Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0577

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel

COM/2024/577 final

Brussell, 10.12.2024

COM(2024) 577 final

2024/0319(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Permezz ta’ riformi suċċessivi, il-Politika Agrikola Komuni (“PAK”) qalbet għal appoġġ għall-introjtu u orjentazzjoni lejn is-suq bil-formazzjoni libera tal-prezzijiet għall-prodotti agrikoli. Dawk ir-riformi wieġbu l-aktar għall-isfidi, l-eċċessi u l-kriżijiet endoġeni. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-isfidi tas-settur agrikolu huma xprunati minn fatturi li huma esterni għall-agrikoltura u jirrikjedu rispons ta’ politika usa’.

Il-PAK diġà tipprevedi ċerti miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Madankollu, il-pressjoni fuq l-introjti agrikoli hija mistennija li tkompli hekk kif il-bdiewa jiffaċċjaw riskji dejjem akbar, spejjeż tal-input li qegħdin jiżdiedu u rekwiżiti tal-produzzjoni aktar stretti.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna wasslu għal żieda bla preċedent fl-ispejjeż tal-inputs agrikoli relatati mal-enerġija u għal perjodu twil ta’ inflazzjoni għolja, li jaffettwaw l-ispejjeż tal-bdiewa u l-prezzijiet tal-ikel. B’mod parallel, il-bdiewa jkomplu jwettqu sforzi biex jagħmlu l-produzzjoni tagħhom aktar sostenibbli f’konformità mal-istandards tal-UE.

Barra minn hekk, ħafna konsumaturi, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ żieda fl-għoli tal-ħajja, qalbu x-xejriet tal-konsum tagħhom għal prodotti tal-ikel inqas għaljin. Dan kompla jiddestabbilizza d-distribuzzjoni tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista tal-ikel, u b’hekk ħoloq instabbiltà fl-allokazzjoni tal-profitti u tal-ispejjeż bejn l-atturi tal-katina, qajjem protesti u żied l-isfiduċja.

Fil-15 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni ressqet dokument ta’ riflessjoni li fih ħabbret sett ta’ miżuri maħsuba biex isaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Emenda mmirata tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolamenti tal-PAK relatati ġiet inkluża fis-sett ta’ miżuri li ħabbret il-Kummissjoni.

Il-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-26 ta’ Marzu 2024 appoġġa l-miżuri mħabbra fid-dokument ta’ riflessjoni.

Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss għall-2024-2029 jenfasizzaw il-ħtieġa li l-bdiewa jkollhom introjtu ġust u suffiċjenti u l-ħtieġa li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi eżistenti, tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u li dawn jiġu protetti aktar kontra prattiki kummerċjali inġusti.

Barra minn hekk, id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE, imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta’ Settembru 2023 u mniedi f’Jannar 2024, li laqqa’ flimkien 29 parti kkonċernata ewlenija mis-setturi agroalimentari Ewropej, mis-soċjetà ċivili, mill-komunitajiet rurali u mill-akkademja fir-rapport finali 1 tiegħu appella għal aġġustamenti fil-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur. Il-Prinċipji Politiċi ta’ Gwida tar-rapport dwar id-Djalogu Strateġiku jenfasizzaw b’mod ċar li l-kundizzjonijiet tas-suq iridu jippermettu dħul deċenti għall-bdiewa u għal atturi oħrajn tal-katina tal-ikel u li r-relazzjonijiet ta’ poter fil-katina tal-ikel iridu jkunu bbilanċjati sew. L-ewwel kapitolu tar-rakkomandazzjonijiet tad-Djalogu Strateġiku jittratta katina tal-valur tal-ikel ġusta u kompetittiva permezz tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur tal-ikel. Ir-rakkomandazzjonijiet jirreferu, b’mod partikolari, għall-kuntratti, u jistiednu biex titqies id-data dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-produzzjoni bħala elementi rilevanti fin-negozjati kuntrattwali, u l-possibbiltà li jinfetħu negozjati f’każ ta’ żieda eċċezzjonali fil-kostijiet. Dawn isemmu wkoll l-importanza tal-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni. Fir-rigward tal-kooperazzjoni, dawn jappellaw għat-tisħiħ tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (OP), l-Assoċjazzjonijiet ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Produtturi (APOs, Associations of Producer Organisations), kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċess ta’ rikonoxximent tagħhom u l-appoġġ immirat favur tagħhom. Id-Djalogu Strateġiku jirrikonoxxi li d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali tas-sostenibbiltà għandhom l-istess importanza għas-soċjetajiet Ewropej b’mod ġenerali u għas-sistemi agroalimentari b’mod partikolari, u li l-PAK għandha tippromwovi eżiti ambjentali u soċjali pożittivi u tappoġġa d-diversifikazzjoni ta’ mudell ta’ negozju sostenibbli, inkluż pereżempju ktajjen tal-provvista qosra.

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar id-Djalogu Strateġiku, huwa għalhekk xieraq li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kuntrattwali tal-bdiewa u tiġi restawrata l-fiduċja tal-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Artikolu 39 tat-TFUE jistabbilixxi l-objettivi tal-PAK:

·li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol;

·li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura;

·li tagħmel is-swieq stabbli;

·li tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-provvisti;

·li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.

Din il-proposta hija konsistenti ma’ dawk l-objettivi u mal-filosofija ġenerali tar-Regolamenti tal-PAK li bħalissa huma fis-seħħ (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq 2 , ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK 3 u r-Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK 4 ).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta temenda għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-PAK li bħalissa huma fis-seħħ, mingħajr ma tbiddel l-essenza tagħhom. Billi dawk id-dispożizzjonijiet huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, il-proposta hija konsistenti wkoll ma’ dawk il-politiki.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 42, l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) minħabba li: (i) il-proposta temenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (UE) 2021/2115 u r-Regolament (UE) 2021/2116, li huma kollha bbażati fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE; u (ii) ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa bbażat ukoll fuq l-Artikolu 42, l-ewwel subparagrafu tat-TFUE u din il-proposta fiha wkoll dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni (jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni) tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta temenda r-Regolamenti eżistenti adottati fil-livell tal-UE u li huma applikabbli fl-Istati Membri kollha.

L-emendi jimmiraw li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista agroalimentari billi: (i) jissimplifikaw ir-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi; (ii) isaħħu r-regoli dwar il-kuntrattwalizzazzjoni; (iii) jistabbilixxu regoli dwar l-użu ta’ termini fakultattivi transsettorjali għal “ġust”, “ekwu” u termini ekwivalenti, kif ukoll għal “ktajjen tal-provvista qosra”; (iv) jintroduċu l-possibbiltà li jingħata appoġġ finanzjarju mill-Unjoni lill-Istati Membri għal miżuri meħuda mill-operaturi f’perjodi ta’ żbilanċi serji fis-suq; u (v) itejbu l-livell ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-biedja fl-Istati Membri billi jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jimplimentaw programmi operazzjonali, u jtejbu l-adozzjoni ta’ interventi settorjali fis-setturi l-oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 42(f) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

L-emendi jżommu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi u l-grad ta’ armonizzazzjoni diġà miksub mir-Regolamenti eżistenti. Għalhekk jitqies li dawn ma jistgħux jiġu implimentati mill-Istati Membri waħedhom.

Proporzjonalità

Il-proposta temenda r-Regolamenti eżistenti biss sal-punt strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi deskritti hawn fuq, filwaqt li tiżgura li l-emendi jibqgħu immirati u jipprevedu flessibbiltajiet xierqa.

L-emendi proposti jimmodifikaw biss aspetti speċifiċi ta’ għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolamenti eżistenti. Dawn itejbu u jsaħħu ulterjorment id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar kuntratti li jinvolvu lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet tagħhom ma’ atturi oħrajn fil-katina, kif ukoll isaħħu s-setgħa ta’ negozjar tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u tal-assoċjazzjonijiet tagħhom, inaqqsu l-piż amministrattiv għar-rikonoxximent tagħhom, u jistabbilixxu qafas ta’ inċentiv għal skemi u ftehimiet volontarji li għandhom l-għan li jtejbu r-remunerazzjoni tal-bdiewa u l-inizjattivi ta’ sostenibbiltà soċjali.

