMEs;

140.

Jiddeplora l-fatt li f’għadd ta’ każijiet l-intermedjarji finanzjarji maħtura mill-Awtoritajiet Ġestjonarji rispettivi ċċarġjaw lill-SMEs individwali l-ispejjeż ta’ rifinanzjament u ta’ pproċessar; jenfasizza li l-ispejjeż ta’ rifinanzjament u ta’ pproċessar għandhom ikunu partiti ta’ nefqa operattiva ordinarja għall-intermedjarji finanzjarji;

141.

Jenfasizza l-importanza li jkunu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjamenti u li jitnaqqsu r-rekwiżiti għall-kofinanzjament;

142.

Jesprimi tħassib bil-fatt li l-gwida tal-Kummissjoni ma tiddefinixxix it-termini u l-kundizzjonijiet li jistgħu jimpedixxu li l-SMEs jiġu ċċarġjati kostijiet mhux korrispondenti għar-riskju reali li dawn jassumu jew għal servizzi mogħtija mill-intermedjarji finanzjarji;

143.

Jirrakkomanda li fid-dawl tal-kumplessità kombinata tal-istrumenti finanzjarji, tal-ġestjoni kondiviża u tar-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat u l-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni għandha ttejjeb is-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ monitoraġġ bejn il-Kummissjoni, l-Awtoritajiet Ġestjonarji u l-benefiċjarji (l-intermedjarji finanzjarji) u tagħti, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-qafas regolatorju 2007-2013, gwida u konsulenza aħjar;

144.

Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha toffri sistema ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni affidabbli u teknikament robusta speċifika għall-istrumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri rigward qbil mal-Istati Membri dwar għadd żgħir ta’ indikaturi tar-riżultati li jistgħu jitkejlu, rilevanti, speċifiċi u uniformi għall-istrumenti finanzjarji, li jkunu jsaħħu kemm il-proċess tal-monitoraġġ u kemm dak tal-awditjar;

145.

Josserva li l-frammentazzjoni territorjali u l-massa kritika insuffiċjenti jħallu impatt fuq il-kapaċità ta’ attrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u jimponu ċerti kundizzjonijiet finanzjarji u kostijiet possibbli ta’ ġestjoni relattivament għoljin; josserva li tali karatteristiċi tal-FEŻR ostakolaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-istrumenti finanzjarji fid-diversi perjodi ta’ programmazzjoni kollha li jirfdu l-appoġġ tal-FEŻR għall-SMEs;

146.

Jiddispjaċih li, matul il-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi tal-programm operattiv, l-awtoritajiet pubbliċi, li s-soltu mhumiex familjari mal-finanzjament tal-SMEs, allokaw kontribuzzjonijiet pubbliċi għal fondi b’mod li d-daqs tagħhom ħafna drabi waqa’ taħt il-massa kritika; jinsisti fuq il-fatt li d-diversi programmi operattivi tematiċi b’objettivi ekonomiċi, ambjentali, soċjali u territorjali multipli kienu fl-oriġini ta’ din is-sitwazzjoni;

147.

Huwa tal-fehma li, huma u jipproponu miżuri ta’ inġinerija finanzjarja, l-Awtoritajiet Ġestjonarji għandhom jaċċertaw li l-proposta tagħhom tkun debitament motivata minn valutazzjoni ta’ kwalità għolja tad-diskrepanza fil-finanzjament tal-SMEs, abbażi ta’ metodoloġija standardizzata u komunement aċċettata; jappoġġa l-fatt li qabel l-approvazzjoni tal-programmi operattivi, inklużi l-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konsistenza tagħhom mal-valutazzjoni tad-diskrepanza tal-SMEs u tiggarantixxi l-kwalità ta’ din tal-aħħar;

148.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess għall-SMEs fejn jidħlu sorsi ta’ finanzjament; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, sabiex ikun ottimizzat id-daqs tal-provvista tal-finanzjamenti għall-SMEs, huwa meħtieġ li l-għarfien tal-partijiet interessati fir-rigward tal-bżonnijiet speċifiċi marbuta mal-finanzjamenti tal-SMEs jiżdied kemm jista’ jkun;

149.

Huwa tal-fehma li l-effett multiplikatur għandu juri kemm il-kontribuzzjonijiet finanzjarji inizjali tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri attiraw finanzjament privat; iqis li l-kofinanzjament ta’ strumenti finanzjarji min-naħa tal-Istati Membri għandu jiġi kkunsidrat, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, bħala parti mill-finanzjamenti pubbliċi;

150.

Iqis li kwistjonijiet li għandhom ikunu koperti b’atti delegati, li huma maħsuba li jkopru elementi mhux essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ma għandhomx jittrattaw, fir-realtà, elementi ewlenin tal-iskema futura ta’ Koeżjoni (21);

151.

Jirrakkomanda b’mod qawwi li l-Kunsill u l-Kummissjoni, huma u jfasslu proposti għal regolamenti tal-Fondi Strutturali, għandhom jipprevedu qafas regolatorju aktar xieraq ħalli t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ inġinerija finanzjarja ma jintlaqtux min-nuqqasijiet tal-qafas regolatorju, tar-restrizzjonijiet ġeografiċi u tal-effetti ta’ tixrid tal-Fondi Strutturali; jitlob li t-tagħlimiet li nsiltu mill-perjodu ta’ programmazzjoni attwali jkunu riflessi meta jitfasslu l-proposti għar-regolament dwar il-Fondi Strutturali; iqis, b’mod partikolari, li l-proposti għandhom ikunu orjentati lejn il-prestazzjoni u r-riżultati aktar milli lejn il-konformità biss;

152.

Huwa favorevoli għall-fatt li l-Kummissjoni tipprevedi sistema ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni affidabbli u teknikament solida, speċifika għall-istrumenti finanzjarji, anki billi tissepara l-istrumenti finanzjarji mill-għotijiet proprji fil-proċessi ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ awditjar tal-Kummissjoni, u li l-ammont ta’ flus effettivament imħallsa lill-SMEs ikun trasparenti; jinkoraġġixxi, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jaqblu dwar għadd żgħir ta’ indikaturi li jistgħu jitkejlu, rilevanti, speċifiċi u li jipproduċu riżultati uniformi għall-istrumenti finanzjarji;

153.

Jaqbel mal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibilità li toffri lill-Istati Membri strutturi u strumenti ta’ inġinerija finanzjarja għal SMEs diġà konsolidati (eż. għotjiet marbuta mal-pagament ta’ royalties, mezzi ta’ investiment dedikati), biss jekk dawn ikunu jistgħu jkollhom il-konsegwenza li jħaffu l-implimentazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż ta’ ġestjoni, għalkemm b’tali mod li din il-prekundizzjoni ma tfixkilx b’mod eċċessiv l-opportunitajiet tal-SMEs biex jagħmlu użu minn dawk l-iskemi ta’ finanzjament; jenfasizza l-importanza li jiġi garantit li l-inġinerija finanzjarja tkompli tkun flessibbli biex tadatta ruħha kemm għad-disparitajiet reġjonali kif ukoll għall-bidliet fis-suq;

154.

Josserva li l-Istati Membri, bis-sostenn tal-Kummissjoni, għandhom jimmiraw lejn l-inklużjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha għall-SMEs kofinanzjati mill-FEŻR fi programm operattiv uniku għal kull Stat Membru jew f’assi prijoritarju uniku fil-programm operattiv nazzjonali ta’ Stat Membru, bil-għan li jiġi razzjonalizzat il-proċess ta’ ppjanar u titneħħa waħda mill-kawżi ewlenin ta’ dewmien misjuba;

155.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tipproponi definizzjoni komuni ta’ effett multiplikatur, kunċetti standard ta’ riċiklaġġ fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali, skont it-tip ta’ fond ta’ parteċipazzjoni, kif ukoll teżiġi koeffiċjenti ta’ ingranaġġ minimi, perjodi ta’ rotazzjoni minimi u data għall-kalkolu tal-indikaturi tal-effett ta’ ingranaġġ kuntrattwalment vinkolanti; iqis li l-kunċett ta’ valur miżjud għandu jiġi kkunsidrat bħala komponent importanti fil-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ ingranaġġ, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi politiċi rilevanti u jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq; iqis li għal dan il-għan huwa rakkomandabbli li l-kunċett ta’ valur miżjud Ewropew ikun espress fil-qafas ġuridiku għall-perjodu 2014-2020;

156.

Jitlob lil-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw metodi alternattivi fir-rigward tas-sostenn lill-SMEs permezz ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jekk il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni ma tirriżultax idonea; josserva li dawn l-istrumenti għandhom ikunu sostnuti minn programmi ġestiti ċentralment mill-Kummissjoni, minn mezzi ta’ investiment dedikati f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri jew permezz ta’ programmi ġestiti direttament mill-Istati Membri;

157.

Ifakkar li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali msemmija hawn fuq dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-QFP li jmiss tilqa’ pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tiġi estiża fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni għall-objettivi tematiċi kollha u għall-fondi kollha tal-qafas strateġiku komuni fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

Parti VII   Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Il-fondi strutturali: Il-Kummissjoni kellha suċċess biex tittratta n-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri?”

158.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 3/2012 tal-Qorti tal-Awdituri; japprova r-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni timplimentahom b’mod effettiv u kemm jista’ jkun malajr;

159.

Jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni b’mod sistematiku bdiet azzjonijiet korrettivi u li l-azzjonijiet mitluba, f’90 % tal-każijiet, kienu reazzjoni adegwata għan-nuqqasijiet (punt 27);

160.

Jinnota li madwar 75 % tar-rikjesti bbażati fuq ir-rapporti annwali kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 (22) ma ġewx segwiti minn korrezzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant, tipprovdi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ korrezzjonijiet finanzjarji f’dan il-kuntest;

161.

