Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document COM:2008:853:FIN

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra

/* KUMM/2008/0853 finali */

52008PC0853(01)




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 12.12.2008

COM(2008) 853 finali

2008/0248 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra

(ippreżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-proposti mehmuża jsawru l-istrumenti legali għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra:

1. Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-iffirmar tal-Ftehim;

2. Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għall-konklużjoni tal-Ftehim.

2. Ir-relazzjonijiet tas-Sirja mal-Komunità Ewropea bħalissa huma koperti mill-Ftehim ta’ Kooperazzjoni li kien ġie ffirmat fit-18 ta’ Lulju 1977 (li kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1978) u mmodifikat minn protokolli oħra li saru wara. Il-Kunsill adotta d-direttivi tan-negozjar tiegħu fit-18 ta’ Diċembru 1997 waqt li fl-14 u l-15 ta’ Mejju 1998 il-Kummissjoni kienet tat bidu formali għan-negozjati biex jintlaħaq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Il-progress kien bil-mod ħafna fl-ewwel erba’ snin. Il-pass tan-negozjati kien inbidel wara li kien sar xi tibdil fil-gvern tas-Sirja f’Diċembru 2001. Fit-tmien sessjoni li nżammet bejn il-5 u s-6 ta’ Ġunju 2002 seta’ jintlaħaq ftehim dwar l-ewwel kapitoli tat-test. Wara li s-Sirja kienet għamlet is-sottomissjoni tagħha ta’ skeda ta’ tariffi komprensivi, setgħu jinbdew negozjati intensivi fuq it-tneħħija ta’ dawn it-tariffi f’Settembru tal-2003, li wassal għat-tmiem tan-negozjati fit-tnax-il fażi fit-8-9 ta’ Diċembru 2003, segwit minn sensiela ta’ diskussjonijiet tekniċi, għall-inizjalar tat-test mill-Kummissjoni u l-Gvern tas-Sirja fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2004 [u fl-14 ta’ Diċembru 2008].

3 Il-Ftehim ġie sottomess lill-Kunsill fis-17 ta' Diċembru 2004 [COM (2004) 808 finali]. Madanakollu, il-Kunsill ma laħaqx ftehim dwar l-iffirmar tiegħu minħabba l-kunsiderazzjonijiet politiċi.

Fid-dawl ta’ żviluppi riċenti pożittivi fil-politika reġjonali tas-Sirja, l-aktar dwar ir-relazzjonijiet mal-Libanu u l-Iżrael, issa hemm konsensus fl-UE li l-abbozz ta’ Ftehim għandu jiġi aġġornat bil-għan li jiġi konkluż kmieni.

Il-Kummissjoni u s-Sirja qablu b’kekk fuq l-adattazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jiġi aġġornat l-abboz ta’ Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ingħata bidu għall-Ftehim rivedut fl-14 ta’ Diċembru 2008. L-adattazzjonijiet li saru huma purament ta’ natura teknika, u jirriflettu l-iżviluppi li saru mill-2004 b’impatt fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim, speċjalment fuq l-aħħar tkabbir tal-UE. ir-riforma tal-iskeda ta’ tariffi doganali tas-Sirja; it-tibdiliet fis-Sistema Armonizzata u fin-Nomenklatura Magħquda tal-KE.

4. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni propost bejn l-UE u s-Sirja se jwaqqaf relazzjoni ġdida u aktar mill-qrib fil-kuntest tal-partenarjat Ewro-Mediterranju li kien ingħata bidu bid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tal-1995. Dan se jwassal għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun u se jmexxi ’l quddiem il-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn is-Sirja u l-UE, kif ukoll bejn is-Sirja u l-imsieħba tagħha tal-Mediterranan. Il-ftehim propost x’aktarx se jkun l-aħħar parti li kienet tonqos fit-tiswir taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranju fl-2010, hekk kif kien ġie stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona. Id-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tenfasizza l-prijorità tal-UE biex issaħħaħ is-sigurtà kif ukoll ir-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha mal-imsieħba tal-Baċin tan-nofsinhar tal-Mediterran. Il-Ftehimiet mat-Tuneżija, il-Marokk, l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, it-Territorji Palestinjani (il-PLO), il-Ġordan u l-Libanu diġà ġew iffirmati; jonqos biss is-Sirja.

5. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Sirja se jkun għal żmien illimitat u dan se jiftaħ triq għal relazzjonijiet akbar f’numru wiesa’ ta’ oqsma, li jkunu bbażati fuq ir-reċiproċità u s-sħubija. Ir-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ser jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim. B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsilltas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-Ftehim fih ukoll, bħala element essenzjali, impenn biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-impenji preżenti li jeżistu taħt l-istrumenti tad-diżarm u n-non-proliferazzjoni.

6. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Sirja jixbah ħafna lil Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranja oħrajn iżda fih dispożizzjonijiet b'effett aktar wiesa' u li huma aktar sostanzjali f’numru ta’ oqsma: in-non-proliferazzjoni, il-kontroterroriżmu, it-tneħħija ta’ tariffi komprensivi fuq prodotti agrikoli, ostakli tekniċi għall-miżuri ta’ kummerċ, miżuri sanitarji u fitosanitarji , it-tħaffif tal-kummerċ, id-dritt tal-istabbilment u s-servizzi, ix-xiri pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-mekkaniżmi li jwasslu għas-soluzzjoni ta’ tilwim kummerċjali. L-applikazzjoni proviżorja tal-kummerċ u ta’ dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ ukoll hija prevista.

7. Il-Ftehim jiffoka fuq l-elementi ewlenin li ġejjin:

- djalogu politiku regolari, inkluża l-kooperazzjoni fuq in-non-proliferazzjoni;

- djalogu u kooperazzjoni ekonomiċi, soċjali u kulturali f'sensiela wiesgħa ta’ oqsma;

- it-twaqqif progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Komunità Ewropea u s-Sirja fuq perjodu massimu ta’ tnax-il sena. Iż-żewġ Partijiet jagħrfu l-importanza tal-kummerċ ħieles, kif iggarantit bil-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) u bil-ftehimiet multilaterali l-oħra mehmuża mat-Trattat li jwaqqaf id-WTO;

- għal prodotti industrijali, reġa’ ġie kkonfermat l-aċċess ħieles li ngħata lill-esportazzjonijiet tas-Sirja lejn il-Komunità taħt il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1978. B’mod reċiproku, is-Sirja se tilliberalizza s-sistema tal-importazzjoni tagħha għall-prodotti tal-Komunità biex it-tariffi kollha jinżlu għal żero sat-tmiem tal-perjodu ta’ transizzjoni ta’ tnax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim;

- għal prodotti agrikoli pproċessati, huma previsti konċessjonijiet reċiproċi speċifiċi;

- il-prodotti agrikoli mis-Sirja lejn il-Komunità se jiġu lliberalizzati f’konformità mal-għanijiet tal-Proċess ta’ Barċellona (liberalizzazzjoni gradwali bi klawsola ta’ reviżjoni). Għal numru ta’ prodotti sensittivi se jiġu applikati kwoti ta’ tariffi. It-tariffi fuq il-prodotti mill-Komunità li jiġu esportati lejn is-Sirja se jitneħħew b’mod lineari biex dawn jilħqu l-livell ta’ żero sa tmiem il-perjodu ta’ transizzjoni ta’ tnax-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim;

- il-kummerċ fil-ħut u fil-prodotti tal-ħut importati mis-Sirja fil-Komunità, ħlief għal numru limitat ta’ prodotti, se jiġi lliberalizzat fuq perjodu ta’ sentejn. Għal dawk il-prodotti fejn il-liberalizzazzjoni mhix prevista, se jkun hemm kwoti ta’ tariffi taħt il-Ftehim. It-tariffi fuq il-ħut u l-prodotti tal-ħut esportati mill-Komunità lejn is-Sirja se jitneħħew b’mod lineari fuq perjodu ta’ mhux aktar minn 12-il sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim;

- id-dritt tal-istabbilment u s-servizzi li jagħtu lill-investituri Ewropej trattament MFN (most favoured nation) jew nazzjonali (liema minn dawn ikun l-aħjar) għall-istabbilment fis-Sirja u l-ftuħ tas-setturi kollha għall-investiment, ħlief għal ftit minnhom li bħalissa huma riżervati għall-monopolji tal-Istat. Il-qasam tat-telekomunikazzjonijiet se jinfetaħ sa mhux aktar minn sitt snin wara d-dħul fis-seħħ;

- dispożizzjonijiet ta’ soluzzjoni ta’ tilwim biex jiġu riżolti tilwimiet kummerċjali skont il-Mekkaniżmu ta’ Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO;

- dispożizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni;

- fuq pagamenti u ċaqliq tal-kapital, il-kompetizzjoni, ix-xiri pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, u fuq l-istandards, regoli tekniċi u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità;

- impenji u kooperazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni (inkluża r-riammissjoni), l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra d-drogi u l-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, u l-kontroterroriżmu;

- dispożizzjonijiet istituzzjonali għat-tmexxija tal-Ftehim, li jridu jinkludu t-twaqqif ta’ Kunsill tal-Assoċjazzjoni biex jiltaqa’ fuq livell ministerjali ħalli jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, u ta’ Kumitat tal-Assoċjazzjoni;

- il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħaffef il-kooperazzjoni u l-kuntatti bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea tal-Poplu tas-Sirja.

Dan għandu l-għan li jappoġġja r-riforma ekonomika u politika fis-Sirja, li jħejji lis-Sirja għall-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija dinjija u li jmexxi ’l quddiem l-integrazzjoni reġjonali. Permezz ta’ djalogu politiku regolari, dan se jgħin biex l-UE tkun tista’ tidħol f’diskussjonijiet mas-Sirja fuq dawk it-temi kollha li huma ta’ interess reċiproku, l-aktar il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, it-terroriżmu u n-non-proliferazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 310 flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300, il-paragrafu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Billi:

(1) Fit-18 ta’ Diċembru 1997 il-Kunsill adotta d-direttivi għall-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, mill-parti waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja mill-parti l-oħra;

(2) Dawn in-negozjati kienu ntemmu u l-Ftehim ġie ffirmat fid-19 ta’ Ottubru 2004 [u fl-14 ta’ Diċembru 2008];

(3) Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja impenjaw rwieħhom li japplikaw b’mod proviżorju ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sakemm dan jidħol fis-seħħ;

(4) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja għandhom ikunu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li twaqqaf il-proċeduri biex il-Kummissjoni tkun tista’ tħaddem is-setgħat mogħtija lilha[2];

(5) Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jiġi ffirmat f’isem il-Komunità u għandha tkun adottata l-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett li dan jiġi konkluż f’data aktar tard, il-President tal-Kunsill qed ikun hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jkollhom is-setgħa jiffirmaw, f’isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, mill-parti waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, mill-parti l-oħra.

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jgħoddu fuq bażi proviżorja sakemm dan jidħol fis-seħħ: l-Artikolu 2, l-Artikoli 7 sa 42, l-Artikolu 61, l-Artikoli 63 sa 89, l-Artikolu 97, l-Artikoli 99 sa 102, l-Artikolu 107, l-Artikolu 120, l-Artikoli 132 sa 138, u l-Artikoli 140 u 141.

Artikolu 3

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim għandhom ikunu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

3. Fuq kwistjonijiet orizzontali li jolqtu l-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li ma jidhrux fl-Anness I għat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/1993 tas-6 ta’ Diċembru 1993 li jwaqqaf l-arranġamenti kummerċjali li jgħoddu għal ċerti oġġetti li jkunu ġejjin mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli[3], mill-Kumitat tat-Tmexxija għaz-Zokkor stabbilit bl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor[4], u mmodifikat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 680/2002 tad-19 ta’ April 2002[5] jew, fejn ikun xieraq, mill-kumitati mwaqqfa bid-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu ta’ regolamenti oħra fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, jew mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[6]. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahar.

4. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2008/0248 (AVC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea u b'mod partikoalri l-Artikolu 310 flimkein mat-tieni frażi tal-Artikolu 300, il-paragrafu 2, u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[7],

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat f’isem il-Komunità Ewropea, fi […] fi […], soġġett għar-riserva ta’ konklużjoni eventwali f’data aktar tard, b’konformità mad-deċiżjoni …./………./KE tal-Kunsill ta’ ….

(2) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, l-annessi u l-protokolli għall-Ftehim, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti u d-dikjarazzjonijiet tal-Komunità Ewropea inklużi fl-att finali, qed jiġu approvati f’isem il-Komunità Ewropea.

It-testi tal-Ftehim, tal-protokolli u l-att finali jagħmlu parti minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-kuntest tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni u tal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, għandha tiġi ddefinita mill-Kunsill, fuq il-proposta tal-Kummissjoni, jew, jekk ikun il-każ, mill-Kummissjoni, skont il-komponenti relevanti tat-Trattati.

Skont l-Artikolu 124 u l-Artikolu 127 tal-Ftehim, il-President tal-Kunsill għandu jmexxi l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni. Rappreżentant mill-Kummissjoni għandu jmexxi l-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, skont ir-regoli tal-proċedura li jkunu ġew miftiehma.

Id-deċiżjoni li jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni u tal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jittieħdu f’kull każ mill-Kunsill u l-Kummissjoni rispettivament.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jkollha(hom) s-setgħa tipproċedi/jipproċedu, f’isem il-Komunità Ewropea, biex tiddepożita/jiddepożitaw l-att tan-notifikazzjoni previst fl-Artikolu 142 tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM EWRO-MEDITERRANJU

LI JISTABBILIXXI ASSOĊJAZZJONI

BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA

U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA L-WAĦDA,

U R-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAS-SIRJA MIN-NAĦA L-OĦRA

IR-RENJU TAL-BELĠJU

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

IR-RENJU TAD-DANIMARKA

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA

IR-REPUBBLIKA TAL-GREĊJA

IR-RENJU TA’ SPANJA

IR-REPUBBLIKA TA’ FRANZA

L-IRLANDA

IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU

IR-REPUBBLIKA TAL-UNGERIJA

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA

IR-RENJU TAL-OLANDA

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

IR-REPUBBLIKA TAL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA

IR-RENJU TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

li huma l-Partijiet kontraenti għat-Trattat li jwaqqaf il- KOMUNITÀ EWROPEA , minn hawn ’il quddiem imsejħa l-"Istati Membri", u

il- KOMUNITÀ EWROPEA , minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Komunità", min-naħa l-waħda,

u r- REPUBBLIKA GĦARBIJA TAS-SIRJA , minn hawn il-quddiem imsejħa "is-Sirja", min-naħa l-oħra,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet tradizzjonali eżistenti bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u s-Sirja min-naħa l-oħra, u l-valuri komuni li dawn jaqsmu bejniethom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda u s-Sirja min-naħa l-oħra jixtiequ jsaħħu dawk ir-rabtiet u jwaqqfu relazzjonijiet fit-tul li jkunu bbażati fuq ir-reċiproċità, il-partenarjat u l-iżvilupp konġunt,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza li l-Partijiet jagħtu lill-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji tad-demokrazija u l-libertajiet politiċi u ekonomiċi, li jiffurmaw l-istess bażi tal-Assoċjazzjoni,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi li seħħew fl-Ewropa u s-Sirja fl-aħħar snin, u waqt li jagħrfu l-ħtieġa li jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku billi jinkoraġġixxu aktar kooperazzjoni kemm f'qafas Ewro-Mediterranju komprensiv kif ukoll fil-livell subreġjonali;

KONXJI mid-determinazzjoni tas-Sirja li tiżviluppa l-interazzjoni tal-ekonomija tagħha mal-ekonomija globali u l-kooperazzjoni tagħha f’dan il-kuntest mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha;

KONXJI mill-importanza ta’ dan il-Ftehim li huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni u d-djalogu biex jinkisbu sigurtà u stabbiltà permanenti fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (weapons of mass destruction - WMD) u l-mezzi tat-twassil tagħhom, kemm lill-atturi tal-istat u mhux tal-istat, jirrappreżentaw wieħed mill-perikli l-aktar serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali;

XEWQANA li jikkooperaw biex jegħlbu t-theddida tal-użu illeċitu u t-traffikar ta’ oġġetti u teknoloġiji marbuta mal-armi tal-qerda tal-massa, u waqt li jagħrfu li t-twaqqif ta’ sistema nazzjonali ta’ esportazzjoni li tkun effettiva, il-kontrolli fuq it-tranżitu u l-użu aħħari se jħaffu wkoll l-akkwist ta’ oġġetti u teknoloġiji li huma importanti għall-iżvilupp tas-Sirja;

KONXJI li l-kriminalità u t-terroriżmu internazzjonali jirrappreżentaw theddida biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ftehim u l-istabbiltà tar-reġjun;

XEWQANA li jwaqqfu u jiżviluppaw djalogu politiku regolari fuq punti bilaterali internazzjonali li huma ta’ interess reċiproku;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rieda tal-Komunità li tipprovdi appoġġ lis-Sirja biex din tkun tista’ tissokta bir-riforma ekonomika u bl-iżvilupp soċjali permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni effettivi;

FILWAQT LI JQISU d-differenza fil-livell ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li hemm bejn il-Komunità u s-Sirja, u ħerqana li dawn jaħdmu flimkien biex jegħlbu dawn id-differenzi u biex jilħqu l-għanijiet ta’ din l-Assoċjazzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet xierqa ta’ dan il-Ftehim;

ĦERQANA li jsaħħu l-kooperazzjoni, appoġġjata bi djalogu politiku regolari, f’temi ekonomiċi, xjentifiċi, ambjentali, teknoloġiċi, awdjoviżivi, soċjali u kulturali biex itejbu l-għerf reċiproku u jilħqu komprensjoni reċiproka aħjar;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tal-kummerċ ħieles għall-Komunità u s-Sirja, kif iggarantit bil-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) u mill-ftehim multilaterali l-oħra mehmuża mat-Trattat li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO);

KONVINTI li dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se joħloq ambjent xieraq biex ikunu żviluppati aktar ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, l-aktar fl-oqsma tal-kumnmerċ, l-investiment, il-modernizzazzjoni teknoloġika, il-kooperazzjoni, inkluż fejn xieraq ir-ristrutturar ekonomiku;

FILWAQT LI JIKKONFERMAW li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, it-Titolu IV tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u l-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Komunità Ewropea, sakemm ir-Renju Unit u l-Irlanda (skont il-każ) jinnotifikaw lis-Sirja li jkunu ntrabtu bħala parti mill-Komunità Ewropea skont il-Protokoll fuq il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda mehmuż mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea. L-istess jgħodd għad-Danimarka, skont il-Protokoll mehmuż ma’ dawk it-Trattati fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka;

ftehmu kif ġej:

Artikolu 1

1. Bil-preżenti qed titwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha mill-parti waħda u s-Sirja mill-parti l-oħra.

2. L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma:

(a) Li jingħata qafas xieraq għad-djalogu politiku bejn il-Partijiet, li jkun jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib fl-oqsma kollha li dawn iqisu li jkunu ta’ interess għal dan id-djalogu;

(b) Li jitwaqqfu kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ oġġetti, servizzi u kapital;

(ċ) Li jkunu żviluppati skambji u li jitkattru relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet, l-aktar permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni maħsuba biex isaħħu l-ġid u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fis-Sirja;

(d) Li titħeġġeġ l-kooperazzjoni kemm f’qafas Ewro-Mediterranju komprensiv kif ukoll fuq livell subreġjonali bl-integrazzjoni ta’ bejn is-Sirja u l-imsieħba reġjonali tagħha;

(e) Li titmexxa ’l quddiem il-kooperazzjoni fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, kulturali u finanzjarji, kif ukoll oqsma oħra li jistgħu jkunu ta’ interess reċiproku.

Artikolu 2

Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem stabbiliti bid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun ta’ ispirazzjoni għall-politiki lokali u barranin tal-Partijiet u għandu jkun element importanti minn dan il-Ftehim.

TITOLU I

ID-DJALOGU POLITIKU U L-KOOPERAZZJONI

Artikolu 3

Għandhom jitwaqqfu djalogu politiku regolari u kooperazzjoni bejn il-Partijiet biex jitkattru relazzjonijiet permanenti ta’ kooperazzjoni bejniethom u biex dawn iwasslu għall-ġid, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran, u biex joħolqu wkoll klima ta’ komprensjoni u tolleranza interkulturali.

Artikolu 4

Il-Partijiet itennu l-għan komuni tagħhom li jissuktaw li fil-Lvant Nofsani ikun hemm żona, li tkun tista’ tiġi vverifikata b’mod effettiv u reċiproku, ħielsa mill-armi tal-qerda tal-massa, nukleari, bijologiċi u kimiċi kif ukoll mis-sistemi tat-twassil tagħhom. Jaqblu li flimkien imexxu ’l quddiem l-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni mill-imsieħba Mediterranji kollha tal-istrumenti kollha tan-non-proliferazzjoni, inklużi t-Trattat tan-Non-Proliferazzjoni (NPT), it-Trattat Komprensiv li Jipprojbixxi t-Testijiet bl-Armi (CTBT), il-Konvenzjoni tal-Armi Bijologiċi (BWC), u l-Konvenzjoni tal-Armi Kimiċi (CWC).

Artikolu 5

1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u li jgħinu lil xulxin fil-ġlieda tagħhom kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, nukleari, bijologiċi u kimiċi u l-mezzi tat-twassil tagħhom, f’konformità sħiħa mal-impenji eżistenti tagħhom taħt trattati u ftehim internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u r-rabtiet internazzjonali eżistenti l-oħra tagħhom li huma relevanti, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element importanti minn dan il-Ftehim.

2. Huma jaqblu wkoll li jikkooperaw u jgħinu lil xulxin għal dan il-għan billi:

jieħdu azzjoni dwar l-iffirmar, ir-ratifika jew is-sħubija, skont kif xieraq, u l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti internazzjonali l-oħra kollha li huma relevanti;

iwaqqfu sistemi nazzjonali effettivi tal-esportazzjoni, it-tranżitu u l-użu aħħari ta’ oġġetti u teknoloġiji marbuta mal-Armi tal-Qerda tal-Massa, inkluż l-użu doppju, u li f’dawn ikun hemm proċeduri ta’ infurzar b’penali li jkunu xierqa.

