EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0237

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa

COM/2018/237 final

Brussell, 25.4.2018

COM(2018) 237 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa

{SWD(2018) 137 final}


1.Introduzzjoni – nilqgħu l-bidla

L-intelliġenza artifiċjali (IA) diġà saret parti minn ħajjitna – mhix fantaxjenza. Mill-użu ta’ assistent personali virtwali biex jorganizzalna l-ġurnata tax-xogħol, sal-ivvjaġġar f’vettura mingħajr sewwieq, sal-mowbajls tagħna li jissuġġerixxu diski jew ristoranti li jistgħu jogħġbuna, l-IA saret realtà.

X’inhi l-intelliġenza artifiċjali?

L-Intelliġenza artifiċjali (IA) tirreferi għal sistemi li juru mġiba intelliġenti billi janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjonijiet – b’ċertu grad ta’ awtonomija – biex jiksbu għanijiet speċifiċi.

Is-sistemi bbażati fuq l-IA jistgħu jkunu purament ibbażati fuq softwer, billi jaġixxu fid-dinja virtwali (eż. assistenti bil-leħen, softwer ta’ analiżi tal-immaġnijiet, magni tat-tiftix, sistemi ta’ rikonoxximent tad-diskors u tal-wiċċ) jew inkella l-IA tista’ tkun inkorporata f’apparati ħardwer (eż. robots avvanzati, karozzi awtonomi, droni jew applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti).

Aħna qed nużaw l-IA fuq bażi ta’ kuljum, eż. biex nittraduċu l-lingwi, niġġeneraw is-sottotitli fil-filmati jew nimblokkaw l-ispam tal-posta elettronika.

Minbarra li tagħmlilna ħajjitna eħfef, l-IA qed tgħinna nsolvu wħud mill-akbar sfidi tad-dinja: mit-trattament ta’ mard kroniku jew it-tnaqqis tar-rati ta’ fatalità fl-inċidenti tat-traffiku 1 sal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew l-antiċipazzjoni tat-theddidiet għaċ-ċibersigurtà.

Fid-Danimarka, l-IA qed tgħinna nsalvaw il-ħajjiet billi tippermetti lis-servizzi ta’ emerġenza jiddjanjostikaw l-attakki tal-qalb jew kundizzjonijiet oħra fuq il-bażi tal-ħoss tal-leħen min iċempel. Fl-Awstrija, din qed tgħin lir-radjologi jidentifikaw it-tumuri b’aktar preċiżjoni billi minnufih tqabbel ir-raġġi X ma’ ammont kbir ta’ dejta medika oħra.

Ħafna azjendi agrikoli fl-Ewropa kollha diġà qed jużaw l-IA biex jissorveljaw il-moviment, it-temperatura u l-konsum ta’ għalf tal-annimali tagħhom. Is-sistema tal-IA mbagħad tista’ awtomatikament tadatta l-makkinarju tat-tisħin u tal-għalf biex tgħin lill-bdiewa jimmonitorjaw il-benessri tal-annimali u jkollhom aktar ħin biex jagħmlu xogħol ieħor. L-IA tgħin lill-manifatturi Ewropej biex isiru aktar effiċjenti u biex il-fabbriki jerġgħu jiġu lura fl-Ewropa wkoll 2 .

Dawn huma biss uħud mill-ħafna eżempji ta’ dak li nafu li tista’ tagħmel l-IA fis-setturi kollha, mill-enerġija sal-edukazzjoni, mis-servizzi finanzjarji sal-kostruzzjoni. Biżibilju eżempji oħra li ma jistgħux jiġu immaġinati llum se jfeġġu matul id-deċennju li jmiss.

Bħall-magna li taħdem bl-istim jew id-dawl fl-imgħoddi, l-IA qed tbiddel id-dinja, is-soċjetà u l-industrija tagħna 3 . It-tkabbir fil-qawwa komputazzjonali, id-disponibbiltà ta’ dejta u l-progress fl-algoritmi biddlu l-IA f’waħda mill-aktar teknoloġiji strateġiċi tas-seklu 21. Ninsabu fi żmien li jħoll u jorbot. Il-mod kif nittrattaw l-IA se jiddefinixxi d-dinja li ngħixu fiha. F’kuntest ta’ kompetizzjoni globali ħarxa, huwa meħtieġ qafas Ewropew solidu.

L-Unjoni Ewropea (UE) jenħtieġ li jkollha approċċ koordinat biex tisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-IA u tindirizza l-isfidi l-ġodda li din iġġib magħha. L-UE tista’ tkun pijuniera fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA għat-tajjeb u għal kulħadd, filwaqt li tibni fuq il-valuri tagħha u fuq l-qawwiet tagħha. Tista’ tisfrutta l-fatt li għandha:

- riċerkaturi, laboratorji u negozji ġodda tal-ogħla klassi. L-UE hija b’saħħitha wkoll fir-robotika u għandha industrija minn ta’ quddiem nett, b’mod partikolari fis-setturi tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u tal-manifattura li jenħtieġ li jkunu minn ta’ quddiem nett fl-adozzjoni tal-IA;

- is-Suq Uniku Diġitali. Regoli komuni, pereżempju dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-fluss liberu tad-dejta fl-UE, iċ-ċibersigurtà u l-konnettività, jgħinu lill-kumpaniji jinnegozjaw, jespandu b’mod transfruntiera u jħeġġu l-investimenti; u

- ammont kbir ta’ dejta industrijali, mir-riċerka u mis-settur pubblikuli tista’ tiġi rilaxxata biex tikkontribwixxi fis-sistemi tal-IA. B’mod parallel għal din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tagħmel il-qsim tad-dejta aktar faċli u biex tiftaħ aktar dejta– il-materja prima għall-IA – għall-użu mill-ġdid. Din tinkludi dejta mis-settur pubbliku, b’mod partikolari, bħal pereżempju d-dejta dwar l-utilitajiet pubbliċi u l-ambjent, kif ukoll id-dejta mir-riċerka u dwar is-saħħa.

Il-mexxejja Ewropej tellgħu l-IA fuq nett fl-aġendi tagħhom. Fl-10 ta’ April 2018, 24 Stat Membru 4 u n-Norveġja ħadu impenn li jaħdmu flimkien fuq l-IA. Filwaqt li nibnu fuq din l-approvazzjoni politika b’saħħitha, wasal iż-żmien li nagħmlu sforzi sinifikanti biex niżguraw li:

- L-Ewropa tkun kompetittiva fil-kuntest tal-IA, b’investimenti kuraġġużi li jżommu l-pass mal-piż ekonomiku tagħha. Din tirrigwarda l-għoti ta’ appoġġ lir-riċerka u lill-innovazzjoni biex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-IA, u l-iskjerament biex jiġi żgurat li l-kumpaniji – b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji li jifformaw 99 % min-negozji fl-UE – ikunu jistgħu jadottaw l-IA.

- Ħadd ma jitħalla lura fit-trasformazzjoni diġitali. L-IA qed tbiddel in-natura tax-xogħol: se jinħolqu impjiegi, oħrajn se jgħibu, ħafna minnhom se jiġu ttrasformati. Il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni, fil-livelli kollha, jenħtieġ li tkun prijorità għall-gvernijiet. L-Ewropej kollha jenħtieġ li jkollhom kull opportunità biex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu. It-talent jenħtieġ li jitrawwem u l-bilanċ bejn is-sessi u d-diversità jenħtieġ li jitħeġġu.

- It-teknoloġiji l-ġodda jkunu bbażati fuq il-valuri. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta se jsir realtà fil-25 ta’ Mejju 2018. Dan huwa pass kbir għall-bini tal-fiduċja, essenzjali fit-tul kemm għan-nies kif ukoll għall-kumpaniji. Dan huwa fejn l-approċċ sostenibbli tal-UE għat-teknoloġiji joħloq vantaġġ kompetittiv, billi jilqa’ l-bidla fuq il-bażi tal-valuri tal-Unjoni 5 . Bħal kull teknoloġija transformattiva, xi applikazzjonijiet tal-IA jistgħu joħolqu kwistjonijiet etiċi u legali ġodda, pereżempju marbuta mar-responsabbiltà jew it-teħid ta’ deċiżjonijiet potenzjalment preġudikat. Għaldaqstant, l-UE trid tara li l-IA tiġi żviluppata u applikata f’qafas xieraq li jippromwovi l-innovazzjoni u jirrispetta l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipji etiċi bħar-responsabbiltà u t-trasparenza. L-UE tinsab ukoll f’pożizzjoni tajba biex tieħu rwol ta’ mexxej f’dan id-dibattitu fix-xena globali.

Dan hu kif l-UE tista’ tagħmel id-differenza – u tkun il-promotur ta’ approċċ għall-IA li jibbenefika lin-nies u lis-soċjetà sħiħa.

It-tnedija ta’ inizjattiva Ewropea dwar l-IA

F’Mejju 2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħha tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 6 . Enfasizzat l-importanza li tibni fuq il-qawwiet xjentifiċi u industrijali tal-Ewropa, kif ukoll fuq in-negozji ġodda innovattivi tagħha biex tkun f’pożizzjoni minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji, pjattaformi u applikazzjonijiet tal-IA.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2017 iddikjara li l-UE teħtieġ sens ta’ urġenza biex tindirizza x-xejriet emerġenti bħal pereżempju l-IA “waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, ta’ drittijiet diġitali u ta’ standards etiċi” u stieden “lill-Kummissjoni biex tippreżenta approċċ Ewropew għall-intelliġenza artifiċjali 7 . Il-Parlament Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ferm mifruxa dwar ir-regoli tad-dritt ċivili dwar ir-robotika u anki l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni dwar is-suġġett 8 .

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi inizjattiva Ewropea dwar l-IA, li għandha l-għan li:

·Tagħti spinta lill-kapaċità teknoloġika u industrijali tal-UE u lill-adozzjoni tal-IA fi ħdan l-ekonomija, kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku 9 . Dan jinkludi investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni u aċċess aħjar għad-dejta.

