EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2007_094_R_0026_01

2007/210/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Marzu 2007 dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malażja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

ĠU L 94, 4.4.2007, p. 26–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 311–323 (MT)

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

311


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Marzu 2007

dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malażja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

(2007/210/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 (2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2)

Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ftehim mal-Gvern tal-Malażja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3)

Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malażja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b’dan qed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jkun applikat b'mod provviżorju mill-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

Horst SEEHOFER


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Malażja dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

min-naħa waħda, u

IL-GVERN TAL-MALAŻJA (minn hawn ‘il quddiem Malażja)

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem imsejħa ’l-Partijiet’)

GĦARFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet għal servizzi bilaterali ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Malażja, li jmorru kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, iridu jinġiebu f'konformità sħiħa ma' din sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Malażja u biex tiġi ppreservata l-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JINNUTAW li skond il-liġi tal-Komunità Ewropea t-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f'kumpaniji ta' l-ajru liċenzjati f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

FILWAQT LI JINNUTAW li skond il-liġi tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru ma jistgħux, fil-prinċipju, jikkonkludu ftehimiet li jkollhom imnejn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li l-għan jew l-effett tagħhom ikun il-prevenzjoni, ir-restrizjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU li, fid-dawl ta' dak li jidher hawn fuq, id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Malażja li (i) jeżiġu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew prattiki konċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi bl-ajru fuq ir-rotot relevanti; jew (ii) isaħħu l-effetti ta' kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika konċertata bħal dawn; jew (iii) jiddelegaw lil trasportaturi bl-ajru jew lil operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta' miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi bl-ajru fuq ir-rotot relevanti jistgħu jagħmlu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi,

INNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Malażja, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità u kumpaniji ta' l-ajru tal-Malażja, jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu ta' ftehimiet bilaterali għal servizzi ta' l-ajru dwar id-drittijiet tat-traffiku.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

2.   Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness I liċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti tal-ftehim jinftiehmu li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3.   Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness I għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti tal-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru deżinjati minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Id-Deżinjazzjoni minn Stat Membru

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mill-Malażja, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tat-trasportaturi ta' l-ajru, rispettivament.

2.   Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, il-Malażja għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi meħtieġa bl-anqas dewmien proċedurali, ipprovdut li:

(i)

it-trasportatur ta' l-ajru ikun stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li qed jiddeżinja taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li għandu Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea;

(ii)

kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta’ l-ajru jkun imħaddem u miżmum mill-Istat Membru responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat ta' l-Operaturi ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità aeronawtika relevanti tkun identifikata b'mod ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll

(iii)

il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanija ta' l-ajru jkun fl-Istat Membru mingħand min tkun irċeviet il-Liċenzja Operattiva valida; kif ukoll

(iv)

it-trasportatur ta' l-ajru jkun proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u jkun ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra.

3.   Il-Malażja tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' kumpanija ta' l-ajru minn Stat Membru fejn:

(i)

it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew ma jkollux Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea; jew

(ii)

ma jkunx eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika relevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew

(iii)

it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, jew ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta' Stati oħra bħal dawn; jew

(iv)

it-trasportatur ta’ l-ajru ikun diġà awtorizzat li jopera fl-ambitu ta’ ftehim bilaterali bejn il-Malażja u xi Stat membru ieħor u l-Malażja turi li, billi jeżerċita d-drittijiet fuq it-traffiku fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, dan ikun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew

(v)

il-kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata jkollha Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn il-Malażja u dak l-Istat Membru, u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lill-kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata mill-Malażja;

Waqt li qed teżerċita d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, il-Malażja m’għandhiex tiddiskrimina bejn it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji fuq il-bażi ta' nazzjonalità.

Artikolu 3

Is-sikurezza

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness II(c).

2.   Fejn Stat Membru (l-ewwel Stat Membru) iddeżinja trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu huwa eżerċitat u miżmum mit-tieni Stat Membru, id-drittijiet tal-Malażja taħt id-dispożizzjonijiet ta' sikurezza tal-ftehim bejn l-ewwel Stat Membru li ddeżinja t-trasportatur ta' l-ajru u l-Malażja għandu japplika b'mod ugwali fir-rispett ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta' l-istandards tas-sikurezza minn dak it-tieni Stat Membru u b'rispett ta' l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' dak it-trasportatur ta' l-ajru.

