EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2007:152:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 152, 13 ta' Ġunju 2007


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 152

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 50
13 ta' Ġunju 2007


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE

1

 

 

III   Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/384/PESK ta' l-14 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (Verżjoni kodifikata)

14

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 152/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 617/2007

ta' l-14 ta' Mejju 2007

dwar l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) u kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta' l-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008 sa l-2013 skond il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu (3),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE (4) tispeċifika l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008 sa 2013 u ddaħħal Anness ġdid Ib fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

(2)

Il-Ftehim Intern jiddefinixxi l-pakketti finanzjarji varji ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-FEŻ”), l-iskema ta' kontribuzzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet għall-10 FEŻ, jistabbilixxi l-Kumitat FEŻ) u l-Kumitat tal-Faċilità ta' Investiment (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat FI”), u jiddetermina l-piż tal-vot u r-regola dwar maġġoranza kwalifikata fihom.

(3)

Barra minn hekk, il-Ftehim Intern jistabbilixxi l-ammont aggregat ta' għajnuna Komunitarja lill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati AKP”) (eskluża r-Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel) u lill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“PTE”) għall-perjodu ta' sitt snin bejn l-2008-2013 ta' EUR 22 682 miljun mill-10 FEŻ kontribwit mill-Istati Membri. Huwa meħtieġ li mill-ammont ta' l-10 FEŻ stabbilit mill-Ftehim Intern, jiġu allokati EUR 21 966 miljuni lill-Istati AKP kif speċifikat fil-qafas finanzjarju pluriennali 2008-2013 imsemmi fl-Anness Ib mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, jiġu allokati EUR 286 miljun lill-PTE u jiġu allokati EUR 430 miljun lill-Kummissjoni għal infiq ta' appoġġ marbuta mal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-FEŻ mill-Kummissjoni.

(4)

L-10 allokazzjoni FEŻ lill-PTE hija rregolata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (5) u mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2304/2002 (6) u kwalunkwe aġġornamenti sussegwenti tiegħu.

(5)

Il-miżuri koperti minn, u eliġibbli għall-finanzjament taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (7), għandhom ikunu finanzjati biss taħt l-10 FEŻ f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn tali assistenza tkun tinħtieġ sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-koperazzjoni minn taħt kondizzjonijiet ta' kriżi għal taħt dawk stabbli għall-iżvilupp u din ma tkunx tista' tiġi finanzjata mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

(6)

Fil-11 ta' April 2006, il-Kunsill adotta l-prinċipju li jiffinanzja l-Faċilità Afrikana għall-Paċi mill-10 FEŻ b'ammont ta' mhux aktar minn EUR 300 miljun li jkopri l-perijodu 2008-2010 u qabel dwar il-modalitajiet u l-formulazzjoni futuri għall-faċilità.

(7)

Huwa xieraq li l-pajjiżi tal-Protokoll dwar iz-Zokkor, kif imsemmija fil-Protokoll 3 għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, milquta mir-riforma Komunitarja fiz-zokkor ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta' akkumpanjament finanzjati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (8). Il-pajjiżi AKP sejrin ikollhom aċċess ukoll għal assistenza Komunitarja minn programmi tematiċi provduti mill-istrument għall-koperazzjoni għall-iżvilupp u permezz tar-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (9). Dawk il-programmi tematiċi għandhom iżidu l-valur għal, ikunu konsistenti ma' u sussidjarji u addizzjonali għall-programmi ġeografiċi finanzjati taħt il-FEŻ.

(8)

Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jisħaq dwar l-importanza ta' koperazzjoni reġjonali fost l-Istati AKP, il-PTE u r-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità.

(9)

Id-Deċiżjoni 2005/446/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (10) tistabbilixxi l-31 ta' Diċembru 2007 bħala d-data li warajha l-fondi tad-9 FEŻ immexxi mill-Kummissjoni, is-sussidji fuq l-imgħax immexxija mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-BEI”) u d-dħul miġbur mill-imgħax fuq dawn l-approporjazzjonijiet ma għandhomx jiġu iżjed impenjati. Din id-data tista' tiġi riveduta jekk dan ikun meħtieġ.