·Tipprepara għall-bidliet soċjoekonomiċi li ġġib magħha l-IA billi tħeġġeġ il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, tappoġġa t-talent, tantiċipa l-bidliet fis-suq tax-xogħol, tappoġġa t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u l-adattament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

·Tiżgura qafas etiku u legali xieraq, ibbażat fuq il-valuri tal-Unjoni u f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dan jinkludi gwida imminenti dwar ir-regoli eżistenti fuq ir-responsabbiltà għal dannu minn prodotti, analiżi dettaljata tal-isfidi emerġenti, u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, permezz ta’ Alleanza Ewropea għall-IA, għall-iżvilupp ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA 10 .

Dan kollu jeħtieġ ħidma konġunta. Abbażi tal-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni u fid-dikjarazzjoni 11 ta’ kooperazzjoni ffirmata minn 24 Stat Membru fl-10 ta’ April 2018, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq pjan koordinat dwar l-IA. Id-diskussjoni se sseħħ fil-qafas tal-pjattaforma Ewropea eżistenti ta’ inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar dan il-pjan sa tmiem l-2018. L-għanijiet ewlenin se jkunu li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti, fil-livelli tal-UE u nazzjonali, jitħeġġu sinerġiji u kooperazzjoni fl-UE kollha, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u tiġi ddefinita flimkien it-triq ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-UE kollha kemm hi tkun tista’ tikkompeti globalment.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-mobbiltà konnessa u awtomatizzata fl-Ewropa u Komunikazzjoni dwar l-ambizzjonijiet futuri tar-riċerka u tal-innovazzjoni għall-Ewropa. L-IA se tkun element importanti ta’ dawn l-inizjattivi.

2.Il-pożizzjoni tal-UE f’kuntest internazzjonali kompetittiv

Ħafna mill-ekonomiji żviluppati jagħrfu n-natura rivoluzzjonarja tal-IA u adottaw approċċi differenti li jirriflettu s-sistemi politiċi, ekonomiċi, kulturali u soċjali tagħhom stess 12 .

Il-gvern tal-Istati Uniti ppreżenta strateġija għall-IA u fl-2016 investa madwar EUR 970 miljun f’riċerka mhux klassifikata fl-IA. Bil-“Pjan ta’ Żvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Ġenerazzjoni li Jmiss” tagħha, iċ-Ċina qed timmira li ssir mexxej globali sal-2030 u qed tagħmel investimenti enormi 13 . Pajjiżi oħra bħall-Ġappun u l-Kanada wkoll adottaw strateġiji għall-IA.

Fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina, kumpaniji kbar qed jinvestu b’mod sinifikanti fl-IA u qed jisfruttaw ammonti kbar ta’ dejta 14 .

B’mod ġenerali l-Ewropa għadha lura fl-investimenti privati fl-IA, li laħħqu total ta’ madwar EUR 2,4-3,2 biljun fl-2016, meta mqabbla mas-EUR 6,5-9,7 biljun fl-Asja u mat-EUR 12,1-18,6 biljun fl-Amerika ta’ Fuq 15 .

Għaldaqstant huwa kruċjali li l-UE tkompli bil-ħidma tagħha biex toħloq ambjent li jistimola l-investimenti u tuża l-finanzjament pubbliku għall-ingranaġġ ta’ investimenti privati. Biex tagħmel dan, l-UE trid tippreserva u tibni fuq l-assi tagħha.

L-Ewropa tilqa’ l-aqwa komunità ta’ riċerka dwar l-IA fid-dinja kif ukoll imprendituri innovattivi u negozji ġodda tad-deep-tech (ibbażati fuq l-iskoperta xjentifika jew l-inġinerija) 16 . Għandha industrija b’saħħitha, li tipproduċi aktar minn kwart tar-robots tas-servizzi industrijali u professjonali tad-dinja (eż. għall-biedja ta’ preċiżjoni, għas-sigurtà, għas-saħħa u għal-loġistika) 17 , u hi minn ta’ quddiem nett fit-teknoloġiji tal-manifattura, tal-kura tas-saħħa, tat-trasport u tal-ispazju – li lkoll qed jiddependu dejjem aktar fuq l-IA. L-Ewropa taqdi rwol importanti wkoll fl-iżvilupp u fl-użu ta’ pjattaformi li jipprovdu servizzi lil kumpaniji u lil organizzazzjonijiet (negozju għal negozju), applikazzjonijiet għall-progress lejn “l-intrapriża intelliġenti” u l-gvern elettroniku.

Waħda mill-isfidi ewlenin għall-UE biex tkun kompetittiva hija li tiżgura l-użu tat-teknoloġija tal-IA fl-ekonomija tagħha. L-industrija Ewropea ma tistax titlef din l-opportunità. Sehem żgħir biss mill-kumpaniji Ewropej diġà adottaw teknoloġiji diġitali. Din ix-xejra hija partikolarment kritika fin-negozji żgħar u medji. Fl-2017, 25 % tal-intrapriżi kbar tal-UE u 10 % tal-intrapriżi żgħar u medji użaw l-analitika tal-big data. Intrapriża waħda biss minn kull ħames intrapriżi żgħar u medji kienet diġitalizzata ħafna, filwaqt li terz tal-forza tax-xogħol għad ma għandux il-ħiliet diġitali bażiċi 18 . Fl-istess ħin, il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-IA huma rikonoxxuti b’mod mifrux. Pereżempju, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2018 dwar it-Trasformazzjoni Diġitali turi li n-negozji fis-setturi agroalimentari u tal-kostruzzjoni li adottaw l-IA jikkonfermaw impatti pożittivi fid-dħul ta’ swieq ġodda, fit-titjib tal-prodotti jew tas-servizzi, u fil-kisba ta’ klijenti ġodda 19 .

L-isforzi tal-UE sa issa: twitti t-triq biex tisfrutta l-IA kemm jista’ jkun

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE żviluppaw, pereżempju:

·vettura agrikola mingħajr sewwieq li tista’ taqta’ l-ħaxix ħażin b’mod mekkaniku, biex b’hekk jonqos il-bżonn ta’ pestiċidi;

·proġett pilota tal-awtostradi li juża l-IA u l-Internet tal-Oġġetti biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet għas-sewqan sikur u jitnaqqsu l-fatalitajiet tat-triq;

·ortoproteżi robotika biex tiġi restawrata l-mobbiltà lill-persuni b’amputazzjonijiet;

·robots li jieħdu ħsieb kompiti ripetittivi għall-ħaddiema f’impjanti tal-manifattura tal-karozzi u jtejbu l-effiċjenza tal-proċess tal-manifattura.

L-IA ilha tidher fil-programmi qafas tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp sa mill-2004, b’enfasi speċifika fuq ir-robotika. L-investimenti żdiedu sa EUR 700 miljun għall-2014-2020, ikkumplementati b’EUR 2,1 biljun f’investimenti privati bħala parti minn sħubija pubblika-privata fuq ir-robotika 20 . Dawn l-isforzi kkontribwixxew b’mod sinifikant għat-tmexxija Ewropea fir-robotika.

B’mod ġenerali, ġew investiti madwar EUR 1,1 biljun fir-riċerka u fl-innovazzjoni relatati mal-IA matul il-perjodu 2014-2017 taħt il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020, inkluż fil-big data, fis-saħħa, fir-riabilitazzjoni, fit-trasport u fir-riċerka orjentata lejn l-ispazju.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet inizjattivi ewlenin li huma kruċjali għall-IA. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ komponenti u sistemi elettroniċi aktar effiċjenti, bħal pereżempju ċipep mibnija speċifikament biex imexxu l-operazzjonijiet tal-IA (ċipep newromorfiċi) 21 ; kompjuters ta’ prestazzjoni għolja fost l-aqwa fid-dinja 22 kif ukoll proġetti ewlenin fuq it-teknoloġiji tal-kwantum u fuq l-immappjar ta’ moħħ il-bniedem 23 .

3.It-triq ’il quddiem: inizjattiva tal-UE dwar l-IA

3.1.    Tingħata spinta lill-kapaċità teknoloġija u industrijali tal-UE u lill-użu tal-IA fl-ekonomija

Is-setturi pubbliċi u privati jridu jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu kemm mill-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-IA kif ukoll mill-applikazzjoni ta’ dawn għal firxa ta’ oqsma 24 .

L-UE jenħtieġ li tkun avangardista fl-iżviluppi teknoloġiċi fl-IA u tiżgura li dawn jiġu adottati minnufih fl-ekonomija tagħha. Dan jimplika żieda fl-investimenti biex tissaħħaħ ir-riċerka fundamentali u biex isiru kisbiet xjentifiċi kbar, tiġi aġġornata l-infrastruttura tar-riċerka tal-IA, jiġu żviluppati l-applikazzjoni tal-IA f’setturi importanti mis-saħħa sat-trasport, jiġu ffaċilitati l-użu tal-IA u l-aċċess għad-dejta.

Huwa meħtieġ sforz konġunt kemm mis-settur pubbliku (il-livelli nazzjonali u tal-UE) kif ukoll minn dak privat biex l-investimenti ġenerali jiżdiedu b’mod gradwali sal-2020 u wara din is-sena, f’konformità mal-piż ekonomiku tal-UE u mal-investimenti f’kontinenti oħra.

Ġie stmat li s-sena l-oħra fl-UE l-investimenti pubbliċi u privati għar-riċerka u għall-iżvilupp fl-IA laħqu total ta’ EUR 4-5 biljun 25 . Jenħtieġ li l-UE kollha kemm hi (is-settur pubbliku u s-settur privat flimkien) timmira biex iżżid dan l-investiment sa mill-inqas EUR 20 biljun sa tmiem l-2020. Imbagħad jenħtieġ li timmira għal aktar minn EUR 20 biljun fis-sena fid-deċennju ta’ wara (dan l-objettiv ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss).