Għażla tal-istrument

Peress li din il-proposta temenda r-Regolamenti eżistenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-emendi jridu jiġu introdotti wkoll b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta għal bidliet immirati fir-Regolament dwar l-OKS u Regolamenti oħrajn relatati mal-PAK hija waħda mill-miżuri mħabbra fid-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2024. Minħabba l-urġenza li jiġu indirizzati l-isfidi urġenti li bħalissa qiegħed jiffaċċja s-settur agrikolu u l-urġenza li tittieħed azzjoni b’risposta għall-protesti tal-bdiewa, ma saret l-ebda evalwazzjoni ex post/kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza li tittieħed azzjoni b’risposta għall-isfidi urġenti tas-settur agrikolu Ewropew, ma saret l-ebda sejħa għal evidenza jew konsultazzjoni pubblika. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati rilevanti ġew ikkonsultati permezz ta’ laqgħat immirati (ara “Ġbir u użu tal-għarfien espert”).

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Filwaqt li ma saret l-ebda sejħa għal evidenza jew konsultazzjoni pubblika minħabba l-urġenza li tittieħed azzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat il-miżuri proposti diversi drabi lill-Kunsill, laqgħa estiża tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, in-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-kompetizzjoni u f’laqgħat bilaterali li jinvolvu l-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha bbażati fl-UE fil-katina tal-provvista agroalimentari, inklużi l-konsumaturi.

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-urġenza li tittieħed azzjoni bħala tweġiba għall-isfidi urġenti li bħalissa qiegħed jiffaċċja s-settur agrikolu, ma tista’ ssir l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

Madankollu, il-miżuri proposti ġew żviluppati abbażi tal-kontribut riċevut mill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-laqgħa estiża tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili, in-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-kompetizzjoni u f’laqgħat bilaterali li involvew l-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha bbażati fl-UE fil-katina tal-provvista agroalimentari, inklużi l-konsumaturi, kif ukoll mill-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

Dawn huma konformi wkoll mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE ta’ Settembru 2024.

L-impatt tal-proposta se jiddependi mill-adozzjoni ta’ ċerti miżuri volontarji mill-bdiewa u mix-xerrejja ta’ prodotti agrikoli, kif ukoll mid-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jużaw l-għażliet u d-derogi pprovduti.

Fi żmien 3 xhur wara l-adozzjoni tal-proposta se jiġi prodott dokument ta’ ħidma tal-persunal. Dan se jiddeskrivi b’mod ċar il-kwistjonijiet indirizzati, il-bidliet immirati proposti u l-impatt probabbli tagħhom, kif ukoll sommarju tar-rispons riċevut mingħand il-partijiet ikkonċernati.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija waħda mill-miżuri mħabbra fid-Dokument ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2024 bħala parti mill-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni. Il-kwantifikazzjoni tal-piż amministrattiv imnaqqas se tiġi ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal, sa fejn ikun possibbli.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju kwantifikabbli.

Filwaqt li l-miżuri 12-17 (elenkati taħt il-Punt 5 Elementi oħrajn – Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta) jistgħu jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u konsegwentement iżidu n-nefqa, kwalunkwe nefqa relatata se tibqa’ taħt is-sublimitu tal-FAEG.

Fir-rigward tar-riżerva għall-agrikoltura ffinanzjata mill-FAEG, il-proposta ma tipprevedi l-ebda bidla fl-ammont globali tagħha. Filwaqt li l-użu tar-riżerva għall-finanzjament tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 222 tal-OKS jista’ jkollu konsegwenzi fir-rigward tal-allokazzjoni possibbli tal-ammonti għal miżuri eċċezzjonali oħrajn f’sena partikolari, dawn ma jistgħux jiġu kkwantifikati f’dan l-istadju.

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tal-frott u l-ħxejjex approvata mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali se tkun limitata għal ċertu perċentwal (minn 4,1 % sa 5,5 % skont it-tip ta’ benefiċjarji u l-objettivi mfittxija) tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

Il-proposta fiha dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-allokazzjonijiet finanzjarji għal tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagamenti diretti u għal tipi ta’ intervent f’setturi “oħrajn”. Il-fondi magħmula disponibbli għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li joperaw f’setturi “oħrajn” se jkunu limitati għall-ammonti ttrasferiti (fil-limiti tad-dispożizzjoni legali relatata) minn pagamenti diretti deċiżi mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni. F’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw dik il-flessibbiltà, dan se jkollu impatt biss fuq l-allokazzjonijiet ta’ pagamenti diretti u setturi “oħrajn”, u l-bidla tibqa’ fi ħdan il-FAEG. L-impatt ma jistax jiġi kkwantifikat f’dan l-istadju.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proposta temenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament (UE) 2021/2115 u r-Regolament (UE) 2021/2116. Għalhekk, il-pjan ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar jibqgħu l-istess bħal dawk taħt il-qafas kurrenti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli (it-test legali huwa Regolament)

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-ewwel nett, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-użu ta’ termini li jiddeskrivu l-modalitajiet kummerċjali li jiżguraw l-allokazzjoni ġusta tal-valur miżjud lill-bdiewa. L-għan huwa li jiżdiedu t-trasparenza u l-affidabbiltà tal-użu ta’ dawk it-termini biex tiġi żgurata l-allokazzjoni ġusta tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista tal-ikel, biex jiġi pprevenut l-użu ħażin ta’ tali termini u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni affidabbli dwar l-allokazzjoni ġusta tal-valur miżjud lill-bdiewa u l-ktajjen tal-provvista qosra.

It-tieni, kull konsenja ta’ prodotti agrikoli għandha tkun koperta minn kuntratt bil-miktub, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet u għall-possibbiltà li l-Istati Membri jeżentaw ċerti prodotti agrikoli minn dak ir-rekwiżit.

It-tielet, il-kuntratti bil-miktub għandhom jinkludu ċerti elementi li jiżguraw it-trasparenza u l-prevedibbiltà fil-kalkolu tal-prezz finali.

Ir-raba’, il-kuntratti b’durata ta’ aktar minn 6 xhur għandhom jinkludu klawżola ta’ reviżjoni li tippermetti lill-bdiewa, lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jitolbu reviżjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li fihom il-prezz ma jibqax ikopri l-ispejjeż tal-produzzjoni u jitterminaw il-kuntratt jekk tali talba tiġi miċħuda.

Il-ħames, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ medjazzjoni u jagħmluh disponibbli għall-partijiet li jkunu jixtiequ jużawh.

Is-sitt, ir-regoli eżistenti dwar id-definizzjoni u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom jiġu ssimplifikati. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-produtturi ta’ prodotti organiċi, l-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi minn dawk il-produtturi għandhom isiru espliċitament possibbli.

Is-seba’, ir-regoli eżistenti dwar l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom jiġu ċċarati biex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jiġu stabbiliti fuq inizjattiva tal-bdiewa u jiġu kkontrollati f’konformità mar-regoli li jippermettu lill-bdiewa membri jiskrutinizzaw b’mod demokratiku l-organizzazzjonijiet tagħhom u d-deċiżjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet.

It-tmien, għandu jkun permess li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi mhux rikonoxxuti, inklużi l-kooperattivi, jinnegozjaw kundizzjonijiet kuntrattwali, f’isem il-membri tagħhom għal parti mill-produzzjoni tagħhom jew għall-produzzjoni kollha tagħhom.

Id-disa’, l-assoċjazzjonijiet rikonoxxuti tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandhom ikunu jistgħu jinnegozjaw termini kuntrattwali f’isem il-membri rikonoxxuti tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tagħhom.

L-għaxar, il-promozzjoni tal-użu ta’ inizjattivi b’termini fakultattivi użati biex jiġu indikati l-modalitajiet kummerċjali, bħal “ġust”, “ekwu” jew it-termini ekwivalenti tagħhom u “katina tal-provvista qasira” għandha tiġi inkluża fil-lista ta’ objettivi li organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta tista’ ssegwi.

