Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2012_286_R_0029_01

2012/546/UE, Euratom: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III — Il-Kummissjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar ir-Rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza tal-Kummissjoni 2010

ĠU L 286, 17.10.2012, p. 29–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/29


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III — Il-Kummissjoni

(2012/546/UE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 – C7-0256/2011) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2009 (COM(2011) 736), u għad-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikati ma’ dak ir-rapport (SEC(2011) 1350 u SEC(2011) 1351),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011 bl-isem “Sinteżi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2010” (COM(2011) 323),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2010 (COM(2011) 643), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat ma’ dak ir-rapport (SEC(2011) 1189),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom provduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (06081/1/2012 — C7-0053/2012),

wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A7-0098/2012),

A.

billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi u għandha tagħmel dan skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea f’kooperazzjoni mal-Istati Membri fuq ir-responsabbiltà tagħha stess, b’konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba,

1.

Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni li hi parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza tal-Kummissjoni għall-2010 (6);

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

(2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2012)0154 (Ara l-paġna 68 ta’ dan il-Ġurnal Ufficiali).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 – C7-0256/2011) (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2009 (COM(2011) 736), u għad-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikati ma’ dak ir-rapport (SEC(2011) 1350 u SEC(2011) 1351),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011 bl-isem “Sinteżi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2010” (COM(2011) 323),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2010 (COM(2011) 643), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat ma’ dak ir-rapport (SEC(2011) 1189),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet (3) (ir-Rapport Annwali), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom provduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (06081/1/2012 — C7-0053/2012), u jinnota li r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja għall-ewwel darba rrifjutaw li jirrakkomandaw li tiġi approvata l-kwittanza,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010 (06084/2012 – C7-0052/2012), u jinnota li r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja għall-ewwel darba rrifjutaw li jirrakkomandaw li tiġi approvata l-kwittanza,

wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) u (3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A7-0098/2012),

A.

billi l-Ewropa qed taffaċċja kriżi baġitarja u finanzjarja serja li tista’ twassal għal kriżi ta’ fiduċja fl-Unjoni u billi huwa importanti immens li l-Unjoni tagħti eżempju mill-aħjar fil-qasam tal-ġestjoni pubblika tajba, permezz tal-Kummissjoni, li timplimenta l-baġit tal-Unjoni; billi ġestjoni pubblika tajba hija neċessarja sabiex l-Unjoni żżomm il-klassifikazzjoni AAA tagħha, li hija importanti, b’mod partikolari biex iżżomm mal-impenn tagħha li tipprovdi EUR 60 000 000 000 f’garanziji għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja,

B.

billi l-2010 kienet l-ewwel sena finanzjarja kompletament koperta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, bi proċeduri baġitarji ġodda u l-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew apparti l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill; billi kienet ukoll l-ewwel sena tal-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020,

C.

billi l-governanza tajba timplika li l-għanijiet politiċi jiġu stabbiliti qabel ma jgħaddu strumenti legali biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, u billi l-istrumenti legali eżistenti li ma jkunux għalkollox f’armonija mal-għanijiet politiċi għandhom jiġu mmodifikati,

D.

billi għandu jkun hemm arranġamenti adegwati għat-trasparenza, ir-rendikont pubbliku u l-awditjar pubbliku meta jkunu involuti fondi pubbliċi, billi għas-sbatax-il sena konsekuttiva l-Qorti tal-Awdituri ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva rigward il-baġit tal-Unjoni,

E.

billi l-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-TFUE jirrikjedi li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom u jipprovdi wkoll li din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi kompletata b’valutazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni,

F.

billi iktar minn 90 % tal-iżbalji kollha jinstabu barra l-Kummissjoni fil-livell tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u fil-livell tal-benefiċjarji finali (Rapport Annwali, punt 1.22),

G.

billi fil-maġġoranza tal-każijiet fejn instabu żbalji fil-qasam tal-Koeżjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom biżżejjed informazzjoni biex setgħu identifikaw u sewwew l-iżbalji qabel ma ċċertifikaw l-infiq lill-Kummissjoni (Rapport Annwali, punt 4.25),

H.

billi huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali li stabbilixxew sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jiffunzjonaw sew u awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għal sistemi li huma biss parzjalment effikaċi biex jiġu evitati piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri kollha,

I.

billi n-nuqqas ta’ interess serju mill-Istati Membri fil-proċedura ta’ kwittanza jista’ jkun dovut għall-isforzi insuffiċjenti tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni b’mod pubbliku, mhux ekwivoku u sostanzjat ta’ liema Stati Membri, reġjuni u programmi mhux qed jagħtu riżultati tajbin fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni,

J.

billi dikjarazzjonijiet nazzjonali obbligatorji ta’ ġestjoni maħruġa u ffirmati fil-livell ministerjali u awditjati kif xieraq minn awditur indipendenti huma mezz neċessarju biex jiġi miġġieled in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ xi awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-użu u l-ġestjoni tal-flus tal-Unjoni,

K.

billi ż-żieda fl-użu tal-prefinanzjament mill-Kummissjoni għandha implikazzjonijiet għall-approċċ tal-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri u billi l-Qorti tal-Awdituri tista’ tadatta l-metodoloġija tagħha għaċ-ċirkostanzi l-ġodda biex tiżgura l-utilità tal-informazzjoni li l-Qorti tal-Awdituri tagħti lill-awtorità ta’ kwittanza,

L.

billi l-Unjoni aktar minn qatt qabel teħtieġ korp ta’ awdituri verament estern, b’saħħtu, indipendenti u effiċjenti, li naturalment ifisser – u b’rispett għall-kontribwenti – li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri ma għandhom qatt ikunu maħtura fuq bażi politika iżda biss fuq bażi professjonali,

M.

billi l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u kumplessi għandu jiġi kontrobilanċjat bi trasparenza sħiħa, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ data komprensiva tal-benefiċjarji finali kollha, u regoli ċari dwar ir-rappurtar biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għall-baġit u għar-reputazzjoni tal-Unjoni,

N.

billi l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw b’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba,

O.

billi l-Istati Membri, anke jekk l-istruttura tagħhom tkun federali, jerfgħu r-responsabbiltà fil-konfront tad-dinja esterna u tal-Unjoni,

P.

billi kemm il-kwistjonijiet tal-konformità kif ukoll dawk tal-prestazzjoni għandhom jiġu indirizzati aħjar biex tissaħħaħ il-leġittimità tal-Unjoni,

Q.

billi l-iżvilupp kontinwu tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tul is-snin kienet strumentali fl-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn il-ġestjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni jeħtieġ li tittejjeb,

R.

billi l-Qorti tal-Awdituri reġgħet ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni pożittiva fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tal-ħlasijiet, ħaġa li ta’ min jikkundannaha;

Azzjonijiet prijoritarji għall-Kummissjoni

1.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Pjan ta’ Azzjoni biex jintlaħqu l-azzjonijiet prijoritarji li ġejjin:

jingħalaq il-monitoraġġ tal-użu tal-Istrumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja (FEI), kif deskritt fil-punt 21 ta’ din ir-riżoluzzjoni;

tittejjeb u tissaħħaħ l-affidabbiltà tal-katina tal-kontabbiltà, kif deskritt fil-punt 36 ta’ din ir-riżoluzzjoni;

tiġi kkunsidrata mill-ġdid iż-żieda fl-użu tal-prefinanzjament, kif deskritt fil-punt 56 ta’ din ir-riżoluzzjoni;

jinħoloq mekkaniżmu effikaċi ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, kif deskritt fil-punt 124 ta’ din ir-riżoluzzjoni;

Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri

Il-kontijiet — opinjoni mingħajr riżervi

2.

Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2010 jippreżentaw b’mod ġust fl-aspetti materjali kollha l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-31 ta’ Diċembru 2010, u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta’ flus kontanti tagħha għas-sena li ngħalqet dakinhar;

3.

Jinnota l-enfasi mqiegħda fuq il-bidla fil-politika tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja (FEI), ħaġa li turi li r-riskji tad-dikjarazzjonijiet ħżiena materjali għadhom jeżistu, minkejja li l-kontijiet ingħataw opinjoni mhux modifikata mill-2007 ‘l hawn; jistieden lill-Kummissjoni terġa’ teżamina annwalment jekk it-trattament il-ġdid adottat jirriflettix b’mod ġust ir-realtà sottostanti;

Il-legalità u r-regolarità tad-dħul — opinjoni mingħajr riżervi

4.

Jinnota b’sodisfazzjon li d-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huwa legali u regolari;

Il-legalità u r-regolarità tal-impenji — opinjoni mingħajr riżervi

5.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari;

Il-legalità u r-regolarità tal-ħlasijiet — opinjoni mingħajr riżervi

6.

Jiddispjaċih ħafna li l-ħlasijiet għadhom affettwati b’mod materjali minn żbalji;

7.

Jifhem li l-bażi tal-opinjoni negattiva tal-Qorti tal-Awdituri hija l-osservazzjoni li s-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll huma biss parzjalment effikaċi u – konsegwenza ta’ dan – il-ħlasijiet huma affettwati b’rata ta’ żbalji li hija stmata li x’aktarx hi 3,7 %;

8.

Ifakkar li l-aktar rata probabbli ta’ żbalji għall-ħlasijiet fis-sena finanzjarja 2009 kienet stmata li kienet 3,3 %;

9.

Huwa mħasseb dwar din iż-żieda peress li treġġa’ lura x-xejra pożittiva osservata f’dawn l-aħħar ftit snin; jistieden lill-Kummissjoni tikseb tendenzi li juru tnaqqis konsistenti fir-rata ta’ żbalji kif mitlub fir-rapporti ta’ kwittanza preċedenti;

10.

Jattribwixxi dan l-iżvilupp primarjament liż-żieda tar-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli fil-qasam tal-Koeżjoni, l-Enerġija u t-Trasport, li kellu żieda sinifikanti għal 7,7 %;

Kwistjonijiet orizzontali

Strumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja (FEIs)

11.

Ifakkar li l-Kummissjoni qed tippromwovi żieda fl-użu ta’ FEIs fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (7) minkejja l-fatt li l-Kummissjoni stess tikkunsidra l-FEIs huma strumenti ta’ riskju għoli (8); jifhem li l-FEIs jikkumplementaw aktar milli jieħdu post il-finanzjamenti eżistenti u għandhom il-benefiċċju potenzjali li jistgħu jintużaw aktar minn darba;

12.

Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FEIs attwali li jidher li jolqot l-oqsma tal-politika kollha (Rapport Annwali, punti 1.31 u 1.33);

13.

Jiddeplora n-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ rapportar formali u jagħraf l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirċievi informazzjoni dwar l-użu attwali tal-FEIs mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); jilqa’ r-rapport ta’ sinteżi tal-informazzjoni li nġabret mill-Kummissjoni dwar “Strumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja Implimentati mill-Istati Membri b’Kontribuzzjonijiet tal-FEŻR — is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembri 2010” (Rapport ta’ Sinteżi dwar l-FEIs) ippreżentat lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jinnota li nħolqu FEIs b’impenn totali ta’ madwar EUR 8 100 000 000 u rċevew ħlasijiet ta’ madwar EUR 5 200 000 000 mill-programmi operattivi 2007-2013 sal-aħħar tal-2010 (Rapport Annwali, punt 4.32);

14.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni biss dwar bejn wieħed u ieħor 75 % tal-kontribuzzjonijiet totali impenjati għall-FEIs għall-impriżi (9); jinsab imħasseb li l-informazzjoni li waslet mill-Istati Membri varjat f’termini ta’ kompletezza u preċiżjoni u li numru limitat ta’ Stati Membri jew reġjuni ma tawx reazzjonijiet jew ma lestewx il-mudelli tar-rappurtar tal-monitoraġġ; jifhem li dan jagħmilha impossibbli għall-Kummissjoni tkopri l-FEIs kollha sal-31 ta’ Diċembru 2010;

15.

Jenfasizza li:

in-numru eżatt u d-daqs ta’ fondi speċifiċi stabbiliti

(il-Kummissjoni stmat li fi Franza u fl-Italja jeżistu madwar 92 fond speċifiku, li għalihom ma rċeviet l-ebda rapport ta’ monitoraġġ jew kien hemm disponibbli biss informazzjoni insuffiċjenti, barra mill-kważi 300 fond speċifiku li għalihom kien hemm informazzjoni disponibbli (10)),

l-indikaturi b’livelli ta’ mira dwar l-effikaċja tal-FEIs

(pereżempju, in-numru ta’ investimenti f’impriżi żgħar u medji, l-impjiegi maħluqa jew issalvagwardjati, ir-riżorsi addizzjonali mobilizzati fil-livell tal-impriża jew fil-livell tal-fondi speċifiċi (11)), u

l-indikaturi dwar l-effiċjenza u l-ekonomija tal-FEIs

(pereżempju, l-ispejjeż ta’ ġestjoni u jekk jipprovdux inċentivi biex isir l-aħjar użu tal-flus, l-informazzjoni dwar l-irtirar mill-fondi u r-ritorn fihom, l-informazzjoni dwar dak li jibqa’ mill-fondi wara l-perjodu ta’ programmazzjoni (12))

huma elementi importanti u indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-użu tal-FEIs u jiddispjaċih ħafna li din l-informazzjoni għadha mhijiex disponibbli għalkollox;

16.

Jinnota u jiddeplora l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri prinċipalment fil-qasam tal-Koeżjoni bħad-dotazzjonijiet żejda lill-FEIs li tippermetti l-ħrib mir-regola n + 2 (Rapport Annwali, eżempju 4.4(a)), dewmien u implimentazzjoni bil-mod tal-FEIs (Rapport Annwali, eżempju 4.4(b)), rekwiżiti irregolari fil-qasam tal-istralċ (Rapport Annwali, eżempju 4.4(c)), kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa permezz ta’ ħlas bil-quddiem hekk kif l-istruttura ġuridika tal-FEI tkun ġiet stabbilita (Rapport Annwali, punt 4.34) u problemi fit-twettiq ta’ awditjar adegwat tal-FEIs (Rapport Annwali, punti 4.35 u 4.36);

17.

Jemmen li dawk l-osservazzjonijiet ġejjin minn bażi ġuridika mhux kompleta għall-FEIs; huwa mħasseb li r-regoli applikabbli għall-FEIs ma jistabbilixxux inċentivi adegwati biex isir użu effikaċi tal-FEIs; huwa mħasseb ukoll li jħallu wisq lok għal flessibbiltà għall-Istati Membri; jilqa’ madankollu t-tijib riċenti fl-iżvilupp ta’ bażi legali għall-FEIs; jenfasizza l-lakuni l-iktar importanti li ġejjin tal-bażi ġuridika li dak iż-żmien kien Regolament tal-Kunsill (13):

dispożizzjonijiet insuffiċjenti biex jistimolaw l-implimentazzjoni rapida tal-FEIs;

dispożizzjonijiet insuffiċjenti dwar ir-rekwiżiti tal-ingranaġġ u dawk ta’ natura rinnovabbli għall-FEIs;

dispożizzjonijiet insuffiċjenti biex jipprevjenu d-dotazzjonijiet żejda;

dispożizzjonijiet insuffiċjenti biex jistabbilixxu strutturi ta’ drittijiet ta’ ġestjoni li joffru inċentivi biex jintużaw il-FEIs bl-aktar mod effiċjenti;

dispożizzjonijiet insuffiċjenti dwar dak li jibqa’ mill-fondi fit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni;

kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà mhux ċari għall-kapital għan-negozju;

possibbiltà ta’ użu mhux ġustifikat ta’ trattament preferenzjali tas-settur privat;

18.

Jaqbel mal-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li riżorsi mogħtija lura u dħul miksub mill-istrumenti finanzjarji ma għandhomx jiġu riallokati xi mkien ieħor qabel l-għeluq tal-programm operazzjonali, iżda għandhom jingħataw lura lill-istrumenti finanzjarji rilevanti (Qorti tal-Awdituri, Opinjoni Nru 7/2011 (14), paġna 11); jistenna li din ir-rakkomandazzjoni titqies serjament matul il-proċedura leġiżlattiva rigward il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar l-istrumenti strutturali (COM(2011) 615 – 2011/0276(COD));

19.

Huwa sodisfatt li l-Artikoli 130 u 131 tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (COM(2010) 815 - 2010/0395(COD)) se jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit il-perjodu tal-istrumenti finanzjarji; jitlob lill-Kummissjoni għal sintesi tal-miżuri li jistgħu jevitaw ir-riskji għall-baġit tal-Unjoni li jiġu mill-FEIs;

20.

Jinnota li l-FEIs huma preżenti f’oqsma ta’ politika oħra, ukoll; jagħraf ir-riskju ta’ sovrappożizzjonijiet u implimentazzjoni inkonsistenti ta’ dawn l-istrumenti mingħajr koordinament adegwat; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, għalhekk, tagħmel awditjar tal-FEIs b’mod orizzontali fl-oqsma tal-politika kollha;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bħala azzjoni prijoritarja l-monitoraġġ mill-qrib tal-użu tal-FEIs fost affarijiet oħra billi:

tevalwa b’mod oġġettiv u kritiku l-esperjenzi bil-FEIs fil-politika tal-Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 sa issa, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, inklużi t-tagħlimiet u l-konsegwenzi li nsiltu u biex tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni;

tipprovdi valutazzjoni tar-riskju li tqis FEIs differenti separatament kif ukoll tqis l-istruttura ta’ riskju tal-benefiċjarju tal-FEIs;

tlesti l-proċess tal-ġbir ta’ informazzjoni mill-Istati Membri dwar kwistjonijiet li mhumiex koperti kompletament, bħan-numru eżatt u d-daqs tal-fondi speċifiċi u l-indikaturi relevanti dwar l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-FEI; tiżviluppa mekkaniżmi li jsaħħu l-obbligu ta’ rappurtar mill-Istati Membri;

tirrapporta b’mod annwali lill-Parlament, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, dwar l-użu tal-FEIs fl-Istati Membri, inklużi l-indikaturi dwar l-effikaċja, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-FEIs kif ukoll dwar kif il-Kummissjoni tikkoordina, tiżgura l-konsistenza u ttaffi ir-riskju ta’ sovrappożizzjonijiet fl-oqsmi tal-politika;

Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet meħuda mill-maniġment tagħha

22.

Ifakkar li, skont l-Artikolu 317 tat-TFUE, il-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni bħala responsabbiltà tagħha; jenfasizza li fejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ ġestjoni kondiviża, il-kompiti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju;

23.

Jenfasizza għal darb’oħra (15) li l-Kummissjoni għalhekk għandha r-responsabbiltà primarja fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni kkonċernati u li, konsegwentament, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu miżuri li jimmiraw lejn l-iżgurar tal-legalità u tar-regolarità kif ukoll lejn ġestjoni finanzjarja tajba;

24.

Jenfasizza li mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tittrasferixxi r-responsabbiltà finanzjarja tagħha lill-Istati Membri, anki f’każijiet fejn id-dgħufija maniġerjali jew l-irregolarità ġiet identifikata fil-livell ta’ Stat Membru;

25.

Jikkunsidra li l-użu sinifikanti tat-terminu “ġestjoni kondiviża” għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju fundamentali li l-Unjoni tiddelega ftit mis-setgħat tagħha lill-Istati Membri u li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jwettqu l-parti tagħhom tal-ħidma bi qbil mal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Punt 44 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (16); jemmen li s-sintesi annwali tal-awditjar u d-dikjarazzjonijiet disponibbli jridu jkunu pubbliċi sabiex jikkontribwixxu għat-titjib tal-immaniġġjar tal-baġit tal-Unjoni Ewropea;

26.

Jinnota li r-rabta soda bejn ir-responsabbiltà finali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u l-importanza tal-proċedura ta’ kwittanza; jenfasizza li r-responsabbiltà finali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tkopri wkoll in-nuqqasijiet tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri;

27.

Jenfasizza li r-responsabbiltà finanzjarja hi u se tibqa’ indiviżibbli u jfakkar fl-Artikolu 53b(4) tar-Regolament Finanzjarju, li jgħid li “sabiex ikun żgurat li l-fondi jkunu użati skont ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja li bihom tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit” (enfasi miżjuda);

28.

Jenfasizza l-importanza tal-pożizzjonijiet meħuda mill-maniġment tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest; jinnota, madankollu, l-osservazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni li ma kienx hemm gwida għall-kalkolu tar-rata ta’ żball residwu jew tar-riskju residwu; jinnota ukoll li dawn l-elementi saru aktar importanti għall-kwistjoni ta’ jekk hemmx bżonn ta’ riżerva (Rapport Annwali, punti 1.19 u 1.20); jinsab imħasseb li dan jirriżulta f’inkonsistenzi fl-applikazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali;

29.

Jinnota wkoll l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-Rapporti Annwali tal-Attività individwali li ġejjin:

ir-riżerva li tirrigwarda l-miżuri għall-iżvilupp rurali fl-ambitu tal-assi 2 ma jmisshiex tneħħiet (Rapport Annwali, punt 3.53), il-kalkolu tar-rati ta’ żball residwu għall-iskemi tal-għajnuna jippreżenta diversi nuqqasijiet (Rapport Annwali, punt 3.54);

l-ammont stmat li jinsab f’riskju kif ġie ppreżentat fir-Rapporti Annwali tal-Attività tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali (DĠ REGIO) u d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) jista’ jkun sottovalutat (Rapport Annwali, Anness 4.3);

il-kalkolu tar-rata ta’ żball residwu ppreżentat fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir huwa limitat għal 30 % tal-ħlasijiet li twettqu (Rapport Annwali, punt 5.33);

ir-Rapport Annwali tal-Attività ta’ EuropeAid jagħti valutazzjoni parzjalment ġusta biss tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità (Rapport Annwali, punt 5.34);

ir-riżerva fir-rigward tal-Programm Qafas 6 fir-Rapport Annwali tal-Attività tad-Direttorat Ġenerali għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir missha kienet miżmuma (Rapport Annwali, punt 6.47);

30.

Ifakkar lill-Kummissjoni li r-riżervi kollha huma inklużi bħala anness għar-Rapport ta’ Sinteżi tal-Kummissjoni u jenfasizza li bl-adozzjoni tar-Rapport ta’ Sinteżi l-Kummissjoni “tassumi r-responsabbiltà politika kollha tal-maniġment min-naħa tad-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz tagħha, abbażi tal-assigurazzjonijiet u r-riżervi li dawn tal-aħħar għamlu fir-Rapport Annwali tal-Attività (RAA) tagħhom” (17);

31.

Jenfasizza li l-Kulleġġ u l-Kummissarji għalhekk jieħdu r-responsabbiltà finali għall-affidabbiltà u l-kompletezza tar-riżervi magħmula mid-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tal-Unitajiet li jservu ta’ “Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega” u jenfasizza li l-att ta’ delega bl-ebda mod ma jneħħi r-responsabbiltà finali mill-Kulleġġ u mill-Kummissarji;

32.

Jinnota l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-opinjoni ġenerali tal-Awditur Intern; jemmen li fl-assenza ta’ rieżami sostanzjali li jqis it-tħassib tal-Qorti tal-Awdituri, l-utilità tal-opinjoni ġenerali se tibqa’ limitata;

33.

Huwa mħasseb dwar l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tar-Rapporti Annwali tal-Attività u r-Rapport ta’ Sinteżi (Rapport Annwali, punti 1.17 - 1.25); jemmen li dawk l-osservazzjonijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr dewmien biex jiġi ssalvagwardjat il-valur ta’ dawk id-dokumenti bħala strumenti ta’ rendikont; jirrikonoxxi, madankollu, li l-kalkolu ta’ rata ta’ żball residwu hija biss waħda mill-metodi użati mill-Kummissjoni biex ikun stmat l-ammont fir-riskju; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida konsistenti li għandhom jiġu implimentati mid-Direttorati Ġenerali kollha;

34.

Jinnota l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-qafas tal-governanza korporattiva tal-UE (18) għas-settur privat; ikompli jinnota li l-Kummissjoni għamlet progress kbir fir-rigward ta’ governanza korporattiva adegwata fi ħdan il-Kummissjoni wara l-avvenimenti li wasslu għar-riżenja tal-Kummissjoni Santer fl-1999;

35.

Jinnota d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Governanza adottata fit-30 ta’ Mejju 2007, li tkopri l-funzjonament intern tal-Kummissjoni u tispjega l-mod li bih hi mmexxija u kkontrollata u l-mod li bih tirrelata mal-partijiet interessati tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-governanza korporattiva tagħha u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjonijiet u l-miżuri meħuda billi:

tinkludi dawk l-elementi ta’ governanza korporattiva li huma meħtieġa jew proposti mil-liġi tal-kumpaniji tal-Unjoni li huma relevanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

tieħu miżuri li jippermettu lill-President jiffirma l-kontijiet u li jippreżenta flimkien mal-kontijiet:

i.

deskrizzjoni tar-riskji u l-inċertezzi li jistgħu jaffettwaw il-kisba tal-għanijiet tal-politika kif ukoll stqarrija li fiha l-President, flimkien mal-Kulleġġ tal-Kummissarji, jaċċetta r-responsabbiltà għall-ġestjoni tar-riskju; kif ukoll

ii.

dikjarazzjoni formali ta’ Governanza Korporattiva li turi b’mod ċar ma’ liema standards internazzjonali għall-governanza korporattiva qed tkun konformi l-Kummissjoni kif ukoll spjegazzjonijiet oġġettivi u kompleti jekk hemm il-bżonn li titbiegħed mir-rakkomandazzjoni tal-kodiċi ta’ governanza korporattiva (il-prinċipju ta’ “konformità jew spjegazzjoni”);

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra bħala azzjoni prijoritarja t-titjib u t-tisħiħ tal-katina tal-responsabbiltà, fost affarijiet oħra billi:

tipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit informazzjoni sħiħa rigward is-sintesi annwali tal-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li sa issal-Kummissjoni ma tat ebda informazzjoni dwar is-sintesi annwali, peress li mingħajr ebda għarfien tal-kontenut tas-sintesi annwali dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ ġestjoni;

toħroġ dikjarazzjoni politika li fiha taċċetta r-responsabbiltà finali u totali għall-implimentazzjoni tal-baġit, inkluż il-parti tal-baġit li tiġi implimentata permezz ta’ ġestjoni kondiviża;

iżżid il-firma tal-Kummissarju responsabbli fir-Rapport Annwali tal-Attività;

tistabbilixxi r-Rapporti Annwali tal-Attività skont il-prinċipju tal-oġġettività, u tevita stimi ottimistiċi;

tipprovdi gwida obbligatorja, kompleta u relevanti lid-Direttorati Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod kif ir-rati ta’ żball residwu u riskji residwi huma stmati skont il-prinċipja tal-prudenza;

tipprovdi f’kull Rapport Annwali tal-Attività spjegazzjoni kompleta u affidabli tar-relazzjoni bejn ir-riskju residwu jew ir-rata ta’ żball residwu u rata ta’ żball tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Qorti tal-Awdituri, biex tesplora l-possibilitajiet li tallinja l-metodoloġiji tagħha li bihom tikkalkula r-rata ta’ żball residwu mal-metodoloġija tar-rata ta’ żball l-aktar probabbli tal-Qorti tal-Awdituri;

tirrieżamina l-metodoloġija tal-opinjoni tal-awditjar ġenerali tal-Awditur Intern u tindirizza d-dgħufijiet misjuba mill-Qorti tal-Awdituri;

tanalizza jekk l-arranġamenti ta’ governanza korporattiva tal-Kummissjoni jistgħux jkunu mtejba iktar filwaqt li tiġi kkunsidrata l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-qafas tal-governanza korporattiva tal-UE għas-settur privat imsemmija hawn fuq;

L-Iskejjel Ewropej

37.