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri fuq pjan koordinat biex tgħin fl-allinajment u fiż-żieda tal-investimenti, filwaqt li tibni fuq id-dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni ffirmata fl-10 ta’ April 2018.

Mingħajr sforzi bħal dawn, l-UE tirriskja li titlef l-opportunitajiet li ġġib magħha l-IA, taffaċċja eżodu ta’ mħuħ u tkun konsumatur ta’ soluzzjonijiet żviluppati xi mkien ieħor. Għaldaqstant, l-UE jenħtieġ li ssaħħaħ l-istatus tagħha bħala potenza tar-riċerka filwaqt li ġġib aktar innovazzjoni fis-suq. Maġġoranza kbira tal-kumpaniji Ewropej – sew jekk kbar jew inkella żgħar – jenħtieġ li tadotta teknoloġiji tal-IA.

It-tisħiħ tal-investimenti

2018-2020 

Biex tappoġġa l-isforzi konġunti, il-Kummissjoni qed iżżid l-investimenti fl-IA taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 għal madwar EUR 1,5 biljun sa tmiem l-2020 (medja ta’ madwar EUR 500 miljun fis-sena, li tirrappreżenta żieda ta’ 70%). Taħt is-sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti (pereżempju fir-robotika u fil-big data), dan l-investiment se jiskatta ammont addizzjonali ta’ EUR 2,5 biljun tul l-istess perjodu.

Dawn l-investimenti se jkollhom l-għan li jikkonsolidaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-IA, iħeġġu l-ittestjar u l-esperimentazzjoni, isaħħu ċ-ċentri ta’ riċerka ta’ eċċellenza fl-IA u jniedu sforzi biex l-IA titwassal lill-utenti potenzjali kollha, b’enfasi fuq l-intrapriżi żgħar u medji.

Jekk l-Istati Membri 26 u s-settur privat (lil hinn minn sħubijiet stabbiliti) jagħmlu sforzi simili ta’ investiment, l-investimenti totali fl-UE jiżdiedu għal madwar EUR 7 biljun fis-sena, u jlaħħqu total ta’ aktar minn EUR 20 biljun sa tmiem l-2020. Dan se jqiegħed lill-UE f’pożizzjoni tajba biex tkompli żżid l-isforzi tul id-deċennju li jmiss.

It-tisħiħ tar-riċerka u tal-innovazzjoni mil-laboratorju għas-suq

Il-Kummissjoni se tappoġġa t-teknoloġiji tal-IA fir-riċerka bażika u industrijali 27 . Dan jinkludi investimenti fi proġetti f’oqsma ta’ applikazzjoni importanti bħas-saħħa, is-sewqan konness u awtomatizzat, l-agrikoltura, il-manifattura, l-enerġija, it-teknoloġiji tal-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss, is-sigurtà u l-amministrazzjonijiet pubbliċi (inkluża l-ġustizzja). Il-finanzjament se jsaħħaħ ukoll l-qawwiet tal-Ewropa fl-IA/fir-robotika inkorporata.

Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq swieq bħall-IA permezz tal-pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni 28 . Tqiegħed għad-dispożizzjoni baġit ta’ EUR 2,7 biljun għall-2018-2020 biex jagħti appoġġ lil 1 000 proġett potenzjalment rivoluzzjonarji u lil 3 000 premju tal-fattibbiltà. Din l-iskema pilota tista’ tkun partikolarment siewja għall-iżvilupp tal-IA peress li t-teknoloġija tal-IA hija mistennija tkun parti minn ħafna proġetti, għall-applikazzjonijiet, eż. fis-saħħa, fl-agrikoltura u fil-manifattura.

Il-finanzjament fir-riċerka fundamentali huwa mistenni jiġi pprovdut mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, fuq il-bażi tal-eċċellenza xjentifika. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jipprovdu għotjiet għall-istadji kollha tal-karrieri tar-riċerkaturi u appoġġaw ir-riċerka fl-IA fl-imgħoddi.

L-għoti ta’ appoġġ liċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA fl-Ewropa kollha

Abbażi tal-isforzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu b’mod konġunt ċentri ta’ riċerka ffokati fuq l-IA, il-Kummissjoni se tappoġġa u ssaħħaħ iċ-ċentri ta’ eċċellenza fl-IA fl-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tiffaċilita wkoll il-kollaborazzjoni u l-bini ta’ netwerks tagħhom.

It-twassil tal-IA lin-negozji żgħar u lill-utenti potenzjali kollha

Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jgħinu lill-kumpaniji (speċjalment lill-intrapriżi żgħar u medji) biex jaħtfu l-opportunitajiet diġitali. Dawn joffru għarfien espert dwar it-teknoloġiji, l-ittestjar, il-ħiliet, il-mudelli kummerċjali, il-finanzjament, l-informazzjoni dwar is-suq u n-netwerking.

Pereżempju, kumpanija żgħira li tipproduċi partijiet tal-metall għall-industrija awtomobilistika tista’ tikkonsulta liċ-ċentru reġjonali (li jista’ jkun park xjentifiku, pereżempju) u titlob parir dwar kif ittejjeb il-proċess tal-manifattura bl-IA. Imbagħad, esperti miċ-ċentru jżuru l-fabbrika, janalizzaw il-proċess tal-produzzjoni, jikkonsultaw ma’ esperti oħra dwar l-IA fin-netwerk ta’ ċentri, jagħmlu proposta, u mbagħad jimplimentawha. Dawn l-attivitajiet ikunu parzjalment iffinanzjati minn flus tal-UE.

L-Ewropa tista’ tisfrutta l-benefiċċji sħaħ tal-IA biss jekk din tkun disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-aċċess tal-utenti potenzjali kollha, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji, kumpaniji minn setturi mhux teknoloġiċi u amministrazzjonijiet pubbliċi, għall-aħħar teknoloġiji u tħeġġiġhom jittestjaw l-IA. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta’ “pjattaforma tal-IA fuq talba”. Din se tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-utenti kollha għar-riżorsi rilevanti tal-IA fl-UE, fosthom l-għarfien, ir-repożitorji tad-dejta, il-qawwa komputazzjonali (cloud, komputazzjoni ta’ prestazzjoni għolja), l-għodod u l-algoritmi. Se toffri servizzi u tagħti appoġġ lill-utenti potenzjali tat-teknoloġija, tanalizza l-argument għall-vijabbiltà wara l-IA fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom u tgħinhom jintegraw is-soluzzjonijiet tal-IA fil-proċessi, fil-prodotti u fis-servizzi tagħhom.

Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-pjattaforma, in-netwerk eżistenti ta’ aktar minn 400 Ċentru tal-Innovazzjoni Diġitali 29 se jkun strumentali. Se jitlestew Ċentri oħra u se jinħoloq netwerk dedikat ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali ffukati fuq l-IA.

Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll it-tibdil sistemiku fil-ktajjen tal-valur biex tantiċipa l-opportunitajiet tal-IA għal intrapriżi żgħar u medji, applikazzjonijiet kritiċi pilota tal-IA industrijali f’setturi mhux teknoloġiċi, u ssaħħaħ iċ-ċentru avvanzat Ewropew ta’ appoġġ għall-manifattura għall-intrapriżi żgħar u medji.

L-għoti ta’ appoġġ għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni

L-ittestjar ta’ prodotti u ta’ servizzi tal-IA u l-esperimentazzjoni b’dawn huma kruċjali biex dawn ikunu lesti għas-suq, tiġi żgurata l-konformità mal-istandards u mar-regoli dwar is-sikurezza kif ukoll is-sigurtà ppjanata u biex dawk li jfasslu l-politiki jkunu jistgħu jiksbu esperjenza b’teknoloġiji ġodda biex ifasslu oqfsa legali xierqa. Il-Kummissjoni se tappoġġa t-twaqqif ta’ infrastrutturi għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni li huma miftuħa għal negozji ta’ kull daqs u minn kull reġjun. Filwaqt li tibni fuq in-netwerk stabbilit ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali, se titwaqqaf l-ewwel sensiela ta’ infrastrutturi għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni għall-prodotti u għas-servizzi tal-IA fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, tat-trasport, tal-ispezzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi, tal-produzzjoni agroalimentari u aġili.

Jiġu attirati l-investimenti privati

Minbarra l-investimenti taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjon, livell suffiċjenti ta’ investimenti privati fit-trasformazzjoni tal-IA huwa kruċjali. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jkompli jiġi mmobilizzat biex jattira l-investiment privat biex jappoġġa l-iżvilupp u l-użu tal-IA, bħala parti mill-isforzi usa’ għall-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment bl-għan li jintlaħaq mill-inqas total ta’ EUR 500 miljun f’investimenti f’dak il-qasam fil-perjodu 2018-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Ewropew tal-Investiment għadhom kif varaw programm Pan-Ewropew ta’ EUR 2,1 biljun għal Fondi ta’ Fondi tal-Kapital ta’ Riskju – VentureEU – biex tingħata spinta lill-investiment fin-negozji ġodda u fil-kumpaniji li qed jespandu innovattivi fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll appoġġ bħala parti mill-inizjattivi tagħha għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija 30 .

Fl-2018-20 31 , il-Kummissjoni se tinvesti madwar EUR 1,5 biljun:

·fir-riċerka u fl-innovazzjoni f’teknoloġiji tal-IA biex issaħħaħ it-tmexxija industrijali Ewropea, l-eċċellenza fix-xjenza, u tagħti appoġġ lill-applikazzjonijiet tal-IA li jindirizzaw sfidi soċjetali f’setturi bħas-saħħa, it-trasport u s-settur agroalimentari. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq swieq permezz tal-fażi pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni;

·fit-tisħiħ taċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA; u

·fl-użu tal-IA fl-Ewropa kollha, permezz ta’ sett ta’ għodod għall-utenti potenzjali, b’enfasi fuq intrapriżi żgħar u medji, kumpaniji mhux teknoloġiċi u amministrazzjonijiet pubbliċi: dan se jinkludi pjattaforma tal-IA fuq talba li tagħti appoġġ u aċċess faċli għall-aħħar algoritmi u għarfien espert; f’netwerk ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali ffukati fuq l-IA li jiffaċilitaw l-ittestjar u l-esperimentazzjoni; u fit-twaqqif ta’ pjattaformi tad-dejta industrijali li joffru settijiet ta’ dejta ta’ kwalità għolja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-għan li tistimola aktar investimenti privati fl-IA taħt l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (mill-inqas EUR 500 miljun fl-2018-20).

