Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2013_168_R_0001_01

    2013/296/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Mejju 2013 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi
    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi

    ĠU L 168, 20.6.2013, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Mejju 2013

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

    (2013/296/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/353/UE (1), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    (2)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (3)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (2); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha,

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, skont l-avviż previst fl-Artikolu 2 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim (4).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. COVENEY


    (1)  ĠU L 174, 4.7.2012, p. 4.

    (2)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (3)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi

    L-UNJONI EWROPEA,

    u

    IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008,

    BIX-XEWQA li jkomplu jiffaċilitaw il-kuntatti tal-persuni,

    FILWAQT LI JAGĦRFU l-importanza tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ vvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini r-Repubblika tal-Moldova fiż-żmien dovut, sakemm il-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ġestita tajjeb u sigura jkunu fis-seħħ,

    FILWAQT LI JQISU u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

    FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għad-Danimarka,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, hu emendat skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu:

    (1)

    Fit-titolu, il-kelma “Komunità” hi sostitwita bil-kliem “l-Unjoni”.

    (2)

    Fl-Artikolu 2(1) u (2) u fl-Artikolu 3 il-punt (e), il-kelma “Komunitarja” hi sostitwita bil-kliem “tal-Unjoni Ewropea”.

    (3)

    L-Artikolu 4, il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

    (a)

    Il-punt (d) huwa sostitwit b’li ġej:

    “(d)

    għal sewwieqa li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fir-Repubblika tal-Moldova:

    talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali ta’ min iwassal fir-Repubblika tal-Moldova li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;”;

    (b)

    Il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(f)

    għall-ġurnalisti u l-ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

    ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali jew minn min iħaddem lill-applikant li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalista kwalifikata u li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku jew li jixhed li l-persuna hi membru tal-ekwipaġġ tekniku li qed jakkumpanja l-ġurnalist f’kapaċità professjonali;”;

    (c)

    Il-punt (k) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(k)

    għal qraba – konjugi, ulied (inklużi tfal adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet – li jżuru ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini:

    talba bil-miktub mill-persuna li tospita;”;

    (d)

    Il-punt li ġej għandu jiżdied:

    “(p)

    għal parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transfruntiera, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI):

    talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita.”

    (4)

    Fl-Artikolu 5, il-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul ta’ aktar minn darba b’terminu ta’ validità ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

    (a)

    membri ta Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qorti Kostituzzjonali u Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;

    (b)

    għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali permanenti li, wara stedina uffiċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

    (c)

    konjugi u tfal (inklużi tfal adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 sena jew ikunu dipendenti, u ġenituri (inklużi dawk li għandhom il-kustodja) li jkunu qed iżuru ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini;

    (d)

    nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri;

    (e)

    ġurnalisti u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment huma manifestament limitati għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża għal dħul aktar minn darba hu limitat għal dak il-perjodu, partikolarment meta

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (a), it-tul ta’ żmien tal-kariga,

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (b), it-terminu tal-validità tal-istatus bħala membru permanenti ta’ delegazzjoni uffiċjali,

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (c), il-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni għal residenza legali ta’ ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova legalment residenti fl-Unjoni Ewropea,

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (d), it-terminu tal-validità tal-istatus bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni ta’ negozju jew tal-kuntratt tax-xogħol, jew

    fil-każ tal-persuni msemmija fil-punt (e), il-kuntratt tax-xogħol

    ikun inqas minn ħames snin.

    2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

    (a)

    għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    (b)

    rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

    (c)

    membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simposji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri;

    (d)

    għal sewwieqa li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f’vetturi reġistrati fir-Repubblika tal-Moldova;

    (e)

    membri tal-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji tal-Istati Membri;

    (f)

    persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju, li jivvjaġġaw regolarment fil-Istati Membri;

    (g)

    studenti u studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-għanijiet ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

    (h)

    parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

    (i)

    parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u lokalitajiet oħra;

    (j)

    parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transfruntiera, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI).