Jinsab imħasseb dwar ir-rekwiżiti differenti tal-Kummissjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ kontrolli tal-ewwel livell, billi din is-sitwazzjoni tista’ potenzjalment twassal sabiex spejjeż irregolari ma jiġux identifikati; jitlob lill-Kummissjoni tapplika approċċ koerenti fir-rigward ta’ rikjesti għal kontrolli tal-ewwel livell u tipprovdi informazzjoni għall-perjodi ta’ programmazzjoni wara dak tal-2000-2006; jinnota li l-bażi legali għall-perjodu 2007-2013 tirrikjedi li l-awtoritajiet tal-ġestjoni jivverifikaw b’mod amministrattiv l-applikazzjonijiet kollha għar-rimborż minn benefiċjarji skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 (23);

162.

Jistieden lill-Kummissjoni xxerred b’mod saħansitra aktar estensiv listi ta’ kontroll elaborati u manwali tal-aħjar prattiki (b’konċentrazzjoni speċjali fuq ir-regoli ta’ eliġibilità) li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri u ssaħħaħ is-superviżjoni tagħha ta’ kif dawn l-elementi jiġu meqjusa;

163.

Jemmen li l-kontrolli tal-ewwel livell huma tal-akbar importanza biex tiġi żgurata rata ta’ żbalji robusta sa mill-bidu tal-proċess ta’ implimentazzjoni; jemmen għalhekk, li l-awtorità tal-ġestjoni għandha jew tiġi akkreditata mill-Kummissjoni jew li l-Kummissjoni jmissha tgħin u tissorvelja lill-awtorità tal-ġestjoni fl-eżerċitar tal-kontrolli tal-ewwel livell imsemmija hawn fuq;

164.

Jinsab partikolarment imħasseb madankollu, dwar l-osservazzjonijiet li ġejjin:

l-azzjonijiet korrettivi ħadu medjament 30 xahar (punt 32) u d-dewmien fil-maġġorparti tiegħu kien attribwit għall-Istati Membri kkonċernati, għalkemm il-Kummissjoni kienet parzjalment responsabbli f’39 % tal-każijiet u kellha r-responsabbilità totali f’5 % tal-każijiet (punt 35),

il-Kummissjoni kisbet grad għoli ta’ ċertezza li l-korrezzjonijiet finanzjarji huma eżatti f’67 % tal-każijiet biss (punt 55),

il-Kummissjoni kisbet grad għoli ta’ ċertezza li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri tjiebu wara l-azzjonijiet korrettivi, fi 28 % tal-każijiet biss (punt 64), u dan ifisser li jinħtieġ sforz kunsiderevoli fil-proċess ta’ għeluq;

165.

Jinsab ulterjorment imħasseb dwar is-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li l-awditjar ta’ segwitu tal-Kummissjoni li għandu l-għan li jeżamina bir-reqqa l-affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri, kien jeħtieġ azzjonijiet korrettivi ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri fi 78 % tal-każijiet (punt 45); jinsab imħasseb għaldaqstant li l-Kummissjoni xi drabi bbażat fuq informazzjoni potenzjalment mhux affidabbli billi l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri ma ġietx iddubitata biżżejjed (pereżempju punt 57, kaxxi 9 u 12) u li l-Kummissjoni ma analizzatx adegwatament l-affidabilità tal-informazzjoni; jindika li n-nuqqas ta’ affidabilità tad-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri teħtieġ riżorsi ta’ awditjar ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni; jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jinsab bilanċ adegwat bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ tali awditjar ta’ segwitu (punt 46);

166.

Jemmen li bit-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni fil-kontrolli ex-ante, aktar milli fil-kontrolli ex-post jista’ jintlaħaq grad ta’ effiċjenza sostanzjalment ogħla;

167.

Ifakkar lill-Kummissjoni li skont ir-rapport Annwali tal-2010 tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rata ta’ żbalji fil-qasam politiku tal-Koeżjoni żdiedet, sitwazzjoni li treġġa’ lura t-tendenza pożittiva osservata fis-snin li għaddew u li tmur kontra tnaqqis aċċelerat tar-rati ta’ żbalji, kif talab il-Parlament fil-kuntest tal-kwittanza tal-2008 (24);

168.

Itenni l-importanza tar-rwol superviżorju li teżerċita l-Kummissjoni sabiex tkun tista’ ġġorr ir-responsabilità finali għall-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-oqsma tal-ġestjoni kondiviża; ifakkar fil-pjan ta’ azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali (COM(2008) 097) u l-qafas ġuridiku mtejjeb għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, bil-għan li jitnaqqas il-livell ta’ żbalji fl-azzjonijiet strutturali u b’hekk jitħares il-baġit tal-Unjoni; jinnota madankollu, li l-pjan ta’ azzjoni tal-2008 daħal fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 u seta’ għalhekk ikopri l-proċess ta’ għeluq ta’ dak il-perjodu biss; jistieden lill-Kummissjoni għaldaqstant tinforza bis-sħiħ il-miżuri stipulati fil-pjan ta’ azzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u lil hinn minnu; jistenna min-naħa tal-Kummissjoni tnaqqis kunsiderevoli u konsistenti fir-rati tal-iżbalji f’dan il-kuntest, b’mod partikolari fir-rigward ta’ programmi li mistennija jkollhom l-ogħla rati ta’ żbalji; jipproponi li l-Qorti tal-Awdituri twettaq b’mod regolari valutazzjoni tal-kwalità teknika u etika tal-awtoritajiet ta’ awditjar nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tagħhom, u tagħmel rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha;

169.

Jenfasizza li l-ħeffa hija essenzjali fil-proċess tal-kontrolli biex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-kontribwenti tal-Unjoni jiġu mħarsa; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iskrutinju, il-valutazzjoni u l-azzjoni ta’ segwitu l-aktar bikrija possibbli fis-superviżjoni futura tagħha tal-ġestjoni ta’ dawn il-fondi;

170.

Jemmen li t-titjib tar-rwol superviżorju tal-Kummissjoni huwa proċess kontinwu; jenfasizza f’dan il-kuntest il-kumment tal-Qorti tal-Awdituri li għalkemm is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kienu effettivi f’ċertu żmien, dan ma jfissirx neċessarjament li dawn se jkomplu jkunu effettivi, billi s-sistemi, il-persunal u l-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet strutturali jistgħu jinbidlu; jistieden lill-Kummissjoni tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; jikkunsidra li t-titjib tal-pjan ta’ azzjoni huwa neċessarju f’każ li l-aspettattivi fir-rigward tat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni ma jintlaħqux;

171.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforz biex tiżgura li l-Istati Membri ma jaffettwawx il-kontinwità tal-programmi billi jbiddlu l-entitajiet, is-sistemi u l-persunal responsabbli għall-kontroll tal-Fondi Strutturali, li jkunu diġà ġew iċċertifikati bħala effettivi mill-Kummissjoni;

172.

Jinnota b’sodisfazzjon in-numru għoli ta’ azzjonijiet preventivi, inklużi korrezzjonijiet finanzjarji infurzati mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fl-2008; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt ta’ dawk il-korrezzjonijiet fuq ir-rata ġenerali ta’ żbalji għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006.

173.

Itenni l-idea ta’ awditjar uniku li ġiet iddikjarata mill-Qorti tal-Awdituri fl-Opinjoni Nru 2/2004 tagħha; jemmen li f’sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti, il-prinċipji u l-istandards komuni għandhom ikunu l-bażi għall-amministrazzjoni fil-livelli kollha (25);

174.

Jinsab konvint li l-Kummissjoni għandha tkompli timmira lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awditjar uniku; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li tiġi żgurata l-kwalità tax-xogħol tal-awtoritajiet ta’ awditjar fil-perjodi attwali u li ġejjin u li l-indipendenza tagħhom tkun garantita, u li sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa essenzjali li jiġu stabbiliti standards komuni ċari u trasparenti għal dan l-awditjar; jinnota li, sakemm l-awtoritajiet ta’ awditjar jipproduċu riżultati affidabbli, il-baġit tal-Unjoni jista’ jitħares b’mod adegwat anki jekk ikun hemm rati għoljin ta’ żbalji peress li l-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji b’reazzjoni għal dawn ir-rati ta’ żbalji; itenni madankollu l-fatt li f’każijiet bħal dawn, il-kontribwenti nazzjonali jkollhom iħallsu darbtejn u huwa għalhekk li l-prevenzjoni tal-iżbalji hija dejjem aktar effiċjenti minn korrezzjoni aktar tard, kemm għall-Kummissjoni u kemm għall-Istati Membri kkonċernati; jenfasizza speċifikament f’dan il-kuntest l-inċiż 2 tar-rakkomandazzjoni numru 1 tal-Qorti tal-Awdituri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta din ir-rakkomandazzjoni;

175.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, b’kunsiderazzjoni għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tirrapporta lill-Parlament dwar kif il-Kummissjoni se tiżgura l-legalità u r-regolarità fil-proċess;

176.

Jistieden lill-Kummissjoni barra minn hekk, tqis it-tagħlimiet li nsiltu mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet strutturali għall-perjodu 2007-2013 u żżomm f’moħħha l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fid-diskussjonijiet dwar l-azzjonijiet strutturali tal-futur għall-perjodu 2014-2020;

177.

Jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandha tapprofondixxi l-involviment tagħha fil-proċess ta’ skrutinju tal-Fondi Strutturali billi tkompli tgħin u tissorvelja aktar l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll il-korpi ta’ stralċ, matul il-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni u tal-verifika, sabiex jiġi żgurat proċess saħansitra aktar effiċjenti u li jieħu anqas ħin u riżorsi;

Parti VIII   Rapport Speċjali Nru 4/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-użu ta’ Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għall-kofinanzjament ta’ infrastrutturi tat-trasport fil-portijiet: investiment effettiv?”