Il-ħdax, l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni vertikali u orizzontali li jikkonċernaw il-prodotti agrikoli u tal-ikel, li għandhom l-għan li japplikaw ċerti rekwiżiti ta’ sostenibbiltà soċjali li huma aktar stretti mir-rekwiżiti obbligatorji, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE.

It-tnax, ir-Regolament (UE) 2021/2115 għandu jiġi emendat fir-rigward tat-tipi ta’ interventi f’ċerti setturi. Barra minn hekk, għandha tiżdied l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi operazzjonali f’ċerti setturi.

It-tlettax, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-programmi operazzjonali implimentati mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex fl-Istati Membri li fihom il-livell ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jkun inqas minn 10 % għal 3 snin konsekuttivi qabel l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali għandu jiżdied minn 50 % għal 60 %.

L-erbatax, għandu jingħata inċentiv speċifiku lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa ġodda li jissieħbu f’organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta u li jwettqu investimenti implimentati fl-azjenda tagħhom.

Il-ħmistax, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fil-każ ta’ eventi meteoroloġiċi avversi, diżastri naturali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet tal-pesti għandu jiżdied minn 50 % għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba, taħt ċerti kundizzjonijiet.

Is-sittax, l-Istati Membri għandhom jitħallew, mill-2025, jużaw sa 6 % tal-allokazzjonijiet tagħhom ta’ pagamenti diretti biex jappoġġaw is-setturi stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-punti (a) sa (h), (k), (m), (o) sa (t) u (w), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u s-setturi li jkopru l-prodotti elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Is-sbatax, ir-Regolament (UE) 2021/2116 għandu jiġi emendat biex jippermetti l-użu tar-riżerva għall-agrikoltura b’appoġġ għal kategoriji speċifiċi ta’ azzjonijiet kollettivi minn ċerti operaturi privati adottati bil-għan li jiġu stabbilizzati s-setturi kkonċernati minn żbilanċ serju fis-suq.



2024/0319 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 5 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 7 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Is-settur agrikolu, b’mod partikolari l-bdiewa, qegħdin jiffaċċjaw firxa ta’ sfidi. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna wasslu għal żieda bla preċedent fl-ispejjeż tal-inputs agrikoli relatati mal-enerġija u għal perjodu twil ta’ inflazzjoni għolja, li affettwaw l-ispejjeż tal-bdiewa u l-prezzijiet tal-ikel. B’mod parallel, il-bdiewa jkomplu jwettqu sforzi biex jagħmlu l-produzzjoni tagħhom aktar sostenibbli mill-aspett ambjentali. Ħafna konsumaturi, li jħabbtu wiċċhom ma’ żieda fl-għoli tal-ħajja, qalbu wkoll ix-xejriet tal-konsum tagħhom għal prodotti tal-ikel li huma inqas għaljin. Dan kompla jiddistabbilizza d-distribuzzjoni tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista tal-ikel u żied il-livell ta’ inċertezza li joperaw fih il-bdiewa, biex b’hekk qajjem protesti u sfiduċja. Għalhekk huwa xieraq li jiġu adottati miżuri biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi u tiġi restawrata l-fiduċja tal-atturi fil-katina tal-provvista tal-ikel.

(2)Diversi operaturi fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel, li huma attivi fi stadji differenti tal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut, żviluppaw skemi u tikketti biex jippromwovu modalitajiet kummerċjali li jiżguraw l-allokazzjoni ġusta tal-valur miżjud lill-bdiewa u l-ħolqien u ż-żamma ta’ ktajjen tal-provvista qosra. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għall-użu ta’ termini fakultattivi li jiddeskrivu dawk il-modalitajiet kummerċjali huwa meħtieġ biex jiżdiedu t-trasparenza u l-affidabbiltà tal-użu ta’ dawk it-termini fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jiġu kkomplementati r-regoli eżistenti dwar it-tikkettar tal-ikel, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 .

(3)Fl-interess ta’ fiduċja u ekwità akbar tul il-katina tal-provvista tal-ikel, it-termini “ġust”, “ekwu” jew termini ekwivalenti, jenħtieġ li jintużaw biss biex jiġu indikati modalitajiet kummerċjali li jiżguraw l-istabbiltà u t-trasparenza fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-bdiewa u x-xerrejja u l-ipprezzar ikkunsidrat ekwu mill-bdiewa parteċipanti, u li jappoġġaw u jikkontribwixxu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż b’mod li jkun konsistenti mal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 .

(4)It-terminu “katina tal-provvista qasira” jenħtieġ li jintuża biss biex jiġu indikati modalitajiet kummerċjali fejn tkun teżisti rabta diretta bejn il-bdiewa u l-konsumaturi li tippermetti skambju dirett dwar il-proċess tal-produzzjoni u l-prodott, inkluż permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod u/jew permezz ta’ intermedjarju li jiżgura tali skambju fil-mument tal-bejgħ. Inkella, dan it-terminu jista’ jintuża wkoll fejn tkun teżisti rabta mill-qrib bejn il-bdiewa u l-konsumaturi fil-prossimità ġeografika tagħhom, inkluż f’kuntesti transfruntieri. Dan se jinċentiva lill-konsumaturi biex iħallsu prezzijiet li jirremuneraw b’mod ġust lill-bdiewa għal dak li jipproduċu, isaħħaħ u jikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żoni rurali, itejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-oriġini u l-metodi ta’ produzzjoni tal-prodotti.

(5)Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-aspettattivi dejjem jevolvu tal-konsumatur, l-avvanzi kemm fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll fl-istandards internazzjonali rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-użu tat-termini fakultattivi li jindikaw modalitajiet kummerċjali relatati mal-allokazzjoni ġusta tal-valur miżjud lill-bdiewa u l-ħolqien u ż-żamma ta’ ktajjen tal-provvista qosra. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 .

(6)Għal dawk l-istess raġunijiet, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ termini fakultattivi addizzjonali li huma ekwivalenti għat-termini “ġust” jew “ekwu”.

(7)Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistipulaw rekwiżiti supplimentari għall-użu ta’ termini fakultattivi għal modalitajiet kummerċjali, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li ma jfixklux, ma jillimitawx jew ma jostakolawx l-użu ta’ dawn it-termini għal prodotti magħmula jew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor.

(8)L-użu ta’ kuntratti bil-miktub għandu rwol kruċjali fl-akkontabbiltà tal-operaturi, billi jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-sinjali tas-suq, jadatta l-provvista għad-domanda, itejjeb it-trażmissjoni tal-prezzijiet fil-katina tal-provvista, isaħħaħ it-trasparenza u jipprevjeni u jindirizza prattiki kummerċjali inġusti. Għalhekk, ir-regoli dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jenħtieġ li jiġu estiżi biex ikopru prodotti għajr il-ħalib mhux ipproċessat, filwaqt li jiġi żgurat l-allinjament mar-regoli dwar ir-relazzjonijiet kuntrattwali applikabbli għal setturi agrikoli oħrajn.

(9)Sabiex tiżdied il-flessibbiltà għall-Istati Membri u tiġi ssimplifikata l-proċedura għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tittejjeb l-effiċjenza, ir-regoli dwar l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jenħtieġ li jippermettu r-rikonoxximent tagħhom wara talba waħda li tkopri diversi setturi u prodotti. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-produtturi ta’ prodotti organiċi, jenħtieġ li jiġi previst b’mod espliċitu l-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi mill-produtturi ta’ prodotti organiċi. Il-kriterji għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-istatuti tagħhom jenħtieġ li jipprevedu wkoll li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jiġu stabbiliti fuq inizjattiva tal-bdiewa u jiġu kkontrollati f’konformità mar-regoli li jippermettu lill-bdiewa membri jeżaminaw b’mod demokratiku l-organizzazzjoni u d-deċiżjonijiet tagħhom. Dan jenħtieġ li ma jipprekludix lil produtturi oħrajn li ma humiex bdiewa, u lil dawk li ma humiex produtturi milli jissieħbu f’organizzazzjonijiet ta’ produtturi. 