    B’deroga mill-ewwel sentenza, fejn il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment huma manifestament limitati għal perjodu iqsar, it-terminu tal-validità tal-viża għal dħul aktar minn darba hu limitat għal dak il-perjodu.

    3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu wżaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru sakemm il-ħtieġa jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolarment huma manifestament limitati għal perjodu iqsar, li f’dan il-każ it-terminu tal-validità tal-viża għal dħul aktar minn darba hu limitat għal dak il-perjodu.”

    (5)

    L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-paragrafu 2,

    (i)

    il-kliem tal-ftuħ għandu jiġi sostitwit bis-segwenti:

    “2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 il-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:”;

    (ii)

    fil-punt (a), għandhom jiżdiedu li ġejjin:

    “jew ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini”;

    (iii)

    fil-punt (j), għandhom jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

    “u ekwipaġġ tekniku li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali.”;

    (iv)

    għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(p)

    il-parteċipanti li għandhom 25 sena jew anqas f’seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali jew edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

    (q)

    rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ bdil;

    (r)

    parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ kooperazzjoni transfruntiera, bħall-programmi tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI).”

    (v)

    għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ewwel sentenza tapplika wkoll fejn l-għan tal-vjaġġ huwa transitu.”

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4.   Jekk Stat Membru jikkoopera ma’ fornitur tas-servizzi estern bl-iskop ta’ ħruġ ta’ viża, il-fornitur tas-servizzi estern jista’ jitlob ħlas għas-servizz. Dan il-ħlas għandu jkun proporzjonat ma’ kemm ikun nefaq il-fornitur tas-servizzi estern waqt it-twettiq tal-ħidmiet tiegħu, u ma għandux ikun aktar minn EUR 30. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom. Il-fornitur estern tas-servizzi għandu jwettaq l-operazzjonijiet tiegġu skont il-Kodiċi tal-Viżi u fir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni Moldova.”;

    (6)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 6a

    Preżentazzjoni ta’ applikazzjoni mingħajr il-preżenza tal-applikant

    Il-konsulati tal-Istati Membri jistgħu jneħħu r-rekwiżit biex jidhru personalment, meta jkunu jafu lill-applikant għall-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, sakemm l-applikant ma jkunx meħtieġ li jidher personalment għal ġbir tal-identifikaturi bijometriċi.”.

    (7)

    L-Artikolu 8 għandu jiġi sostitwit b’ dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

    Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt li jkunu qegħdin fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu t-territorju tar-Repubblika tal-Moldova jew l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew pożizzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tar-Repubblika tal-Moldova mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.”.

    (8)

    Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    It-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Passaporti diplomatiċi u ta’ servizz”

    (b)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li għandhom passaport bijometriku validu tas-servizz jistgħu jidħlu, joħorġu jew jagħmlu tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri mingħajr viża.”

    (c)

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 u 2 jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu mhux itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180 jum.”

    (9)

    L-Artikolu 12(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fl-ewwel sentenza, il-kelma “Komunità” hija ssostitwita bil-kelma “Unjoni”;

    (b)

    Fit-tieni sentenza, il-kelma “Komunità” hija ssostitwita bil-kliem “Unjoni Ewropea” u l-kliem “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” bil-kliem “Kummissjoni Ewropea”.

    (10)

    L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu eżistenti għandu jkun numerat bħala paragrafu 1;

    (b)

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ Ftehimiet bilaterali jew arranġamenti bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika tal-Moldovakonklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li jipprovdu għall-eżenzjoni tat-titulari ta’ passaporti mhux bijometriċi ta’ servizz mill-ħtieġa tal-viża għandhom ikomplu japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri kkonċernati jew ir-Repubblika tal-Moldovali jiddenunzjaw jew jissospendu dawn il-ftehimiet bilaterali jew arranġamenti.”

    (11)

    Fl-Artikolu 14, għandu jiddaħħal l-ewwel paragrafu li ġejja:

    “Ir-Repubblika tal-Moldova tista’ ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-Istati Membri kollha u mhux għaċ-ċittadini jew ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ Stati Membri individwali.”.

