EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali

X’INHU L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA?

  • Il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji għal assessjar ta’ akkordji vertikali* u prattiċi miftiehma taħt Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ara s-sommarju) u r-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2022/720 (ir-regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija applikabbli għall-akkordji vertikali — ara s-sommarju).
  • Dawn huma maħsuba biex jgħinu lin-negozji jassessjaw il-kompatibbiltà tal-akkordji vertikali tagħhom mar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-Kummissjoni tenfasizza li l-linji gwida għandhom jiġu applikati mekkanikament u li kull akkordju għandu jkun assessjat skont il-fatti propja tiegħu.

PUNTI EWLENIN

Il-linji gwida jkopru tmien kwistjonijiet prinċipali.

Assessjar ta’ akkordji vertikali li jiddependu fuq jekk il-fornitur u/jew ix-xerrej għandux sehem mis-suq ogħla minn 30 %

  • Jekk la l-fornitur u lanqas ix-xerrej ma jeċċedu l-livell limitu u l-akkordju m’għandux ċerti restrizzjonijiet iebsa fuq il-kompetizzjoni (“restrizzjonijiet fundamentali”), l-akkordju awtomatikament jibbenefika mill-eżenzjoni ta’ Artikolu 101 TFUE.
  • Jekk jew il-fornitur jew ix-xerrej għandu sehem mis-suq ogħla minn 30 % tal-livell limitu jew jekk l-akkordju għandu xi restrizzjoni fundamentali jew aktar, l-akkordju jrid ikun assessjat biex l-ewwel jiddetermina jekk jaqax fl-iskop ta’ Artikolu 101(1) TFUE u jekk hu hekk, jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni pprovduta minn Artikolu 101(3) TFUE.

Effetti possibbli tal-akkordji vertikali

  • Pożittivi. Prezzijiet iktar baxxi, promozzjoni ta’ kompetizzjoni li mhijiex ibbażata fuq prezz, kwalità aħjar u effetti pożittivi oħra għall-kompetizzjoni.
  • Negattivi. Esklużjoni antikompetittiva ta’ fornituri jew xerrejja oħra biż-żieda ta’ ostakli għad-dħul jew espansjoni, li tirrestrinġi l-għażla tal-konsumatur jew iżżid il-prezzijiet.

Akkordji li ġeneralment jaqgħu barra mill-iskop ta’ Artikolu 101(1) TFUE. Dawn jinkludu:

  • akkordji li ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri (“ebda effett fuq kummerċ”), li ma jirrestrinġux b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni (“akkordji ta’ importanza minuri”) jew li jinvolvu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;
  • akkordji ta’ aġenziji fejn impriża tinnegozja ma’ u/jew tikkonkludi bejgħ jew xiri ta’ kuntratti f’isem impriża oħra u ma tassumix riskji ekonomiċi sinifikanti b’relazzjoni ma’ dik l-attività ta’ bejgħ jew xiri.

Skop tar-Regolament (UE) 2022/720. Dan jinkludi:

  • Il-“livell xieraq ta’ protezzjoni” stabbilit mir-regolament għal akkordji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tagħha;
  • Id-definizzjoni ta’ akkordji vertikali: “akkordju jew prattika miftiehma li jsiru minn żewġ impriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew il-prattika miftiehma, fuq livell differenti tal-katina tal-produzzjoni jew distribuzzjoni, u relatat mal-kundizzjoni li taħtha l-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew jerġgħu jbigħu ċerti prodotti u servizzi”;
  • akkordji vertikali fl-ekonomija fuq il-pjattaforma online, li ġeneralment ma jikkwalifikawx bħala akkordji ta’ aġenzija li jaqgħu barra mill-ambitu ta’ Artikolu 101(1) TFUE;
  • limiti speċifiċi għall-applikazzjoni ta’ Regolament (UE) 2022/720, inklużi għal:
    • akkordji li jinvolvu assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut
    • akkordji relatati ma’ drittjiet ta’ propjetà intellettwali;
    • akkordji bejn kompetitturi;
    • akkordji ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li għandhom funzjoni ibrida (“pjattaformi ibridi”);
    • akkordji koperti minn regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija oħra.

