IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2016
COM(2016) 269 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ir-riskji potenzjali lis-saħħa pubblika marbuta mal-użu tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0269
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the potential risks to public health associated with the use of refillable electronic cigarettes
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-riskji potenzjali lis-saħħa pubblika marbuta mal-użu tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-riskji potenzjali lis-saħħa pubblika marbuta mal-użu tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew
COM/2016/0269 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2016
COM(2016) 269 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ir-riskji potenzjali lis-saħħa pubblika marbuta mal-użu tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew
Sfond u kuntest
L-Artikolu 20(10) tad-Direttiva 2014/40/UE 1 (“Id-Direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk” jew “id-DPT”) jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa pubblika assoċjati mal-użu tas-sigaretti elettroniċi (“sigaretti elettroniċi”). Meta ġiet adottata d-DPT, kien hemm tħassib li s-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew huma ta' riskju għall-utenti u għall-konsumaturi minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, li jippermettu lill-utent jiġi f’kuntatt dirett mal-likwidi tar-rikarika (“ likwidi elettroniċi”) li fihom in-nikotina u ingredjenti oħra li jistgħu jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa.
Ta' min jinnota li dan ir-rapport jidentifika r-riskji partikolari marbutin mas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, kif mitlub mill-koleġiżlaturi. Ir-rapport mhuwiex maħsub biex jagħmel il-paraguni bejn is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew u tipi oħrajn ta’ sigaretti elettroniċi, u ma jittrattax l-impatt potenzjali fuq is-saħħa pubblika tas-sigaretti elettroniċi b’mod ġenerali (pereżempju il-bidu tal-użu, il-waqfien mit-tipjip, l-użu doppju u l-effetti fit-tul fuq is-saħħa).
Is-sigaretti elettroniċi huma prodotti relattivament ġodda fis-suq tal-UE u issa biss bdiet toħroġ l-evidenza dwar ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tagħhom. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jissorveljaw l-evidenza xjentifika, il-profili tal-utenti u l-iżviluppi tas-suq rigward it-tipi kollha ta’ sigaretti elettroniċi. Din l-evidenza se tinforma wkoll ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk li għandha titressaq mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni skont l-Artikolu 28 tad-DPT 2 .
Dan ir-rapport tfassal bil-kontribut tal-istudju PRECISE imħejji minn kuntrattur estern 3 . Dan l-istudju analizza l-letteratura xjentifika disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew, id-dejta meħuda miċ-ċentri tal-avvelenament tal-UE ta' tmien Stati Membri, u wettaq analiżi kimika fuq kampjuni tas-sigaretti elettroniċi. Il-kuntrattur wettaq ukoll stħarriġ fl-industrija tas-sigaretti elettroniċi biex jiddetermina x’jaħsbu li huma r-riskji ewlenin assoċjati mas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew. Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa r-riskji tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew identifikati mill-Istati Membri, u ddiskutiet dan ir-rapport mal-Grupp Espert dwar il-Politika tat-Tabakk u mas-Sottogrupp dwar is-Sigaretti Elettroniċi 4 . L-informazzjoni li ħarġet mid-diskussjonijiet mar-regolaturi internazzjonali ddaħħlet ukoll f’dan ir-rapport.
Ir-Regolamentazzjoni tas-sigaretti elettroniċi skont id-Direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk
L-Artikolu 20 tad-DPT jistabbilixxi għadd ta’ rekwiżiti dwar is-sikurezza u l-kwalità tas-sigaretti elettroniċi li fihom in-nikotina li huma maħsuba għas-suq tal-konsumaturi. Dawn is-sigaretti elettroniċi għall-konsumaturi jistgħu jkunu jintremew, jiġu ċċarġjati mill-ġdid bi skrataċ jew jerġgħu jimtlew permezz ta’ kontenituri ta’ rikarika li fihom il-likwidu elettroniku.