    Artikolu 2

    Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Ġunju 2012, f’żewġ kopji fl-ilsna uffiċjali tal-Partijiet, kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiċi.

    За Европейския съюз

    Por la Unión Europea

    Za Evropskou unii

    For Den Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā –

    Europos Sąjungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    För Europeiska unionen

    Pentru Uniunea Europeană

    Image

    Image

    3a Република Молдова

    Por la República de Moldavia

    Za Moldavskou republiku

    For Republikken Moldova

    Für die Republik Moldau

    Moldova Vabariigi nimel

    Για τη Δημοκρατία της Μολδαβίας

    For the Republic of Moldova

    Pour la République de Moldavie

    Per la Repubblica moldova

    Moldovas Republikas vārdā –

    Moldovos Respublikos vardu

    A Moldovai Köztársaság részéről

    Għar-Repubblika tal-Moldova

    Voor de Republiek Moldavië

    W imieniu Republiki Mołdawii

    Pela República da Moldova

    Pentru Republica Moldova

    Za Moldavskú republiku

    Za Republiko Moldavijo

    Moldovan tasavallan puolesta

    För Republiken Moldavien

    Pentru Republica Moldova

    Image

    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR KOOPERAZZJONI FEJN JIDĦLU DOKUMENTI TAL-IVVJAĠĠAR

    Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rispettivi dwar il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw lil xulxin b’mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR ID-DOKUMENTI LI GĦANDHOM IKUNU PPREŻENTATI META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻA GĦAL ŻJARA QASIRA

    L-Unjoni Ewropea se tistabbilixxi lista armonizzata ta’ dokumenti ta’ appoġġ, skont il-punt a tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 48 tal-Kodici dwar il-Viżi, sabiex tiżgura li l-applikanti mir-Repubblika tal-Moldova jkunu meħtieġa li jippreżentaw, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ. L-Unjoni Ewropea se tinforma lir-Repubblika tal-Moldova fil-Kumitat, meta tali lista ġiet stabbilita. L-Unjoni Ewropea ser tinforma wkoll liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova skont l-Artikolu 47 paragrafu 1 lit. a tal-Kodiċi tal-Viża.

    DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-KOOPERAZZJONI MA’ FORNITURI ESTERNI TAS-SERVIZZI

    L-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li testernalizza l-proċess tal-applikazzjonijiet għall-viżi biss meta tkux tista’ tagħmel mod ieħor, meta jkun hemm ċirkostanzi partikolari jew għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni lokali, bħal meta l-għadd kbir ta’ applikanti ma jippermettix li l-ġbir tal-applikazzjonijiet u tad-dejta jiġi organizzat f’waqtu u f’kondizzjonijiet deċenti; jew ma jkunx possibbli li tiġi żgurata kopertura territorjali tajba tal-pajjiż terz ikkonċernat b’xi mod ieħor; u fejn forom oħra ta’ kooperazzjoni jirriżultaw mhux adatti għall-Istat Membru konċernat.

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR L-IFFAĊILITAR GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA

    L-Unjoni Ewropea tinnota s-suġġeriment tar-Repubblika tal-Moldova li tagħti definizzjoni usa’ tal-kunċett tal-membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw minn faċilitazzjoni ta’ viża kif ukoll dwar l-importanza li tagħti r-Repubblika tal-Moldova lis-simplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni.

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ta’ numru estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet familjari (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova legalment residenti fit-territorji tal-Istati Membri jew ma’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, l-Unjoni Ewropea tistieden lill-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fil-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-simplifikazzjoni tad-dokumenti ta’ evidenza mitluba għall-applikanti, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ipproċessar u, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba.

    ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

    Il-Partijiet jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera u l-Liechtenstein, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-progress tal-acquis ta’ Schengen.

    F’tali ċirkostanzi, ikun mixtieq li l-awtoritajiet tal-Isvizzera u l-Liechtenstein u r-Repubblika tal-Moldova jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili għall-Ftehim emendat.


    Top