(10)Sabiex jiġi promoss żvilupp sostenibbli ulterjuri, li huwa prinċipju ewlieni tat-Trattat u objettiv prijoritarju għall-politiki tal-Unjoni, u biex jiġu żgurati t-trasparenza, l-istabbiltà u l-ekwità fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-bdiewa u x-xerrejja tul il-katina tal-provvista, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonoxxu lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jfittxu li jilħqu għanijiet speċifiċi b’termini fakultattivi għall-modalitajiet kummerċjali, bħal “ġust”, “ekwu” jew termini ekwivalenti, u “katina tal-provvista qasira”.

(11)Sabiex jiġi żgurat standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa, tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom fil-konfront ta’ proċessuri u atturi oħrajn fil-katina tal-provvista u tiġi prevista distribuzzjoni aktar ġusta tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista, il-possibbiltà ta’ negozjar ta’ termini kuntrattwalif’isem il-membri tagħhom jenħtieġ li tiġi estiża għal organizzazzjonijiet ta’ produtturi mhux rikonoxxuti, inklużi kooperattivi, għal parti mill-produzzjoni tagħhom jew għall-produzzjoni kollha tagħhom. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali mal-membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti, din il-possibbiltà jenħtieġ li tkun soġġetta għal limiti xierqa. B’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi mhux rikonoxxuti li jibbenefikaw minn dik il-possibbiltà jenħtieġ li jikkonformaw mal-kriterji ta’ rikonoxximent stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u jinvolvu ruħhom fl-attivitajiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 , inkluża l-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid tal-prodotti tal-membri tagħhom fis-suq.  

(12)Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti u jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni agrikola, l-assoċjazzjonijiet rikonoxxuti ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jenħtieġ li jitħallew jinnegozjaw termini kuntrattwali f’isem il-membri tagħhom, inkluż il-prezz, għal xi parti mill-produzzjoni tal-membri tagħhom jew għall-produzzjoni tal-membri kollha tagħhom. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tkun permessa, soġġett għas-salvagwardja li l-organizzazzjonijiet li jkunu membri ta’ dawk l-assoċjazzjonijiet ma jkunux ukoll membri ta’ assoċjazzjoni oħra ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-volum ta’ prodotti koperti mill-attivitajiet tal-assoċjazzjoni ma jkunx aktar minn 33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ kwalunkwe Stat Membru partikolari. Sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq, jenħtieġ ukoll li l-assoċjazzjonijiet rikonoxxuti ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi ma jitħallewx jinnegozjaw termini kuntrattwali meta dawk l-assoċjazzjonijiet jinkludu organizzazzjonijiet ta’ produtturi mhux rikonoxxuti.

(13)Sabiex jiġi pprevenut li x-xerrejja jfixklu l-pożizzjoni ta’ negozjar tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall-kuntatti bejn ix-xerrejja u l-membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Filwaqt li x-xerrejja jistgħu jikkuntattjaw lill-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, dawk il-kuntatti jenħtieġ li ma jfixklux l-objettivi tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, jew il-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid tal-prodotti fis-suq.

(14)L-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tad-djalogu bejn l-atturi fil-katina tal-provvista, u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki, tat-trasparenza tas-suq, tal-istabbiltà u tal-ekwità fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-bdiewa u x-xerrejja tul il-katina tal-provvista kollha. Għalhekk huwa xieraq li tiġi inkluża l-promozzjoni ta’ inizjattivi għall-inklużjoni ta’ termini fakultattivi għall-modalitajiet kummerċjali, bħat-termini “ġust”, “ekwu” jew termini ekwivalenti, u “katina tal-provvista qasira” fil-lista ta’ objettivi li organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta tista’ tfittex li tilħaq.

(15)Ċerti Stati Membri ddeċidew li l-konsenji kollha ta’ prodotti agrikoli fit-territorju tagħhom għandhom ikunu koperti minn kuntratti bil-miktub bejn il-partijiet. Meta l-Istati Membri ma jużawx din il-possibbiltà, il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jistgħu jitolbu l-użu ta’ kuntratti bil-miktub. Madankollu, minħabba l-pożizzjoni ta’ negozjar aktar dgħajfa tal-bdiewa u l-biża’ ta’ ritaljazzjoni kummerċjali mix-xerrejja, jista’ jkun diffiċli għall-bdiewa u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom li jagħmlu talba bħal din. Sabiex jiżdiedu l-fiduċja, it-trasparenza u l-effiċjenza fil-katina tal-provvista u biex il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet kollha ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ kuntratti bil-miktub, il-konsenji ta’ prodotti agrikoli fl-Unjoni minn bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut jenħtieġ li jkunu koperti minn kuntratt bil-miktub.  

(16)Sabiex jitqiesu aħjar is-sinjali tas-suq u biex tittejjeb it-trażmissjoni tal-prezzijiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu l-użu ta’ kuntratti bil-miktub għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli minn produtturi għajr il-bdiewa, minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, u jenħtieġ li jirrikjedu li x-xerrejja jużaw offerti bil-miktub għal kuntratti għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli. Fl-interess tas-sempliċità u t-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi ċerti eċċezzjonijiet għall-użu meħtieġ ta’ kuntratti bil-miktub jew offerti bil-miktub għal kuntratti u jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw ċerti konsenji mill-użu meħtieġ ta’ kuntratti bil-miktub jew offerti bil-miktub, filwaqt li jħalli lill-bdiewa u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom il-possibbiltà li jitolbu l-użu ta’ kuntratti bil-miktub jew offerti bil-miktub meta ma jkunx hemm tali obbligu.

(17)L-użu meħtieġ ta’ kuntratti bil-miktub għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli u l-kundizzjonijiet bażiċi għall-użu tagħhom jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat li d-dritt tal-partijiet li jinnegozjaw l-elementi kollha tal-kuntratti tagħhom ma jkunx ristrett lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ.

(18)Sabiex il-partijiet jiġu mħeġġa jilħqu ftehim bonarju f’każ ta’ tilwim dwar il-konklużjoni jew ir-rieżami ta’ kuntratt bil-miktub, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ medjazzjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni fis-seħħ fit-territorju tagħhom jew l-istabbiliment ta’ dawk il-mekkaniżmi, u l-Kummissjoni tista’ tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattiki dwar dawk il-mekkaniżmi. 

(19)Sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tal-mekkaniżmi tat-trażmissjoni tal-prezzijiet, fejn il-prezz finali pagabbli għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli jiġi kkalkolat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, dawk il-fatturi jenħtieġ li jinkludu indikaturi, indiċijiet jew metodi ta’ kalkolu oġġettivi li huma faċilment komprensibbli mill-partijiet. Sabiex jiġi evitat li l-bdiewa jkunu mġiegħla jbigħu b’mod sistematiku taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom, l-indikaturi, l-indiċijiet u l-metodi tal-kalkolu tal-prezz finali jenħtieġ li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli kkonsenjati.

(20)Meta titqies il-pożizzjoni ta’ negozjar vulnerabbli tal-bdiewa u tal-organizzazzjonijiet tagħhom, il-każijiet reċenti ta’ volatilità sinifikanti fl-ispejjeż tal-inputs agrikoli u fil-prezzijiet tas-suq, u l-ħtieġa ta’ trażmissjoni aktar effiċjenti tal-prezzijiet fil-katina tal-provvista, il-kuntratti b’tul ta’ żmien ta’ aktar minn 6 xhur jenħtieġ li jinkludu klawżola ta’ reviżjoni li tista’ tiġi skattata mill-bdiewa u mill-organizzazzjonijiet tagħhom. Tali klawżola jenħtieġ li tippermetti lill-bdiewa jitolbu fi kwalunkwe mument wara l-perjodu ta’ 6 xhur reviżjoni tal-elementi tal-kuntratt u tippermettilhom itemmu l-kuntratt f’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar reviżjoni, mingħajr indħil mad-dritt tal-partijiet li jinnegozjaw possibbiltajiet oħrajn għar-reviżjoni tal-kuntratt.

(21)Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza kuntrattwali u jkun hemm kontribut għal prattiki kummerċjali aktar ġusti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu r-reġistrazzjoni ta’ kuntratti bil-miktub għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli.

