Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2012_286_R_0109_01

    2012/556/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    ĠU L 286, 17.10.2012, p. 109–112 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 286/109


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2012

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    (2012/556/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 — C7-0261/2011) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2010,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10), u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0092/2012),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2010;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Martin SCHULZ

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

    (2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

    (3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

    (4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2012

    li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 — C7-0261/2011) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2010,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10), u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0092/2012),

    1.

    Jinnota li fl-2010 l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kellu approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ total ta’ 127 200 000 EUR (122 000 000 EUR fl-2009), u li r-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 98 % (98 % fl-2009); jenfasizza li l-baġit tal-KESE huwa purament amministrattiv, b’70 % tiegħu jintefaq fuq il-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u 30 % fuq il-bini, l-għamara, it-tagħmir u l-ispejjeż operazzjonali varji;

    2.

    Jistieden lill-KESE jillimita ż-żidiet tal-baġits tiegħu fis-snin li ġejjin għall-minimu assolut u jiffinanzja l-attivitajiet ġodda u estiżi tiegħu primarjament permezz ta’ tfaddil;

    3.

    Ifakkar fit-talba li kien għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (6) dwar il-kwittanza għall-KESE għall-eżerċizzju 2009 biex dan jagħmel b’urġenża reviżjoni komprensiva tal-infiq fl-oqsma kollha ta’ attività, sabiex jiżgura li l-infiq kollu qed jipprovdi valur mill-flus minfuqa u sabiex jidentifika ffrankar possibbli li jista’ jnaqqas il-piż minn fuq il-baġit f’dan il-perjodu ta’ awsterità li minnu għaddejja l-Unjoni;

    4.

    Jilqa’ l-fatt li fir-rapport annwali tagħha, il-Qorti tal-Awdituri stmat li, fuq il-bażi tal-awditjar tagħha, il-pagamenti relatati mas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2010 għall-ispejjeż amministrattivi u oħrajn tal-istituzzjonijiet u l-organi kienu globalment ħielsa minn żbalji materjali; jinnota li l-iktar żball probabli kien stmat, fil-qasam tal-“ispejjeż amministrattivi”, li kien ġeneralment ta’ 0,4 % (punti 7.9 u 7.10);

    5.

    Jirrimarka li fir-rapport annwali tagħha għall-2010, il-Qorti tal-Awdituri għamlet osservazzjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġi tal-membri tal-KESE u l-għoti ta’ kuntratti bbażat fuq proċedura ristretta;

    6.

    Jinnota b’sodisfazzjon li l-Bureau tal-KESE ddeċieda, fis-6 ta’ Diċembru 2011, li jirriforma s-sistema ta’ rimborżi tal-ispejjeż tal-membri, bl-għan partikulari li jirrimborża l-ispejjeż tal-vjaġġi biss skont l-ispejjeż reali, deċiżjoni li tikkonforma l-allowances ta’ kuljum u għat-trasport ma’ dawk li jħallas il-Parlament u li tipprevedi allowances għall-kumpens tal-membri għall-ħin li jiddedikaw għall-funzjonijiet tagħhom u l-ispejjeż amministrattivi relatati, sakemm il-membri tal-KESE ma jirċievu l-ebda tip ta’ remunerazzjoni jew pensjoni mill-baġit tal-Unjoni;

    7.

    Iħeġġeġ u jistenna implimentazzjoni rapida tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2011 msemmija hawn fuq;

    8.

    Huwa sorpriż bl-għadd kbir ta’ titjiriet fatturati mill-membri tal-KESE fl-2010, u bid-distanza twila tagħhom (medja ta’ 2 000 km); jitlob lill-KESE jipprovdi lista dettaljata tat-titjiriet kollha fatturati fl-2010, li tindika l-ajruport tat-tluq, il-waqfiet matul it-titjira, id-destinazzjoni, it-tul tat-titjira u l-ispiża li trid titħallas miċ-ċittadini Ewropej li qiegħdin iħallsu t-taxxa;

    9.

    Jilqa’ l-fatt li fil-laqgħa tal-Bureau tal-KESE tal-21 ta’ Frar 2012, saru bidliet fir-rigward tal-konferma ta’ preżenza u r-rimborż għall-parteċipazzjoni fil-vidjokonferenzi li kienu konformi ma’ dak issuġġerit mill-Parlament (ġustifikazzjoni finali aktar soda għall-allowance prevista fl-Artikolu 12 u t-tħassir tal-punt dwar il-vidjokonferenzi); jistenna bil-ħerqa r-riżultati tan-negozjati bejn il-KESE tal-21 ta’ Frar 2012 u l-Kunsill sabiex tinstab soluzzjoni definittiva u sodisfaċenti għal dawn il-kwistjonijiet kollha, li d-deċiżjoni dwarhom tiddependi mill-Kunsill;

    10.

    Jinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Bureau tal-KESE li tipprevedi l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-membri; jilqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni diġà ġiet implimentata;

    11.

    Jilqa’ l-interess riċenti u ikbar mill-membri tal-KESE fl-affarijiet finanzjarji u baġitarji, partikolarment fil-grupp baġitarju, li ġab miegħu impenn sħiħ kemm sabiex ikun stabbilit baġit u kemm fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu; jixtieq jara tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn il-membri tal-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

    12.

    Jilqa’ l-fatt li ż-żewġ Kumitati, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE, finalment irnexxilhom jiksbu ċ-ċertifikat tal-EMAS (l-Iskema għall-immaniġġjar tal-ambjent u l-verifika) fis-27 ta’ Diċembru 2011; jixtieq li jkun infurmat fuq bażi annwali x’progress ġie ppjanat u/jew sar għat-tnaqqis ulterjuri tal-impatt negattiv fuq l-ambjent minħabba l-attivitajiet tal-Kumitati;

    13.

    Huwa sodisfatt bir-riżultati li juri r-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar il-funzjonament tal-ftehim ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE; josserva b’mod partikulari li l-ħolqien ta’ servizzi konġunti ppermetta liż-żewġ Kumitati jiffrankaw mill-baġit; jittama li l-Kumitati jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa fl-oqsma tal-persunal (iktar armonizzazzjoni tar-regoli), tas-servizzi soċjali u mediċi u s-servizzi interni;

    14.

    Jissuġġerixxi kompatibbiltà msaħħa tal-linji baġitarji prijoritarji taż-żewġ Kumitati; jemmen li din eventwalment twassal għal żieda fl-iffrankar u għal tisħiħ addizzjonali tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

    15.

    Jilqa’ d-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2012 tal-KESE li jorganizza evalwazzjoni ta’ xogħlu, kif diġà għamel il-Kumitat tar-Reġjuni (CAF (7): Qafas Komuni ta’ Evalwazzjoni), b’segwitu għar-rakkomandazzjoni ta’ din ir-Riżoluzzjoni, kif adottata mill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju fis-27 ta’ Marzu 2012;

    16.

    Jinnota wkoll b’sodisfazzjon li l-KESE ħa nota tal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u ntbagħtet tfakkira lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni kollha b’sottodelega dwar l-elementi importanti li għandhom jiġu osservati fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti; jinnota wkoll li l-KESE se jintensifika l-isforzi tiegħu biex jiġi żgurat li jkun hemm l-għarfien espert meħtieġ fl-akkwist pubbliku fil-kumitati ta’ evalwazzjoni;

    17.

    Jistieden lill-KESE jtejjeb il-kwalità tas-sommarju dwar l-attivitajiet tas-servizz ta’ awditjar intern sabiex il-Parlament ikun jista’ jevalwa l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u kontroll fil-KESE; jinsisti li s-sommarju għandu jkun informattiv u rilevanti; jistieden lill-KESE jibgħat mingħajr dewmien verżjoni kkoreġuta lill-kumitat kompetenti tiegħu;

    18.

    Iqis li l-Anness D tar-rapport annwali ta’ attività, li fih indikaturi ta’ attività u prestazzjoni, huwa utli ħafna; huwa mħasseb mill-fatt li 12,3 % tas-servizzi ta’ interpretazzjoni mitluba kienu kkanċellati, bi spiża ta’ 913 344 EUR; jixtieq li jkun infurmat liema miżuri urġenti ttieħdu biex jirranġaw din is-sitwazzjoni;

    19.

    Jitlob ippjanar finanzjarju u ġestjoni baġitarja aħjar sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur;

    20.

    Jistenna li r-rapport annwali ta’ attività fil-futur jinkludi wkoll tabella komprensiva tar-riżorsi umani kollha li qiegħdin għad-dispożizzjoni tal-KESE, imqassma skont il-kategorija, il-grad, il-ġeneru, il-parteċipazzjoni fit-taħriġ professjonali u n-nazzjonalità;

    21.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Ombudsman li jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet marbuta tal-proċeduri tal-promozzjoni tal-persunal;

    22.

    Jitlob li l-opinjonijiet kollha tal-KESE jiġu mehmuża mal-fajls relevanti.


    (1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

    (2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

    (3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

    (4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 98.

    (7)  Common Assessment Framework, European Institute for Public Administration, Maastricht 2006.


    Top