Jiddispjaċih li minkejja mezzi baġitarji konsiderevoli previsti għall-iskejjel Ewropej, dawn tal-aħħar għadhom qed jonqsu milli jissodisfaw il-kompitu primarju tagħhom, li hu dak li jipprovdu postijiet biżżejjed fil-lingwi meħtieġa u fil-viċinanzi tal-postijiet tax-xogħol u tar-residenza tal-uffiċjali, iżda minflok estendew l-attivitajiet tagħhom biex jinkludu oqsma oħra ta’ edukazzjoni;

38.

Jirrikonoxxi li hemm problema essenzjali fl-istrutturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ finanzjar tal-Konvenzjoni għall-Iskejjel Ewropej; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tesplora mal-Istati Membri reviżjoni ta’ dik il-Konvenzjoni u biex tirrapporta sal-31 ta’ Diċembru 2012 dwar il-progress li jkun sar; sadanittant, jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi ħalli tikseb l-objettivi msemmija qabel, permezz ta’ użu aktar xieraq tal-mezzi baġitarji allokati;

L-amministrazzjoni tal-Kummissjoni

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-pjanijiet ta’ rilokazzjoni tagħha, l-ispejjeż li din tinvolvi, kemm se jkun hemm spazju disponibbli għall-uffiċċji u kemm se jiżdied, kif ukoll l-għadd ta’ persunal f’kull Direttorat Ġenerali li se jiġi milqut;

40.

Jitlob li l-Kummissjoni tikkonkludi bla dewmien l-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni tal-aġenti temporanji kollha tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi b’kuntratt indeterminat, kif imħabbar mill-Kummissarju Šefčovič fil-kwestjonarju ta’ preparazzjoni ta’ din il-kwittanza (19);

41.

Jinnota li fl-2010, matul il-proċedura dwar l-approvazzjoni tal-flexitime u ta’ lif ta’ kumpens bħala benefiċċju volontarju, il-Kummissjoni approvat madwar 90 000 jum addizzjonali ta’ lif għall-persunal tagħha, li hu ekwivalenti għal 445 post — anki jekk l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Persunal jistqarr li l-ħin żejjed maħdum mill-persunal AD5/AST5 ma għandux jiġi kkumpensat; jitlob kjarifika dwar l-ispiża totali lill-kontribwent marbuta mal-lif ta’ kumpens;

Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri

42.

Ifakkar li skont l-Artikolu 317 tat-TFUE l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni bħala responsabbiltà tagħha iżda wkoll f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;

43.

Jenfasizza li ż-żewġ oqsma tal-politika suxxettibli għall-ogħla rati ta’ żball (“Koeżjoni, trasport u enerġija” u “Agrikoltura u riżorsi naturali”) huma implimentati fl-ambitu tal-ġestjoni kondiviża, u jiddeplora l-fatt li l-iktar rati probabbli ta’ żball stmati jammontaw għal 7,7 % u 2,3 % rispettivament;

44.

Jilqa’ f’dan il-kuntest l-analiżi tal-Kummissjoni tal-iżbalji rrappurtati mill-Qorti tal-Awdituri għas-snin finanzjarji 2006-2009, li enfasizzat għall-ewwel darba l-fatt li, għall-FEŻR u għall-Fond ta’ Koeżjoni, tliet Stati Membri (Spanja, l-Italja u r-Renju Unit) ikkontribwew 59 % għall-iżbalji kwantifikabbli kumulattivi li nstabu f’dan il-perjodu u li għall-FSE erba’ Stati Membri (Spanja, il-Portugall, ir-Renju Unit u l-Ġermanja) ikkontribwew 68 % għall-iżbalji kwantifikabbli kumulattivi li nstabu f’dan il-perjodu fil-qasam tal-Politika ta’ Koeżjoni (20); jinnota li, għall-FEŻR u għall-Fond ta’ Koeżjoni, il-parti l-kbira tal-iżbalji fl-Italja ġew mir-reġjuni tal-Kalabrija, Kampanja u Pulja u li fi Spanja numru zgħir ta’ programmi operattivi fir-reġjuni tal-Andalucía, Valencia u Castilla-La Mancha kkontribwew 75 % għall-iżbalji li nstabu fi Spanja (21); jifhem, barra minn hekk, li Spanja u l-Italja ikkontribwew b’mod sinifikanti wkoll għar-rata ta’ żbalji għas-sena finanzjarja 2010;

45.

Jinnota li l-problemi fl-Italja fir-rigward tal-FEŻR “għandhom x’jaqsmu ma dgħufijiet sistematiċi misjuba fil-livell tal-awtoritajiet tal-awditjar u tal-ġestjoni”, u “mal-applikazzjoni ta’ regoli tal-akkwist pubbliku u l-għażla ta’ proġetti, inkluż l-eliġibbiltà ta’ proġetti retrospettivi” (22); jinnota wkoll li fi Spanja s-sors tal-problemi għandu l-għeruq tiegħu fis-sistema kumplessa ta’ ġestjoni u kontrolli li “fil-prattika tista’ twassal għal diviżjoni ta’ responsabbiltajiet mhux ċara kif ukoll għal nuqqas ta’ sorveljanza effettiva min-naħa tal-awtorità tal-ġestjoni” (23);

46.

Ifakkar li l-Ministri tal-finanzi tal-Greċja, tal-Italja u ta’ Spanja kienu mistiedna għal skambju ta’ opinjonijiet fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew; jiddispjaċih li l-ebda mill-Ministri tal-finanzi mistiedna ma deher biex jiddiskuti mal-membri tal-kumitat ir-riżultati tal-Qorti tal-Awdituri bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u eventwalment il-bażi ġuridika; jitlob lill-President tiegħu biex, fil-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet ta’ Stat, jindirizza r-rifjut ta’ dawk il-Ministri tal-finanzi li jiddiskutu dawn il-kwistjonijiet importanti fil-pubbliku mal-kumitat responsabbli tal-Parlament;

47.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-istediniet ripetuti biex tippreżenta proposta għall-introduzzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ ġestjoni (NMDs) maħruġa, pubblikati u awditjati kif xieraq mill-awtorità ta’ awditjar responsabbli, bħala parti mir-responsabbiltà aħħarija u ġenerali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-NMDs għandhom jinkludu informazzjoni sħiħa dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni;

48.

Jipproponi li s-sustanza tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali ffirmati fil-livell tad-direttorati ġenerali għandha tkun konformi mal-istandards internazzjonali ta’ awditjar u li dawk id-dikjarazzjonijiet għandhom jintużaw mill-Qorti tal-Awdituri fil-ħidma ta’ awditjar tagħha u jkunu bbażati, fost affarijiet oħra, fuq id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa ta’ ġestjoni;

49.

Jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza ta’ differenzi sinifikanti fir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri fil-qasam tad-dħul u n-nefqa fil-ġestjoni konġunta, speċjalment marbuta mas-sejba ta’ irregolaritajiet, frodi u żbalji u s-segwitu finanzjarju kemm fil-qasam doganali kif ukoll fl-infiq tal-fondi tal-Unjoni; hu tal-fehma li jekk l-Istati Membri kollha juru rendiment korrett, fil-qasam doganali biss, dħul addizzjonali (nett) ta’ mhux anqas minn EUR 100 000 000 jista’ jkun previst mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li s’issal-Kummissjoni tissorvelja r-rendiment amministrattiv b’mod reattiv u każ b’każ u għaldaqstant ma twettaqx biżżejjed analiżi adegwata tat-tendenzi biex tidentifika l-oqsma ta’ riskju; jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-metodu tal-analiżi tat-tendenzi biex tidentifika r-riskji finanzjarji u tieħu miżuri biex ittejjeb ir-rendiment amministrattiv tal-Istati Membri;

Il-Bulgarija u r-Rumanija

50.

Jinnota bi tħassib kbir ir-rapport interim tal-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq mill-Bulgarija fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Kontroll; huwa mħasseb dwar l-istat imwiegħer kontinwu tas-sistema legali Bulgara; jinnota li bħalissa hemm għaddejjin 27 proċedura kriminali kontra 28 imħallef; jitlob kjarifiki dwar sensiela ta’ każijiet ta’ allegazzjoni ta’ frodi li jikkonċernaw fondi tal-Unjoni fil-Bulgarija, li kkawżaw sospensjoni tal-ħlasijiet fl-2008 li fihom l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ssospenda l-investigazzjonijiet, anki jekk l-investigazzjonijiet dwar każijiet simili bbażati fuq l-istess fatti tkomplew fi Stat Membru ieħor; jinsab mistgħaġeb li, fil-każijiet kollha ta’ frodi fil-fondi tal-Unjoni miġjuba quddiem il-qrati, il-prosekuzzjoni kriminali ġiet sostitwita minn sanzjonijiet amministrattivi, u li każ importanti ta’ frodi li jikkonċerna l-fondi tal-Unjoni ilu wieqaf fl-istadju tal-appell fil-qorti għal aktar minn 18-il xahar; jiddeplora wkoll il-fatt li ma ngħatax kas tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni meta l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Identifikazzjoni u s-Sekwestru ta’ Assi mill-Attività Kriminali (CEPACA) ma ġietx awtorizzata twettaq verifika proattiva tal-assi ta’ uffiċjali anzjani u politiċi; huwa mħasseb li l-publikazzjoni unifikata, fil-pront u sistematika ta’ sentenzi motivati mhijiex in-norma fil-Bulgarija; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iwettqu riforma u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-aktar fis; jistieden, f’dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tgħid x’ammont ta’ fondi ġew allokati biex jgħinu l-isforzi tal-Bulgarija favur ir-riforma, u tevalwa sa liema punt dawn il-fondi kisbu r-riżultati mwiegħda; jistenna li jara titjib serju matul is-sena li ġejja, b’aktar kunsiderazzjonijiet u sensiela ta’ miżuri mfassla mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-gvern Bulgaru biex terġa’ tiġi stabbilita l-integrità tas-sistema legali Bulgara;

51.

Jinnota bi tħassib ir-rapport interim tal-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq mir-Rumanija fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Kontroll; madankollu jinnota b’sodisfazzjon it-tendenza pożittiva ‘l fuq fir-rekord tal-Aġenzija għall-Integrità Nazzjonali (ANI) fl-indagar ta’ każijiet ta’ arrikkiment inġust u fl-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess; jinnota li l-finanzjament tal-ANI żdied bil-flus tal-Unjoni; madankollu huwa mħasseb li m’hemm l-ebda segwitu uniformi għall-każijiet tal-ANI u li s-segwitu sikwit idum; jilqa’ l-fatt li d-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (DNA) kompla jagħmilha ta’ servizz effikaċi ta’ prosekuzzjoni f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli; jinnota ż-żieda fl-2011 fin-numru ta’ każijiet ta’ tqegħid taħt att ta’ akkuża, deċiżjonijiet tal-qrati u kundanni u l-aċċellerazzjoni tal-każijiet fil-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, li huma riflessi fiż-żieda ta’ 85 % fid-deċiżjonijiet finali tal-qrati f’każijiet tad-DNA meta mqabbla mal-2011 (24); huwa mħasseb dwar ir-riżultati ta’ analiżi tas-sentenzi tal-qorti f’każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għoljin, li juru li 60 % tas-sentenzi huma sospiżi u li l-kundanni sikwit huma l-minimu previst mil-liġi; huwa sorpriż dwar il-prattika insodisfaċenti fir-rigward tal-pubblikazzjoni fil-pront ta’ sentenzi motivati, li jinkoraġġixi r-riskji ta’ preskrizzjoni f’xi każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli minħabba dewmien fil-preżentazzjoni tar-rikorsi kkawżat mid-dewmien fit-tul tal-possibbiltà ta’ rimedju; jistieden lill-Kummissjoni tgħid x’ammont ta’ fondi ġew allokati biex jgħinu l-isforzi tar-Rumanija biex twettaq riforma ġudizzjarja; jistenna li jara aktar titjib matul is-sena li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq il-gvern Rumen biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni; jistenna li l-Kummissjoni tkun stretta mal-gvern Rumen u titolbu jiżgura li l-isforzi tal-gvern Rumen biex jiżviluppa ġurisprudenza konsistenti fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi jissaħħew; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti b’persistenza u b’determinazzjoni mal-gvern Rumen li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jiġu osservati u li jitfassal pjan ta’ implimentazzjoni li jkun aktar ċar u komprensiv fid-dawl tal-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali; jistenna li jissaħħew l-isforzi fir-rigward tal-konfiska ta’ assi miksuba minn attivitajiet kriminali fir-Rumanija; jistenna wkoll li l-Kummissjoni tieħu sensiela ta’ miżuri, f’kooperazzjoni mal-gvern Ruman, biex ittejjeb l-integrità tas-sistema legali Rumena;

Prefinanzjamenti

52.

Jinnota li l-prefinanzjamenti huma kkunsidrati bħala neċessarji sabiex il-benefiċjarji jibdew l-azzjoni miftiehma;

53.

Jinnota l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni żiedet b’mod sostanzjali l-użu tal-prefinanzjamenti bejn l-2005 u l-2010 (Rapport Annwali, punt 1.28); jinsab imħasseb li hemm nuqqas ta’ approvazzjoni tal-prefinanzjamenti (Rapport Annwali, punt 1.29 u punt 86 tal-Opinjoni Nru 6/2010 tal-Qorti tal-Awdituri);

54.

Huwa mħasseb rigward l-influwenza li kellhom il-prefinanzjamenti prinċipalment fl-oqsma tal-politika “Għajnuna Esterna, Żvilupp u Tkabbir” u “Riċerka u Politiki Interni”; jinnota użu miżjud tal-prefinanzjamenti u rata ġenerali ta’ żball ta’ anqas minn 2 % f’dawn iż-żewġ oqsma tal-politika; jinnota, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-prefinanzjamenti kienu ħielsa minn żbalji materjali iżda li l-ħlasijiet intermedji u finali jibqgħu milquta minn livell materjali ta’ żball (Rapport Annwali, punti 5.35 u 6.48);

55.

Jemmen li jekk jitħallsu volumi kbar ta’ prefinanzjamenti, il-Kummissjoni qed tieħu riskju finanzjarju ogħla, pereżempju f’każijiet ta’ falliment ta’ benefiċjarji, kif ukoll riskju ogħla għal-legalità u r-regolarità hekk kif l-aċċettazzjoni tal-kostijiet iddikjarati mill-benefiċjarji tiġi posposta għal aktar tard;

56.

Jemmen li huwa iktar effiċjenti li jiġi evitat li jkun hemm irregolaritajiet milli li jiġi korrett ħlas mhux dovut ex post permezz tal-irkupri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex bħala azzjoni prijoritarja terġa’ tikkunsidra ż-żieda fl-użu tal-prefinanzjamenti kif ukoll tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ awditjar billi:

tinforma lill-Parlament rigward ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni żiedet l-użu tal-prefinanzjamenti bejn l-2005 u l-2010;

tadatta l-livell ta’ prefinanzjamenti fil-programmi diversi għal livell li jiżgura l-fondi neċessarji sabiex il-benefiċjarju jibda l-proġett, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jiġi informat il-Parlament kif jixraq;

L-impenji baġitarji pendenti

57.

Ifakkar li l-impenji baġitarji pendendi huma approprjazzjonijiet għall-impenji li saru, iżda ma kinux użati (jiġifieri mħallsa) u li jiġu prinċipalment mill-programmi multiannwali (eż. il-koeżjoni) fejn l-impenji jsiru fis-snin tal-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni filwaqt li l-ħlasijiet korrispondenti jsiru b’mod gradwali waqt il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni;

58.

Jinnota li livell għoli ta’ impenji pendenti jista’ jindika diffikultajiet li qed isibu l-Istati Membri biex jassorbu l-ammonti allokati;

59.

Jinnota li fl-2010, il-Qorti tal-Awdituri sabet li dawk l-impenji pendenti żdiedu bi kważi 10 % għal madwar EUR 194 000 000 000 (Rapport Annwali, punt 1.43 u Tabella 1.2) li jirrappreżenta kważi tliet snin ta’ nfiq bir-rata attwali;

60.

Jemmen li, fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, hemm ir-riskju li:

il-fondi impenjati jkollhom jintefqu iktar malajr mis-soltu, u għaldaqstant jiżdied ir-riskju ta’ żball;

fit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-Istati Membri jistgħu jippruvaw jassorbixxu l-fondi impenjati kollha fejn jistgħu jikkofinanzjaw proġetti li diġà ġew implimentati u finanzjati mill-fondi nazzjonali (l-hekk imsejħin proġetti “retrospettivi” li m’għaddewx mis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-Unjoni u għalhekk huma iktar suxxettibbli għal żbalji);

61.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar id-daqs tal-impenji pendenti għal kull Stat Membru kif ukoll dwar il-kooperazzjoni tagħha mal-Istati Membri biex jiġu identifikati u indirizzati l-oqsma ta’ riskju fir-rigward tal-assorbiment u r-regolarità;

Kontribuzzjoni baġitarja għall-aġenziji deċentralizzati u l-impriżi konġunti

62.

Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2010 ammontat għal aktar minn EUR 620 000 000 għall-aġenziji deċentralizzati u aktar minn EUR 500 000 000 għall-impriżi konġunti; jinnota xi diffikultajiet biex tinstab informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni lill-aġenziji; jitlob lill-Kummissjoni biex ta’ kull sena tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b’informazzjoni konsolidata dwar il-finanzjament totali annwali għal kull Aġenzija/Impriża Konġunta li jkun sar mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, bħal;

il-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni mdaħħla fil-baġit għall-Aġenzija/Impriża Konġunta;

l-ammont ta’ fondi li jkunu ġejjin mill-irkupru tal-eċċess;

il-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni għall-Aġenzija/Impriża Konġunta;

l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) fejn dan ikun japplika;

63.

Jistenna li l-Kummissjoni, f’dan iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja, tevita żidiet fil-baġits tal-Aġenziji, u li saħansitra tikkunsidra tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġits tagħhom, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-prijoritajiet tagħha;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida għal mudelli li jkunu jistgħu jintużaw mill-Aġenziji/Impriżi Konġunti kollha biex jistabbilixxu l-Programmi Annwali ta’ Ħidma u r-Rapporti Annwali ta’ Attività tagħhom, sabiex jiżguraw paraguni sinifikanti bejn ir-riżultati u l-għanijiet ippjanati;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament ħarsa ġenerali dettaljata dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ verifika applikati biex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi u każijiet ta’ “revolving doors” għall-Aġenziji/Impriżi Konġunti;

Il-baġit tal-Unjoni u l-kriżi finanzjarja u baġitarja

66.

Huwa mħasseb rigward il-kriżi finanzjarja u baġitarja kontinwa fl-Istati Membri; iqis li din il-kriżi tinvolvi wkoll tipi differenti ta’ riskji għall-baġit tal-Unjoni fil-modi li ġejjin:

riskji finanzjarji fir-rigward ta’ self mogħti lill-Istati Membri;

riskji finanzjarji fir-rigward ta’ dħul;

67.

Ifakkar li sitt Stati Membri (il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija) huma kkunsidrati attwalment bħala “Stati Membri f’diffikultà” għaliex qegħdin jirċievu għajnuna fil-forma ta’ self ta’ faċilità għall-bilanċi tal-ħlasijiet (BOP), self mogħti permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) jew għajnuna taħt il-faċilità ta’ self tal-Greċja;

68.

Jinnota li l-baġit tal-Unjoni jiggarantixxi self mogħti permezz tal-faċilità tal-BOP (self imħallas sal-31 ta’ Diċembru 2010 jammonta għal madwar EUR 12 000 000 000) u tal-EFSM (l-ebda żborżament sal-31 ta’ Diċembru 2010) (25); jinnota wkoll li l-ammont massimu ta’ self pendenti possibbilment mogħti permezz tal-faċilità tal-BOP u tal-EFSM huwa EUR 50 000 000 000 (Artikolu 1(1), it-tieni sottoparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (26)) u EUR 60 000 000 000 (27), rispettivament; jenfasizza li t-total (EUR 110 000 000 000) huwa kważi l-istess bħal baġit annwali tal-Unjoni hekk kif il-ħlasijiet totali mill-baġit tal-Unjoni ammontaw għal madwar EUR 122 000 000 000 fl-2010 (28);

69.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma tatx biżżejjed attenzjoni għal dawn l-isfidi ġodda fl-Unjoni fir-rapport annwali tagħha tal-2010; jiddeplora, speċjalment, il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma semmitx biżżejjed dawn ir-riskji għall-baġit tal-Unjoni; jenfasizza li fil-ħidma futura tagħha, il-Qorti tal-Awdituri trid tagħti rwol prominenti lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà;

70.

Ifakkar li ma jeżistix fond ta’ garanzija stabbilit li jipproteġi l-baġit minn appelli għal dawk il-garanziji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa l-bżonn potenzjali biex jiġi stabbilit fond ta’ garanzija biex ikopri telf potenzjali simili għall-Fond ta’ Garanzija għall-Azzjonijiet Esterni bil-għan li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni;

71.

Jenfasizza li sat-30 ta’ Settembru 2011, il-faċilità EFSM kienet iffirmat self ta’ EUR 48 500 000 000 minn total ta’ EUR 60 000 000 000; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi, sal-aħħar tal-2012, rapport dwar il-ħidma tal-EFSM u, b’mod partikulari, tal-mekkaniżmi ta’ kontroll, stabbiliti mill-Kummissjoni;

72.

Ifakkar li d-dħul tal-baġit tal-Unjoni jinvolvi sorsi differenti; itenni li bla ħsara għal kull dħul ieħor, il-baġit għandu jkun finanzjat kollu kemm hu minn riżorsi proprji; jinnota li, b’mod partikolari r-riżorsi ta’ introjtu nazzjonali gross (ING) li jammontaw għal 73 % tad-dħul totali jiġu mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri (29);

73.

Huwa tal-opinjoni li aktar kemm issir serja s-sitwazzjoni finanzjarja f’ċerti Stati Membri, aktar se jkun diffiċli għal dawk l-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-baġit tal-Unjoni; jemmen li dan iqiegħed f’riskju d-dħul tal-baġit tal-Unjoni li jirriżulta mill-“Istati Membri li jinsabu f’diffikultà” li jistgħu jkunu mħeġġa jieħdu dejn pubbliku addizzjonali biex jiffinanzjaw il-baġit tal-Unjoni jew il-kofinanzjament nazzjonali ta’ ċerti skemi ta’ għajnuna;

74.

Jinnota li r-riżorsi tal-ING li ġejjin minn “Stati Membri li jinsabu f’diffikultà” jammontaw għal madwar 6 % tar-riżorsi totali tal-ING għas-sena finanzjarja 2010 (30);

75.

Jinnota wkoll li r-rati ta’ kofinanzjament tal-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà kienu miżjuda għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għall-Fondi Strutturali, għall-Fond ta’ Koeżjoni u għall-Fond Ewropew tas-Sajd; jistenna li jkun hemm rati ogħla ta’ kofinanzjament sabiex jippermettu investimenti akbar fl-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-kontroll u r-responsabbiltà superviżorja miżjuda tal-Kummissjoni;

Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).

76.

Jikkritika l-fatt li l-Kunsill uża l-Artikolu 122 tat-TFUE fl-2010 biex jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) minħabba li dak l-Artikolu huwa applikabbli biss għad-diżastri naturali u mhux għal katastrofijiet ekonomiċi; huwa mħasseb li l-EFSF la fiha element ta’ kontroll demokratiku mill-Parlament u lanqas ma tagħti drittijiet ta’ awditjar lill-Qorti tal-Awdituri; jikkritika b’saħħa l-fatt li l-EFSF lanqas għandu dispożizzjoni għal awditjar pubbliku estern;

77.

Jinnota l-iffirmar riċenti tat-Trattat MES mill-Istati Membri; jenfasizza r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2011 (31), li fiha wissa kontra t-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà permanenti (MES) barra l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni billi din id-deċiżjoni tinvolvi problemi għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jikkondividi t-tħassib tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar li t-Trattat m’għandux biżżejjed dispożizzjonijiet biex jiżgura awditjar estern effettiv;

78.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħtu l-konsiderazzjoni dovuta lill-kwistjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-MES:

li jiġu żgurati, fil-by-laws tal-MES, arranġamenti xierqa għall-awditjar pubbliku estern tal-legalità, ir-regolarità kif ukoll il-prestazzjoni bi qbil ma’ standards ta’ awditjar aċċettati internazzjonalment filwaqt li jitqiesu d-dokumenti li ġejjin:

i.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAI) tal-Unjoni Ewropea mill-14 ta’ Ottubru 2011 dwar id-Dikjarazzjoni tal-SAI taż-żona tal-euro dwar l-awditjar estern tal-MES (CC-R-2011-01) (32),

ii.

Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-SAI tal-Unjoni Ewropea indirizzata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE mill-14 ta’ Ottubru 2011 dwar l-Impatt tas-Semestru Ewropew u żviluppi reċenti oħra fil-governanza ekonomika tal-UE fuq l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (33),

iii.

Ittra mill-President tal-Qorti tal-Awditjar tal-Pajjiżi l-Baxxi (34) dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fil-by-laws tal-MES fir-rigward tal-Artikolu 30 tat-Trattat dwar il-MES,

li jiġu stabbiliti arranġamenti adegwati għall-kontabbiltà u t-trasparenza sħiħa tal-MES,

li tkun żgurata l-affidabbiltà tad-data u tal-istatistika,

li jkunu ċċarati r-responsabbiltà u l-arranġamenti ta’ rappurtar tal-atturi kollha li għandhom obbligi li se jkunu involuti fl-istabbiliment tal-mekkaniżmu,

li l-Kummissjoni tiġi mħeġġa tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill darbtejn fis-sena dwar ir-riskju li jkun hemm għall-baġit tal-Unjoni bil-garanzija tiegħu għall-EFSM u li jiġi mistoqsi lill-Kummissjoni kif, f’każ ta’ inadempjenza, dawn il-flus jiġu trasferiti lill-baġit tal-Unjoni u mbagħad lill-EFSM;

79.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiddefinixxu l-iskrutinju politiku tal-Parlament ta’ kwalunkwe emissjoni tal-eurobonds, b’mod ġenerali, u b’mod partikolari tal-mekkaniżmu ta’ kriżi permanenti; huwa wkoll tal-fehma li l-Parlament għandu jkun involut fuq bażi ugwali fil-mekkaniżmu;

Trasparenza

80.

Jenfasizza r-rwol vitali li t-trasparenza għandha fl-iżgurar tal-għoti ta’ rendikont għall-użu tal-fondi pubbliċi u jfakkar li hija waħda mill-istrumenti ewlenin fl-ilħuq ta’ infiq legali u regolari; itenni t-talba tiegħu li l-ħlasijiet tal-għotjiet kollha li jsiru mill-fondi tal-Unjoni jiġu rreġistrati f’bażi ta’ dejta online li l-utent ikun jista’ juża b’faċilità filwaqt li titqies kif jixraq il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data; jemmen li l-ħlas tal-fondi tal-Unjoni għandu jkun suġġett b’kundizzjoni espliċita għall-fatt li l-benefiċjarji jaċċettaw li d-dettalji bażiċi — inklużi l-ammont, l-isem ta’ min jirċievi l-ħlas, u l-iskop - ikunu kwistjoni ta’ informazzjoni pubblika;

81.