(22)Ċerti inizjattivi ta’ kooperazzjoni vertikali u orizzontali li jikkonċernaw prodotti agrikoli u tal-ikel, li għandhom l-għan li japplikaw rekwiżiti li huma aktar stretti mir-rekwiżiti obbligatorji, jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq l-objettiv tal-politika agrikola komuni li jiġi żgurat standard tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola u fuq l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni. Għalhekk, f’ċirkostanzi speċifiċi, inizjattivi bħal dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(23)F’perjodi ta’ żbilanċ serju fis-suq, kategoriji speċifiċi ta’ azzjonijiet kollettivi minn operaturi privati jistgħu jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tas-setturi kkonċernati. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-operaturi privati jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel disponibbli riżorsi tal-Unjoni mir-riżerva għall-agrikoltura biex tappoġġa dawn l-azzjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jallokaw ukoll riżorsi nazzjonali addizzjonali.

(24)Sabiex il-produtturi tal-pitravi taz-zokkor ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ċarezza kuntrattwali mtejba u biex jiġi żgurat qafas kuntrattwali armonizzat filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tas-settur tal-pitravi taz-zokkor, it-termini tax-xiri f’kuntratti għall-konsenja ta’ pitravi taz-zokkor jenħtieġ li jiġu allinjati mal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ kuntratti bil-miktub f’setturi agrikoli oħrajn. 

(25)Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. 

(26)Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel, jenħtieġ li jiġu emendati diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 fir-rigward tat-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi. Dawn l-emendi għandhom l-għan li jappoġġaw lill-bdiewa biex isiru jew jibqgħu membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fid-dawl tar-rwol pożittiv li dawn l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet għandhom fit-tisħiħ tas-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat appoġġ aktar effiċjenti u mmirat tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ żieda fl-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi operazzjonali f’ċerti setturi.

(27)Il-valur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ikkummerċjalizzati minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi meta mqabbel mal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex f’ċerti Stati Membri għadu ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Fost l-inċentivi finanzjarji disponibbli, l-Istati Membri diġà jistgħu jipprovdu assistenza finanzjarja nazzjonali kif previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2021/2115 lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jinsabu f’ċerti reġjuni fejn il-livell ta’ organizzazzjoni huwa ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Bil-għan li tittejjeb il-kompetittività, jissaħħu l-pożizzjonijiet tal-bdiewa fil-katina tal-valur u jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet ta’ produtturi ġodda, jenħtieġ li jingħata inċentiv finanzjarju li jikkonsisti f’żieda ta’ 10 % tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fl-Istati Membri, li fihom il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jkun inqas minn 10 % għal 3 snin konsekuttivi qabel l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali rilevanti.

(28)Bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur tal-biedja u jiġi mħeġġeġ id-dħul ta’ produtturi ġodda membri f’organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u f’setturi oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 42, il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li jingħata inċentiv partikolari lill-bdiewa żgħażagħ u lill-bdiewa ġodda li jissieħbu f’organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Konsegwentement, jenħtieġ li ssir disponibbli żieda possibbli ta’ 10 % fl-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għan-nefqa relatata mal-investimenti li jsiru fl-azjenda ta’ bidwi żagħżugħ jew produttur ġdid li jissieħeb għall-ewwel darba f’organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta.

(29)Minħabba r-rikorrenza ta’ eventi klimatiċi avversi, diżastri naturali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti f’dawn l-aħħar snin, irriżulta utli għall-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jkunu jistgħu jidderieġu mill-ġdid il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-fond operazzjonali, għal interventi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta’ dawk l-avvenimenti. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 tiżdied minn 50 % għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba, taħt ċerti kundizzjonijiet.

(30)Sabiex jiġi appoġġat l-istabbiliment ta’ tipi ta’ intervent fis-setturi l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 42(f), tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li, mill-2025, l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà biex jaġġustaw l-allokazzjoni tal-fondi għal dawn is-setturi billi jużaw sa 6 % tal-allokazzjonijiet tagħhom għal pagament dirett.

(31)Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

(32)Bil-għan li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jsiru disponibbli għall-Istati Membri riżorsi tal-Unjoni mir-riżerva għall-agrikoltura sabiex jiġu appoġġati azzjonijiet kollettivi minn operaturi privati f’perjodi ta’ żbilanċ serju fis-suq, il-possibbiltà li tintuża r-riżerva għall-agrikoltura jenħtieġ li tiġi estiża għall-appoġġ ta’ azzjonijiet kollettivi meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li r-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx għal dawk l-azzjonijiet.

(33)Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 jiġi emendat skont dan.

(34)Sabiex l-operaturi tas-suq jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jadattaw u biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-iskemi u l-prattiki nazzjonali eżistenti, l-applikazzjoni tar-regoli relatati mar-riżerva tat-termini fakultattivi “ġust”, “ekwu” u t-termini ekwivalenti tagħhom, u t-terminu “ktajjen tal-provvista qosra”, jenħtieġ li tiġi differita b’sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex l-operaturi jadattaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom għar-regoli l-ġodda dwar il-kuntratti bil-miktub, l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli jenħtieġ li tiġi differita bi 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)Fil-Parti II, Titolu II, Kapitolu I, Taqsima 1, tiżdied is-subtaqsima li ġejja wara s-Subtaqsima 3:

“Subtaqsima 3a 

Użu ta’ termini fakultattivi għall-prodotti fis-setturi kollha elenkati fl-Artikolu 1(2)

   

Artikolu 88a   

Termini fakultattivi għall-modalitajiet kummerċjali 

  

1.It-termini “ġust”, “ekwu” jew termini ekwivalenti għal dawn it-termini jistgħu jintużaw biss, waħedhom jew flimkien ma’ termini oħrajn, fuq it-tikkettar, fil-preżentazzjoni, fuq materjal ta’ reklamar jew fuq dokumenti kummerċjali ta’ prodott tas-setturi elenkati fl-Artikolu 1(2) li jitqiegħed fis-suq, dment li dawn it-termini jintużaw biex jinformaw lix-xerrejja dwar il-modalitajiet eżistenti għall-organizzazzjoni tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni jew tat-tqegħid fis-suq, li tal-inqas jikkontribwixxu għal:  

  

(a)l-istabbiltà u t-trasparenza fir-relazzjonijiet tal-bdiewa max-xerrejja tul il-katina tal-provvista, 

(b)prezz meqjus ġust mill-bdiewa parteċipanti għall-prodotti tagħhom, u  

(c)inizjattivi kollettivi li jfittxu li jilħqu wieħed jew aktar mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.It-terminu “katina tal-provvista qasira” jista’ jintuża biss, waħdu jew flimkien ma’ termini oħrajn, fuq it-tikkettar, fil-preżentazzjoni, fuq materjal ta’ reklamar jew fuq dokumenti kummerċjali ta’ prodott tas-setturi elenkati fl-Artikolu 1(2) li jitqiegħed fis-suq, dment li t-terminu jintuża biex jinforma lix-xerrejja dwar il-modalitajiet eżistenti għall-organizzazzjoni tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni jew tat-tqegħid fis-suq, li jipprevedu:   

  

(a)rabta diretta bejn il-bidwi u l-konsumatur finali tal-prodott, jew  

(b) rabta mill-qrib u prossimità ġeografika bejn il-bidwi u l-konsumatur finali tal-prodott.

3.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika ulterjorment il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), u fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), filwaqt li jitqies kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti. 

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2). 

4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 227, filwaqt li temenda l-paragrafu 1 biex iżżid termini li huma ekwivalenti għat-termini “ġust” jew “ekwu”, meta tali termini ekwivalenti jintużaw fis-suq biex jinformaw lix-xerrejja dwar il-modalitajiet kummerċjali msemmija fil-paragrafu 1.

5.L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c) u fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), għall-użu tat-termini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament. Dawn ir-regoli ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-użu tat-termini msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għal prodotti li huma prodotti jew ikkummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor skont it-termini msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

6. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011.”;  

(2)L-Artikolu 148 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 148

Relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

1.Kull konsenja fl-Unjoni ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib minn bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, lil proċessur, kollettur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut għandha tkun koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet.

Tali kuntratt għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 8.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “kollettur” tfisser intrapriża li tittrasporta ħalib mhux ipproċessat minn bidwi jew kollettur ieħor għand proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat jew kollettur ieħor, fejn il-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat tiġi ttrasferita f’kull każ.