Il-manifatturi u l-importaturi għandhom jinnotifikaw il-prodotti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (l-Artikolu 20(2)). Din in-notifika trid tinkludi l-informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet, id-dejta tossikoloġika, l-informazzjoni dwar id-dożi u l-ammont assorbit tan-nikotina, u deskrizzjoni tal-apparat u l-proċessi tal-produzzjoni tiegħu. Ta' kull sena, il-manifatturi jridu wkoll jippreżentaw lill-Istati Membri d-dejta dwar il-bejgħ u l-informazzjoni dwar il-preferenzi tal-konsumaturi (l-Artikolu 20(7)). Il-manifatturi u l-importaturi jridu jiġbru l-informazzjoni dwar l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem issuspettati u jieħdu azzjoni korrettiva minnufih jekk jissuspettaw li l-prodotti tagħhom ikunu ta' periklu (l-Artikolu 20(9)).
Id-DPT tistabbilixxi l-limiti tal-ammont ta’ nikotina fis-sigaretti elettroniċi u fil-kontenituri ta’ rikarika maħsubin għall-konsumaturi. Il-likwidi elettroniċi ma jridx ikun fihom aktar minn 20 mg/ml nikotina (l-Artikolu 20(3)(b)), it-tankijiet u l-iskrataċ m’għandhomx jesgħu aktar minn 2 ml, u l-kontenituri ta’ rikarika ma għandhomx jesgħu aktar minn 10 ml (l-Artikolu 20(3)(a)). Is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom ukoll ikunu reżistenti għat-tfal u għat-tbagħbis, u biex jinbiegħu irid ikollhom magħhom l-istruzzjonijiet għall-użu u t-twissijiet dwar is-saħħa (il-paragrafi 3(g), 4(a) u (b) tal-Artikolu 20).
Ir-riskji potenzjali għas-saħħa pubblika
Il-Kummissjoni identifikat erba’ riskji ewlenin relatati mal-użu tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew. Dawn ir-riskji huma: (1) l-ivvelenar minħabba l-inġestjoni ta' likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina (speċjalment fil-każ tat-tfal iż-żgħar), (2) ir-reazzjonijiet tal-ġilda kkawżati mill-kuntatt mal-ġilda tal-likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina u irritanti tal-ġilda oħrajn, (3) ir-riskji assoċjati mat-taħlit tal-likwidi mill-konsumaturi, u (4) ir-riskji marbutin mal-użu ta' taħlitiet ta’ likwidi elettroniċi mhux ittestjati u personalizzazzjoni tal-apparat jew tal-ħardwer.
1. L-inġestjoni bi żball ta’ likwidu elettroniku
Il-parti l-kbira tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew u l-kontenituri ta’ rikarika huma sistemi miftuħa li jippermettu l-aċċess dirett għal-likwidi li fihom in-nikotina. In-nikotina hija alkalojde li jinsab fil-pjanti tat-tabakk. Hija stimulant li jaġixxi fuq is-sistema nervuża parasimpatetika u hija l-kawża ewlenija tad-dipendenza fuq il-prodotti tat-tabakk. In-nikotina, filwaqt li hija droga li malajr tikkawża d-dipendenza, hija wkoll tossika ħafna (fatali) b'kull mezz ta’ espożizzjoni possibbli jekk id-doża tkun għolja biżżejjed.
Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-riklassifikazzjoni tan-nikotina, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, wera l-fehma li hija stima ġġustifikata li 5 mg għal kull kg ta’ piż tal-ġisem jikkawżaw tossiċità akuta min-nikotina permezz ta' esponiment orali 5 . Dan il-valur tal-Istima ta' Tossiċità Akuta hija tal-istess grad stabbilit minn Mayer (2014) li wasal għall-istima li l-inqas doża letali hija ta' 0,5-1g ta' nikotina inġestita, li jikkorrispondu għal doża letali medjana (LD50) ta' 6,5-13-il mg għal kull kilo ta' piż tal-ġisem fil-bnedmin., 6 7 Dan ifisser 390-780mg ta' nikotina għal bniedem adult li jiżen 60kg u 65-130mg għal tifel jew tifla li jiżnu 10kg.