Wara l-2020

Il-proposti tal-Kummissjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) se jwittu t-triq għall-investimenti:

·fit-titjib tan-netwerk pan-Ewropew ta’ ċentri ta’ eċċellenza fl-IA;

·fir-riċerka u fl-innovazzjoni f’oqsma bħall-IA spjegabbli 32 , fit-tagħlim awtomatiku mhux issorveljat u fl-effiċjenza tal-enerġija u tad-dejta 33 ;

·f’Ċentri addizzjonali tal-Innnovazzjoni Diġitali, f’faċilitajiet għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni li jkunu l-aqwa fid-dinja f’oqsma bħat-trasport, il-kura tas-saħħa, il-qasam agroalimentari u l-manifattura, sostnuti minn ambjenti ta’ sperimentazzjoni regolatorja 34 ;

·fl-appoġġ tal-adozzjoni tal-IA minn organizzazzjonijiet f’kull settur, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ interess pubbliku, permezz ta’ koinvestiment mal-Istati Membri;

·fl-esplorazzjoni tal-akkwist konġunt tal-innovazzjoni għall-użu u għall-iżvilupp tal-IA; u

·f’ċentru ta’ appoġġ għall-qsim tad-dejta, li se jkun marbut mill-qrib mal-pjattaforma tal-IA fuq talba biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet għan-negozji u għas-settur pubbliku.

Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tkompli tagħti appoġġ għal teknoloġiji u għal infrastruttura li huma l-bażi tal-IA u li jippermettu t-tħaddim tal-IA, bħall-komputazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, il-mikroelettronika, il-fotonika, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-Internet tal-Oġġetti u l-cloud.

B’hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa aktar teknoloġiji u infrastrutturi effiċjenti fl-enerġija biex il-katina tal-valur tal-IA ssir aktar ekoloġika.

Iż-żieda tad-dejta disponibbli

L-IA teħtieġ l-iżvilupp ta’ ammonti kbar ta’ dejta. It-tagħlim awtomatiku, tip ta’ IA, jaħdem bl-identifikazzjoni ta’ xejriet fid-dejta disponibbli u mbagħad japplika l-għarfien fuq id-dejta l-ġdida 35 . Aktar ma jkun kbir is-sett ta’ dejta, aktar ma jkunu jistgħu jiġu skoperti aħjar ir-relazzjonijiet fid-dejta, anki dawk sottili. F’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-IA, l-ambjenti rikki fl-ammont ta’ dejta jipprovdu aktar opportunitajiet ukoll. Dan għaliex id-dejta hija l-mod li bih l-algoritmu jitgħallem dwar l-ambjent tiegħu u jinteraġixxi miegħu. Pereżempju, jekk il-magni u l-proċessi kollha f’fabbrika jipproduċu dejta kontinwament, x’aktarx li jistgħu jinkisbu awtomatizzazzjoni u ottimizzazzjoni ulterjuri bl-għajnuna tal-IA. F’kuntest analogu, eż. f’operazzjoni bbażata fuq karti mingħajr dejta diġitalizzata dwar x’inhu jseħħ, dan mhuwiex il-każ.

It-tagħlim fil-fond huwa rivoluzzjonarju għall-IA b’titjib enormi fil-prestazzjoni għal kompiti speċifiċi bħar-rikonoxximent tal-istampi jew tad-diskors, jew għat-traduzzjoni awtomatizzata. 

It-tħarriġ ta’ algoritmu b’tagħlim fil-fond biex jikklassifika oġġetti jaħdem billi dan jiġi espost għal numru kbir ta’ eżempji ttikkettati (eż. stampi) li huma katergorizzati kif suppost (eż. stampi ta’ ajruplani).

Ladarba jitħarrġu, l-algoritmi jkunu jistgħu jikklassifikaw kif suppost oġġetti li qatt ma jkunu raw, f’ċerti każijiet bi preċiżjonijiet li jisbqu dawk tal-bniedem.

Avvanzi sinifikanti f’dawn it-teknoloġiji saru bl-użu ta’ settijiet ta’ dejta kbar u b’qawwa komputazzjonali mingħajr preċedenti.

Fid-dawl ta’ dan, l-aċċess għad-dejta huwa element importanti għal kuntest kompetittiv tal-IA, li l-UE jenħtieġ li tiffaċilita.

L-UE għamlet sforzi sinifikanti tul l-aħħar 15-il sena biex tiftaħ l-informazzjoni mis-settur pubbliku u r-riżultati mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku għall-użu mill-ġdid, bħad-dejta ġġenerata mill-programmi tal-UE dwar l-ispazju (Copernicus 36 , Galileo). Bl-inizjattiva tagħha biex ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tat-tali dejta, dan il-corpus ta’ dejta se jkompli jikber.

Il-politika pubblika jenħtieġ li tħeġġeġ ukoll id-disponibbiltà usa’ ta’ dejta miżmuma privatament, filwaqt li tiżgura r-rispett sħiħ għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali. Il-Kummissjoni tistieden lill-kumpaniji biex jagħrfu l-importanza tal-użu mill-ġdid ta’ dejta mhux personali, inkluż għall-finijiet ta’ taħriġ tal-IA.

Ċentru tal-assistenza ġdid għall-qsim tad-dejta se jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji b’appoġġ legali u tekniku meta jippruvaw jaċċessaw dejta mingħand korpi tas-settur pubbliku u mingħand kumpaniji.

Il-Kummissjoni se tkompli tistudja kif tista’ titqiegħed aktar dejta għad-dispożizzjoni.

Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ inizjattivi biex tkabbar l-ispazju tad-dejta Ewropew 37 . Dawn huma:

·Direttiva aġġornata dwar informazzjoni mis-settur pubbliku, eż. dejta dwar it-traffiku, meteoroloġika, ekonomika u finanzjarja jew reġistri kummerċjali;

·gwida dwar il-qsim tad-dejta mis-settur privat fl-ekonomija (inkluża dejta industrijali);

·Rakkomandazzjoni aġġornata dwar l-aċċess għal informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha; u

·Komunikazzjoni dwar it-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura, inkluż il-qsim ta’ settijiet ta’ dejta ġenomiċi u ta’ settijiet ta’ dejta oħra dwar is-saħħa.

3.2.It-tħejjija għall-bidliet soċjoekonomiċi

Tul l-istorja, l-emerġenza ta’ teknoloġiji ġodda – mill-elettriku sal-internet – biddlet in-natura tax-xogħol. Din ġabet benefiċċji kbar għas-soċjetà u għall-ekonomija tagħna, iżda qajmet ukoll tħassib. L-emerġenza tal-awtomatizzazzjoni, tar-robotika u tal-IA qed tbiddel is-suq tax-xogħol, u huwa essenzjali li l-UE timmaniġġa din il-bidla.

Dawn it-teknoloġiji jistgħu jħaffu ħajjet il-ħaddiema. Pereżempju, jistgħu jgħinuhom fil-kompiti ripetittivi, f’dawk li jirrikjedu sforz kbir u saħansitra f’dawk perikolużi (pereżempju it-tindif ta’ postijiet mhux sikuri jew b’aċċess diffiċli bħal pereżempju l-pajpijiet industrijali). Jistgħu jgħinu wkoll biex jiġbru fil-qosor ammonti kbar ta’ dejta, jipprovdu informazzjoni aktar preċiża u jissuġġerixxu deċiżjonijiet, fosthom l-użu tal-IA biex tgħin lit-tobba fid-dijajożi tagħhom. Finalment dawn jgħinu biex isaħħu l-kapaċitajiet tan-nies. Fil-kuntest ta’ soċjetà li qiegħda tixjiħ, l-IA tista’ tipprovdi soluzzjonijiet ġodda biex jiġu appoġġati aktar nies biex jipparteċipaw u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, inklużi l-persuni b’diżabbiltà. Se jkun hemm impjiegi u kompiti ġodda bħala riżultat tal-IA, li wħud minnhom huma diffiċli, jew kważi impossibbli li jitbassru. Impjiegi u kompiti oħra se jiġu sostitwiti. Filwaqt li l-kwantifikazzjoni eżatta tal-impatt tal-IA fuq l-impjiegi diffiċilment tista’ tiġi ddeterminata f’dan l-istadju, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija ċara.

B’mod ġenerali, hemm tliet sfidi ewlenin għall-UE – li jixħtu dawl fuq ir-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inklużi l-għalliema u min iħarreġ innifishom, li huma responsabbli għalihom l-Istati Membri. L-ewwel sfida hija li titħejja s-soċjetà kollha kemm hi. Dan ifissser li l-Ewropej kollha jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll ħiliet li jkunu komplementari għal kwalunkwe magna u li ma jistax jiġu sostitwiti minnha bħal pereżempju l-ħsieb kritiku, il-kreattività jew il-ġestjoni. It-tieni, l-UE trid tiffoka l-isforzi biex tgħin lill-ħaddiema f’impjiegi li aktarx se jiġu ttrasformati l-aktar jew jisparixxuminħabba l-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-IA. Dan jikkonċerna wkoll l-iżgurar tal-aċċess għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom 38 , għall-protezzjoni soċjali 39 , f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Finalment, l-UE trid tħarreġ aktar speċjalisti fl-IA, filwaqt li tibni fuq it-tradizzjoni twila tagħha ta’ eċċellenza akkademika, toħloq l-ambjent it-tajjeb għalihom biex jaħdmu fl-UE u tattira aktar talent minn barra l-pajjiż.

