Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi (2014–2020)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) — mezz li permezz tiegħu l-UE tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiltà u għall-paċi billi tiżgura li l-azzjonijiet li tieħu jkunu effiċjenti u konsistenti.

Huwa jkopri l-oqsma ta’:

  • ir-reazzjoni għal kriżijiet;
  • il-prevenzjoni ta’ kunflitti;
  • il-bini tal-paċi u t-tħejjija għall-kriżijiet;
  • it-trattament ta’ theddid għas-sigurtà globali u transreġjonali.

PUNTI EWLENIN

Appoġġ

L-għajnuna teknika u finanzjarja taħt dan l-istrument tiffoka fuq 3 prijoritajiet:

 

  • 1.
    Reazzjoni rapida għall-kriżijiet jew għall-kriżijiet emerġenti għall-prevenzjoni ta’ kunflitti politiċi jew sabiex jiġi żgurat li s-sitwazzjonijiet ma jeskalawx għal kunflitt armat, bħal:
    • appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà jew għat-tribunali kriminali internazzjonali;
    • miżuri għall-bini mill-ġdid ta’ infrastruttura prinċipali, djar, bini pubbliku u assi ekonomiċi ta’ wara l-kunflitt;
    • azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-użu illeċitu tal-armi tan-nar, kxif u eliminazzjoni tal-mini; u
    • appoġġ għall-indirizzar tal-impatt ta’ ċaqliq f’daqqa tal-popolazzjoni.

    Il-miżuri taħt din il-prijorità normalment ma jaqbżux it-18-il xahar.

     

  • 2.
    Prevenzjoni ta’ kunflitti u tħejjija għall-kriżijiet:
    • il-promozzjoni ta’ twissija bikrija u analiżi tar-riskju tal-kunflitti fit-tfassil tal-politika u l-bini tal-fiduċja permezz tal-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni fil-kuntest ta’ tensjonijiet interkomunitarji;
    • l-użu ta’ missjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni ċivili identifikati fil-Kunsill Ewropew ta’ Feira fl-2000:
      • pulizija — it-tisħiħ tal-kapaċitajiet,
      • it-tisħiħ tal-istat tad-dritt,
      • it-tisħiħ tal-amministrazzjoni ċivili, u
      • it-tisħiħ tal-protezzjoni ċivili;
    • it-trażżin tal-użu tar-riżorsi naturali għall-finanzjament ta’ kunflitti (bħal azzjonijiet sabiex jitwaqqaf in-negozju ta’ djamanti ta’ kunflitt).

    Il-miżuri taħt din il-prijorità huma azzjonijiet fuq terminu ta’ żmien twil.

     

  • 3.
    L-indirizzar ta’ theddid globali, permezz ta’ miżuri fuq terminu ta’ żmien twil biex:

     

Approċċ flessibbli u involviment tas-soċjetà ċivili

Għal aktar effettività, l-għajnuna taħt l-IcSP se tiġi magħmula aktar flessibbli billi t-tul massimu tal-miżuri tar-reazzjoni għall-kriżijiet jiġi estiż għal massimu ta’ 30 xahar u permezz tal-iskjerament tat-tieni miżura ta’ għajnuna eċċezzjonali f’każijiet ta’ kunflitt imtawwal sabiex wieħed jibni fuq ir-riżultati ta’ miżura preċedenti.

Riżorsi finanzjarji jistgħu jikkumplimentaw ukoll l-għajnuna umanitarja tal-UE u l-iffinanzjar ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul.

Il-miżuri ta’ tħejjija, programmazzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ taħt l-IcSP jistgħu jiġu rinforzati, fejn possibbli u xieraq, b’appoġġ minn NGOs, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nies tal-post u gruppi taċ-ċittadini lokali.

Baġit u implimentazzjoni

Il-baġit tal-IcSP għall-2014–2020 huwa ta’ €2.339 billjun. Ħafna mir-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 236/2014, regolament trażversali li jallinja u jissimplifika l-implimentazzjoni tal-iffinanzjar estern kollu tal-UE.

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 236/2014

Fil-kuntest tal-impenn tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, (fejn l-SDG1 ikun il-qerda tal-faqar, u l-SDG16 tkun il-promozzjoni tal-paċi u tal-ġustizzja), kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tal-UE dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, ir-Regolament (UE) 2017/2306 li jemenda r-Regolament oriġinali.

Ir-Regolament emendat jippermetti lill-UE biex, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, tipprovdi għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari fil-pajjiżi sħab bl-għan li tipprovdi sigurtà għall-attivitajiet ta’ żvilupp fil-forma ta’ taħriġ mentoraġġ, tagħmir, titjib fl-infrastruttura, eċċ. L-għajnuna tal-UE taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ tintuża biex jiġi ffinanzjat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-militar għal skopijiet oħra għajr dawk tas-sigurtà għall-iżvilupp, fi kliem ieħor, din ma tistax tintuża biex jiġi ffinanzjat tagħmir letali, nefqa militari rikorrenti, jew taħriġ biex tiżdied il-kapaċità għall-ġlied.

Ġie allokat baġit ta’ €100 miljun għal dawn il-miżuri l-ġodda bejn l-2018 u l-2020.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, fejn l-emenda tas-CBSD daħħlet fis-seħħ f’Jannar 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 1-10)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 230/2014 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1-24)

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 95-108)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 13.04.2018

Top