Artikolu 4

It-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw il-provożjonijiet li jikkorrispondu fl-artikoli elenkati fl-Anness II(d).

2.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness II(d) m'għandu jżomm Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f'vettura ta' l-ajru ta' trasportatur ta' l-ajru deżinjat mill-Malażja li jopera bejn punt fit-territorju ta' Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 5

Tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw il-provożjonijiet li jikkorrispondu fl-artikoli elenkati fl-Anness II(e).

2.   It-tariffi li jiġu imposti mill-kumpanija/i ta' l-ajru deżinjata/i permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness I li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness II(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fil-Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 6

Il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1.   Minkejja kull dispożizzjoni għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness I m’għandu (1) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki mifthema li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kull ftehim, deċiżjoni jew prattika miftehma bħal dawn; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet elenkati fl-Anness I li huma inkompatibbli mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jiġu applikati.

Artikolu 7

Annessi għal dan il-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim ser jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 8

Reviżjonijiet jew emendi

Il-Partijiet jistgħu, f’kull waqt, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

1.   Dan il-Ftehim ser jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ġew kompluti.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet qablu biex japplikaw b'mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

3.   Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u l-Malażja li, fid-data ta’ l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness I(b). Dan il-Ftehim għandu japplika għal kull Ftehim u arranġament ta' dan it-tip mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tiegħu.

Artikolu 10

Tmiem

1.   Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness I jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness I konċernat għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

2.   Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness I jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif jixraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussel, b'żewġ kopji, fit-tnejn u għoxrin jum ta' Marzu tas-sena elfejn u sebgħa fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u dik Bahasa Melayu.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Communidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

Image

За правителството на Малайзия

Por el Gobierno de Malasia

Za vládu Malajsie

For Malaysias regering

Für die Regierung Malaysias

Malaisia valitsuse nimel

Για την Κυβέρνηση της Μαλαισίας

For the Government of Malaysia

Pour le gouvernement de la Malaisie

Per il governo della Malaysia

Malaizijas valdības vārdā

Malaizijos Vyriausybės vardu

Malaijzia Kormánya részéről

Għall-Gvern tal-Malażja

Voor de Regering van Maleisië

W imieniu Rządu Malezji

Pelo Governo da Malásia

Pentru Guvernul Malaeziei

Za vládu Malajzie

Za Vlado Malezije

Malesian hallituksen puolesta

För Malaysias regering

Image

ANNESS I

Lista ta' ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

a)

Ftehimiet tas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Malażja u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

Ftehim bejn il-Gvern Federali Awstrijakk u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fit-22 ta’ Novembru 1976, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Awstrija” fl-Anness II;

Immodifikat minn Memorandum ta’ Ftehim iffirmat fi Vjenna fit-23 ta’ Awwissu 1990;

Immodifikat l-aħħar minn Nota Verbali magħmula f’Kuala Lumpur fl-14 ta’ Settembru 1994;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fis-26 ta’ Frar 1974, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Belġju” fl-Anness II;

Immodifikat l-aħħar bil-Minuti Maqbula magħmula fi Brussell fil-25 ta’ Lulju 1978;

Immodifikat l-aħħar bil-Minuti Maqbula magħmula f’Kuala Lumpur fl-14 ta’ Ottubru 1993;

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekaslovakka u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat fi Praga fit-2 ta’ Mejju 1973, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Repubblika Ċeka” fl-Anness II;

Li għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim li sar fi Praga fit-2 ta’ Mejju 1973;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fid-19 ta’ Ottubru 1967, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Danimarka” fl-Anness II;

Abbozz ta’ Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tal-Malażja, inizjalat fl-1997 u 2002, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Abbozz ta’ Ftehim Malażja — Danimarka” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fis-6 ta’ Novembru 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Finlandja” fl-Anness II;

Li għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim li sar f’Kuala Lumpur fil-15 ta’ Settembru 1997;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tal-Malażja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Kuala Lumpur fit-22 ta’ Mejju 1967, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Franza” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fit-23 ta’ Lulju 1968, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Ġermanja” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Ungerija u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fis-19 ta’ Frar 1993, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Ungerija” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern ta’ l-Irlanda u l-Gvern tal-Malażja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Shannon fis-17 ta’ Frar 1992, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Irlanda” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tal-Malażja u l-Gvern ta' l-Italja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Kuala Lumpur fit-23 ta’ Marzu 1995, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Italja” fl-Anness II;