3. Id-djalogu politiku kif stabbilit fl-Artikolu 6 se jakkumpanja u jsaħħaħ l-elementi tal-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 6

1. Id-djalogu politiku għandu jkopri suġġetti ta’ interess komuni, u l-aktar il-paċi, ir-rispett għad-dritt internazzjonali u l-integrità territorjali, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-iżvilupp reġjonali, u għandu jkollu l-għan li jiftaħ it-triq għal għamliet ġodda ta’ kooperazzjoni bil-ħsieb li f’dawn l-oqsma jkun hemm għanijiet komuni.

2. Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni għandhom b’mod speċjali:

(a) iħaffu l-proċess ta’ tiġdid ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet, bl-iżvilupp ta’ fehma reċiproka aħjar u l-promozzjoni tal-konverġenza tal-ideat permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fuq punti internazzjonali li jkunu ta’ interess reċiproku;

(b) jagħtu lil kull parti l-opportunità li dawn jiksbu fehma aħjar dwar il-pożizzjonijiet u l-interessi tal-parti l-oħra, u jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa;

(ċ) isaħħu n-non-proliferazzjoni internazzjonali u s-sigurtà u l-istabbiltà reċiproka fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

(d) jgħinu biex ikunu żviluppati inizjattivi konġunti fuq il-bażi tal-prinċipji li jispiraw dan il-Ftehim.

3. Id-djalogu politiku għandu jseħħ f’perjodi regolari u kull meta jkun meħtieġ, l-aktar:

(a) fuq livell ministerjali, l-aktar fil-qafas tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni;

(b) fuq livell uffiċjali għoli tas-Sirja minn naħa, u l-Presidenza tal-Kunsill, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u l-Kummissjoni Ewropea min-naħa l-oħra;

(ċ) billi jieħu vantaġġ sħiħ mit-toroq diplomatiċi kollha inklużi laqgħat regolari ta’ istruzzjoni mill-uffiċjali, konsultazzjonijiet fuq l-okkażjoni ta’ laqgħat internazzjonali u kuntatti bejn ir-rappreżentanti diplomatiċi f’pajjiżi terzi;

(d) kull meta jkun meħtieġ, b’mezzi oħra li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għat-tisħiħ, l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ dan id-djalogu.

TITOLU II

IL-MOVIMENT ĦIELES TAL-OĠĠETTI

IL-PRINĊIPJI BAŻIĊI

Artikolu 7

Il-Komunità u s-Sirja għandhom iwaqqfu b’mod gradwali żona ta’ kummerċ ħieles fuq perjodu tranżitorju ta’ mhux aktar minn 12-il sena li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u skont dawk tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u r-reviżjonijiet li kienu saru fih wara, minn hawn ’il quddiem magħruf bħala l-GATT.

KAPITOLU I

IT-TNEĦĦIJA TAD-DAZJI DOGANALI

Artikolu 8

Dazju doganali jinkludi kull dazju jew ħlas ta’ kull għamla li jkunu ġew imposti b’rabta mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti, inkluża kull forma ta’ soprataxxa jew jew ħlas aktar b’rabta ma’ din l-importazzjoni jew esportazzjoni, iżda li ma tkunx tinkludi:

(a) taxxa interna jew ħlas intern ieħor impost b’mod konsistenti mal-Artikolu 24 (1);

(b ) dazju kontra l-bejgħ bi prezz irħas minn dak tas-suq jew dazji tas-sisa protettivi applikati b’mod konsistenti mal-Artikoli 28 u 29;

(ċ) miżata u ħlas ieħor li jkunu ġew imposti b’mod konsistenti mal-Artikolu VIII tal-GATT. B’mod speċjali dawn il-miżati u ħlas ieħor għandhom ikunu limitati fl-ammont għall-eqreb nefqa ta’ servizzi li jkunu saru u m’għandhom jiirrappreżentaw l-ebda protezzjoni indiretta għall-prodotti lokali jew xi taxxa tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni minħabba raġunijiet fiskali. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq rati speċifiċi li jkunu jikkorrispondu għall-valur reali tas-servizz li jkun ingħata.

Artikolu 9

1. Id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom jitneħħew skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1 u 2 taħt.

2. Id-dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet bejn il-Partijiet għandhom jitneħħew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3. Għal kull prodott, id-dazju bażiku doganali li għalih għandhom jgħoddu d-dispożizzjonijiet tat-tneħħija tat-tariffi għandu jkun:

a) It-Tariffa Doganali Komuni tal-Komunità Ewropea applikata attwalment erga omnes fil-jum tal-firma ta' dan il-Ftehim[8],

b) it-tariffa Sirjana stabbilita fl-Anness I.

4. Jekk Parti tnaqqas ir-rata applikata tad-dazju doganali tagħha minn dik imsemmija fil-paragrafu 3 u qabel it-tmiem tal-perjodu tranżitorju, id-dispożizzjonijiet tat-tneħħija tat-Tariffa ta’ dik il-Parti għandhom jgħoddu mid-data ta’ dak it-tnaqqis għar-rati mnaqqsa.

5. F’każ li s-Sirja tissieħeb fid-WTO, id-dazju doganali bażiku li għalih għandhom jgħoddu d-dispożizzjonijiet tat-tneħħija tat-tariffi għandu jkun ir-rata fissa tad-WTO jew rata oħra, jekk tkun aktar baxxa, li tkun tgħodd b’mod effettiv erga omnes mid-data tas-sħubija. Jekk, wara s-sħubija ta’ din fid-WTO, ikun applikat tnaqqis fit-tariffa fuq bażi erga omnes, ir-rata mnaqqsa għandha tkun tgħodd bħala dazju doganali bażiku mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak it-tnaqqis.

Artikolu 10

Mid-data tal-iffirmar tal-Ftehim m’għandhom jiddaħħlu l-ebda dazji doganali ġodda u dawk applikati diġà fil-kummerċ ta’ bejn il-Partijiet m’għandhomx jiżdiedu minn dik id-data.

Taqsima 1

PRODOTTI INDUSTRIJALI

Artikolu 11

Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jgħoddu għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-Komunità u s-Sirja u li jaqgħu fil-Kapitoli 25 sa 97 tan-Nomenklatura Magħquda u tat-tariffa doganali tas-Sirja, ħlief għall-prodotti li jidhru fl-Anness II.

Artikolu 12

L-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti li ġejjin mis-Sirja għandhom jiddaħħlu mingħajr dazji doganli kif iddefiniti fl-Artikolu 8.

Artikolu 13

(1) Id-dazji doganali, kif definiti fl-Artikolu 8 li jgħoddu għall-importazzjonijiet fis-Sirja ta’ prodotti li jkunu ġejjin mill-Komunità, għandhom ikunu sottomessi għal żmontar lineari għal żero skont l-iskema u l-iskeda li ġejjin:

1. Id-dazji kollha ta’ 1% u 3%, elenkati fl-Anness I għandhom jitneħħew kompletament fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

2. Ħlief għall-prodotti koperti bil-paragrafi 7 u 8, id-dazji kollha ta’ 5 % u 7 % imniżżla fl-Anness I għandhom jitneħħew kompletament fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3. Ħlief għall-prodotti koperti bil-paragrafi 7 u 8, id-dazji kollha ta’ 10% u 15% elenkati fl-Anness I għandhom jitneħħew kompletament fi żmien sitt snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

4. Ħlief għall-prodotti koperti bil-paragrafi 7 u 8, id-dazji kollha ta’ 20% li huma elenkati fl-Anness I għandhom jitneħħew kompletament fi żmien disa’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

5. Ħlief għall-prodott 8703.23.91 u l-prodotti koperti bil-paragrafi 7 u 8, id-dazji kollha ta’ 30%, 40% u 50% elenkati fl-Anness I għandhom jitneħħew kompletament fi żmien tnax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

6. Ħlief għall-prodott 8703.23.92, id-dazji kollha ’l fuq minn 50 % elenkati fl-Anness I għandhom jitniżżlu għal 50 % mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u dawn għandhom jitneħħew kompletament fi żmien tnax-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

7. Għall-prodotti koperti bil-Ftehim tat-Teknoloġija tal-Informatika tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif jidhru fil-Protokoll 8, id-dazji kollha għandhom jitneħħew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

8. Għall-prodotti tal-kategoriji HS 28, 29, 30, 31, 35, 36, 37 u 38, id-dazji kollha għandhom jitneħħew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

9. Għall-prodott 8703.23.91 kif speċifikat fl-Anness I, id-dazju għandu jibqa’ 40% għal għat-tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u wara jitneħħa kompletament fid-disa’ snin li jkun għad fadal tal-perjodu tranżitorju.

10. Għall-prodott 8703.23.92 kif speċifikat fl-Anness I, id-dazju għandu jibqa’ 60% għal għal erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u wara jitneħħa kompletament fid-tmien snin li jkun għad fadal tal-perjodu tranżitorju.

(2) F’każ ta’ diffikultajiet serji għal ċertu prodott, l-iskeda applikabbli taħt il-paragrafu (1) hawn fuq tista’ tiġi riveduta mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni bi qbil komuni li l-iskeda tista’ ma tiġix estiża għall-prodott ikkonċernat għal aktar mill-perjodu tranżitorju massimu ta’ 12-il sena. Jekk il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni ma jkunx ħa deċiżjoni fi żmien tletin jum mill-applikazzjoni tas-Sirja biex tkun riveduta l-iskeda għal prodott partikolari, is-Sirja tista’ tissospendi l-iskeda b’mod proviżorju għal perjodu li ma jkunx ta’ aktar minn sena.

Artikolu 14

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija ta' dazji doganali fuq l-importazzjoni għandhom japplikaw ukoll għal dazji doganali ta' natura fiskali.

Artikolu 15

1. Waqt il-perjodu tranżitorju, is-Sirja tista’ tieħu miżuri speċjali ta’ perjodu limitat li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13,liema miżuri jistgħu jkunu fil-forma ta’ żieda jew ta’ introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji doganali.

a) Dawn il-miżuri jistgħu jolqtu biss industriji żgħar, jew ċerti oqsma li jkunu għaddejjin minn ristrutturar jew li jkunu qed jiffaċċjaw problemi serji, l-aktar fejn dawn id-diffikultajiet ikunu qed joħolqu problemi soċjali kbar.

b) Id-dazji doganali li jgħoddu fuq l-importazzjoni fis-Sirja ta’ prodotti li jkunu ġejjin mill-Komunità u li jkunu ddaħħlu b’dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu aktar minn 25% ad valorem, u dawn għandhom iżommu element ta’ preferenza għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-Komunità. Il-valur totali annwali medju tal-importazzjonijiet tal-prodotti li jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri ma jistax jaqbeż l-20% tal-valur totali annwali medju tal-importazzjonijiet ta’ prodotti industrijali li jkunu ġejjin mill-Komunità matul l-aħħar tliet snin li għalihom ikun hemm statistiċi disponibbli.

ċ) Dawn il-miżuri għandhom jgħoddu għal perjodu li ma jkunx ta’ aktar minn ħames snin, sakemm ma jiġix awtorizzat perjodu itwal mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni. Dawn għandhom jieqfu milli jkunu jgħoddu sa mhux aktar tard mid-data tal-għeluq tal-perjodu tranżitorju massimu ta’ tnax-il sena.

d) Ma jistgħux jiddaħħlu miżuri bħal dawn rigward prodott jekk ikunu għaddew aktar minn tliet snin mit-tneħħija tad-dazji u r-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha jew mill-ħlasijiet jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti rigward dak il-prodott.

e) Is-Sirja għandha tgħarraf lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni dwar kull miżura speċjali li din tkun bi ħsiebha tieħu. Fi żmien tletin jum wara din in-notifika, il-Komunità tista’ tagħmel talba biex isiru konsultazzjonijiet dwar dawn il-miżuri u l-oqsma li għalihom dawn ikunu jgħoddu qabel ma jiġu implimentati. Meta tieħu miżuri bħal dawn, is-Sirja għandha tipprovdi lill-Kumitat b’kalendarju għall-eliminazzjoni tad-dazji doganali li jkunu ddaħħlu taħt dan l-Artikolu. Dan il-kalendarju għandu jipprovdi għal tneħħija progressiva ta’ dawn id-dazji f’partijiet indaqs annwali li jkunu jibdew sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-introduzzjoni tagħhom. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi fuq kalendarju differenti.

2. B’deroga mir-raba subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni jista’ b’mod eċċezzjonali, biex jitqiesu d-diffikultajiet involuti fit-twaqqif ta’ industrija ġdida, jawtorizza lis-Sirja biex din iżżomm il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà skont il-paragrafu 1 għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-perjodu tranżitorju ta’ tnax-il sena.

Taqsima 2

PRODOTTI AGRIKOLI, TAS-SAJD U PRODOTTI AGRIKOLI PPROĊESSATI

Artikolu 16

Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jgħoddu għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-Komunità u s-Sirja u li jidhru fil-Kapitoli 1 sa 24 tan-Nomenklatura Magħquda u tat-tariffa doganali tas-Sirja u għall-prodotti li huma mniżżla fl-Anness II.

Artikolu 17

Il-Komunità u s-Sirja għandhom iwaqqfu liberalizzazzjoni progressiva akbar tal-kummerċ reċiproku tagħhom tal-agrikoltura, is-sajd u l-prodotti agrikoli pproċessati.

Artikolu 18

1. Meta jkunu importati fil-Komunità, il-prodotti agrikoli li joriġinaw fis-Sirja għandhom igawdu mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 1.

2. Meta jkunu importati fis-Sirja, il-prodotti agrikoli li joriġinaw fil-Komunità għandhom igawdu mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 2.

3. Meta jkunu importati fil-Komunità, il-prodotti tas-sajd li joriġinaw fis-Sirja għandhom igawdu mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 3.

4. Meta jkunu importati fil-Sirja, il-prodotti tas-sajd li joriġinaw fil-Komunità għandhom igawdu mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 4.

Artikolu 19

Il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati li jaqgħu taħt din it-taqsima għandu jiddependi mill-arranġamenti stabbiliti fil-Protokoll Nru 5.

Artikolu 20

1. Matul it-tielet sena tal-implimentazzjonu tal-Ftehim, il-Komunità u s-Sirja għandhom jistħarrġu s-sitwazzjoni biex jistabbilixxu l-miżuri li dawn għandhom jieħdu mill-bidu tar-raba’ sena wara li jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim, skont l-għan stabbilit fl-Artikolu 17.

2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel u waqt li jitqiesu l-volum tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli, tal-prodotti tas-sajd u tal-prodotti agrikoli pproċessati bejn il-Partijiet kif ukoll is-sensittività partikolari ta’ dawn il-prodotti, il-Komunità u s-Sirja għandhom jistħarrġu fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, għal kull prodott u fuq bażi reċiproka u ordnata, il-possibiltajiet li jingħataw konċessjonijiet lil xulxin.

Artikolu 21

1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw flimkien fil-miżuri tal-qasam tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti bl-għan li jitħaffef il-kummerċ. Il-Partijiet qed jintrabtu bil-prinċipji stabbiliti fiż-żewġ Ftehim tad-WTO fuq l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, meta dawn japplikaw miżuri SPS (sanitary and phytosanitary measures).

2. Fuq talba, il-Partijiet għandhom jidentifikaw u jindirizzaw il-problemi li jista’ jkun hemm mill-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi marbuta mal-SPS bil-ħsieb li jintlaħqu soluzzjonijiet li jkunu aċċettabbli għal kulħadd.

Artikolu 22

1. Fil-każ li jkollhom jiddaħħlu regoli speċifiċi bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika agrikola tagħha jew minħabba kull tibdil jew estensjoni li jista’ jkun hemm fid-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-politika agrikola tagħha, il-Parti kkonċernata tista’ temenda l-arranġamenti li jkunu ġejjin mill-Ftehim li jkollhom x’jaqsmu mal-prodotti kkonċernati.

2. F’dawn il-każijiet, il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ biex iqis l-interessi tal-Parti l-oħra.

3. Jekk il-Komunità jew is-Sirja, meta dawn japplikaw il-paragrafu 1, timmodifika l-arranġamenti li jkunu saru f’dan il-Ftehim għall-prodotti agrikoli, dawn għandhom jagħtu lill-importazzjonijiet li jkunu ġejjin mill-Parti l-oħra vantaġġ paragunabbli għal dak li hemm fil-Ftehim.

4. L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni.

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 23

Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fil-kummerċ ta’ bejn il-Partijiet, għajr id-dazji u t-taxxi doganali, kemm jekk dawn ikunu saru effettivi permezz ta’ kwoti, liċenzji tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew inkella b’miżuri oħra, għandhom jitneħħew mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. M’għandhom jiddaħħlu l-ebda miżuri ġodda bħal dawn. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 28 u 29.

Artikolu 24

1. Il-prodotti importati tat-territorju tal-Parti l-oħra m’għandhomx ikunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal taxxi interni jew kull ħlas intern ieħor li tissupera dawk applikati, direttament jew indirettment, għal prodotti lokali li jixxiebhu. Barra minn hekk, il-Partijiet m’għandhomx japplikaw mod ieħor taxxi interni jew ħlasijiet interni oħra biex tingħata protezzjoni lill-produzzjoni lokali.

2. Il-prodotti importati tat-territorju tal-Parti l-oħra għandhom jingħataw trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti lill-prodotti lokali li jixxiebhu fejn għandhom x’jaqsmu l-liġijiet, ir-regolamenti u l-kriterji kollha li jaffettwaw il-bejgħ intern, l-offerta għall-bejgħ, ix-xiri, it-trasport, id-distribuzzjoni jew inkella l-użu tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ spejjeż differenzjali tat-trasport intern li jkunu bbażati esklussivament fuq l-operat ekonomiku tal-mezzi ta’ trasport u mhux fuq l-oriġini tal-prodott.

3. L-ebda Parti m’għandha twaqqaf jew iżżomm ebda regolament kwantitattiv intern li jkollu x’jaqsam mat-taħlit, l-ipproċessar jew l-użu tal-prodotti f’ammonti jew proporzjonijiet speċifikati li jkunu jeħtieġu, direttament jew indirettament, li kull ammont jew proporzjon speċifikat ta’ kull prodott li jkun is-suġġett tar-regolament għandu jkun appoġġjat minn għejun lokali. Barra minn hekk, l-ebda Parti m’għandha tapplika b’xi mod regolamenti kwantitattivi interni biex joffru protezzjoni lill-produzzjoni lokali.

4. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw għal liġijiet, regolamenti, proċeduri jew prattiċi li jirregolaw l-akkwist mill-Gvern kif kopert fl-Artikoli 67 sa 71.

Artikolu 25

Il-Kooperazzjoni għal kontra l-frodi

1. Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni amminstrattiva hija essenzjali għall-implimentazzjoni u l-kontroll tat-trattament preferenzjali mogħti taħt dan it-Titolu. Huma jenfasizzaw ukoll l-impenn tagħhom li jiġġieldu kontra kull irregolarità ta’ frodi doganali u kwistjonijiet relatati.

2. Fejn Parti tkun waslet għal konklużjoni, fuq il-bażi ta’ tagħrif oġġettiv, li kien hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva u/jew ta’ xi irregolaritajiet jew frodi taħt dan it-Titolu, il-Parti kkonċernata tista’ tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali relevanti tal-prodott(i) ikkonċernat(i) skont dan l-Artikolu.

3. Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva għandha tfisser, inter alia :

a) nuqqas ripetut li jkunu rispettati l-obbligi biex ikun ivverifikat l-istat tal-oriġini tal-prodott(i) ikkonċernat(i);

b) rifjut ripetut jew dewmien mhux iġġustifikat biex isiru u/jew jiġu kkomunikati r-riżultati ta’ verifiki oħra dwar il-provi tal-oriġini;

ċ) rifjut ripetut jew dewmien mhux iġġustifikat biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni biex isiru missjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva biex tkun ivverifikata l-awtentiċità tad-dokumenti jew l-eżattezza tat-tagħrif relevanti biex jingħata t-trattament preferenzjali inkwistjoni.

Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, tista’ tintlaħaq konklużjoni li hemm irregolaritajiet jew frodi, inter alia , fejn ikun hemm żieda f’daqqa, mingħajr spjegazzjoni ġusta, fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti li tkun iktar mil-livell tal-produzzjoni u mill-ħila tal-esportazzjoni tas-soltu tal-Parti l-oħra, liema żieda tkun marbuta ma’ tagħrif oġġettiv dwar l-irregolaritajiet jew frodi.

4. L-applikazzjoni ta’ sospensjoni temporanja għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) Il-Parti li tkun waslet għal konklużjoni, fuq il-bażi ta’ tagħrif oġġettiv, dwar nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva u/jew dwar irregolaritjiet jew frodi fid-dwana jew kwistjonijiet oħra relatati, għandha tavża lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni mingħajr dewmien inġustifikat dwar ir-riżultati tagħha u t-tagħrif oġġettiv li jkollha u għandha tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, fuq il-bażi tat-tagħrif relevanti kollu u r-riżultati oġġettivi, bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet.

b) Fejn il-Partijiet ikunu daħlu f’konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni kif imsemmi fuq u ma jkunux laħqu soluzzjoni aċċettabbli fi żmien 3 xhur wara n-notifika, il-Parti kkonċernata tista’ tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali relevanti tal-prodott(i) ikkonċernat(i). Sospensjoni temporanja għandha tiġi notifikata lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni mingħajr dewien żejjed.

ċ) Is-sospensjonijiet temporanji taħt dan l-Artikolu għandhom ikunu limitati għal dak li jkun meħtieġ biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Parti kkonċernata. Dawn m’għandhomx ikunu itwal minn perjodu ta’ sitt xhur, liema perjodu jista’ jiġġedded. Is-sospensjonijiet temporanji għandhom jiġu nnotifikati minnufih wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni. Dawn għandhom ikunu suġġetti għal konsultazzjonijiet perjodiċi fi ħdan il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, l-aktar fejn għandu x’jaqsam it-tmiem tagħhom hekk kif il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma jkunux jgħoddu aktar.

5. Fl-istess żmien tan-notifika lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni taħt il-paragrafu4 (a) ta’ dan l-Artikolu, il-Parti kkonċernata għandha tippubblika avviż lill-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tagħha. Dan l-avviż għandu juri li dwar il-prodott ikkonċernat tkun intlaħqet konklużjoni, fuq il-bażi ta’ tagħrif oġġettiv, ta’ nuqqas li tiġi pprovduta kooperazzjoni amministrattiva u/jew irregolaritajiet jew frodi.