Jinnota li s-sistema attwali fil-qasam ta’ politika Koeżjoni ma tiżgurax it-trasparenza sħiħa tal-benefiċjarji tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni; jinnota li fil-qafas eżistenti, il-Kummissjoni tipprovdi portal b’aċċess għal-listi ta’ benefiċjarji disponibbli fuq websajts nazzjonali, li huma aċċesibbli biss fil-lingwi nazzjonali rispettivi biss u ma jsegwux kriterji komuni; jistenna li r-regolament futur li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar l-istrumenti strutturali (COM(2011) 615 – 2011/ 276 (COD)) jiżgura li l-Istati Membri jipprovdu d-data dwar il-benefiċjarji finali tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni li għandha tiġi ppubblikata fil-websajt uffiċjali tal-Kummissjoni f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni u bbażata fuq sett ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm lok għal paragun u l-konstatazzjoni ta’ żbalji; ifakkar fl-istedina lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-American Recovery Accountability and Transparency Board u l-websajt tiegħu (www.recovery.gov);

82.

Itenni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2010 fil-Kawżi Magħquda C-92/09 Volker u Markus Schecke GbR u C-93/09 Hartmut Eifert, li hija rilevanti għall-qasam tal-politika Agrikoltura u Riżorsi Naturali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr kemm jista’ jkun proposta għal regolament ġdid li jirrikjedi lill-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni dwar il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirċievu fondi agrikoli Ewropej, filwaqt li titqies dik is-sentenza; huwa tal-fehma li l-informazzjoni dwar il-beefiċjarji għandha tkun disponibbli fil-websajt uffiċjali tal-Kummissjoni f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni u bbażata fuq sett ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm lok għall-paragun u l-konstatazzjoni ta’ żbalji;

Il-metodoloġija tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni

83.

Huwa konxju li l-Qorti tal-Awdituri biħsiebha tipprovdi lill-Parlament b’aktar informazzjoni dwar l-oqsma ta’ politika “agrikoltura u riżorsi naturali” u “koeżjoni, enerġija u trasport”; jilqa’ dik l-intenzjoni għaliex twassal għal aktar trasparenza u identifikazzjoni aktar preċiża tal-oqsma problematiċi tal-baġit; huwa tal-opinjoni li dan jippermetti lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament u lill-partijiet interessati l-oħra biex jikkonċentraw aħjar l-attenzjoni tagħhom u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ dawk l-oqsma li fihom trid tittejjeb il-ġestjoni; jixtieq, madankollu, jenfasizza li huwa importanti li tkun żgurata l-komparabbiltà minn sena għas-sena ta’ wara;

84.

Jilqa’ l-valutazzjoni aktar fil-fond tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-pożizzjonijiet meħuda mill-maniġment tal-Kummissjoni kemm f’Kapitolu 1 kif ukoll fil-Kapitoli individwali tar-Rapport Annwali tal-2010; ifakkar li l-pożizzjoni meħuda mill-maniġment teħtieġ opinjoni oħra b’saħħitha mill-Qorti tal-Awdituri; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tkompli ssaħħaħ l-analiżi tagħha tal-pożizzjoni meħuda mill-maniġment tal-Kummissioni u tirrapporta dwarha b’mod deskrittiv;

85.

Jinnota ż-żieda fl-użu ta’ prefinanzjamenti; jemmen li l-prefinanzjamenti huma suxxettibli għal livell iktar baxx ta’ riskju għal-legalità u r-regolarità milli huma l-ħlasijiet intermedji jew finali għaliex l-ebda ġustifikazzjoni tal-ispejjeż mhi neċessarja għal prefinanzjament; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra li tadatta l-approċċ ta’ awditjar tagħha sabiex tqis iż-żieda fl-użu tal-prefinanzjamenti sabiex tipprovdi lill-Parlament b’informazzjoni akar utli ffukata fuq dawk it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-ogħla riskju;

86.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tapplika metodoloġija komuni biex tikkwantifika l-iżbalji relatati mal-akkwist pubbliku fiż-żewġ oqsma ta’ politika tal-Agrikoltura u r-riżorsi naturali, u l-Koeżjoni, l-Enerġija u t-Trasport; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ssegwi metodoloġiji differenti f’dawn iż-żewġ oqsma li t-tnejn li huma terġa’ lanqas mhuma konformi mal-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri; jinsab imħasseb li l-approċċi differenti f’dawn iż-żewġ oqsma jistgħu jdgħajfu l-kredibbiltà tal-kontroll u tal-awditjar tal-infiq b’ġestjoni kondiviża; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jarmonizzaw it-trattament tal-iżbalji relatati mal-akkwist pubbliku f’dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika b’urġenza u biex jirrapportaw lura lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-progress miksub sal-aħħar tal-2012;

Kwistjonijiet speċifiċi

Ir-rwol tal-Kummissarju responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kontroll tal-baġit

87.

Jinnota li, fil-Kummissjoni tal-2004-2009, kien hemm Kummissarju li kien inkarigat full-time mill-kontroll baġitarju kif kien intalab qabel mill-Parlament; jiddispjaċih għall-fatt li fil-Kummissjoni attwali l-kwistjonijiet ta’ kontroll baġitarju ngħaqdu ma’ responsabilitajiet oħrajn (“tassazzjoni u unjoni doganali”); jipproponi li fil-Kummissjoni tal-2014-2019 jerġa jiġi stabbilit Kummissarju għall-kontroll baġitarju full-time b’responsabbiltà fi kwistjonijiet relatati, fost l-oħrajn, mal-oqsma li ġejjin:

l-awditjar intern,

il-ġlieda kontra l-frodi,

ħidma konġunta mal-Qorti tal-Awdituri u mal-kumitat relevanti tal-Parlament;

kuntatt mal-awtoritajiet baġitarji u ta’ awditjar relevanti fl-Istati Membri, u l-iżvilupp ta’ qafas komprensiv ta’ kontroll intern,

is-sorveljanza u t-tijib tal-utilità tar-rapport ta’ sinteżi annwali, inkluż ir-rieżami tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri,

l-ikkummissjonar u l-valutazzjoni tal-evalwazzjonijiet indipendenti tal-programmi, u l-iżvilupp tar-Rapport ta’ Valutazzjoni, previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE, f’għodda ta’ valur għat-titjib fil-prestazzjoni;

Il-prestazzjoni: L-ilħuq ta’ riżultati mill-baġit tal-Unjoni

88.

Jilqa’ l-Kapitolu 8 l-ġdid dwar “L-ilħuq ta’ riżultati mill-baġit tal-UE” fir-Rapport Annwali li jinkludi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-awtovalutazzjoni tal-Kummissjoni tal-prestazzjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħha;

89.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-kwalità tar-rappurtar tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni, bħal:

“Bħalissal-Pjan ta’ Ġestjoni ma jipprevedix objettivi u indikaturi biex jitkejlu l-ekonomija u l-effiċjenza” (Rapport Annwali, it-titlu ta’ qabel il-punt 8.17);

“F’xi oqsma l-miri mhumiex kwantifikati jew speċifiċi biżżejjed” (Rapport Annwali, it-titlu ta’ qabel il-punt 8.18);

“Passi importanti interim għal miri multiannwali mhumiex definiti f’xi oqsma” (Rapport Annwali, it-titlu ta’ qabel il-punt 8.20);

“Id-deskrizzjoni tal-kisbiet tal-politika tat informazzjoni limitata dwar ir-riżultati u l-impatti” (Rapport Annwali, it-titlu ta’ qabel il-punt 8.22);

90.

Jikkunsidra li dawk is-sejbiet importanti juru li l-Parlament ma jistax jafda għalkollox ir-rappurtar tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni; jemmen li data affidabbli hija l-bażi tal-ġestjoni tajba, l-iżvilupp tal-politika u s-sorveljanza parlamentari; japprezza jekk il-Qorti tal-Awdituri tkompli tiżviluppa l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam biex tinkludi ċ-“ċertifikazzjoni” tad-data tal-prestazzjoni rrappurtata mill-Kummissjoni fuq bażi regolari;

91.

Jemmen li l-prestazzjoni hija importanti daqs il-legalità u r-regolarità, u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra jekk ikunx possibbli li tiġi inkluża l-informazzjoni ġdida dwar il-prestazzjoni tal-gruppi ta’ politika differenti fil-kapitoli relatati fir-Rapport Annwali;

92.

Jinnota li l-objettivi, l-indikaturi u l-għanijiet ippreżentati fil-Pjanijiet ta’ Ġestjoni jiffokaw prinċipalment fuq l-effikaċja (Rapport Annwali, punt 8.15); jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar tagħha dwar il-prestazzjoni, inklużi l-indikaturi relatati mal-ekonomija u l-effiċjenza u biex tistabbilixxi objettivi adegwati għall-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba ta’ għanijiet multiannwali;

93.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddefinixxi, fl-oqsma tal-ġestjoni kondiviża, flimkien mal-Istati Membri, l-indikaturi tal-prestazzjoni adegwati li għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti, u biex tivverifika li r-rappurtar tal-Istati Membri tar-riżultati miksuba huwa obbligatorju, komplet, preċiż u pubbliku;

94.

Jinnota l-opinjonijiet ripetuti kemm tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll tal-Kummissjoni li l-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u bejn il-programmi differenti;

95.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra b’mod sistematiku dawk id-differenzi fl-effikaċja tas-sistemi tal-kontroll u biex tagħmel disponibbli evalwazzjonijiet tal-isforzi ċari - jew nuqqas ta’ sforz - mill-Istati Membri fl-osservazzjoni u fit-tiswija tal-irregolaritajiet sabiex jiżguraw li l-Istati Membri b’sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tajbin mhumiex fir-risku li jiġu skreditati;

96.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-Rapport ta’ Valutazzjoni, previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE fil-kumitat kompetenti tiegħu u fil-Plenarja fl-istess żmien meta jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri, u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-Rapport ta’ Valutazzjoni f’dawn l-okkażjonijiet; jenfasizza li r-Rapport ta’ Valutazzjoni għandu jiġi ppubblikat fi żmien li jippermetti kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri jivvalutawh adegwatament;

97.

Ifakkar li l-Artikolu 318 tat-TFUE jirrikjedi lill-Kummissjoni tippreżenta “rapport ta’ valutazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni bbażat fuq ir-riżultati miksuba”; jinnota li l-Kummissjoni, fis-17 ta’ Frar 2012, adottat l-ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni skont l-Artikolu 318 tat-TFUE, li jikkonċerna s-sena finanzjarja 2010;

98.

Ifakkar ukoll li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2009 (35), issuġġerixxa li:

il-Kummissjoni għandha taħtar “evalwatur tal-prestazzjoni” sabiex tistabbilixxi sjieda ċara tar-rapport ta’ valutazzjoni (punt 199);

għandha tiġi stabbilita relazzjoni ċara u trasparenti bejn l-indikaturi tal-prestazzjoni, il-bażi legali/politika, l-ammont tan-nefqa u r-riżultati (punt 200);

Is-Servizz ta’ Awditjar Intern għandu jawditja l-metodoloġija użata għall-pubblikazzjoni tar-rapport kif ukoll jevalwa l-ħidma li tkun saret (punt 200);

l-indikaturi qofol tal-prestazzjoni użati mid- dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli pubblikament (punt 200);

99.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tindirizza bis-sħiħ dawn is-suġġerimenti fl-ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni skont l-Artikolu 318 tat-TFUE; jinnota wkoll li l-ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni huwa sommarju tar-rapporti ta’ valutazzjoni eżistenti f’żewġ oqsma tal-politika (l-Edukazzjoni u l-Kultura u r-Riċerka); jemmen li l-kopertura u l-kontenut tal-ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni ma jissodisfax dak li kien mistenni minn rapport ta’ valutazzjoni meħtieġ mit-TFUE;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-kontenut tar-Rapport ta’ Valutazzjoni skont l-Artikolu 318 tat-TFUE u, b’mod partikulari, tidentifika l-valur miżjud tar-Rapport ta’ Valutazzjoni mqabbel ma’ valutazzjonijiet “normali” mwettqa skont ir-Regolament Finanzjarju (Artikolu 27) u r-regoli implimentattivi tiegħu (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (36), Artikolu 21);

101.

Jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li “taħdem biex tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u koerenza msaħħa kemm fi ħdan il-Kummissjoni kif ukoll mal-Istati Membri dwar l-ipprogrammar, l-organizzazzjoni u l-użu tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fil-qafas finanzjarju li jmiss” (37);

102.

Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri qed tippjana li tagħmel osservazzjonijiet dwar l-ewwel Rapport ta’ Valutazzjoni prodott skont l-Artikolu 318 tat-TFUE (38);

103.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-briefing u t-taħriġ mogħtija lill-persunal rigward “Titolu II: Drittijiet u obbligi tal-uffiċjali” tar-Regolamenti tal-Persunal biex ikun żgurat li l-persunal kollu jkun jaf sew it-termini tiegħu u b’mod partikolari l-obbligi skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal; jitlob li sa Settembru 2012 il-Kummissjoni tippreżenta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament rapport dwar l-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam;

104.

Jitlob li sa Settembru 2012 il-Kummissjoni tippreżenta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament rapport dwar l-attivitajiet tagħha biex tippromwovi kultura ta’ denunzjar (whistle-blowing) fost il-pubbliku ġenerali;

Il-Koeżjoni, l-enerġija u t-trasport — konklużjoni negattiva

105.

Jiddeplora ż-żieda fir-rata ta’ żball għal 7,7 % fil-qasam ta’ politika “Koeżjoni, enerġija u trasport” minkeja ż-żieda fil-użu tal-interruzzjonijiet ta’ skadenzi tal-ħlasijiet; jinsab imħasseb ħafna li ftit mill-iżbalji setgħu nstabu u ġew korretti għal 58 % tat-tranżazzjonijiet milquta mill-iżbalji (Rapport Annwali, punt 4.25); jinsab imħasseb dwar il-fatt li, għal dak li jirrigwarda r-rati ta’ żbalji, qed isir riferiment għal sitwazzjoni “stabbli”, u dan juri sens dejjem akbar ta’ kompjaċenza;

106.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippreżenta r-rati ta’ żbalji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew, l-enerġija u t-trasport b’mod separat u mhux fuq bażi aggregata;

107.

Jiddeplora l-fatt li, sena wara sena, in-nuqqas ta’ rispett tar-regoli ta’ akkwist pubbliku jammontaw għal proporzjon kbir tal-iżbalji; jara l-implikazzjonijiet usa’ u jikkunsidra dawn bħala indikazzjoni li l-funzjonament tas-suq intern huwa fil-periklu; jistieden lill-Kummissjoni tkompli r-riforma li qed issir tal-akkwist pubblika billi tikkunsidra b’mod dovut dawn ir-riżultati inkwetanti u biex tagħti segwitu b’mod rigoruż tal-ksur hekk kif il-Qorti tal-Awdituri wkoll identifikat każijiet ta’ traspożizzjoni ħażina tad-Direttivi tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku nazzjonali (Rapport Annwali, punt 4.27);

108.

Jaqra bi tħassib kbir li l-awtoritajiet tal-awditjar huma biss parzjalment effikaċi; jinsab imħasseb ħafna mill-fatt li l-approċċi tal-awditjar tal-awtoritajiet tal-awditjar ivarjaw tant li r-riżultati tagħhom ma jistgħux jiġu aggregati biex tinkiseb opinjoni ġenerali skont il-Fond fil-livell nazzjonali (Rapport Annwali, punti 4.41); jistieden lill-Kummissjoni tiżvela kif issaħħaħ l-informazzjoni li tirċievi mill-awtoritajiet tal-awditjar u kif il-Kummissjoni tiżgura l-konsistenza sabiex tipprovdi informazzjoni affidabbli lill-Parlament fir-Rapport Annwali tal-Attività tagħha;

109.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-TFUE, tagħti opinjoni dwar l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-adwitjar fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża;

110.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament meta biħsiebha tafda fuq awtoritajiet tal-awditjar magħżula skont l-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (39) u b’hekk tnaqqas l-awditjar tagħha fil-post; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri ssegwi mill-qrib dan l-iżvilupp u tagħmel awditjar tiegħu;

111.

Jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri teżamina l-possibbiltà li tirreaġixxi għall-problema kontinwa tal-multiannwalità tal-implimentazzjoni tal-fondi u l-annwalità tal-awditi tal-Qorti; jenfasizza li matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-rata ta’ żbalji għandha t-tendenza tkun ogħla milli fil-fażi tal-għeluq meta l-infiq ikun għadda mil-livelli ta’ kontroll kollha;

Ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ politika tal-koeżjoni

112.

Jifhem li l-Kummissjoni għandha l-għazla (iżda mhux l-obbligu) li tissanzjona Stati Membri mhux konformi bi strumenti differenti:

 

Interruzzjoni

Sospensjoni

Korrezzjonijiet finanzjarji aċċettati mill-Istati Membri

Korrezzjonijiet finanzjarji mhux aċċettati mill-Istati Membri

Effett

L-iskadenza għall-ħlas hija mdewma għal perjodu massimu ta’ sitt xhur mill-uffiċjal awtorizzanti

Il-bbiltà huwa sospiż għal perjodu indefinit mill-Kulleġġ tal-Kummissarji

L-Istati Membri jitħallew jerġgħu jagħmlu użu tal-fondi “rilaxxati” li ma jirriżultawx f’telf ta’ fondi għall-Istat Membru

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni kollha jew parti minnha hija kkanċellata (tnaqqis nett)

Kundizzjonijiet

Il-provi juru nuqqas importanti fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll

Nuqqas gravi fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll jew ta’ spejjeż dikjarati huwa soġġett għal ksur gravi

L-Istat Membru jaċċetta l-korrezzjonijiet finanzjarji ġejjin mill-awditi tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri jew ta’ xi awditur ieħor tal-Unjoni

L-Istat Membru ma jaqbilx mal-korrezzjonijiet finanzjarji ġejjin mill-awditi tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri jew ta’ xi awditur ieħor tal-Unjoni

Bażi ġuridika

Regolament (KE) Nru 1083/2006

Artikolu 91

Artikolu 92

Artikolu 98

Artikolu 99

113.

Jilqa’ l-kjarifika mogħtija mill-Kummissjoni (40) fir-rigward tad-distinzjoni bejn “nuqqas sinifikanti” u “nuqqas serju”: josserva li l-valutazzjoni li twassal għal tali kwalifika hija bbażata fuq in-nota ta’ gwida COCOF 08/0019/01-EN, billi jintużaw ir-rekwiżiti ewlenin hemmhekk indikati;

114.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa timponi penali fuq l-Istati Membri jew reġjuni li kemm-il darba naqqsu li jimplimentaw il-Fondi Strutturali jew il-Fond tal-Koeżjoni b’mod tajjeb;

L-effikaċja tal-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet

115.

Ifakkar li l-Parlament talab attivazzjoni sistematika tal-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet indipendenti minn konsiderazzjonijiet politiċi (riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza 2009 (41), punti 194-196);

116.

Jinnota li għall-2010 l-Kummissjoni rrikorriet aktar għall-interruzzjonijiet hekk kif id-DĠ REGIO interrompa 49 skadenza tal-ħlasijiet (ara r-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ REGIO, paġni 42-44) u d-DĠ EMPL interrompa 14-il skadenza tal-ħlasijiet (ara r-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ EMPL, paġna 50); jinnota wkoll li l-Kummissjoni ma ssospendiet l-ebda ħlasijiet la għall-FEŻR u lanqas għall-Fond ta’ Koeżjoni fl-2010, filwaqt li ssospendiet sitt ħlasijiet tal-FSE;

117.

Jiddeplora l-fatt li r-rata ta’ żball fil-koeżjoni, u b’mod partikolari fil-Politika Reġjonali, żdiedet minkejja ż-żieda fil-użu tal-interruzzjonijiet u minkejja l-fatt li l-Kummissjoni identifikat l-Istati Membri u r-reġjuni li jikkontribwixxu l-aktar għar-rata ta’ żball; ifakkar lill-Kummissjoni fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għat-tisħiħ tar-rwol superviżorju tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża tal-azzjonijiet strutturali (42); jitlob lill-Kummissjoni tanalizza d-dgħufijiet fl-Istati Membri u r-reġjuni l-aktar milquta minn rati ta’ żbalji għolja u tikkonforma mar-rwol superviżorju tagħha billi ssaħħaħ il-miżuri previsti mill-pjan ta’ azzjoni;

118.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħlasijiet biss jekk provi suffiċjenti ta’ awditjar adegwat miġbura fil-post juru li sar rimedju għad-dgħufijiet biex din is-setgħa ta’ sanzjonar issir aktar effikaċi u bil-ħsieb li jiġi evitat kull riskju li l-ħlasijiet jitkomplew wisq malajr;

119.

Jinnota li d-DĠ REGIO kompla 24 % (12 mid-49 ħlas interrotti fl-2010, li kollha kemm huma kienu ġew interrotti f’Ottubru 2010 (43)), mill-ħlasijiet interrotti f’Diċembru tal-2010; jemmen li t-tkomplija ta’ ħlasijiet f’Diċembru taggrava l-iżbilanċ tal-ħlasijiet matul is-sena li jżid ir-riskju ta’ żbalji fil-ġestjoni tal-ħlasijiet u jillimita l-ħin disponibbli għall-Qorti tal-Awdituri biex tagħmel awditu ta’ dawk il-ħlasijiet; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament f’liema minn dawn it-12-il każ il-finanzjament intilef skont ir-regola n + 2/n + 3 jekk il-ħlasijiet tkomplew fl-2011;

L-effikaċja tal-korrezzjonijiet finanzjarji

120.

Jixtieq jenfasizza d-differenza importanti bejn korrezzjoni finanzjarja implimentata minn Stat Membru li ma tirriżultax fi tnaqqis nett u korrezzjonijiet finanzjarji implimentati mill-Kummissjoni permezz ta’ ordnijiet ta’ rkupru li jirriżultaw fi tnaqqis nett; jemmen li l-korrezzjonijiet finanzjarji implimentati minn Stat Membru għandhom ‘karattru virtwali’ b’effett ta’ sanzjoni zgħir; jilqa’ t-titjib li saru għal Nota 6 tal-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-informazzjoni pprovduta, pereżempju billi tqabbel il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-irkupri mal-ammont ta’ ħlasijiet korrispondenti;

121.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatti li ġejjin:

il-korrezzjonijiet finanzjarji fl-2010 rriżultaw fi tnaqqis nett biss f’madwar 20 % tal-każijiet kollha (ara l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea, paġna 68) peress li l-proġetti indentifikati bħala mhux eliġibbli jistgħu jiġu sostitwiti minn proġetti oħrajn, possibilment anki ‘l-proġetti retrospettivi’ għalkemm dawn jirrappreżentaw riskju ogħla f’termini ta’ legalità u regolarità u m’għandhom l-ebda valur miżjud mill-Unjoni;

f’ħafna mill-każijiet, il-korrezzjonijiet finanzjari jindirizzaw dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri u mhux fil-proġetti individwali, li jfisser li l-konsegwenzi finanzjarji tad-dgħufijiet tas-sistema s-soltu jħallas għalihom il-kontributur tat-taxxa nazzjoni li diġà kkontribwixxa għall-baġit tal-Unjoni;

ir-rata tal-implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji għal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 naqas minn 62 % għal 58 % (ara l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea, paġna 71), prinċiplament bħala riżultat tar-rati baxxi ta’ implimentazzjoni fil-FEŻR u fil-Fond ta’ Koeżjoni;

122.

Huwa tal-fehma li dawn il-fatti jimminaw serjament l-effikaċja tal-korrezzjonijiet finanzjarji; jibża’ li l-possibbiltà li jiġu sostitwiti l-ispejjeż mhux eliġibbli jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex jippreżentaw proġetti, possibbilment retrospettivi, oħra, li jistgħu jwasslu għal effett negattiv li jżid ir-risku f’termini tal-legalità u r-regolarità tal-baġit tal-Unjoni;

Konklużjonijiet dwar ir-rwol superviżorju tal-Kummissjoni

123.

Jistieden lill-Kummissjoni, b’mod partikolari d-DĠ REGIO, tagħmel użu sħiħ tal-istrumenti ta’ sanzjoni eżisteni; huwa, madankollu, tal-fehma li l-qafas leġiżlattiv 2007-2013 ma jipprovdix biżżejjed inċentivi lill-Istati Membri sabiex jkunu konformi mar-regoli, u ma jipprovdix lanqas lill-Kummissjoni bi strumenti effikaċi biżżejjed biex jikkumpensal-konformità jew jissanzjona n-nuqqas ta’ konformità;

124.

Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra bħala azzjoni prijoritarja l-appoġġ lill-Parlament fl-isforzi tiegħu fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja fir-rigward tal-proposta għal regolament li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar l-istrumenti strutturali (COM(2011) 615 – 2011/ 276(COD)) biex joħloq mekkaniżmi effikaċi ta’ sanzjonijiet sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu bis-sħiħ ir-responsabbiltà globali u finali tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit, liema responsabbiltà għandha, fost affarijiet oħra, tinkludi l-elementi li ġejjin:

it-tnaqqis nett għandu jsir ir-regola għall-korrezzjonijiet finanzjarji imposti mill-Kummissjoni u l-possibbiltà li jiġu ddikjarati proġetti retrospettivi għandha tiġi abolita;

l-Istati Membri jiġu mġiegħla jirkupraw l-ispejjeż mhux eliġibbli mill-benefiċjarji finali sa fejn jistgħu biex il-benefiċjarji finali jbatu l-konsegwenzi tal-ispejjeż mhux eliġibbli u mhux il-kontribwent nazzjonali, u l-informazzjoni dwar dawn l-irkupri mill-Kummissjoni tiġi mħgħoddija lill-Parlament jekk dan ikun possibbli;

il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti inċentivi lill-Istati Membri mhux biss biex ikunu konformi mar-regoli iżda ukoll biex jimplimentaw il-politika ta’ Koeżjoni b’mod effikaċi, effiċjenti u ekonomiku;

jiġi żgurat li fixra sħiħa ta’ sanzjonijiet (interuzzjonijiet, sospensjonijiet, korrezzjonijiet finanzjarji u pieni) tkun disponibbli għall-fondi kollha b’marġni minima ta’ diskrezzjoni meta jiġi kkonstatat ksur tar-regoli;

il-Kummissjoni tkun tista’ timponi penali fuq Stati Membri jew twaqqaf programmi operattivi fi Stati Membri jew reġjuni li fallew b’mod ripetut fl-implimentazzjoni tajba tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni;

jinbdew proċeduri legali jekk l-Istati Membri jonqsu b’mod persistenti li josservaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 258 TFUE;

jiġu trażmessi lill-Kummissjoni d-data relevanti kollha u l-informazzjoni li l-Kummissjoni teħtieġ sabiex twettaq ir-rwol superviżorju tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fondi mill-Istati Membri;

L-agrikoltura u r-riżorsi naturali — konklużjoni kkwalifikata

125.

Jilqa’ l-fatt li l-ħlasijiet diretti koperti mis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) — li fl-2010 kienu responsabbli għal 77 % tal-infiq totali fil-PAK - kienu ħielsa minn żbalji materjali (Rapport Annwali, punt 3.55 u r-risposta tal-Kummissjoni rigward dan il-punt);

126.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni rnexxielha żżomm ir-rata ta’ żball l-aktar probabbli fil-livell ta’ 2,3 % (rapport Annwali, Anness 3.1) u jinkoraġġixxi lill-Kummisjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas iktar ir-rata ta’ żball;

127.