Introduzzjoni

178.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jinnota l-evalwazzjoni kritika tal-prestazzjoni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri fir-rigward tal-effikaċja u l-kosteffiċjenza tan-nefqa tal-fondi fil-qasam tal-proġetti kofinanzjati tal-portijiet;

179.

Jilqa’ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tal-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

180.

Jikkunsidra l-maġġoranza ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni sabiex jiġu evitati nuqqasijiet fil-futur tat-tip żvelat mir-rapport sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ nfiq aktar effikaċi u aktar kosteffiċjenti;

181.

Jikkunsidra, madankollu, li hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Kummissjoni;

Riżultati

182.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li

mis-27 proġett li ġew eżaminati, erba’ ma kinux tlestew sal-ħin meta ġie konkluż ir-rapport, b’żewġ proġetti li kienu għadhom ma tlestewx sa Jannar 2012;

proċeduri amministrattivi għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet u permessi għall-bini kienu ħafna drabi twal u ta’ piż u f’xi każijiet ikkawżaw dewmien u nfiq addizzjonali;

żewġ proġetti kellhom objettivi li ma kinux konformi la mal-objettivi tal-politika tat-trasport u lanqas mad-deskrizzjoni fil-programm operattiv li abbażi tiegħu kienu ġew iffinanzjati;

183.

Jinnota li:

sal-ħin meta ġie konkluż ir-rapport, erba’ proġetti kienu għadhom mhux qed jintużaw minkejja li kienu tlestew, iżda issa qegħdin jintużaw;

l-ebda wieħed mir-reġjuni ma kellu pjan ta’ żvilupp tal-port fuq medda twila ta’ żmien; madankollu, dawn il-pjanijiet ma kinux kondizzjoni ta’ finanzjament;

184.

Jaqbel mal-Kummissjoni li r-riżultati u l-impatt tal-investiment fl-infrastruttura tat-trasport mhumiex dejjem tanġibbli immedjatament wara li jkun tlesta x-xogħol tal-konstruzzjoni, peress li jieħdu xi żmien biex jimmaterjalizzaw;

185.

Jikkonkludi li

il-Kummissjoni ma tirċevix biżżejjed informazzjoni dwar il-progress ta’ proġetti, peress li l-informazzjoni disponibbli ma wasslitx għal azzjoni sabiex jiġu rimedjati d-dgħufijiet tal-proġetti;

in-noti ta’ gwida u s-seminars tat-taħriġ ipprovduti mill-Kummissjoni ma kinux fihom infushom biżżejjed sabiex iqajmu b’mod suffiċjenti kuxjenza dwar il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda;

id-dispożizzjonijiet legali li jiddeskrivu r-rwol konsultattiv tal-Kummissjoni fil-kumitati ta’ monitoraġġ jistgħu jkunu limitati wisq, u l-“għodda l-oħra” tagħha li hija intenzjonata sabiex tinfluwenza nfiq effikaċi tista’ ma tkunux effettiva, peress li l-Qorti tal-Awdituri sabet li kien hemm ftit evidenza li l-Kummissjoni intervjeniet mal-kumitati sabiex tiżgura nfiq effikaċi jew sabiex tistabbilixxi indikaturi tar-riżultati u tal-impatt;

peress li l-marinas jipprovdu aċċess biss għal minoranza tal-popolazzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala titjib għall-aċċessibbiltà ta’ gżejjer, u għalhekk il-kostruzzjoni tagħhom mhijiex konformi mal-politika tat-trasport, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-każijiet fejn bastimenti żgħar jintużaw b’mod komuni bħala mezz ta’ trasport regolari bejn il-gżejjer u l-kostruzzjoni ta’ marina tipprovdi konnettività mtejba għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

il-faċilitajiet ta’ baċiri għal kostruzzjonijiet speċjali mhumiex konformi mal-objettivi tal-linji gwida TEN-T anke jekk ikunu jistgħu jintużaw għall-manutenzjoni, peress li ma jissodisfaw l-ebda waħda mill-“Ispeċifikazzjonijiet għal proġetti ta’ interess komuni li għandhom x’jaqsmu man-netwerk tal-portijiet tal-baħar” kif iddefinit fit-Taqsima 5(2)(III) tad-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1346/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri

186.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha:

taħdem sabiex l-eżistenza ta’ strateġija għall-iżvilupp komprensiv fit-tul tal-portijiet issir kondizzjoni ta’ għajnuna għall-politika ta’ koeżjoni għall-infrastrutturi tal-portijiet;

twettaq żjarat fuq il-post dwar kwistjonijiet ta’ effikaċja matul il-kostruzzjoni,

twettaq kontrolli ex post fuq l-użu u l-prestazzjoni tal-infrastrutturi kofinanzjati abbażi tar-riskju;

issaħħaħ il-proċedura ta’ valutazzjoni għall-proġetti ewlenin u l-proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni bil-għan li jsir titjib fl-identifikazzjoni ta’ dgħufijiet serji u fit-teħid ta’ azzjoni xierqa biex dawn jiġu rimedjati;

taħdem għall-introduzzjoni tal-prinċipju li l-finanzjament tal-UE jiddependi fuq ir-riżultati;

tinkoraġġixxi l-użu ta’ indikaturi tar-riżultati u tal-impatt mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni;

187.

Jirrikonoxxi b’mod favorevoli li l-Kummissjoni:

ipproponiet kondizzjonalità ex ante sabiex tiżgura l-eżistenza ta’ ippjanar strateġiku fit-tul qabel kull deċiżjoni ta’ finanzjament għall-qafas tal-politika ta’ koeżjoni 2014–2020,

introduċiet żjarat ta’ proġetti fuq il-post u organizzat laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet rilevanti;

bdiet timplimenta awditjar tal-għeluq għal proġetti kofinanzjati mill-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, magħżula abbażi tar-riskju;

saħħet il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-perjodu 2007-2012 billi introduċiet l-istandardizzazzjoni tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ewlenin, il-formoli tal-applikazzjoni standardizzati, u l-konsultazzjoni obbligatorja tad-dipartimenti rilevanti fil-Kummissjoni, u billi stabbiliet l-inizjattiva JASPERS (Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej), li għandha tippermetti li l-Istati Membri jissottomettu applikazzjonijiet aħjar;

żviluppat qafas ta’ awditjar tal-prestazzjoni li huwa intenzjonat li jifforma l-bażi għall-ewwel sett ta’ awditi mmirati li jridu jitwettqu mill-2012 ‘il quddiem, u talbet qafas tal-prestazzjoni fil-proposta tagħha għall-qafas tal-politika ta’ koeżjoni 2012-2020, li jkun jinkludi d-dritt tal-Kummissjoni li tissospendi l-ħlasijiet f’każijiet fejn it-telf mill-ilħiq ta’ objettivi intermedjarji u miri stabbiliti jkun sinifikanti;

Aktar rakkomandazzjonijiet

188.

Jistieden lill-Kummissjoni

tapprova bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jintużaw indikaturi tar-riżultati u tal-impatt mhux biss fil-livell prijoritarju, iżda – b’ambitu xieraq għall-impatt possibbli ta’ proġett wieħed – anke fil-livell tal-proġett;

tintroduċi arranġament li permezz tiegħu valutazzjoni tar-riżultati u tal-impatt tal-investiment f’infrastruttura tat-trasport titwettaq wara t-tlestija tax-xogħol tal-kostruzzjoni, fi żmien meta jkun mistenni li r-riżultati u l-impatt tiegħu jsiru evidenti;

twettaq analiżi li tqabbel il-ħin medju tat-tlestija u l-kwalità tal-proċeduri amministrattivi madwar l-Istati Membri f’każijiet ta’ proġetti kofinanzjati paragunabbli, sabiex tiġi rakkomandata l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika;

tqis il-fatt li n-nuqqasijiet fil-kisba tal-objettivi intermedjarji stabbiliti mhumiex dejjem ir-riżultat ta’ ġestjoni ħażina, u teskludi fil-proposta tagħha għal qafas ta’ prestazzjoni r-rifjut ta’ fondi f’każijiet fejn in-nuqqas li l-investimenti jipproduċu r-riżultati mixtieqa ma setax jiġi evitat u/jew ma setax jiġi previst minn perspettiva ex ante;

iżżid l-ammont ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-progress ta’ proġetti, u titlob rimedji għal nuqqasijiet identifikati bħala rekwiżit minn qabel għal aktar finanzjament; jinnota li nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett mhuwiex tollerabbli;

twettaq analiżi tal-effikaċja tas-seminars tat-taħriġ u n-noti ta’ gwida li huma intenzjonati sabiex iqajmu l-kuxjenza dwar il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda;

tipproponi tibdiliet għad-dispożizzjonijiet legali sabiex ikun permess rwol konsultattiv aktar effikaċi fil-kumitati ta’ monitoraġġ, u twettaq analiżi li tinvestiga l-effikaċja tal-“għodda l-oħra” msemmija qabel intenzjonata sabiex tinfluwenza l-infiq effikaċi;

Parti IX   Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “Is-Sistema Komuni ta’ Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni (CRIS)”

189.

Jilqa’ pożittivament ir-Rapport Speċjali Nru 5/2012 tal-Qorti tal-Awdituri billi jipprovdi lill-Parlament, bħala l-awtorità ta’ superviżjoni u tal-kwittanza, b’informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit;

190.

Jinsab sodisfatt bl-opinjoni ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri li “CRIS hija fil-biċċa l-kbira effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-azzjonijiet esterni” (punt 75); jinsab imħasseb, madankollu, dwar ċerti nuqqasijiet kritiċi identifikati fir-rapport;

191.

Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-rwol u l-objettivi tas-sistema CRIS, peress li dawn ma ġewx aġġornati minn mindu saret operattiva s-sistema fl-2002, minkejja l-bosta tibdiliet tal-kontenut tagħha;

192.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni timplimentahom kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu solvuti d-dgħufijiet persistenti;

193.

Jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe bidla tar-rwol u modifika tas-sistema CRIS għandha tirrifletti l-isfidi l-ġodda tal-politika esterna tal-Unjoni introdotti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirriżultaw fi kwalità aħjar u koerenza aħjar tad-data;

194.

Jenfasizza l-bżonn ta’ adattament tal-funzjonijiet ta’ rapportar tas-sistema CRIS mal-kompetenzi tal-Parlament fl-oqsma tal-politika esterna u tal-kontroll baġitarju;

195.

Jikkunsidra li r-Rakkomandazzjoni Nru 1, jiġifieri li r-rwol tal-CRIS bħala sistema ta’ informazzjoni għandu jiġi definit, partikolarment fir-rigward tas-sistema ta’ kontabilità bbażata fuq id-dovuti tal-Kummissjoni (ABAC), hija tal-akbar importanza;

196.

Iqis li titjib fl-integrità tad-data bejn is-sistema CRIS u s-sistema ABAC huwa urġenti bil-għan li r-rappurtaġġ dwar l-attivitajiet esterni tal-Unjoni jsir b’mod koerenti, trasparenti, aġġornat u affidabbli; jisħaq fuq il-fatt li fis-sistema CRIS għandha tkun evitata duplikazzjoni tal-funzjonijiet ABAC;

197.

Jinsab imħasseb dwar l-osservazzjonijiet li ġejjin min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-effiċjenza u l-effikaċja ta’ CRIS:

ir-rwol ta’ CRIS fir-rigward tas-sistema ABAC ma kienx definit b’mod adegwat u dan ikkawża duplikazzjoni tal-funzjonijiet (punti 34 u 35) u jqajjem dubji dwar il-valur miżjud tal-kodifika tal-operazzjonijiet finanzjarji fis-sistema CRIS b’mod ġenerali (punt 35),

l-informazzjoni li ġejja minn CRIS tista’ tkun inaffidabbli (punti 39 sa 41, 49 sa 52 u 54 sa 56) u kultant tista’ tkun teħtieġ aġġustamenti manwali addizzjonali (it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-punt 52) minħabba dgħufijiet fil-kodifika tad-data (punti 38 sa 41) jew rekords tad-data nieqsa jew invalidi (punti 49 sa 51, 54 u 55),

kien hemm dewmien sostanzjali fir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni (fatturi u rapporti ta’ awditjar) fis-sistema CRIS (punt 57),

il-faċilità għall-utent tas-sistema CRIS tibqa’ l-aktar nuqqas urġenti (punt 43 u stampa 3);

198.

Jinsab imħasseb dwar ir-riskju li, minħabba dawk id-dgħufijiet, l-informazzjoni fornuta lill-Parlament, bħala awtorità ta’ kwittanza, tista’ tkun inaffidabbli (pereżempju l-punt 39 jirrigwarda n-nefqa mqassma skont il-pajjiż); jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni li saru sa issa (b’mod partikolari t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-punti 35, 52 u 54); jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tirrimedja dawk id-dgħufijiet kemm jista’ jkun malajr biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba tas-sistema CRIS; jissuġġerixxi li, partikolarment, jiġu evitati duplikazzjoni tal-funzjonijiet, billi dawn mhumiex effiċjenti u hemm ir-riskju li tiddaħħal data ħażina;

199.

Josserva, barra minn hekk, li jkun opportun li l-funzjonalità tas-sistema CRIS tkun aġġornata bil-għan li tforni informazzjoni aggregata dwar il-pajjiżi benefiċjarji, l-oqsma politiċi u l-istrumenti finanzjarji, li attwalment hija diffiċli jew saħansitra impossibbli; jenfasizza l-bżonn ta’ titjib tal-effiċjenza u tal-effikaċja tas-sistema għall-operaturi permezz tar-razzjonalizzazzjoni u l-konsolidament tal-kodifika tad-data;

200.

Jinnota l-ispjegazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tan-nuqqas ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ CRIS, li rriżulta minn awditjar li qed jitwettaq sabiex tiġi analizzata l-abilità ta’ CRIS li tforni lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa u mhux biex tiġi studjata n-nefqa amministrattiva tas-sistema; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kosteffikaċja ta’ CRIS;

201.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ strateġija ċara fuq perjodu twil sa mit-twaqqif ta’ CRIS, li tistabbilixxi l-objettivi u l-funzjonament tas-sistema, u li dan fl-aħħar mill-aħħar wassal għal proliferazzjoni ta’ kompiti mingħajr l-ebda viżjoni koerenti;

202.

Jenfasizza li s-sistema CRIS għandu jkollha mekkaniżmu standard għall-istratifikazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data u tad-drittijiet ta’ aċċess tal-utenti; jemmen li tali mekkaniżmu għandu jiġi stabbilit sabiex tiġi żgurata riservatezza u integrità tad-data adegwati;

203.

Jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sigurtà insuffiċjenti tas-sistema; josserva, barra minn hekk, li d-definizzjoni tar-responsabilitajiet fl-isfera tas-sigurtà għadha indefinita u mhux ċara, u dan jirriżulta f’riskju gravi għas-sigurtà tad-data; jenfasizza li d-data trid tirrispetta totalment il-kriterji tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC);

204.

Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-ħarsien tad-data; jikkritika l-fatt li n-notifiki tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data ma kinux ikopru espliċitament is-CVs mehmuża mar-rekords fis-sisetma CRIS (punt 74);

205.

Jistieden lill-Kummissjoni tittratta n-nuqqasijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha ppreżentati mill-Parlament u mill-Qorti tal-Awdituri mingħajr aktar dewmien;

Parti X   Rapport Speċjali Nru 6/2012 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-Għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Komunità Turko-Ċiprijotta”

206.

Ifakkar li l-awditu indirizza l-mistoqsija globali “Il-Kummissjoni qiegħda ġġesti l-istrument tal-UE ta’ għajnuna finanzjarja lill-komunità Turko-Ċiprijotta b’mod effettiv?”;

207.

Jistieden lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu biex jikkunsidraw is-sejbiet ta’ din ir-riżoluzzjoni meta jkunu qed jinnegozjaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid (2014-2020) u mingħajr preġudizzju għall-eżitu finali tiegħu bil-għan li titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awduri biex jiġu żgurati ppjanar, implimentazzjoni u sostenibilità aħjar f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (28), b’ tali mod li ma jiġix implikat territorju estern;

208.

Jesprimi l-qbil tiegħu mal-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri li “il-programm diġà kiseb xi riżultati pożittivi imma s-sostenibilità tagħhom ħafna drabi hija dubjuża, partikolarment meta wieħed jikkunsidra l-inċertezza fuq il-finanzjament tal-UE fil-futur”, u li l-Kummissjoni “kienet kapaċi tiżviluppa programm li jindirizza u li b’mod adegwat jagħti prijorità lis-setturi kollha msemmija fl-objettivi tar-regolament” u li “għalkemm iffaċċjat limiti sinifikanti hija rnexxielha wkoll tistabbilixxi malajr uffiċċju tal-ġestjoni tal-programm fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru u tuża metodi ta’ implimentazzjoni u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li fil-biċċa l-kbira kienu xierqa. Id-dgħufijiet prinċipali fil-ġestjoni tal-programm irriżultaw mill-uffiċċju tas-sostenn lokali li ma kienx qed jopera skont proċeduri aktar devoluti bħad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u minħabba li l-kuntratti tal-persunal kienu qosra wisq biex huma jkunu jistgħu jġestu l-proġetti ffinanzjati mill-bidu sat-tmiem. Barra minn hekk, il-monitoraġġ fil-qafas tal-ġestjoni konġunta man-Nazzjonijiet Uniti ma kienx suffiċjenti”;

209.

Jinnota li l-programm għen lil diversi benefiċjarji differenti fil-komunità Turko-Ċiprijotta; jiddispjaċih madankollu, li l-implimentazzjoni tal-akbar proġett, il-bini ta’ impjant ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar (EUR 27,5 miljun), ma kinitx possibbli minħabba restrizzjonijiet imposti mill-armata Torka; jinnota li dan jirrappreżenta ostakolu sinifikanti għall-programm;

210.

Jenfasizza l-importanza li tibqa’ tingħata għajnuna lill-komunità Turko-Ċiprijotta, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 389/2006, kif osservat ukoll il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; jenfasizza l-importanza li l-komunità Turko-Ċiprijotta titressaq eqreb tal-Unjoni sabiex ikun iffaċilitat il-proċess ta’ riunifikazzjoni; huwa tal-fehma, għalhekk, li fil-futur, ir-riżorsi allokati (i) għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku (ii) għall-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura, (iii) għar-rikonċiljazzjoni, għall-miżuri ta’ bini tal-fiduċja u s-sostenn lis-soċjetà ċivili, (iv) għat-tressiq tal-komunità Turko-Ċiprijotta eqreb tal-Unjoni, (v) għat-tħejjija ta’ testi legali allinjati mal-acquis communautaire, (vi) għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-acquis communautaire, kif ukoll għat-trawwim tal-integrazzjoni ekonomika bħala kwistjoni prijoritarja, għandhom jiżdiedu u l-programmi bikomunali relatati għandhom jiġu intensifikati;

211.

Jindika partikolarment, ir-rwol fundamentali ta’ proġetti bikomunali bħall-Kumitat għal Persuni Nieqsa sabiex jiġi determinat id-destin tal-persuni nieqsa u b’hekk jingħata kontribut għar-rikonċiljazzjoni interkomunali; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-fondi meħtieġa għall-operat tal-Kumitat għal Persuni Nieqsa u jitlob lill-Kummissjoni, fl-isfond tal-appoġġ tagħha għall-Kumitat għal Persuni Nieqsa, tappella lill-forzi militari Torok sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żoni militari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati proġetti infrastrutturali bikomunali u li jkun hemm kooperazzjoni b’mod aktar effiċjenti mal-Aġenziji u l-Programmi tan-Nazzjonijiet Uniti;

212.