Ħadd ma jitħalla lura

Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet pjan komprensiv biex tgħin lin-nies ikunu attrezzati bil-ħiliet it-tajba għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 40 . Bħala parti minn din l-aġenda, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni għall-Istati Membri dwar “Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti” biex dawn itejbu l-litteriżmu bażiku, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali bażiċi tagħhom. Ġiet adottata wkoll Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, li tiffoka b’mod partikolari fuq il-kisba tal-kompetenzi fix-xjenzi, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM), tal-kompetenzi diġitali, tal-intraprenditorija u tal-kreattività. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 41 li għandu l-għan li jrawwem il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali taċ-ċittadini kollha. Dan il-pjan jesplora l-impatt tal-IA fl-edukazzjoni u fit-taħriġ permezz ta’ piloti.

Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni qed taffettwa l-istruttura tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tal-awtomatizzazzjoni ta’ impjiegi b’ħiliet medji, l-IA jista’ jkollha impatt aktar sinifikanti fuq impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet 42 . Jekk ma tiġix indirizzata minn kmieni u b’mod proattiv, din tista’ tgħarraq l-inugwaljanzi bejn in-nies, ir-reġjuni u l-industriji fl-UE.

Biex jimmaniġġaw it-trasformazzjoni tal-IA, il-ħaddiema li l-impjiegi tagħhom qed jinbidlu minħabba l-awtomatizzazzjoni jrid ikollhom kull opportunità biex jiksbu l-ħiliet u l-għarfien li jeħtieġu, biex jitgħallmu teknoloġija ġdida u jkunu appoġġati matul it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. L-approċċ antiċipatorju u l-fokus fuq l-investiment fin-nies jinsabu fil-qalba ta’ approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv għall-IA, u se jkunu jeħtieġu investiment sinifikanti. Skemi nazzjonali se jkunu essenzjali biex jiġu pprovduti titjib tal-ħiliet u taħriġ bħal dawn. Dawn se jibbenefikaw minn appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (li jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet bi EUR 27 biljun tul il-perjodu 2014-2020, li minnhom il-Fond Soċjali Ewropew jinvesti EUR 2,3 biljun b’mod speċifiku fil-ħiliet diġitali) u għandhom jibbenefikaw ukoll minn appoġġ mis-settur privat. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa wkoll ir-riċerka fl-interazzjoni u fil-kooperazzjoni bejn il-bniedem u l-IA.

It-trawwim tat-talent, tad-diversità u tal-interdixxiplinarità

L-IA ġabet magħha profili ta’ impjiegi ġodda, fost affarijiet oħra fil-qasam tal-iżvilupp ta’ algoritmi għat-tagħlim awtomatiku u innovazzjonijiet diġitali oħra 43 . B’mod ġenerali, in-numru ta’ speċjalisti fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-UE kiber ta’ kull sena b’5 % mill-2011 ’l hawn, hekk kif inħolqu 1,8 miljun impjieg u s-sehem ta’ dawn l-impjiegi mill-impjiegi totali żdied rapidament minn 3 % għal 3,7 % f’ħames snin biss. Hemm tal-anqas 350 000 post vakanti għal professjonisti bħal dawn fl-Ewropa, sitwazzjoni li tindika diskrepanza sinifikanti fil-ħiliet 44 . Għalhekk jenħtieġ li l-Ewropa tagħmel sforz biex iżżid in-numru ta’ persuni mħarrġa fl-IA u tħeġġeġ id-diversità. Aktar nisa u persuni ġejjin minn sfondi diversi, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, iridu jkunu involuti fl-iżvilupp tal-IA, mill-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi tal-IA, sabiex jiġi żgurat li l-IA ma tkunx diskriminatorja u li tkun inklużiva. Jenħtieġ li tiġi appoġġata wkoll l-interdixxiplinarità (billi jitħeġġu l-lawrji konġunti, pereżempju fil-liġi jew il-psikoloġija u l-IA). L-importanza tal-etika fl-iżvilupp u fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda jenħtieġ li tintwera wkoll fil-programmi u fil-korsijiet. U dan ma jikkonċernax biss it-tħarriġ tal-aqwa talenti, iżda anki l-ħolqien ta’ ambjent attraenti biex dawn jibqgħu fl-UE.

L-inizjattivi li jħeġġu aktar żgħażagħ jagħżlu suġġetti dwar l-IA u oqsma relatati bħala karriera jenħtieġ li jiġu promossi. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet it-“Taħriġ Prattiku għall-Opportunità Diġitali” 45 , li jappoġġa internships immirati lejn il-kisba ta’ ħiliet diġitali avvanzati, u diversi azzjonijiet tal-Koalizzazzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali 46 għandhom l-għan li jferrxu l-ħiliet tal-kodifikazzjoni u jżidu n-numru ta’ esperti fil-qasam diġitali.

L-iżgurar li l-ħaddiema jingħataw il-possibbiltà li jadattaw u jkollhom aċċess għal opportunitajiet ġodda se jkun kruċjali biex in-nies jaċċettaw l-IA. Bħal kwalunkwe teknoloġija oħra, l-IA mhijiex xi ħaġa li tiġi imposta biss fuq is-soċjetà. Huwa f’idejn il-gvernijiet, fid-djalogu mas-sħab soċjali u mal-korpi tas-soċjetà ċivili, li flimkien imexxu l-proċess biex jiżguraw li l-benefiċċji tagħha jinqasmu b’mod mifrux u li ċ-ċittadini kollha jkunu attrezzati kif xieraq biex jisfruttaw bis-sħiħ il-vantaġġi ta’ din it-teknoloġija u jiżguraw li qed isseħħ riflessjoni usa’ dwar il-bidliet soċjetali potenzjalment aktar profondi.

Fl-2018, biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri li huma responsabbli għall-politiki relatati max-xogħol u mal-edukazzjoni, il-Kummissjoni se:

·tistabbilixxi skemi ddedikati ta’ taħriġ (mill-ġdid) b’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet 47 – li jiġbor fih negozji, trade unions, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u awtoritajiet pubbliċi – għal profili professjonali li jinsabu f’riskju li jiġu awtomatizzati, b’appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew 48 ;

·tiġbor analiżi dettaljata u inputs mingħand esperti biex tantiċipa l-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-ispariġġ fil-ħiliet fl-UE kollha, u tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni se (i) tippubblika rapport ta’ previżjoni dwar l-impatt tal-IA fuq l-edukazzjoni; (ii) tniedi proġetti piloti biex tbassar ir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-profili ta’ kompetenza tal-ġejjieni; u (iii) tippubblika rapport espert li jindirizza l-impatti tal-IA fuq is-suq tax-xogħol, b’rakkomandazzjonijiet;

·tappoġġa t-Traineeships għall-Opportunità Diġitali (2018-20) fil-ħiliet diġitali avvanzati għall-istudenti u għall-gradwati ġodda;

·tħeġġeġ, permezz tal-Koalizzazzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali, sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni biex jittieħdu passi biex jiġbdu u jżommu aktar talent fl-IA u jrawmu kollaborazzjoni ssoktata; u

·jistiednu lis-sħab soċjali biex jinkludu lill-IA u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija u l-impjiegi, inkluż l-importanza tad-diversità u l-bilanċ bejn is-sessi fl-impjiegi tal-IA, fil-programmi ta’ ħidma konġunti tagħhom fil-livell settorjali u transsettorjali fejn xieraq.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jintegra l-IA bejn il-kurrikuli fil-korsijiet tal-edukazzjoni li jappoġġa, biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ grupp ta’ talenti għall-IA fl-Ewropa.

Il-proposti skont il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027) se jinkludu l-appoġġ imsaħħaħ għall-kisba tal-ħiliet diġitali avvanzati inkluż l-għarfien espert speċifiku għall-IA.

Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew kurrenti ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) lil hinn mis-sensji kkawżati mid-delokalizzazzjoni, inkluż għal dawk li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni.

3.3.L-iżgurar ta’ qafas etiku u legali xieraq

Hemm bżonn ta’ ambjent ta’ fiduċja u ta’ responsabbiltà fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA.

Il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkonsistu fil-fondazzjoni tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiġbor flimkien f’test wieħed id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE.

L-UE għandha qafas regolatorju b’saħħtu u bbilanċjat fuq xiex tibni, li jista’ jistabbilixxi l-istandard globali għal approċċ sostenibbli għal din it-teknoloġija. L-Unjoni għandha standards għoljin f’termini ta’ sikurezza u ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi. L-ewwel regoli li jkopru l-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni u regoli msaħħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali se jsiru realtà f’Mejju 2018.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali, inklużi l-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta mid-disinn u prestabbilita. Dan jiggarantixxi l-moviment liberu ta’ dejta personali fi ħdan l-Unjoni. Fih dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi tal-ipproċessar awtomatizzat biss, inkluż il-ħolqien ta’ profili. F’każijiet bħal dawn, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jiġu pprovduti b’informazzjoni sinifikattiva dwar il-loġika involuta fid-deċiżjoni 49 . Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta jagħti wkoll lill-individwi d-dritt li ma jkunux soġġetti għal teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat biss, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet 50 . Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-applikazzjoni tar-Regolament fil-kuntest tal-IA u tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta biex jagħmlu l-istess.

Il-Kummissjoni ressqet ukoll sensiela ta’ proposti taħt l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali li se tkun abilitant importanti għall-iżvilupp tal-IA, bħar-Regolament dwar il-moviment liberu ta’ dejta mhux personali, u li se jssaħħaħ il-fiduċja fl-ambjent online, bħar-Regolament dwar il-Privatezza elettronika u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà. Dawn il-proposti jridu jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun. Dan huwa essenzjali peress li ċ-ċittadini u n-negozji wkoll iridu jkunu jistgħu jafdaw it-teknoloġija li jinteraġixxu magħha, ikollhom ambjent legali prevedibbli u jiddependu fuq salvagwardji effettivi li jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom.