Abbażi tal-limiti stabbiliti fid-DPT, l-apparati tas-sigaretti elettroniċi li jistgħu jerġgħu jimtlew jistgħu jesgħu sa 40 mg nikotina, u l-kontenituri ta’ rikarika jistgħu jesgħu sa 200 mg nikotina. Għalhekk hemm riskju partikolari għat-tfal iż-żgħar jekk dawn aċċidentalment jibilgħu il-likwidu elettroniku, speċjalment minn xi kontenitur ta’ rikarika. Fl-Istati Uniti u fl-Iżrael, kien hemm rapporti fil-midja ta' avvelenamenti letali ta' tfal żgħar bil-likwidi elettroniċi 8 .
L-Istudju PRECISE ikkummissjonat għad-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari analizza 277 każijiet ta’ avvelenament bin-nikotina rrappurtati liċ-ċentri tal-avvelenament fi tmien Stati Membri (l-Awstrija, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, l-Iżvezja u s-Slovenja) bejn Jannar 2012 u Marzu 2015 9 . Instab li 87,3 % tal-każijiet kellhom x’jaqsmu ma’ likwidi ta’ rikarika, 0,7 % ma' sigaretti elettroniċi li ma jerġgħux jimtlew u 12 % għal tipi ta’ prodotti mhux magħrufin (li jista’ jiġi spjegat parzjalment mis-sehem tas-suq kbir tagħhom). Mill-każijiet studjati, 71,3 % kienu ta' avvelenament mhux intenzjonat. B’mod ġenerali, 67,5 % tal-każijiet ġraw wara l-inġestjoni ta' likwidi elettroniċi. F’termini ta’ demografija, 33,2 % tal-każijiet kienu jikkonċernaw tfal tal-età ta’ ħames snin jew iżgħar, 9,7 % kkonċernaw tfal u adolexxenti ta' bejn is-6 u t-18-il sena, u 57 % kienu jikkonċernaw adulti ta' aktar minn 18-il sena. Rigward l-eżitu, 23,7 % tal-każijiet kellhom bżonn jiddaħħlu l-isptar u 6,8 % kellhom effett moderat jew kbir. Dawn ir-riżultati huma simili għal dawk li joħorġu minn dejta taċ-ċentri tal-avvelenament fl-Istati Uniti 10 .
Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota wkoll li jintużaw ħafna aromatizzanti differenti fil-likwidi elettroniċi; xi wħud minn dawn huma kklassifikati bħala perikolużi għas-saħħa skont ir-Regolament CLP 11 u jirrikjedu aktar investigazzjoni.
Kif jistgħu jittaffew ir-riskji?
Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inġestjoni aċċidentali ta’ likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina, il-kontenituri ta' rikarika u l-apparati tas-sigaretti elettroniċi jridu jkunu reżistenti għat-tfal, kif stipulat fl-Artikolu 20(3)(g). Is-sigaretti elettroniċi li jistgħu jerġgħu jimtlew u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom għandhom ukoll jinbiegħu bl-istruzzjonijiet għall-użu u għall-ħżin rilevanti tagħhom, biex jiġi evitat li l-likwidu elettroniku jinbela' bi żball minn tfal jew minn adulti, kif ukoll bi twissijiet għal gruppi speċifiċi fir-riskju (l-Artikolu 20(4)(a) (i) u (iii)). Dawn għandhom jagħtu wkoll il-lista tal-ingredjenti u jkun fihom it-twissijiet tas-saħħa rilevanti biex jikkomunikaw ir-riskji potenzjali għas-saħħa lill-konsumaturi (DPT, l-Artikolu 20(4)(b) u r-Regolament CLP). Il-perċentwal pjuttost għoli ta’ avvelenament li jinvolvu l-adulti li għandhom aktar minn 18-il sena (57 %) jissuġġerixxi wkoll il-ħtieġa li jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini dwar it-tossiċità tal-likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina, forsi permezz ta’ kampanji edukattivi nazzjonali.
Barra dawn ir-rekwiżiti ta’ prekawzjoni, huwa importanti wkoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti oħrajn għas-sigaretti elettroniċi; bħal dawk stipulati fil-paragrafi (a) u (b) tal-Artikolu 20(3) li jiżguraw li l-kontenituri tal-likwidi elettroniċi ma jkunx fihom livelli eċċessivi ta’ nikotina (li tista’ tkun letali għat-tfal u għall-adulti).