Artikolu 25a

Ġestjoni ta' żbalji amministrattivi

Fil-każ ta’ żbalji amministrattivi materjali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti fil-ġestjoni xierqa tas-sistema preferenzjali fl-esportazzjoni, u b’mod partikolari fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll għall-ftehim preżenti dwar id-definizzjoni tal-prodotti li joriġinaw u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, meta dan l-iżball iwassal għal konsegwenzi f’termini ta’ dazji tal-importazzjoni, il-Parti Kontraenti li qed tiffaċċja l-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji tista’ titlob lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex tipproċedi għal skambju ta’ informazzjoni ħalli jkunu identifikati l-miżuri xierqa sabiex jinsab rimedju għas-sitwazzjoni.

Artikolu 26

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandha tkun bla ħsara għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1911/91 tas-26 ta’ Ġunju 1991 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 704/2002 tal-25 ta’ Marzu 2002 fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità għall-Gżejjer Kanari.

Artikolu 27

1. Il-Ftehim ma jipprekludix iż-żamma jew it-twaqqif ta’ għaqdiet doganali, żoni ta’ kummerċ ħieles jew inkella arranġamenti għall-kummerċ tal-fruntiera, ħlief fejn dawn ma jkunux jibdlu l-arranġamenti kummerċjali li jkunu pprovduti fil-Ftehim.

2. Il-konsultazzjoni bejn il-Komunità u s-Sirja għandha ssir fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni dwar ftehimiet li jwaqqfu għaqdiet doganali jew żoni ta’ kummerċ ħieles u, fejn ikun xieraq, dwar kwistjonijiet importanti oħra li jkollhom x’jaqsmu mal-politika tal-kummerċ rispettiva tagħhom ma’ pajjiżi terzi. B’mod speċjali, f’każ ta’ pajjiż terz li jissieħeb fl-Unjoni, din il-konsultazzjoni għandha ssir biex ikun żgurat li jitqiesu l-interessi reċiproċi tal-Komunità u s-Sirja.

Artikolu 28

1. Jekk waħda mill-Partijiet issib li jkun qed iseħħ dumping fil-kummerċ tagħha mal-Parti l-oħra fit-tifsira tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ, din tista’ tieħu l-miżuri xierqa kontra din il-prattika skont il-Ftehim tad-WTO fuq l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ u liġijiet interni relatati oħra.

2. Dan l-Artikolu mhux se jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V (is-Soluzzjoni ta’ Tilwim) ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 29

1. Il-Ftehim tad-WTO fuq is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kontrobilanċ għandu japplika bejn il-Partijiet.

2. Jekk xi waħda mill-Partijiet issib li fil-kummerċ tagħha mal-Parti l-oħra jkun qed jingħata xi sussidju fit-tifsiriet tal-Artikoli VI u XVI tal-GATT 1994, din tista’ tieħu l-miżuri meħtieġa kontra din il-prassi skont il-Ftehim tad-WTO fuq is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kontrobilanċ u leġiżjoni interna relatata oħra.

3. Dan l-Artikolu mhux se jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V (is-Soluzzjoni ta’ Tilwim) ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 30

1 . Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIX tal-GATT 1994 u tal-Ftehim tad-WTO fuq is-Salvagwardji jgħoddu bejn il-Partijiet.

2. Qabel ma tapplika l-miżuri ta’ salvagwardja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIX tal-GATT 1994 u tal-Ftehim tad-WTO fuq is-Salvagwardji, il-Parti li tkun bi ħsiebha tapplika dawn il-miżuri għandha tforni lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni bit-tagħrif relevanti kollu għal stħarriġ dettaljat dwar is-sitwazzjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet.

Biex tinstab soluzzjoni bħal din, il-Partijiet, mid-data tal-wasla tat-talba mill-Parti li tkun għamlet l-ilment, għandhom minnufih jidħlu f’konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni. Jekk bħala riżultat tal-konsultazzjonijiet il-Partijiet jibqgħu ma jilħqux ftehim fi żmien tletin jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet fuq soluzzjoni biex tkun evitata l-applikazzjoni tal-miżuri tas-salvagwardja, il-Parti li tkun bi ħsiebha tapplika l-miżuri ta’ salvagwardja tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIX tal-GATT 1994 u tal-Ftehim tad-WTO fuq is-Salvagwardji.

3. Fl-għażla tal-miżuri tas-salvagwardja skont dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lil dawk li jkunu joħolqu l-inqas problemi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu aktar minn dak li jkun meħtieġ id-dannu seju u għandhom iżommu wkoll il-livell ta’ preferenza li tkun ingħatat taħt dan il-Ftehim.

4. Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom ikunu nnotifikati minnufih lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni u għandhom ikunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet prejodiċi fi ħdan il-Kumitat, l-aktar biex dawn ikunu jistgħu jitneħħew hekk kif iċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu dan.

5. Dan l-Artikolu mhux se jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V (is-Soluzzjoni ta’ Tilwim) ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 31

1. Fejn il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu twassal għal:

riesportazzjoni ta’ prodott lejn pajjiż terz li kontrih il-parti li qed tesporta żżomm restrizzjonijiet kwantitattivi tal-esportazzjoni, dazji tal-esportazzjoni, jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, jew

nuqqas serju, jew theddida ta’ dan, ta’ oġġetti tal-ikel jew ta’ prodott li jkun essenzjali għall-Parti li qed tesporta;

u fejn is-sitwazzjonijiet imsemmija fuq iwasslu, jew x’aktarx iwasslu, għal diffikultajiet kbar għall-Parti li qed tesporta, dik il-Parti tista’ tieħu l-miżuri xierqa taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 2.

2. Fl-għażla tal-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk li joħolqu l-inqas problemi għat-tħaddim tal-arranġamenti li hemm f’dan il-Ftehim. Il-miżuri m’għandhomx ikunu diskriminatorji u lanqas m’għandu jkun hemm xi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ; dawn għandhom jitneħħew meta l-kundizzjonijiet ma jkunux jiġġustifikaw aktar dan. Barra minn hekk, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati m’għandhomx jaħdmu biex iżidu l-esportazzjonijiet ta’ jew il-protezzjoni mogħtija lill-industrija lokali li tipproċessal-oġġetti kkonċernati bil-miżuri.

3. Qabel ma jieħdu l-miżuri pprovduti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jew, minnufih f’każijiet li għalihom jgħodd il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Komunità jew is-Sirja, skont il-każ, għandhom jipprovdu lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni bit-tagħrif relevanti, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet. Id-diffikultajiet li jinqalgħu mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu sottomessi għal stħarriġ li jsir mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni. Il-Kumitat jista’ jieħu kull deċiżjoni meħtieġa biex jintemmu dawn il-problemi. Jekk dan ma jkunx ħa din id-deċiżjoni fi żmien tletin jum minn meta din il-kwistjoni tkun ġiet riferuta lilu, il-Parti li tesporta tista’ tapplika l-miżuri xierqa fuq l-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

4. Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali jew kritiċi li jkunu jeħtieġu azzjoni immedjata ikun hemm bżonn ta’ tagħrif jew stħarriġ minn qabel, minħabba li l-każ jista’ jkun wieħed impossibbli, il-Komunità jew is-Sirja, liema minnhom tkun ikkonċernata, tista’ tapplika minnufih il-miżuri ta’ prekawzjoni meħtieġa biex tilqa’ għal din is-sitwazzjoni u għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra minnufih dwar dan.

5. Kull miżura applikata skont dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni u għandha tkun suġġetta għal perjodu ta’ konsultazzjonijiet fi ħdan dik l-entità, l-aktar biex ikun stabbilit kalendarju għat-tneħħija tagħhom hekk kif iċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu.

Artikolu 32

Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jipprekludi li jkun hemm projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet jew oġġetti fi tranżitu li jkunu ġew iġġustifikati minħabba l-moralità pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, annimali jew pjanti; il-ħarsien ta’ teżori nazzjonali li jkollhom valur artisitku, storiku jew arkeoloġiku; il-konservazzjoni ta’ riżorsi naturali li jispiċċaw; il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali jew regolamenti li jikkonċernaw id-deheb u l-fidda. Dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet, madankollu, m’għandhomx ikunu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew xi restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ ta’ bejn il-Partijiet.

Artikolu 33

Il-kunċett ta’ "prodotti li joriġinaw" għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu preżenti u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom huma stabbiliti fil-Protokoll 6.

Artikolu 34

Għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti li jiġu importati fil-Komunità għandha tintuża n-Nomenklatura Magħquda. Għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti li jkunu importati fis-Sirja għandha tkun applikata t-tariffa doganali tas-Sirja.

Artikolu 35

Is-Sirja għandha tidħol f’negozjati mal-pajjiżi li għandhom għaqda doganali mal-UE biex tistabbilixxi ma’ dawn il-pajjiżi l-istess sistema kummerċjali bħal dik li hemm f'dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-oqsma kollha koperti mill-għaqda doganali.

KAPITOLU 3

ID-DWANA U KWISTJONIJIET RELATATI

Artikolu 36

Għanijiet

Il-Partijiet jagħrfu li l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-kummerċ u l-benefiċċji reċiproċi li jirriżultaw mll-flussi imsaħħa tal-kummerċ minħabba l-liberalizzazzjoni tat-tariffi għandhom ikunu appoġġjati minn servizzi doganali effiċjenti. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali għandhom ikunu bbażati fuq is-simplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni, kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u l-ħtieġa li jkunu evitati ostakli proċedurali mhux meħtieġa għall-kummerċ. B’dawn il-mezzi, il-Partijiet qed jintrabtu li jħaffu l-kummerċ leġittimu, u li jagħmlu kontrolli effettivi biex ikunu miġġielda l-frodi u l-kummerċ illegali.

Artikolu 37

Id-dwana u l-kooperazzjoni amministrattiva

1. Biex tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, u biex ikun hemm tweġiba effettiva għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, il-Partijiet għandhom jibbażaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq il-prinċipji li ġejjin u jidħlu li:

a) jibdlu tagħrif dwar il-liġi u l-proċeduri doganali;

b) jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli u l-proċeduri doganali miftiehma mill-Partijiet fuq livell bilaterali jew multilaterali;

ċ) jaħdmu flimkien fuq inizjattivi leġiżlattivi u tal-operat dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-proċeduri doganali, kif ukoll biex jiżguraw li l-komunità kummerċjali tingħata servizz effettiv;

d) jikkooperaw fuq il-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri doganali u jaħdmu flimkien biex, fejn ikun xieraq, jistabbilixxu standards komuni;

e) jipprovdu u jiżguraw il-ħelsien tal-operat tat-trasbord u ċ-ċaqliq ta’ tranżitu fit-territorji rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu V tal-GATT (1994), u jimplimentaw standards internazzjonali u/jew reġjonali relevanti li jkunu miftiehma, liema standards ikunu jgħoddu għat-tranżitu;

f) jiżguraw li l-miżati u l-ispejjeż amministrattivi li jinżammu għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni jkunu ġew ippubblikati qabel u jkunu jirriflettu s-servizzi mogħtija, skont l-Artikolu VIII tal-GATT (1994);

ġ) jistabbilixxu kemm jista’ jkun pożizzjonijiet komuni f’organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-dwana, bħalma huma id-WTO, id-WCO, in-NU u l-UNCTAD; u

g) jikkooperaw fejn ikun xieraq fuq għajnuna teknika, inkluża l-organizzazzjoni ta’ seminars u allokazzjonijiet għal postijiet tax-xogħol.

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-amministrazzjonijiet taż-żewġ Partijiet għandhom jipprovdu għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dwana, skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 7.

Artikolu 38

Id-dwana u l-proċeduri leġiżlattivi

1. Il-Partijiet jaqblu li d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri rispettivi tagħhom fuq il-kummerċ u d-dwana għandhom ikunu bbażati fuq:

a) il-protezzjoni ta’ kummerċ legali permezz ta’ infurzar effettiv u konformità mal-kriterji leġiżlattivi;

b) leġiżlazzjoni li tevita li jinħoloq piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi, li tkun ta’ salvagwardja għal kontra l-frodi, u li tipprovdi tħaffif aktar għal livelli għolja ta’ konformità;

ċ) li kull Parti jkollha Kodiċi Doganali uniformi u jkun applikabbli fit-territorju kollu rispettiv tagħha;

d) l-applikazzjoni ta’ tekniki doganali moderni, inklużi l-valutazzjoni ta’ riskju, proċeduri mħaffa għad-dħul u r-rilaxx ta’ oġġetti, il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx, u l-metodi ta' verifika tal-kumpaniji;

e) proċeduri li jkunu trasparenti, effiċjenti u simplifikati, biex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied il-prevedibilità għall-operaturi ekonomiċi, inklużi kumpaniji ta' daqs żgħir u medju;

f) l-iżvilupp ta’ sistemi bbażati fuq it-Teknoloġija tal-Informatika, imfassla fuq standards internazzjonali, kemm għal ħidmiet ta’ esportazzjoni u importazzjoni, biex ikunu jistgħu jinbidlu proċeduri bbażati fuq il-kitba u biex ikun hemm il-bdil elettroniku tad-data uffiċjali kollha bejn il-kummerċjanti u l-amministrazzjonijiet doganali, kif ukoll bejn id-dwana u aġenziji oħra, biex titħaffef id-dispożizzjoni ta’ proċeduri mgħaġġla ta’ rilaxx. Dawn is-sistemi jistgħu jipprovdu wkoll għall-ħlas ta’ dazji, taxxi u miżati oħra permezz ta’ trasferiment elettroniku;

ġ) regoli u proċeduri li jipprovdu għal deċiżjonijiet bil-quddiem li jorbtu fuq kwistjonijiet doganali, l-aktar fuq il-klassifikazzjoni tat-tariffi u r-regoli tal-oriġini. Deċiżjoni tista’ tkun immodifikata jew irrevokata f’kull żmien iżda biss wara li tkun saret notifika lill-operatur affettwat u mingħajr effett retroattiv, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx saret fuq il-bażi ta’ tagħrif mogħti li ma jkunx korrett jew komplut;

g) proċeduri mħaffa għal kummerċjanti awtorizzati skont kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji u li jkunu jistgħu jintlaħqu minn impriżi ta' daqs żgħir u medju li jkunu konformi kif ukoll minn operaturi li jkunu akbar;

għ) dispożizzjonijiet ta’ importazzjoni li ma jkunu jinkludu l-ebda kriterji għal spezzjonijiet ta’ qabel it-trasbord kif iddefinit fil-Ftehim tad-WTO fuq l-Ispezzjonar ta’ Qabel it-Trasbord; u

h) regoli li jiżguraw li kull penali li tiġi imposta għal ksur żgħir fir-regolamenti doganali jew f'rekwiżiti proċedurali jkunu proporzjonati u nondiskriminatorji u, meta dawn jiġu applikati, ma jkunux iwasslu għal dewmien mhux iġġustifikat, skont l-Artikolu VIII tal-GATT (1994).

2. Biex jitjiebu l-metodi ta’ ħidma, biex jevitaw ostakli proċedurali mhux meħtieġa għall-kummerċ, kif ukoll biex jiżguraw li l-operat ikunu non-diskriminatorju, trasparenti, effiċjenti, integru u ta’ min jorbot fuqu, il-Partijiet għandhom:

a) iħaffu l-kriterji u l-formalitajiet dwar ir-rilaxx u l-ħelsien tal-oġġetti; dan għandu jinkludi kollaborazzjoni fuq l-iżvilupp ta’ proċeduri li tippermetti s-sottomissjoni tad-data tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni lil aġenzija waħda biss; u l-koordinazzjoni bejn id-dwana u aġenziji oħra ta’ kontroll biex, kemm jista' jkun, ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni minn aġenzija waħda.

b) jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu, iħaffu u jistandardizzaw d-data u d-dokumentazzjoni meħtieġa mid-dwana u minn aġenziji oħra, inkluż l-użu ta’ Dokument Amministrattiv Wieħed (Single Administrative Document – SAD) u messaġġi ta’ data, li jkunu bbażati fuq standards internazzjonali u li jkunu jistrieħu kemm jista’ jkun fuq it-tagħrif li jkun disponibbli kummerċjalment.

ċ) japplikaw ir-regoli u l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-dwana, inklużi elementi sostantivi tal-Konvenzjoni riveduta ta’ Kjoto fuq is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali.

d) jipprovdu proċeduri effettivi, immedjati u non-diskriminatorji li jkunu jipperemettu d-dritt tal-appell, azzjonijiet amministrattivi kontra d-dwana u aġenziji oħra, deċiżjonijiet li jkunu jolqtu l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti, skont l-Artikolu X tal-GATT (1994).

e) jiżguraw l-ogħla standards ta’ integrità, billi japplikaw miżuri li jirriflettu l-prinċipji tal-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali li jkunu relevanti f’dan il-qasam.

Artikolu 39

Ir-Relazzjonijiet mal-Komunità tan-Negozju

Il-Partijiet jaqblu:

1) fuq il-ħtieġa għal konsultazzjoni f’waqtha mar-rappreżentanti tal-kummerċ dwar proposti leġiżlattivi u proċeduri ġenerali li għandhom x’jaqsmu mad-dwana u kwistjonijiet kummerċjali. Għal dak il-għan, kull Parti għandha twaqqaf mekkaniżmi xierqa ta’ konsultazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-komunità tan-negozju;

2) li jippubblikaw, sa fejn ikun possibbli b’mezzi elettroniċi, u jagħtu pubbliċità lil proċeduri leġiżlattivi u ġenerali ġodda li jkollhom x’jaqsmu mad-dwana u kwistjonijiet kummerċjali qabel ma tidħol fis-seħħ kull leġiżlazzjoni u proċedura bħal dawn, kif ukoll it-tibdil għal u l-interpretazzjoni ta’ dawn il-liġijiet u proċeduri. Huma għandhom ukoll jagħmlu l-avviżi relevanti ta’ natura amministrattiva disponibbli għall-pubbliku, inklużi l-kriterji tal-aġenzija u l-proċeduri tad-dħul, is-sigħat tal-operat u l-proċeduri tal-operat għall-uffiċċji doganali li jeżistu fil-portijiet u f’punti ta’ bejn it-territorji, kif ukoll il-punti ta’ kuntatt minn fejn jista’ jinkiseb it-tagħrif meħtieġ;

3) li jkattru l-kooperazzjoni bejn l-operaturi u l-amministrazzjonijiet relevanti bl-użu ta’ Memoranda ta’ Ftehim mhux arbitrarji u aċċessibbli għall-pubbliku, li jkunu bbażati fuq dawk ippromulgati mid-WCO;

4) li jiżguraw li r-rekwiżiti u l-proċeduri doganali rispettivi tagħhom u oħrajn relatati jkomplu jilħqu l-ħtiġijiet tal-komunità tal-kummerċ, isegwu l-aħjar prattiċi, u fejn it-tibdil fiċ-ċirkustanzi jkun jippermetti li l-għanijiet ta’ dawk il-kriterji jew proċeduri jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod eħfef jew f’manjiera inqas ristrettiva għall-kummerċ, jaġġustaw dawk il-proċeduri kif meħtieġ.

Artikolu 40

Il-Valutazzjoni doganali

1. Mingħajr l-ebda riżerva u għażla, il-Ftehim tal-Valutazzjoni Doganali tad-WTO għandu jirregola r-regoli tal-valutazzjoni doganali applikati għall-kummerċ reċiproku ta’ bejn il-Partijiet.

2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jilħqu qrubija komuni għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-valutazzjoni doganali, l-aktar it-tħejjija ta’ "kodiċi ta’ prattika tajba" fejn jidħlu metodi ta’ xogħol u aspetti tal-operat, l-użu ta’ indiċi indikattivi jew ta’ referenza, dokumentazzjoni xierqa biex tkun iċċertfikata l-eżattezza tal-valur doganali, kif ukoll l-użu tas-sigurtajiet.

Artikolu 41

Reviżjoni

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 38 sa 40 se jkunu suġġetti għal inventarju annwali mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni.

Artikolu 42

Kumitat speċjali dwar id-dwana

1. Il-Partijiet b'dan iwaqqfu Kumitat Speċjali fuq il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini, magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f’data u b’aġenda li dwarha jkun hemm ftehim minn qabel mill-Partijiet. L-uffiċċju tal-president tal-Kumitat għandu jinżamm minn kull waħda mill-Partijiet b'mod alternattiv. Il-Kumitat għandu jirrapporta lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni.

2. Il-funzjonijiet tal-Kumitat jinkludu:

a) is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ din it-taqsima u tal-Protokoll fuq ir-regoli tal-oriġini;

b) li jipprovdi forum għal konsultazzjoni u diskussjoni fuq il-kwistjonijiet kollha li jolqtu d-dwana, inklużi l-aktar il-proċeduri doganali, il-valutazzjoni doganali, is-sistemi tat-tariffa, in-nomenklatura doganali, il-kooperazzjoni doganali u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet tad-dwana;

ċ) li jipprovdi forum għal konsultazzjoni u diskussjoni fuq kwistjonijiet relatati mar-regoli tal-oriġini u l-kooperazzjoni amministrattiva;

d) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fuq l-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-proċeduri doganali, l-għajnuna amministrattiva reċiproka f’temi li jolqtu d-dwana, ir-regoli tal-oriġini u l-kooperazzjoni amministrattiva.

3. Il-Partijiet jaqblu li jistgħu jagħmlu laqgħat ad hoc għall-kooperazzjoni doganali jew għar-regoli tal-oriġini u l-għajnuna amministrattiva reċiproka.

TITOLU III

ID-DRITT TAL-ISTABBILMENT U S-SERVIZZI

KAPITOLU 1

ID-DRITT TAL-ISTABBILMENT

Artikolu 43

1. a) Għat-twaqqif ta’ kumpaniji Sirjani, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lill-kumpaniji simili fi kwalunkwe pajjiż terz;

b) bla ħsara għar-riżervi li jidhru fl-Anness III, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu lis-sussidjarji ta’ kumpaniji Sirjani li jkunu twaqqfu fi Stat Membru trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lil xi kumpanija simili tal-Komunità, b’rabta mal-operat tagħhom;

ċ) il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu lill-fergħat ta’ kumpaniji Sirjani, stabbiliti fi Stat Membru, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lil fergħat ta’ kumpaniji simili ta’ kwalunkwe pajjiż terz, b’rabta mal-operat tagħhom.