Sabiex tissaħħaħ aktar il-fiduċja, in-nies iridu jifhmu wkoll kif taħdem it-teknoloġija, u għalhekk ir-riċerka fil-kapaċità li jkunu jistgħu jiġu spjegati s-sistemi tal-IA hija importanti. Fil-fatt, biex tiżdied it-trasparenza u jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ preġudizzju jew ta’ żball, is-sistemi tal-IA jenħtieġ li jiġu żviluppati b’mod li jippermetti lill-bniedem jifhem (il-bażi ta’) l-azzjonijiet tagħhom.

Bħal kull teknoloġija jew għodda oħra, l-IA tista’ tintuża għal finijiet pożittivi iżda anki malizzjużi. Filwaqt li l-IA tiġġenera opportunitajiet ġodda ċari, din iġġib magħha sfidi u riskji wkoll, pereżempju fl-oqsma tas-sikurezza u tar-responsabbiltà, tas-sigurtà (użu kriminali jew attakki), tal-preġudizzju 51 u tad-diskriminazzjoni.

Se jkun hemm bżonn li ssir riflessjoni fuq l-interazzjonijiet bejn l-IA u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kemm mill-perspettiva tal-uffiċji tal-proprjetà intellettwali kif ukoll minn dik tal-utenti, bl-għan li jitrawmu l-innovazzjoni u ċ-ċertezza legali b’mod ibbilanċjat 52 .

Abbozz tal-linji gwida dwar l-etika fl-IA

Bħala l-ewwel pass biex jiġi indirizzat it-tħassib etiku, se jiġi żviluppat abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA sa tmiem din is-sena, bl-attenzjoni xierqa għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex dawn jgħinu fl-iżvilupp ta’ dan l-abbozz ta’ linji gwida.

L-abbozz tal-linji gwida se jindirizza kwistjonijiet bħal pereżempju l-ġejjieni tax-xogħol, tal-ġustizzja, tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-inklużjoni soċjali u tat-trasparenza algoritmika. B’mod usa’, se jeżamina l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, inkluża l-privatezza, id-dinjità, il-protezzjoni tal-konsumatur u n-nondiskriminazzjoni. Se jibni fuq il-ħidma tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda 53 u se jkun ispirat minn sforzi simili oħra 54 . Il-kumpaniji, l-istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet oħra minn korpi tas-soċjetà ċivili se jkunu mistiedna jikkontribwixxu. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha biex isir progress fl-etika fil-livell internazzjonali 55 .

Filwaqt li l-awtoregolamentazzjoni tista’ tipprovdi l-ewwel sett ta’ parametri referenzjarji li fuq il-bażi tiegħu jistgħu jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet u l-eżiti, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw li l-oqfsa regolatorji għall-iżvilupp u għall-użu tat-teknoloġiji tal-IA jkunu konformi ma’ dawn il-valuri u d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-iżviluppi u, jekk ikun hemm bżonn, tirrieżamina l-oqfsa legali eżistenti biex tadattahom aħjar għal sfidi speċifiċi, b’mod partikolari biex tiżgura r-rispett tal-valuri bażiċi u tad-drittijet fundamentali tal-Unjoni.

Is-sikurezza u r-responsabbiltà

L-emerġenza tal-IA, b’mod partikolari l-ekosistema abilitanti kumplessa u l-karatteristika ta’ teħid awtonomu ta’ deċiżjonijiet, teħtieġ riflessjoni dwar l-adegwatezza ta’ ċerti regoli stabbiliti dwar kwistjonijiet tas-sikurezza u tal-liġi ċivili dwar ir-responsabbiltà.

Pereżempju, ir-robots avvanzati u l-prodotti tal-Internet tal-Oġġetti mħaddma bl-IA jistgħu jaġixxu b’modi li ma kinux previsti fiż-żmien meta s-sistema bdiet topera għall-ewwel darba. Fid-dawl tal-użi mifruxa tal-IA, kemm ir-regoli orizzontali kif ukoll dawk settorjali jaf ikollhom bżonn jiġu rieżaminati 56 .

Il-qafas tal-UE dwar is-sikurezza 57 diġà jindirizza l-użu maħsub u l-użu (ħażin) prevedibbli tal-prodotti meta jitqiegħdu fis-suq. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ korp solidu ta’ standards fil-qasam ta’ apparati li jaħdmu bl-IA li l-ħin kollu qiegħed jiġi adattat skont il-progress tekniku.

L-iżvilupp ulterjuri u l-promozzjoni tat-tali standards dwar is-sikurezza u l-appoġġ fl-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-UE u internazzjonali se jgħinu biex in-negozji Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv, u jżidu l-fiduċja tal-konsumatur 58 .

Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta jekk il-qafas dwar is-sikurezza u l-oqfsa tal-UE u nazzjonali dwar ir-responsabbiltà humiex adatti għall-iskop tagħhom fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-ġodda jew jekk jenħtieġx li jiġu indirizzati xi diskrepanzi. Livell għoli ta’ sikurezza u mekkaniżmu effiċjenti ta’ rimedju għall-vittmi fil-każ ta’ ħsarat jgħin biex tinbena l-fiduċja fost l-utenti u, ma’ din, l-aċċettazzjoni soċjali ta’ dawn it-teknoloġiji.

Diġà saru evalwazzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti 59 u tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 60 . Saret ukoll valutazzjoni inizjali fuq l-oqfsa kurrenti ta’ responsabbiltà fid-dawl tal-IA u tat-teknoloġiji emerġenti 61 . Grupp ta’ esperti se jgħin lill-Kummissjoni tanalizza aktar dawn l-isfidi 62 .

L-għoti tas-setgħa lill-individwi u lill-konsumaturi biex jisfruttaw l-IA bis-sħiħ

L-użu fuq skala kbira ta’ għodod imħaddma bl-IA fi tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur irid ikun ġust, trasparenti u konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur. Il-konsumaturi jenħtieġ li jirċievu informazzjoni ċara dwar l-użu, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-prodotti mħaddma bl-IA. Jenħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jikkontrollaw id-dejta ġġenerata billi jużaw dawn l-għodod u jenħtieġ li jkunu jafu jekk hux qed jikkomunikaw ma’ magna jew ma’ bniedem ieħor. B’mod partikolari, meta jinteraġixxu ma’ sistema awtomatizzata, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni dwar meta l-utenti għandhom jiġu informati dwar kif jistgħu jitkellmu ma’ bniedem u kif jiżguraw li d-deċiżjonijiet ta’ sistema jkunu jistgħu jiġu vverifikati jew ikkoreġuti.

Il-Kummissjoni se:

·tistabbilixxi qafas għall-partijiet ikkonċernati u għall-esperti – l-Alleanza Ewropea għall-IA – għall-iżvilupp ta’ abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika fl-IA, b’kunsiderazzjoni dovuta għad-drittijiet fundamentali, sa tmiem is-sena, f’kooperazzjoni mal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda;

·toħroġ dokument ta’ gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi sa nofs l-2019. L-għan ta’ dan huwa li jiżgura ċ-ċertezza legali għall-konsumaturi u għall-produtturi fil-każ ta’ prodotti difettużi;

·tippubblika, sa nofs l-2019, rapport dwar l-implikazzjonijiet usa’ għal diskrepanzi u orjentazzjonijiet potenzjali għall-oqfsa dwar ir-responsabbiltà u s-sikurezza għall-IA, għall-Internet tal-Oġġetti u għar-robotika;

·tappoġġa r-riċerka fl-iżvilupp ta’ IA spjegabbli u timplimenta proġett pilota propost mill-Parlament Ewropew dwar is-Sensibilizzazzjoni Algoritmika 63 , biex tiġbor bażi ta’ evidenza solida u ssostni t-tfassil ta’ risponsi tal-politika għall-isfidi miġjuba mit-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, li jinkludi preġudizzji u diskriminazzjoni (2018-2019); u

·tappoġġa lill-organizzazzjonijet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-dejta fil-livell nazzjonali u tal-UE fil-bini ta’ fehim tal-applikazzjonijiet imħaddma bl-IA bil-kontribut tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi u tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

3.4.Il-ħidma konġunta

L-involviment tal-Istati Membri

Diversi Stati Membri żviluppaw jew qed jaħdmu fuq strateġiji biex jappoġġjaw l-IA. Fid-29 ta’ Marzu 2018, Franza ppreżentat l-istrateġija nazzjonali tagħha għall-IA, li tibni fuq ir-rapport ta’ Villani 64 . Il-Ġermanja, billi segwiet l-eżempju ta’ “Industrie 4.0”, stabbilixxiet pjattaforma dwar is-sistemi ta’ tagħlim biex tippermetti li jsir djalogu strateġiku bejn id-dinja akkademika, l-industrija u l-gvern, u ressqet rapport dwar l-etika fis-sewqan awtomatizzat u konness 65 . Il-Finlandja pproponiet l-istrateġija “Tekoälyaika” tagħha biex tieħu rwol ta’ mexxej fil-qasam 66 . Kull Stat Membru hu mħeġġeġ li jkollu strateġija tal-IA li tinkludi l-investimenti fl-IA.

Il-qsim tal-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni tas-sinerġiji u l-allinjar tal-azzjoni, fejn rilevanti, se jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti fl-IA u jgħinu lill-UE kollha kemm hi biex tikkompeti fil-livell globali. Il-kooperazzjoni fl-interoperabbiltà u fis-settijiet ta’ dejta, u l-ħidma konġunta fuq soluzzjonijiet legali se jipprevjenu frammentazzjoni fis-suq uniku u, b’hekk, jixprunaw l-emerġenza ta’ negozji ġodda ffokati fuq l-IA. 24 Stat Membru u n-Norveġja diġà ħadu impenn li jaħdmu flimkien fuq l-IA billi jappoġġaw l-Alleanza Ewropea għall-IA u billi jidħlu fi djalogu strateġiku mal-Kummissjoni 67 . Il-Kummissjoni se tiffaċilita dan id-djalogu u timmira li tilħaq qbil fuq pjan koordinat dwar l-IA mal-IstatI Membri sa tmiem is-sena. 