2. Il-kuntatt mal-ġilda
Is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew jeħtieġu li l-utenti jimlew l-apparat direttament bil-likwidu elettroniku, ġeneralment bl-użu ta’ flixkun żgħir jew xi kontenitur tar-rikarika. Jeżisti r-riskju li meta wieħed ikun qed jiftaħ jew ikun qed jimla s-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew, jinxtered il-likwidu elettroniku u jiġi f’kuntatt mal-ġilda. Il-likwidi elettroniċi fihom sustanzi li huma tossiċi meta jiġu f'kuntatt mal-ġilda (in-nikotina) jew li jistgħu jirritaw il-ġilda (il-glikol propileniku u l-aromatizzanti) 12 .
Fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-riklassifikazzjoni tan-nikotina, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi 13 wera l-fehma li hija stima ġustifikata li 70 mg għal kull kg ta’ piż tal-ġisem jikkawżaw tossiċità akuta min-nikotina permezz ta' kuntatt mal-ġilda 14 . Dan il-valur ATE huwa identiku għal-LD50 dderivat mid-dejta dwar l-annimali, peress li d-doża letali tan-nikotina permezz tal-kuntatt mal-ġilda fil-bnedmin għadu fil-biċċa l-kbira mhux magħruf. Dan ikun ifisser li fil-konċentrazzjonijiet permessi mid-DPT, l-ammont ta’ likwidu elettroniku li jenħtieġ biex jipproduċi effett tossiku akut permezz tal-kuntatt mal-ġilda fil-bnedmin huwa 35 ml għat-tfal iż-żgħar u 210 ml għal adult li jiżen 60 kg. Dan huwa iżjed milli jesa' l-ikbar kontenitur ta’ rikarika permess skont id-DPT. Fl-analiżi tagħhom tad-dejta taċ-ċentri tal-avvelenament, l-istudju PRECISE sab ukoll li 10 % tal-każijiet irrappurtati kienu marbutin mal-esponiment tal-ġilda.
Il-glikol propileniku, li hu komponent kbir ta' ħafna likwidi elettroniċi, jidher ukoll li għandu effetti kemmxejn sensitizzanti u irritanti fuq il-ġilda tal-bniedem 15 . Xi komponenti tal-aromatizzanti ġew ukoll awtoddikjarati bħala sensitizzaturi jew irritanti tal-ġilda fl-inventarju tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi 16 .
Kif jistgħu jittaffew ir-riskji?
Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kuntatt tal-likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina mal-ġilda, il-kontenituri ta’ rikarika u l-apparati tas-sigaretti elettroniċi għandhom ikunu reżistenti għat-tfal u bi protezzjoni kontra t-tnixxija (l-Artikolu 20(3)(g)). Dawn iridu wkoll jew jimtlew b'mod, jew tfasslu b'mod, li meta jimtlew mill-gdid ma jkun hemm l-ebda tnixxija, kif stabbilit fl-Artikolu 20(3)(g), u speċifikat f'aktar dettall fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/586 17 . Is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom għandhom ukoll jinbiegħu bl-istruzzjonijiet ta’ tagħrif rilevanti għall-użu u l-ħżin, biex jiġi żgurat li l-utenti u persuni oħra ma jiġux f’kuntatt mal-likwidu elettroniku aċċidentalment waqt li jkunu qegħdin imissu s-sigaretti elettroniċi, u għandu jkun hemm ukoll l-informazzjoni dwar l-effetti negattivi possibbli (l-Artikolu 20(4)(a) (i) u (iv)). Is-sigaretti elettroniċi għandu jkollhom tikketta skont ir-rekwiżiti stipulati fid-DPT (l-Artikolu 20(4)(b)) u dawk speċifikati fil-leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-UE (bħal pereżempju, ir-Regolament CLP).