2. (a) bla ħsara għar-riżervi li jidhru fl-Anness IV, għat-twaqqif ta’ kumpaniji tal-Komunità fit-territorju tagħha, is-Sirja għandha tagħti trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lill-kumpaniji Sirjani simili jew lil kumpaniji ta’ kwalunkwe pajjiż terz, liema minnhom ikun l-aħjar;

b) Is-Sirja għandha tagħti lis-sussidjarji ta’ kumpaniji tal-Komunità li jkunu twaqqfu fit-territorju tagħha, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lil kumpaniji Sirjani simili, b’rabta mal-operat tagħhom;

ċ) Is-Sirja għandha tagħti lil fergħat ta’ kumpaniji tal-Komunità mwaqqfa fit-territorju tagħha, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jkun ingħata lil fergħat ta’ kumpaniji simili ta’ kwalunkwe pajjiż terz, b’rabta mal-operat tagħhom.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) u 2(b) ma jistgħux jintużaw biex ikun hemm evażjoni mil-leġiżlazzjoni u r-regolamenti ta’ Parti li jkunu jgħoddu għall-aċċess għal oqsma jew attivitajiet speċifiċi minn sussidjarji jew fergħat ta’ kumpaniji tal-Parti l-oħra stabbiliti fit-territorju tal-ewwel Parti.

It-trattament imsemmi fil-paragrafi 1(b), 1(ċ) u 2(b) għandu jkun ta’ ġid għall-kumpaniji, is-sussidjarji, u l-fergħat stabbiliti rispettivament fil-Komunità u s-Sirja mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll għall-kumpaniji, is-sussidjarji u l-fergħat stabbiliti wara dik id-data ladarba dawn ikunu twaqqfu.

Artikolu 44

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 m’għandhomx jgħoddu għat-trasport bl-ajru, għat-trasport fil-passaġġi interni tal-ilma u għat-trasport bil-baħar.

2. Madankollu, b’rabta mal-attivitajiet li jkunu twettqu mill-aġenziji tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, inklużi ħidmiet multimodali li jinvolvu l-ġarr ta’ parti mill-vjaġġ fuq il-baħar, kull Parti għandha tippermetti lill-kumpaniji tal-Parti l-oħra jkollhom preżenza kummerċjali fit-territorju tagħha fl-għamla ta’ sussidjarji jew fergħat taħt kundizzjonijiet tal-istabbilment u l-operat li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jingħataw lill-kumpaniji tagħha stess jew inkella lis-sussidjarji jew lill-fergħat ta’ kumpaniji ta’ kwalunkwe pajjiż terz, liema minn dawn ikun l-aħjar. Dawn l-attivitajiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

a) il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport marittimu u servizzi relatati permezz ta’ kuntatt dirett mal-konsumaturi, mill-kwotazzjoni għall-faturazzjoni, kemm jekk dawn is-servizzi jkunu mħaddma jew offruti mill-fornitur tas-servizz stess jew inkella mill-fornituri tas-servizz li magħhom il-bejjiegħ tas-servizz ikun stabbilixxa arranġamenti kummerċjali permanenti;

b) ix-xiri u użu, f’isimhom stess jew inkella f’isem il-konsumaturi tagħhom (u l-bejgħ mill-ġdid lill-konsumaturi tagħhom) ta’ kull servizz ta’ trasport u servizzi oħrajn relatati, inklużi servizzi ta’ trasport ’il ġewwa b'kull mezz, l-aktar il-passaġġi interni tal-ilma, fuq it-triq jew bil-ferrovija, li jkunu meħtieġa għall-provvista ta’ servizz integrat;

ċ) it-tħejjija ta’ dokumentazzjoni li tikkonċerna dokumenti tat-trasport, dokumenti tad-dwana, jew dokumenti oħra relatati mal-oriġini u t-tip tal-oġġetti trasportati;

d) il-provvista ta’ tagħrif kummerċjali b’kull mezz possibbli, inklużi sistemi kompjuterizzati ta’ tagħrif u skambju elettroniku tad-dejta (suġġett għal kull restrizzjoni nondiskriminatorja li tikkonċerna t-telekomunikazzjonijiet);

e) it-twaqqif ta’ kull arranġament kummerċjali, inkluża l-parteċipazzjoni fl-istokk tal-kumpanija u l-għażla ta’ persunal reklutat lokalment (jew, fil-każ ta’ persunal barrani, suġġett għad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan il-Ftehim), ma’ kull aġenzija tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar stabbilita lokalment;

f) ħidma f’isem il-kumpanniji biex jiġi organizzat id-dħul tal-bastiment f'port jew it-teħid tal-kontroll tat-tagħbijiet tal-merkanzija meta meħtieġ.

Artikolu 45

Għall-għan ta’ dan il-Ftehim:

a) "kumpanija tal-Komunità" jew "kumpanija Sirjana" rispettivament għandhom ifissru kumpanija stabbilita skont il-liġijiet ta’ Stat Membru jew tas-Sirja rispettivament u li jkollha l-uffiċċju reġistrat jew l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post ewlieni tan-negozju tagħha fit-territorju tal-Komunità jew tas-Sirja rispettivament.

Madankollu, jekk il-kumpanija, stabbilita skont il-liġijiet ta’ Stat Membru jew tas-Sirja rispettivament, ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha biss fit-territorju tal-Komunità jew tas-Sirja rispettivament, dik il-kumpanija għandha titqies bħala kumpanija tal-Komunità jew tas-Sirja rispettivament jekk l-operat tagħha jkollu rabta reali u kontinwa mal-ekonomija ta’ wieħed mill-Istati Membri jew tas-Sirja rispettivament;

b) "sussidjarja" ta’ kumpanija għandha tfisser kumpanija li tkun ikkontrollata mill-ewwel kumpanija;

ċ) "fergħa" ta’ kumpanija għandha tfisser post ta’ negozju mingħajr personalità legali li jkollu d-dehra ta’ permanenza, bħalma hija l-estensjoni tal-entità prinċipali, ikollha tmexxija u li tkun materjalment mgħammra biex tagħmel in-negozju ma’ partijiet terzi biex dawn tal-aħħar, għalkemm ikunu jafu li se jkun hemm, jekk meħtieġ, rabta legali mal-kumpanija prinċipali li l-uffiċċju ewlieni tagħha ikun jinstab barra, ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jinnegozjaw direttament ma’ din l-entità prinċipali, iżda jkunu jistgħu jwettqu n-negozju tagħhom fil-post tal-kummerċ li jkun l-estensjoni tagħha;

d) "stabbiliment" għandu jfisser id-dritt tal-kumpaniji tal-Komunità jew tas-Sirja kif imsemmi fil-punt (a) biex iwettqu attivitajiet ekonomiċi billi jwaqqfu sussidjarji u fergħat fis-Sirja jew fil-Komunità rispettivament;

e) "operat" għandu jfisser l-issuktar ta’ ħidmiet ekonomiċi;

f) "ħidmiet ekonomiċi" għandhom ifissru l-ħidmiet ta’ natura industrijali, kummerċjali u professjonali;

ġ) "ċittadin ta’ Stat Membru jew tas-Sirja" għandu jfisser persuna fiżika li tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri jew tas-Sirja rispettivament;

g) b’rabta mat-trasport marittimu internazzjonali, inklużi ħidmiet multimodali li jinvolvu l-ġarr ta’ parti mill-vjaġġ fuq il-baħar, iċ-ċittadini tal-Istati Membri jew tas-Sirja li jkunu stabbiliti barra l-Komunità jew is-Sirja rispettivament, u l-kumpaniji tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar stabbiliti barra l-Komunità jew is-Sirja u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru jew tas-Sirja rispettivament, għandhom igawdu wkoll mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u l-Kapitolu 2 jekk il-bastimenti tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru jew fis-Sirja rispettivament skont il-liġi rispettiva tagħhom.

Artikolu 46

1. Il-Partijiet għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jevitaw milli jieħdu miżuri jew azzjonijiet li jagħmlu l-kundizzjonijiet għat-twaqqif u l-operat tal-kumpaniji ta’ kull Parti aktar diffiċli mis-sitwazzjoni li tkun teżisti fil-jum ta’ qabel id-data tal-iffirmar tal-Ftehim.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma bla ħsara għal dawk tal-Artikolu 57. Is-sitwazzjonijiet koperti bl-Artikolu 57 għandhom ikunu rregolati biss bid-dispożizzjonijiet tiegħu u mhux b’dawk ta’ oħrajn.

Artikolu 47

1. Kumpanija tal-Komunità jew tas-Sirja stabbilita fit-territorju tas-Sirja jew tal-Komunità rispettivament għandha tkun intitolata li timpjega, jew li jkollha impjegati permezz ta' waħda mis-sussidjarji jew fergħat tagħha, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ li jkun hemm fil-pajjiż ospitanti tal-istabbiliment, fit-territorju tas-Sirja jew tal-Komunità rispettivament, impjegati li jkunu ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità u tas-Sirja rispettivament, sakemm dawn il-ħaddiema jkunu persunal ewlieni kif iddefinit fil-paragrafu 2, u jkunu impjegati esklussivament minn dawn il-kumpaniji, sussidjarji jew fergħat. Il-permessi tar-residenza u tax-xogħol ta’ dawn l-impjegati għandhom ikopru biss il-perjodu ta’ dan l-impjieg.

2. Il-persunal ewlieni tal-kumpaniji msemmija fuq, li hawnhekk issir referenza għalihom bħala "organizzazzjonijiet", huma "impjegati ttrasferiti fi ħdan l-impriża" kif iddefinit fil-punt (ċ) fil-kategoriji li ġejjin, sakemm dik l-organizzazzjoni tkun persuna legali u li l-persuni kkonċernati jkunu ġew impjegati minnha jew inkella kienu msieħba fiha (għajr l-azzjonisti b’maġġoranza ta’ ishma), għal mill-inqas sena immedjatament qabel dan iċ-ċaqliq:

a) il-persuni li jaħdmu f’pożizzjoni għolja f’organizzazzjoni, li primarjament imexxu l-ġestjoni tal-istabbilment, jirċievu superviżjoni jew direzzjoni ġenerali l-aktar mill-bord tad-diretturi jew mill-azzjonijist tan-negozju jew l-ekwivalenti tagħhom, inklużi:

li jmexxu l-kumpanija jew dipartiment jew sottodiviżjoni tal-kumpanija;

li jissorveljaw u jikkontrollaw ix-xogħol ta’ ħaddiema oħra ta’ superviżjoni, professjonali jew maniġerjali;

li jkollhom l-awtorità biex jirreklutaw u jkeċċu jew li jirrakkomandaw ir-reklutaġġ, it-tkeċċija jew azzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-persunal;

b) persuni li jaħdmu f’organizzazzjoni li jkollhom għarfien mhux tas-soltu li jkun essenzjali għas-servizz, tagħmir ta’ riċerka, tekniki jew it-tmexxija tal-istabbiliment. Il-valutazzjoni ta’ dan l-għarfien jista’ jirrifletti, barra minn għarfien li jkun speċifiku għall-kumpanija, livell għoli ta’ kwalifiki li jkun jirreferi għal tip ta’ xogħol jew sengħa li jkunu jeħtieġu għarfien tekniku speċifiku, inkluża s-sħubija fi professjoni akkreditata;

ċ) "Impjegat ittrasferit fi ħdan l-istess impriża" huwa definit bħala persuna naturali li taħdem fi ħdan organizzazzjoni fit-territorju ta' Parti, u li tkun temporanjament trasferita fil-kuntest tat-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-Parti l-oħra; l-organizzazzjoni kkonċernata għandu jkollha l-post ewlieni tagħha tan-negozju fit-territorju ta’ Parti u t-trasferiment għandu jseħħ lejn stabbiliment (fergħa, sussidjarja) ta’ dik l-organizzazzjoni, fejn din tkun qed twettaq b’mod effettiv attivitajiet ekonomiċi simili fit-territorju tal-Parti l-oħra.

3. Id-dħul u l-preżenza temporanja fit-territorji rispettivi tas-Sirja u l-Komunità ta’ ċittadini tal-Istati Membri jew tas-Sirja rispettivament, għandhom ikunu awtorizzati, meta dawn ir-rappreżentanti tal-kumpaniji jkunu persuni li jkunu qed jaħdmu f’pożizzjoni għolja f’kumpanija, kif iddefinit fil-paragrafu 2(a) hawn fuq u jkunu responsabbli għat-twaqqif ta’ kumpanija Sirjana jew tal-Komunità, fil-Komunità jew fis-Sirja rispettivament, meta:

a) dawk ir-rappreżentanti ma jkollhomx x’jaqsmu mal-bejgħ dirett jew mal-provvista ta’ servizzi, u

b) il-kumpanija ma jkollha l-ebda rappreżentant, uffiċċju, fergħa jew sussidjarja oħra fi Stat Membru tal-Komunità jew fis-Sirja rispettivament.

Artikolu 48

Biex ikun eħfef għaċ-ċittadini tal-Komunità u tas-Sirja biex iwettqu u jissuktaw ħidmiet professjonali rregolati fis-Sirja jew fil-Komunità rispettivament, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jistħarreġ x’passi għandhom jittieħdu biex ikun hemm għarfien reċiproku tal-kwalifiki.

Artikolu 49

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 ma jipprekludux li Parti tapplika regoli partikolari dwar l-istabbiliment u l-operat fit-territorju tagħha ta’ fergħat jew kumpaniji ta’ Parti oħra li ma jkunux ġew inkorporati fit-territorju tal-ewwel Parti, liema regoli jkunu ġġustifikati minn differenzi legali jew tekniċi bejn dawn il-fergħat meta mqabbla ma’ fergħat ta’ kumpaniji li jkunu ġew inkorporati fit-territorju tagħha jew, fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi finanzjarji, minħabba raġunijiet ta’ prudenza. Id-differenza fit-trattament m’għandhiex tkun aktar minn dak li huwa strettament meħtieġ minħabba dawn id-differenzi legali jew tekniċi jew, fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi finanzjarji, għal raġunijiet ta’ prudenza.

KAPITOLU 2

IL-PROVVISTA TRANSKONFINALI TA’ SERVIZZI

Artikolu 50

1. Il-Partijiet għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jippermettu b’mod progressiv il-provvista ta’ servizzi mill-kumpaniji tal-Komunità jew tas-Sirja li jkunu stabbiliti fit-territorju ta’ Parti għajr dik tal-persuna li għaliha s-servizzi jkunu maħsuba, fid-dawl tal-iżvilupp tal-oqsma tas-servizzi fil-Partijiet.

2. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-għan imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 51

Bil-ħsieb li jkun żgurat l-iżvilupp ikkoordinat tat-trasport bejn il-Partijiet, li għandu jkun adattat għall-ħtiġiet kummerċjali tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-aċċess reċiproku għas-suq u d-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ ġarr bl-ajru, fuq it-triq, bil-ferrovija u fil-passaġġi interni tal-ilma jistgħu jkunu ttrattati bi ftehimiet speċifiċi li, fejn ikun xieraq, ikunu nnegozjati bejn il-Partijiet qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 52

1. Fejn għandu x’jaqsam il-ġarr fuq il-baħar, il-Partijiet jiftiehmu li, fuq bażi kummerċjali, japplikaw b’mod effettiv il-prinċipju ta’ aċċess mhux ristrett għas-suq u t-traffiku internazzjonali.

a) il-Partijiet għandhom ikomplu japplikaw b’mod effettiv il-prinċipju tal-aċċess mhux ristrett għas-suq u l-kummerċ marittimu internazzjonali fuq bażi kummerċjali u nondiskriminatorja;

b) il-Parijiet itennu l-impenn tagħhom favur ambjent kompetittiv ħieles bħala karatteristika essenzjali tal-kummerċ ta’ prodotti solidi u likwidi f'volumi kbar.

2. Meta japplikaw il-prinċipji tal-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom:

a) ma jdaħħlux arranġamenti ta’ tqassim ta’ merkanzija bejn trasportaturi fi Ftehimiet bilaterali tal-ġejjieni ma’ terzi pajjiżi rigward il-kummerċ ta’ prodotti solidi u likwidi f'volumi kbar u kummerċ permezz ta' linji tal-baħar. Madankollu, dan ma jeskludix il-possibbliltà ta' dawn l-arranġamenti dwar kummerċ permezz ta' linji tal-baħar f’dawk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali meta il-kumpaniji tal-linji tal-baħar minn waħda mill-Partijiet għal dan il-Ftehim ma jkollhomx opportunità effettiva mod'ieħor li japplikaw għall-kummerċ lejn u mill-pajjiż terz ikkonċernat;

b) mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, ineħħu jew jastjenu milli jintroduċu kull miżura unilaterali u ostakli amministrattivi, tekniċi u oħrajn li jista’ jkollhom effetti restrittivi jew diskriminatorji fuq il-provvista ħielsa ta’ servizzi fit-trasport marittimu internazzjonali.

Kull Parti għandha tagħti, inter alia, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak li tat lill-vapuri tagħha stess, għall-vapuri użati għat-trasport ta’ oġġetti, passiġġieri jew it-tnejn, li jkunu jtajru l-Bandiera ta’ jew li jkunu operati minn ċittadini jew kumpaniji tal-Parti l-oħra rigward l-aċċess għall-portijiet, l-użu tal-infrastruttura u s-servizzi marittimi awżiljarji ta’ dawk il-portijiet, kif ukoll il-miżati u l-ispejjeż relatati, il-faċilitajiet doganali u l-għoti ta’ rmiġġi u faċilitajiet għat-tagħbija u l-ħatt.

KAPITOLU 3

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 53

1. Il-Partijiet jaqblu li jqisu li jiżviluppaw dan it-Titolu bil-ħsieb li jwaqqfu "ftehim ta’ integrazzjoni ekonomika" kif iddefinit fl-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali fuq il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS).

2. L-għan li hemm dispożizzjoni dwaru fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għal stħarriġ tal-bidu lmill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu, meta jagħmel dan l-istħarriġ, iqis il-progress li jkun sar fl-approssimazzjoni tal-liġijiet bejn il-Partijiet fil-ħidmiet relevanti.

Artikolu 54

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom jiġu applikati suġġett għal limitazzjonijiet li jkunu ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2. Dawn m’għandhomx jgħoddu għal ħidmiet li fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet ikollhom x’jaqsmu, anke okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali.

Artikolu 55

Għall-għan ta’ dan it-Titolu, xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jwaqqaf lill-Partijiet milli japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom dwar id-dħul u s-soġġorn, ix-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istabbiliment ta’ persuni fiżiċi u l-provvista ta’ servizzi, sakemm, meta jagħmlu dan, dawn ma japplikawhomx f’manjiera li jxejnu jew jagħmlu ħsara lill-ġid li jista’ jitgawda minn kull Parti taħt it-termini ta’ dispożizzjoni speċifika fil-Ftehim. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni tal-Artikolu 54.

Artikolu 56

Il-kumpaniji li jkunu kkontrollati u mmexxija esklussivament minn kumpaniji Sirjani u kumpaniji tal-Komunità konġuntement ukoll għandhom ikunu benefiċjarji tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 57

B’rabta mal-oqsma jew il-miżuri koperti mill-GATS, it-trattament mogħti minn kull Parti lill-oħra m’għandu fl-ebda każ ikun aktar favorevoli minn dak li jkun ingħata mill-ewwel Parti taħt id-dispożizzjonijiet tal-GATS, b’rabta ma’ kull qasam ta’ servizz, sottosettur u l-mod tal-provvista.

Artikolu 58

Għall-għan ta’ dan it-Titolu, m'għandux jitqies trattament li jkun ingħata mill-Komunità, mill-Istati Membri tagħha jew mis-Sirja skont l-impenji li jkunu daħlu għalihom fi ftehimiet ta’ integrazzjoni ekonomika f’konformità mal-prinċipji tal-Artikolu V tal-GATS.

Artikolu 59

1. Minkejja dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim, Parti m’għandhiex tkun imċaħħda milli tieħu miżuri għal raġunijiet ta’ prudenza għall-ħarsien ta’ investituri, depożitaturi, possessuri ta’ politika jew persuni li lilhom ikun ingħata d-dmir ta’ fiduċja minn fornitur ta’ servizz finanzjarju, jew milli tiżgura l-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Fejn dawn il-miżuri ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, dawn m’għandhomx jintużaw bħala mezz biex ikunu evitati l-obbligi ta’ Parti taħt il-Ftehim.

2. Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jitiqies biex Parti tkun obbligata tagħti tagħrif li jkollu x’jaqsam mal-affarijiet u l-kontijiet ta’ konsumaturi individwali jew kull tagħrif ieħor kunfidenzjali jew privat li entitajiet pubbliċi jkollhom fil-pussess tagħhom.

Artikolu 60

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni minn kull Parti ta’ miżuri li jkunu meħtieġa biex tkun evitata l-evażjoni tal-miżuri tal-Ftehim li jolqtu l-aċċess ta’ pajjiż terz għas-suq tagħha bid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

TITOLU IV

ĦLASIJIET, MOVIMENT TAL-KAPITAL U TEMI EKONOMIĊI OĦRA

KAPITOLU 1

ĦLASIJIET U MOVIMENTI TAL-KAPITAL

Artikolu 61

Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63, il-Partijiet jiftiehmu li jħallu l-pagamenti kurrenti kollha għat-transazzjonijiet kurrenti jsiru f’valuta li tinbidel b’mod ħieles.

Artikolu 62

1. Dwar transazzjonijiet fuq il-kont tal-kapital tal-bilanċ tal-pagamenti, il-Komunità u s-Sirja se jiżguraw, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, li jkun hemm moviment ħieles ta' kapital li jkollu x’jaqsam ma’ investimenti diretti barranin fis-Sirja, f’kumpaniji ffurmati skont il-liġijiet preżenti u l-investimenti li jkunu saru skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu fuq l-Istabbilment u s-Servizzi, u li l-qligħ minn dawn l-investimenti u profitti oħra li jkunu ġejjin minnu jistgħu jiġu likwidati jew ripatrijati liberament.

2. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex iħaffu u jilliberalizzaw il-moviment tal-kapital bejn il-Komunità u s-Sirja.

Artikolu 63

Fejn Stat Membru jew aktar tal-Komunità jew is-Sirja ikunu qed jiffaċċjaw jew qed jirriskjaw li jiffaċċjaw problemi serji dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-Komunità u s-Sirja rispettivament jistgħu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas tal-GATT u skont l-Artikoli VIII u XIV tal-Ftehim tal-Fond Monetarju Internazzjonali, jieħdu miżuri restrittivi dwar il-pagamenti kurrenti, jekk dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa.