Ifakkar li s-SIAK għandha tiżgura li jsiru ħlasijiet korretti u traċċabbli lil bdiewa; josserva madankollu li l-effettività tal-SIAK hija milquta ħażin minn data mhux preċiża fil-bażijiet ta’ data, kontroverifiki mhux kompluti jew mhux korretti jew segwitu mhux komplut ta’ anomaliji (il-Qorti tal-Awdituri, Rapport Annwali, punt 3.29); jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-bażijiet ta’ data kollha jkunu aġġornati u li l-anomaliji kollha jkunu segwiti sew;

128.

Jinnota l-eżempju mogħti mill-Qorti tal-Awdituri ta’ żball ta’ eliġibbiltà taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) (44) b’rabta ma’ arranġament ta’ tpartit bl-użu ta’ stokkijiet ta’ intervent; jinnota wkoll li l-ammont totali mħallas mill-baġit tal-Unjoni għat-trasport tad-9 894 tunnellata ta’ butir involuti fl-arranġament kien ta’ madwar EUR 900 000 (45); huwa mħasseb serjament dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn l-operazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-arranġamenti ta’ skambju, jekk għandhom jitkomplew, ikunu trasparenti u kosteffikaċi;

129.

Jinnota li l-infiq fuq l-iżvilupp rurali (madwar EUR 11 483 000 000 (46)) huwa partikolarment suxxettibbli għal żbalji peress li mit-80 tranżazzjoni li kienu inklużi fil-kampjun, 40 (50 %) kienu affettwati minn żbalji u li 21 (52 %) minn dawn it-tranżazzjonijiet kienu affettwati minn żbalji kwantifikabbli (Rapport Annwali, punt 3.19);

130.

Jinnota li l-proċedura tal-għeluq tal-kontijiet irriżultat ġeneralment effikaċi fil-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni billi eskludiet infiq li ma sarx f’konformità mar-regoli tal-Unjoni;

131.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tnaqqas it-tul tal-proċedura tal-verifika tal-konformità filwaqt li tiżgura li jitħares id-dritt ta’ difiża tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-konnessjoni bejn il-korrezzjonijiet finanzjarji imposti u l-ammont reali tal-ħlasijiet irregolari; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa kollha fil-waqt;

132.

Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 8/2011 tagħha dwar “Irkupri ta’ ħlasijiet mhux dovuti taħt il-Politika Agrikola Komuni” fis-sens li s-sistemi relatati mal-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji tjiebu f’dawn l-aħħar snin; itenni l-opinjoni tiegħu li l-fondi agrikoli mħallsa indebitament għandhom jiġu rkuprati mill-benefiċjarji finali kemm jista’ jkun biex jiġi evitat li l-kontributur tat-taxxa jbati darbtejn; jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar miżuri biex telimina l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni u prattiki diverġenti fost l-Istati Membri u tikkontrola rigorożament is-sistemi tal-Istati Membri għall-irkupri;

133.

Jemmen b’mod qawwi li l-laqgħat tripartiti bejn il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu estiżi għall-qasam politiku tal-agrikoltura u r-riżorsi naturali biex tiġi faċilitata interpretazzjoni u applikazzjoni armonizzata tar-regoli rigward il-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq u b’hekk jiġi evitat kemm jista’ jkun nuqqas ta’ ftehim;

L-għajnuna esterna, l-iżvilupp u t-tkabbir – konklużjoni kkwalifikata

134.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll għall-Għajnuna Esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir kienu biss parzjalment effikaċi fl-iżgurar tar-regolarità tal-ħlasijiet (Rapport Annwali, punt 5.36);

135.

Jinnota li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli stmata mill-Qorti tal-Awdituri kienet ta’ 1,7 % (Rapport Annwali, punt 5.13); jiddispjaċih madankollu li nstab livell materjali ta’ żbalji fi ħlasijiet interim u finali li skont il-Kummissarju Andris Piebalgs huwa madwar 5 % (47) u jkun saħansitra ogħla kieku l-appoġġ tal-baġit kellu jkun eskluż mill-kalkolu; jinnota wkoll li l-iżbalji kwantifikabbli kollha nstabu fil-ħlasijiet interim u finali (Rapport Annwali, punt 5.13); jikkundanna l-fatt li żewġ terzi tal-iżbalji misjuba fil-ħlasijiet finali ma kinux ġew identifikati mill-kontrolli tal-Kummissjoni (Rapport Annwali, punt 5.16);

136.

Jemmen li b’mod globali l-iktar rata probabbli ta’ żball hija inqas mil-livell limitu ta’ materjalità ta’ 2 % minħabba l-proporzjon ta’ prefinanzjamenti u appoġġ tal-baġit fl-infiq operattiv totali; jinnota li dan il-proporzjon żdied minn 66 % fis-sena finanzjarja 2008 għal 75 % fis-sena finanzjarja 2010 (48);

137.

Ifakkar li l-prefinanzjamenti għandhom profil tar-riskju differenti li ma jidhirx fl-awditjar tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni; jemmen li huwa iktar effiċjenti li jiġi evitat li jkun hemm irregolaritajiet milli li jiġi korrett ħlas mhux dovut ex post permezz tal-irkupri;

138.

Ifakkar li r-riskji ewlenin marbuta mal-appoġġ tal-baġit (riskju għall-effikaċja tal-għajnuna kif ukoll riskji ta’ frodi u korruzzjoni) ukoll ma jidhrux fl-awditjar tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja rigorożament dawn ir-riskji; iqis madankollu li l-appoġġ settorjali baġitarju jikkostitwixxi miżura effikaċi għall-bini ta’ kapaċità fit-tul; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi appoġġ baġitarju biss taħt kundizzjonijiet rigorużi u definiti sew;

139.

Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li “Il-EuropeAid stabbilixxa strateġija ta’ kontroll komprensiv u kompla jġib titjib sinifikanti għat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tiegħu.” (Rapport Annwali, Anness 5.3);

140.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra li “d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali u r-rapport annwali tal-attività jagħtu biss valutazzjoni parzjalment ġusta tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tar-regolarità għall-FEI u l-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea” (Rapport Annwali, punt 5.34, enfasi miżjuda).

141.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil EuropeAid tlesti malajr kemm jista’ jkun il-ħidma fuq metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-livell ta’ “żball residwu” li jista’ jibqa’ wara li jkunu saru l-kontrolli kollha u biex taqsam ir-riżultati mad-Direttorati Ġenerali l-oħra għar-relazzjonijiet esterni bil-ħsieb li jsir it-titjib meħtieġ fil-pożizzjonijiet meħuda mill-maniġment tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna esterna, l-iżvilupp u t-tkabbir;

142.

Jitlob lill-Kummissjoni tawtorizza Viċi Kap ta’ Delegazzjoni, fejn dan jeżisti, ġeneralment li ġej minn Stat Membru, jaqdi d-dmirijiet tal-Kap ta’ Delegazzjoni fl-assenza tiegħu għal kull kwistjoni ħlief għall-implimentazzjoni tal-infiq operattiv ġestit mid-delegazzjoni tal-Unjoni, li tista’ tiġi delegata biss lill-persunal tal-Kummissjoni;

143.

Jinnota l-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri ppreżentati fl-eżempju 5.3 tar-Rapport Annwali; huwa mħasseb serjament dwar l-“Interpretazzjoni flessibbli ta’ eliġibbiltà għal azzjonijiet kofinanzjati” jew “approċċ nazzjonali” ma’ organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li jinvolvu r-riskju ta’ finanzjament doppju tal-istess spiża; jemmen li dan għandu wkoll l-effett li jnaqqas ir-rata ta’ żball tal-Qorti tal-Awdituri; huwa inkwetat ħafna wkoll dwar il-“kriterji ta’ eliġibbiltà estiżi” applikabbli skont il-Ftehim Finanzjarju u Amministrattiv ta’ Qafas mal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (FAFA) u l-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija mas-sħab implimentattivi tal-Kummissjoni li wkoll jinvolvu r-riskju li l-istess spiża tiġi ffinanzjata darbtejn; jistieden b’mod qawwi lill-Kummissjoni twaqqaf iż-żewġ prattiki li huma; jistenna li l-aġenziji tan-NU jagħtu lill-organizzazzjoniet intergovernattivi tad-donaturi drittijiet simili ta’ aċċess għar-rapporti ta’ awditu intern li minnhom igawdu l-Istati Membru tan-NU; jinnota f’dan il-kuntest li jeħtieġ isir aktar progress biex jitjieb ir-rappurtar dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni billi tingħata informazzjoni dwar ir-riżultati aktar milli dwar l-azzjonijiet;

144.

Jilqa’ r-reviżjoni tal-mandat, mogħtija mill-Kummissjoni, li tipprevedi garanzija baġitarja favur il-BEI li tkopri r-riskji ta’ telf għas-self u l-garanziji għall-proġetti barra mill-Unjoni; jenfasizza l-fatt li l-garanzija tal-Unjoni provduta lill-BEI hija bla dubju suġġetta għall-iskrutinju tal-Qorti tal-Awdituri;

145.

Jinnota li l-informazzjoni dwar il-kuntratti mogħtija minn EuropeAid (49) u mid- DĠ ECHO (50) mhijiex qed issegwi l-istess mudell; jinkoraġġixxi l-Kummissjoni timplimenta mudell komuni għall-bażijiet ta’ data fejn jinsabu l-kuntratti mogħtija minn dawn id-DĠ, fejn l-informazzjoni minima provduta għandha tkun: in-numru tal-kuntratt/referenza, it-titlu tal-kuntratt, it-tema/is-settur tal-intervent, l-isem u n-nazzjonalità tal-kuntrattur, il-pajjiż tal-intervent, l-ammont, it-tip ta’ kuntratt u t-tul taż-żmien (billi jiġu provduti kemm id-data ta’ bidu kif ukoll id-data ta’ tmiem);

146.

Jitlob li l-Kummissjoni twettaq rapport dettaljat dwar l-ispiża totali ta’ riklamar għat-tkabbir tal-UE (riklami fiċ-ċinema, fuq it-televiżjoni, l-Internet u media oħra), analiżi tal-ispejjeż mill-media individwali u l-pajjiżi fejn dehru r-riklami, u informazzjoni dettaljata dwar il-kumpanniji inkarigati mill-implimentazzjoni, mill-produzzjoni sax-xandir; jistenna wkoll rapport dwar l-attivitajiet ta’ riklamar l-oħra kollha tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tkabbir, flimkien ma’ rapport daqstant dettaljat u analiżi tal-ispejjez;

L-għajnuna mill-Unjoni lil Ħaiti

147.

Ifakkar fit-terrimot f’Ħaiti u l-konsegwenzi diżastrużi tiegħu; jiddispjaċih dwar il-livell insuffiċjenti ta’ koordinament tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp (il-kollegament tal-għajnuna ta’ solliev, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp); huwa tal-fehma li l-provvista tal-għajnuna umanitarja għandha tkun bbażata fuq strateġija ta’ ħruġ; iqis li l-Kummissjoni għandha tillimita l-għajnuna l-isforzi u l-finanzjament tagħha fuq ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp;

148.

Jiddispjaċih dwar il-koordinament insuffiċjenti bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni u r-rappreżentanza tal-ECHO; jappoġġa koordinament imsaħħaħ bejn l-atturi tal-Unjoni kollha fil-pajjiż; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura koerenza u kumplementarjetà aħjar bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp kemm fil-livell ta’ politika kif ukoll fil-prattika;

149.

Jiddeplora n-nuqqas ta’ sostenibbiltà ta’ xi proġetti u jenfasizza li l-proġetti għandhom prinċipalment ikunu intiżi għall-ħolqien ta’ impjiegi u l-iżgurar ta’ tkabbir sostenibbli u dawn jippermettu lill-Istat ta’ Ħaiti jżid d-dħul tiegħu sabiex jiddependi anqas fuq għajnuna minn barra; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-Parlament b’lista tal-proġetti li twettqu f’Ħaiti f’dawn l-aħħar 15-il sena u b’valutazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni attwali tagħhom biex tiġi stmata s-sostenibbiltà tagħhom;

150.

Jirrimarka dwar in-nuqqas ta’ viżibbiltà tal-għajnuna tal-Unjoni f’Ħaiti; hu tal-fehma li, biex titjieb il-viżibbiltà, mhux biss tal-bandiera iżda wkoll l-isem tal-Unjoni Ewropea għandhom jidhru fuq dokumenti ta’ PR aktar milli sempliċiment fuq dawk tal-Kummissjoni jew tad-DĠ ECHO, li huma ħafna inqas identifikabbli għaċ-ċittadini ta’ Ħaiti;

Ir-riċerka u politiki interni oħrajn — konklużjoni kkwalifikata

151.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistemi superviżorji u ta’ kontroll għar-Riċerka u Politiki Interni oħrajn kienu biss parzjalment effikaċi fl-iżgurar tar-regolarità tal-ħlasijiet (Rapport Annwali, punt 6.49);

152.

Jinnota bħala karatteristika speċifika ta’ dan il-grupp ta’ politiki li l-parti l-kbira tal-infiq operattiv (72 %, Rapport Annwali, tabella 6.1) hija implimentata permezz ta’ prefinanzjamenti - li jirrikjedu biss konformità ma’ numru limitat ta’ kundizzjonijiet għall-kuntrarju ta’ ħlasijiet interim u finali - u li din l-ispeċifiċità għandha influwenza pożittiva fuq ir-rata globali ta’ żball;

153.

Huwa mħasseb, b’mod partikolari, dwar il-livell ta’ prefinanzjamenti fil-programm tat-tagħlim tul il-ħajja li jippermetti prefinanzjamenti sa massimu ta’ 100 % tal-ispiża bbaġitjata tal-proġett (Rapport Annwali, punt 6.9) u li 93 % tal-ħlasijiet kollha li saru għalih fl-2010 kienu prefinanzjamenti (Rapport Annwali, tabella 6.1);

154.

Jinnota li nstab livell materjali ta’ żbalji fil-ħlasijiet interim u finali lill-benefiċjarji u li l-iktar rata probabbli ta’ żball stmata mill-Qorti tal-Awdituri hija 1,4 % (Rapport Annwali, punt 6.12) minħabba l-influwenza tal-prefinanzjamenti; jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri ma tippubblikax rata speċifika ta’ żball għal ħlasijiet interim u finali;

155.

Jifhem li l-Kummissjoni (51) tistma li r-rata ta’ żball rappreżentattiv mingħajr il-prefinanzjamenti fuq bażi multiannwali hija 3,4 % għall-Programm Kwadru 6 u li r-rata proviżorja ta’ żball rappreżentattiv għall-Programm Kwadru 7 hija ftit iktar minn 4 % fuq bażi multiannwali; jifhem ukoll li r-rata ta’ żball residwu fuq bażi multiannwali, li hija l-livell ta’ żbalji li jibqa’ wara l-korrezzjonijiet u l-irkupri mis-servizzi tal-Kummissjoni wara li jkun sar l-awditjar tagħhom, tammonta għal madwar 2,4 % għall-Programm Kwadru 6 filwaqt li għall-Programm Kwadru 7 l-Kummissjoni għadu ma kellhiex biżżejjed żmien biex tara l-effetti kollha tal-irkupri u tal-korrezzjonijiet fuq bażi multiannwali;

156.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ mogħti mill-faċilità lill-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka għall-investimenti tagħħhom fil-PPP u proġetti għall-infrastruttura ta’ riċerka ta’ interess Ewropew sabiex jintħaqu l-objettivi tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-politiki pubbliki intelliġenti;

157.

Jinnota li l-Kummissjoni qed tissimplifika kemm jista’ jkun il-proċeduri ta’ kontroll ex ante bil-ħsieb li tiffaċilita l-ipproċessar tal-ħlasijiet bil-konsegwenza li jkunu jistgħu jsiru biss verifiki tar-rekwiżiti amministrattivi u aritmetiċi; huwa mħasseb li anke f’każ ta’ dubju dwar l-eliġibbiltà tal-ispiża ddikjarata, twettqu biss verifiki ex ante limitati (Rapport Annwali, punt 6.17 u eżempju 6.2); jinsisti li tittieħed azzjoni sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni;

158.

Jemmen li jrid jinstab bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-ħlasijiet u l-kontroll tal-eliġibbiltà tal-ispiża ddikjarata; jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-istrateġija tagħha fir-rigward tal-kontrolli ex ante u tapplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex tindirizza aħjar ir-riskji speċifiċi tad-dikjarazzjoni tal-ispiża u, fil-każ ta’ riskju kbir, testendi l-proċeduri ta’ kontroll ex ante għal verifiki mwettqa fil-post;

159.

Huwa mħasseb ħafna li ċ-ċertifikati tal-awditjar għadhom parzjalment effikaċi biss (Rapport Annwali, punt 6.22); ifakkar li ċ-ċertifikati tal-awditjar huma wieħed mill-aktar elementi importanti tal-kontrol ex ante mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha l-prattika komuni li jkun hemm komunikazzjoni formali mal-awdituri esterni billi tipprovdi reazzjonijiet u titlob spjegazzjonijiet f’każijiet ta’ ċertifikati ta’ awditjar mhux affidabbli;

160.

Jilqa’ l-fatt li l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-awditjar ex ante hija meqjusa effikaċi fl-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbalji (Rapport Annwali, punt 6.30); jilqa’, barra minn hekk, il-fatt li l-proċeduri tal-Kummissjoni biex tirkupra l-fondi li ntefqu indebitament huma adegwati u li l-Kummissjoni għamlet użu akbar mill-miżuri korrettivi bħat-tmiem bikri tal-kuntratti u pieni;

161.

Huwa mħasseb serjament li l-kalkolu tar-rata ta’ żball residwu hija bbażata fuq suppożizzjonijiet li mhux dejjem jikkorrispondu mar-realtà, bħall-“estrapolazzjoni” tal-iżbalji misjuba f’dikjarazzjoni waħda tal-ispiża tal-istess benefiċjarju; jaqbel mal-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li tista’ tiġi attribwita affidabbiltà limitata lir-rata ta’ żball residwu (Rapport Annwali, punt 6.32); jemmen li dan iqajjem dubji wkoll dwar l-affidabbiltà tar-riżervi li saru mid-Diretturi Ġenerali, peress li wieħed mill-indikaturi ewlenin użati biex tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk issirx riżerva hija r-rata ta’ żball residwu;

Fehmiet minn perspettivi ta’ politika speċifiċi

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Iżvilupp

162.

Jikkunsidra li l-kriżi baġitarja u ekonomika li għaddejja bħalissa u li qiegħdin iħabbtu wiċċhom magħha ħafna mill-Istati Membri tirrikjedi li l-UE, iktar minn qatt qabel, timmassimizza l-effiċjenza u l-impatt tal-għajnuna tagħha; f’dan l-isfond, jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet fir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit 2010 li fl-2010 s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Kummissjoni għall-għajnuna u l-iżvilupp estern reġgħu kienu biss parzjalment effettivi biex jiżguraw ir-regolarità tal-ħlasijiet u li żewġ terzi tal-iżbalji kwantifikabbli nstabu fi ħlasijiet finali u li dawk l-iżbalji ma nstabux mill-kontrolli tal-Kummissjoni;

163.

Jirrikonoxxi, minkejja dan, l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex ittejjeb it-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tagħha u biex ittejjeb il-kwalità tad-data mdaħħla fis-sistema ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni CRIS; jilqa’ l-fatt li, komplessivament, ħlasijiet ta’ għajnuna u żvilupp estern fl-2010 kienu ħielsa minn żbalji materjali, u kellhom rata’ stimata ta’ żbalji aktar baxxa minn dik tal-2009; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżviluppa metodoloġija koerenti għad-direttorati għar-relazzjonijiet esterni biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ żball residwu, biex ittejjeb aktar il-qafas tagħha ta’ verifika esterna u biex jitħarsu l-ogħla standards ta’ kontroll possibbli;

164.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, partikolarment, sabiex ittejjeb il-kwalità tal-kontrolli ex ante, tal-monitoraġġ u r-rappurtar, tas-sorveljanza u tal-funzjonijiet tal-verifika bbażati fuq ir-riskju tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, fejn il-maġġoranza tal-iżbalji nstabu, biex tissaħħaħ il-kapaċità tat-taqsimiet operazzjonali u finanzjarji tad-Delegazzjonijiet, biex jiżdiedu r-riżorsi disponibbli lid-Delegazzjonijiet għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ prinċipali u biex jiġi sistematizzat il-qafas ta’ monitoraġġ, li jinkludi l-introduzzjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u valutazzjoni multiannwali u t-tisħiħ ta’ gwida għall-monitoraġġ;

165.

Jitlob lill-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet li jaħdmu għall-isfidi organizzattivi kkawżati mill-għaqda tad-DĠ DEV mad-DĠ AIDCO fl-aħħar tal-2010; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, li beda jopera f’Diċembru tal-2010, sabiex jiffinalizzaw mingħajr dewmien l-arranġamenti li jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fiċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u implementazzjoni tal-għajnuna esterna, li jinkludi lid-Delegazzjonijiet;

166.

Jikkunsidra li l-istrumenti finanzjarji ġodda taħt il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss 2014-2020 għandhom jirreflettu bis-sħiħ id-drittijiet leġiżlattivi u ta’ skrutinju msaħħa tal-Parlament skont it-Trattat ta’ Lisbona, u li l-Parlament għandu jkun involut fil-proċess ta’ programmar fuq l-istess livell mal-Kunsill;

167.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb l-effettività tal-għajnuna tal-Unjoni lis-settur tal-edukazzjoni bażika fl-Afrika sub-Saħarjana u l-Asja tan-Nofsinhar (52), b’mod partikolari billi tistabbilixxi indikaturi u miri realistiċi biex tissorvelja r-riżultati effettivament, billi tiżgura li d-Delegazzjonijiet jassenjaw persunal b’għarfien espert u karigi għolja biżżejjed biex isostnu djalogu dwar il-politika tas-settur ma’ gvernijiet sħab u donaturi oħra, u billi tiffoka iktar fuq il-kwalità tal-edukazzjoni u l-kapaċità tal-gvernijiet benefiċjarji li jlaħħqu maż-żieda fir-reġistrazzjoni fl-iskejjel;

168.

Jinsab diżappuntat mill-każijiet ta’ frodi fuq skala kbira li nstabu lejn l-aħħar tal-2010 mill-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja fil-Mali, il-Mawritanja, il-Ġibuti u ż-Żambja, u jinsab imħasseb dwar il-miżapproprjazzjoni potenzjali ta’ somom sostanzjali ta’ flus, bħal mill-kontribut tal-2010 tal-UE għall-Fond Globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem iktar mill-qrib mal-Fond Globali biex tappoġġa u tissorvelja l-interventi tiegħu fil-livell tal-pajjiż sabiex tkun evitata r-ripetizzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni bħal dawn u jitjiebu l-obbligu ta’ rendikont u l-effikaċja;

169.

Itenni s-sejħa tiegħu għal involviment ikbar mill-parlamenti u konsultazzjoni ikbar mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali f’pajjiżi sħab meta jitfasslu u jiġu eżaminati mill-ġdid id-dokumenti dwar l-Istrateġiji għall-Pajjiż u l-Programmi Indikattivi Multiannwali fil-kuntest tal-Istrument ta’ finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI);

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

170.

Jinnota li 18 % tan-nefqa għall-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni huma allokati għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali, bl-akbar parti min-nefqa f’dan il-qasam tal-politika, jiġifieri 94 %, iffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

171.

Jilqa’ l-fatt li fil-kuntest tar-riżorsi allokati għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), ir-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kienet 100 % (EUR 10,8 biljun) u 87,9 % għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet (EUR 7,1 biljun); jirrikonoxxi li r-rata baxxa fir-rigward tal-ħlasijiet irriżultat mill-fatt li xi impenji ttieħdu biss fl-aħħar kwart tas-sena; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għal titjib tal-ġestjoni finanzjarja;

172.

Jieħu nota tal-estimi tal-Qorti tal-Awdituri li r-rata ta’ żbalji fl-2010 kienet ta’ 7,7 % fir-rigward tal-infiq fl-oqsma tal-koeżjoni, l-enerġija u t-trasport; huwa sorpriż bl-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li d-direttivi tal-Unjoni ma ġewx trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-akkwist pubbliku; għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja aħjar t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u twettaq awditjar tal-ammissibbiltà tal-proġetti li jirċievu finanzjamenti; iqis li l-akkwist pubbiku japplika anqas għall-FSE;

173.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni li permezz ta’ taħriġ bilaterali u multilaterali jiġi żgurat li l-Istati Membri jħarrġu, jinfurmaw, jagħtu pariri u jiggwidaw fuq bażi kontinwa, lill-benefiċjarji u lill-entitajiet implimentattivi, sabiex titnaqqas ir-rata ta’ żbalji tal-ħlasijiet; jiddispjaċih li l-Istati Membri milli jidher mhumiex fil-qagħda li jagħmlu hekk waħedhom;

174.

Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri jiġu obbligati jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, u jingħaqad mat-talba tal-Qorti tal-Awdituri, li l-użu tal-FSE għandu jiġi kkontrollat regolarment mill-Kummissjoni;

175.

Ifakkar li l-użu proprju ta’ fondi mill-Istati Membri jrid ikun żgurat u li l-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet tal-ħlasijiet huma għodda effikaċi biex isir dan;

176.

Huwa mħasseb dwar l-għadd kbir ta’ żbalji misjuba mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja;

177.

Jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontribut tal-FSE għall-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola sa issa ġew implimentati biss parzjalment mill-Kummissjoni;

178.

Ifakkar li huwa kompitu tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, inkarigat mill-amministrazzjoni tal-approprjazzjonijiet, li jieħu miżuri adegwati għall-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni; jilqa’ l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jitlob li tingħata assigurazzjoni li każijiet ta’ frodi fil-FSE jiġu segwiti u sanzjonati anki mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali;

179.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni li tikseb mill-Istati Membri kollha rendikont dettaljat permezz ta’ rapporti ta’ kontroll annwali ta’ awtoritajiet ta’ verifika u rapporti annwali sommarji, u jikkunsidra essenzjali li l-Kummissjoni twessa’ l-attività ta’ verifika tagħha sabiex tikkomunika lill-Parlament il-valur miżjud ta’ finanzjament tal-Unjoni;

180.

Jenfasizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi mmirati u tal-mexxejja tal-proġetti fil-FSE; jipproponi li fil-kofinanzjament tal-proġetti jiġu inkorporati attivitajiet volontarji f’organizzazzjonijiet bla skop ta’ lukru u investimenti in natura; jitlob li jsir stħarriġ aġġornat dwar l-ispejjeż amministrattivi tal-FSE fost il-mexxejja tal-proġetti abbażi tal-Istati Membri u l-proġetti;

181.