3. It-taħlit jew l-addattament tal-likwidi
Għall-kuntrarju tas-sigaretti elettroniċi li jintremew jew dawk li jiġu ċċarġjati mill-ġdid, is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew jippermettu li l-utenti jkollhom aktar flessibbiltà biex jiddeċiedu liema likwidu elettroniku jridu jużaw fl-apparati tagħhom. Għalkemm il-maġġoranza tal-utenti jixtru l-likwidi elettroniċi lesti mħalltin, xi utenti jippreferu li jħalltu l-likwidi elettroniċi huma stess billi jixtru l-ingredjenti separati (taħlit fid-dar jew taħlit personali) 18 . Is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew jistgħu wkoll jippermettu lill-utenti “jippersonalizzaw” il-likwidu elettroniku skont il-preferenzi personali tagħhom, pereżempju, billi jħalltu l-aromatizzanti. Hemm numru ta’ riskji assoċjati ma’ dawn il-prattiki.
L-ewwel nett, it-taħlit fid-dar jeħtieġ li l-utenti jixtru nikotina ta' konċentrazzjoni għolja. Pereżempju, il-likwidu elettroniku, jinbiegħ fi fliexken ta’ 50 ml li jkun fihom 72 mg/ml nikotina (3,6 g ta’ nikotina għal kull flixkun) 19 . Kif spjegat aktar 'il fuq, jeżistu r-riskji għall-utenti u għal persuni oħrajn jekk jinħażnu fid-dar konċentrazzjonijiet għoljin ta’ likwidu tan-nikotina u ma jintużawx kif suppost. Hemm ukoll ir-riskju li l-konsumaturi ma jiddilwux is-soluzzjoni tajjeb u dan jirriżulta f’konċentrazzjonijiet ta’ nikotina ogħla ħafna minn dak li jkun mixtieq għal-likwidi aħħarin li jirriżultaw mit-taħlit. Għalkemm id-DPT tintroduċi livelli ta’ konċentrazzjoni massima ta’ nikotina għas-sigaretti elettroniċi (il-likwidi elettroniċi ma għandux ikun fihom aktar minn 20 mg/ml ta' nikotina) u tillimita l-volum tal-kontenituri ta’ rikarika (ma jistgħux jesgħu aktar minn 10 ml), jeżisti r-riskju li t-taħlit fid-dar jippermetti li l-utenti jevitaw il-limiti stabbiliti għas-sigaretti elettroniċi fid-DPT (permezz tax-xiri ta’ konċentrazzjoni għolja ta’ nikotina jew tan-nikotina forma ta' trab, jekk dan ma jkunx ikkontrollat tajjeb mill-Istati Membri).
Id-DPT teħtieġ li l-manifatturi jew l-importaturi jippreżentaw id-dejta li tirriżulta minn studji tossikoloġiċi (l-Artikolu 20(2)(c)) u jiżguraw li jintużaw biss ingredjenti ta’ purità għolja fil-likwidi elettroniċi (l-Artikolu 20(3)(d)). It-taħlit fid-dar ikun jippermetti li jibqgħu jintużaw likwidi elettroniċi li jkun fihom ingredjenti mhux xierqa mill-konsumaturi.
Barra minn hekk, ħafna mill-aromatizzanti li jintużaw fil-preżent fil-likwidi elettroniċi ma ġewx ittestjati għal użu f’dawn il-likwidi u mhuwiex magħruf jekk humiex perikolużi jekk jittieħdu man-nifs. Qiegħda toħroġ evidenza li ċerti aromatizzanti jistgħu jkunu ta' periklu meta jintużaw fis-sigaretti elettroniċi 20 . Tħassib partikolari huwa li s-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew ikunu jippermettu li l-utenti jkomplu jużaw aromatizzanti li ma ġewx ittestjati jew li jkunu perikolużi. Hemm il-possibbiltà wkoll li l-utenti jħalltu l-aromatizzanti mingħajr mhu magħruf l-effetti ta' dan it-taħlit (jew permezz ta' taħlit fid-dar, jew billi jinżiedu l-aromatizzanti ma' likwidi elettroniċi mixtrija lesti (“il-personalizzazzjoni”)). Ir-riskji għas-saħħa tal-esponiment passiv għall-fwar li joħroġ minn dawn it-taħlitiet personalizzati wkoll mhumiex magħrufin 21 .