Il-Komunità jew is-Sirja, skont kif xieraq, għandhom jgħarrfu lill-Parti l-oħra minnufih dwar dan u għandhom jipprovdu kalendarju malajr kemm jista’ jkun dwar it-tneħħija ta’ dawn il-miżuri.

KAPITOLU 2

KOMPETIZZJONI

Artikolu 64

1. Dawn li ġejjin mhumiex kumpatibbli mat-tħaddim xieraq tal-Ftehim, safejn jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn il-Komunità u s-Sirja:

a) il-ftehimiet kollha bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet mill-għaqdiet tal-impriżi u prattiċi miftiehma bejn l-impriżi li jkollhom bħala għan jew bħala effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni;

b) abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn impriża jew impriżi li jkunu fit-territorji tal-Komunità jew tas-Sirja, kollha kemm huma jew f'parti sostanzjali minnhom.

2. Il-Partijiet se jikkooperaw fl-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni rispettiva tagħhom u għandhom jibdlu bejniethom kull tagħrif waqt li jqisu l-limitazzjonijiet imposti mill-kriterji tas-segretezza professjoniali u tan-negozju. Il-modalitajiet għal din il-kooperazzjoni huma stabbiliti fl-Anness V.

3. Jekk il-Komunità jew is-Sirja jqisu li xi prattika partikolari mhijiex kumpatibbli mat-termini tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, u jekk din il-prattika toħloq jew thedded li toħloq ħsara serja lill-Parti l-oħra, dawn jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa fil-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, jew inkella wara tletin jum ta’ xogħol wara li tkun saret it-talba għal din il-konsultazzjoni.

Artikolu 65

L-Istati Membri u s-Sirja għandhom jaġġustaw b’mod progressiv, bla ħsara għar-rabtiet tagħhom li jkunu ttieħdu jew se jittieħdu rispettivament taħt il-GATT, kull monopolju tal-Istat li jkun ta’ karattru kummerċjali sabiex jiżguraw li sa tmiem il-ħames sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tas-Sirja dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-oġġetti jiġu akkwistati u mpoġġija fis-suq. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għandu jkun mgħarraf dwar il-miżuri li jkunu ġew adottati biex ikun implimentat dan l-għan.

Artikolu 66

Dwar l-impriżi pubbliċi u dawk li lilhom ikunu ingħataw drittijiet speċjali jew esklussivi, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jiżgura li mill-ħames sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ma jkun hemm fis-seħħ l-ebda miżura li tkun qed toħloq tagħwiġ fil-kummerċ ta’ bejn il-Komunità u s-Sirja li jkun qed imur kontra l-interessi tal-Partijiet. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ ostaklu għat-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, ta’ ħidmiet partikolari assenjati lil dawn l-impriżi.

KAPITOLU 3

AKKWIST PUBBLIKU

Artikolu 67

L-akkwist pubbliku

1. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu bħala l-għan tagħhom il-ftuħ effettiv, reċiproku u gradwali tas-swieq tal-akkwist pubbliku.

2. Kull Parti għandha tiżgura li l-akkwist tal-entitajiet tagħha koperti fl-Anness VII isir b’mod trasparenti, raġonevoli u bla diskriminazzjoni, skont id-definizzjoni li hemm fl-Anness VII, li tittratta bl-istess mod lil kull fornitur ta’ kull Parti u li tiżgura l-prinċipju ta’ kompetizzjoni miftuħa u effettiva.

3. Dwar il-liġijiet, regolamenti, proċeduri, u prattiċi li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist pubbliku, inkluż akkwisti speċifiċi, kopert b’dan il-Ftehim, kull Parti għandha tagħti lill-oġġetti, servizzi u lill-fornituri tal-Parti l-oħra trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti minnha lill-oġġetti, servizzi u fornituri lokali.

4. Dwar il-liġijiet, regolamenti, proċeduri u prattiċi li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist pubbliku, inkluż akkwisti speċifiċi, koperti b’dan il-Ftehim, kull Parti għandha tiżgura li l-entitajiet tagħha li jidhru fl-Anness VII:

a) ma jagħtux fornitur stabbilit lokalment trattament inqas favorevoli minn kull fornitur ieħor stabbilit lokalment fuq il-bażi tal-grad ta’ affiljazzjoni barranija ma’, jew sjieda minn, persuna tal-Parti l-oħra; u

b) ma jiddiskriminawx kontra fornitur stabbilit lokalment fuq il-bażi li l-oġġetti jew is-servizzi offruti minn dak il-fornitur għal akkwist partikolari jkunu oġġetti jew servizzi tal-Parti l-oħra.

5. Dwar il-liġijiet, regolamenti, proċeduri u prattiċi li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist pubbliku, kif ukoll akkwisti speċifiċi, miftuħa għal oġġetti, servizzi u fornituri ta’ pajjiżi terzi, is-Sirja għandha tipprovdi lill-oġġetti u l-fornituri tal-Parti l-oħra trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti lil oġġetti, servizzi u fornituri barranin ta’ kwalunkwe pajjiż terz.

Dwar il-liġijiet, regolamenti, proċeduri u prattiċi kollha li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist pubbliku kopert bil-Ftehim tal-Akkwist Pubbliku (Government Procurement Agreement – GPA), il-Komunitajiet Ewropej għandhom jipprovdu, minnufih u mingħajr l-ebda kundizzjoni, lill-oġġetti, servizzi u fornituri mis-Sirja trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti lill-oġġetti, servizzi u fornituri tal-Partijiet tal-GPA.

6. Il-Partijiet għandhom jistħarrġu regolarment il-ftuħ effettiv tas-swieq tal-akkwist u f’mhux aktar tard minn tliet snin għandhom jidħlu f’negozjati biex jestendu l-lista ta’ entitajiet li jkunu koperti fl-Anness VII.

7. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jkun interpretat biex iwassal li:

jirrikjedi Parti tipprovdi xi tagħrif li tkun tqis il-kxif tiegħu bħala xi ħaġa li tkun tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha;

jwaqqaf Parti milli tieħu azzjoni meqjusa bħala meħtieġa għall-ħarsien tal-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha b’rabta mal-akkwist pubbliku, liema azzjoni tkun indispensabbli għas-sigurtà nazzjonali jew għall-għanijiet tad-difiża nazzjonali.

8. Dan l-Artikolu ma japplikax għal kuntratti li jkunu ntrebħu skont:

ftehim internazzjonali maħsub għall-implimentazzjoni jew l-esplojtazzjoni konġunta ta’ proġett mill-partijiet kontraenti;

ftehim internazzjonali dwar l-istazzjonar tat-truppi;

il-proċeduri partikolari ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

ftehim mhux kuntrattwali jew kull għamla oħra ta’ għajnuna tal-gvern jew akkwist li jkun sar fil-qafas tal-progranmmi ta’ għajnuna jew kooperazzjoni.

Artikolu 68

Trasparenza tal-Akkwist pubbliku

1. Kull Parti għandha tippubblika mill-ewwel kull liġi, regolament, deċiżjoni ġudizzjali u deċiżjoni amministrattiva ta’ applikazzjoni ġenerali u proċedura, inklużi klawsoli bażiċi ta’ kuntratt, dwar l-akkwist kopert b’dan it-Titolu fil-pubblikazzjonijiet xierqa msemmija fl-Anness VII, inklużi l-media elettroniċi magħżula b’mod uffiċjali.

2. Kull Parti għandha tippubblika mill-ewwel bl-istess mod il-modifiki kollha għal dawn il-miżuri.

3. Kull Parti għandha tiżgura li l-entitajiet tagħha jipprovdu t-tixrid effettiv tal-opportunitajiet ta’ appalti li jkunu ġew iġġenerati bil-proċessi relevanti tal-akkwist pubbliku, waqt li tagħti lil kull fornitur tal-Parti l-oħra t-tagħrif meħtieġ kollu biex dan ikun jista’ jieħu sehem f’dan l-akkwist.

4. It-tixrid tal-opportunitajiet ta’ akkwist għandu jiġbor fih it-tagħrif kif stabbiliti fl-Anness VII u għandu jiġi ppubblikat fi żmien xieraq b’mezzi li jkunu joffru l-aktar aċċess wiesa’ u mhux diskriminatorju lill-fornituri interessati tal-Partijiet. Dawn il-mezzi huma speċifikati fl-Anness VII.

Artikolu 69

Skadenzi tal-Akkwist tal-Gvern

1. L-iskadenzi kollha stabbiliti mill-entitajiet biex jintlaqgħu offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni għandhom ikunu adegwati biex il-fornituri tal-Parti l-oħra, kif ukoll dawk lokali, ikunu jistgħu iħejju u jissottomettu l-offerti, u fejn ikun xieraq, it-talbiet għall-parteċipazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-kwalifikazzjoni. Biex jistabbilixxu din l-iskadenza, l-entitajiet għandhom, b’mod konsistenti mal-ħtiġiet raġonevoli tagħhom, iqisu fatturi bħalma huma l-kumplessità tal-akkwist maħsub u ż-żmien normali biex l-offerti jkunu mxandra minn punti barranin u lokali.

2. Kull Parti għandha tiżgura li l-entitajiet tagħha jqisu kull dewmien fil-pubblikazzjoni meta dawn ikunu qed jistabbilixxu d-data finali biex jintlaqgħu l-offerti jew it-talbiet għall-parteċipazzjoni jew biex wieħed jikkwalifika għal-lista ta’ fornituri.

3. L-iqsar skadenzi biex jintlaqgħu l-offerti huwa speċifikat fl-Anness VII.

Artikolu 70

Kontestazzjoni ta’ offerti ta’ appalt

1. Kull Parti għandha tipprovdi proċeduri mhux diskriminatorji, f’waqthom, trasparenti u effettivi biex il-forinturi jkunu jistgħu jikkontestaw kull allegat ksur ta' dan il-Ftehim fil-kuntest ta’ akkwist li fih dawn ikollhom, jew kellhom, xi interess.

2. Il-kontestazzjonijiet għandhom jinstemgħu minn awtorità ta’ reviżjoni li tkun imparzjali u indipendenti. Awtorità ta’ reviżjoni li ma tkunx qorti għandha tkun suġġetta jew għal stħarriġ ġudizzjarju jew inkella għandha jkollha garanziji proċedurali li jkunu jixbhu lil dak ta’ qorti.

Artikolu 71

Kooperazzjoni u għajnuna fl-Akkwist pubbliku

1. Il-Partijiet se jikkooperaw fil-qasam tal-akkwist pubbliku billi jagħmlu skambju ta’ esperjenzi u tagħrif dwar l-aħjar prattiċi u oqfsa regolatorji.

2. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex jikkooperaw bil-ħsieb li jiksbu fehmim aħjar tas-sistemi tal-akkwist pubbliku rispettivi tagħhom, kif ukoll biex ikollhom aċċess aħjar għas-swieq rispettivi tagħhom.

3. Għandha tingħata għajnuna teknika, meta jkun hemm talba motivata kif xieraq, b'mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ taħriġ żviluppati b’mod konġunt.

KAPITOLU 4

KWISTJONIJIET EKONOMIĊI OĦRA

Artikolu 72

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, Industrijali u Kummerċjali

1. Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u l-Anness VI, il-Partijiet għandhom jagħtu u jiżguraw ħarsien adegwat u effettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali[9] skont l-ogħla standards internazzjonali, inklużi r-regoli stabbiliti bil-Ftehim fuq Aspetti marbuta mal-Kummerċ dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (TRIPS), l-Anness IC għall-ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll jipprovdu mezzi effettivi biex ikunu infurzati dawn id-drittijiet.

2. L-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness VI għandha tiġi riveduta regolarment mill-Partijiet.

Artikolu 73

Standards, Regolamenti Tekniċi, u Proċeduri tal-Valutazzjoni ta’ Konformità

1. Id-drittijiet u l-obbligi dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità taħt il-Ftehim tad-WTO fuq l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, inkluża d-dispożizzjoni li skontha "il-membri għandhom jiżguraw li r-regolamenti tekniċi ma jkunux imħejjija, adottati jew applikati bil-ħsieb li jinħolqu ostakli mhux meħtieġa għall-kummerċ internazzjonali", għandhom japplikaw.

2. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jinkuraġġixxu lis-Sirja tagħmel użu mir-regoli tekniċi tal-Komunità u mill-istandards Ewropej għall-prodotti industrijali kif ukoll għall-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni.

3. Bl-użu tal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 2 bħala bażi, il-Partijiet għandhom, meta ċ-ċirkustanzi jkunu tajbin, jikkonkludu ftehim bejniethom fuq il-valutazzjoni tal-konformità.

4. Il-kooperazzjoni għandha jkollha l-għan li f’dan il-qasam din tgħin lis-Sirja biex iġġib il-liġijiet tagħha eqreb lejn dawk tal-Komunità.

TAQSIMA V

IS-SOLUZZJONI TA’ TILWIM

KAPITOLU I

GĦAN U AMBITU

Artikolu 74

Għan

L-għan ta’ dan it-Titolu huwa li jsolvi tilwim kummerċjali bejn il-Partijiet bil-ħsieb li dawn jaslu, fejn ikun possibbli, għal soluzzjonijiet li jkunu ġew miftiehma b’mod reċiproku.

Artikolu 75

Ambitu

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu għandhom jgħoddu b’rabta mad-differenzi kollha li jkunu jolqtu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Titoli II sa V, inkluż fejn Parti tqis li miżura tal-Parti l-oħra tkun qed tikser wieħed minn dawn it-Titoli, ħlief fejn huwa pprovdut espressament mod ieħor.

KAPITOLU II

EVITAR TA' TILWIM

KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

Artikolu 76

Konsultazzjonijiet

1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu biex isolvu kull differenza fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Titoli II sa V billi jidħlu f’konsultazzjonijiet bonafide bil-ħsieb li jilħqu soluzzjoni li dwarha jkun hemm ftehim reċiproku.

2. Parti għandha tfittex li tidħol f’konsultazzjonijiet billi tagħmel talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b'kopja lill-Kumitat tal-Kummerċ, fejn tiddikjara kif miżura partikolari kienet tolqot b’mod ħażin id-drittijiet tagħha. . Id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawn it-Titoli jridu wkoll jiġu kkwotati.

3. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 30 jum minn meta t-talba tkun twasslet u, jekk il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, jinżammu fit-territorju tal-Parti li qed tiddefendi. Il-konsultazzjonijiet jitqiesu bħala mitmuma fi żmien 60 jum kalendarju mid-data tat-talba tal-konsultazzjoni, sakemm iż-żewġ Partijiet ma jkunux qablu li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. It-tagħrif kollu li jkun ġie rivelat matul il-konsultazzjonijiet għandu jibqa’ kunfidenzjali.

4. Jekk il-konsultazzjonijiet ma jsirux fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 3, u tibqa’ ma tintlaħaq l-ebda soluzzjoni li dwarha jkun hemm ftehim reċiproku, il-Parti li tkun qajmet l-ilment tista’ tipproċedi direttament biex titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 78.

Artikolu 77

Il-Medjazzjoni

1. Jekk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal soluzzjoni li dwarha jkun hemm qbil reċiproku, il-Partijiet jitsgħu, bi ftehim reċiproku, ifittxu medjazzjoni minn medjatur maħtur mill-Kumitat tal-Kummerċ. Kull talba għall-medjazzjoni għanda ssir bil-miktub, u din għandha tiddikjara liema miżura kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet, kif ukoll it-termini ta’ referenza għall-medjazzjoni li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku.

2. Il-President tal-Kumitat tal-Kummerċ għandu jaħtar, fi żmien 10 ijiem minn meta jirċieva t-talba, medjatur li jkun intgħażel bil-polza minn fost il-persuni li jidhru fil-lista msemmija fl-Artikolu 79 il-paragrafu 2, u li ma jkunx ċittadin ta’ waħda mill-Partijiet. Il-medjatur għandu jżomm laqgħa mal-Partijiet sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-ħatra tiegħu. Il-medjatur għandu jkun ippreżentat bis-sottomissjonijiet taż-żewġ Partijiet sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa, u għandu jagħti opinjoni sa mhux aktar tard minn 45 jum minn wara l-ħatra tiegħu. L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni fuq il-passi li jistgħu jittieħdu b’mod konsistenti ma’ dawn it-Titoli li bihom it-tilwima tista’ tiġi solvuta. L-opinjoni tal-medjatur ma torbotx.

3. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-pargrafu 2 fuq jistgħu jiġu emendati, jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu hekk, bi qbil bejn iż-żewġ Partijiet. Kull emenda għandha tiġi nnotifikata bil-miktub miż-żewġ Partijiet lill-Kumitat tal-Kummerċ.

4. F’każ li l-medjazzjonii twassal għal soluzzjoni għat-tilwima li dwarha jkun hemm qbil reċiproku, iż-żewġ Partijiet għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat tal-Kummerċ bil-miktub.

KAPITOLU III

IL-PROĊEDURI TAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

Artikolu 78

It-Twaqqif ta’ Bord tal-Arbitraġġ

1. Fejn il-Partijiet jonqsu milli jsolvu tilwima permezz tal-konsultazzjonijiet spjegati fid-dettal fl-Artikolu 76, jew fejn il-Partijiet kellhom jirrkorru għall-medjazzjoni kif spjegat fid-dettal fl-Artikolu 77 u l-ebda soluzzjoni li dwarha kien hemm qbil reċiproku ma kienet ġiet innotifikata fi żmien 15-il jum mid-data li fiha l-medjatur jkun ta l-opinjoni tiegħu, jew jekk Parti tonqos milli tkun konformi mas-soluzzjoni li dwarha jkun hemm ftehim reċiproku, il-Parti li tkun qajmet l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ, b’talba bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-talba għandha ssir bil-miktub u tintbgħat lill-Parti li qed tiddefendi ruħha u fl-istess ħin lill-Kumitat tal-Kummerċ.

2. Il-Parti li tkun qajmet l-ilment għandha tiddikjara fit-talba tagħha l-miżura li hi tkun qed tqis li qed tikser dawn it-Titoli u turi d-dispożizzjonijiet li hi tkun qed tqis bħala relevanti.

Artikolu 79

Il-Ħatra tal-Arbitri

1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

2. Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jistabbilixxi lista ta’ 15-il persuna li jkunu lesti u jkunu jistgħu jservu bħala arbitri. Kull waħda mill-Partijiet tista’ tagħżel 5 persuni biex iservu bħala arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jaqblu fuq 5 individwi li dawn ma jkunux ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jiżgura li l-lista tinżamm dejjem fuq dan il-livell.

3. L-arbitri għandu jkollhom għerf speċjalizzat jew esperjenza fil-liġi u/jew fil-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jkunux jiffurmaw parti minn, jew jieħdu istruzzjonijiet minn, xi organizzazzjoni jew gvern[10] u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Imġiba stabbilit fl-Anness VIII.

Artikolu 80

Il-Kompożizzjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ

1. Fi żmien 10 ijiem mill-preżentazzjoni tat-talba għal bord lill-Kumitat tal-Kummerċ, il-Partijiet iridu jikkonsultaw flimkien biex jilħqu ftehim fuq il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ. F’każ li l-Partijiet ma jilħqux ftehim fuq il-kompożizzjoni tiegħu fiż-żmien stabbilit, kull waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-President tal-Kumitat tal-Kummerċ, jew lid-delegat tagħhom, biex jagħżlu t-tliet membri kollha bil-polza, b'isem wieħed li jintagħżel minn kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ listi tal-membri (jiġifieri l-lista pprovduta minn kull Parti li fiha jkun hemm iċ-ċittadini tagħhom stess, kif ukoll il-lista kkumbinata ta’ kull Parti ta’ persuni li ma jkunux ċittadini). F’każ li l-Partijiet jaqblu fuq wieħed mill-membri jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, il-membri li jibqgħu għandhom jinħatru bil-polza mil-listi relevanti. Il-bord tal-arbitraġġ għandu dejjem ikun magħmul minn ċittadin ta’ kull waħda mill-Partijiet u minn persuna oħra li ma tkunx ċittadina ta’ waħda minn dawn il-Partijiet, b'din tal-aħħar li taġixxi bħala president.

2. Id-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun dik li fiha jkunu ntgħażlu t-tliet arbitri.

3. Fejn Parti tqis li arbitru ma jkunx konformi mal-kriterji tal-Kodiċi tal-Imġiba, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u jekk jaqblu hekk dawn għandhom jibdlu lill-arbitru u jagħżlu ieħor minfloku skont il-paragrafu 4. F’każ li l-partijiet ma jaqblux fuq il-ħtieġa li jibdlu arbitru, il-kwistjoni għandha tgħaddi għand il-president tal-bord tal-arbitraġġ[11], li d-deċiżjoni tiegħu tkun finali.

4. Jekk arbitru ma jkunx jista’ jieħu sehem fil-poċediment, jirriżenja jew jinbidel skont il-paragrafu 3, għandu jintagħżel sostitut fi żmien 5 ijiem skont il-proċeduri tal-għażla segwiti biex jinħatar l-arbitru oriġinali. Il-proċedimenti tal-bord għandhom ikunu sospiżi għall-perjodu li matulu tkun titwettaq din il-proċedura.

Artikolu 81

Ir-Regoli tal-Proċedura

1. Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu japplika r-Regoli tal-Proċedura, miftiehma bejn il-Partijiet u mehmuża ma’ dan il-Ftehim, għall-kondotta tal-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ.

2. Is-sessjonijiet tal-bord tal-arbitarġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli tal-Proċedura, sakemm il-bord tal-arbitraġġ fuq inizjattiva tiegħu stess fuq talba tal-Partijiet, ma jiddeċiedix mod ieħor.

Artikolu 82

Tagħrif u pariri tekniċi

Fuq it-talba minn Parti, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-bord jista’ jikseb tagħrif minn kull sors li huwa jqis xieraq għall-proċediment tal-bord. Il-bord għandu d-dritt ukoll li jfittex l-opinjoni ta’ esperti kif iqis xierqa. Kull tagħrif li jinkiseb hekk għandu jkun mgħoddi liż-żewġ Partijiet. Il-partijiet interessati għandhom ikunu awtorizzati li jissottomettu sottomissjonijiet bil-miktub amicus curiae lill-bord tal-arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 83

Il-Liġi Applikabbli

Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-Titoli skont ir-regoli konswetudinali dwar l-interpretazzjoni dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati.

