EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-reviżjoni tal-abbozz ta’ pjanijiet baġitarji tal-pajjiżi taż-żona euro għall-2015

Sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-unjoni ekonomika u monetarja, kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Abbozz ta’ Pjanijiet Baġitarji għall-2015: Valutazzjoni globali (COM(2014) 907 final tat-28.11.2014).

SOMMARJU

Sabiex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-unjoni ekonomika u monetarja, kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro.

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Imnissla mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

tivvaluta l-pożizzjoni fiskali globali u d-direzzjoni tal-politiki fiskali madwar iż-żona tal-euro kollha;

tagħti l-opinjoni tagħha dwar jekk l-abbozzi ta’ pjanijiet baġitarji (DBPs) għall-2015 sottomessi minn 16-il pajjiż fiż-żona tal-euro jissodisfawx ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom skont il-PST. Ċipru u l-Greċja ma kellhomx bżonn jissottomettu abbozz ta’ baġit, minħabba li dawn huma diġà mmonitorjati fil-kuntest tal-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Sejba ġenerali

L-analiżi globali tad-DBP għall-2015 turi li:

wara li reġa’ lura għal taħt it-3% tal-PDG fl-2013 għall-ewwel darba mill-2008, id-defiċit nominali aggregat tal-baġit għas-16-il pajjiż fiż-żona tal-euro mistenni jkompli jonqos għal 2.6% tal-PDG fl-2014 u 2.2% fl-2015;

fl-2015, il-proporzjon tad-dejn aggregat mistenni jibqa’ l-istess kif kien fl-2014 (fi 92.5% tal-PDG). Madankollu, il-Kummissjoni qiegħda tistenna li l-proporzjon aggregat tad-dejn għall-PDG jiżdied minn 93.1% fl-2014 għal 93.6% fl-2015, minflok l-istabbilizzazzjoni pproġettata fid-DBPs;

il-konsolidazzjoni fiskali ġiet interrotta fis-16-il pajjiż fl-2014 u l-Kummissjoni qiegħda tistenna li l-politika fiskali tkun ġeneralment newtrali (la tissikka u lanqas tillaxka) fl-2015;

il-miżuri meħuda sabiex jitnaqqas il-piż fiskali fuq ix-xogħol imxew fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, jeħtieġ li l-infiq ikun aktar favorevoli għat-tkabbir.

Valutazzjoni mill-pajjiżi

Il-valutazzjoni tad-DBPs mill-Kummissjoni tiffoka speċifikament fuq il-konformità tagħhom mal-PST, li għandu l-għan li jiżgura finanzi pubbliċi b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea. L-evalwazzjoni kkonkludiet li:

5 pajjiżi (il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovakkja) ippreżentaw DBPs li huma konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-PST;

4 pajjiżi (l-Estonja, il-Latvja, is-Slovenja u l-Finlandja) ippreżentaw DBPs li kienu ġeneralment konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-PST;

Id-DBPs minn 7 pajjiżi (il-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja, Malta, l-Awstrija u l-Portugall) jippreżentaw riskju ta’ nuqqas ta’ konformità .

Il-Kummissjoni tistieden lill-aħħar 2 gruppi ta’ pajjiżi sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji fi ħdan il-proċess baġitarju nazzjonali bil-għan li jiżguraw li l-baġit tagħhom għall-2015 ikun konformi mal-PST.

F’xi każijiet, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità jkollu xi implikazzjonijiet għall-passi possibbli skont il-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Fl-2015, il-Kummissjoni ser tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-obbligi ta’ Franza, tal-Italja u tal-Belġju skont il-PST fid-dawl tal-iffinalizzar tal-liġijiet baġitarji tagħhom.

SFOND

Kull sena, il-pajjiżi taż-żona tal-euro jintalbu jissottomettu lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru, l-abbozz tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għas-sena ta’ wara. Dan il-proċess jirriżulta mil-leġiżlazzjoni li għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni tal-politika fiskali u ekonomika fiż-żona tal-euro (sikwit magħrufa bħala t-“Two-pack”), li daħlet fis-seħħ f’Mejju 2013.

Għal aktar tagħrif, ara l-paġni dwar il-governanza ekonomika fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

L-aħħar aġġornament: 20.05.2015

Top