Kwistjoni oħra ta’ tħassib hija li s-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew jistgħu jintużaw b'sustanzi illegali bħal tetraidrokannabinol (THC). Fi studju ta’ 3,847 student fl-Istati Uniti, 5,4 % kienu użaw s-sigaretti elettroniċi biex jivvaporizzaw il-kannabis. Fost dawk li kienu użaw is-sigaretti elettroniċi, 18 % kienu użawhom biex jivvaporizzaw il-kannabis 22 .
Kif jistgħu jittaffew ir-riskji?
Biex jitnaqqsu r-riskji assoċjati mat-taħlit fid-dar jew il-personalizzazzjoni tal-likwidi elettroniċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi jirrispettaw il-limiti fuq il-konċentrazzjoni tan-nikotina stipulati mid-DPT. Id-DPT ma tippermettix likwidi elettroniċi b'konċentrazzjonijiet ogħla minn 20mg/ml, jew f'kontenituri li jesgħu aktar minn 10ml. Bl-istess mod, il-likwidi b'konċentrazzjonijiet għoljin ta' nikotina jew in-nikotina forma ta' trab magħmulin għall-użu industrijali, m'għandhomx jinxtraw faċilment mill-konsumaturi. Jekk ma jkunux diġà għamlu dan, l-Istati Membri għandhom ukoll jikkunsidraw li jirregolaw jew li jillimitaw il-bejgħ ta’ soluzzjonijiet jew trab ta' dan it-tip. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw ukoll li ż-żjut jew il-likwidi li fihom it-THC jew sustanzi illeċiti oħra ma jinbiegħux lill-konsumaturi fl-Istati Membri fejn m’humiex permessi.
L-Istati Membri għandhom ukoll jimmonitorjaw in-notifiki u jagħmlu riċerka dwar il-profil tossikoloġiku tal-likwidi elettroniċi u l-emissjonijiet tagħhom rigward l-aromatizzanti u t-taħlit tal-aromatizzanti fil-prodotti notifikati. L-Istati Membri għandhom jezaminaw bir-reqqa l-evidenza dwar ir-riskji għas-saħħa tal-aromatizzanti. Hekk kif toħroġ iktar evidenza, jista’ jkun ġustifikat li l-Istati Membri jipprojbixxu ċerti aromatizzanti milli jintużaw fil-likwidi elettroniċi (kif deskritt fil-premessa 47 tad-DPT, ir-responsabbiltà għall-adozzjoni ta’ regoli dwar l-aromatizzanti tibqa' f’idejn l-Istati Membri).
4. L-użu tal-likwidi elettroniċi f'apparati mhux ittestjati l-personalizzazzjoni tal-ħardwer
Is-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew jippermettu li l-utenti jħalltu u jippersonalizzaw l-apparati tagħhom billi jixtru l-komponenti separati u “jibnu” l-apparati tagħhom (dan huwa magħruf ukoll bħala personalizzazzjoni tal-ħardwer) 23 .
L-istudji wrew ukoll li meta l-likwidi elettroniċi jissaħħnu għal temperaturi għoljin, ġiet osservata żieda fl-emissjonijiet tossiċi 24 .
Għalhekk hemm ir-riskju li l-kombinazzjoni ta’ apparat u l-likwidu elettroniku li jintgħażel mill-utent ma jkunx ġie ttestjat tajjeb, b’mod partikolari rigward in nuqqas ta' sikurezza tal-emissjonijiet prodotti. Il-personalizzazzjoni tal-ħardwer jista’ jfisser ukoll li l-utenti jagħtu spinta lis-sigaretti elettroniċi b’batteriji b’saħħithom u b'hekk iżidu l-ammont ta’ emissjonijiet tossiċi, għalkemm ta' min jinnota li l-fwar imsaħħan għal temperatura għolja ħafna jista’ ma jkunx jogħġob lill-utenti.
Hemm ukoll ir-riskju għall-utenti, bħal tnixxija tal-metalli fil-likwidu elettroniku, jew li jisplodu l-batteriji, jekk jintużaw komponenti mhux ittestjati jew mhux xierqa 25 . Skont l-Artikolu 20(2)(e) sa (g) tad-DPT, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-komponenti użati, tal-proċess tal-produzzjoni, u dikjarazzjoni li jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti li jqiegħdu fis-suq.