Li għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim Kunfidenzjali li sar f’Ruma fit-30 ta’ Novembru 1994;

Immodifikat mill-Memorandum ta’ Ftehim Kunfidenzjali magħmul f’Kuala Lumpur fit-18 ta’ Lulju 1997;

Immodifikat mill-Agreed Record ta’ disjusssjonijiet bejn il-Malażja u l-Italja magħmul f’Ruma fit-18 ta’ Mejju 2005;

Immodifikat l-aħħar mill-Memorandum ta’ Ftehim magħmul f’Londra fit-18 ta’ Lulju 2006;

Ftehim bejn il-Gvern tal-Malażja u l-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu dwar is-servizzi bl-ajru, inizjalat f’Kuala Lumpur fid-19 ta’ Lulju 2002, bħala ż-Żjieda II tal-Memorandum ta' Ftehim Kunfidenzjali u kien iffirmat f'Kuala Lumpur fid-19 ta' Lulju 2002; minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Lussemburgu” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat fil-Malażja fit-12 ta’ Ottubru 1993, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Malta” fl-Anness II;

Li għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim li sar f’Valletta fit-28 ta’ Frar 1984;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta’ l-Olanda u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fil-15 ta’ Diċembru 1966, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Olanda” fl-Anness II;

Immodifikat minn Skambju ta’ Noti fil-25 ta’ Marzu 1988;

Immodifikat mill-Memorandum Kunfidenzjali tat-23 ta’ Ottubru 1991;

Immodifikat minn Skambju ta’ Noti magħmul f’Kuala Lumpur fl-10 ta’ Mejju 1993;

Immodifikat l-aħħar mill-Memorandum ta’ Ftehim Kunfidenzjali mehmuż bħala Appendiċi A għal Minuti Maqbula magħmula f’Kuala Lumpur fid-19 ta’ Settembru 1995;

Immodifikat l-aħħar minn Skambju ta’ Noti magħmul f’Kuala Lumpur fit-23 ta’ Mejju 1996;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja u il-Gvern tal-Malażja dwar it-trasport ċivili bl-ajru, iffirmat f’Kuala Lumpur fl-24 ta’ Marzu 1975, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Polonja” fl-Anness II;

li għandu jinqara flimkien mal-Protokoll għall-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari tal-Polonja u l-Gvern tal-Malażja, magħmul f’Kuala Lumpur fil-5 ta’ Lulju 1974;

Ftehim bejn il-Gvern tal-Malażja u r-Repubblika Portugiża dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, inizjalat u ġie mehmuż bħala Żjieda II għall-Memorandum ta’ Ftehim magħmul f’Kuala Lumpur fid-19 ta’ Mejju 1998, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Portugall” fl-Anness II;

Ftehim tat-Trasport bl-Ajru Ċivili bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija u l-Gvern tal-Malażja, magħmul f' Kuala Lumpur tas-26 ta' Novembru 1982, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Rumanija” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Ljubljana fit-28 ta’ Ottubru 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Slovenja” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern ta’ Spanja u l-Gvern tal-Malażja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Kuala Lumpur fit-23 ta’ Marzu 1993, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Spanja” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta’ l-Iżvezja u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Kuala Lumpur fid-19 ta’ Ottubru 1967, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Żvezja” fl-Anness II;

Abbozz ta’ Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju ta’ l-Iżvezja u l-Gvern tal-Malażja, inizjalat fl-1997 u 2002, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Abbozz ta’ Ftehim Malażja — Żvezja” fl-Anness II;

Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern tal-Malażja dwar is-servizzi bl-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f’Londra fl-24 ta’ Mejju 1973, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Renju Unit” fl-Anness II;

Immodifikat minn Skambju ta’ Noti magħmul f’Kuala Lumpur fl-14 ta’ Settembru 1993;

Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta’ Ftehim magħmul f’Londra fit-18 ta’ Jannar 2006;

b)

Ftehimiet dwar is-servizzi bl-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Malażja u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament

Ftehim bejn ir-Repubblika Popolari tal-Bulgarija u l-Gvern tal-Malażja għas-servizzi ta' l-ajru bejn u oltre it-territorji rispettivi tagħhom, inizjalat f' Sofia fit-23 ta' Frar 1984, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Malażja — Bulgarija” fl-Anness II; Li għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta' Ftehim magħmul f' Kuala Lampur fit-2 ta' Ottubru 1991;

Abbozz ta’ Memorandum ta' Ftehim mehmuż bħala Appendiċi 1 fl-Agreed Record magħmul f’Kuala Lumpur fil-15 ta’ Diċembru 2004, li jimmodifika l-Ftehim Malażja-Renju Unit.

