Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sigħat tax-xogħol abbord vapuri li jużaw portijiet tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/95/EC — l-infurzar ta’ regoli fejn għandhom x’jaqsmu s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f’portijiet tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-baħħara abbord vapuri li jużaw portijiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u tiġġieled it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni minn sidien ta’ vapuri ta’ pajjiżi mhux tal-UE.
  • Hija għandha l-għan li tipprovdi proċeduri li jivverifikaw u jinfurzaw il-konformità tal-vapuri li jidħlu f’portijiet tal-Istati Membri tal-UE permezz tad-Direttiva 1999/63/KE (ara s-sommarju), li jiddeskrivi r-regoli dwar il-ħin tax-xogħol għall-baħħara, inklużi s-sigħat, il-mistrieħ, il-liv imħallas u l-idoneità għax-xogħol.

PUNTI EWLENIN

  • L-Istati Membri, permezz tal-ispetturi maħtura għall-kontroll tal-istat tal-port,, iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tal-baħar li jidħlu fil-portijiet tagħhom, irrispettivament mill-pajjiż fejn huma reġistrati. Il-bastimenti tas-sajd mhumiex koperti mid-Direttiva.
  • L-ispezzjonijiet iseħħu b’mod partikolari wara li jasal ilment mill-kaptan, minn membru tal-ekwipaġġ jew minn kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fl-operat mingħajr periklu tal-vapur, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-vapur jew fil-prevenzjoni tat-tniġġis.
  • L-ispezzjonijiet jiddeterminaw jekk:
    • tabella bl-arranġamenti tax-xogħol abbord il-vapur titpoġġa f’post faċilment aċċessibbli;
    • jinżammu abbord rekords tas-sigħat tax-xogħol u tal-perjodi ta’ mistrieħ u li dawn jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn huwa reġistrat il-vapur.
  • Jekk jinstab li l-baħħara jistgħu jkunu qegħdin jitħaddmu żżejjed, titwettaq spezzjoni aktar dettaljata sabiex jiġi determinat jekk is-sigħat tax-xogħol reġistrati humiex konformi mar-regolamenti.
  • Sabiex jirranġa kwalunkwe kundizzjoni li tkun evidentement perikoluża għas-saħħa jew għas-sigurtà, l-Istat Membru jista’ jipprojbixxi lill-vapur milli jħalli l-port sakemm in-nuqqasijiet jitranġaw jew il-membri tal-ekwipaġġ jistrieħu.
  • Jekk vapur ma jitħallhiex jitlaq mill-port, il-kaptan, is-sid jew uffiċjal tal-pajjiż tal-bandiera, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni jew rappreżentant diplomatiku jiġi infurmat bid-deċiżjoni, kif ukoll bi kwalunkwe azzjoni korrettiva meħtieġa.
  • Jekk vapur jittardja b’mod eċċessiv, is-sid ikun intitolat għal kumpens għal kwalunkwe telf jew ħsara li jġarrab, bl-oneru tal-provi jkun fuq is-sid tal-vapur, li għandu wkoll id-dritt ta’ appell kontra d-detenzjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

ilha tapplika mill-20 ta’ Jannar 2000 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 1999/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fejn għandhom x’jaqsmu s-sigħat tax-xogħol tal-baħħara abbord vapuri li jidħlu f’portijiet Komunitarji (ĠU L 14, 20.1.2000, pp. 29-35)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, pp. 30-50)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/13/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 26.08.2021

Top