Kif jistgħu jittaffew ir-riskji?
Meta jinfurzaw id-DPT, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi ma jbiegħux komponenti mhux ittestjati u li l-komponenti kollha notifikati jkunu għaddew minn testijiet xierqa biex jiżguraw li mhumiex perikolużi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li meta l-manifatturi u l-importaturi jinnotifikaw l-informazzjoni dwar il-likwidi elettroniċi jqisu l-kundizzjonijiet li fihom wieħed normalment jistenna li jintużaw mill-konsumaturi.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li n-notifiki li jirċievu skont id-DPT jirriflettu b’mod preċiż jekk ċerti komponenti jew apparati jkollhom il-potenzjal li jaffettwaw il-kwalità tal-emissjonijiet prodotti b’mod sinifikanti jew iżidu t-tossiċità tal-emissjonijiet skont kif jintużaw. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li meta jittieħdu miżuri dwar prodotti perikolużi li joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi dawn il-miżuri jiġu nnotifikati permezz tas-sistema ta’ twissija rapida għall-prodotti perikolużi li mhumiex ikel (“RAPEX”) 26 , u dan jippermetti lil pajjiżi oħrajn isibu dawn il-prodotti fis-swieq nazzjonali tagħhom u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu aktar bejgħ tal-prodott perikoluż ikkonċernat.
Konklużjonijiet
L-użu ta’ sigaretti elettroniċi li jistgħu jerġgħu jimtlew, u l-esponiment potenzjali għal-likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina f’konċentrazzjonijiet għoljin jista' joħloq ir-riskji għas-saħħa pubblika. Fil-kuntest tal-għarfien xjentifiku attwali, il-miżuri marbutin mas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew previsti fid-DPT u l-leġiżlazzjoni sekondarja, 27 flimkien mar-regolamentazzjoni nazzjonali, jipprovdu qafas adegwat u proporzjonat għall-mitigazzjoni ta’ dawn ir-riskji. Madankollu, dan ma jipprekludix il-bżonn ta' aktar studju ta’ dawn il-prodotti u kemm jistgħu l-konsumaturi jużawhom b'sigurtà (b’mod partikolari rigward l-avvelenament mill-inġestjoni aċċidentali tal-likwidu elettroniku, u l-profil ta’ periklu tal-aromatizzanti). Hemm ukoll il-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar it-tossiċità tal-likwidi elettroniċi li fihom in-nikotina, u din tista’ tinkiseb permezz ta’ kampanji edukattivi nazzjonali.
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw attentament is-suq tas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew, kif ukoll in-notifiki li jaslulhom skont l-Artikolu 20(2) tad-DPT. Aktar riċerkaò dwar ċerti aspetti tas-sigaretti elettroniċi li huma rilevanti għas-sigaretti elettroniċi li jerġgħu jimtlew, bħalma huma l-ittestjar tal-emissjonijiet u s-sikurezza tal-aromatizzanti jew tat-taħlitiet tal-aromatizzanti, għandha titwettaq ukoll. Riċerka addizzjonali dwar dawn is-suġġetti tkun ta’ benefiċċju għall-utenti kollha tas-sigaretti elettroniċi (dawk li jintremew dawk li huma rikarikabbli, u dawk li jistgħu jerġgħu jimtlew).
Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.04.2014, p. 1). .
L-Artikolu 28(1) tad-DPT jeħtieġ li "Mhux aktar tard minn ħames snin mill-20 ta’ Mejju 2016, u kull meta jkun meħtieġ wara dan, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva".
EAHC/2013/Health/17: Ir-Riskji Potenzjali tas-Sigaretti Elettroniċi u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tagħhom fl-Ewropa (PRECISE).
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk, C(2014) 3509 final.
L-Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li tipproponi l-klassifikazzjoni u t-ttikkettar armonizzati tan-Nikotina fil-livell tal-UE (ISO). Adottata fl-10 ta' Settembru 2015. http://echa.europa.eu/documents/10162/f9510930-4e5e-45ff-bb3a-888cefaf6592 .