Jenfasizza l-fatt li l-Fond ta’ Globalizzazjoni ffinanzja 21 proġett s’issa b’total ta’ EUR 105 miljun, filwaqt li sa EUR 500 miljun f’approprjazzjonijiet jistgħu jiġu mobilizzati permezz ta’ trasferimenti; jilqa’ x-xejra dejjem akbar fost l-Istati Membri li jiżviluppaw u jressqu proġetti xierqa f’dan il-kuntest; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa b’mod effikaċi lill-Istati Membri fl-iżvilupp u t-tressiq ta’ proġetti għall-Fond ta’ Globalizzazzjoni sabiex jgħinu l-ħaddiema jsibu xogħol ġdid u jiżviluppaw ħiliet ġodda meta jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba x-xejriet tal-kummerċ globali li qed jinbidlu jew minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

182.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tivverifika wkoll l-intestaturi baġitarji l-oħra tal-qasam tal-affarijiet soċjali u tal-impjiegi u tistabbilixxi għalfejn l-approprjazzjonijiet allokati mhumiex jiġu utilizzati għalkollox;

183.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippreżenta r-rati ta’ żbalji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-FSE b’mod separat u mhux fuq bażi aggregata;

184.

Jistenna li l-Kummissjoni tressaq rapporti dettaljati dwar il-proġetti pilota;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għas-Suq Intern u l-Ħarisen tal-Konsumatur

185.

Jinnota b’sodisfazzjon iż-żieda fir-rata ta’ eżekuzzjoni għall-krediti ta’ ħlasijiet fit-Titolu 12; jiġbed l-attenzjoni madankollu għar-rata baxxa ta’ eżekuzzjoni tal-linja tal-baġit 17 02 04, li kellha impatt negattiv fuq ir-rata ta’ eżekuzzjoni medja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni toqgħod fuq mekkaniżmi ta’ previżjoni iktar effiċjenti għall-ħtiġijiet ta’ ħlas sabiex tittejjeb l-eżekuzzjoni tal-baġit; jilqa’ l-progress li l-Kummissjoni għamlet fl-2011 f’dan ir-rigward;

186.

Jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni ta’ edukazzjoni finanzjarja tal-konsumatur sabiex il-konsumaturi jkunu f’pożizzjoni iktar b’saħħitha vis-à-vis s-servizzi finanzjarji; għalhekk, minkejja d-defiċjenzi fl-eżekuzzjoni li ġew enfasizzati qabel u b’kunsiderazzjoni għall-iżviluppi pożittivi reċenti f’dan ir-rigward, itenni l-appoġġ tiegħu għall-proġett pilota dwar it-trasparenza u l-istabbiltà fis-swieq finanzjarji stabbilit fl-2010; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi għall-identifikazzjoni tal-aħjar modi biex jintefqu l-mezzi allokati;

187.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex torganizza laqgħat ta’ ħidma fl-Istati Membri sabiex tindirizza l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-amministrazzjonijiet nazzjonali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern; jemmen li din l-inizjattiva se jkollha effett pożittiv fuq ir-rekord ta’ implimentazzjoni;

188.

Għal darba oħra jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effettività tal-programmi ta’ finanzjament attwali għall-SMEs u biex tesplora l-iżvilupp ta’ strumenti konġunti finanzjarji ġodda;

189.

Jilqa’ l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lill-promozzjoni tas-SOLVIT u tal-EU Pilot bħala mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tal-problemi, u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha f’dan ir-rigward; jenfasizza li s-SOLVIT wera ruħu effettiv fis-soluzzjoni ta’ problemi li jaffettwaw iċ-ċittadini bħar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u drittijiet marbuta mal-impjieg; ifakkar fl-appoġġ tiegħu għal linja tal-baġit separata u mezzi finanzjarji xierqa għas-SOLVIT, il-Portal l-Ewropa Tiegħek u l-għodod l-oħra kollha użati biex jiżguraw li s-suq intern jaħdem fil-prattika; jilqa’ l-verżjoni ġdida tal-Portal l-Ewropa Tiegħek bħala websajt b’entrata waħda li tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet f’setturi differenti kif ukoll dwar is-servizzi ta’ assistenza; huwa tal-fehma li għandha tingħata iktar informazzjoni mill-Portal l-Ewropa Tiegħek u li dan għandu jkun promoss fost firxa akbar ta’ ċittadini u negozji tal-Unjoni;

190.

Jilqa’ l-appoġġ finanzjarju kontinwu għan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net), kif ukoll l-istudju kkummissjonat biex jivvaluta l-effiċjenza tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-konklużjonijiet ta’ dak l-istudju u tieħu azzjoni sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti kif ukoll tiżgura finanzjament stabbli għall-ECC-Net; jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien min-naħa tal-konsumaturi rigward is-servizzi offruti mill-ECC-Net; jilqa’ bi pjaċir l-azzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, bħall-kampanji tal-midja u miżuri għall-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix;

191.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tiżgura li d-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet tal-Istati Membri għall-iskopijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali jkunu preċiżi, u ttejjeb is-superviżjoni doganali nazzjonali sabiex tevita żbalji fl-ammonti tar-riżorsi proprji tradizzjonali miġbura, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri (punt 2.21); iħeġġeġ lill-Kummissjoni għaldaqstant, tagħmel sforzi ulterjuri sabiex tissimplifika l-qafas legali, speċjalment sabiex issolvi l-problemi li għad baqa’ f’ċerti sistemi ta’ kontroll;

192.

Jissottolinja l-kumplessità tar-regoli bħala sors maġġuri ta’ żbalji fil-Kapitolu “Riċerka u Politiki Oħra”; jitlob lill-Kummissjoni tesplora għażliet differenti biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-simplifikazzjoni u l-kontroll sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-SMEs; jenfasizza l-kumplessità tar-regoli tal-akkwist pubbliku u jirrakkomanda, għalhekk, is-simplifikazzjoni tagħhom sabiex titnaqqas l-inċidenza ġenerali tal-iżbalji;

193.

Huwa mħasseb dwar l-effikaċja parzjali tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll tal-Kummissjoni; jirrimarka li ċerti żbalji li nstabu mill-Qorti tal-Awdituri ma nstabux mill-Kummissjoni u, għalhekk, jissottolinja li jeħtieġ li jsiru sforzi biex jitjiebu s-sistemi attwali ta’ kontroll;

194.

Jagħraf l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat; jinnota d-dewmien fil-proċess u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenza iktar realistika;

195.

Jirrepeti t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li għandha tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill, kull sena, deskrizzjoni aktar dettaljata tan-nefqa għal kull linja baġitarja mqabbla mar-rimarki magħmula fir-rigward tal-linja;

196.

Minkejja l-kritika ġustifikata tal-Qorti tal-Awdituri (53), iqis il-Faċilità ta’ Garanzija tal-SMEs bħala strument finanzjarju ewlieni għal aktar tisħiħ tal-potenzjal tal-impriżi tal-artiġjanat u negozji bl-imnut; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza l-valur miżjud tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs u tippromwovi aktar l-innovazzjoni u l-intraprenditorija tal-Unjoni fuq skala dinjija;

197.

Jinnota r-Rapport Speċjali Nru 13/2011 dwar jekk il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jimpedixxix u jsibx l-evażjoni tal-VAT; sabiex jimpedixxi telf sinifikanti mill-baġits nazzjonali minħabba l-evażjoni tal-VAT, jistieden lill-Kummissjoni timmodifika iktar il-qafas regolatorju tal-Unjoni; barra minn hekk, sabiex jiżgura ġestjoni uniformi tal-eżenzjoni tal-VAT mill-awtoritajiet doganali, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kollaborazzjoni u jiskambjaw informazzjoni b’mod iktar effiċjenti;

198.

Ifakkar fir-responsabbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 317 tat-TFUE u d-dmir tagħhom li jirrinforzaw is-sistemi ta’ kontroll fir-rigward, l-ewwel, tal-verifiki tal-ġestjoni qabel iċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa lill-Kummissjoni u, it-tieni nett, tal-gwida tagħha dwar it-taqsiriet annwali, li huma sors siewi ta’ assigurazzjoni;

199.

Rigward il-“Baġit għall-Ewropa 2020”, jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Parlament u mal-Kunsill u tiżgura li l-attivitajiet ta’ programmar futuri fl-Unjoni jirrispettaw il-prinċipji tas-simplifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-obbligu ta’ rendikont; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffukaw fuq objettivi li jkunu SMART, jiġifieri speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin, biex jikkoinċidu mal-ippjanar tal-programmi ta’ nfiq tal-Unjoni, u fl-istess ħin, iqisu r-riskji eventwali tal-implimentazzjoni;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għat-Trasport u t-Turiżmu

200.

Jinnota li l-baġit 2010, kif adottat b’mod definittiv u mbagħad modifikat tul is-sena, kien jipprevedi — speċifikament għall-politiki fil-qafas tal-attività tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu — total ta’ EUR 2 640 819 360 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 1 895 014 386 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jinnota wkoll li, minn dawn l-ammonti:

EUR 1 012 440 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 890 594 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T),

EUR 16 876 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 15 375 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għas-sigurtà tat-trasport,

EUR 63 940 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 30 257 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għall-Programm Marco Polo,

EUR 165 788 360 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 128 447 410 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għall-aġenziji tat-trasport,

EUR 896 035 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 455 135 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għall-programm Galileo,

EUR 427 740 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 346 880 476 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għat-trasport, inkluż qasam ta’ prijorità intiż għall-mobbiltà urbana sostenibbli, fi ħdan is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp,

EUR 4 600 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 3 520 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu intiżi għat-turiżmu;

201.

Jieħu nota tal-fatt li, waqt li kienet qed tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, il-Qorti tal-Awdituri għażlet li tiffoka fuq il-politiki tal-koeżjoni u tal-enerġija aktar milli fuq il-politika tat-trasport;

202.

Jilqa’ r-rati għolja ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għall-impenji għall-proġetti relatati mat-TEN-T; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li finanzjament xieraq mill-baġits nazzjonali jkun disponibbli biex jissodisfa dan l-impenn tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament appoġġa livell ogħla ta’ finanzjament min-naħa tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fir-rigward tal-proġetti transkonfinali għan-netwerk ewlenija, biex jagħmlu kull sforz sabiex jilħqu ftehimiet finanzjarji bilanċjati li jkunu xierqa għall-ambizzjonijiet iddikjarati tal-Unjoni;

203.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fuq bażi annwali, listi tal-proġetti tal-infrastruttura tat-turiżmu u tat-trasport, kofinanzjati mill-fondi ta’ koeżjoni u reġjonali, kif hu diġà l-każ għall-fondi TEN-T, u, b’riżultat ta’ dan, tagħmel l-informazzjoni dwar il-kofinanzjament tal-Unjoni aċċessibbli faċilment u trasparenti għal istituzzjonijiet oħra u għaċ-ċittadini;

204.

Jilqa’ r-rieżami ta’ nofs iż-żmien tal-proġetti prijoritarji li jagħmlu parti mill-programm multiannwali TEN-T 2007-2013 imwettaq fl-2010 mid-DĠ Mobbiltà u Trasport (MOVE) sabiex jiġi evalwat il-progress li sar fit-twaqqif tan-netwerk; iqis li dak ir-rieżami stabbilixxa l-prinċipju li l-finanzjament ikun marbut ma’ progress tanġibbli fil-proġetti, bl-għan li jsir l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjarji disponibbli; jistieden lill-Kummissjoni testendi dan il-proċess ta’ rieżami orjentat fuq ir-riżultati għal direttorati ġenerali oħra u politiki oħra tal-Unjoni, u jistieden lill-kumitati l-oħra tal-Parlament jingħaqdu miegħu u jagħmlu dan huma wkoll;

205.

Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni rigward it-TEN-T kif ukoll l-istrument finanzjarju relatat magħhom (magħruf bħala “l-“Mekkaniżmu għall-Interkonnessjoni fl-Ewropa”), jenfasizza l-valur miżjud Ewropew ta’ użu mtejjeb tal-finanzjament, u jappoġġa l-impenji baġitarji tagħha li huma adegwati għall-ambizzjoni tal-proposta l-ġdida; jappoġġa l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ finanzjament innovattivi bl-għan li jkun żgurat li l-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport Ewropej, li sintendi huma twal u jiswew ħafna, jitlestew fil-ħin;

206.

Jilqa’ l-inizjattiva “Self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti” u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura s-segwitu tal-effikaċja ta’ dan l-istrument ġdid u tal-effetti multiplikaturi tiegħu; Jaqbel għalkollox mal-proposta li EUR 10 000 000 000 mill-Fond ta’ Koeżjoni jiġu allokati għall-infrastruttura tat-trasport permezz tal-Mekkaniżmu għall-Interkonnessjoni fl-Ewropa, bl-għan li l-politiki strutturali u ta’ koeżjoni jsiru aktar effikaċi u jiżdied il-valur miżjud tagħhom; jitlob biex is-sistemi uzati għall-ġestjoni u l-kontroll tal-użu ta’ approprjazzjonijiet mill-Fondi ta’ Koeżjoni jittejbu, bl-għan li jkun hemm rata ta’ użu xierqa u effikaċi tal-finanzjament;

207.

Iħossu diżappuntat dwar ir-rata baxxa ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għas-sikurezzà tat-trasport (65 %); jinnota li l-ammont speċifikat fil-baġit tas-sena 2010 kien dak li ġie propost fl-abbozz preliminari tal-baġit tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar ir-rata baxxa ta’ użu ta’ dawn l-approprjazzjonijiet kif ukoll dwar il-miżuri li se tipprevedi biex jiġi żgurat li l-problema ma terġax tirrepeti ruħha;

208.

Jilqa’ ż-żieda fir-rata ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet allokati għas-sigurtà tat-trasport u għad-drittijiet tal-passiġġieri kif ukoll għall-programm Marco Polo II; jinnota madankollu li 14 % tal-approprjazzjonijiet ta’ dan il-programm ġew mgħoddija lil linji baġitarji oħra; jinnota li wħud mill-approprjazzjonijiet mill-linja baġitarja tal-programm SESAR ġew trasferiti wkoll, u jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta’ dan il-programm f’termini tat-tisħiħ tal-politika industrijali tal-Unjoni;

209.

Jilqa’ r-rata ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-programmi EGNOS u GALILEO li żammet il-progress irreġistrat fl-2009; jenfasizza l-importanza tal-investiment f’dan is-settur, li għandu effett indirett fuq il-politiki kollha tal-Unjoni u b’mod partikolari, fuq is-setturi tal-loġistika, it-trasport sostenibbli u s-sikurezza tat-trasport; jilqa’ t-tnedija b’suċċess tal-ewwel żewġ satelliti operattivi Galileo fl-21 ta’ Ottubru 2011, li hu pass essenzjali lejn l-implimentazzjoni b’suċċess taż-żewġ programmi; jitlob li jittieħdu passi biex ikun żgurat li l-applikazzjonijiet u s-servizzi innovattivi appoġġati permezz ta’ dawn il-programmi tat-trasport jiġu finanzjati, żviluppati u implimentati kif jixraq, u jkunu vijabbli, bil-għan ta’ massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-programmi;

210.

Jinnota r-Rapport Speċjali bit-titlu “Il-proġetti tat-turiżmu kofinanzjati mill-FEŻR kienu effikaċi?”, li jgħid li t-turiżmu hu l-akbar industrija tas-servizz fl-Unjoni; jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li skontha l-parti l-kbira tal-proġetti taw riżultati fuq diversi livelli, fosthom il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, l-implimentazzjoni ta’ kapaċità ta’ akkoljenza jew ta’ attività turistika; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni u l-kontroll tal- finanzjament tal-FEŻR għal proġetti tat-turiżmu u tagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona biex tipproponi programm multiannwali tat-turiżmu; b’linji baġitarji finanzjati kif jixraq;

211.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri esprimiet il-fehma li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport huma legali u regolari fl-aspetti sinifikattivi kollha; jinsab imħasseb dwar l-ammont ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji trasferit (14,5 %); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar dawn l-impenji trasferiti;

212.

Jitlob li mal-baġit ta’ kull sena jiġi mehmuż rapport speċjali dwar il-bilanċ pożittiv trasferit minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn l-approprjazzjonijiet imsemmija ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

213.

Jiddispjaċih mit-tnaqqis fil-livell tal-implimentazzjoni tal-impenji fil-baġit għall-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (94,8 % fl-2010 meta mqabbel ma’ 97,7 % fl-2009), kif ukoll mill-ftit tat-tnaqqis li seħħ fil-livell tal-implimentazzjoni tal-ħlasijiet (88,7 % fl-2010 meta mqabbel ma’ 89,6 % fl-2009);

214.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li sar progress sinifikanti fit-tnaqqas tal-livell ta’ kaċellazzjonijiet ta’ ħlasijiet (minn 8,5 % fl-2009 għal 2,8 % fl-2010); jiddeplora ż-żieda fil-livell tat-trasferimenti (minn 1,9 % fl-2009 għal 8,5 % fl-2010) prinċipalment minħabba trasferimenti fil-Fond għall-Fruntieri Esterni, fil-Fond Ewropew għar-Ritorn u fis-SIS II; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tnaqqas il-livell ta’ trasferiment ta’ ħlasijiet fil-baġit għall-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;

215.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rati għolja ta’ implimentazzjoni ta’ tlieta mill-erba’ Fondi ta’ “Solidarjetà u ġestjoni tal-flussi migratorji”; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni għar-rata aktar baxxa ta’ implimentazzjoni tal-Fond għall-Fruntieri Esterni, jiġifieri li l-programmi annwali tal-ħames pajjiżi li qed jipparteċipaw għall-ewwel darba fl-2010 f’dak il-Fond ma ġewx adottati fl-2010.

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Kultura u l-Edukazzjoni

216.

Jilqa’ l-isforzi biex jiġu simplifikati iktar il-proċeduri u titjieb l-aċċessibbiltà rigward il-programmi tal-edukazzjoni u l-kultura, u jinnota li fl-2010, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) kellha disponibbli formoli elettroniċi għall-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet u l-programmi, partikolarment għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Programm ta’ Kultura u l-Programm Ewropa għaċ-ċittadini; jinsab kuntent bl-użu mifrux ta’ somom b’rata fissa u d-deċiżjonijiet tal-għoti; jenfasizza l-importanza li jinsab il-bilanċ korrett bejn il-proċeduri flessibbli u l-kontrolli meħtieġa;

217.

Jiddispjaċih li l-kontrolli primarji għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja ma ġewx implimentati kompletament mill-aġenziji nazzjonali, ħaġa li wasslet għal nuqqas ta’ użu adegwat tal-finanzjament għall-programmi, minħabba data ta’ rappurtar mhux koerenti u n-nuqqas ta’ twettiq fil-ħin tal-għadd minimu ta’ kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-aġenziji nazzjonali kollha jwettqu r-responsabilitajiet tagħhom;

218.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni tejbet is-sistemi ta’ kontroll tagħha u li l-qasam tal-politika dwar il-‘Kultura u edukazzjoni’, bħala parti mill-grupp ta’ politika dwar ir-‘Riċerka u Politiki Interni oħrajn’ ma kellux żbalji materjali;

219.

Hu kuntent bit-titjib sinifikanti fid-dewmien tal-ħlasijiet, u jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għamlet 94 % tal-ħlasijiet tagħha fil-ħin; ifakkar li kwalunkwe dewmien fil-ħlasijiet jaffettwa direttament id-drittijiet tal-benefiċjarji, b’mod partikolari dawk tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u konsegwentement is-suċċess tal-programmi; ifakkar, madankollu, li l-parti ewlenija ta’ għotja għandha titħallas mill-iktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, matul il-perjodu tas-sussidju, sabiex ma tiżdiedx id-dipendenza tal-organizzazzjonijiet fuq il-banek li japprovaw is-self, peress li l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tqis li l-interessi mhumiex “eliġibbli”;

220.

Jinnota li l-Kummissjoni għamlet sejħa għal offerti fuq netwerk tat-televiżjoni pan-Ewropew, kif previst fil-baġits għall-2009 u l-2010; jinsab, għalhekk, imħasseb ħafna li fl-2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf il-proġett u tibda tonfoq flusha fuq xi ħaġa oħra, mingħajr il-kunsens tal-Parlament u l-Kunsill; jitlob li jinkixfu l-kuntratti u r-rakkomandazzjonijiet kollha relatati man-netwerk tat-televiżjoni u l-evalwazzjonijiet li jsiru mill-kumitat tal-għażla;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-ikel

221.

Iqis sodisfaċenti r-rati globali ta’ implimentazzjoni tal-intestaturi baġitarji għall-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza fl-ikel Iqis sodisfaċenti r-rati globali ta’ implimentazzjoni tal-intestaturi baġitarji għall-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza fl-ikel ifakkar f’dan il-kuntest li 0,76 % tal-baġit tal-Unjoni biss huwa intiż għal dawk l-istrumenti ta’ politika li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-ikel;

L-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika

222.

Jenfasizza r-rata globali ta’ eżekuzzjoni ammontat għal 99,26 % fil-qasam tal-ambjent u l-azzjoni klimatika; jinnota, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tal-ħlasijiet kienet fil-livell ta’ 84,1 %;

223.

Jilqa’ l-ksib ta’ 99,4 % tal-implimetazzjoni tal-baġit operattiv tal-LIFE+; jinnota li fl-2010 is-somma ta’ EUR 240 000 000 ġiet allokata għall-għotjiet tal-proġetti, is-somma ta’ EUR 9 300 000 appoġġat attivitajiet operattivi tal-NGOs, is-somma ta’ EUR 42 500 000 kienet użata għal miżuri intiżi li jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha ta’ inizjattiva u ta’ monitoraġġ tal-iżvilupp ta’ politiki u ta’ leġiżlazzjoni u s-somma ta’ EUR 14 500 000 kienet użata għal appoġġ amministrattiv;

224.

Jenfasizza d-differenza bejn l-allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi u l-allokazzjonijiet finali għal kull Stat Membru tal-fondi LIFE + kif ukoll id-differenza fin-numru ta’ proposti riċevuti minn Stati Membri differenti; jinkoraġġixxi għal darb oħra l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tipprovdi taħriġ annwali lill-awtoritajiet nazzjonali u biex torganizza seminars f’kull Stat Membru sabiex tipprovdi informazzjoni ġenerali dwar l-objettivi tal-LIFE + u dwar il-mod ta’ kif tiġi preparata proposta b’riżultat pożittiv;

225.

Jirrikonoxxi n-nuqqas ta’ bażi legali biex jiġi implimetat il-Programm ta’ Azzjoni tal-UE biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jilqa’ t-trasferiment tal-ammont sħiħ ta’ EUR 15 000 000 lill-faċilità finanzjarja fi ħdan l-Inizjattiva ta’ Finanzjament għall-Enerġija Sostenibbli, ħalli jiġu żviluppati strumenti finanzjarji adatti biex jixprunaw sew il-proġetti ta’ effiċjenza enerġetika u l-proġetti għall-isfruttament tas-sorsi rinovabbli tal-enerġija;

226.

Jieħu nota tal-osservazzjonijiet mill-Qorti tal-Awdituri dwar verifiki ex post li twettqu mill-Kummissjoni bl-użu ta’ kriterji bbażati fuq ir-riskju mill-2006; jilqa’ l-fatt li d-DĠ ENVI iddeċieda li jbiddel il-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni fl-2011 sabiex ir-riżultati jkunu bbażati wkoll fuq kampjun fortuwitu li jkun jista’ jiġi ġġeneralizzat aktar faċilment għall-proġett kollu;

227.

Jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni maħsub mid-DĠ CLIMA sabiex jittejbu l-miżuri nazzjonali ta’ siġurtà peress li dan ġie meqjus neċessarju wara li ġie identifikat nuqqas ta’ siġurtà sinifikanti fir-reġistri nazzjonali tas-sistema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS);

228.

Jinnota li seba’ proġetti pilota u azzjoni preparatorja waħda ġew implimentati fil-kuntest tal-baġit 2010;

229.

Jenfasizza l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-attivitajiet ambjentali internazzjonali, li huma maħsuba li jkopru l-kontribuzzjonijiet obbligatorji u volontarji għall-konvenzjonijiet, protokolli u ftehimiet internazzjonali huma suġġetti għal varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju peress li l-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet huma mħallsa b’dollari Amerikani;

Is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-Ikel

230.

Jilqa’ r-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji fil-qasam tas-saħħa pubblika ta’ 99,7 % (bl-esklużjoni tal-approprjazzjonijiet maħsuba għall-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini); jinnota r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji ta’ 95,3 % fil-qasam tas-sikurezza fl-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tagħhom u s-saħħa tal-pjanti;

231.

Jenfasizza l-importanza tal-programm ta’ saħħa pubblika; jilqa’, għalhekk, ir-rata ta’ implimetazzjoni sodisfaċenti ta’ kważi 100 % fl-approprjazzjonijiet għall-impenji; huwa konxju tar-rata ta’ implimentazzjoni aktar baxxa fl-approprjazzjoniet għall-ħlasijiet (95,1 %) minħabba d-dewmien fit-talbiet għall-ħlas mill-benefiċjarji tal-għotja jew minħabba l-estensjoni ta’ ftehimiet kuntrattwali;

232.

Jenfasizza l-importanza li titkompla s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-effetti dannużi tal-konsum tat-tabakk; jikkunsidra li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ammont disponibbli fl-2010 tikkostitwixxi suċċess għall-kampanja HELP;

233.

Jieħu nota tal-osservazzjoniet mill-Qorti tal-Awdituri dwar l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi li hija entità amministrattiva tal-Kummissjoni; jitlob lill-Aġenzija Eżekuttiva tnaqqas b’mod sinifikanti l-ammonti ttrasferiti mis-snin finanzjarji preċedenti billi tirrevedi l-istrumenti ta’ pjanar u ta’ rappurtaġġ baġitarji sabiex tirrispetta l-prinċipju tal-annwalità tal-baġit tal-Unjoni; ħa nota wkoll tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-verifiki interni mwettqa fl-2010 u jinkoraġġixxi l-Aġenzija Eżekuttiva f’kooperazzjoni mad-DĠ sieħeb tagħha biex taħdem fuq il-kwistjonijiet indirizzati bħall-governanza u l-arkitettura tal-informatika;

234.

Jieħu nota tal-livell ta’ implimentazzjoni ta’ 95,3 % għall-kapitolu baġitarju 17 04 — Is-sikurezza fl-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti; huwa konxju tal-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa ma kinitx possibbli minħabba n-numru żgħir ta’ tifqigħat ta’ mard tal-annimali u b’hekk il-fondi ta’ emerġenza ma ntefqux kompletament, kif kien previst, u, it-tieni nett, ma kienx hemm bżonn li jinxtara tilqim ta’ emerġenza;

235.

Josserva, fir-rigward tal-miżuri ta’ qerda, li l-klejms tal-ispejjeż finali ppreżentati għall-ħlas mill-Istati Membri ħafna drabi kienu anqas mill-istima inizjali; jinnota wkoll li kien hemm bżonn ta’ aktar awditjar minħabba r-rati ta’ żbalji preċedenti u dan il-fatt ukoll dewwem l-eżekuzzjoni ta’ ħlas f’dan il-qasam;

236.

Jiddispjaċih bir-riżultati anqas pożittivi għall-ħlasijiet relatati mal-miżuri tas-saħħa tal-pjanti minħabba dewmien min-naħa tal-Istati Membri fil-preżentazzjoni tad-dokumenti meħtieġa jew minħabba li d-dokumentazzjoni kienet inkompleta; jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-proċeduri f’dan ir-rigward;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Affarijiet Barranin

237.

Josserva li l-maġġoranza tal-iżbalji mhux kwantifikabbli identifikati mill-Qorti tal-Awdituri tirrigwarda żbalji fil-proċeduri ta’ akkwist u fil-proroga ta’ kuntratti; itenni, bi qbil mal-proċeduri preċedenti ta’ kwittanza, it-tħassib tiegħu dwar il-vulnerabbiltà sinifikanti ta’ dawn iż-żewġ setturi għall-frodi u għall-ġestjoni ħażina;

238.