2.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li:

a)il-konsenja ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib minn produttur għajr bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil proċessur, kollettur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut għandha tkun koperta minn kuntratt bil-miktub;

b) l-ewwel xerrejja tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib għandhom jagħmlu offerta bil-miktub għal kuntratt għall-konsenja tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

Tali kuntratt jew offerta għal kuntratt għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 8.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ medjazzjoni biex ikopri każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda ftehim reċiproku biex jiġi konkluż kuntratt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 jew biex jiġi rivedut tali kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom.

4.Il-kuntratt jew l-offerta għal kuntratt imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha:

(a)issir qabel ma ssir il-konsenja,

(b)issir bil-miktub, u

(c)tinkludi, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

(i)il-prezz pagabbli għall-konsenja, li għandu:

ikun statiku u stabbiliti fil-kuntratt; jew

jiġi kkalkolat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li għandhom jinkludu indikaturi, indiċijiet jew metodi ta’ kalkolu oġġettivi tal-prezz finali, li huma faċilment aċċessibbli u komprensibbli u li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u fl-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kwantitajiet ikkonsenjati u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib ikkonsenjati. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw indikaturi, f’konformità mal-kriterji oġġettivi bbażati fuq studji mwettqa dwar il-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel. Il-partijiet għall-kuntratti għandhom ikunu liberi li jirreferu għal dawn l-indikaturi jew għal kwalunkwe indikatur ieħor;

(ii)il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat jew il-kwalità u l-kwantità ta’ ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib li għandhom jiġu kkonsenjati, u l-ħin ta’ tali konsenji;

(iii)it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, li jista’ jinkludi tul ta’ żmien definit jew indefinit bi klawżola ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ kuntratt b’tul ta’ żmien ta’ aktar minn 6 xhur, il-kuntratt għandu jinkludi klawżola ta’ reviżjoni li tista’ tiġi skattata mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi;

(iv)id-dettalji rigward il-perjodi u l-proċeduri ta’ ħlas;

(v)arranġamenti għall-ġbir jew għall-konsenja tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib; u

(vi)ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ force majeure.

5.B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub għal kuntratt ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:

(a)il-ħalib jew il-prodotti tal-ħalib ikkonċernati jiġu kkonsenjati minn membru ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jew ta’ kooperattiva lill-organizzazzjoni ta’ produtturi jew lill-kooperattiva li jkun membru tagħha dment li l-istatuti ta’ dik l-organizzazzjoni ta’ produtturi jew kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti f’dawn l-istatuti, jew derivati minnhom, ikun fihom dispożizzjonijiet li jkollhom effetti simili għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4;

(b)l-ewwel xerrej tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib ikun intrapriża mikro jew ta’ daqs żgħir skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE 14 ;

(c)il-konsenja u l-ħlas għall-ħalib jew għall-prodotti tal-ħalib isiru fl-istess ħin;

(d)il-konsenja ssir bla ħlas jew fil-kuntest tar-rimi ta’ ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib li ma jkunux għadhom tajbin għall-bejgħ.

6.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub ma għandhiex tkun meħtieġa f’wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

(a)il-konsenja tikkonċerna prodotti ta’ valur daqs il-limitu, jew inqas minnu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru, li ma għandux ikun aktar minn EUR 10 000;

(b)il-konsenja tikkonċerna ħalib u prodotti tal-ħalib li huma soġġetti għal varjazzjonijiet staġunali fil-provvista jew fid-domanda jew li jistgħu jitħassru;

(c)il-konsenja tikkonċerna ħalib u prodotti tal-ħalib li huma soġġetti għal prattiki ta’ bejgħ tradizzjonali.

7.Meta skont il-paragrafu 5, il-punti (b), (c) u (d), jew il-paragrafu 6, kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub għal kuntratt ma tkunx meħtieġa, bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi, jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jistgħu jirrikjedu li konsenja ta’ ħalib jew prodotti tal-ħalib tkun is-suġġett ta’ kuntratt bil-miktub jew ta’ offerta bil-miktub għal kuntratt. Tali kuntratt jew offerta għal kuntratt għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 u fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu.

8.L-elementi kollha tal-kuntratti għall-konsenja ta’ ħalib jew ta’ prodotti tal-ħalib konklużi bejn il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-kolletturi, il-proċessuri, id-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut, inklużi l-elementi u l-komponenti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), għandhom jiġu nnegozjati liberament bejn il-partijiet.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)fir-rigward tal-kuntratti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

(i)obbligu għall-partijiet li jilħqu ftehim dwar relazzjoni bejn kwantità partikolari ta’ ħalib jew prodotti tal-ħalib ikkonsenjati u l-prezz pagabbli għal dik il-konsenja;

(ii)tul ta’ żmien minimu li għandu jkun ta’ mill-inqas 6 xhur u ma għandux ifixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

(b)fir-rigward tal-offerti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), obbligu li l-offerta bil-miktub għandha tinkludi tul ta’ żmien minimu għall-kuntratt, stabbilit mil-liġi nazzjonali. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-inqas 6 xhur u ma għandux ixekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jistgħu jirrifjutaw bil-miktub it-tul ta’ żmien minimu impost skont it-tieni subparagrafu.

9.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li x-xerrej tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib jirreġistra l-kuntratti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 qabel il-konsenja tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib ikkonċernati mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil kollettur, proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut fit-territorju tagħhom.

10.L-Istati Membri li jużaw l-għażliet imsemmija fil-paragrafi 2, 6, 8 u 9 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif jiġu applikati.

11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-paragrafi 4 u 5 u miżuri relatati man-notifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 10. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(3) L-Artikolu 152 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) huma magħmula minn produtturi f’settur wieħed jew f’diversi setturi elenkati fl-Artikolu 1(2) jew minn produtturi ta’ prodotti organiċi f’settur wieħed jew f’diversi setturi elenkati fl-Artikolu 1(2), u huma kkontrollati minn membri bdiewa, f’konformità mal-Artikolu 153(2), il-punt (c);”;

(ii)fil-punt (b), is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“(b) ikunu ffurmati fuq inizjattiva tal-bdiewa u jwettqu mill-inqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin:”;

(iii)il-punt (c)(vi) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vi) li tiġi promossa u pprovduta assistenza teknika għall-użu ta’ standards tal-produzzjoni, tittejjeb il-kwalità tal-prodott u jiġu żviluppati prodotti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’indikazzjoni ġeografika protetta jew koperti minn tikketta ta’ kwalità nazzjonali, jitwettqu inizjattivi li jippromwovu ktajjen tal-provvista qosra jew l-użu tat-termini fakultattivi msemmija fl-Artikolu 88a;”;

(b)fil-paragrafu 1a, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a. B’deroga mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE, organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew organizzazzjoni ta’ produtturi, inkluża kooperattiva, li ma tkunx ġiet rikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ produtturi minn Stat Membru, iżda li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 154, tista’ tippjana l-produzzjoni, tottimizza l-ispejjeż tal-produzzjoni, tqiegħed fis-suq u tinnegozja kuntratti għall-provvista ta’ prodotti agrikoli, f’isem il-membri tagħha għall-produzzjoni kollha tagħhom jew għal parti minnha;”;

 

(c)fil-paragrafu 1b, jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:

 

“B’deroga mill-paragrafu 1a u mill-ewwel subparagrafu, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuta skont l-Artikolu 156(1) tista’ twettaq ukoll l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1a, l-ewwel subparagrafu, dment li:

(a)il-membri tagħha jkunu ġew rikonoxxuti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu,

(b)il-membri tagħha ma jkunux membri ta’ assoċjazzjoni rikonoxxuta oħra ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi għal kwalunkwe prodott partikolari,

(c) il-membri tagħha jkunu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1a, it-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (b),

(d) il-volum ta’ prodotti koperti mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1a, l-ewwel subparagrafu ma jkunx aktar minn 33 % tal-produzzjoni nazzjonali totali ta’ kwalunkwe Stat Membru partikolari.”;