Definizzjoni tas-suq u kalkolu tas-sehem mis-suq

  • L-Avviż ta’ Definizzjoni tas-Swieq tal-Kummissjoni jipprovdi gwida dwar ir-regoli, il-kriterja u l-evidenza li l-Kummissjoni tikkunsidra.
  • Ir-Regolament (UE) 2022/720 jispeċifika li l-ishma mis-suq ta’ fornitur u xerrej bħala prinċipju, huma kkalkulati abbażi tal-valur tad-data, u jqis kull sors ta’ dħul mill-bejgħ ta’ prodotti u servizzi. Fejn valur tad-data mhuwiex disponibbli, jistgħu jsiru stimi sostanzjati abbażi ta’ informazzjoni oħra affidabbli tas-suq bħall-volum ta’ ċifri.

Restrizzjonijiet fundamentali tar-Regolament (UE) 2022/720. Dawn ir-restrizzjonijiet:

  • għandhom b’mod ġenerali jkunu pprojbiti minħabba d-dannu li jikkawżaw lill-konsumaturi
  • iwasslu għall-esklużjoni tal-akkordju intier vertikali mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija
  • jinkludu ż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid u restrizzjonijiet fuq it-territorju jew konsumaturi li x-xerrej jista’ jbigħ b’mod attiv jew passiv il-prodotti jew servizzi fil-kuntratt.

Irtirar u esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli. Dawn jikkonċernaw:

  • il-poteri tal-Kummissjoni u awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jirtiraw il-benefiċċju ta’ eżenzjoni ta’ kategorija rigward akkordji vertikali individwali fejn l-awtoritajiet rilevanti jsibu li l-akkordju ma jissodisfax xi kundizzjoni jew aktar tal-Artikolu 101(3) TFUE.
  • il-poter tal-Kummissjoni biex tadotta regolamenti li jiddikjaraw li r-Regolament (UE) 2022/720 ma japplikax aktar, b’mod notevoli meta networks paralleli ta’ trażżin simili vertikali jkopru aktar minn 50 % tas-suq rilevanti.

Politika ta’ infurzar f’każijiet individwali. Din:

  • tispjega kif il-Kummissjoni tassessja, taħt l-Artikolu 101(1) u 101(3) TFUE akkordji vertikali li ma jibbenefikawx minn eżenzjoni ta’ kategorija pprovduta mir-Regolament (UE) 2022/720.
  • tipprovdi gwida dwar l-assessjar ta’ limitazzjonijiet speċifiċi vertikali bħal marka unika, provvista esklussiva, restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ postijiet ta’ suq online jew servizzi ta’ tqabbil ta’ prezzijiet, u obbligazzjonijiet ta’ parità.

MINN META JAPPLIKAW IL-LINJI GWIDA?

Dawn japplikaw flimkien mar-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2022, u jissostitwixxi l-linji gwida li jmorru lura għall-2010.

SFOND

  • Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxu akkordji bejn impriżi li jimpedixxu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni Akkordji vertikali jinvolvu impriża waħda jew aktar li joperaw fuq livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew distribuzzjoni.
  • Artikolu 101(3) TFUE jippermetti dawn l-akkordji jekk dawn:
    • itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti jew jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku;
    • iħallu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji;
    • ma jkollhomx restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli għall-kisba tal-benefiċċji;
    • ma jeliminawx kompletament il-kompetizzjoni.
  • Ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija applikabbli għal akkordji vertikali jeżenta akkordji vertikali li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u jippermettu l-ħolqien ta’ “livell xieraq ta’ protezzjoni”.
  • Ir-regolament u l-linji gwida ta’ akkumpanjament dwar restrizzjonijiet vertikali kienu riveduti biex isiru addattati għal ambjent tan-negozju li ħa għamla ġdida bit-tkabbir ta’ kummerċ elettroniku.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Akkordju vertikali. Akkordju jew arranġament bejn żewġ impriżi jew aktar li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew distribuzzjoni relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom jixtru jew ibigħu oġġetti jew servizzi.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Avviż tal-Kummissjoni: Linji gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 248, 30.6.2022, pp. 1-85).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, pp. 4-13).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politiki tal-Unjoni u azzjonijiet interni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, tassazzjoni u approssimazzjoni ta’ liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (eks Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89).

l-aħħar aġġornament 09.09.2022

Top