EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2012_286_R_0213_01

2012/580/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 li tinkludi l-kummenti li huma parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010

ĠU L 286, 17.10.2012, p. 213–219 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/213


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010

(2012/580/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 – C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0137/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 52.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li huma parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0137/2012),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011, il-Parlament ta lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

stieden lill-Aġenzija tikkunsidra l-fatt li tinkludi dijagramma ta’ Gantt fil-programmazzjoni ta’ kull attività operattiva tagħha, bil-għan li tindika sintetikament l-ammont ta’ ħin li kull membru tal-persunal iqatta’ fuq proġett u tinkoraġġixxi approċċ orjentat lejn il-ksib tar-riżultati; jistieden, għaldaqstant, lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi meħuda mill-Aġenzija f’dak ir-rigward;

ħeġġeġ lill-Aġenzija tapplika l-proċeduri tal-akkwist b’mod korrett, iżda laqa’ l-fatt li fir-Rapport ta’ Attività Annwali tagħha tal-2009, l-Aġenzija inkludiet Anness speċifiku dwar il-proċeduri nnegozjati, sabiex tinforma lill-awtorità baġitarja,

C.

billi l-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 54 400 000 meta mqabbel ma’ EUR 53 300 000 fl-2009, li jfisser żieda ta’ 6,1 %; billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kienet ta’ EUR 31 949 360 meta mqabbla ma’ EUR 24 435 000 fl-2009 (6), li jfisser żieda ta’ 30,75 %,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija rċeviet EUR 54 400 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 50 600 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jieħu nota li dan ifisser żieda ta’ 11,21 % f’approprjazzjonijiet għall-impenji, iżda tnaqqis ta’ 5,33 % f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet meta mqabbla mal-2009;

2.

Jinnota mir-Rapport tal-Aġenzija dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja li, fl-2010, l-Aġenzija kellha rata ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ 98 % f’dak li jirrigwarda approprjazzjonijiet għall-impenji u ta’ 89 % f’dak li jirrigwarda approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jinnota wkoll li, meta mqabbla mal-2009, ir-rati ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tal-Aġenzija żdiedu kemm għall-approprjazzjonijiet għall-impenji (+ 4 %) kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (+ 8 %); jistieden lill-Aġenzija tieħu l-azzjoni meħtieġa biex ittejjeb aktar l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha u li żżomm lill-awtorità tal-kwittanza infurmata regolarment dwar din il-kwistjoni;

Riporti

3.

Jinnota mir-Rapport tal-Aġenzija dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja li l-ammont ta’ approprjazzjonijiet riportati mill-2010 għall-2011 biex ikopru l-impenji mhux imħallsa fi tmiem is-sena ammontaw għal EUR 1 214 272,92; jifhem mir-rapport tal-Aġenzija li dan il-livell ta’ riporti huwa ta’ 43 % anqas meta mqabbel mal-2009; jistieden, madankollu, lill-Aġenzija tieħu azzjoni ulterjuri biex tnaqqas ir-riporti tagħha u tirrispetta l-prinċipju tal-annwalità;

4.

Jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri ma semmietx l-approprjazzjonijiet riportati u kkanċellati tal-Aġenzija fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

Impenji a posteriori

5.

Jirrikonoxxi l-fatt li, b’segwitu għat-talba tal-Parlament, l-Aġenzija inkludiet fir-Rapport ta’ Attività Annwali tagħha tal-2010 informazzjoni speċifika dwar impenji a posteriori (i.e. impenji legali li ttieħdu qabel ma saru l-impenji baġitarji korrispondenti); jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tnaqqas l-impenji a posteriori (minn aktar minn 20 fl-2007 għal 5 fl-2010); iżda huwa preokkupat li tali impenji jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju qafas u li l-Aġenzija ilha tipperpetwa dan in-nuqqas mill-2006;

Il-proċedura tal-akkwist

6.