Jieħu nota tal-fatt li s-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll għall-politiki tal-Azzjoni Esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir jitqiesu biss parzjalment effikaċi, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu u jimplimentaw il-miżuri neċessarji kollha biex itejbu r-regolarità tal-ħlasijiet;

239.

Ifakkar li r-riskji ewlenin marbuta mal-appoġġ għall-baġit (jiġifieri r-riskju relatat mal-grad ta’ effikaċja tal-għajnuna kif ukoll ir-riskji ta’ frodi u korruzzjoni) ma jidhrux fl-awditjar dwar id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa dawn ir-riskji;

240.

Iqis li, barra mill-isforzi mitluba bil-għan li tiżdied ir-regolarità tal-ħlasijiet, il-Kummissjoni għandha twettaq, għall-interventi kollha, valutazzjonijiet sistematiċi mill-perspettiva tal-proporzjon kostijiet-benefiċċji, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri fir-rapport speċjali tagħha (54); jinsisti fuq il-bżonn li l-Parlament jinżamm informat, bħala fergħa tal-awtorità baġitarja, bir-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet, inkluż l-eżitu tal-valutazzjonijiet li jkopru l-attivitajiet PESK;

241.

Jenfasizza, iżda, li l-proporzjon kostijiet-benefiċċji fih innifsu ma jistax jitqies dejjem bħala kriterju suffiċjenti biex jivvaluta l-adegwatezza tal-assistenza tal-Unjoni f’pajjiż terz; huwa tal-fehma anzi li għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni l-effikaċja tal-għajnuna għal dak li jirrigwarda l-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni li teħtieġ tkun evalwata sistematikament u għandha tinkludi kriterji supplementari, bħal pereżempju l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, il-bżonn li tkun preżenti fil-post jew l-implimentazzjoni ta’ proġetti u azzjonijiet intiżi li jippromwovu l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni;

242.

Jaqbel mal-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri skont liema diversi oqsma ta’ assistenza tal-Unjoni jistgħu, f’xi każijiet, ikunu ottimizzati u l-impatt tal-assistenza miżjud permezz ta’ koordinament aħjar mal-Istati Membri, li l-azzjoni esterna tagħhom ma għandhiex titqies f’kompetizzjoni iżda kumplementari; jappella għalhekk għal aktar sforzi għal dak li jirrigwarda l-koordinament tad-donaturi fi ħdan l-Unjoni, mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għal-Iżvilupp Reġjonali

243.

Jinnota li l-eżekuzzjoni baġitarja kienet tajba għall-politika Reġjonali: tħallas l-ammont ta’ EUR 30 557 000 000, u li l-parti l-kbira tal-ħlasijiet fl-2010 kienu relatati prinċipalment u għall-ewwel darba mal-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 (ħlasijiet interim ta’ EUR 25 550 000 000, meta mqabbla ma’ EUR 9 420 000 000 fl-2009);

244.

Jiddispjaċih li l-politika reġjonali kienet parti minn grupp b’tendenza għall-iżbalji, fost l-oqsma ta’ politika tal-infiq tal-Unjoni, b’49 % tal-243 ħlas awditjati mill-Qorti tal-Awdituri milquta minn żbalji; josserva, mandankollu, li ċerti żbalji biss se jkollhom impatt finanzjarju u li l-frekwenza ta’ 49 % hija anqas minn dik irreġistrata fil-perjodu 2000-2006; jenfasizza li r-rata ta’ żbalji naqset meta mqabbla mar-rati ta’ żbalji li nstabu fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw, permezz ta’ ġestjoni konġunta, li jiġi rreġistrat tnaqqis konsistenti fir-rata ta’ żbalji;

245.

Ifakkar li żball iseħħ meta tranżazzjoni ma titwettaqx f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji, bil-konsegwenza li n-nefqa dikjarata (u rimborżata) issir irregolari; jinnota ukoll li żball mhux bilfors jimplika li l-fondi jkunu sparixxew, intilfu jew inħlew, u lanqas li tkun seħħet frodi;

246.

Jinnota li n-nuqqas ta’ konformità kemm mar-regoli tal-akkwist pubbliku u mar-regoli ta’ eliġibbiltà jirrappreżenta proporzjon għoli tar-rata stmata ta’ żbalji (31 % u 43 % rispettivament); jieħu nota, f’dan il-kuntest, tar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li jiġu identifikati oqsma għal aktar simplifikazzjoni; jitlob, għalhekk, li jkunu analizzati l-bżonn li tissaħħaħ l-assistenza teknika, u fi kwalunkwe każ, il-bżonn li tinżamm il-kapaċità operattiva sħiħa tas-sorveljanza finanzjarja; jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni tissimplifika ir-regoli sabiex tiżgura proċeduri aktar favur l-utent u ma tiskoraġġixxix lil benefiċjarji potenzjali milli jipparteċipaw fi proġetti; jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li spiss iżidu piż amministrattiv mhux meħtieġ mir-regoli tal-Unjoni; iqis, għalhekk, li jenħtieġu sforzi metikolużi biex din ir-rata ta’ żbalji tkompli titnaqqas;

247.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja, b’mod partikolarifir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti regulatorji fit-twettiq tal-kontribuzzjoni mill-programmi operattivi għall-fondi li jimplimentaw tali strumenti, kif ukoll in-nuqqasijiet fir-rappurtar u r-rekwiżiti ta’ verifika fis-seħħ; josserva li l-potenzjal tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja għandu jiġi żviluppat aktar ħalli jkun hemm lok għall-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi kwalitattivi, il-parteċipazzjoni tal-atturi privati, speċjalment l-SMEs, u l-użu ta’ kapital fil-proġetti tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika r-regoli ta’ dawn l-istrumenti, peress li l-kumplessità attwali tagħhom tillimita l-użu tagħhom; jirrakkomanda analiżi aktar profonda ħalli jiġi evalwat l-effett reali ta’ dawn l-istrumenti u l-linji gwida dwar l-implimentazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ rappurtar tagħhom;

248.

Jinnota li, f’għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet milquta minn żbalji, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom biżżejjed informazzjoni biex jindunaw b’dan u japplikaw miżuri korrettivi qabel iċ-ċertifikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinforza mill-ġdid l-assistenza tagħha lill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni, permezz ta’ workshops immirati, noti ta’ gwida, distribuzzjoni tal-aħjar prattiki u taħriġ ta’ uffiċjali responsabbli għall-ġestjoni, fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira tal-iżbalji jseħħu fil-kontroll tal-ewwel livell; jinnota li għandu jiġi stabbilit il-monitoraġġ kostanti tat-trasferiment reali ta’ miżuri ta’ taħriġ immirati għall-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni sabiex ikun verifikat li l-għarfien qed jiġi verament trasferit, b’attenzjoni partikolari għal dak li jkun qed iseħħ fil-livell lokali; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi korrettivi, inkluża l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet f’każijiet ċari ta’ negliġenza;

249.

Jilqa’ l-ispjegazzjoni mill-Kummissjoni li tiddikjara, għall-ewwel darba, li l-maġġoranza kbira tal-iżbalji huma kkonċentrati biss fi tliet Stati Membri u f’bosta programmi operattivi biss;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

250.

Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 8 tat-TFUE, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet kollha tagħha; jitlob għalhekk lill-Qorti tal-Awdituri tevalwa l-implimentazzjoni tal-baġit mill-perspettiva tal-ġeneru, meta dan ikun applikabbli;

251.

Jiddispjaċih li r-rapport annwali ma fih l-ebda osservazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri, u lanqas ma fih risposti mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nefqa relatata mal-ġeneru;

252.

Jenfasizza li verifika tal-baġit li tinkludi l-perspettiva tal-ġeneru hija prerekwiżit għat-tħejjija ta’ baġit tal-ġeneru b’dimensjoni tal-ġeneru, peress li tista’ tiżvela l-effetti tan-nefqa fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, u, b’mod partikolari, jekk l-irġiel u n-nisa jibbenefikawx min-nefqa b’mod proporzjonat, u jekk il-baġit għandux jiġi aġġustat sabiex jissodisfa aħjar il-bżonnijiet differenti tal-irġiel u tan-nisa;

Fehmiet minn perspettiva tal-politika għall-Kummerċ Internazzjonali

253.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżgurar ta’ ħarsien effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa marbut mal-għajnuna makrofinanzjarja; iqis neċessarju li l-Kummissjoni tipprovdi kontrolli adegwati u li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi awditjar xieraq fir-rigward ta’ dan l-istrument;

254.

Jenfasizza li, insegwitu tal-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ, il-fondi tal-Unjoni għandhom jintużaw b’mod effikaċi u skont ir-regoli u r-regolamenti fis-seħħ, bil-għan li tkun żgurata integrazzjoni aħjar tal-benefiċjarji fis-sistema tal-kummerċ dinji bbażata fuq ir-regoli u tkun promossal-qerda tal-faqar;

255.

Jenfasizza li ċ-ċentri kummerċjali tal-Unjoni fiċ-Ċina, fit-Tajlandja u fl-Indja għandhom ikunu appoġġati; fl-istess ħin, hu tal-fehma li għandu jkun hemm fis-seħħ kontrolli biżżejjed sabiex ikun garantit il-funzjonament tajjeb u effikaċi ta’ dawn iċ-ċentri;

Fehmiet minn perspettiva tal-Politika għas-Sajd

256.

Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (55), kif ukoll ir-Rapport Annwali 2010 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (56); jenfasizza li dawn iż-żewġ rapporti ftit li xejn jagħmlu rimarki dwar il-qasam tal-affarijiet marittimi u s-sajd;

257.

Jirringrazzja d-DĠ MARE għad-dokumenti addizzjonali trażmessi u jqis soddisfaċenti r-rati globali tal-implimentazzjoni tal-linji tal-baġit fil-qasam tal-affarijiet marittimi u s-sajd għall-2010;

258.

Jenfasizza r-rata globali ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ 97,20 % u r-rata globali għall-approprjazzjonijiet ta’ bbiltà ta’ 79,23 %; jinnota, madanakollu, implimentazzjoni skarsa għall-kapitolu 11 02, is-swieq tas-sajd, u jinnota l-punti fl-ispjegazzjoni li tat il-Kummissjoni li tikkonċerna speċifikament l-implimentazzjoni tal-programmi tas-sajd għaż-żoni l-aktar imbiegħda;

259.

Jinnota b’sodisfazzjon l-intenzjoni tad-DĠ MARE li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-azzjonijiet kofinanzjati mal-Istati Membri u jħeġġeġ lis-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni jkomplu jsegwu din it-triq;

260.

Jinnota l-isforzi li għamlet id-DĠ MARE fil-qasam tal-awditjar intern u jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmaniġġja bl-aktar mod effikaċi u rapidu l-proġetti u l-fajls fit-totalità tagħhom;

261.

Jinnota ż-żamma tar-riżerva tad-DĠ MARE fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-programmi operattivi tal-SFGS (Strument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd) fil-Ġermanja - impjant tal-ikkundizzjonar; jinnota li dan huwa programm qadim u kumpless, li beda fl-2001, u jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi dan il-fajl malajr, filwaqt li tħares l-interessi tal-Unjoni;

262.

Jilqa’ l-fatt li d-DĠ MARE saħħet l-effikaċja tal-kontrolli fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali u l-fatt li ġie miftiehem li l-ħlasijiet strettament relattivi għall-aspett kummerċjali (EUR 104 017 795, jiġifieri 72 % tat-total) jiġu separati minn dawk relattivi għall-appoġġ fis-settur (EUR 40 211 849, jiġifieri 28 % tat-total);

263.

Jenfasizza li huwa meħtieġ li jkun hemm monitoraġġ effikaċi tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni li jipprovdu appoġġ settorjali fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali, permezz tal-użu ta’ tabelli matriċi li jkunu l-aktar dettaljati possibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li jeħtieġ li jsir appell biex il-proporzjon tal-appoġġ settorjali jiżdied; huwa ċert li fiż-żmien propizju l-parti kummerċjali tal-ftehimiet għandha tiġi kkundizzjonata għal appoġġ settorjali effikaċi, segwit b’mod adegwat u sostanzjali;

264.

Jitlob li jkun hemm konnessjoni akbar mal-politika tas-sajd, peress li r-rwol huwa wieħed leġiżlattiv u baġitarju, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-ftehimiet internazzjonali tas-sajd u l-laqgħat differenti relattivi (pereżempju, il-kumitati konġunti jew in-negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi);

265.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex tfassal rapporti speċjali rigward l-oqsma prijoritarji tal-politika komuni tas-sajd bħala segwitu għall-proposti leġiżlattivi u l-komunikazzjonijiet diversi li jinsabu fil-pakkett ta’ riforma ta’ din tal-aħħar, inkluż fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-politika.


(1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

(2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(7)  COM(2011) 662.

(8)  SEC(2011) 1179, p. 24.

(9)  Rapport ta’ Sinteżi dwar il-FEIs, p. 6.

(10)  Rapport ta’ Sinteżi dwar il-FEIs, p. 10.

(11)  Rapport ta’ Sinteżi dwar il-FEIs, p. 9.

(12)  Rapport ta’ Sinteżi dwar il-FEIs, pp. 21 u 26.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(14)  ĠU C 47, 17.2.2012, p. 1.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ April 2004 dwar il-kwittanza mogħtija lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2002 (ĠU L 330, 4.11.2004, p. 82).

(16)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(17)  Sinteżi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2010 (COM(2011) 323), p. 2.

(18)  COM(2011) 164.

(19)  Tweġiba tal-Kummissarju Šefčovič għall-mistoqsija bil-miktub Nru 12 tas-smigħ tat-8 ta’ Diċembru 2011 quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(20)  SEC(2011) 1179, p. 13.

(21)  Risposta tal-Kummissarju Johannes Hahn għal mistoqsija bil-miktub Nru 4 għas-smigħ tad-19 ta’ Diċembru 2011 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(22)  SEC(2011) 1179, p. 20.

(23)  SEC(2011) 1179, p. 21.

(24)  Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu ta’ Koperazzjoni u Verifika, COM(2012) 56, paġna 4.

(25)  Il-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea (COM(2011) 473), p. 32 u 90.

(26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi appoġġ finanzjarju għal żmien medju għall-bilanċi ta’ bbiltà tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1) kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 431/2009 (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 1).

(27)  L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1) jiffissa limitu massimu ta’ 1,23 % li għalih il-Kummissjoni stmat li total ta’ EUR 60 000 000 000 jistgħu jiġu attivati (COM(2010) 713, p. 4).

(28)  Sors: Dijagramma IV tal-Anness għar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2010.

(29)  Sors: Dijagramma I tal-Anness għar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2010.

(30)  Sors: Dijagramma V tal-Anness għar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2010.

(31)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2011 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (P7_TA(2011)0103).

(32)  http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/9406723.PDF

(33)  http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/9504723.PDF

(34)  Disponibbli fuq il-websajt tal-Qorti tal-Awdituri tal-Pajjiżi l-Baxxi http://www.courtofaudit.com/english/News/2012/02/Letter_of_president_Netherlands_Court_of_Audit_on_ESM_Board_of_Auditors

(35)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 33.

(36)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(37)  COM(2012) 40, p. 16.

(38)  Programm ta’ Ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 2012, p. 6.

(39)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(40)  Tweġiba għall-mistoqsija 21, dokument “Anness: mistoqsijiet lill-Kummissarju Šemeta” provduti mis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fis-16 ta’ Diċembru 2011, wara s-smigħ tal-Kummissarju Šemeta fit-8 ta’ Diċembru 2011 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.

(41)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 35.

(42)  COM(2008) 97.

(43)  Anness għar-risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarju Johannes Hahn għas-smigħ tad-19 ta’ Diċembru 2011 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.

(44)  Rapport Annwali, Eżempju 3.1, paġna 79.

(45)  Rapport Annwali, Nota ta’ Qiegħ il-Paġna 23, paġna 79.

(46)  Rapport Annwali, Tabella 3.1, paġna 72.

(47)  Risposta għal mistoqsija orali lill-Kummissarju Andris Piebalgs waqt is-smigħ tat-12 ta’ Jannar 2012 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(48)  Kalkolu abbażi tar-risposta għall-mistoqsija bil-miktub Nru 2 lill-Kummissarju Andris Piebalgs għas-smigħ tat-12 ta’ Jannar 2012.

(49)  http://ec.europa.eu/europeaid/work/funding/beneficiaries/index.cfm?lang=en&mode=SM&type=contract

(50)  http://ec.europa.eu/echo/files/funding/agreements/agreements_2010.pdf

(51)  Risposti ta’ segwitu għal mistoqsijiet lill-Kummissarju Máire Geoghegan-Quinn għas-smigħ tat-23 ta’ Jannar 2012 fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew.

(52)  L-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-UE għall-Edukazzjoni Bażika fl-Afrika tas-sub-Saħara u fin-Nofsinhar tal-Asja (Ir-rapport speċjali Nru 12/2010).

(53)  Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar “Il-verifika tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs”.

(54)  Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha, irriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?”

(55)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(56)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 3.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar ir-Rapporti speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza tal-Kummissjoni 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 — C7-0256/2011) (2),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet bażiċi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu bil-kummenti li hi parti integrali minn dik id-Deċiżjoni,

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010 (06081/1/2012 – C7-0053/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0102/2012),

A.

billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi u għandha tagħmel dan skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, fuq ir-responsabilità tagħha stess, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba,

B.

billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-fondi u huma għalhekk utli għall-Parlament fl-eżerċizzju tar-rwol tiegħu tal-awtorità ta’ kwittanza,

C.

billi l-kummenti tiegħu dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jikkostitwixxu parti integrali tad-Deċiżjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni,

Parti I   Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Verifika tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet”

1.

Jilqa’ favorevolment ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 dwar il-verifika tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet fl-ambitu tal-politika agrikola, minħabba r-rilevanza fundamentali għall-kwalità tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament matul il-proċedura ta’ kwittanza;

2.

Iqis li l-konklużjoni ewlenija tar-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tirrigwarda l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-korrezzjonijiet retrospettivi għall-kontijiet annwali permezz tad-deċiżjonijiet ta’ konformità, minkejja li sadattant il-Parlament ikkonċeda l-kwittanza u minkejja r-relativizzazzjoni konsegwenti tal-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura ta’ kwittanza;

3.

Huwa konxju mill-fatt li l-uniku rimedju sħiħ possibbli għas-sitwazzjoni jkun f’modifika tas-sistema ta’ monitoraġġ fl-ambitu tal-politika agrikola, fattibbli biss permezz ta’ żieda konsiderevoli tal-piżijiet fuq il-benefiċjarji tal-fondi u fuq l-awtoritajiet amministrattivi;

4.

Jikkonċentra għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-aktar fuq kif jista’ jsir titjib fis-sistema eżistenti; jagħmel riferment ukoll, bl-iskop li jivvaluta l-fattibilità reali ta’ din is-sistema, għar-Rapport Speċjali Nru 8/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Irkupri ta’ pagamenti mhux dovuti taħt il-Politika Agrikola Komuni” u jisħaq fuq il-kritika espressa mill-Qorti tal-Awdituri rigward il-fatt li s-sistema, fit-totalità tagħha, ma tħallix lanqas li jiġu kwantifikati l-pagamenti mhux dovuti eżegwiti fl-ambitu tal-politika agrikola;

5.

Jaqbel mat-talba tal-Qorti tal-Awdituri favur riforma tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet intiża li:

tnaqqas it-tul ta’ żmien tal-proċeduri ta’ korrezzjoni finanzjarja billi jiġu stabbiliti skadenzi preċiżi u proċeduri ta’ appell fuq diversi livelli,

tiġi stabbilita relazzjoni ċara bejn l-ammonti rkuprati u l-pagamenti illegali li fil-fatt saru u tiġi eskluża l-possibilità ta’ “negozjati” dwar l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji, billi dan huwa rkupru reali tal-pagamenti li saru bi ksur tar-regolamenti u mhux “sanzjoni”;

6.

Iqis li, biex tkun garantita l-kredibilità tal-proċedura annwali tal-kwittanza u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa fundamentali li titjieb is-sistema attwali, u jinsisti li matul il-proċedura tal-kwittanza l-Kummissjoni tipprovdi tagħrif dwar:

x’ammonti, oqsma u snin ta’ nfiq għad jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri ta’ awditjar u kemm-il korrezzjoni finanzjarja (f’termini ta’ ċifri minimi u massimi) tista’ ssir fir-rigward ta’ liema Stati Membri;

liema deċiżjonijiet ta’ konformità fil-fatt jirreferu għal liema snin finanzjarji u kif dawn id-deċiżjonijiet jimmodifikaw iċ-ċifri tas-snin finanzjarji li għalihom diġà ngħatat kwittanza,

stima eżatta tan-numru ta’ korrezzjonijiet ta’ konformità meħtieġa li ma sarux u n-numru tal-korrezzjonijiet ta’ konformità li mhumiex iktar possibbli li jsiru minħabba r-regola tal-24 xahar;

7.

Jirrikonoxxi l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet biex ittejjeb l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta’ spezzjoni tal-Istati Membri li tintuża fl-approvazzjoni tal-kontijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjoni drammatika tal-Qorti tal-Awdituri, meta tafferma li dawn l-awtoritajiet, fil-maġġoranza tal-każijiet, mhumiex kapaċi jwettqu l-miżuri tal-Kummissjoni; jitlob għaldaqstant impenn ikbar min-naħa tal-Kummissjoni biex tħarreġ lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni takkumpanja b’mod strutturat u tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn aġenziji tal-pagamenti u korpi taċ-ċertifikazzjoni permezz tan-netwerks u s-seminars tagħhom, ixxerred l-eżempji ta’ prattiki tajba u tħejji, permezz tal-interpretazzjoni, soluzzjonijiet komuni għall-kwistjonijiet ġuridiċi; iqis indispensabbli li jitwettaq awditjar abbażi tar-riskju anki fir-rigward tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni;

8.

Iqis li t-titjib ulterjuri tad-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni maħruġa mid-diretturi tal-aġenziji tal-pagamenti u mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni huwa miżura indispensabbli għall-promozzjoni tar-rendikont; jappella għal sistema ta’ kumpens għad-dikjarazzjonijiet korretti u sanzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet ineżatti, partikolarment fil-każ ta’ żbalji sistematiċi identifikati li ma ġewx iddikjarati minn qabel;

9.

Jitlob fluss sistematiku ta’ informazzjoni mill-amministrazzjonijiet eżekuttivi fl-aktar livell baxx lejn il-Kummissjoni, bil-għan li jippermettu li jitqiesu d-diffikultajiet esperjenzati fil-post fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni semplifikata u l-interpretazzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-uffiċjali tal-aġenziji tal-pagamenti nazzjonali u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni ma jkunux penalizzati mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u mid-diretturi tagħhom talli rapportaw korrezzjonijiet lill-Kummissjoni;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-aġenziji tal-pagamenti u lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni meta jkun hemm tibdil rapidu tal-persunal f’awditjar ibbażat fuq ir-riskji u tinkludi komunikazzjoni lill-awtorità ta’ kwittanza fir-rapport annwali ta’ attività; jinsisti li ssir analiżi tal-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u li l-awtorità ta’ kwittanza tkun infurmata dwar ir-rata ta’ żball għal kull Stat Membru, bl-indikazzjoni tal-kawżi prinċipali tal-iżbalji;

11.

Jappella għal rieżami tal-proċeduri li jintużaw għad-deċiżjonijiet ta’ konformità, u biex il-grupp ta’ esperti jibda ħidmietu iktar malajr bl-għan tal-konċiljazzjoni u ta’ użu mmirat tal-konċiljazzjoni nnifisha;

12.

Jirrakkomanda li ċ-ċifri msemmijin fil-punt 6 jiġu inkorporati fit-taqsima speċjali tar-riżoluzzjoni annwali dwar il-kwittanza u sottoposti għall-votazzjoni fil-plenarja;

Parti II   Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija l-Ġdid (ENPI) ġie varat b’suċċess u qiegħed jilħaq ir-riżultati fil-Kawkasu tan-Nofsinhar (l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja)?”

13.

Jilqa’ pożittivament l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri u r-rakkomandazzjonijiet li fih; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għar-riżultati tal-awditjar, li jiżvelaw problemi gravi fl-implimentazzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) min-naħa tal-Kummissjoni;

14.

Jinsab inkwetat ħafna bid-dgħufijiet fil-proċeduri ta’ programmazzjoni żvelati mill-awditjar; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, billi tirrazzjonalizza l-proċeduri, issaħħaħ ir-rabtiet bejn id-dokumenti ta’ programmazzjoni strateġiċi (pjanijiet ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, Dokumenti ta’ Strateġija għall-Pajjiż u Programmi Indikattivi Nazzjonali) u trendi ż- żmien tad-dokumenti aktar koerenti, bl-għan primarju li toffri lill-pajjiżi ġirien il-prospettiva ta’ relazzjoni dejjem eqreb mal-Unjoni Ewropea;

15.

Iqis bħala inaċċettabbli l-mod li bih il-Kummissjoni tirrikorri għall-appoġġ għall-baġit fl-ambitu tal-ENPI, billi tikkunsidrah bħala l-modalità ta’ għajnuna preferuta għat-tliet pajjiżi, fin-nuqqas ta’ valutazzjoni dettaljata rigward l-effikaċja tal-istrumenti għad-dispożizzjoni; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-appoġġ settorjali għall-baġit spiss huwa marbut ma’ viżibilità skarsa u ma’ motivazzjoni okkażjonali min-naħa tal-gvernijiet u jesprimi tħassib kbir rigward il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-idoneità ta’ qasam għall-użu tal-appoġġ settorjali għall-baġit saret fattur importanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għajnuna fil-programmi ta’ azzjoni annwali għall-2007; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tagħżel b’mod aktar selettiv l-appoġġ settorjali għall-baġit billi tqis l-għażliet disponibbli kollha fl-ENPI u tiżviluppa użu aktar ibbilanċjat tal-istrumenti differenti; jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-aċċess tal-NGOs u tas-settur privat tal-pajjiżi benefiċjarji għall-assistenza pprovduta;

16.

Jinsab imħasseb bis-sejbiet tal-awditjar li l-programmazzjoni u t-tfassil tal-assistenza ma kinux iggwidati biżżejjed minn djalogu strutturat mal-pajjiżi benefiċjarji, billi d-djalogu tmexxa prinċipalment mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni u l-iskambju dirett ta’ opinjonijiet ġie limitat għal ftit ġranet ta’ missjonijiet fil-post u mingħajr ma jintwera biċ-ċar fir-rapporti dak li ġie diskuss; huwa tal-fehma li l-offerta ta’ appoġġ baġitarju settorjali lil pajjiż produttur u esportatur taż-żejt, biex jagħmel użu ikbar ta’ sorsi enerġetiċi rinnovabbli, ċertament ma setgħetx kienet motivazzjoni b’saħħitha għall-gvern; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-provvedimenti meħtieġa biex issaħħaħ dan id-djalogu;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jikkunsidraw ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex jipprevedu biżżejjed persunal, anki fil-post, fosthom esperti fil-qasam ta’ appoġġ għall-baġit, u biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-qafas ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta’ miżuri komplementari għall-istrument tal-Ġemellaġġ;

18.