Jindika wkoll l-importanza li tibqa’ tiġi appoġġata l-ħidma tal-Kumitat Tekniku għall-Patrimonju Kulturali biex jiġu żgurati r-restawr u l-preservazzjoni tas-siti storiċi u reliġjużi li jikkostitwixxu parti integrali mill-patrimonju kulturali ta’ Ċipru u parti inseparabbli mill-patrimonju kulturali dinji kollu kemm hu;

213.

Jinnota li, b’mod aktar ġenerali, is-sostenibilità tal-proġetti ħafna drabi hija dubjuża minħabba l-kapaċità amministrattiva limitata, id-dewmien fl-adozzjoni tat-testi rilevanti u l-inċertezzi dwar il-finanzjament futur min-naħa tal-benefiċjarji;

214.

Jikkunsidra utli wkoll li jiġi mfakkar li, fiż-żmien tal-awditu, kien għadu mhux ċar jekk kienx se jkun disponibbli finanzjament ulterjuri sinifikanti għall-programm ta’ assistenza tal-Unjoni; jinnota li l-ġestjoni tal-programm issir aktar diffiċli minħabba din l-inċertezza u dan għandu impatt negattiv fuq l-effikaċja u s-sostenibilità tiegħu;

215.

Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li jkopru xenarji differenti bbażati kemm fuq l-iżviluppi fil-proċess ta’ riunifikazzjoni kif ukoll fuq il-livell ta’ assistenza futura mill-Unjoni;

216.

Jaqbel mal-Kummissjoni li sakemm tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni Ċiprijotta, l-appoġġ għall-Komunità Turko-Ċiprijotta għandu jkompli jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 389/2006;

217.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-interventi jirriflettu l-għanijiet tal-programm minkejja l-firxa wiesgħa ta’ setturi li jridu jiġu koperti, l-adozzjoni mdewma tar-Regolament (KE) Nru 389/2006 u l-assenza ta’ approċċ pluriennali;

218.

Jinnota bi tħassib, madankollu, li l-Kummissjoni tiffaċċja restrizzjonijiet sinifikanti fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-programm, li l-effikaċja tal-uffiċċju tal-appoġġ lokali tal-Kummissjoni iddgħajfet minn diversi fatturi, li l-proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-programm mhumiex dejjem effikaċi u li s-sostenibilità tal-proġetti tibqa’ riskjuża, minkejja li kien hemm ċertu riżultati;

219.

Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni deskritta fir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; jinnota li l-Kummissjoni ħadet numru ta’ inizjattivi u li mindu sar l-awditu nkiseb aktar titjib fl-effiċjenza;

220.

Jilqa’ wkoll il-konklużjoni b’suċċess tal-operazzjonijiet permezz tal-ġestjoni konġunta mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP);

221.

Jiddispjaċih għat-telfien tal-proġett tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, fattur li sfortunatament kien ta’ żvantaġġ; ifakkar li dan il-proġett mhux biss kien il-proġett prinċipali fil-qasam tal-ilma iżda kien ukoll l-ikbar proġett (li kien jammonta għal madwar 10 % tal-finanzjamenti totali kkuntrattati) iffinanzjat bis-saħħa ta’ dan l-istrument u li l-impjant kien maħsub biex jipprovdi 23 000 m3 ta’ ilma nadif u tajjeb għax-xorb kuljum, biex b’hekk jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ ammont stmat ta’ 100 000 persuna; ifakkar ukoll li l-provvista tal-ilma kulma jmur qed issir kwistjoni kritika għall-gżira wara li l-medja annwali tal-ilma tax-xita naqset b’40 % tul dawn l-aħħar tletin sena; jinsab tassew imħasseb dwar il-fatt li l-proġett ġie kkanċellat minħabba restrizzjonijiet imposti fuq il-kuntrattur Ċiprijott Grieg mill-armata Torka, u li wara li dawn ir-restrizzjonijiet tneħħew f’Marzu 2010, il-kuntrattur ma riedx ikompli billi saħaq li l-kundizzjonijiet ma kinux favorevoli; dan ifisser li din il-kwistjoni ambjentali serja mhijiex qed tiġi indirizzata; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li ġġedded il-proġett;

222.

Jinsisti, madankollu, li l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni ġew protetti bil-kanċellazzjoni tal-proġett tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni; jinnota li ma sar l-ebda pagament fil-qafas tal-kuntratt ta’ bini;

223.

Jiddispjaċih ħafna li l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet dwar infrastrutturi lokali u urbani sofrew dewmien, għad li fil-biċċa l-kbira, id-dewmien kien ikkawżat minn diffikultajiet politiċi u mill-verifika tas-sjieda tal-art, fatturi li mhumiex fil-kontroll tal-Kummissjoni u tal-UNDP;

224.

Japprova l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-programm diġà kiseb riżultati pożittivi u għen lil ħafna benefiċjarji mill-komunità Turko-Ċiprijotta, inklużi bdiewa, studenti u dawk li qed jużaw il-punti ta’ qsim il-ġodda; jinnota li s-sostenibbiltà tiegħu spiss hija dubjuża, partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tal-finanzjament futur mill-Unjoni;

225.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li minkejja l-kuntest politiku diffiċli u skeda mqassra, il-Kummissjoni rnexxielha tistabbilixxi programm li rrifletta l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006 u toħloq malajr uffiċċju ta’ ġestjoni tal-programm u tintroduċi mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni adegwati;

226.

Jenfasizza l-karattru tranżizzjonali u eċċezzjonali tal-għajnuna tal-Unjoni lill-Komunità Turko-Ċiprijotta, fl-istennija għar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru; jinnota li l-Kummissjoni tappoġġa t-tkomplija tal-għajnuna lill-komunità Turko-Ċiprijotta sakemm tinstab soluzzjoni komprensiva għall-kwistjoni Ċiprijotta fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 389/2006;

227.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali Nru 6/2012; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-esperjenza akkumulata fl-implimentazzjoni tal-programm u, jekk neċessarju, tipproponi miżuri sabiex jittejjeb ulterjorment u tinforma kif xieraq lill-Parlament; jipproponi li l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta ma tqisx biss il-proġetti l-ġodda, iżda anke l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibilità tal-proġetti eżistenti meta tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ kwalunkwe finanzjament futur, abbażi tal-qafas legali eżistenti u f’konformità mal-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006;

228.

Jikkunsidra li l-għajnuna tal-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-proċess ta’ riunifikazzjoni f’Ċipru; jirrakkomanda lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward tkompli bl-impenn tagħha b’rabta mal-ħames objettivi tar-Regolament (KE) Nru 389/2006, filwaqt li tappoġġa fost l-oħrajn, miżuri bikomunali, proġetti għall-bini tal-fiduċja, attivitajiet b’rabta ma’ persuni nieqsa, is-soċjetà ċivili (inklużi l-minoranzi Armeni u Maroniti), il-preservazzjoni u r-restawr tas-siti storiċi, il-ħarsien ambjentali kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire;

229.

Jitlob lill-Kummissjoni timmassimizza ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sejħiet għal offerti għal programmi għar-rikonċiljazzjoni u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili; jindika, b’mod partikolari, l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-programmi għall-integrazzjoni soċjoekonomika u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-komunità Turko-Ċiprijotta;

Parti XI   Rapport Speċjali Nru 7/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid: Il-progress li sar s’issa”

230.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Ir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid: Il-progress li sar s’issa” li jiffoka fuq il-progress miksub mir-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid introdotta mill-Kunsill fl-2008; jirrikonoxxi li l-objettiv ewlieni tal-awditjar kien li jiġi vvalutat il-progress rigward wieħed mill-objettivi ewlenin tar-riforma, jiġifieri t-titjib fil-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

231.

Ifakkar li r-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid kellha l-għan li tibbilanċja l-provvista u d-domanda u li l-istrumenti finanzjarji ewlenin ta’ din ir-riforma kienu jinkludu skema temporanja tal-qlugħ tad-dwieli u t-twaqqif ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ li jippermettu lil kull Stat Membru jagħżel dawk il-miżuri (fost il-11 disponibbli) li huma l-aktar adattati għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu;

232.

Jenfasizza li l-awditjar kien jiffoka fuq iż-żewġ miżuri li jirrappreżentaw l-akbar oqsma tal-infiq: il-“qlugħ tal-vinji” u r-“ristrutturar u t-trasformazzjoni tal-vinji” fejn EUR 1 074 miljun ġew allokati għall-miżura tal-qlugħ tal-vinji fil-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ tliet snin mill-2008-2009 sal-2010-2011 u EUR 4 200 miljun ġew allokati għall-miżura ta’ ristrutturar u trasformazzjoni fuq perjodu ta’ għaxar snin mill-2001 sal-2010;

233.

Jieħu nota li l-Unjoni hija l-akbar produttur tal-inbid fid-dinja bi 3,5 miljun ettaru ta’ dwieli; ifakkar li l-Unjoni pproduċiet madwar 160 miljun ettolitru ta’ nbid matul is-sena tal-inbid 2007-08, li jirrappreżentaw madwar 60 % tal-produzzjoni dinjija tal-inbid; jinnota, barra minn hekk, li kien hemm pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet tal-inbid fil-livell tal-produtturi, li kompliet tiżdied bit-tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni fl-għoxrin sena qabel l-2009;

234.

Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jindika li għalkemm id-domanda għall-qlugħ tal-vinji qabżet it-350 000 ettaru, l-impatt tagħha kien limitat mill-mira fissa ta’ 175 000 ettaru u fl-aħħar mill-aħħar 160 550 ettaru biss ġew maqlugħa permezz tal-għajnuna mill-Unjoni; il-Qorti tal-Awdituri tqis li l-iskema tal-qlugħ tal-vinji sa fl-aħħar naqqset iż-żona tal-inventarju tal-vinji b’madwar 5 %, li jikkorrispondu għal madwar 10,2 miljun ettolitru ta’ nbid irtirat jew 6 % tal-produzzjoni tal-inbid li jintuża; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li ħafna aktar art – 300 000 ettaru b’kollox – ġiet maqlugħa mir-riforma ‘l hawn, u li ma ngħatat ebda għajnuna ta’ din ix-xorta fir-rigward ta’ madwar 140 000 ettaru ta’ dik l-art, ċifra li ma tidhirx fir-Rapport Speċjali Nru 7/2012;

235.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li, fir-rigward tal-miżura tal-qlugħ tal-vinji, l-iskema setgħet kienet aktar effiċjenti u tiswa anqas peress li r-rati ta’ għajnuna żdiedu għal livelli għoljin wisq fl-ewwel u t-tieni sena, filwaqt li d-domanda għall-miżura qabżet il-mira, anki meta r-rati tnaqqsu għal-livell oriġinali tagħhom fit-tielet u fl-aħħar sena tal-iskema;

236.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tqis li l-qlugħ tal-vinji mhux dejjem kien immirat lejn il-vinji anqas kompetittivi jew anqas vijabbli u li l-iskema ffinanzjat il-qlugħ ta’ ċerti vinji li diġà kienu ġew ristrutturati u li fil-prinċipju kienu kompetittivi; jinnota b’dispjaċir li tali każijiet mhumiex konformi mal-objettivi tal-politika tar-riforma;

237.

Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jenfasizza li t-tnaqqis mistenni fil-produzzjoni ma mmaterjalizzax minħabba l-użu insuffiċjenti ta’ xi strumenti tal-organizzazzjoni komuni tas-suq bħall-ħsad ekoloġiku u l-promozzjoni, u minħabba li l-Kunsill ċaħad il-proposta tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-arrikkament bis-sukrożju;

238.

Jinnota li r-Rapport Speċjali Nru 7/2012 jagħraf li l-miżuri ta’ ristrutturar ikkontribwixxew għat-titjib fil-kompetittività tas-settur iżda ġġeneraw ukoll żieda fil-produzzjoni f’ċerti Stati Membri u dan ħadem kontra l-isforzi biex titnaqqas il-provvista tas-suq;

239.

Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tinnota li l-Kummissjoni m’għamlitx valutazzjoni fil-fond dwar l-impatt potenzjali tal-liberalizzazzjoni tad-drittijiet tat-taħwil li kienet skedata għal mhux aktar tard mill-2018, u tqis li tali valutazzjoni hija meħtieġa biex tiġi stabbilita stima tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-settur tal-inbid;

240.

Jieħu nota tat-tħassib tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-fatt li l-UE ffinanzjat il-miżura tal-qlugħ tal-vinji sabiex tnaqqas iż-żieda fil-produzzjoni tal-inbid, filwaqt li f’ċerti każijiet il-miżura ta’ ristrutturar u ta’ trasformazzjoni wasslet għal xi żidiet fir-rendimenti tal-vinji; hu tal-fehma, madankollu, li aktar rendimenti jistgħu jagħmlu l-inbid aktar kompetittiv, iżda jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiżgura li tiġi applikata strateġija adegwata sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi;

241.

Japprova bis-sħiħ li l-qlugħ ta’ xi vinji modernizzati missu ġie evitat billi jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex jiġu evitati l-possibilitajiet vasti ta’ interpretazzjoni u billi jiġu stabbiliti kriterji addizzjonali eliġibbli marbuta mal-vinja nnifisha u mhux biss mal-bidwi;

242.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miżuri ta’ ristrutturar bil-għan li ssaħħaħ l-effikaċja tagħhom u żżomm il-miżuri mill-programm preċedenti li wrew li kellhom suċċess u b’hekk tagħti spinta lill-kompetittività tas-settur; jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-programmi nazzjonali tal-Istati Membri u l-miżuri ta’ ristrutturar u trasformazzjoni jkunu konformi mal-objettiv tar-riforma speċjalment dwar l-Iskema ta’ Pagament Uniku; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex ittejjeb id-dispożizzjonijiet attwali sabiex tagħmilha possibbli li l-bdiewa jadattaw aħjar għas-sinjali fis-suq u jqabblu aħjar il-provvista mal-prodotti mitluba;

243.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri li jissalvagwardaw l-aħjar tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid fl-Unjoni li essenzjalment ifisser li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjoekonomika u jiġu protetti l-ambjent u l-pajsaġġ f’ħafna miż-żoni rurali li joperaw fihom;

244.

Iqis li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi stima aġġornata regolarment tal-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-settur tal-inbid li tkun imsejsa fuq analiżi statistika tal-kwantitajiet varjabbli tas-settur li tqis l-effetti pożittivi tar-rendiment tal-miżuri ta’ ristrutturar u trasformazzjoni; jemmen li abbażi ta’ dik l-istima, hija jmissha ddeterminat iż-żona mmirata għall-miżura tal-qlugħ u huwa tal-fehma li fil-futur, hija jmissha tevalwa jekk hemmx ħtieġa għat-titjib ta’ kwalunkwe miżura oħra biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi possibbli abbażi ta’ dik l-istima;

245.

Jinsisti dwar il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni fil-fond tal-impatt tal-liberalizzazzjoni tad-drittijiet tat-taħwil, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Kummisjoni tevalwa l-konsegwenzi potenzjali tal-eliminazzjoni ta’ dan ir-reġim bil-għan li tadotta l-aktar deċiżjonijiet konvenjenti biex tiggarantixxi l-bilanċ fis-suq tal-inbid; jinnota l-opinjoni tal-maġġoranza tal-Istati Membri kontra d-deċiżjoni li din is-sistema tintemm, opinjoni li jikkondividi wkoll il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” (29);

246.

Jenfasizza li għalkemm id-domanda għall-inbid fl-Unjoni ilha tonqos tul dawn l-aħħar deċennji, tul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi li ma ġietx indirizzata fir-Rapport Speċjali Nru 7/2012; jemmen li l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippromwovu l-esportazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità tista’ tgħin biex tnaqqas il-produzzjoni żejda;

247.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-Istati Membri li jużaw rati fissi għal kull ettaru biex jikkalkulaw il-pagamenti jinstallaw mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll għall-agenziji ta’ pagament biex jiggarantixxu li l-bdiewa ma jiġux kumpensati żżejjed u jistandardizzaw l-istima tal-ispejjeż sabiex il-varjazzjonijiet fl-ispejjeż stmati għal miżuri kumparabbli jitnaqqsu kemm jista’ jkun;

248.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni adegwata sabiex tistabbilixxi l-kumparabilità u livell aċċettabbli ta’ standardizzazzjoni għall-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 103q tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (30);

249.

Jemmen li, barra mill-esportazzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità lejn pajjiżi terzi, appoġġ akbar għall-konsum tal-inbejjed Ewropej fl-Unjoni jgħin ukoll biex titnaqqas il-produzzjoni żejda;

250.

Jitlob lill-Kummissjoni tniedi mill-ġdid politika li tippromwovi s-settur tal-inbid u ttejjeb il-kompetittività tiegħu fis-suq intern, inklużi kampanji ta’ informazzjoni għall-adulti dwar il-konsum responsabbli tal-inbid u dwar il-kwalitajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, filwaqt li jiġu enfasizzati l-għeruq kulturali tal-inbejjed Ewropej; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni teżamina strateġija Ewropea biex iżżid l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

Parti XII   Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Verifika tas-sistema ta’ kontroll li tirregola l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi”

251.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali Nru 9/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, u japprova l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri; iqis li huwa diżappuntanti, madankollu, li saru żjarat ta’ verifika f’sitt Stati Membri biss, anke meta jitqies li dawn kienu l-pajjiżi li kienu kkonċernati bl-aktar mod dirett;

252.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari rigward it-traċċabilità u l-kummerċ transkonfinali fi prodotti organiċi;

253.

Jinnota li l-konsum ta’ prodotti organiċi jirrappreżenta inqas minn 2 % tas-suq kollu tal-ikel, għalkemm ix-xejra x’aktarx hi li dan qed jiżdied;

254.

Jenfasizza l-fatt li l-importanza tal-produzzjoni organika tmur lil hinn minn nutrizzjoni li hi tajba għas-saħħa; il-biedja organika hija approċċ innovattiv u bbażat fuq l-għarfien fir-rigward tal-produzzjoni agrikola, b’użu effiċjenti tar-riżorsi, li tista’ tistimola l-iżvilupp rurali u l-impjiegi; żieda fl-użu tal-bijoteknoloġiji u tal-produzzjoni organika tista’ tipprovdi “valur miżjud Ewropew” għall-agrikoltura, ħaġa li tista’ twassal għal rwol akbar għall-Ewropa fil-kompetizzjoni globali; jinnota, barra minn hekk, li tikkontribwixxi għal sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul, bħall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, it-tnaqqis tar-ritmu tat-telf tal-bijodiversità u t-titjib tal-istandards tal-benessri tal-annimali;

255.

Ifakkar li l-Parlament dejjem appoġġa l-biedja organika u se jkompli jagħmel hekk u pparteċipa b’mod attiv fil-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni għall-produzzjoni u r-regoli ta’ tikkettar tal-ikel organiku;

256.

Jemmen li fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, għandhom jingħataw aktar attenzjoni u appoġġ lill-produzzjoni tal-prodotti organiċi;

257.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna prodotti organiċi jiswew aktar minn prodotti li mhumiex organiċi; konsegwenza ta’ dan, konsumaturi li huma sensittivi għall-prezzijiet u persuni li għandhom introjti aktar baxxi ma jistgħux jaffordjaw jew jistgħu jaffordjaw inqas dawn il-prodotti li huma aħjar għas-saħħa;

258.