Jirrikonoxxi mir-Rapport ta’ Attività Annwali tal-Aġenzija li l-Unità għall-Affarijiet Legali u Finanzjarji ttrattat total ta’ 54 proċedura tal-akkwist fl-2010;

7.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tapplika l-proċeduri tal-akkwist b’mod korrett u tiżgura data xierqa dwar l-akkwist pubbliku ppjanat fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha; b’mod partikolari, iqis li huwa preokkupanti li l-Programm ta’ Ħidma Annwali ma jiżvelax espliċitament l-informazzjoni kollha msemmija fir-Regolament Finanzjarju u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu; ifakkar lill-Aġenzija li jekk deċiżjoni ta’ finanzjament dwar akkwist operattiv ippjanat ma tkunx appoġġjata kif xieraq mid-data sottostanti, dan jista’ jqajjem dubji dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Aġenzija; jinnota mir-rapport tal-Aġenzija li, mill-2011, iddaħħal anness speċifiku fil-Programm ta’ Ħidma Finali, b’indikazzjoni tal-pakkett baġitarju globali riżervat għall-akkwisti matul is-sena, numru indikattiv tal-kuntratti u perjodi ta’ żmien indikattivi kklassifikati skont l-attività;

8.

Jistieden lill-Aġenzija tiżgura rappurtar eżatt u f’waqtu fir-rigward tal-proċeduri nnegozjati lill-Bord Amministrattiv; jirrikonoxxi, fil-fatt, li l-proċeduri nnegozjati tal-Aġenzija, li għandhom jintużaw taħt kundizzjonijiet definiti b’mod strett, mhumiex neċessarjament irrappurtati lill-Bord Amministrattiv;

Ir-riżorsi umani

9.

Huwa preokkupat li l-indipendenza tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Aġenzija ġiet irrappurtata li qiegħda f’riskju fl-2010; josserva, fil-fatt, li:

il-ħatra tiegħu kienet għadha “interim” fil-bidu tas-sena;

ir-responsabbiltajiet tiegħu ma kinux definiti formalment; u

l-evalwazzjoni tat-twettiq ta’ dmirijietu saret mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija mingħajr ebda involviment tal-Bord Amministrattiv;

10.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija tal-14 ta’ Ġunju 2010 li jifformalizza l-ħatra tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Aġenzija; jinnota d-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv tal-10 ta’ Novembru 2011 li temenda d-dispożizzjoni ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkjarifika r-rwol tal-Bord Amministrattiv fir-rigward tal-Uffiċjal tal-Kontabilità;

11.

Jissottolinja, madankollu, li għad fadal dgħufijiet fir-rigward tal-Uffiċjal tal-Kontabilità, partikolarment rigward id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet tiegħu u l-evalwazzjoni tat-twettiq ta’ dmirijietu; jinnota li l-Aġenzija ħadet azzjonijiet biex tirrimedja s-sitwazzjoni rrapurtata preċedentement;

Prestazzjoni

12.

Jilqa’ l-fatt li, f’Marzu 2010, l-Aġenzija adottat il-programm ta’ ħidma multiannwali tagħha fuq ħames snin; jinnota wkoll li r-Rapport Annwali 2010 tal-Aġenzija jirrapporta għal kull attività operattiva l-input, l-eżitu tal-attività tagħha u, biex dak li jkun ikun jista’ jqabbel, kull entrata tipprovdi wkoll l-input u l-output ippjanati, kif iddikjarat fil-Programm ta’ Ħidma tal-Aġenzija għall-2010;

13.

Jiddispjaċih li, fir-rapport annwali tagħha għall-2010, il-Qorti tal-Awdituri m’għamlet l-ebda referenza għat-trasferimenti baġitarji tal-Aġenzija; iqis li n-numru għoli ta’ trasferimenti baġitarji fl-Aġenzija kien fatt preokkupanti għall-Parlament matul is-snin preċedenti (49 fl-2009, 52 fl-2008 u 32 fl-2007); jitlob, għalhekk, lill-Qorti tal-Awdituri tinforma minnufih lill-awtorità tal-kwittanza dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tat-trasferimenti fl-2010;