Jilqa’ l-programm pilota implimentat mill-Kummissjoni, li jimplika monitoraġġ immirat lejn ir-riżultati u li huwa espressament imfassal għall-operazzjonijiet tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika Settorjali u jistenna rapport ta’ evalwazzjoni tal-valur miżjud rikonoxxut fit-tliet pajjiżi;

Parti III   Ir-Rapport Speċjali Nru 14/2010 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-ġestjoni tal-Kummissjoni tas-sistema tal-kontrolli veterinarji għal importazzjonijiet tal-laħam wara r-riformi fil-leġiżlazzjoni tal-iġjene tal-2004”

19.

Jilqa’ r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, ir-risposta tal-Kummissjoni u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-effettività u l-konsistenza tal-kontrolli sanitarji u fitosanitarji fuq l-importazzjonijiet ta’ ikel, għalf, annimali u pjanti (COM(2010) 785);

20.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għall-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetenzi tagħha ta’ superviżjoni u koordinament;

21.

Jappella, b’mod partikolari, għal titjib fl-oqsma li ġejjin, bħala kontribuzzjoni biex tiżdied is-sikurezza fl-ikel fl-importazzjonjiet tal-laħam u b’hekk titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-importazzjonijiet tal-ikel mhux sikuri, mingħajr ma jiġu traskurati r-rakkomandazzjonijiet mhux espliċitament imsemmija fl-ittri (a) sa (e):

(a)

fir-rigward tal-ewwel rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tistinka biex twitti t-trattamenti differenti tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi, kif ukoll tieħu azzjoni kontra l-iżvantaġġi kompetittivi diskriminatorji li jirriżultaw;

(b)

fir-rigward tat-tielet rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tagħti istruzzjonijiet lill-Istati Membri sabiex jużaw b’aktar effikaċja s-sistemi informattivi eżistenti u jintegrawhom aktar flimkien, sabiex jiġi garantit koordinament aħjar bejn il-postijiet tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera (PIF) u l-awtoritajiet doganali;

(c)

fir-rigward tar-raba’ rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba toffri assistenza lill-Istati Membri bl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ monitoraġġ u kontroll; huwa tal-fehma li, huwa u jżomm f’kunsiderazzjoni dovuta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandu jkun stabbilit sett bażiku ta’ tipi ta’ analiżijiet li jkopru l-iskoperta ta’ kategoriji komuni ta’ residwi ormonali (fosthom l-anaboliċi), il-kontaminanti ambjentali (dijossini u metalli tqal) eċċ. u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun obbligatorja; iqis li, bħala l-ewwel pass, jista’ jingħata bidu għal sensibilizzazzjoni permezz tal-programm “għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” (BTSF) bil-għan li jiġu sensibilizzati f’dan is-sens l-awtoritajiet ta’ kompetenza tal-Istati Membri; iqis li l-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet għandu jkun objettiv ieħor;

(d)

fir-rigward tas-seba’ rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tippreżenta proposta lill-Parlament u lill-Kunsill li tippermetti li jittieħdu azzjonijiet legali kontra l-Istati Membri li jiksru b’mod regolari u għal perjodu twil ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 (7), u b’hekk jikkompromettu s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej;

(e)

fir-rigward tat-tmien rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni hija mitluba tarmonizza l-implimentazzjoni tal-kontrolli msaħħa u tidentifika formulazzjoni preċiża u ċara tar-regoli li jirregolaw il-kontrolli msaħħa fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera; il-Kummissjoni hija wkoll mitluba tqis il-possibilità li tippreskrivi lill-Istati Membri ċertu numru ta’ testijiet ta’ laboratorju fl-ambitu tal-kontrolli tal-merkanzija fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera;

22.

Josserva li l-produtturi Ewropej ta’ laħam u ikel iridu jirrispettaw standards produttivi u kwalitattivi rigorużi; huwa mħasseb ħafna bil-fatt li dawn l-istandards produttivi ma japplikawx għall-produtturi tal-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-Unjoni, kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Awdituri; jitlob lill-Kummissjoni tittratta din il-kwistjoni u tressaq immedjatament proposti lill-Parlament u lill-Kunsill dwar modi xierqa biex jittaffew l-impatti negattivi li jirriżultaw fuq il-kompetittività tal-produtturi Ewropej tal-laħam u tal-ikel;

Parti IV   Ir-Rapport Speċjali Nru 1/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Id-devoluzzjoni tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna esterna mill-kwartieri ġenerali tagħha rriżultat fi twassil tal-għajnuna mtejjeb?”

23.

Jilqa’ r-rapport komprensiv ħafna u analitiku mħejji mill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll iż-żmien eċċellenti li fih saret il-valutazzjoni tar-riżultati tad-devoluzzjoni;

24.

Jappoġġa s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li d-devoluzzjoni wasslet b’mod ċar għal żieda fil-ħeffa li biha jinkisbu riżultati, titjib fil-kwalità u ġestjoni finanzjarja mtejba tal-għajnuna;

25.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tintegra l-kriterji u ssaħħaħ il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proġetti ffinanzjati biex iżżid il-kwalità tal-għajnuna u tkompli tnaqqas in-numru tal-proġetti li ma jiksbux riżultati tajbin; jenfasizza li l-impatt tal-infiq fuq għajnuna huwa ta’ importanza fundamentali għall-Parlament;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-promozzjoni tal-konsultazzjonijiet lokali, fejn ikun possibbli, meta tiddeċiedi dwar proġetti ta’ għajnuna u meta tissorvelja l-progress tagħhom;

27.

Jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tegħleb id-dgħufijiet tas-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll, notevolment fil-livell tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni;

28.

Jesprimi tħassib dwar il-problemi persistenti bil-persunal involut fil-politiki tal-għajnuna; iqis li r-rata għolja ta’ tibdil tal-persunal fid-DĠ għall-Iżvilupp u Kooperazzjoni – EuropeAid kif ukoll għadd mhux biżżejjed ta’ persunal bi kwalifiki xierqa fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jiġi ttrattat mingħajr dewmien; huwa tal-fehma li, meta meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tikkoopera mas-SEAE bil-għan li tiżgura, fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, kapaċità adegwata ta’ riżorsi umani għall-ġestjoni tal-għajnuna; jistenna mill-Kummissjoni rapport dettaljat sa tmiem l-2012, li fih jiġu ppjanati u introdotti miżuri biex jegħlbu dawn in-nuqqasijiet

29.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tirrikjedi li d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jwettqu sistematikament żjarat ta’ sorveljanza teknika u finanzjarja fejn isiru l-proġetti u tikkonċentra s-sistema ta’ rappurtar intern iktar fuq ir-riżultati miksuba mill-interventi ta’ għajnuna;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni attiva tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, tanalizza u tidentifika possibilitajiet ta’ inċentivazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna fil-pajjiżi sħab bl-involviment tal-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll tal-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali Ewropej li jiffinanzjaw l-iżvilupp;

Parti V   Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi”

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta bla aktar dewmien ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport Speċjali Nru 1/2005, billi sal-lum żewġ rakkomandazzjonijiet biss mill-erbatax aċċettati mill-Kummissjoni ġew implimentati bis-sħiħ; jistenna li jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tat-tnax-il rakkomandazzjoni pendenti;

32.

Jilqa’ l-fatt li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jirrikorri aktar għas-setgħat investigattivi tiegħu, pereżempju billi jwettaq kontrolli fil-post u intervisti jew billi jikkonċentra fuq il-każijiet l-aktar gravi u kumplessi; japprezza l-użu aħjar tas-sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-OLAF u l-introduzzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-ħin, jiddispjaċih, iżda, tal-fatt li t-tul ta’ żmien medju tal-każijiet jibqa’ ‘l fuq minn sentejn u li fl-2009 l-attività investigattiva rrappreżentat biss 37 % ta’ ħin l-OLAF kollu kemm hu;

33.

Jistieden lill-OLAF itejjeb il-ġestjoni tal-ħin b’tali mod li jiggarantixxi allokazzjoni aħjar tal-kompiti, bil-għan li jitnaqqas iż-żmien iddedikat għall-kompiti tat-tip mhux investigattiv; huwa interessat jara r-riżultati reali tal-attivitajiet mhux investigattivi mwettqa, li jikkorrispondu għal 63 % tal-ħin totali;

34.

Josserva li, skont il-Figura 2 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 2/2011, l-aspett marbut ma’ “objettivi ċari u ppjanar” jirriżulta dak l-aktar dgħajjef matul investigazzjoni; jirrakkomanda għall-ġejjieni li jiġu stabbiliti b’mod xieraq objettivi ċari għal kull investigazzjoni billi jitqies il-fatt li l-bażi ta’ kull investigazzjoni u l-ippjanar tar-riżorsi huma objettivi ċari;

35.

Jirrimarka li, skont ir-Rapport Speċjali Nru 2/2011, “għad ma hemmx kontroll indipendenti dwar il-legalità ta’ atti investigattivi li għadhom għaddejjin u lanqas ma hemm kodiċi li jiggarantixxi li l-atti investigattivi jsegwu kors li huwa prevedibbli” minkejja l-avviżi ripetuti tal-OLAF fl-imgħoddi; jinnota barra minn hekk li minkejja r-rieda espliċita, espressa mill-Kummissjoni fil-proposta emendata għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (COM(2011) 135), li tintroduċi proċedura ta’ reviżjoni, din mhijiex soluzzjoni li tista’ tkun ekwiparata ma’ kontroll indipendenti tal-legalità tal-investigazzjoni individwali, u tirriżulta saħansitra aktar dgħajfa f’dan ir-rigward mill-proposta inizjali; ifakkar li din hija talba fundamentali anki fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iqis, għaldaqstant, li huwa indispensabbli li jiġi garantit tali mekkaniżmu ta’ kontroll, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni u tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, iżda wkoll għall-ħarsien tad-drittijiet tal-investigaturi tal-OLAF mill-azzjonijiet ġudizzjarji inizjati minn dawk il-persuni jew minn dawk l-operaturi ekonomiċi; jenfasizza l-bżonn ta’ mandat ċar għall-OLAF, anki fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni;

36.

Jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-bżonn ta’ dokument komprensiv uniku li jirrifletti b’mod ċar il-prestazzjoni tal-OLAF f’diversi setturi, u jippermetti li jitkejjel il-progress sena wara sena; jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn ir-rapporti mfassla għal użu pubbliku u dawk imfassla għal użu intern; huwa tal-fehma li rapport dettaljat għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huwa ta’ importanza enormi, għaliex dan ikun jippermetti tqabbil affidabbli tal-prestazzjoni tal-OLAF f’termini ta’ żmien u bejn diversi setturi;

37.

Jiddispjaċih mill-fatt li mhux dejjem hu possibbli li jiġu evalwati r-riżultati tal-attivitajiet tal-OLAF, peress li l-informazzjoni hija ppreżentata f’dokumenti differenti abbozzati għal skopijiet diversi u indirizzati lil destinatarji differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema għat-tixrid ta’ informazzjoni li hija unifikata, ċara u komparabbli u li tippermetti evalwazzjoni sħiħa u oġġettiva tal-attivitajiet tal-OLAF;

38.

Jenfasizza li mill-2004 ż-żmien iddedikat lill-valutazzjoni tal-informazzjoni rċevuta rdoppja, minn 3,5 xhur għal 7,1; huwa tal-fehma li l-fażi tal-valutazzjoni inizjali għandha tkun limitata biex turi jew tirrifjuta l-veridiċità tal-allegazzjonijiet li jinsabu fl-informazzjoni inizjali; huwa tal-fehma li t-twettiq ta’ attivitajiet investigattivi matul il-fażi ta’ valutazzjoni inizjali, li bħala konsegwenza mhux biss jikkawża inċertezza ġuridika, iżda jgħawweġ l-istatistika dwar l-aspetti differenti tal-investigazzjonijiet, għandu jiġi evitat; jissuġġerixxi li jingħata bidu għal investigazzjoni bl-użu tal-possibilitajiet investigattivi disponibbli jekk l-informazzjoni, miġbura matul il-valutazzjoni inizjali u bl-istrumenti ġuridiċi għad-dispożizzjoni fil-fażi msemmija, ma tippermettix lill-OLAF jiddeċiedi jekk jiftaħx każ jew le;

39.

Jaqbel mal-Qorti li perjodi iqsar ta’ investigazzjonijiet u li rapporti finali ta’ kwalità aħjar jistgħu jikkontribwixxu għal sistema ta’ sanzjoni aktar effettiva li tippermetti li jkun hemm proċeduri ta’ rkupru, proċeduri dixxiplinari jew kriminali;

40.

Jiddispjaċih mill-fatt li, minkejja l-ftehim ta’ kooperazzjoni ffirmat fl-2008 bejn l-OLAF u Eurojust, li skontu l-OLAF huwa obbligat jinnotifika lill-Eurojust dwar kull każ ta’ frodi ssuspettat fost l-operaturi ekonomiċi f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-OLAF bagħat lill-Eurojust tali notifika f’ħames każijiet biss fl-2008 u f’każ wieħed biss fl-2009, numri li juru li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet mhijiex qed taħdem, u jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha sabiex tiġi intensifikata l-attività f’dan il-qasam;

41.

Iħeġġeġ lill-OLAF isaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fuq bażi ġuridika soda; jappoġġa f’dan ir-rigward l-idea ta’ konsolidament ulterjuri tad-diversi bażijiet ġuridiċi attwali bl-iskop li tissaħħaħ il-kooperazzjoni; jaqbel mal-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri biex jiġu konklużi ftehimiet mas-servizzi investigattivi nazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika sabiex jiġu ċċarati r-regoli dettaljati dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni;

Parti VI   Ir-Rapport Speċjali Nru 3/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti”

42.

Jilqa’ pożittivament ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preżentati mill-Qorti;

43.

Japprezza l-fatt li l-ħidma man-Nazzjonijiet Uniti (NU) tippermetti lill-Kummissjoni tasal f’reġjuni tad-dinja fejn inkella ma tkunx tista’ tasal waħedha; huwa konxju mir-riskju inerenti għoli involut mat-twassil tal-għajnuna f’reġjuni milquta mill-kunflitti; huwa, madankollu, imħasseb dwar id-dgħufijiet identifikati fir-rigward tal-effiċjenza tal-proġetti u d-dewmien fit-tlestija tagħhom; jilqa’ favorevolment id-deċiżjonijiet reċenti tal-Bordijiet Eżekuttivi ta’ Unicef, UNDP, UNOPS u UNFPA li jiddivulgaw lill-Kummissjoni r-rapporti ta’ awditjar intern;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi t-trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-fondi tal-Unjoni li ntefqu min-NU fl-ambitu tal-proċedura tal-baġit annwali, tippjana aħjar in-nefqa man-NU u taċċelera l-proċeduri interni tagħha biex tilħaq riżultati aktar malajr;

45.

Huwa tal-fehma li l-monitoraġġ korrett jiddependi inevitabbilment minn rappurtar adegwat; huwa serjament imħasseb bil-fatt li r-rappurtar għadu inadegwat minkejja l-bosta appelli biex titjieb is-sitwazzjoni min-naħa tal-Parlament f’riżoluzzjonijiet tal-kwittanza suċċessivi u l-bosta impenji meħuda mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tan-NU biex jimplimentaw malajr il-miżuri meħtieġa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, sa mhux aktar tard mit-tmiem ta’ Marzu 2012, pjan ta’ azzjoni bi stadji kuntrattwali ċari, maħsuba speċifikament bil-għan li jtejbu drastikament is-sistema ta’ rappurtar għall-proġetti u l-programmi kollha ffinanzjati permezz tal-modalità tal-ġestjoni konġunta u ddelegati lill-aġenziji tan-NU;

46.

Jistieden, fl-ambitu ta’ proġetti ffinanzjati b’donaturi oħrajn permezz tal-Fond Fiduċjarju minn bosta donaturi, lill-Kummissjoni tkun taf il-perċentwal eżatt tal-proġett li jiġi ffinanzjat; huwa tal-opinjoni li sabiex ikun hemm mekkaniżmi ta’ kontroll aħjar, il-flus għandhom ikunu ġestiti f’kont separat; jemmen li jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett mhumiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni trid ikollha l-possibilità li tirrifjuta l-proġett u dan japplika bl-istess mod f’każ li r-rappreżentanti tal-Unjoni ma jkunux involuti biżżejjed fil-perjodu ta’ ppjanar tal-programm;

47.

Jikkondividi l-istess fehma bħall-Qorti tal-Awdituri li l-kontrolli tal-Kummissjoni dwar il-legalità u r-regolarità għandhom jiġu kkomplementati minn kontrolli adegwati dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-proġetti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiddefinixxi, flimkien mas-SEAE, objettivi ċari li jistgħu jitkejlu u tistabbilixxi miżuri ta’ kontroll adegwati; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli min-naħa tas-sieħba li jimplimentaw; ifakkar li l-Parlament talab dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni mis-sieħba li jimplimentaw u jinsisti fuq din it-talba; jitlob lill-Kummissjoni tifformalizza dawn id-dikjarazzjonijiet u tqegħedhom għad-dispożizzjoni tal-Parlament matul il-proċedura ta’ kwittanza; jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni biex jitwettqu kontrolli ex ante tal-pagamenti u tal-ftehimiet kuntrattwali sabiex tiġi aċċertata l-eliġibilità tal-ispejjeż proposti u dawk pretiżi; jinsisti li d-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu ddokumentati fil-fajl; jenfasizza l-opinjoni tal-IAS li l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali u spejjeż indiretti oħra pretiżi min-NU u mħallsa mill-Unjoni għandhom jiġu ddokumentati u ġġustifikati sew;

48.

Jappoġġa l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li għandhom jiġu valutati skadenzi realistiċi għall-proġetti abbażi ta’ ċerti ċirkostanzi bil-għan li tiġi evitata splużjoni taż-żmien u tal-ispejjeż, kif previst fil-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv bejn il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (FAFA); ifakkar lill-Kummissjoni fir-responsabilità finali tagħha fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-baġit; jitlob lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar l-użu tal-linji gwida riveduti Unjoni-NU dwar ir-rappurtar;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu ta’ tqabbil tal-ispejjeż biex jiġu identifikati u evitati fatturi eċċessivi u jiġu rifjutati spejjeż indiretti addizzjonali li jirriżultaw minn subappaltar, li l-Qorti tal-Awdituri identifikat f’żewġ każijiet; jitlob lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet konġunti flimkien man-NU f’każ li jkun hemm dubji dwar il-kredibilità tal-proġetti;

50.

Jiddispjaċih għall-fatt li huma biss ftit dawk il-proġetti eżaminati li jikkonċernaw il-Fondi Fiduċjarji minn bosta donaturi; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippubblika rapport speċjali li jikkonċentra biss fuq il-ġestjoni ta’ Fondi Fiduċjarji minn bosta donaturi;

51.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tinforma lill-Parlament f’każ ta’ diffikultajiet kontinwi biex jinkiseb aċċess sħiħ għad-dokumenti ta’ ħidma tal-awdituri tan-NU abbażi tal-ftehim FAFA; ifakkar li l-Parlament talab il-konċessjoni ta’ tali aċċess; jitlob lill-Kummissjoni, f’każ li s-servizzi tagħha jibqgħu ma jkollhomx biżżejjed aċċess għal dawn id-dokumenti, tirtira l-pagamenti futuri fir-rigward tal-fajls korrispondenti, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Finanzjarju li jintużaw f’każ ta’ nuqqas ta’ ġustifikazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni, fl-ambitu tal-eżerċizzju ta’ kwittanza li jmiss, tirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, abbażi tal-iżvolġiment tas-sitwazzjoni, kemm dwar l-aċċess għar-rapport tal-awditjar kif ukoll dwar il-kwalità tar-rappurtar; jitlob lill-Kummissjoni tastjeni milli tiddelega proġetti u programmi ġodda lill-aġenziji tan-NU f’każ li dawn il-miżuri ma jiġux implimentati;

Parti VII   Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-verifika tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs”

52.

Jilqa’ pożittivament ir-Rapport Speċjali bħala l-ewwel analiżi ta’ strument finanzjarju min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri; josserva li l-faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (faċilità SMEG) hija kkunsidrata l-aktar programm ta’ suċċess mill-programmi kollha tal-UE bi strumenti finanzjarji; jistenna d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk kienx hemm modifika tal-effett multiplikatur 1:10 tal-istrument finanzjarju stabbilit fl-2009, kif ukoll tar-rata ta’ telf ta’ madwar 0,045 % osservat mill-Qorti fi tmiem l-2009;

53.

Jagħraf l-utilità tal-faċilità SMEG, minkejja l-kritika ġustifikata tal-Qorti tal-Awdituri dwar in-nuqqas ta’ prova ta’ valur miżjud tal-Unjoni u s-sinifikat purament lokali tal-appoġġ lill-impriżi tal-artiġjanat u l-ħwienet bl-imnut; jissuġġerixxi li, minħabba l-importanza tal-SMEs għall-istruttura ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni kollha, jiġu ppreżentati t-13-il pajjiż koperti mill-programm u r-riżultati tagħhom jiġu analizzati, b’tali mod li minnhom jistgħu jinsiltu konklużjonijiet għal orjentament aktar preċiż tal-faċilità SMEG;

54.

Jistenna li l-Kummissjoni tiddiskuti u ssolvi b’mod kredibbli l-kwistjoni tal-valur miżjud tal-Unjoni u t-telf nett, billi l-intervent Ewropew ma jistax ikun limitat li jkollu, bħala objettiv, il-ħolqien ta’ strutturi għall-intervent nazzjonali jew is-sostituzzjoni tiegħu; jikkunsidra bħala serji l-kritika fundamentali tal-Qorti tal-Awdituri lill-faċilità SMEG u t-tħassib tal-Qorti li skont din tali sistema ta’ inċentivazzjoni għandha bażi wiesgħa wisq, u ma tiffinanzjax biss lill-SMEs b’aċċess limitat għall-kapital estern;

55.

Jikkunsidra neċessarju dibattitu miftuħ dwar kif il-faċilità SMEG hija ffinanzjata; jiġbed l-attenzjoni fuq it-tnaqqis fil-linja tal-baġit ta’ EUR 57 300 000 fl-2010 mill-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); jitlob kjarifika dwar l-għadd ta’ persunal tal-Kummissjoni u tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) involuti fil-ġestjoni tal-faċilità SMEG u l-ammont tal-ispejjeż amministrattivi; jitlob informazzjoni dwar il-kwanità ta’ applikazzjonijiet fil-fatt miċħuda kuljum;

56.

Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri dwar sistema ta’ ħlas imtejba u orjentata lejn ir-riżultati għas-servizzi finanzjarji pprovduti mill-FEI; jinnota li l-Kummissjoni naqset milli tagħti tagħrif dwar dan u jistenna li dan il-punt jiġi spjegat fid-dettall;

57.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri skont liema:

il-programmi ta’ sostenn għall-SMEs fil-ġejjieni għandhom ikunu bbażati fuq loġika ta’ intervent espliċita,

għandhom jitjiebu l-indikaturi tal-prestazzjoni biex jippermettu lill-Kummissjoni tissorvelja aħjar l-ilħuq tal-objettivi tal-istrument,

għandhom jiġu definiti għanijiet aktar speċifiċi li jirriflettu aħjar l-objettivi tal-istrument finanzjarju, b’aġġornament tal-monitoraġġ biex jitkejjel il-progress f’termini ta’ ilħuq ta’ dawn l-għanijiet u b’miżuri xierqa biex jiġi minimizzat it-telf nett,

jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u jistieden lill-Kummisssjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-passi li biħsiebha tieħu u/jew li diġà ħadet;

58.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li:

għal kull faċilità sussegwenti, il-bażi ġuridika u l-ftehim ta’ ġestjoni jiġu finalizzati ħafna qabel il-bidu effettiv tal-perjodu ta’ programmazzjoni,

għal kull programm suċċessur, titwaqqaf sistema ta’ punteġġi għall-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ intermedjarji potenzjali, u jiġu definiti rekwiżiti minimi għall-għażla tagħhom,

Josserva l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li teżamina ulterjorment dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha u tesponi kwalunkwe azzjoni prevista biex tittratta dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

Parti VIII   Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Skema ta’ Pagament Uniku (l-SPS): kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati biex titjieb il-ġestjoni finanzjarja soda tagħha”

59.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u jaqra b’interess kbir il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jifraħ lill-Qorti tal-Awdituri talli ppreżentat rapport f’waqtu dwar suġġett rilevanti;

60.

Huwa tal-fehma li l-SPS mhix qed tikkontribwixxi b’mod suffiċjenti lejn l-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif stabbiliti fit-Trattati; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-bidliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni sabiex l-SPS tagħti kontribut tassew ottimali għall-għanijiet tal-PAK; huwa tal-fehma li l-SPS għandha tittejjeb sabiex l-għajnuna tkun immirata aħjar biex tilħaq lil bdiewa veri; iħeġġeġ lill-Kunsill jappoġġa lill-Parlament u lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħhom li jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-akbar skema unika ta’ appoġġ Ewropea u b’hekk jgħin biex ikunu indirizzati aħjar il-flus tal-kontribwenti tal-Unjoni;

61.

Huwa tal-fehma li hawn grad għoli wisq ta’ flessibilità (pereżempju r-regoli dwar il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin, KAAT) u wisq lok għall-interpretazzjoni fir-regoli bażiċi tal-SPS; jistieden lill-Kummissjoni tiggwida b’mod aktar preċiż l-implimentazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, sabiex ikun evitat abbuż min-naħa tal-Istati Membri ta’ dawn ir-regoli; jemmen, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni għandha tingħata setgħat iddelegati adegwati biex timla l-lakuni u tirrimedja n-nuqqasijiet kemm jista’ jkun malajr;

62.

Huwa tal-fehma li l-mudell storiku serva l-iskop tiegħu u, għaldaqstant, għandu jiġi abbandunat mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; jappoġġa s-sitt rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li skontha l-għajnuna tal-SPS għandha tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet attwali tal-biedja fir-reġjuni differenti tal-Unjoni; jemmen, barra minn hekk, li l-20 mudell attwali għandhom jitnaqqsu preferibbilment għal mudell uniku tal-Unjoni applikabbli fl-Istati Membri kollha;

63.

Ifakkar li d-dħul ta’ bdiewa ġodda fis-settur agrikolu huwa ta’ importanza kbira għall-innovazzjoni tas-settur; huwa għalhekk imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet li xi Stati Membri li japplikaw l-SPS (5 minn 17) ma jagħmlux użu minn għażliet possibbli mir-riżerva nazzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess għan-negozju ta’ bdiewa ġodda bil-għan li tingħata spinta għall-bidla ġenerazzjonali fiż-żoni rurali;

64.

Huwa tal-fehma li l-SPS attwali taħdem b’tali mod li ma tistimolax innovazzjoni suffiċjenti fis-settur agrikolu, u barra minn hekk iżżomm lura nies ġodda milli jidħlu fis-settur;

65.

Jinsab imħasseb b’mod partikolari peress li m’hemmx rabta diretta bejn l-għajnuna tal-SPS u l-ispejjeż imġarrba mill-bdiewa biex jikkonformaw ma’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin; jemmen li dan jirriżulta fi żbilanċ bejn il-volum tal-għajnuna u ambjent aħjar, il-benessri tal-annimali u s-sigurtà fl-ikel; madanakollu, jirrikonoxxi, li l-prinċipju ta’ separazzjoni jirrestrinġi l-istabbiliment ta’ tali konnessjoni;

66.