ANNESS II

Lista ta' artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 sa 6 ta' dan il-Ftehim

(a)

Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Awstrija;

L-Artikolu 2 tal-Ftehim Malażja — Belġju;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Bulgarija;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Repubblika Ċeka;

L-Artikolu II tal-Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 3 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Franza;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Ġermanja;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim Malażja — Finlandja;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Ungerija;

L-Artikolu 3 (1-2) tal-Ftehim Malażja — Irlanda;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Italja;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim Malażja — Malta;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Olanda;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim Malażja — Polonja;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Portugall;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Rumanija;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Slovenja;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim Malażja — Spanja;

L-Artikolu II tal-Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 3 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 3 (1-3) tal-Ftehim Malażja — Renju Unit;

(b)

Rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi:

L-Artikolu 3 (4-7) tal-Ftehim Malażja — Awstrija;

L-Artikolu 3 tal-Ftehim Malażja — Belġju;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Bulgarija;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Repubblika Ċeka;

L-Artikolu III tal-Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 4 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Finlandja;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Franza;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Ġermanja;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Ungerija;

L-Artikolu 3 (3-6) tal-Ftehim Malażja — Irlanda;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim Malażja — Italja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Malta;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Olanda;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Polonja;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Portugall;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Rumanija;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Slovenja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Spanja;

L-Artikolu III tal-Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 4 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 3 (4-6) tal-Ftehim Malażja — Renju Unit;

(c)

Is-sikurezza:

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Belġju;

L-Artikolu 15 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim Malażja — Ungerija;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim Malażja — Italja;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim Malażja — Lussemburgu;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim Malażja — Portugall;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Rumanija;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim Malażja — Spanja;

L-Artikolu 15 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Svezja;

L-Artikolu 9A tal-Ftehim Malażja — Renju Unit;

(d)

It-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni:

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Awstrija;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Belġju;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Bulgarija;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Repubblika Ċeka;

L-Artikolu IV tal-Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 6 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim Malażja — Finlandja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Franza;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Ġermanja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Ungerija;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim Malażja — Irlanda;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim Malażja — Italja;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim Malażja — Lussemburgu;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim Malażja — Malta;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Olanda;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim Malażja — Polonja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Portugall;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Rumanija;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Slovenja;

L-Artikolu 5 tal-Ftehim Malażja — Spanja;

L-Artikolu IV tal-Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 6 ta' l-Abbozz tal-Ftehim Awstralja — Żvezja;

L-Artikolu 4 tal-Ftehim Malażja — Renju Unit;

(e)

Tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Awstrija;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim Malażja — Belġju;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim Malażja — Bulgarija;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Repubblika Ċeka;

L-Artikolu VII tal-Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 11 l-Abbozz ta' Ftehim Malażja — Danimarka;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim Malażja — Finlandja;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Franza;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Ġermanja;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Spanja;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim Malażja — Ungerija;

L-Artikolu 6 tal-Ftehim Malażja — Irlanda;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim Malażja — Italja;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim Malażja — Lussemburgu;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim Malażja — Malta;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Olanda;

L-Artikolu 10 tal-Ftehim Malażja — Polonja;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim Malażja — Portugall;

L-Artikolu 9 tal-Ftehim Malażja — Rumanija;

L-Artikolu 8 tal-Ftehim Malażja — Slovenja;

L-Artikolu VII tal-Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 11 tal-Ftehim Malażja — Żvezja;

L-Artikolu 7 tal-Ftehim Malażja — Renju Unit;

ANNESS III

Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Ir-Repubblika ta’ l-Iżlanda (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b)

Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (skond il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c)

Ir-Renju tan-Norveġja (skond il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d)

IIl-Konfederazzjoni Żvizzera (skond il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera).


Top