Il-valur tad-doża letali medjana huwa doża li, meta tingħata lill-annimali f’test tat-tossiċità akuta, hija mistennija li tikkawża l-mewt f’50% tal-annimali trattati f’perjodu partikolari.
Mayer B. How much nicotine kills a human? Tracing back the generally accepted lethal dose to dubious self-experiments in the nineteenth century. Arch Toxicol 2014;88:5-7.
http://www.nydailynews.com/news/national/1-year-old-n-y-boy-dies-ingesting-liquid-nicotine-article-1.2045532 u http://www.timesofisrael.com/police-investigating-toddler-death-from-nicotine-overdose/ .
EAHC/2013/Health/17: Ir-Riskji Potenzjali tas-Sigaretti Elettroniċi u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tagħhom fl-Ewropa (PRECISE).
Vakkalanka, J.P et al. Epidemiological trends in electronic cigarette exposures reported to U.S. Poison Centers. Clinical Toxicology, 2014;52(5): p. 542-548.
Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
Preżentazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) lis-Sottogrupp dwar is-Sigaretti Elettroniċi fl-14 ta’ Marzu 2016.
http://echa.europa.eu/about-us/who-we-are/committee-for-risk-assessment .
L-Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li tipproponi l-klassifikazzjoni u t-ttikkettar armonizzati tan-Nikotina fil-livell tal-UE (ISO). Adottata fl-10 ta' Settembru 2015. http://echa.europa.eu/documents/10162/f9510930-4e5e-45ff-bb3a-888cefaf6592 .
Il-Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands. Il-glikol propileniku (1.2-Propanediol); Il-limitu tal-esponiment okkupazzjonali rakkomandat għas-saħħa. L-Aja: Il-Kunsill tas-saħħa tan-Netherlands, 2007; il-pubblikazzjoni Nru 2007/02OSH.
http://echa.europa.eu/eu/information-on-chemicals/cl-inventory-database .
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/586 tal-14 ta' April 2016 dwar l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi (notifikat bid-dokument C(101) 16.4) (ĠU L 101, 16.4.2016, p. 15)
Skont l-Organizzazzjoni ECITA tal-Industrija, it-taħlit fid-dar huwa limitat għal inqas minn 5 % tas-suq, http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/ev_20131122_mi_en.pdf . .
https://www.totallywicked-eliquid.com/50 ml-titanium-ice-72 mg-unflavoured-3-bottle-multipack.html . .
Barrington-Trimis, J.L et al..Flavorings in electronic cigarettes: an unrecognised respiratory health hazard? JAMA, 2014. 312(23): p. 2493-4.
US CDC Letter of Evidence on e-cigarettes to N.C. Department of Health and Human Services. http://www.tobaccopreventionandcontrol.ncdhhs.gov/Documents/CDC-LetterofEvidenceonElectronicNicotineDeliverySystemsNorthCarolina-April2015.pdf .
Morean et al. High School Students’ Use of Electronic Cigarettes to Vaporize Cannabis. Pediatrics 2015;136:4.
Il-komponenti individwali tas-sigaretti elettroniċi jistgħu jinxtraw faċilment u jitpoġġew flimkien biex jagħmlu apparat personalizzat (eż. http://www.amazon.co.uk/ecigarette-eshisha/b?ie=UTF8&node=3787506031 ).
Geiss, O., et al., Correlation of volatile carbonyl yields emitted by e-cigarettes with the temperature of the heating coil and the perceived sensorial quality of the generated vapours. Int. J. hyg. A batch test for assessing the mineralisation of 14C-radiolabelled compounds under realistic anaerobic conditions. Health. 2016. 219(3): p.268-277, http://dx.doi.org/10.1016/j.ijheh.2016.01.004.
Brown CJ, et al. Electronic cigarettes: product characterization and design considerations. Tob Control 2014;23:ii4–ii10. doi:10.1136/tobaccocontrol-2013-051476.
http://ec.europa.eu/consumers/consumers_safety/safety_products/rapex/index_en.htm.
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/586 tal-14 ta' April 2016 dwar l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu tar-rikarika tas-sigaretti elettroniċi (ĠU L 101, 16.4.2016, p. 15)