Iqis li l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għall-PAK wara l-2013, għandha tiżgura li t-tqassim tal-għajnuna fost il-bdiewa jkun aktar ibbilanċjat;

Parti IX   Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Kienu effettivi l-proġetti ta’ turiżmu kofinanzjati mill-FEŻR?”

67.

Jilqa’ s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari l-fatt li l-proġetti kollha kellhom riżultati pożittivi f’forma jew f’oħra u li l-maġġoranza kellhom suċċess taħt diversi intestaturi; jinnota wkoll li nstab li l-proġetti kienu ta’ benefiċċju għall-ekonomija lokali u/jew għenu biex jippreservaw elementi tal-wirt kulturali, storiku, artistiku jew ambjentali ta’ reġjun;

68.

Japprova l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-ħolqien jew iż-żamma tal-impjiegi huma fatturi ewlenin fil-mixja lejn żvilupp sostenibbli bilanċjat tal-ekonomija u tal-impjiegi;

69.

Jinnota bi tħassib li ġew stabbiliti għanijiet għal 58 % biss tal-proġetti fil-kampjun, filwaqt li t-42 % l-oħra tal-proġetti ma kellhomx objettivi f’termini ta’ prestazzjoni, u li ma sar ebda monitoraġġ tar-riżultati għall-biċċa l-kbira tal-proġetti fil-kampjun;

70.

Jiddispjaċih mill-fatt li kien diffiċli li tkun valutata l-prestazzjoni reali tal-proġetti jew kemm kellhom valur miżjud Ewropew minħabba li l-għanijiet tal-proġetti ma ġewx stabbiliti b’mod sistematiku, ma ġewx iddefiniti l-objettivi u l-indikaturi u ma sarx monitoraġġ sussegwenti u lanqas evalwazzjoni tar-riżultati;

71.

Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri lill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni bl-għan li jiġi żgurat li jiġu stabbiliti objettivi, għanijiet u indikaturi adegwati (pereżempju, in-numru ta’ impjiegi maħluqa, il-kapaċità tat-turiżmu addizzjonali maħluqa u ż-żieda fl-attività turistika) fl-istadji tal-applikazzjoni għal għotja u d-deċiżjonijiet dwarha sabiex ikunu jistgħu jintgħażlu l-proġetti li x’aktarx ikunu l-aktar effiċjenti, u biex tiġi żgurata l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu din il-prattika;

72.

Japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tistieden lill-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni tal-għajnuna fis-settur tat-turiżmu, tqis kemm din tikkostitwixxi mezz kosteffikaċi biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, u tqis jekk tali appoġġ jistax jiġi indirizzat aħjar;

73.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċess ta’ sussidji mill-FEŻR biex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv imġarrab mill-promoturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress f’dan il-qasam;

Parti X   Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2011 bit-titolu “L-appoġġ agroambjentali huwa mfassal u ġestit tajjeb?”

74.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri agroambjentali bħala element ewlieni tal-politiki tal-Unjoni li għandhom l-għan li jtaffu l-effetti negattivi tal-agrikoltura fuq l-ambjent; jirrikonoxxi li l-pagamenti agroambjentali jikkostitwixxu mod kif “jinkoraġġixxu lill-bdiewa u amministraturi oħra tal-art biex iservu s-soċjetà fl-intier tagħha billi jintroduċu jew ikomplu japplikaw metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent, il-pajsaġġ u l-karatteristiċi tiegħu, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija u d-diversità ġenetika” (8);

75.

Jenfasizza, fl-istess waqt li n-nefqa pubblika għandha ssir b’tali mod li jiżgura l-massimu tal-kosteffikaċja u riżultati tanġibbli; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-impenji tal-Unjoni jitwettqu bl-aktar mod effikaċi (tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sal-2020, l-istrateġija UE 2020 dwar il-bijodiversità, eċċ.);

76.

Huwa mħasseb dwar is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-politika agroambjentali mhijiex imfassla u monitorata sabiex tagħti benefiċċji ambjentali tanġibbli, inkwantu l-objettivi tal-pagamenti agroambjentali mhumiex speċifiċi biżżejjed biex ikun valutat jekk intlaħqux, il-pressjonijiet ambjentali ċċitati ma jipprovdux ġustifikazzjoni ċara tal-pagamenti agroambjentali, u s-suċċessi tal-politika agroambjentali ma jistgħux jiġu monitorjati faċilment; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ żvilupp rurali b’objettivi ċari u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta dawk il-programmi b’mod aktar rigoruż qabel tapprovahom; jenfasizza l-importanza ta’ netwerk tal-Unjoni ta’ evalwazzjoni tal-iżvilupp rurali li jkun ġestit tajjeb;

77.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-bdiewa ġeneralment jingħataw appoġġ tajjeb permezz ta’ gwida xierqa; jinnota, madankollu, il-ħtieġa ta’ titjib fit-tixrid tal-aħjar prattiki u ta’ rispons dwar ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw aħjar l-istrutturi eżistenti għal dan l-iskop, bħan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

78.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-bdiewa huma ġeneralment appoġġati tajjeb permezz ta’ gwida xierqa u jinnota l-ħafna każijiet tal-aħjar prattiki identifikati mill-Qorti tal-Awdituri; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri ma jivvalutawx il-livell minimu ta’ parteċipazzjoni meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sottomiżuri jipprovdu l-effetti ambjentali mistennija u jekk l-ammonti ta’ għajnuna humiex adegwati sabiex jintlaħaq dan il-livell minimu; huwa tal-opinjoni li l-approċċ Leader lejn l-iżvilupp rurali jista’ jintuża wkoll biex jiġi implimentat approċċ kollettiv;

79.

Huwa mħasseb dwar id-dgħufijiet fir-rigward tal-istabbiliment ta’ ammonti ta’ għajnuna li sabet il-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, qabel ma tapprova l-programmi, li l-elementi kollha identifikati mill-Qorti tal-Awdituri bħala neċessarji biex jiġu stabbiliti b’mod xieraq l-ammonti ta’ għajnuna, jiġu kkunsidrati kif xieraq;

80.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tan-nefqa saret fuq sottomiżuri “orizzontali” li kienu implimentati fuq iż-żona kollha tal-programm mingħajr ma dan kien dejjem iġġustifikat fil-programmi ta’ żvilupp rurali; iqis li huwa inaċċettabli li l-Istati Membri jagħmlu biss użu limitat ta’ proċeduri ta’ objettivi u ta’ għażla; iqis li n-nuqqas ta’ mira għandu f’kull każ ikun iġġustifikat fil-programmi;

81.

Huwa mħasseb sew li l-ġestjoni tal-politika agroambjentali ma tqisx biżżejjed il-ħtiġijiet ambjentali speċifiċi, u b’hekk ma tagħtix l-aħjar valur għall-flus; iqis li huwa inaċċettabli li, skont is-sejbiet tal-Qorti tal-Awditori, f’39 % tal-kuntratti awditjati, ma kien hemm l-ebda pressjonijiet ambjentali speċifiċi fiż-żona fejn kien ġie implimentat il-kuntratt, jew l-Istati Membri ma setgħux jidentifikaw problemi ta’ dan it-tip; jistieden lill-Istati Membri biex jikkonċentraw fuq approċċ kollettiv fejn dan jiżgura l-effett ambjentali mixtieq;

82.

Fil-kuntest tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, jenfasizza li biex il-pagamenti agroambjentali jiksbu l-effetti mixtieqa f’termini ta’ bijodiversità, preservazzjoni u żvilupp ta’ sistemi tal-biedja u tal-forestrija b’valur naturali għoli u pajsaġġi agrikoli tradizzjonali, l-ilma u t-tibdil fil-klima, hemm bżonn li l-iskemi agroambjentali jkollhom prijoritajiet aktar speċifiċi fil-mira tagħhom;

83.

Jilqa’ l-approċċ li ntgħażel fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (COM(2011) 627/2), li se jqiegħed iktar enfasi fuq il-monitoraġġ kontinwu u indikaturi tal-prestazzjoni għal programmi tal-Iżvilupp Rurali;

Parti XI   Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2011 bit-titolu “Irkupri ta’ pagamenti mhux dovuti taħt il-Politika Agrikola Komuni”

84.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali tal-Qorti u jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti; jenfasizza l-kritika li ilha titressaq mill-Parlament li s-sistema ta’ rkupru qiegħda taħdem parzjalment biss; jenfasizza li ċ-ċifri “li tjiebu” tal-Kummissjoni rigward l-irkupru madankollu għadhom ifissru li l-benefiċjarji jżommu b’mod illegali 60 % tal-pagamenti li ma kellhomx jitħallsu; jinnota li fuq il-bażi taċ-ċifri ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri, dak il-perċentwal jitla’ anke sa 90 %;

85.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha:

titlob lill-Istati Membri jirrapportaw irregolaritajiet u rkupri oħra meta tkun tfasslet in-notifika ta’ rkupru,

tintroduċi limitu ta’ żmien uniformi bejn l-iskoperta ta’ irregolarità potenzjali u n-notifika tal-ordni ta’ rkupru lid-debitur, u b’hekk jittejbu l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni f’waqtha lill-OLAF,

toħroġ regoli ċari u mhux ambigwi relatati mal-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar ta’ imgħax fuq dejn pendenti,

tiċċara ċ-ċirkostanzi li fihom djun jistgħu jiġu ddikjarati bħala irrekuperabbli, partikolarment b’rabta ma’ każijiet ta’ falliment, u

tagħmel stima preċiża tal-flus li ma kellhomx jitħallsu lill-benefiċjarji finali kull sena, sabiex ikun stabbilit l-ammont ta’ flus li kelli jkun irkuprat mingħand il-benefiċjarju finali, u tattribwixxi d-danni rkuprati b’mod preċiż skont is-sena wkoll li fiha kien hemm it-telf;

86.

Jinnota li s-sistema tal-irkupru, globalment, tkopri biss parti żgħira mill-pagamenti u li mill-pagamenti fl-ambitu tal-PAK, stmati għal EUR 500 000 000 000, tul dawn l-aħħar 10 snin, kienu rkuprati biss EUR 5 000 000 000 (1 %) (Ir-Rapport Speċjali Nru 7/2010); jinnota wkoll li għaldaqstant tiswa iktar flus iż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll li tiffunzjona milli li jitħallsu l-korrezzjonijiet finanzjarji lill-Kummissjoni;

87.

Jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li hija dik li tkompli tikkunsidra dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament liema azzjonijiet biħsiebha tieħu sabiex takkomoda dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

88.

Jiddispjaċih li l-perċentwal ta’ dejn ikkanċellat u li kellu jagħmel tajjeb għalih il-baġit tal-Unjoni kien ta’ 87,8 % jew EUR 428 900 000 għall-perjodu 2006-2009; jitlob li l-Kummissjoni tapplika mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet jekk l-Istati Membri jiddikjaraw djun bħala irrekuperabbli fejn dan ma jkunx xieraq; jinsisti li dan jitlob definizzjoni ċara u prattika tal-linji gwida mingħajr ma jkun hemm lok għal interpretazzjonijiet differenti;

89.

Japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li:

il-mod kif jiġu ġestiti u rrappurtati d-djun fl-Istati Membri jittejjeb, u tiżgura trattament konsistenti ta’ dawk id-djun fl-Istati Membri kollha,

il-linji gwida jinħarġu f’waqthom biex jiġu indirizzati inkonsistenzi persistenti fil-kunċetti prinċipali ta’ rappurtar u ta’ kontabilità,

l-applikazzjoni tar-regola 50/50 tiġi rriveduta, b’mod partikolari fejn jidħlu l-ammonti li potenzjalment jaħarbu l-approvazzjoni ta’ konformità, u li r-regola tiġi applikata b’mod effikaċi,

ix-xogħol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, meta jkunu qegħdin jivverifikaw il-kontijiet tad-debituri fl-Istati Membri, ikopri r-riskji enfasizzati,

proporzjon akbar ta’ pagamenti li ma kellhomx isiru jiġi rkuprat mill-benefiċjarji,

is-segwitu tal-każijiet antiki tat-Task Force ta’ Rkupru jiġi ffinalizzat u jiġi ttrattat b’mod omoġenju fl-Istati Membri kollha;

90.

Jieħu nota tal-kjarifiki tal-Kummissjoni dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina dawk is-suġġerimenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-konklużjonijiet tagħha, u tirrapporta jekk huwiex ippjanat li jittieħdu xi passi fil-kuntest ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

91.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jistudja l-possibilità li jimmodifika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta’ Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa bi żball b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (9), bl-għan tat-titjib tal-fluss u l-użu tal-informazzjoni eżistenti; jistieden lill-OLAF jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Parlament;

92.

Jitlob li jkun hemm trattament indaqs tad-djun pendenti (irkupri) fl-Istati Membri kollha u jinsisti li l-flus dovuti lill-Unjoni b’rabta ma’ ksur tad-dritt tal-Unjoni verament jitħallsu lura, minkejja l-fatt li xi wħud minnhom qed ibatu mill-kriżijiet finanzjarji;

93.

Jinnota li l-ammont li għandhom iħallsu l-Istati Membri skont ir-regola 50/50 (2006-2009) huwa EUR 424 000 000 u li 58 % minnu għandu jitħallas mill-Italja; jitlob li jitfassal pjan ta’ azzjoni għall-Italja sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni;

94.

Ifakkar li għad hemm nuqqas ta’ trasparenza rigward il-pubblikazzjonijiet tal-ammont imnaqqas mill-Istati Membri (effettivament flus tal-kontribwenti) u l-ammonti fil-fatt irkuprati mill-benefiċjarji fir-rendikonti finanzjarji ppreżentati lill-Parlament; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi din l-informazzjoni lill-Parlament;

95.

Jistieden lill-Qorti tippubblika rapport dwar l-istess suġġett għall-qasam tal-fondi strutturali;

Parti XII   Ir-Rapport Speċjali Nru 9/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Kienu effettivi l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġjati mill-FEŻR?”

96.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u l-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-proġetti ta’ gvern elettroniku appoġġati mill-FEŻR ikkontribwew għall-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi elettroniċi;

97.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari li:

l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji għall-e-Government, li jkunu bbażati fuq ħtiġijiet identifikati, ikollhom objettivi ċari u jassenjaw ir-responsabilitajiet lil korpi li jwieġbu għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi.

l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni għandhom jagħżlu l-proġetti ta’ gvern elettroniku għal appoġġ mill-FEŻR abbażi ta’ valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji kwalitattivi u kwantitattivi probabbli tal-proġetti,

l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni fl-Istati Membri għandhom jiżguraw li proġetti ta’ gvern elettroniku magħżula għal finanzjament FEŻR jiffokaw mhux biss fuq il-prodotti tal-proġett imma wkoll fuq il-bidliet fi proċessi jew l-organizzazzjoni meħtieġa biex jittieħed benefiċċju mis-sistemi żviluppati,

l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni għandhom ikunu inkoraġġiti japplikaw l-aħjar prattika, li hija disponibbli, pereżempju permezz tal-komunità ePractice, u jirrakkomanda l-użu ta’ metodoloġija xierqa għall-ġestjoni tal-proġetti għal proġetti ta’ gvern elettroniku li jkunu qed jirċievu finanzjament mill-FEŻR,

il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni li jippermettu l-interoperabilità trans-Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipji tal-FEI, jiġu applikati fi proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament mill-FEŻR,

l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni, meta jagħżlu l-proġetti tal-e-Government, għandhom jiżguraw li l-ispejjeż sinifikanti kollha, inkluża l-manutenzjoni, jkunu ġew previsti b’mod suffiċjenti fl-analiżi tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji li għandha tkun imsejsa fuqha d-deċiżjoni ta’ finanzjament,

il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-Awtoritajiet tal-Ġestjoni jimmonitorjaw u jevalwaw ir-riżultati u l-impatti tal-proġetti biex jintwera l-użu effikaċi tal-finanzjament tal-Unjoni u jiġu provduti opinjonijiet b’rispons sabiex jittejjeb it-tfassil ta’ programmi futuri;

Parti XIII   Ir-Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Huma effettivi l-Iskemi tal-Ħalib għall-Iskejjel u tal-Frott għall-Iskejjel?”

98.

Ifakkar fir-riżultat tal-evalwazzjoni esterna tal-1999 dwar l-Iskema Ħalib għall-Iskejjel u tal-osservazzjoni li saret mill-Qorti tal-Awdituri li ebda bidliet reali ma saru fl-iskema minn dak iż-żmien ‘l hawn;

99.

Jenfasizza li t-tkomplija sempliċi tal-Iskema Ħalib għall-Iskejjel attwali tkun ħela ta’ flus il-kontribwenti u l-iskema għalhekk għandha tiġi sospiża sakemm ma tkunx riformata immedjatament u b’mod komprensiv;

100.

Jenfasizza li 10 % biss tal-iskejjel li għandhom id-dritt li jipparteċipaw fl-Iskema Ħalib għall-Iskejjel qed jieħdu vantaġġ minnha fil-preżent; għalhekk, iqis li l-Istati Membri wrew l-appoġġ tagħhom għall-programm minkejja r-rata baxxa tas-sussidju u l-effett ta’ piż totali possibbli tal-programm; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ nutrizzjoni nazzjonali għall-iskejjel, biex b’hekk l-Iskemi Ħalib għall-Iskejjel u Frott għall-Iskejjel jinbidlu ma’ miżuri mmirati aħjar;

101.

Jinsab konvint li, jekk jitkomplew, l-Iskemi Ħalib għall-Iskejjel u Frott għall-Iskejjel għandhom joperaw b’mod simili bil-għan li jkunu faċilitati l-koordinament u l-ħolqien ta’ sinerġiji, peress li l-objettivi tagħhom huma l-istess;

102.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw li jilħqu t-tfal u l-istudenti li kieku jibbenefikaw l-aktar fuq bażi xjentifika (jiġifieri l-ħtiġijiet nutrizzjonali, il-faxxa tal-età, il-kundizzjoni tas-saħħa, il-grupp soċjali, eċċ.) minn dawk l-iskemi; jenfasizza li l-immirar iħaffef il-kejl tal-impatt ta’ dawn l-iskemi;

103.

Hu tal-fehma li l-prodotti għandhom ikunu mqassma b’xejn, u li d-distribuzzjoni fil-kantins għandha tiġi evitata;

104.

Jinsisti li d-distribuzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt dawk l-iskemi għandhom ikunu integrati fi strateġija nazzjonali u/jew reġjonali u jenfasizza li tali strateġija għandha tinkludi wkoll miżuri ta’ akkumpanjament (jiġifieri miżuri edukattivi, informattivi li jinvolvu l-ġenituri u l-għalliema);

105.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ kofinanzjament għall-Iskema Ħalib għall-Iskejjel simili għal dik użata għall-Iskema Frott għall-Iskejjel; jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jqisu li jestendu l-kofinanzjament għall-miżuri ta’ akkumpanjament; jemmen ukoll li l-pakketti finanzjarji nazzjonali mhux użati jistgħu jiġu riallokati bejn l-Istati Membri;

106.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sistemi effikaċi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll;

Parti XIV   Ir-Rapport Speċjali Nru 11/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “It-tfassil u l-ġestjoni tal-iskema ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jippermettulha li tkun effettiva?”

107.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u jieħu nota tas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li:

id-dispożizzjonijiet legali dwar is-sistema ta’ indikazzjoni ġeografika ma jistabbilixxux ir-rekwiżiti minimi dwar il-kontrolli fuq l-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti u ma jindirizzawx kwistjonijiet bħall-kopertura minima tal-kontrolli, il-frekwenza tagħhom, il-metodoloġija għall-għażla tagħhom u l-partijiet involuti fl-istadji differenti tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni suġġetti għall-kontroll;

ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 ma jindirizzax il-kwistjonijiet tal-karattru obbligatorju u n-natura tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri sabiex jiġu evitati u jinstabu prattiki mhux permessi fir-rigward tas-sistema ta’ indikazzjoni ġeografika;

108.

Huwa mħasseb li, skont l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri, dan iwassal għal sitwazzjoni fejn is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri huma differenti f’għadd ta’ elementi importanti u huwa tal-opinjoni li dawk id-differenzi għandhom jitnaqqsu fil-futur; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni (COM(2010) 733) mill-hekk imsejjaħ “pakkett ta’ kwalità”; jitlob li jiġu stabbiliti struttura u sistema ta’ kontroll adegwati li jiggarantixxu kwalità għolja u kostanti tal-prodotti DPO u IĠP u li jipprevjenu u jiskopru b’mod effikaċi prattiċi mhux permessi fl-Istati Membri kollha; madankollu, hu tal-opinjoni li dan ma għandux iwassal għall-ħolqien ta’ livelli ta’ kontroll addizzjonali, għad-definizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kontroll massimi u għal żieda ulterjuri fil-burokrazija;

109.

Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li jiġu inklużi l-verifiki fuq il-kontrolli imwettqa mill-Istati Membri b’konnessjoni mal-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika fil-pjan ta’ verifiki regolari tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi b’mod korrispondenti;

110.

Ifakkar fil-konstatazzjoni tal-Qorti li l-iskrutinju tal-applikazzjonijiet fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Kummissjoni jieħu wisq żmien u jitlob lill-Kummissjoni tissemplifika u tqassar il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni burokratiċi u li jieħdu wisq żmien sabiex trendi s-sistema ta’ indikazzjoni ġeografika aktar attraenti għall-applikanti potenzjali li bħalissa huma skoraġġiti minħabba l-proċeduri ta’ applikazzjoni li jieħdu wisq żmien;

111.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet fil-verifika tagħha li hemm livell baxx ta’ għarfien min-naħa tal-konsumaturi u tal-produtturi dwar l-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika; huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li ġie kkonstatat li l-għażliet użati attwalment x’aktarx ma jippermettux is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika u mhumiex adegwati biex iħeġġu l-produtturi jipparteċipaw fiha; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni teżamina b’mod dettaljat is-sitwazzjoni, tiżviluppa strateġija ċara u tiddefinixxi l-miżuri u l-mezzi effikaċi intiżi sabiex jindirizzaw in-nuqqas attwali ta’ għarfien dwar l-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika, il-prodotti u l-logos tagħha bħal pereżempju l-organizzazzjoni ta’ kampanja fuq l-inizjattiva tagħha stess eċċ.;

112.

Jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistema ta’ għajnuna reċiproka li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika għandha tiġi stabbilita;

113.

Ifakkar li s-sistema ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ ismijiet protetti: denominazzjoni protetta ta’ oriġini (DPO) u indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP); jirrimarka li dawn id-deskrizzjonijiet qed iħawwdu lill-konsumaturi, peress li dawn ma jurux biċ-ċar id-differenza ta’ bejniethom; jipproponi għalhekk indikaturi aktar ċari li jippermettu lill-konsumaturi jkunu jafu kif l-ismijiet protetti huma distinti f’termini tal-grad u tat-tip ta’ konnessjoni li hemm bejn prodott u reġjun ġeografiku;

114.

Huwa mħasseb dwar l-istqarrijiet għall-istampa reċenti li rrapportaw użu mhux xieraq u abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi minn xi pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri attivi fil-protezzjoni ta’ prodotti reġistrati taħt l-iskema ta’ indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni anki fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali u taħdem biex tilħaq ftehimiet rispettivi ma’ pajjiżi terzi;

115.

Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bl-eżitu tal-azzjonijiet tagħha;

Parti XV   Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2011 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu “Il-proċeduri tal-Kummissjoni jassiguraw il-ġestjoni effettiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat?”

116.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali u jappoġġa, b’mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri bir-rimarki li ġejjin, u jinnota li biss tmien Stati Membri ntagħżlu għal din il-verifika;

117.

Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni rreaġixxiet fil-pront u b’mod effikaċi għall-kriżi finanzjarja, u b’dan il-mod ikkontribwiet b’mod sostanzjali biex jiġi evitat il-falliment ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kbar li għandhom is-sede tagħhom fl-Unjoni;

118.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni aktar proattiva fir-relazzjoni tagħha mal-Istati Membri, b’mod partikolari:

tagħmel aktar sforzi biex iżżid l-għarfien dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat billi xxerred l-aħhar prattiki u tipprovdi gwida aktar prattika;

tiżgura li, fejn japplika, l-għajnuna mill-Istat kollha tiġi nnotifikata kif jixraq, u tiżviluppa mezzi biex tiddixxiplina l-Istati Membri meta dan ma jsirx;

tqiegħed għad-dispożizjoni aktar riżorsi umani għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mingħajr aktar dewmien;

119.

Jinnota d-dgħufijiet fir-rigward tal-ħtieġa li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li tiżdied it-trasparenza tiegħu, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tillimita t-tul ta’ żmien tal-proċedura ta’ investigazzjoni; jinnota n-numru kbir ta’ Talbiet għall-Informazzjoni mibgħuta lill-Istati Membri u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tillimitahom biex tħaffef il-proċedura; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar il-medja taż-żmien meħtieġ biex jiġu ffinalizzati l-każijiet matul l-aħħar erba’ snin għal kull Stat Membru individwali;

120.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tikkunsidra jekk il-lezzjonijiet li tgħallmet mit-trattament b’suċċess tal-kriżi finanzjarja jistgħux jintużaw ukoll biex tiġi ssemplifikata l-ħidma f’ċirkostanzi “normali” u tinforma lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun bit-tibdiliet possibbli mdaħħla qabel Settembru 2012;

121.

Jenfasizza l-importanza li tiżgura ċ-ċertezza ġuridika għall-partijiet interessati; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni:

tittratta malajr l-ilmenti mingħajr bażi,

tħaffef il-proċedura tat-trattament tal-ilmenti b’mod ġenerali u talloka r-riżorsi neċessarji biex tkompli tnaqqas l-ammont ta’ xogħol b’lura,

tinforma kif jixraq lil min jagħmel l-ilment, lill-Istat Membru u lill-benefiċjarju dwar il-każijiet li jkunu għaddejjin u dwar l-eżitu tal-investigazzjoni;

122.

Jinnota d-dgħufijiet fl-użu tar-riżorsi umani disponibbli, u jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta sistema mtejba għar-reġistrazzjoni tal-ħin; japprova s-suġġeriment tal-Qorti tal-Awdituri għal rappurtar tal-ġestjoni biex jiġi mmonitorjat b’mod effikaċi l-ħin imqatta’ fuq każijiet partikolari u l-ammont ta’ xogħol ta’ dawk li jittrattaw il-każijiet; jistenna li sistema bħal din tkun operattiva sal-aħħar tal-2012;

123.

Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha, kemm f’termini ta’ daqs tal-kampjun u kemm f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni;

124.

Jinnota d-dgħufijiet fil-proċess tal-ġbir tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-effiċjenza u l-affidabilità tiegħu, u tirrapporta dwar il-progress fl-introduzzjoni tal-applikazzjoni SARI (10) qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2010;

125.

Jistieden lill-Kummissjoni twessa’ l-valutazzjoni tal-impatt ex post tagħha tal-għajnuna mill-Istat u tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kumpaniji, is-swieq u l-ekonomija globali.

126.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).


(1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

(2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

(4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0153 (Ara l-paġna 31 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1), premessa 35.

(9)  ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56.

(10)  L-applikazzjoni SARI hija applikazzjoni ġdida tal-bażi tad-data ċentrali li permezz tagħha l-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna fl-Istati Membri jistgħu jikkodifikaw direttament l-infiq fl-għajnuna tagħhom (Ir-Rapport Speċjali 15/2011, p. 60).


Top