Jirrikonoxxi li sistema effikaċi ta’ kontrolli għall-produzzjoni organika toħloq numru ta’ ostakoli li l-operaturi (inklużi l-produtturi, l-importaturi u dawk li jipproċessaw) ikollhom jegħlbu, iżda fl-istess ħin tagħti validazzjoni tal-kwalità tagħhom, filwaqt li tagħti kredibilità lill-operaturi u fl-istess ħin tagħmilha possibbli għall-konsumatur li jkollu fiduċja fi prodotti ttikkettati bħala organiċi;

259.

Jiġbed l-attenzjoni għat-tkabbir tas-suq tal-ikel organiku minn ikel organiku mkabbar fl-Unjoni kif ukoll impurtat, ħaġa li tista’ toħloq ukoll il-potenzjal għal prattiki kummerċjali żleali, u jirrimarka li dan jirrikjedi sistemi ta’ kontroll aktar b’saħħithom fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri; jenfasizza li l-kontrolli għandhom jipprovdu garanzija li l-prodotti ittikkettati bħala organiċi verament ikunu organiċi;

260.

Ifakkar li l-Kummissjoni hija responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi ta’ kontroll u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni konġunta tal-konklużjonijiet ewlenin tal-Qorti tal-Awdituri mal-Istati Membri, li għandhom ir-responsabilità sinifikanti għat-tħaddim tas-sistema ta’ kontroll;

261.

Jenfasizza l-importanza li tingħata assigurazzjoni suffiċjenti li s-sistema qed topera b’mod effikaċi u li tiżgura li l-fiduċja tal-konsumaturi ma tiddgħajjifx;

262.

Jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tiddefinixxi inizjattivi u proposti regolatorji li jkollhom l-għan li jiżguraw li d-dgħufijiet kollha indikati fir-Rapport Speċjali Nru 9/2012 jiġu rrimedjati sal-aħħar tal-2013;

263.

Jilqa’ r-rieżami tal-leġiżlazzjoni ta’ kontroll li se jsir dalwaqt mill-Kummissjoni u l-preparazzjoni attwali tal-linji gwida għall-akkreditazzjoni mill-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni bħala kontribut siewi għat-titjib tal-implimentazzjoni fil-ġejjieni;

264.

Jenfasizza li huwa fundamentali li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali fl-applikazzjoni tal-proċeduri għall-approvazzjoni u s-sorveljanza tal-korpi ta’ kontroll; jinnota li n-nuqqasijiet iwasslu għal differenzi fil-kontroll tat-tikkettar tal-prodotti organiċi, ħaġa li żżid ir-riskju ta’ frodi jew tal-għażla tal-aktar regoli vantaġġjużi fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti organiċi, u għalhekk għandhom impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tat-tikketta organika;

265.

Jesprimi s-sorpriża u t-tħassib tiegħu rigward il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma ddokumentawx jew ma ddokumentawx biżżejjed il-proċeduri tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tal-korpi ta’ kontroll biex jiggarantixxu r-rispett tar-rekwiżiti regolatorji; jitlob li l-parlamenti nazzjonali, li l-kompitu tagħhom huwa li jeżerċitaw kontroll fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri, jiġu infurmati b’din il-konklużjoni;

266.

Jenfasizza li l-indipendenza tal-korpi ta’ kontroll, inkluż jekk dawn ikunu awtoritajiet pubbliċi, hija kruċjali biex tinżamm ir-reputazzjoni tat-tikketta organika;

267.

Jilqa’ l-punti ta’ titjib fis-sistemi tal-IT li diġà huma disponibbli u jqishom bħala komponenti essenzjali ta’ kontrolli effikaċi fil-ġejjieni;

268.

Jenfasizza r-responsabilitajiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, bħal f’oqsma oħrajn, u jqis il-laqgħat regolari tal-Kumitat Permanenti għall-Biedja Organika (SCOF) bħala siewja ħafna f’termini ta’ skambju tal-aħjar prattika u tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u persunal minn pajjiżi terzi involut fis-sistemi ta’ kontroll; jinnota, minkejja dan, l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri (punt 75) li dan il-korp jeħtieġlu jtejjeb il-kapaċità tiegħu li jiskambja informazzjoni dwar il-funzjonament tar-reġim tal-awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjonijiet;

269.

Jenfasizza l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni fl-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni ddaħħal miżuri xierqa biex tiżgura li l-fluss ta’ informazzjoni jkun rilevanti, affidabbli u f’waqtu; b’mod partikolari, jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tħaffef u żżid l-affidabilità tal-komunikazzjonijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati maċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti organiċi bħal dawk komunikati permezz tas-“Sistema ta’ Informazzjoni tal-Biedja Organika”;

270.

Jistieden lill-Istati Membri jieqfu, qabel id-data ta’ waqfien, jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tranżitorji ta’ importazzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/92 (31), arranġament li ġie estiż diversi drabi iżda li se jieqaf skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni attwali tal-Kummissjoni (UE) Nru 1267/2011 (32) tas-6 ta’ Diċembru 2011, li jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ dan it-tip wara l-1 ta’ Lulju 2014;

271.

Jinnota l-osservazzjoni fir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, li tindika li l-prodotti organiċi ssemmew b’mod żbaljat bħala sors potenzjali ta’ kontaminazzjoni fit-tifqigħa tal-E. Coli, b’mod li tqajmu xi dubji dwar is-sorveljanza tal-biedja organika, u li s-sena kienet ikkaratterizzata minn rappurtar estensiv fil-midja tad-dgħufijiet fis-sorveljanza u fil-kontroll fis-settur organiku (33), b’mod partikolari b’segwitu għal każ ta’ frodi skopert fl-aħħar tas-sena, li kien jinvolvi data ffalsifikata u prodotti ttikkettati b’mod falz bħala organiċi;

272.

Jinnota r-riżerva f’dak ir-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 rigward ir-riskju potenzjali għar-reputazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-settur organiku jekk din ma tkunx implimentata kif suppost fl-Unjoni kollha u fil-fruntieri esterni tagħha;

273.

Qed jistenna s-segwitu li se jingħata mill-Qorti tal-Awdituri fi tliet snin biex ikollu stampa tal-miżuri ta’ rimedju li bdew jitħaddmu u r-riżultati tagħhom;

Parti XIII   Ir-Rapport Speċjali Nru 12/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-Kummissjoni u l-Eurostat tejbu l-proċess tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea affidabbli u kredibbli?”

274.

Jindika li:

(a)

is-sistema statistika Ewropea tikkonsisti fi sħubija bejn l-awtorità statistika tal-Unjoni, l-Eurostat, u l-istituti statistiċi nazzjonali li huma responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea u li jistgħu jirċievu għotjiet mill-baġit tal-Unjoni mingħajr sejħa preċedenti għall-proposti;

(b)

il-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea jipprovdi gwida professjonali għas-Sistema Statistika Ewropea;

275.

Jinnota li:

(a)

l-objettiv globali tal-awditjar kien li jiġi vvalutat jekk il-Kummissjoni u l-Eurostat tejbux il-proċess tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea affidabbli u kredibbli;

(b)

għal dan l-għan, il-Qorti tal-Awdituri indirizzat żewġ kwistjonijiet: l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea (ESCP) u l-ġestjoni mill-Eurostat tal-programm statistiku Ewropew pluriennali;

(c)

l-awditjar kopra wkoll il-kontribuzzjoni tal-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB) u l-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika;

276.

Japprova b’mod ġenerali t-tliet rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-Qorti tal-Awdituri:

(a)

peress li l-awtoritajiet tal-istatistika tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni għaż-żamma tal-fiduċja fil-proċess demokratiku tal-Ewropa, huma għandhom isaħħu s-sistema tal-istatistika Ewropea billi jiżguraw indipendenza professjonali, riżorsi suffiċjenti, superviżjoni effikaċi b’sanzjonijiet u titjib malajr tal-miżuri għall-każijiet fejn l-istandards tal-kwalità ma jiġux rispettati;

(b)

sabiex timplimenta bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, il-Kummissjoni għandha:

tipproponi emendi fil-qafas regolatorju għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea li jagħtu bażi soda għar-rieżami, l-infurzar u, f’każijiet xierqa, il-verifikazzjoni u l-ispezzjoni li jkopru l-ambjent istituzzjonali tal-produzzjoni tal-istatistika, il-proċessi tal-istatistika u l-istatistika prodotta kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali;

tieħu l-passi neċessarji sabiex tassigura ċertezza legali tan-natura tal-obbligu ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea;

tiżviluppa funzjoni superviżorja biex issegwi r-rieżamijiet, il-verifiki, u l-ispezzjonijiet pereżempju billi jiġi estiż l-ambitu attwali tal-ESGAB;

issaħħaħ l-indipendenza professjonali tal-Kap responsabbli mill-Istatistika tal-Unjoni Ewropea;

tikkonforma d-deċiżjoni interna tagħha dwar ir-rwol tal-Eurostat mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, tippermetti lill-Eurostat japplika l-protokoll tiegħu dwar l-aċċess imparzjali għad-data mingħajr restrizzjoni (u gradwalment tneħħi l-mekkaniżmu tal-krediti operazzjonali sottodelegati għall-produzzjoni tal-istatistika biex il-Eurostat ma jibqax parzjalment dipendenti fuq servizzi oħra tal-Kummissjoni);

tniedi sensiela ġdida ta’ reviżjonijiet bejn il-pari prevista mill-Kummissjoni għall-2013, li tkopri l-konformità mal-prinċipji kollha tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, u li tinkludi element estern qawwi sabiex tippermetti valutazzjonijiet indipendenti u riżultati li jistgħu jitqabblu;

tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ reviżjonijiet rikorrenti bejn il-pari għall-oqsma tal-istatistika l-aktar importanti li jkopru l-katina sħiħa ta’ produzzjoni inklużi dawk li jipprovdu d-data amministrattiva;