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati: it-twaqqif ta’ Alleanza Ewropea għall-IA

Fid-dawl tal-iskala tal-isfida assoċjata mal-IA, il-mobilizzazzjoni sħiħa ta’ sett varjat ta’ parteċipanti, li jinkludi negozji, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, trade unions, u rappreżentanti oħra ta’ korpi tas-soċjetà ċivili hija essenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-ħolqien u t-tħaddim ta’ pjattaforma mifruxa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, l-Alleanza Ewropea għall-IA, biex din taħdem fuq kull aspett tal-IA 68 . Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll l-interazzjonijiet tal-Alleanza mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Alleanza se tkun spazju għall-qsim tal-aħjar prattiki, tħeġġeġ l-investimenti privati u l-attivitajiet relatati mal-iżvilupp tal-IA.

Il-monitoraġġ tal-iżvilupp u tal-adozzjoni tal-IA

Ħafna mid-dibattiti li jsiru llum il-ġurnata dwar l-IA huma bbażati fuq opinjonijiet, għajdut u suppożizzjonijiet – mhux dejjem fuq fatti u xjenza. Biex tiżgura kontribut ta’ kwalità u tinforma t-tfassil tal-politika, il-Kummissjoni se tissorvelja l-adozzjoni ta’ applikazzjonijiet tal-IA fi ħdan l-ekonomija u tidentifika l-bidliet potenzjali fil-ktajjen tal-valur industrijali kkawżati mill-IA kif ukoll l-iżviluppi soċjetali u legali u s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol. Se tagħmel parametraġġ referenzjarju wkoll tal-kapaċitajiet tekniċi tal-komponenti u tas-sistemi tal-IA biex tagħti fehim realistiku ta’ fejn waslet it-teknoloġija, u tgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku 69 . Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress lejn l-objettivi u l-inizjattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni b’mod regolari.

Il-komunikazzjoni internazzjonali

Id-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-IA intensifikaw wara li l-Presidenza tal-Ġappun fil-G7 xeħtet dawl fuq din il-kwistjoni fl-2016. L-Unjoni appoġġat dawn id-diskussjonijiet kemm fil-laqgħat ministerjali tal-G7 kif ukoll fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li qed issir spazju internazzjonali importanti għad-diskussjonijiet dwar dan is-suġġett. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni ħeġġet id-diskussjonijiet dwar l-etika fl-IA fi ħdan il-G7.

Billi l-IA hija faċilment kummerċjabbli b’mod transfruntiera, soluzzjonijiet globali biss se jkunu sostenibbli f’dan il-qasam. Il-G7/G20, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi bdew jindirizzaw ir-rwol tal-IA, inkluż fid-dominju militari. L-UE se tkompli tħeġġeġ diskussjonijiet dwar l-IA u d-diversi dimensjonijiet tagħha – inkluża l-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività – f’fora bħal dawn. Se tħeġġeġ l-użu tal-IA u tat-teknoloġiji b’mod ġenerali, biex jiġu solvuti sfidi globali, tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-UE tista’ tagħti kontribuzzjoni unika għad-dibattitu dinji dwar l-IA fuq il-bażi tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali tagħha.

·Sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni se taħdem, bħala parti mill-pjattaforma Ewropea eżistenti ta’ inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, fuq pjan koordinat mal-Istati Membri biex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti fil-livelli tal-UE u nazzjonali, jiġu skambjati l-aħjar modi għall-gvernijiet biex jippreparaw lill-Ewropej għat-trasformazzjoni tal-IA u jiġu indirizzati l-kunsiderazzjonijiet legali u etiċi. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tissorvelja b’mod sistematiku l-iżviluppi relatati mal-IA, eż. l-inizjattivi tal-politika fl-Istati Membri, l-adozzjoni tal-IA u l-impatt ta’ din fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll il-kapaċitajiet tal-IA, inklużi l-parametraġġ referenzjarju ta’ livell għoli, il-wiri tal-ħiliet kurrenti u l-iżvilupp ta’ indiċi tal-IA biex jiġu informati aħjar id-diskussjonijiet.

·Sa Lulju 2018, se titwaqqaf l-Alleanza Ewropea għall-IA. Din se tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-ġbir tal-kontributi, għall-iskambju tal-fehmiet, għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri komuni biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-użu tal-IA.

4.Konklużjoni

L-UE għandha bażi xjentifika u industrijali b’saħħitha fuq xiex tibni, b’laboratorji u universitajiet mill-aqwa, b’pożizzjoni rikonoxxuta fuq quddiem nett fir-robotika kif ukoll negozji ġodda innovattivi. Għandha qafas legali komprensiv li jipproteġi lill-konsumaturi filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni u qed tagħmel progress fil-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali. L-elementi ewlenin qegħdin hemm biex l-UE ssir mexxej fir-rivoluzzjoni tal-IA, bil-mod tagħha u fuq il-bażi tal-valuri tagħha.

L-approċċ għall-IA deskritt f’dan id-dokument juri t-triq ’il quddiem u jixħet dawl fuq il-ħtieġa li ssir ħidma konġunta fil-livell Ewropew, biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkunu parti mit-trasformazzjoni diġitali, li jiġu ddedikati r-riżorsi adegwati għall-IA u li l-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni jingħataw prijorità fil-kuntest tal-IA.

Flimkien, aħna nistgħu nisfruttaw is-saħħa tal-IA għas-servizz tal-progress tal-bniedem.

(1)

Hu stmat li madwar 90 % tal-inċidenti tat-triq huma kkawżati minn żbalji tal-bniedem. Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar Insalvaw il-Ħajjiet: Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE (COM(2016) 0787 final).

(2) Why AI is the future of growth, Accenture, 2016. L-impatt ekonomiku tal-awtomatizzazzjoni tax-xogħol tal-għarfien, tar-robots u tal-vetturi mingħajr sewwieq jista’ jilħaq bejn is-EUR 6,5 triljun u t-EUR 12-il triljun fis-sena sal-2025 (inklużi produttività mtejba u kwalità tal-ħajja aħjar fil-popolazzjonijiet li qed jixjieħu). Sors: Disruptive technologies: Advances that will transform life, business, and the global economy, McKinsey Global Institute, 2013.
(3) L-IA hija parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija (COM(2016) 180 final) u għal Strateġija mġedda għall-Politika Industrija tal-UE (COM(2017) 479 final).
(4)   L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja,il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.
(5) L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-UE: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”. L-Istati Membri lkoll jaqsmu bejniethom “soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”
(6)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2017:228:FIN  
(7)   http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14-2017-INIT/mt/pdf
(8) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta’ Dritt Ċivili dwar ir-Robotika (2015/2103(INL)); L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-IA (INT/806-EESC-2016-05369-00-00-AC-TRA).
(9) L-IA tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti s-servizzi pubbliċi u tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar il-Gvern Elettroniku – id-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn (Ottubru 2017, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/ministerial-declaration-egovernment-tallinn-declaration ). Pereżempju, il-Kummissjoni se tesplora l-potenzjal tal-IA biex tanalizza ammonti kbar ta’ dejta u tgħin tivverifika kif huma applikati r-regoli tas-suq uniku.
(10) Fuq il-bażi tal-ħidma tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda
(11)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-artificial-intelligence  
(12) Ara wkoll in-Nota Strateġika taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika tal-Kummissjoni: The Age of Artificial Intelligence, 2018.
(13) Tħabbiriet riċenti jinkludu park teknoloġiku tal-IA f’Beijing li jiswa EUR 1,7 biljun.
(14) B’1,4 biljun abbonament tal-mowbajl u 800 miljun utent tal-internet – aktar mill-Istati Uniti u l-UE f’daqqa – il-poplu taċ-Ċina jiġġenera ammonti vasti ta’ dejta personali li tintuża biex jiġu żviluppati prodotti relatati tal-IA.
(15)

10 imperatives for Europe in the age of AI and automation, McKinsey, 2017.