(4)L-Artikolu 153 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) regoli li jippermettu lill-membri bdiewa jeżaminaw b’mod demokratiku l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha kif ukoll il-kontijiet u l-baġits tagħha;”;

(b)il-paragrafu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2a. L-istatuti ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li l-membri jkunu f’kuntatt dirett max-xerrejja, dment li tali kuntatt dirett ma jipperikolax l-objettivi li trid tilħaq l-organizzazzjoni ta’ produtturi, jew il-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid ta’ prodotti fis-suq mill-organizzazzjoni ta’ produtturi. Il-konċentrazzjoni tal-provvista għandha titqies li tkun ġiet żgurata jekk l-elementi essenzjali tal-bejgħ bħall-prezz, il-kwalità u l-volum jiġu nnegozjati u ddeterminati mill-organizzazzjoni ta’ produtturi.”;

(c)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-setturi tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.”;

(5)fl-Artikolu 157(1), il-punt (c), jiżdied il-punt li ġej:

“(xvii) il-promozzjoni tal-użu tat-termini fakultattivi msemmija fl-Artikolu 88a.”;

(6)L-Artikolu 168 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 168

Relazzjonijiet kuntrattwali

1.Kull konsenja fl-Unjoni ta’ prodotti agrikoli minn settur elenkat fl-Artikolu 1(2), għajr ħalib u prodotti tal-ħalib u zokkor, minn bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut, għandha tkun koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet.

Tali kuntratt għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 8.

2.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li:

(a)il-konsenja ta’ prodotti agrikoli minn produttur għajr bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut għandha tkun koperta minn kuntratt bil-miktub,

(b)l-ewwel xerrej tal-prodott agrikolu għandu jagħmel offerta bil-miktub għal kuntratt għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

Tali kuntratt jew offerta għal kuntratt għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 8.

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ medjazzjoni biex ikopri każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda ftehim biex jiġi konkluż tali kuntratt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 jew biex jiġi rivedut tali kuntratt.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom.

4.Il-kuntratt jew l-offerta għal kuntratt imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha:

(a)issir qabel ma ssir il-konsenja,

(b)issir bil-miktub, u

(c)tinkludi, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

(i)il-prezz pagabbli għall-konsenja, li għandu:

ikun statiku u stabbilit fil-kuntratt jew

jiġi kkalkolat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li għandhom jinkludu indikaturi, indiċijiet jew metodi ta’ kalkolu oġġettivi tal-prezz finali, li huma f u li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u fl-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kwantitajiet ikkonsenjati u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ħalib ikkonsenjati; għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw indikaturi, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi bbażati fuq studji mwettqa dwar il-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel. Il-partijiet għall-kuntratti għandhom ikunu liberi li jirreferu għal dawn l-indikaturi jew għal kwalunkwe indikatur ieħor li huma jqisu rilevanti.

(ii)il-kwantità u l-kwalità tal-prodotti agrikoli kkonċernati li jistgħu jew jeħtiġilhom jiġu kkonsenjati u l-ħin ta’ dawn il-konsenji,

(iii)it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, li jista’ jinkludi tul ta’ żmien definit jew tul ta’ żmien indefinit bi klawżoli ta’ terminazzjoni. Fil-każ ta’ kuntratti b’tul ta’ żmien minimu ta’ aktar minn 6 xhur, il-kuntratt għandu jinkludi wkoll klawżola ta’ reviżjoni li tista’ tiġi skattata, b’mod partikolari, mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi;

(iv)id-dettalji rigward il-perjodi u l-proċeduri ta’ pagament,

(v)l-arranġamenti għall-ġbir jew għall-konsenja tal-prodotti agrikoli,

(vi)ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ force majeure.

5.B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub għal kuntratt ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każijiet li ġejjin:

(a)Il-prodotti agrikoli kkonċernati jiġu kkonsenjati minn membru ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn kooperattiva lill-organizzazzjoni ta’ produtturi jew lill-kooperattiva li jkun membru tagħha dment li l-istatuti ta’ dik l-organizzazzjoni ta’ produtturi jew kooperattiva jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti f’dawn l-istatuti, jew derivati minnhom, ikun fihom dispożizzjonijiet li jkollhom effetti simili għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punti (a), (b) u (c);

(b)l-ewwel xerrej tal-prodotti agrikoli kkonċernati huwa intrapriża mikro jew ta’ daqs żgħir skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(c)il-konsenja u l-ħlas tal-prodotti agrikoli kkonċernati jsiru fl-istess ħin;

(d)il-konsenja ssir bla ħlas jew fil-kuntest tar-rimi ta’ prodotti li ma għadhomx tajbin għall-bejgħ.

6.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub ma għandhiex tkun meħtieġa f’wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

(a)il-konsenja tikkonċerna prodotti ta’ valur daqs ċertu limitu, jew inqas minnu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru, u li ma għandux ikun aktar minn EUR 10 000;

(b)il-konsenja tikkonċerna prodotti agrikoli li huma soġġetti għal varjazzjonijiet staġunali fil-provvista jew fid-domanda jew li jistgħu jitħassru;

(c)il-konsenja tikkonċerna prodotti agrikoli li huma soġġetti għal prattiki ta’ bejgħ tradizzjonali.

7.Meta skont il-paragrafu 5, il-punti (b), (c) u (d), jew il-paragrafu 6, kuntratt bil-miktub jew offerta bil-miktub għal kuntratt ma tkunx meħtieġa, bidwi, organizzazzjoni ta’ produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, tista’ tirrikjedi li kwalunkwe konsenja ta’ prodotti agrikoli lil proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut tkun is-suġġett ta’ kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet jew ta’ offerta bil-miktub għal kuntratt. Tali kuntratt jew offerta għal kuntratt għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 u fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu.

8.L-elementi kollha tal-kuntratti għall-konsenja ta’ prodotti agrikoli konklużi bejn il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, u l-proċessuri, id-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut inklużi dawk l-elementi u l-komponenti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 4, il-punt (c), għandhom jiġu nnegozjati liberament bejn il-partijiet.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)fir-rigward tal-kuntratti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jistabbilixxi:

(i)obbligu għall-partijiet li jilħqu ftehim dwar relazzjoni bejn il-kwantità partikolari ta’ prodotti agrikoli kkonsenjati u l-prezz pagabbli għal dik il-konsenja;

(ii)tul ta’ żmien minimu li għandu jkun ta’ mill-inqas 6 xhur u ma għandux ifixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

(b)fir-rigward tal-offerti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), obbligu li l-offerta bil-miktub għandha tinkludi tul ta’ żmien minimu għall-kuntratt, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal dan il-għan. Tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-inqas 6 xhur u ma għandux ixekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Il-bdiewa, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jistgħu jirrifjutaw bil-miktub it-tul ta’ żmien minimu impost skont it-tieni subparagrafu.

9.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li x-xerrej ta’ prodotti agrikoli jirreġistra l-kuntratti bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 qabel il-konsenja tal-prodotti agrikoli kkonċernati mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi lil proċessur, distributur jew bejjiegħ bl-imnut fit-territorju tagħhom.

10.L-Istati Membri li jużaw l-għażliet imsemmija fil-paragrafi 2, 6, 8 u 9 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif jiġu applikati.

11.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi tal-paragrafi 4 u 5 u miżuri relatati man-notifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 10. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(7)L-Artikolu 210a huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d) jingħata appoġġ għall-vijabbiltà ekonomika ta’ azjendi agrikoli żgħar li fil-biċċa l-kbira jibbażaw fuq ix-xogħol tal-familja b’output standard kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 15 li ma għandux ikun aktar minn EUR 100 000;

(e) jiġu attirati u appoġġati l-produtturi żgħażagħ ta’ prodotti agrikoli; jew

(f) jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza fl-attivitajiet agrikoli u tal-ipproċessar.”;

(b)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mit-8 ta’ Diċembru 2023, il-produtturi kif imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiki miftiehma kif imsemmi fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sostenibbiltà li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal objettiv wieħed jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c), ma’ dan l-Artikolu.