Artikolu 84

Id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ

1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lill-Kunsill tal-Kummerċ fi żmien disgħin jum minn wara li jkun twaqqaf il-bord. Fejn dan iqis li għeluq iż-żmien ma jkunx jista’ jintlaħaq, il-president tal-bord għandu javża lill-Kunsill tal-Kummerċ u lill-Partijiet bil-miktub, fejn jiddikjara r-raġunjijiet għal dan id-dewmien. Taħt l-ebda ċirkustanza d-deċiżjoni m’għandha tingħata aktar tard minn mija u għoxrin jum wara t-twaqqif tal-bord.

2. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi r-riżultati dwar il-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawn it-Titoli u r-raġunament bażiku wara kull riżultat u konklużjoni li jasal għalihom il-bord.

3. F’każijiet ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu oġġetti li jitħassru, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ħamsa u sebgħin jum mit-twaqqif tal-bord. Taħt l-ebda ċirkustanza din m’għandha tieħu aktar minn mitt jum minn meta jkun twaqqaf il-bord. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jagħti deċiżjoni preliminari fi żmien għaxart ijiem mit-twaqqif tiegħu dwar jekk dan ikunx iqis il-każ bħala wieħed urġenti.

4. Id-deċiżjonijiet kollha tal-bord tal-arbitraġġ, inkluża l-adozzjoni tad-deċiżjoni, għandhom jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza.

5. Il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ tirtira l-ilment tagħha b’notifika bil-miktub lill-president tal-bord tal-arbitraġġ u lill-Kumitat tal-Kummerċ, kif ukoll lill-Parti l-oħra f’kull żmien qabel ma d-deċiżjoni tkun ġiet komunikata lill-Partijiet u lill-Kumitat tal-Kummerċ. Dan l-irtirar huwa bla ħsara għad-dritt ta’ dik il-Parti li f’xi żmien aktar tard din terġa’ tintroduċi ilment ġdid dwar l-istess suġġett.

6. F’kull żmien il-bord tal-arbitraġġ jista’, fuq it-talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi x-xogħol tiegħu għal perjodu li ma jkunx itwal minn tnax-il xahar. Ladarba l-perjodu ta’ tnax-il xara ikun għadda, l-awtorità għat-twaqqif tal-bord tiskadi, u dan bla ħsara għad-dritt tal-Parti li tkun qajmet l-ilment biex titlob li f’perjodu aktar tard jitwaqqaf bord ieħor fuq l-istess tema tas-suġġett.

Artikolu 85

Il-Konformità mad-Deċiżjoni

1. Kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet għandhom jaħdmu biex jiftiehmu fuq iż-żmien meħtieġ biex jimplimentaw id-deċiżjoni.

2. Sa mhux aktar tard minn 30 jum wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni lill-Partijiet, il-Parti li tkun qed tiddefendi ruħha għandha tavża lill-Parti li tkun qajmet l-ilment dwar il-perjodu ta’ żmien (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "perjodu raġonevoli ta’ żmien") li teħtieġ għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni. Iż-żewġ Partijiet għandhom jaħdmu biex jiftiehmu fuq dan il-perjodu raġonevoli ta’ żmien.

3. Fil-każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet fuq dan il-perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jimplimentaw id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitarġġ, il-Parti li tkun qajmet l-ilment għandha titlob lill-Kumitat tal-Kummerċ biex ilaqqa’ mill-ġdid il-bord oriġinali tal-arbitraġġ biex dan jistabbilixxi t-tul tiegħu. Ladarba jitlaqqa’ mill-ġdid mill-Kumitat tal-Kummerċ, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 20 ġurnata mid-data tat-twaqqif tiegħu mill-ġdid. Fil-każ li l-bord oriġinali, jew uħud mill-membri tiegħu, ma jkunx jista’ jiltaqa’ mill-ġdid, għandhom jgħoddu l-proċeduri li huma spjegati fid-dettal fl-Artikolu 80. Il-perjodu biex jagħti d-deċiżjoni tiegħu f’dan il-każ jibqa’ ta’ 20 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord.

4. Il-Parti kkonċernata għandha tavża lill-Parti l-oħra u lill-Kumitat tal-Kummerċ qabel it-tmiem tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien bil-miżuri ta’ implimentazzjoni li din tkun adottat jew bi ħsiebha tadotta biex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

5. Fil-każ li ma jkunx hemm ftehim bejn il-Partijiet dwar il-konsistenza tal-miżura f’rabta ma’ dawn it-Titoli u kif innotifikat taħt il-paragrafu 4, il-Parti li tkun qajmet l-ilment tista’ titlob biex il-bord oriġinali tal-arbitraġġ jagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni b'applikazzjoni bil-miktub lill-Kumitat tal-Kummerċfejn tiddikjara kif il-miżura hija inkonsistenti ma’ dawn it-Titoli. Ladarba jitwaqqaf mill-Kumitat tal-Kummerċ, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 45 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu mill-ġdid.

6. Fil-każ li l-bord oriġinali tal-arbitraġġ, jew uħud mill-membri tiegħu, ma jkunx jista’ jiltaqa’ mill-ġdid, mela imbagħad għandhom jgħoddu l-proċeduri spjegati fid-dettal fl-Artikolu 80. Il-perjodu biex tingħata d-deċiżjoni tiegħu f’dan il-każ jibqa’ ta’ 45 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord.

7. Jekk il-Parti kkonċernata tonqos milli tinnotifika l-miżuri ta’ implimentazzjoni qabel għeluq iż-żmien tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien, il-Parti li qed tiddefendi ruħha għandha, jekk tintalab biex tagħmel hekk mill-Parti li tkun ressqet l-ilment, tippreżenta offerta għall-kumpens temporanju. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil fuq il-kumpens fi żmien 30 jum mit-tmiem tal-perjodu raġonevoli ta’ żmien, il-Parti li tkun għamlet l-ilment għandha tkun intitolata, wara li tkun innotifikat lill-Kumitat tal-Kummerċ, li tissospendi l-applikazzjoni ta' benefiċċji mogħtija taħt it-Titoli II sa V li jkunu ekwivalenti għall-annullament u d-dannu kkawżati mill-miżura li tkun instabet li qed tikser dawn it-Titoli. In-notifikazzjoni għandha tintbagħat fl-istess waqt lill-Parti l-oħra. Il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ timplimenta s-sospensjoni għaxart ijiem wara d-data tan-notifikazzjoni, sakemm il-Parti li tkun qed tiddefendi ruħha ma tkunx talbet li jsir arbitarġġ taħt il-paragrafu 8.

8. Jekk il-Parti li qed tiddefendi ruħha tqis li l-livell ta’ sospensjoni ma jkunx ekwivalenti għall-annullament u d-dannu kkawżat bil-miżura, għandha ssir talba bil-miktub lill-Kumitat tal-Kummerċ qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ għaxart ijiem imsemmi fil-paragrafu 7 biex jitlaqqa’ mill-ġdid il-bord oriġinali tal-arbitraġġ. Sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tat-talba għat-twaqqif tal-bord, il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jkun mgħarraf dwar id-deċiżjoni li jkun ħa l-bord tal-arbitraġġ fuq il-livell ta’ sospensjoni tal-benefiċċji. Il-benefiċċji m’għandhomx ikunu sospiżi qabel ma l-bord tal-arbitraġġ ikun ta d-deċiżjoni tiegħu u kull sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

9. Is-sospensjoni tal-benefiċċji għandha tkun waħda temporanja u għandha tkun applikata biss sakemm il-miżura li tkun instabet li qed tikser it-Titoli II sa V tkun ġiet irtirata jew emendata biex tinġieb f’konformità ma’ dawn it-Titoli, jew fil-każ fejn il-Partijiet ikunu qablu fuq riżoluzzjoni tat-tilwima. Jekk il-Parti li qed tiddefendi ruħha tqis li din tkun ħadet miżuri biex timplimenta d-deċiżjoni, iżda s-sospensjoni tibqa’ hemm, din tista’ tagħmel talba lill-bord oriġinali tal-arbitraġġ biex jagħti deċiżjoni dwar jekk din is-sospensjoni għandhiex tintemm jew tiġi mmodifikata. Id-deċiżjoni għandha tingħata fi żmien 45 jum mit-talba bil-miktub għat-tqwaqqif mill-ġdid tal-bord.

10. Fil-każ li l-bord oriġinali tal-arbitraġġ, jew uħud mill-membri tiegħu, ma jkunx jista’ jiltaqa’ mill-ġdid, mela imbagħad għandhom jgħoddu l-proċeduri spjegati fid-dettal fl-Artikolu 80. Il-perjodu biex tingħata d-deċiżjoni tiegħu f’dan il-każ jibqa’ ta’ 45 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord.

11. Id-deċiżjonijiet kollha li hemm dispożizzjoni dwarhom f’dan l-Artikolu għandhom ikunu finali u jorbtu u għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kumitat tal-Kummerċ li għandu jagħmilhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku sakemm ma jkunx iddeċieda b’kunsens li ma jagħmilx hekk.

12. Mas-sħubija tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jipprekludi lil xi Parti milli timplimenta s-sospensjoni tal-benefiċċji li jkunu ġew awtorizzati mill-Entità tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 86

1. Il-proċeduri tal-arbitraġġ stabbiliti taħt dan it-Titolu m'għandhomx iqisu kwistjonijiet dwar id-drittjiet u l-obbligi ta’ kull Parti li hemm taħt il-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ( World Trade Organisation – WTO).

2. Ir-rikors għad-Dispożizzjonijiet tas-Soluzzjoni tat-Tilwim ta’ dawn it-Titoli għandu jkun bla ħsara għal kull azzjoni possibbli fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni ta’ soluzzjoni ta’ kwistjoni. Madankollu, fejn Parti, b’rabta ma’ miżura partikolari, tkun nediet proċediment ta’ soluzzjoni ta’ tilwima jew taħt l-Artikolu 78(1) ta’ dan it-Titolu jew tal-Ftehim tad-WTO, din m’għandhiex tniedi proċediment ta’ soluzzjoni ta’ tilwima dwar l-istess miżura taħt il-forum l-ieħor qabel ma jkunu ntemmu l-ewwel proċeduri. Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, il-proċedimenti ta’ soluzzjoni ta’ tilwima taħt il-Ftehim tad-WTO għandhom jitqiesu li jkunu ngħataw bidu minn talba li tkun għamlet Parti biex jitwaqqaf bord taħt l-Artikolu 6 tal-Fehma fuq ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO.

3. Sakemm ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tissieħeb fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom jadottaw interpretazzjoni li tkun għal kollox konsistenti mad-deċiżjonijiet relevanti tal-Entità tas-Soluzzjoni ta' Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ meta tingħata deċiżjoni dwar allegat ksur ta’ dispożizzjoni li tkun tinsab fit-Titoli II sa V ta’ dan il-Ftehim li tkun tinkorpora jew tirreferri għal xi dispożizzjoni taħt il-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Mas-sħubija tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom jissospendu l-proċedimenti jekk iqisu li huma ma jkunux jistgħu jagħtu deċiżjoni fuq tilwima mingħajr ma jinterpretaw dispożizzjoni tad-WTO, fejn din id-dispożizzjoni tkun interpretata fit-Titoli II sa V ta’ dan il-Ftehim. F’każ ta’ sospensjoni ta’ proċeduri, kull Parti tista’ tagħmel rikors għall-proċedimenti tas-Soluzzjoni ta’ Tilwim taħt il-Ftehim tad-WTO.

Artikolu 87

1. It-termini kollha stabbiliti taħt dan it-Titolu għandhom ikunu magħduda f’jiem kalendarji mill-jum ta’ wara l-att jew il-fatt li għalih dawn ikunu jirreferu.

2. Kull skadenza imsemmija f’dan it-Titolu tista’ tiġġedded bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 88

Id-dokumenti ppreżentati fil-qafas tal-proċedimenti li hemm dispożizzjoni dwarhom taħt dan it-Titolu għandhom jitqiesu kunfidenzjali, ħlief għad-deċiżjonijiet tal-arbitraġġ.

Artikolu 89

Is-sottomissjonijiet bil-miktub jew orali tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja għandhom isiru bl-Għarbi, u għall-Komunitajiet Ewropej, f’xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

TAQSIMA VI

KOOPERAZZJONI EKONOMIKA

Artikolu 90

Għanijiet

1. Il-Partijiet jidħlu li jżidu l-kooperazzjoni ekonomika fl-interes reċiproku tagħhom u skont l-għanijiet ġenerali tal-Ftehim.

2. L-għan tal-kooperazzjoni ekonomika għandu jkun li jkunu appoġġjati l-isforzi tas-Sirja biex din tikseb żvilupp ekonomiku u soċjali li jkun sostenibbli.

Artikolu 91

Skop

1. Il-kooperazzjoni għandha tiffoka l-aktar fuq dawk l-oqsma li jkunu qed ibatu minn diffikultajiet interni jew li jkunu milquta bil-proċess ġenerali tal-liberalizzazzjoni tal-ekonomija tas-Sirja, u l-aktar bil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn is-Sirja u l-Komunità.

2. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq oqsma li x’aktarx iġibu l-ekonomiji tal-Komunità u tas-Sirja eqreb lejn xulxin, l-aktar dawk li jiġġeneraw it-tkabbir u x-xogħol.

3. Il-Partijiet għandhom jinkuraġġixxu l-kooperazzjoni ekonomika bejn is-Sirja u l-pajjiżi l-oħra tar-reġjun.

4. Il-konservazzjoni tal-ambjent u l-bilanċ ekoloġiku għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tad-diversi oqsma ta’ kooperazzjoni ekonomika li dwarhom ikun importanti li titqies id-differenza fil-livell ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bejn il-Partijiet.

5. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jestendu l-kooperazzjoni ekonomika għal oqsma oħra li mhumiex koperti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 92

Metodi u Modalitajiet

Il-kooperazzjoni ekonomika għandha tkun implimentata l-aktar permezz ta’:

a) djalogu ekonomiku regolari bejn il-Partijiet, li jkopri l-oqsma kollha ta’ politika makroekonomika;

b) skambju regolari ta’ tagħrif u ideat f’kull settur ta’ kooperazzjoni, inklużi laqgħat ta’ uffiċjali u esperti;

ċ) trasferiment ta’ pariri, opinjoni esperta u taħriġ;

d) implimentazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti bħalma huma seminars u lagħat ta’ ħidma;

e) għajnuna teknika, amministrattiva u regolatorja;

f) inkuraġġiment ta’ impriżi konġunti; l-użu tar-riżultati ta’ riċerka xjentifika għal applikazzjonijiet teknoloġiċi, innovazzjoni u żvilupp.

Artikolu 93

Kooperazzjoni Reġjonali

Il-Partijiet għandhom jinkuraġġixxu ħidmiet li jkollhom impatt reġjonali jew li jassoċjaw pajjiżi oħra tar-reġjun, bil-ħsieb li titmexxa ’l quddiem il-kooperazzjoni reġjonali.

Dan l-operat jista’ jinkludi:

a) kummerċ fuq livell intrareġjonali;

b) investiment;

ċ) kwistjonijiet ambjentali;

d) żvilupp ta’ infrastrutturi ekonomiċi;

e) riċerka xjentifika u teknoloġika;

f) kwistjonijiet kulturali;

ġ) kwistjonijiet doganali;

g) it-Teknoloġija tal-Informatika;

għ) kwistjonijiet dwar l-ilma, inkluża l-irrigazzjoni;

h) kooperazzjoni diċentralizzata bejn l-amministrazzjoni lokali;

ħ) is-saħħa pubblika.

Artikolu 94

Edukazzjoni u Taħriġ

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li jidentifikaw u jħaddmu l-iktar mezzi effettivi biex itejbu sew l-istat tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fis-Sirja, l-aktar dwar l-impriżi pubbliċi u privati, is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ, l-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, aġenziji tekniċi, faċilitajiet akkademiċi xjentifiċi u teknoloġiċi, entitajiet tal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni, u organizzazzjonijiet oħrajn relevanti. F’dan il-kuntest, it-taħriġ vokazzjonali, tekniku u amministrattiv għar-ristrutturar industrijali se jingħata attenzjoni speċjali.

Il-kooperazzjoni għandha tinkuraġġixxi wkoll it-twaqqif ta’ rabtiet bejn entitajiet speċjalizzati fil-Komunità u s-Sirja u għandha tmexxi ’l quddiem l-iskambju ta’ tagħrif u esperjenzi, kif ukoll il-ġbir flimkien tar-riżorsi tekniċi.

Artikolu 95

Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

Il-kooperazzjoni għandha l-għan li:

a) tinkuraġġixxi t-twaqqif ta’ rabtiet b’saħħithom bejn il-komunitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Partijiet, l-aktar permezz ta’ :

l-aċċess tas-Sirja għall-programmi tal-Komuinità ta’ R&D, skont id-dispożizzjonijiet preżenti li jolqtu l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi;

il-parteċipazzjoni tas-Sirja fin-netwerks ta’ kooperazzjoni deċentralizzata;

il-promozzjoni ta’ taħriġ fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp.

b) issaħħaħ ir-riċerka xjentifika u applikata u l-ħila tal-iżvilupp tas-Sirja, bil-bini ta’ ħila fir-riżorsi umani u billi jingħata appoġġ xjentifiku, tekniku u materjali lill-entitajiet ta’ riċerka.

ċ) tistimula l-innovazzjoni teknoloġika, it-trasferiment ta’ teknoloġiji u tagħrif ġodda, u t-tixrid ta' għarfien, l-aktar biex jitmexxew ’il quddiem prattiċi li huma tajbin għall-ambjent u biex jitħaffu l-aġġustament u l-iżvilupp tal-ħila industrijali tas-Sirja.

Artikolu 96

L-Ambjent

1. Il-kooperazzjoni hija mmirata biex tevita t-taħsir tal-ambjent, li ttejjeb il-kwalità tiegħu, li tikkontrolla t-tniġġiż, li tħares is-saħħa tal-bniedem u li tiżgura l-użu razzjonali tar-riżorsi naturali, bil-ħsieb li jkun żgurat żvilupp sostenibbli.

2. Il-kooperazzjoni, li se tmexxi wkoll ’il quddiem proġetti ambjentali reġjonali, għandha tiffoka fuq l-oqsma li ġejin b’enfasi fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluża l-implimentazzjoni ta' ftehimiet li għandhom x’jaqsmu man-NU:

a) il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni;

b) il-ħarsien tal-bijodiversità;

ċ) it-tmexxija integrata tar-riżorsi tal-ilma, inklużi l-irrigazzjoni u l-kontroll tat-tniġġiż jew it-tmelliħ tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art;

d) l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu;

e) il-promozzjoni ta’ produzzjoni nadifa u l-prevenzjoni ta’ impatti u riskji ambjentali fuq is-sigurtà minħabba ħidmiet industrijali;

f) il-kummerċ u l-ambjent;

ġ) il-kontroll tal-kwalità tal-arja;

g) il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġiż tal-baħar;

għ) l-immaniġġjar tal-iskart;

h) l-impatt tal-agrikoltura fuq il-ħamrija u l-kwalità tal-ilma;

ħ) edukazzjoni u għarfien ambjentali;

i) l-użu ta’ għodod avvanzati tal-immaniġġjar ambjentali u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, il-metodi ta’ sorveljanza ambjenatli, inkluż l-aktar l-użu tas-Sistema ta’ Tagħrif Ambjentali (Environmental Information System – EIS) u l-Istima tal-Impatt Ambjentali (Environmental Impact Assessment – EIA);

ie) l-immaniġġjar ta’ kriżi ambjentali;

j) l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Artikolu 97

Kooperazzjoni Industrijali

Il-kooperazzjoni industrijali għandha tmexxi ’l quddiem u tinkuraġġixxi:

a) kooperazzjoni industrijali bejn l-operaturi ekonomiċi fil-Komunità u s-Sirja, inkluż l-aċċess għan-netwerks tal-Komunità għat-tiġdid ta’ negozji u netwerks li jkunu ġew żviluppati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni deċentralizzata;

b) il-modernizzazzjoni u r-ristrutturar tal-industrija tas-Sirja, inklużi l-infrastruttura tagħha u istituzzjonijiet ta’ appoġġ f’oqsma relevanti bħalma huma l-istandards, l-assikurazzjoni tal-kwalità jew id-disinn industijali;

ċ) it-twaqqif u l-promozzjoni ta’ ambjent li jkun favorevoli għall-iżvilupp tal-impriża privata, biex ikunu stimulati t-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni industrijali f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli;

d) il-kooperazzjoni bejn impriżi żgħar u medji fil-Komunità u fis-Sirja;

e) l-innovazzjoni, ir-R&Ż u l-akkwist ta’ teknoloġija u prodotti biex jgħinu fl-iżvilupp ekonomiku tas-Sirja;

f) id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni industrijali fis-Sirja;

ġ) it-tisħiħ tar-riżorsi umani;

g) it-titjib fl-aċċess għall-investiment finanzjarju;

għ) l-istimulazzjoni tal-innovazzjoni;

h) it-titjib tas-servizzi ta’ appoġġ tat-tagħrif;

ħ) jew kull qasam ta’ kooperazzjoni ieħor skont kif ikun miftiehem bejn il-Partijiet.

Artikolu 98

L-Investimenti u l-Promozzjoni tal-Investimenti

L-għan tal-kooperazzjoni għandu jkun il-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli u stabbli għall-investiment fis-Sirja. Il-kooperazzjoni tinkludi l-aktar l-iżvilupp ta’:

a) proċeduri amministrattivi li jkunu armonizzati u mħaffa; makkinarju ta’ ko-investiment, speċjalment għall-impriżi żgħar u medji taż-żewġ Partijiet; u kanali ta’ tagħrif u mezzi biex ikunu identifikati opportunitajiet ta’ investiment;

b) ambjent legali li jwassal għal investiment bejn iż-żewġ Partijiet, fejn ikun xieraq bil-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Istati Membri u s-Sirja li jkunu jħarsu l-investiment u oħrajn li jkunu jevitaw it-taxxa doppja;

ċ) aċċess għas-suq tal-kapital għall-iffinanzjar ta’ investimenti produttivi fis-Sirja;

d) impriżi konġunti bejn in-negozji fis-Sirja u l-Komunità.