(16) L-Ewropa tirrappreżenta l-akbar sehem tal-ewwel mitt istituzzjoni tar-riċerka fl-IA fid-dinja kollha. 32 istituzzjoni tar-riċerka mill-aħjar 100 fid-dinja għall-kwotazzjonijiet minn dokumenti ta’ riċerka relata mal-IA kontra 30 mill-Istati Uniti u 15 miċ-Ċina. Sors: Atomico, State of European Tech, 2017. Jista’ jiġi nnotat ukoll li ċ-Ċentru Ġermaniż għar-Riċerka dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (DFKI) imwaqqaf fl-1988 huwa wieħed mill-akbar ċentri ta’ riċerka fid-dinja fil-qasam tal-IA.
(17) World Robotics 2017, International Federation of Robotics. L-Ewropa tilqa’ fiha tlieta mill-akbar produtturi fid-dinja tar-robots industrijali (KUKA, ABB u Comau).
(18)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/digital-scoreboard . Skont McKinsey (2016), il-kumpaniji Ewropej li joperaw fil-fruntiera diġitali jilħqu livell ta’ diġitalizzazzjoni ta’ 60 % biss meta mqabbla mal-pari tagħhom mill-Istati Uniti.
(19)   https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/dem/monitor/scoreboard
(20)   https://eu-robotics.net/sparc/ .
(21) Iċ-ċipep newromorfiċi huma mmudellati fuq strutturi bijoloġiċi bħall-imħuħ. Dan il-proġett huwa parti mill-impriża konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea (EUR 4,8 biljun f’investimenti pubbliċi-privati sal-2020).
(22)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/eurohpc-joint-undertaking . Din l-infrastruttura se ssostni l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa li se joffri lir-riċerkaturi ambjent virtwali fejn jaħżnu, jipproċessaw, jaqsmu u jerġgħu jużaw id-dejta tagħhom bejn dixxiplini differenti u fil-livell transfruntiera: https://ec.europa.eu/research/openscience/  
(23)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/fet-flagships
(24) Ir-rapport riċenti tal-“Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-Teknoloġiji Industrijali” għaraf l-IA bħala “teknoloġija abilitanti essenzjali” filwaqt li enfasizza r-rwol trasformattiv tal-IA u l-ħtieġa li l-industrija tuża l-IA biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett: http://ec.europa.eu/research/industrial_technologies/pdf/re_finding_industry_022018.pdf  
(25) Stima bbażata fuq dejta dwar l-infiq pubbliku u tan-negozji fir-riċerka u fl-iżvilupp (R&Ż) fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) (sors: Prospective Insights in ICT R&D, PREDICT, il-Kummissjoni Ewropea) u s-sehem ta’ finanzjament fl-IA bħala parti mill-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kummissjoni fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mill-2014 ’l hawn (madwar 13 %). Abbażi ta’ xejriet preċedenti, huwa kkalkolat sehem simili għall-allokazzjonijiet baġitarji tal-gvernijiet għar-riċerka u l-iżvilupp u għan-nefqa tan-negozji fuq ir-riċerka u l-iżvilupp li jirrappreżenta s-sehem il-kbir tal-investimenti (madwar EUR 4 biljun, li huwa konsistenti mas-sejbiet riċenti minn McKinsey).
(26) Pereżempju Franza għadha kif ħabbret investiment ta’ EUR 1,5 biljun fl-IA fuq ħames snin.
(27) Il-prinċipju ta’ gwida tal-appoġġ kollu għar-riċerka relatata mal-IA se jkun l-iżvilupp ta’ “IA responsabbli”, li tqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru, ara l-fluss tax-xogħol tal-Kummissjoni “Riċerka u Innovazzjoni Responsabbli”: https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/h2020-section/responsible-research-innovation  
(28)   https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/h2020-section/european-innovation-council-eic-pilot  
(29) Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea (COM/2016/0180 final) u lista taċ-ċentri .
(30) Il-Kummissjoni għadha kif nediet il-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni biex tidentifika u tiżgura finanzjament fuq skala kbira għal ktajjen tal-valur ta’ importanza strateġika għall-Ewropa, inkluża l-integrazzjoni tal-IA biex tissaħħaħ it-tmexxija industrijali tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa u tiffaċilita s-sħubijiet interreġjonali għall-investimenti f’teknoloġiji avvanzati u fl-IA permezz tal-Pjattaforma tagħha ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti dwar il-Modernizzazzjoni Industrijali.
(31) L-azzjonijiet se jinbtu mill-programm ta’ ħidma Orizzont 2020. Dawn se jiġu ffinanzjati fi ħdan il-pakkett ta’ pprogrammar finanzjarju kurrenti u se jkunu soġġetti għal reviżjoni futura tal-programm ta’ ħidma fil-qafas tal-proċedura ta’ kumitat.
(32) Biex tiżdied it-trasparenza u jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ preġudizzju jew ta’ żball, is-sistemi tal-IA jenħtieġ li jiġu żviluppati b’mod li jippermetti lill-bniedem jifhem (il-bażi ta’) l-azzjonijiet tagħhom.
(33) Dawn għandhom ikunu metodi kif tintuża anqas dejta biex jitħarrġu l-IA.
(34) Dawn huma spazji fejn jiġu ttestjati mudelli kummerċjali ġodda li (għadhom) mhumiex regolati.
(35) Kultant, is-sejbien tax-xejriet minnu nnifsu jkun l-għan tal-attività: fl-estrazzjoni tat-test u tad-dejta, ir-riċerkaturi jużaw l-algoritmi biex “jaqraw” numri kbar ta’ testi (eż. dokumenti xjentifiċi dwar il-kimika) u jisiltu l-għarfien b’mod awtomatiku (eż. isibu fatti li mhumiex iddikjarati b’mod espliċitu f’xi wieħed mid-dokumenti iżda li jistgħu jinkisbu mill-corpus sħiħ). Il-Kummissjoni introduċiet eċċezzjoni għall-estrazzjoni tat-test u tad-dejta bħala parti mill-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-dritt tal-awtur.
(36) Servizzi ta’ Aċċess għad-Dejta u għall-Informazzjoni ta’ Copernicus: http://copernicus.eu/news/upcoming-copernicus-data-and-information-access-services-dias
(37)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/policies/building-european-data-economy
(38)   http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=19158&langId=en
(39) L-awtomatizzazzjoni tista’ tiħalli impatt fuq il-mod li bih tiġi ffinanzjata l-protezzjoni soċjali, u dan jeħtieġ riflessjoni xierqa dwar is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.
(40)   http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016DC0381
(41)   https://ec.europa.eu/education/sites/education/files/digital-education-action-plan.pdf  
(42)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, “Automation, skills use and training”, 2018.
(43)   https://www.cognizant.com/whitepapers/21-jobs-of-the-future-a-guide-to-getting-and-staying-employed-over-the-next-10-years-codex3049.pdf  
(44)   http://www.pocbigdata.eu/monitorICTonlinevacancies/general_info/
(45)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-opportunity-traineeships-boosting-digital-skills-job
(46)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-skills-jobs-coalition
(47)   http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1415&langId=mt
(48) Il-kooperazzjoni issa tiffoka fuq is-setturi tal-karozzi, tat-teknoloġija marittima, tal-ispazju, tat-tessuti u tat-turiżmu, u se tindirizza sitt setturi oħra fil-ġejjieni: il-manifattura addittiva; il-kostruzzjoni; it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-enerġija rinnovabbli; it-trasport marittimu; il-katina tal-valur ibbażata fuq il-karti; l-industrija tal-azzar.
(49) L-Artikoli 13(2)f), 14(2)g) u 15(1)h) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.
(50) L-Artikolu 22 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.
(51) Skont l-input tad-dejta li jintuża biex jitħarrġu s-sistemi tal-IA, l-outputs tagħhom jistgħu jkunu preġudikati.
(52) L-użu tal-IA biex jinħolqu xogħlijiet jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq il-proprjetà intellettwali, bi kwistjonijiet li jqumu, pereżempju dwar il-jedd għall-privattiva, id-dritt tal-awtur u s-sjieda tad-dritt.
(53) Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda huwa grupp konsultattiv tal-Kummissjoni.
(54) Fil-livell tal-UE, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali se twettaq valutazzjoni tal-isfidi kurrenti li jiffaċċjaw il-produtturi u l-utenti tat-teknoloġija ġdida fir-rigward tal-konformità mad-drittijiet fundamentali. Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda ppubblika wkoll dikjarazzjoni rilevanti dwar l-IA, ir-Robotika u s-Sistemi “Awtonomi” fid-9 ta’ Marzu 2018. Eżempji ta’ sforzi internazzjonali: Asilomar AI principles ( https://futureoflife.org/ai-principles/ ), Montréal Declaration for Responsible AI draft principles ( https://www.montrealdeclaration-responsibleai.com/ ), UNI Global Union Top 10 Principles for Ethical AI ( http://www.thefutureworldofwork.org/opinions/10-principles-for-ethical-ai/ ).
(55)  Id-Djalogu Internazzjonali tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Bijoetika u l-Etika fix-Xjenza u f’Teknoloġiji Ġodda jiġbor flimkien lill-Kunsilli Nazzjonali tal-Etika tal-Istati Membri tal-UE u ta’ pajjiżi terzi, biex jaħdmu flimkien fuq dawk il-kwistjonijiet ta’ tħassib komuni. 
(56)

 Għal kwalunkwe proposta regolatorja ġdida li għandha tkun meħtieġa biex jiġu indirizzati kwistjonijiet emerġenti mill-IA u minn teknoloġiji relatati, il-Kummissjoni tapplika l-Prinċipju tal-Innovazzjoni, sett ta’ għodod u ta’ linji gwida li ġie żviluppat biex jiġi żgurat li l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni jkunu favorevoli għall-innovazzjoni: https://ec.europa.eu/epsc/publications/strategic-notes/towards-innovation-principle-endorsed-better-regulation_en  

(57) Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Makkinarji, id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti kif ukoll regoli speċifiċi dwar is-sikurezza, pereżempju għal apparati mediċi jew għal ġugarelli.
(58)

 L-istandards jenħtieġ li ikopru wkoll l-interoperabbiltà, li hija kruċjali biex jiġu offruti għażliet akbar lill-konsumaturi u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta.

(59) Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti tiddikjara li jekk prodott difettuż jikkawża xi ħsara lill-konsumaturi jew lill-proprjetà tagħhom, il-produttur irid jipprovdi kumpens irrispettivament minn jekk hemmx negliġenza jew ħsara min-naħa tagħhom.
(60)

L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju tindika li ċerti dispożizzjonijiet ma jindirizzawx b’mod espliċitu ċerti aspetti tat-teknoloġiji diġitali emerġenti, u l-Kummissjoni se teżamina jekk din teħtieġx tibdiliet leġiżlattivi. Dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għal Dannu minn Prodotti, il-Kummissjoni se toħroġ dokument interpretattiv ta’ gwida, li jiċċara l-kunċetti importanti fid-Direttiva.

(61) Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar ir-Responsabbiltà li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni (SWD (2018)137).
(62)   http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=615947
(63)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/algorithmic-awareness-building  
(64)   https://www.aiforhumanity.fr  
(65)   https://www.plattform-lernende-systeme.de
(66)   https://tekoalyaika.fi/
(67)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-artificial-intelligence
(68)   https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/call-high-level-expert-group-artificial-intelligence
(69) Din il-ħidma għandha tiġi informata mill-Aġenzija tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali wkoll.
Top