14.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Aġenzija biex tikkunsidra l-fatt li tinkludi dijagramma ta’ Gantt parti fil-programmazzjoni ta’ kull attività operattiva tagħha, sabiex tindika sintetikament l-ammont ta’ ħin li kull membru tal-persunal iqatta’ fuq proġett u tinkoraġġixxi approċċ orjentat lejn il-ksib tar-riżultati; jistieden, għaldaqstant, lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-passi konkreti meħuda;

15.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kompiti l-ġodda li ngħataw lill-Aġenzija fil-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxiha; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi allokati lill-Aġenzija, u jistieden lill-Aġenzija timmaniġġja dawk ir-riżorsi b’mod sod u effikaċi sabiex twettaq adegwatament ir-responsabbiltajiet il-ġodda fdati lilha abbażi ta’ dak ir-Regolament;

Verifika interna

16.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija għad trid timplimenta 15-il rakkomandazzjoni “importanti ħafna” mis-Servizz tal-Awditjar Intern; huwa preokkupat li l-implimentazzjoni ta’ tmienja minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġiet posposta b’bejn sitt xhur u 12-il xahar, filwaqt li waħda ġiet irrifjutata; jinnota li l-ewwel 11-il rakkomandazzjoni “importanti ħafna” jirrigwardaw il-proċess legali u finanzjarju ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-istandards tal-kontroll intern; jinnota wkoll li r-rakkomandazzjoni rifjutata tikkonċerna r-responsabbiltà għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Aġenzija tispjega lill-awtorità tal-kwittanza r-raġunijiet għal dan ir-rifjut u jistieden lill-Aġenzija tieħu azzjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet posposti;

17.

Jinnota l-inizjattiva tal-Aġenzija li tikkondividi funzjoni tal-Awditjar Intern (Kapaċità tal-Awditjar Intern) mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd;

18.

Jirrikonoxxi b’mod partikolari li l-Kapaċità tal-Awditjar Intern ipprovdiet konsulenza interna dwar kwistjonijiet ta’ kontroll intern bħal:

l-iżvilupp tal-Pjan ta’ Kontinwità tal-Attivitajiet għall-applikazzjonijiet marittimi,

l-iżvilupp tal-Pjan ta’ Kontinwità tal-Attivitajiet għall-attivitajiet ta’ appoġġ,

il-proċedura għar-Reġistrazzjoni tal-Eċċezzjonijiet;

jinnota li d-dikjarazzjoni tal-Aġenzija li l-Pjan ta’ Kontinwità tal-Attivitajiet għall-applikazzjonijiet marittimi, il-Pjan ta’ Kontinwità tal-Attivitajiet għall-attivitajiet ta’ appoġġ u l-proċedura għar-Reġistrazzjoni tal-Eċċezzjonijiet ġew adottati;

19.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu minn rapporti preċedenti dwar il-kwittanza, kif stipulat fl-Anness ta’ din ir-riżoluzzjoni;

20.

Jirreferi lill-Aġenzija lir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza 2009: rendiment, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji (7);

21.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (8) dwar ir-rendiment, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 52.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 181.

(6)  ĠU L 64, 12.3.2010, p. 615.

(7)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 269.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW TA’ DAWN L-AĦĦAR SNIN

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

2006

2007

2008

2009

Prestazzjoni

n.a.

Preżentazzjoni inkorretta tal-baġit

L-Aġenzija ma ħejjietx programm ta’ ħidma multiannwali u l-programm ta’ ħidma annwali tagħha ma kienx marbut mal-baġit għall-impenji tagħha

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER, kif ukoll tagħmel dijagramma ta’ Gannt→biex tippromwovi approċċ orjentat lejn il-ksib tar-riżultati

Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f’din is-sena u fis-snin preċedenti

Jistieden lill-Aġenzija tqis li tagħmel dijagramma ta’ Gantt parti mill-programmazzjoni għall kull attività operattiva

Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Il-proċeduri għall-istabbiliment tal-baġit u tal-organigramma ma kinux rigorużi biżżejjed→ ippjanar inadegwat tar-reklutaġġ tal-persunal u preżentazzjoni inkorretta tal-baġit

Il-prinċipju tal-eżattezza tal-baġit ma kienx osservat b’mod strett

Xi kuntratti ppermettew prefinanzjament ta’ 100 %: din il-prattika mhijiex konformi mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda

Preżentazzjoni inkorretta tal-baġit: għal approprjazzjonijiet differenzjati, il-baġit ma inkludiex l-iskeda ta’ ħlasijiet dovuti matul is-snin finanzjarji sussegwenti sabiex jiġu ssodisfati l-impenji baġitarji meħuda fis-snin finanzjari preċedenti

L-impenji legali ttieħdu qabel l-impenji baġitarji korrispondenti

Il-proċeduri biex jiġi stabbilit il-baġit ma kinux rigorużi biżżejjed→numru għoli ta’ trasferimenti baġitarji (32 fl-2007)

Dgħufijiet fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għal attivitajiet operattivi (EUR 7 500 000 diġà ġew ikkanċellati)

Jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha ta’ taħriġ u komunikazjzoni sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom jittieħdu impenji legali qabel ma jsiru l-impenji baġitarji korrispondenti

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina modi kif tiżgura li l-prinċipju tal-ġestjoni tal-flus abbażi tal-ħtiġijiet ikun implimentat

Il-Qorti tal-Awdituri nnotat in-numru għoli ta’ trasferimenti baġitarji fl-2009, tħeġġeġ lill-Aġenzija ttejjeb l-ippjanar u l-monitoraġġ tagħha sabiex tnaqqas in-numru ta’ trasferimenti baġitarji

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tapplika l-proċeduri tal-akkwist b’mod korrett

Ir-riżorsi umani

n.a.

Kwistjonijiet ta’ trasparenza fil-proċeduri ta’ reklutaġġ: Għall-proċeduri ta’ reklutaġġ verifikati, il-kriterji tal-għażla u r-riżultati minimi?? biex wieħed jgħaddi għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjonijiet ma ġewx deċiżi qabel ma beda l-proċess ta’ evalwazzjoni

Jitlob li tittejjeb l-istrateġija dwar ir-riżorsi umani→ Kwistjonijiet ta’ trasparenza (ara l-Verifika Interna)

Jinnota nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla tal-persunal, iħeġġeġ lill-Aġenzija tirmedja d-dgħufijiet attwali

Il-Verifika Interna

n.a.

n.a.

Jistieden lill-Aġenzija tieħu passi biex tissodisfa 7 mit-32 rakkomandazzjoni li saru mis-Servizz tal-Verifika Interna→ i.e. l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal rigward ir-reklutaġġ ta’ persunal temporanju skont ir-Regolamenti tal-Persunal; il-kontrolli fil-proċedura tal-għażla biex jiżguraw aktar trasparenza u trattament ugwali tal-kandidati; l-iżvilupp ta’ strateġija għall-ippjanar tal-karriera

Jistieden lill-Aġenzija timplimenta malajr ir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna tal-IAS, jenfasizza b’mod partikolari:

il-provvediment ta’ ppjanar strateġiku u l-monitoraġġ tal-partijiet interessati tal-Aġenzija b’ħarsa ġenerali lejn ir-riskji residwi ta’ tniġġis miż-żejt;

il-konformità mal-proċeduri amministrattivi;

l-analiżi ta’ għażliet possibbli għall-ġestjoni tat-tagħmir u l-evalwazzjoni tal-impatt finanzjarju u operattiv tagħhom

id-dokumentazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni ta’ bastimenti

jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS li għad iridu jiġu implimentati mill-Aġenzija jinkludu l-istabbiliment ta’:

valutazzjoni interna tar-riskji;

inventarju tal-proċeduri interni eżistenti;

pjan direzzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proċeduri li fadal;

reġistru tal-proċeduri ta’ eċċezzjoni; &

rieżami tas-sistema ta’ kontroll intern


Top