Artikolu 99

Standards, Regolamenti Tekniċi u Proċeduri ta' Valutazzjoni tal-Konformità

Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tkun immirata l-iżjed lejn:

a) li tiżdied l-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità fil-qasam tar-regolamenti tekniċi, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni, l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità;

b) li jkunu żviluppati laboratorji u entitajiet ta’ valutazzjoni ta’ konformità Sirjani, bil-ħsieb li jitwaqqfu, fi żmien xieraq u sa fejn ikun fattibbli, ftehimiet fuq il-valutazzjoni tal-konformità;

ċ) li jkunu żviluppati strutturi u entitajiet għall-istandardizzazzjoni u l-kwalità fis-Sirja.

Artikolu 100

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, Industrijali u Kummerċjali

Il-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali għandha, fuq talba u fuq termini u kundizzjonijiet li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku, fost affarijiet oħrajn, tkun estiża għall-oqsma li ġejjin:

a) it-tħejjija ta’ liġijiet u regolamenti għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali;

b) il-prevenzjoni ta’ abbużi ta’ dawn id-drittijiet mill-pussessuri ta’ dawn id-drittijiet u l-ksur ta’ dawn id-drittijiet minn kompetituri;

ċ) it-twaqqif u r-rinfurzar ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali li jkunu involuti fl-infurzar u t-tħaris kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, inklużi t-taħriġ ta’ persunal, ħidmiet ta’ bini ta’ għarfien u ħidmiet ta’ bini ta’ ħila bbażata fuq l-għerf biex tissaħħaħ l-abbiltà tas-Sirja biex timplimenta l-protezzjoni tad-drittijiet intellettwali, industrijali u kummerċjali.

Artikolu 101

Servizzi Finanzjarji

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-għan li jitqarrbu tal-standards u r-regoli tagħhom, l-aktar:

a) biex isaħħu u jirristrutturaw il-qasam finanzjarju fis-Sirja;

b) biex itejbu s-sistemi ta’ kontabbiltà u sorveljanza u dawk regolatorji tal-banek, l-assikurazzjoni u oqsma finanzjarji oħra fis-Sirja.

Artikolu 102

Agrikoltura u Sajd

1. Il-Partijiet għandhom jiffukaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq:

a) l-appoġġ għall-politika implimentata minnhom biex il-produzzjoni tkun iddiversifikata;

b) li jkun inkuraġġut l-iżvilupp tal-qasam privat biex titnaqqas id-dipendenza fil-qasam tal-ikel;

ċ) il-promozzjoni ta’ agrikoltura tajba għall-ambjent;

d) il-konservazzjoni u t-tmexxija razzjonali tal-ħażniet tal-ħut;

e) relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn negozji, gruppi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-sengħat u l-professjonijiet fis-Sirja u l-Komunità fuq bażi volontarja;

f) l-appoġġ u l-promozzjoni tal-investimenti privati;

ġ) għajnuna u taħriġ tekniku;

g) riċerka agronomika, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda;

għ) kooperazzjoni fuq standards fitosanitarji u veterinarji;

h) modernizzazzjoni ta’ infrastrutturi u ta’ operat ta’ distribuzzjoni;

ħ) żvilupp rurali integrat, inkluż it-titjib fis-servizzi bażiċi u żvilupp ta’ ħidmiet ekonomiċi assoċjati;

i) kooperazzjoni bejn ir-reġjuni rurali, l-iskambju ta’ esperjenza u tagħrif dwar l-iżvilupp rurali;

ie) kull qasam ta’ kooperazzjoni ieħor kif ikun miftiehem bejn il-Partijiet.

2. Il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-għamla ta’ trasferiment ta’ tagħrif, it-twaqqif ta’ impriżi konġunti jew inkella skemi ta’ taħriġ.

Artikolu 103

Trasport

Il-kooperazzjoni u l-appoġġ tekniku se jiffukaw fuq l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

a) ir-ristrutturar u l-modernizzazzjoni, f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli, ta’ toroq, linji tal-ferroviji, infrastrutturi ta’ portijiet u ajruporti ta’ interess komuni u reġjonali marbuta mal-iżvilupp ta’ Netwerk ta’ Trasport Trans-Ewro-Mediterranju, b.mod partikolari l-interkonnessjonijiet;

b) it-twaqqif u l-infurzar ta’ standards tal-operat simili għal dawk li hemm fil-Komunità;

ċ) l-aġġornament ta’ tagħmir tekniku biex dan jilħaq l-istandards tal-Komunità għall-modi kollha ta’ trasport, l-aktar it-traffiku u t-trasbord tal-containers;

d) it-tħaffif gradwali tal-kriterji tat-tranżitu;

e) it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali u l-immanġġjar ta’ portijiet, ajruporti, ferroviji u l-kontroll tat-traffiku tal-ajru, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-entiatjiet nazzjonali relevanti;

f) ir-rinfurzar tas-sigurtà tal-ġarr tal-merkanzija bil-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar, b’attenzjoni speċifika għat-trasport bil-baħar ta’ idrokarboni, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri marbuta mas-sigurtà fuq il-baħar;

ġ) l-iżvilupp fil-qasam tat-trasport urban.

Artikolu 104

Soċjetà tal-Informatika u Komunikazzjonijiet Elettroniċi

Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq:

a) djalogu fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-aspetti differenti tas-soċjetà tal-informatika, inklużi l-e-strategy, il-politiki u r-regolamenti ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

b) l-istandardizzazzjoni, testijiet ta’ konformità u ċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħrif u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni;

ċ) l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks u s-servizzi tal-Unjoni Ewropea u s-Sirja;

d) l-ippjanar u l-immaniġġjar tal-medda tal-frekwenza bir-radju biex ikun hemm użu kkoordinat u effettiv tal-komunikazzjonijiet bir-radju fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

e) it-tixrid ta’ tagħrif u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni ġodda inklużi t-teknoloġija tas-satellita u s-servizzi ta’ tagħrif;

f) il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti għar-riċerka, l-iżvilupp tekniku jew applikazzjonijiet industrijali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà tal-informatika;

ġ) l-għoti lill-entitajiet Sirjani tal-opportunità li jieħdu sehem fi proġetti pilota u fi programmi Ewropej taħt l-arranġamenti speċifiċi għalihom fl-oqsma kkonċernati.

Artikolu 105

L-Enerġija

Il-kooperazzjoni u l-appoġġ tekniku se jiffukaw fuq l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

a) l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet ġodda ta’ gass u elettriku biex titjieb is-sigurtà tal-provvisti fir-reġjun tal-Mashreq u biex ikunu żviluppati iżjed in-netwerks ta’ enerġija Trans-Ewro-Mediterranji;

b) il-kooperazzjoni għat-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-infrastrutturi tal-enerġija u netwerks ta’ trasmissjoni, inkluż l-immaniġġjar ta’ riżervi ta’ żejt u gass taħt l-art;

kooperazzjoni għall-iżvilupp tar-riżorsi taż-żejt mhux maħdum;

kooperazzjoni teknoloġika fis-settur tar-raffinerija u l-armonizzazzjoni tan-normi tal-kwalità tal-prodotti taż-żejt mhux raffinat;

ċ) il-ftuħ tas-swieq tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ strutturi regolatorji effettivi inklużi s-separazzzjoni, entitajiet regolatorji indipendenti biex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tas-suq u l-prezz tal-enerġija li jirrifletti l-ispiża;

d) kooperazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-istandards u proċeduri internazzjonali, stħarriġ dwar il-politika tal-enerġija u l-bilanċi tal-enerġija, kif ukoll it-titjib tal-ġbir ta’ data u l-immaniġġjar tal-enerġija;

e) il-promozzjoni ta’ enerġiji li jiġġeddu u sorsi indiġeni ta’ enerġija kif ukoll il-promozzjoni ta’ kif tkun iffrankata l-enerġija u miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija, b’enfasi speċjali fuq l-oqsma tal-bini u t-trasport;

f) kooperazzjoni fuq teknoloġiji aġġornati għall-produzzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija biex jitnaqqas it-telf tekniku u tiżdied l-effiċjenza.

Il-partijiet għandhom jistabbilixxu flimkien deskrizzjoni dettaljata għall-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija

kif ikun xieraq.

Artikolu 106

Turiżmu

Il-prijoritajiet għall-kooperazzjoni f’din l-isfera għandhom ikunu:

a) it-titjib tal-għarfien dwar l-industrija tat-turiżmu u li jkun żgurat li jkun hemm aktar konsistenza mal-politika li tolqot it-turiżmu;

b) il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-ibliet ta’ pajjiżi ġirien;

ċ) it-titjib tal-informazzjoni għat-turisti u l-ħarsien tal-interessi tagħhom;

d) l-enfasi fuq l-importanza tal-wirt kulturali għat-turiżmu;

e) li jkun żgurat li l-interazzjoni bejn it-turiżmu u l-ambjent tinżamm f’manjiera sostenibbli;

f) li t-turiżmu jsir aktar kompetittiv b'appoġġ għal aktar professjonalità, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam l-immaniġġjar tal-lukandi;

ġ) l-iskambju ta’ tagħrif fuq l-iżvilupp tat-turiżmu ppjanat u l-promozzjoni ta’ żviluppi ppjanat fil-qasam tat-Turiżmu, inklużi proġetti ta' kummerċjalizzazzjoni tat-turiżmu, wirjiet turistiċi, eżibizzjonijiet, konvenzjonijiet u pubblikazzjonijiet.

Artikolu 107

Id-Dwana

1. Il-Partijiet għandhom imexxu ’l quddiem u jħaffu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi doganali rispettivi tagħhom biex jiżguraw li l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 jintlaħqu, l-aktar biex tkun iggarantita s-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u biex jitħaffef kummerċ leġittimu waqt li jinżammu ħiliet ta’ kontroll effettiv.

2. Bla ħsara għall-kooperazzjoni stabbilita b’dan il-Ftehim, l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi fi kwistjonijiet doganali għandha tingħata skont il-Protokoll 7: Għajnuna Reċiproka bejn l-Awtoritajiet Amministrattivi fuq kwistjonijiet doganali.

3. Il-kooperazzjoni għandha tinkludi fost l-oħrajn:

a) il-forniment ta’ għajnuna teknika, inkluż fejn xieraq, l-organizzazzjoni ta’ seminars u l-allokazzjoni ta' persuni li jkunu qed jitħarrġu;

b) l-iżvilupp u l-qsim tal-aħjar prattiċi; u

ċ) it-titjib u s-simplifikazzjoni ta’ temi doganali li għandhom x’jaqsmu mal-aċċess għas-suq u r-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali li għandhom x’jaqsmu magħhom.

Artikolu 108

Il-Kooperazzjoni fuq l-istatistika

L-għan ewlieni tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandu jkun li jarmonizza l-metodoloġija biex tinħoloq bażi ta’ min jorbot fuqha dwar l-immaniġġjar tal-istatistiċi fuq il-kummerċ, il-popolazzjoni, il-migrazzjoni, u ġeneralment dawk l-oqsma kollha li huma koperti b’dan il-Ftehim u li jkunu ta’ għajnuna biex tkun stabbilita l-istatistika.

TAQSIMA VII

KOOPERAZZJONI F’OQSMA SOĊJALI U KULTURALI

KAPITOLU 1

ID-DJALOGU SOĊJALI

Artikolu 109

1. Għandu jkun hemm djalogu regolari bejn il-Partijiet fuq il-punti soċjali kollha li jkunu ta’ interess reċiproku.

2. Dan id-djalogu għandu jintuża biex jinstabu modi u mezzi dwar kif jista’ jkun hemm aktar progress dwar il-moviment tal-ħaddiema u t-trattament indaqs u integrazzjoni soċjali taċ-ċittadini tas-Sirja u tal-UE li jkunu qed jgħixu legalment fil-pajjiż ospitanti tagħhom.

3. Id-djalogu għandu jiffoka fuq problemi marbuta ma’:

a) il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-komunitajiet tal-migranti;

b) il-migrazzjoni;

ċ) proġetti u programmi fuq l-ugwaljanza tat-trattament għaċ-ċittadini Sirjani u tal-Komunità, l-għarfien reċiproku ta’ kulturi u ċiviltajiet, l-iżvilupp tat-tolleranza u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni.

KAPITOLU 2

AZZJONIJIET TA’ KOOPERAZZJONI SOĊJALI

Artikolu 110

1. Il-Partijiet jagħrfu l-importanza tal-iżvilupp soċjali li għandu jinxi id f'id ma’ kull żvilupp ekonomiku. Dawn jagħtu prijorità speċjali lejn ir-rispett tad-drittijiet soċjali bażiċi.

2. Biex tiġi kkonsolidata il-kooperazzjoni soċjali bejn il-Partijiet, għandhom isiru azzjonijiet u programmi fuq kull kwistjoni li tkun ta’ interess għalihom.

Għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet li ġejjin:

a) it-tnaqqis ta’ pressjonijiet migratorji bil-ħolqien ta’ impjiegi u l-iżvilupp ta’ taħriġ f’żoni fejn hemm rata għolja ta’ emigrazzjoni;

b) l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ immigranti illegali li jkunu ntbagħtu lura lejn pajjiżhom;

ċ) il-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

d) l-iżvilupp tal-ippjanar tal-familja Sirjana u programmi tal-ħarsien tal-omm u l-ulied;

e) it-titjib tas-sistema tas-sigurtà soċjali;

f) it-titjib tas-sistema tal-kura tas-saħħa;

ġ) it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien f’żoni foqra u li huma popolati ħafna;

g) programmi ta’ skambju għal gruppi mħallta ta’ żgħażagħ Sirjani u Ewropej, biex jitmexxew ’il quddiem il-fehma kulturali reċiproka u t-tolleranza.

Artikolu 111

Il-proġetti ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu kkoordinati mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali xierqa.

Artikolu 112

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jwaqqaf grupp ta’ ħidma sa' tmiem l-ewwel sena wara li jkun daħal fis-seħħ dan il-Ftehim. L-għan tiegħu għandu jkun li jagħmel valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 1 u 2 fuq bażi kontinwa.

KAPITOLU 3

IL-KOOPERAZZJONI KULTURALI

Artikolu 113

1. Biex jitkattru l-għerf u l-fehim reċiproċi, u f’konformità mal-proġetti li jkunu ġew żviluppati diġà fuq dawk il-linji, il-Partijiet qed jiftiehmu li, fi spirtu ta’ rispett kulturali reċiproku, iwaqqfu pedamenti soda għal djalogu kulturali kontinwu u biex imexxu ’l quddiem kooperazzjoni kulturali fit-tul fi kull qasam ta’ ħidma li jkun xieraq.

2. Il-Partijiet għandhom, fl-identifikazzjoni ta' proġetti u programmi ta’ kooperazzjoni u ħidmiet konġunti, jagħtu attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ, lill-espressjoni personali u għal ħiliet ta’ komunikazzjoni billi jintużaw midja miktuba u awdjoviżiva, għall-punti li jolqtu l-protezzjoni tal-wirt kulturali, ir-restawr u kwistjonijiet tal-konservazzjoni tal-wirt kif ukoll lit-tixrid tal-kultura.

3. Il-Partijiet għandhom ifittxu modi kif jinkuraġġixxu l-parteċipazzjoni tas-Sirja f’inizjattivi tal-Komunità f’dan il-qasam.

4. Il-Partijiet għandhom imexxu ’l quddiem ħidmiet ta’ interess reċiproku fil-qasam tat-tagħrif u l-komunikazzjonijiet.

TITOLU VIII .

IL-KOOPERAZZJONI FL-OQSMA TAL-ĠUSTIZZJA, IL-MIGRAZZJONI, U L-ĠLIEDA KONTRA L-KRIMINALITÀ ORGANIZZATA

Artikolu 114

It-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet u l-Istat tad-Dritt

Fil-kooperazzjomi tagħhom fl-oqsma indirizzati taħt dan it-titolu, il-Partijiet se jagħtu importanza speċjali għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-livelli kollha fl-oqsma tal-amministrazzjoni in ġenerali, u b’mod speċjali l-infurzar tal-liġi u l-mod kif taħdem is-sistema tal-ġustizzja.

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja se tiffoka b'mod partikolari fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, it-tijib tal-effettività tagħha u t-taħriġ fil-professjonijiet legali.

Artikolu 115

Il-Kooperazzjoni fuq il-Migrazzjoni

1. Il-Partijiet itennu l-importanza li huma qed jagħtu lit-tmexxija konġunta ta’ andamenti ta’ migrazzjoni bejn it-territorji tagħhom. Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ta’ bejniethom, dawn għandhom iwaqqfu djalogu komprensiv fuq il-punti kollha li jolqtu l-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ persuni, kif ukoll l-inklużjoni tal-problemi tal-migrazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali taż-żoni li minnhom jiġu l-emigranti.

2. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni ta’ ħtiġiet speċifiċi li titwettaq b’konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet u li tiġi implimentata skont il-liġi relevanti li jkun hemm fis-seħħ fil-Komunità, fl-Istati Membri u fis-Sirja. Din għandha tiffoka l-aktar fuq:

a) il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

b) ir-regoli u d-drittijiet tad-dħul u l-istat tal-persuni li jkunu ammessi, it-trattament ġust ta’ persuni mhux ċittadini li jkunu qed jgħixu legalment f’pajjiż, l-edukazzjoni u t-taħriġ u miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

ċ) il-qasam tal-viża, fuq kwistjonijiet identifikati bħala li huma ta’ interess reċiproku;

d) il-qasam tal-kontrolli territorjali, fuq punti li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni, it-taħriġ, l-aħjar prattiċi u miżuri oħra tal-operat fuq l-art u fejn ikun relevanti, it-tagħmir, waqt li jkunu konxji mill-użu doppju potenzjali ta’ dan it-tagħmir;

e) it-twaqqif ta’ politika effettiva u preventiva kontra l-immigrazzjoni illegali, il-kutrabandu ta' migranti u t-traffikar fil-bnedmin, inkluża l-kwistjoni ta’ kif ikunu miġġielda netwerks ta’ kuntrabandisti u traffikanti u kif għandhom jiġu protetti l-vittmi ta’ dan it-traffikar;

f) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiċi nazzjonali dwar persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, bil-ħsieb li d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali applikabbli jiġu sodisfatti;

ġ) ir-ritorn, taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ta’ persuni li jkunu qed jirrisjedu illegalment, inkluża l-promozzjoni tar-ritorn tagħhom minn jeddhom, u r-riammissjoni ta’ dawn il-persuni, skont il-paragrafu 3.

3. Fil-qafas tal-kooperazzjoni biex tkun evitata u kkontrollata l-immigrazzjoni illegali, il-Partijiet jaqblu wkoll li jaċċettaw mill-ġdid lill-migranti illegali tagħhom. Għal dan il-għan:

is-Sirja għandha taċċetta mill-ġdid iċ-ċittadini illegali kollha tagħha li jkunu preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fuq talba minn dan tal-aħħar u mingħajr formalitajiet oħra, wara li jkunu saru l-proċeduri meħtieġa tal-identifikazzjoni;

u kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu jaċċetta mill-ġdid iċ-ċittadini kollha tiegħu li jkunu preżenti illegalment fit-territorju tas-Sirja fuq talba minn din tal-aħħar u mingħajr formalitajiet żejda, wara li jkunu saru l-proċeduri meħtieġa tal-identifikazzjoni.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u s-Sirja għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'dokumenti xierqa tal-identità u għandhom jestendulhom il-faċilitajiet amministrattivi meħtieġa għal dawn l-għanijiet.

Il-Partijiet jaqblu li jtemmu, fuq talba u kemm jista’ jkun malajr, ftehim li jkun jirregola l-obbligi speċifiċi dwar l-aċċettazzjoni mill-ġdid, inkluża l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħra u persuni mingħajr stat.

Artikolu 116

Il-Ħasil ta’ flus

1. Il-Partijiet jaqblu fuq il-ħtieġa li jsir kull sforz u li jikkooperaw biex ikun evitat l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom għall-ħasil ta’ dħul minn attivitajiet kriminali inġenerali u minn reati oħra li jkollhom x’jaqsmu l-aktar ma’ drogi illegali u sustanzi psikotropiċi.

2. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam tista’ tinkludi għajnuna amministrattiva u teknika biex tkun żviluppata l-implimentazzjoni tar-regolamenti u t-tħaddim effiċjenti ta’ mekkaniżmi fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus skont standards li huma aċċettati internazzjonalment, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force – FATF).

Artikolu 117

Il-Kooperazzjoni fuq Drogi Illegali

1. Fi ħdan is-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li jkun hemm tqarrib ibbilanċjat b’koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti inklużi mill-oqsma tas-saħħa, il-ġustizzja u l-intern, biex titnaqqas il-provvista, it-traffikar u d-domanda ta’ drogi illegali kif ukoll kontroll aktar effettiv dwar it-traffikar illegali ta’ prekursuri kimiċi..

2. Il-Partijiet għandhom jaqblu fuq il-mezzi ta’ kooperazzjoni biex jintlaħqu dawn l-għanijiet L-aazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji li dwarhom ikun hemm qbil komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti, id-dikjarazzjoni politika u d-Dikjarazzjoni Speċjali fuq il-linji gwida biex titnaqqas id-domanda għad-drogi, li ġiet approvata mis-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Drogi tal-1998.

3. Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tinkludi għajnuna teknika u amministrattiva, l-aktar fl-oqsma li ġejjin: it-tfassil ta’ leġiżlazzjoni u politika nazzjonali; it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet u ċentri nazzjonali ta’ informazzjoni; it-taħriġ tal-persunal; riċerka marbuta mad-droga; u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' prekursuri li jintużaw għall-manifattura illegali ta’ drogi u sustanzi psikotropiċi. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu oqsma oħra.

Artikolu 118

Il-Kooperazzjoni fuq il-Kriminalità Organizzata

1. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jevitaw u jiġġieldu l-kriminalità organizzata, l-aktar fl-oqsma li ġejjin: it-traffikar ta’ persuni; il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti; l-esplojtazzjoni għal għanijiet sesswali; il-korruzzjoni; il-qerq ta’ strumenti finanzjarji; it-traffiku illegali ta’ prodotti pprojbiti, magħmula b’qerq jew ikkuppjati illegalment u ta’ transazzjonijiet illegali l-aktar dwar l-iskart industrijali jew materjal radjoattiv; it-traffikar ta’ armi u splussivi; il-kriminalità bil-kompjuter; vetturi misruqa.