(c)

L-Eurostat għandu jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-programm statistiku Ewropew li ġej għas-snin 2013-2017 u, b’mod partikolari:

jiddefinixxi miri u stadji preċiżi kull sena fil-programmi statistiċi annwali u jorganizza segwitu adegwat;

jikkunsidra li jirrevedi l-programm jekk ikun meħtieġ matul l-implimentazzjoni tiegħu u jissinkronizzah mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

sistematikament jerġa’ jeżamina l-prijoritajiet statistiċi b’kunsiderazzjoni tar-rilevanza tal-produzzjoni statistika u l-ispejjeż u l-piżijiet għas-sistema statistika Ewropea, il-membri tagħha u dawk li jwieġbu, u jħeġġeġ l-innovazzjoni statistika meta jiġu definiti prijoritajiet ġodda;

itejjeb l-appoġġ tiegħu għall-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika permezz ta’ iżjed informazzjoni u adattata aħjar dwar l-implikazzjonijiet baġitarji u finanzjarji tal-għażliet tal-ipprogrammar statistiku u dwar l-implimentazzjoni tal-programmi statistiċi;

jissimplifika u jtejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-għotjiet billi jirrikorri għal skali standard tal-ispejjeż tal-unitajiet għall-persunal u għal somom sħaħ għal settijiet ta’ data pprovduti permezz ta’ stħarriġiet;

jesplora l-għażla ta’ sistema bbażata fuq il-prestazzjoni ta’ ġestjoni tal-għotjiet, li sserraħ fuq indikaturi u objettivi miftiehma;

itejjeb il-kompetizzjoni fil-proċeduri tal-akkwist, notevolment billi jagħti aktar importanza lill-kriterju tal-prezz fi proċeduri li jagħtu preferenza lill-offerta li tkun l-aktar ekonomikament vantaġġuża u billi jiġu evitati l-limiti minimi li jdgħajfu l-kompetizzjoni fil-prezzijiet;

277.

Jilqa’ t-tweġibiet ġeneralment kostruttivi li saru mill-Kummissjoni u jinnota, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni taqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-istatistika tagħhom għandhom responsabilità komuni għaż-żamma tal-fiduċja fil-proċess demokratiku tal-Ewropa;

278.

Jirrimarka li, kif mitlub mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni:

(a)

ippreżentat proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 (COM(2012) 167);

(b)

adottat deċiżjoni interna ġdida dwar l-Eurostat fis-17 ta’ Settembru 2012; kif ukoll

(c)

approvat reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea f’Settembru 2011;

279.

Jirrimarka li r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-istituti statistiċi nazzjonali u l-Eurostat fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea jeħtieġ jiġi infurzat u appoġġat minn bidliet leġiżlattivi addizzjonali, fejn ikun meħtieġ; jitlob li l-ESGAB jinbidel f’korp superviżorju indipendenti li għandu jkollu l-kompitu li jissorvelja r-rieżamijiet, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fis-Sistema Statistika Ewropea; għal dak l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta għal regolament li għandu jissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (34) li bħalissa qiegħda fis-seħħ;

280.

Jenfasizza li s-sistema statistika Ewropea fiha nnifisha teħtieġ tkun strument ta’ titjib sistematiku sabiex tadatta l-istrutturi u r-riżorsi għall-isfidi l-ġodda; jinnota li, peress li hemm domanda li dejjem qed tikber għall-istatistika minkejja li r-riżorsi qegħdin jonqsu, hemm bżonn li ssir bidla sistemika fil-mod kif tiġi prodotta l-istatistika sabiex titjieb aktar l-effiċjenza; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-viżjoni għad-deċennju li jmiss u tal-istrateġija tas-sistema statistika Ewropea konġunta assoċjata ma tistax tiġi posposta aktar;

281.

Jisħaq dwar il-bżonn li tissaħħaħ aktar il-governanza tas-sistema statistika Ewropea u jenfasizza li r-reviżjoni kontinwa tal-istruttura tal-governanza tas-sistema statistika Ewropea teħtieġ titlesta malajr sabiex jiġu ssimplifikati l-kanali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jiġu trasferiti l-kompetenzi ta’ komitoloġija lill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-pożizzjoni tal-ESGAB fl-istruttura tal-governanza tas-sistema statistika Ewropea;

282.

Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li timplimenta bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea; jinnota madankollu li l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea għadu jirrappreżenta sfida għas-sistema statistika Ewropea kollha kemm hi u hemm bżonn li l-Eurostat u l-istituti statistiċi nazzjonali jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea;

283.

Jiddispjaċih li minn 677 azzjoni ta’ titjib oriġinarjament identifikati għas-sistema statistika Ewropea matul reviżjonijiet bejn il-pari esterni mwettqa fl-2006-2008, 71 % biss tlestew sal-2012; jinnota li parti mill-azzjonijiet ta’ titjib li għad fadal diġà jeħtiġilhom aġġornament u li l-progress tal-implimentazzjoni tagħhom qed jieqaf; għalhekk jilqa’ l-pjanijiet għal sett ġdid ta’ reviżjonijiet bejn il-pari li se jibdew fl-2013, inkluża l-pubblikazzjoni tal-lista l-ġdida għall-azzjonijiet li għad fadal u l-iskeda għall-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni ta’ proċessi ta’ verifika esterni filwaqt li tiġi implimentata sensiela ġdida ta’ reviżjonijiet bejn il-pari;

284.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni taċċetta fil-prinċipju r-rakkomandazzjonijiet dwar ir-reviżjonijiet bejn il-pari, l-introduzzjoni ta’ għanijiet u miri preċiżi fil-programmi annwali tal-istatistika, prijoritizzazzjoni mill-ġdid u r-reviżjoni tal-programm 2013-2017, inkoraġġiment għall-innovazzjoni, involviment aħjar tal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, simplifikazzjoni u titjib fl-effiċjenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-għotjiet; jinnota li l-Kummissjoni taqbel ukoll li tevita d-dgħufija tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet fil-proċeduri tal-akkwist u li tadatta l-limitu eżistenti u l-proporzjon għall-għażla tal-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża u huwa sodisfatt li d-dispożizzjonijiet tal-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 kif ippreżentat mill-Kummissjoni jispeċifikaw l-użu ta’ somom sħaħ u l-ftehim għall-użu ta’ skali standard ta’ spejjeż għal kull unità;

285.

Jinnota li dispożizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 ssaħħaħ il-prinċipju ta’ indipendenza tal-Kap responsabbli mill-Istatistika tal-Unjoni Ewropea iżda ma tipprevedix l-istess mekkaniżmi għall-ħatra tiegħu kif rrakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jirrimarka li r-Regolament emendat jeħtieġ jiddefinixxi r-rwol tal-ESGAB fil-proċedura tal-għażla tal-Kap responsabbli mill-Istatistika applikata mill-Kummissjoni u li regoli ta’ ħatra u sensja ċari u pubblikament aċċessibbli għall-Kap responsabbli mill-Istatistika għandhom jiġu żgurati permezz ta’ kompetizzjonijiet miftuħa u termini fissi konformi mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea;

286.

Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija gradwali tas-sottodelegazzjoni tal-krediti għall-produzzjoni tal-istatistika.

287.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).


(1)  ĠU L 68, 15.3.2011.

(2)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.

(3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

(4)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013) 122 (Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(8)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(9)  Reġim li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-oġġetti importati jkunu se jiġu ttrasportati lejn Stat Membru ieħor u meta l-VAT hi dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

(10)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni tad-19 ta’ Mejju 2010: Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010) 245).

(12)  The Shadow Economy in Europe, 2010: Using Electronic Payment Systems to Combat the Shadow Economy/Friedrich Schneider, A.T. Kearney, 2010.

(13)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta’ April 2012: Rapport ta’ monitoraġġ dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni tal-Kroazja, p. 12.

(14)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2007: It-tieni rapport dwar l-użu ta’ riżorsi finanzjarji allokati għad-dekommissjonar ta’ stallazzjonijiet nukleari, fjuwil użat u skart radjoattiv (COM(2007) 794 finali), p. 10.

(15)  Rapport Speċjali Nru 16/2011, p. 7.

(16)  Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-13 ta’ Lulju 2011: Dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji matul 2004-2009 mgħotija lil-Litwanja, is-Slovakkja u l-Bulgarija biex isostnu d-dekummissjonar tal-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari skont l-Atti ta’ Adeżjoni (COM(2011) 432).

(17)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2011 dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tad-dekummissjonar tal-impjanti nukleari fl-Istati Membri l-ġodda (ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 19).

(18)  SEC(2011) 1387, p. 34, ara l-anness 1.

(19)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011) 615/2).

(20)  Opinjoni mehmuża mar-rapport A7-0270/2012.

(21)  Bħall-adozzjoni ta’ Qafas Strateġiku Komuni; l-adozzjoni ta’ regoli dettaljati dwar l-istrumenti finanzjarji; ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri dwar il-proċedura għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet u l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament; il-kundizzjonijiet tal-awditjar nazzjonali; il-kriterji ta’ akkreditament għall-awtoritajiet ġestjonarji u l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni.

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU L 63, 3.3.2001, p. 21).

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1).

(24)  Ara l-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 39).

(25)  Ara l-paragrafu 61 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 250, 27.9.2011, p. 33).

(26)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1.

(27)  ĠU L 185, 6.7.2001, p. 1.

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).

(29)  ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 49.

(30)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/92 tal-14 ta’ Lulju 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 208, 24.7.1992, p. 15).

(32)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1267/2011 tal-6 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 324, 7.12.2011, p. 9).

(33)  Ara r-Rapport Annwali tal-Attività tal-2011 tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, p. 25.

(34)  ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17.


Top