Minn [dħul fis-seħħ +sentejn], il-produtturi kif imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu opinjoni mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-ftehimiet, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiki miftiehma kif imsemmi fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sostenibbiltà li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal objettiv wieħed jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 3, il-punti (d), (e) u (f), ma’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-applikant l-opinjoni tagħha fi żmien 4 xhur minn meta tirċievi talba kompluta.

Jekk il-Kummissjoni ssib fi kwalunkwe mument wara li toħroġ opinjoni li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 7 ta’ dan l-Artikolu ma għadhomx issodisfati, hija għandha tiddikjara li l-Artikolu 101(1) tat-TFUE għandu japplika fil-futur għall-ftehim, għad-deċiżjoni jew għall-prattika miftiehma inkwistjoni u tinforma lill-produtturi kif xieraq.

Il-Kummissjoni tista’ tibdel il-kontenut ta’ opinjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, b’mod partikolari jekk l-applikant ikun ipprovda informazzjoni mhux preċiża jew ikun għamel użu ħażin tal-opinjoni.”;

(8)fl-Artikolu 222, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Matul perjodi ta’ żbilanċ qawwi fis-swieq, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni fis-sens li l-Artikolu 101(1) tat-TFUE ma għandux japplika għal ftehimiet u deċiżjonijiet ta’ bdiewa, assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet, jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti fi kwalunkwe wieħed mis-setturi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, dment li tali ftehimiet u deċiżjonijiet ma jfixklux il-funzjonament xieraq tas-suq intern, ikunu strettament immirati sabiex jistabbilizzaw is-settur ikkonċernat u jaqgħu taħt waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:

(a)l-irtirar mis-suq jew it-tqassim b’xejn tal-prodotti tagħhom;

(b)it-trasformazzjoni u l-ipproċessar;

(c)il-ħżin minn operaturi privati;

(d)miżuri konġunti ta’ promozzjoni;

(e)ftehimiet dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità;

(f)ix-xiri konġunt tal-inputs meħtieġa biex jiġi miġġieled it-tixrid ta’ pesti u mard fl-annimali u fil-pjanti fl-Unjoni jew tal-inputs meħtieġa biex jiġu indirizzati l-effetti tad-diżastri naturali fl-Unjoni;

(g)l-ippjanar temporanju tal-produzzjoni filwaqt li titqies in-natura speċifika taċ-ċiklu tal-produzzjoni;

Meta l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tiddeċiedi li tagħmel l-appoġġ tal-Unjoni mir-riżerva għall-agrikoltura msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/2116 disponibbli għall-Istati Membri kkonċernati. Tali appoġġ finanzjarju għandu jipprovdi l-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet mill-operaturi kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika fl-atti ta’ implimentazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga tal-ewwel subparagrafu, soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-perjodu li għalih tapplika d-deroga, u, meta applikabbli, l-ammont tar-riżerva għall-agrikoltura allokata lill-Istat Membru kkonċernat skont it-tieni subparagrafu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 229(2).”;

(9)L-Anness X huwa emendat kif ġej:

(a)fil-Punt I, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-kuntratti ta’ konsenja għandhom isiru qabel il-konsenja, bil-miktub għal kwantità speċifikata ta’ pitravi.”;

(b)fil-Punt I, il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. It-tul ta’ żmien tal-kuntratti ta’ konsenja jista’ jkun pluriennali. Fil-każ ta’ kuntratti b’tul ta’ żmien minimu ta’ aktar minn 6 xhur, il-kuntratt għandu jinkludi klawżola ta’ reviżjoni li tista’ tiġi skattata mill-bidwi, minn organizzazzjoni ta’ produtturi jew minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.”;

(c)fil-Punt II, il-punt 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-prezz għandu jiġi kkalkolat billi jiġu kkombinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li għandhom jinkludu indikaturi, indiċijiet jew metodi ta’ kalkolu oġġettivi tal-prezz finali, li huma faċilment aċċessibbli u komprensibbli u li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u fl-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kwantitajiet ikkonsenjati u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-pitravi taz-zokkor ikkonsenjati. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw indikaturi, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi bbażati fuq studji mwettqa dwar il-produzzjoni u l-katina tal-provvista tal-ikel. Il-partijiet għall-kuntratti huma liberi li jirreferu għal dawn l-indikaturi jew għal kwalunkwe indikatur ieħor li huma jqisu rilevanti.”;

(d)fil-Punt III jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-kuntratti ta’ konsenja għandu jkun fihom regoli applikabbli fil-każ ta’ force majeure.”;

(e)jiddaħħal il-Punt IXa li ġej:

“PUNT IXa

“L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-impriża taz-zokkor tirreġistra l-kuntratti ta’ konsenja bil-miktub qabel il-konsenja tal-pitravi taz-zokkor.”.

Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) 2021/2115

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt (i) li ġej:

“(i) l-organizzazzjoni ta’ produtturi jew l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi timplimenta programm operazzjonali fi Stat Membru li fih il-livell ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex kien inqas minn 10 % għal 3 snin konsekuttivi qabel l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali. Il-livell ta’ organizzazzjoni għandu jiġi kkalkolat bħala l-valur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix li nkiseb fl-Istat Membru kkonċernat u kkummerċjalizzat minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diviż bil-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix li nkiseb f’dak l-Istat Membru.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a. Il-limitu ta’ 50 % previst fil-paragrafu 1 għandu jiżdied għal 60 % għan-nefqa marbuta mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 46, il-punti (a), (b) jew (c), jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)in-nefqa hija relatata ma’ investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 47(1), il-punt (a), magħmula minn bdiewa żgħażagħ jew minn bdiewa ġodda, li jissieħbu għall-ewwel darba f’organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)l-investimenti msemmija fil-punt (a) isiru fl-azjenda ta’ dawn il-bdiewa żgħażagħ jew bdiewa ġodda bħala parti mill-ewwel programm operazzjonali tagħhom.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

“7.     Il-limitu ta’ 50 % previst fil-paragrafu 1 għandu jiżdied għal 70 % tan-nefqa reali mġarrba f’sena partikolari għall-programmi operazzjonali implimentati minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi u huma affettwati f’din is-sena partikolari minn eventi klimatiċi avversi, diżastri naturali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet ta’ pesti li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri.”;

(2)fl-Artikolu 68, għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    L-Artikolu 52(3), il-punti (a) sa (d) u (f) sa (h), u l-Artikolu 52(5a) ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(3)fl-Artikolu 88, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“7.    Mill-2025, l-Istati Membri jistgħu jirrieżaminaw id-deċiżjonijiet tagħhom imsemmija fil-paragrafu 6 bħala parti minn talba għal emenda tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom magħmula f’konformità mal-Artikolu 119 u jiddeċiedu li jużaw sa 6 % tal-allokazzjonijiet tagħhom għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness V, meta rilevanti wara t-tnaqqis tal-allokazzjonijiet għall-qoton stabbiliti fl-Anness VIII, għal tipi ta’ intervent f’setturi oħrajn imsemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, it-Taqsima 7.

L-ammont li jikkorrispondi għall-perċentwal tal-allokazzjonijiet tal-Istati Membri għal pagamenti diretti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u użati għal tipi ta’ intervent f’setturi oħrajn għal sena finanzjarja partikolari għandu jitqies li huwa allokazzjoni tal-Istati Membri għal kull sena finanzjarja għal tipi ta’ intervent f’setturi oħrajn.”.

Artikolu 3
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2116

Fl-Artikolu 16(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) miżuri eċċezzjonali skont l-Artikoli 219, 220, 221 u 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”.

Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punt (1), għandu japplika minn [+sentejn].

L-Artikolu 1, il-punti (2) u (6) għandhom japplikaw minn [+18-il xahar].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     Strategic Dialogue on the Future of EU Agriculture .
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/2024-05-13 ).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013, (ĠU L 435 6.12.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/2024-05-25 ).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, (ĠU L 435 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/2022-08-26 ).
(5)    ĠU C, …
(6)    ĠU C, …
(7)    ĠU C, …
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj ).
(9)    Id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859, (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj ).
(10)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj ).
(11)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj ).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013, (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj ).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj ).
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj ).
(15)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi n-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (ĠU L 328 15.12.2009, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1217/oj ).
Top