2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib biex iwaqqfu mekkaniżmi u standards xierqa.

3. Il-kooperazzjoni teknika u amministrattiva f’dan il-qasam għandha tinkludi t-taħriġ u t-tisħiħ tal-effettività tal-awtoritajiet u l-istrutturi responsabbli għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni mill-kriminalità kif ukoll it-tfassil ta’ miżuri għall-prevenzjoni mill-kriminalità.

TITOLU IX

IL-KOOPERAZZJONI KONTRA T-TERRORIŻMU

Artikolu 119

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u t-twaqqif ta’ reati ta’ terroriżmu skont konvenzjonijiet internazzjonali, riżoluzzjonijiet relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti u f’konformità mal-liġijiet u r-regoli rispettivi tagħhom. Dawn għandhom jikkooperaw l-aktar:

1. fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni nru. 1373 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u riżoluzzjonijiet relevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali oħra applikabbli;

2. bi skambju ta’ tagħrif fuq gruppi terroristi u n-netwerks tagħhom ta’ appoġġ, bi ftehim reċiproku u skont il-liġi internazzjonali u nazzjonali;

3. bi skambju ta’ ideat fuq mezzi u metodi biex ikun miġġieled it-terroriżmu, inkluż f’oqsma tekniċi u t-taħriġ, u bi skambju ta’ esperjenzi b’rabta mal-prevenzjoni tat-terroriżmu.

TITOLU X

IL-KOOPERAZZJONI FINANZJARJA

Artikolu 120

Biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u biex is-Sirja tkun appoġġjata fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa biex din tkun tista’ tgawdi b’mod sħiħ dan il-qafas ġdid, il-kooperazzjoni finanzjarja għas-Sirja għandha tiġi implimentata skont il-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji xierqa tal-Komunità.

Għandu jkun hemm qbil dwar dawn il-proċeduri bejn iż-żewġ Partijiet billi jintużaw l-aktar strumenti xierqa.

Flimkien mal-oqsma koperti bit-Titoli VI u VIII tal-Ftehim, il-kooperazzjoni finanzjarja għandha tiffoka fuq:

a) li jitmexxew ’il quddiem riformi li jkunu mfassla biex jimmodernizzaw l-ekonomija u l-amministrazzjoni;

b) l-aġġornament tal-infrastruttura ekonomika;

ċ) il-promozzjoni tal-investiment privat u attivitajiet li joħolqu x-xogħol;

d) reazzjoni għar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-introduzzjoni gradwali ta’ żona ta’ kummerċ ħieles, l-aktar bl-aġġornament u bir-ristrutturar tal-industrija;

e) li tkun megħjuna l-politiki implimentati fil-qasam soċjali.

Artikolu 121

Fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-Komunità li huma mmirati biex ikunu appoġġjati l-programmi tal-aġġustament strutturali fil-pajjiżi tal-Mediterran, u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tas-Sirja u donaturi oħra, l-aktar ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-Komunità għandha teżamina metodi xierqa ta’ kif tista’ tkun appoġġjata l-politiki strutturali li mwettwa mis-Sirja biex jerġa’ jkun hemm ekwilibriju finanzjarju fl-aggregati finanzjarji ewlenin u biex tinkuraġġixxi wkoll il-ħolqien ta’ ambjent ekonomiku li jwassal għal aktar tkabbir, waqt li fl-istess ħin jitjieb il-benessri soċjali tal-popolazzjoni.

Artikolu 122

Biex ikun żgurat li jkun adottat approċċ ikkoordinat għal kull problema makroekonomika u finanzjarja straordinarja li tista' tiġri minħabba l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jużaw id-djalogu ekonomiku regolari pprovdut fit-Titolu VI biex tingħata attenzjoni speċjali għas-sorveljanza tal-kummerċ u x-xejriet finanzjarji fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-Komunità u s-Sirja.

TITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI, ĠENERALI U FINALI

Artikolu 123

Hawnhekk qed jitwaqqaf Kunsill tal-Assoċjazzjoni li bħala regola għandu jiltaqa’ fuq livell Ministerjali kull tieni sena u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk. Dan għandu jitlaqqa’ fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Dan għandu jirrevedi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim kif ukoll fil-kooperazzjoni biex ikunu appoġġjati l-isforzi tas-Sirja fejn għandhom x’jaqsmu r-riforma u l-iżvilupp. Dan għandu jistħarreġ ukoll kull kwistjoni kbira li tkun tinsab fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-impatt ekonomiku u soċjali tiegħu u kull kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra li tkun ta’ interess reċiproku.

Artikolu 124

1. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jkun magħmul mill-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-waħda, u mill-membri tal-Gvern tas-Sirja, min-naħa l-oħra.

2. Il-Membri tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jistgħu jirranġaw biex ikun rappreżentati skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

3. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.

4. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jitmexxa darba minn membru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u darb’oħra minn membru tal-Gvern tas-Sirja, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 125

1. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu, biex jikseb l-għanijiet tal-Ftehim, ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet pprovduti fih.

2. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom jorbtu lill-Partijiet li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet xierqa.

3. Dan għandu jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.

Artikolu 126

1. Suġġett għas-setgħat tal-Kunsill, qed jitwaqqaf hawnhekk il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni li għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jiddelega lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, b’mod sħiħ jew parzjali, is-setgħat kollha tiegħu.

Artikolu 127

1. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni, li għandu jiltaqa’ f'livell uffiċjali, għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, min-naħa l-waħda, u mir-rappreżentanti tal-Gvern tas-Sirja, min-naħa l-oħra.

2. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.

3. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għandu jitmexxa darba minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea u darb’oħra minn rappreżentant tal-Gvern tas-Sirja.

Artikolu 128

1. Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar it-tmexxija tal-Ftehim kif ukoll fl-oqsma li fih il-Kunsill ikun iddelega lilu s-setgħat tiegħu.

2. Għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

Artikolu 129

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jwaqqaf kull Grupp ta' Ħidma jew Entità meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-applikazzjoni tat-Titoli II sa V, għandu jwaqqaf l-Entità msemmija fit-Titolu V, Kapitolu II, Artikolu 76.

Artikolu 130

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni għandu jieħu l-miżuri xierqa biex iħaffef il-kooperazzjoni u l-kuntatti bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea tal-Poplu tas-Sirja.

Artikolu 131

Kull waħda mill-Partijiet tista’ tirreferi kull kwistjoni fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim lill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, ħlief għal kwistjonijiet huma koperti bit-Titolu V dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim Kummerċjali għat-Titoli II sa IV.

Artikolu 132

Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jwaqqaf lil xi waħda mill-Partijiet milli tieħu kull miżura li:

a) din tqis bħala meħtieġa biex ikun evitat li jinkixef xi tagħrif li jkun imur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha;

b) jkollha x’taqsam mal-produzzjoni ta’, jew mal-kummerċ, fl-armi, munizzjon jew materjali ta’ gwerra jew mar-riċerka, l-iżvilupp jew il-produzzjoni indispensabbli għal skopijiet ta’ difiża, sakemm dawn il-miżuri ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jkollha x’taqsam ma’ prodotti li ma jkunux maħsuba speċifikament għal għanijiet militari;

ċ) din tkun tqis bħala essenzjali għas-sigurtà tagħha stess fil-każ ta’ taħwid serju intern li jaffettwa ż-żamma tal-liġi u l-ordni, fi żmien ta’ gwerra jew tensjoni internazzjonali serja li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra, jew biex twettaq obbligi li din tkun aċċettat biex iżżomm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 133

Fl-oqsma koperti b’dan il-Ftehim u bla ħsara għal kull dispożizzjoni speċjali li hemm fih:

a) l-arranġamenti applikati mis-Sirja b’rabta mal-Komunità m’għandhomx iwasslu għal xi diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, iċ-ċittadini tagħhom jew il-kumpaniji jew id-ditti tagħhom;

b) l-arranġamenti applikati mill-Komunità b’rabta mas-Sirja m’għandhomx iwasslu għal xi diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Sirjani jew il-kumpaniji jew id-ditti tagħha.

Artikolu 134

Dwar it-tassazzjoni diretta, xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jkollu l-effett li:

a) jestendi il-vantaġġi fiskali mogħtija minn kull Parti fi kull ftehim internazzjonali jew arranġament li bih din tkun intrabtet;

b) jwaqqaf l-adozzjoni jew l-applikazzjoni minn kull Parti ta’ xi miżura maħsuba għall-prevenzjoni tal-evitar jew l-evażjoni ta’ taxxi;

ċ) jmur kontra d-dritt ta’ kull Parti li tapplika d-dispożizzjonijiet relevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħha għal dawk li jħallsu t-taxxa li ma jkunux fl-istess sitwazzjonijiet, l-aktar fejn għandu x’jaqsam il-post tar-residenza tagħhom.

Artikolu 135

1. Il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex twettaq l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim. Dawn għandhom jaraw li l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim jintlaħqu tabilħaqq.

2. Jekk kwalunkwe Parti tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset b’xi mod li twettaq obbligu taħt il-Ftehim, din tista’ tieħu l-miżuri xierqa. Qabel ma tagħmel hekk, ħlief għal każijiet ta’ urġenza speċjali, din għandha tipprovdi lill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni bit-tagħrif relevanti kollu għal stħarriġ sħiħ dwar is-sitwazzjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għall-Partijiet.

Fl-għażla tal-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk li joħolqu l-inqas inkonvenjent fit-tħaddim tal-Ftehim. Dawn il-miżuri għandhom ikunu nnotifikati minnufih lill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni u għandhom ikunu is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni, speċjalment jekk il-Parti l-oħra teħtieġ hekk.

Artikolu 136

It-tqarrib tal-liġijiet

Il-Partijiet għandhom jużaw l-isforzi kollha tagħhom biex iqarrbu l-liġijiet rispettivi tagħhom biex iħaffu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 137

Il-Protokolli 1 sa 8 u l-Annessi I sa VIII għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Id-Dikjarazzjonijiet u l-iskambji ta’ ittri għandhom jidhru fl-Att Finali, li għandu jagħmel parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 138

Għall-għan ta’ dan il-Ftehim, it-terminu "Partijiet" għandu jfisser is-Sirja min-nbaħa l-waħda u l-Komunità, jew l-Istati Membri, jew il-Komunità u l-Istati Membri, skont is-setgħat rispettivi tagħhom, min-naħa l-oħra.

Artikolu 139

Il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu limitat.

Kull waħda mill-Partijiet tista’ tinħall minn dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra. Il-Ftehim għandu jieqaf milli japplika sitt xhur wara d-data ta’ dan l-avviż.

Artikolu 140

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom huma applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tas-Sirja.

Artikolu 141

Dan il-Ftehim, li qed isir f'żewġ kopji fl-Għarbi, il-Bulgaru, l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, i-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven il-Finlandiż, u l-Iżvediż, b'kull wieħed minn dawn it-testi li huwa ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 142

1. Dan il-Ftehim se jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri proprji tagħhom. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’dan il-paragrafu jkunu tlestew.

2. Mad-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jieħu post il-Ftehim ta’ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u s-Sirja, u l-Ftehim ta’ bejn il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u s-Sirja, li kien ġie ffirmat fi Brussell fit-18 ta’ Jannar 1977.

Artikolu 143

Applikazzjoni proviżorja

1. Minkejja l-Artikolu 142, il-Komunità u s-Sirja jaqblu li japplikaw l-Artikolu 2, l-Artikoli 7 sa 42 (Titolu II: Il-Moviment Ħieles tal-Oġġetti), l-Artikoli 61 u 63 (Il-Pagamenti u ċ-Ċaqliq tal-Kapital), l-Artikoli 64 sa 73 (Il-Kompetizzjoni, l-Akkwist pubbliku, u Temi Ekonomiċi Oħra), l-Artikoli 74 sa 89 (Titolu V: Is-Soluzzjoni ta’ Tilwim), l-Artikolu 97 (Il-Kooperazzjoni Industrijali), l-Artikolu 99 (Standards, Regolamenti Tekniċi u Proċeduri tal-' Valutazzjoni tal-Konformità), l-Artikolu 100 (Kooperazzjoni fuq Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, Industrijali u Kummerċjali), l-Artikolu 101 (Servizzi Finanzjarji), l-Artikolu 102 (Agrikolutura u Sajd), l-Artikolu 107 (Kooperazzjoni Doganali), l-Artikolu 120, l-Artikoli 132 sa 138, u l-Artikoli 140 u 141 (Titolu XI: Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali, u Finali), mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-data li fiha l-Komunità u s-Sirja jkunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan. In-notifikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jkun id-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, li kien ġie ffirmat fit-18 ta’ Jannar 1977, għandu jwettaq l-obbligi tiegħu mutatis mutandis sakemm ikunu ffurmati l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni u l-Kumitat tal-Assoċjazzjoni li hemm dispożizzjoni dwarhom fit-Titolu XI tal-Ftehim tal-Assoċjazzjoni.

Matul l-applikazzjoni proviżorja tal-Artikoli msemmija hawn fuq, u fejn ikun xieraq, kull referenza li ssir għall-“Kunsill tal-Assoċjazzjoni” u għall-“Kumitat tal-Assoċjazzjoni” għandha titqies bħala referenza għall-Kunsill tal-Kooperazzjoni u għall-kumitati stabbiliti minnu.

3. Fejn skont il-paragrafu 1, dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim tkun applikata mill-Partijiet sakemm dan jidħol fis-seħħ, kull referenza li ssir f’din id-dispożizzjoni sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandha tkun miftiehma li din tkun saret sad-data li minnha l-Partijiet ikunu qablu li japplikaw dik id-dispożizzjoni skont il-paragrafu 1.

Dikajarazzjoni konġunta applikabbli għall-Ftehim kollu

Il-Partijiet, filwaqt li jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim, itennu l-impenn sħiħ tagħhom li jirrispettaw il-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u jaqblu li jaħdmu flimkien biex jiksbu paċi ġusta u komprensiva fil-Lvant Nofsani skont it-Termini ta’ Referenza ta’ Madrid u r-riżoluzzjonijiet 242 u 338 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jimpenjaw rwieħhom fil-ħolqien fir-reġjun ta' żona ħielsa minn kull armi tal-qerda tal-massa, nukleari, bijologiċi u kimiċi, u li jibdluh f’reġjun ta’ stabbiltà u prosperità.

Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea dwar l-Artikolu 64

Il-Komunità tiddikjara li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1), se tqis kull prattika li tkun tmur kontra dak l-Artikolu fuq il-bażi tal-kriterji li jkunu ġejjin mir-regoli tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, inkluża leġiżlazzjoni sekondarja.

Dikjarazzjoni konġunta fuq l-Artikolu 64

Il-Partijiet jagħrfu li s-Sirja hija lesta ssawwar il-liġi tal-kompetizzjoni tagħha stess. Waqt li tkun qed tabbozza din il-liġi, is-Sirja se tqis ir-regoli tal-kompetizzjoni li ġew żviluppati fl-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni tal-metodi amministrattivi ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Arikolu 64(2) hija kkundizzjonata bid-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-kompetizzjoni tas-Sirja u minħabba bl-assunzjoni tal-obbligi tal-awtorità responsabbli biex tapplikaha.

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-Kooperazzjoni fuq il-Migrazzjoni (l-Artikolu 115 (f))

Il-Partijiet jaqblu li fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 115 (f) tat-Titolu VIII, huma se jiżguraw ir-rispett lejn il-prinċipju tan-“non-refoulement” bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 194 (1948) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Dikjarazzjoni konġunta fuq l-Artikolu 113

Il-Partijiet jiddikjaraw li se tingħata attenzjoni speċjali għall-ħarsien, il-konservazzjoni u r-restawr ta’ siti u monumenti arkeoloġiċi.

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jippruvaw jiżguraw ir-ritorn ta' oġġetti ta’ valur arkeoloġiku li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali Sirjan u li kienu ttieħdu mill-pajjiż illegalment f’konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-Mezzi ta’ Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment ta’ Pussess Illegali ta’ Proprjetà Kulturali (UNESCO 1970).

Dikjarazzjoni konġunta fuq is-Sistema Ġeneralizzata tal-KE tal-Preferenzi

Il-preferenzi mogħtija taħt dan il-Ftehim jinkludu l-preferenzi mogħtija taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Komunità Ewropea tal-Preferenzi (Generalised System of Preferences – GSP) stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi ġeneralizzati ta’ tariffi sal-31 ta’ Diċembru 2008, kif estiża għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2011 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008

LISTA TA’ PROTOKOLLI U ANNESSI

Protokoll 1: | Arranġamenti li jgħoddu għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li jkunu ġejjin mis-Sirja. |

Protokoll 2: | Arranġamenti li jgħoddu għall-importazzjonijiet fis-Sirja ta’ prodotti agrikoli li jkunu ġejjin mill-Komunità. |

Protokoll 3: | Arranġamenti li jgħoddu għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mis-Sirja. |

Protokoll 4: | Arranġamenti li jgħoddu għall-importazzjonijiet fis-Sirja ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin mill-Komunità. |

Protokoll 5: | Arranġamenti li jgħoddu għall-Prodotti Agrikoli Proċessati. |

Protokoll 6: | Dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' 'prodotti oriġinarji' u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva |

Protokoll 7: | Għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi fuq kwistjonijiet doganali. |

Protokoll 8: | Lista ta’ Prodotti koperti bl-Artikolu 13.7. |

Anness I: | Skeda ta’ tariffi ta’ Sirja msemmija fl-Artikolu 9.3. |

L-Anness II: | Lista ta’ prodotti msemmija fl-Artikoli 11 u 16. |

L-Anness III: | Lista ta’ riżervi tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 43.1.b (Id-dritt tal-istabbilment). |

L-Anness IV: | Lista ta’ riżervi tas-Sirja msemmija fl-Artikolu 43.2.a (Id-dritt tal-istabbilment). |

Anness V: | Modalitajiet għall-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 64.2 (Il-Kompetizzjoni). |

L-Anness VI: | Id-Drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali. |

L-Anness VII: | L-Akkwist pubbliku: Ir-Regoli tal-Proċedura, Lista ta’ Entitajiet u dokumenti oħra. |

L-Anness VIII: | Is-Soluzzjoni ta’ Tilwim (Titolu V): Ir-Regoli tal-Proċedura u l-Kodiċi tal-Imġiba. |

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA | Fichefin/08/35192 6.0.2005.1-2008 DDG/EM/mlc |

DATA: 27/11/2008 |

1. | INTESTATURA TAL-BAĠIT: Il-Kapitolu 10- Dazji Agrikoli | APPROPRJAZZJONIJIET: APB 2009 1.403,5 Mio € |

2. | TITOLU: Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, |

3. | BAŻI LEGALI:. l-Artikolu 310 tat-Trattat, flimkien mal-Artikolu 300(2) u l-Artikolu 300(3) |

4. | GĦANIJIET: Li tiġi stabbilit Assoċjazzjoni benj il-Komunità u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja |

5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | PERJODU TA’ 12-IL XAHAR (EUR miljun) | IS-SENA FINANZJARJA ATTWALI 2008 (EUR miljun) | IS-SENA FINANZJARJA SUSSEGWENTI 2009 (EUR miljun) |

5.0 | NEFQA - MILL-BAĠIT TAL-KE (ĦLASIJIET LURA/INTERVENTI) - AWTORITAJIET NAZZJONALI - OĦRAJN | - | - | - |

5.1 | DĦUL - RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (IMPOSTI/DAZJI DOGANALI) - NAZZJONALI | - | - | - 0,3 |

2010 | 2011 | 2012 |

5.0.1 | INFIQ STMAT | - | - | - |

5.1.1 | DĦUL STMAT | - | - | - |

5.2 | METODU TA' KALKOLU: - |

6.0 | IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE |

6.1 | IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA' TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI? | IVA LE |

6.2 | SE JKUN MEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI? | IVA LE |

6.3 | L-APPROPRJAZZJONIJIET SE JKOLLHOM JITNIŻŻLU FIL-BAĠITS TAL-FUTUR? | IVA LE |

OSSERVAZZJONIJIET: Il-proposta hi dwar it-twaqqif ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli. Fir-rigward tar-riżorsi proprji, hu stmat li din il-proposta tista' tirriżulta fi tnaqqis ta’ dawn ir-riżorsi b’madwar 0,3 Miljun € (Ammont nett wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir). |

[1] ĠU C

[2] ĠU L 184, 17.7 1999 p. 23.

[3] ĠU L 318, 20.12.1993, p.18.

[4] ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1.

[5] ĠU L 104, 20.4.2002, p. 26.

[6] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

[7] ĠU C […], […], p

[8] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 ĠUKE L 256, 07.09.1987) kif aġġornat kull sena

[9] Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali jinkludu d-dritt tal-awtur inkluż id-dritt tal-awtur fi programmi tal-kompjuters u fil-bażijiet tad-data u drittijiet assoċjati, id-drittijiet relatati mal-privattivi, id-diżinji industrijali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, inklużi d-denominazzjonijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ta' sors, trademarks, il-marki tas-servizz, l-ismijiet tan-negozju, id-diżinji tal-format (topografiji) ta' ċirkwiti integrati, il-varjetajiet tal-pjanti, il-protezzjoni ta' informazzjoni mhux żvelata u l-protezzjoni minn kompetizzjoni inġusta kif imsemmija fl-Artikolu 10 bis tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Ħarsien tal-Proprjetà Industrijali (Att ta' Stokkolma 1967), kif ukoll kull dritt ieħor protett mill-konvenzjonijiet multilaterali elenkati fl-Anness VI.

[10] Dan ma jipprekludix lil uffiċjali tal-Gvern jew ċivili milli jkunu arbitri. Madankollu huma jridu jaġixxu fuq bażi stratta ad personam u għalhekk ma jistgħu jirċievu struzzjonijiet la mill-Gvern Nazzjonali tagħhom u lanqas mill-aġenziji tiegħu. Dan japplika wkoll għal struzzjonijiet minn kwalunkwe sors kemm jekk tkun organizzazzjoni mhux governattiva jew gvern ta' pajjiż terz.

[11] Meta Parti tikkunsidra li l-President tal-bord tal-arbitraġġ ma jissodisfax il-Kodiċi ta’ Kondotta, il-kwistjoni għandha tkun irreferuta lil wieħed mill-membri tar-riżerva ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, li isimhom ikun ittella’ bix-xorti mill-Kumitat dwar il-Kummerċ, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet.

Top