(10)

Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni tal-FEŻ, huwa meħtieġ li tiġi deċiża l-proċedura għall-programmazzjoni, eżami u approvazzjoni ta' l-għajnuna, u li jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati għas-sorveljanza ta' l-użu ta' l-għajnuna. Fis-17 ta' Lulju 2006 r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw Deċiżjoni 2006/610/KE (11) dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Intern, għall-finijiet ta' l-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni u r-Regolament Finanzjarju u, inter alia, għall-għanijiet tat-twaqqif tal-Kumitat FEŻ u tal-Kumitat FI.

(11)

Fl-24 ta' Novembru 2004, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-effikaċja ta' l-azzjonijiet esterni ta' l-UE, inkluż aktar tisħiħ tal-komplementarjetà u l-koordinazzjoni bejn il-Komunità u l-koperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-Istati Membri. Fl-24 ta' Mejju 2005 l-Kunsill impenja ruħu sabiex iwettaq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ f'waqthom tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja ta' l-Għajnuna u ta' l-impenji speċifiċi ta' l-UE adottati fil-Forum ta' Pariġi tat-28 ta' Frar — 2 ta' Marzu 2005. Il-Kunsill tal-11 ta' April 2006 adotta konklużjonijiet dwar il-qafas komuni għal dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż u b'hekk ippermetta programmazzjoni pluriennali konġunta mill-UE u donaturi oħra interessati. Fis-16 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-importanza tal-komplementarjetà u d-diviżjoni tax-xogħol bħala partijiet kostituttivi ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna.

(12)

Fit-22 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea (12). Sussegwentement il-Kunsill Ewropew adotta strateġija għall-Afrika f'Diċembru 2005 u l-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija għall-Karibew (10 ta' April 2006) u l-Paċifiku (17 ta' Lulju 2006).

(13)

Fis-16 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-Tmexxija fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp: Lejn Approċċ Armonizzat fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fejn fakkar li l-allokazzjonijiet ta' ammonti ta' inċentivazzjoni ta' l-Inizjattiva fit-Tmexxija għandhom jiġu diskussi fid-dettal bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u fejn saħaq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tinvolvi l-korpi kompetenti tal-Kunsill,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Il-qafas ġenerali għall-programmazzjoni u għall-implimentazzjoni

1.   L-objettiv primarju u ewlieni tal-koperazzjoni taħt dan ir-Regolament għandu jkun l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli, inkluż insegwiment ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

2.   Il-koperazzjoni ġeografika mal-pajjiżi u r-reġjuni AKP fil-kuntest ta' l-10 FEŻ għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri bażiċi riflessi fid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u b'kont meħud ta' l-objettivi ta' żvilupp u ta' l-istrateġiji ta' komunikazzjoni stabbiliti fit-Titolu XX tat-Trattat.

Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Politika ta' Żvilupp tat-22 ta' Diċembru 2005: 'Il-Kunsens Ewropew' għandha tipprovdi l-qafas ġenerali sabiex tiggwida l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-10 FEŻ, inklużi l-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja ta' l-Għajnuna ta' l-2005.

3.   Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja ta' l-Għajnuna tinkludi l-prinċipji ta' appartenenza, allinjament, armonizzazzjoni, amministrazzjoni ta' l-għajnuna orjentata lejn ir-riżultati u responsabbiltà reċiproka, validi għall-pajjiżi u reġjuni sħab kif ukoll għad-donaturi.

Dawk il-prinċipji għandhom joħolqu l-kondizzjonijiet għall-pajjiżi u r-reġjuni sħab sabiex jeżerċitaw tmexxija effikaċi fuq il-linji politiċi u strateġiji tagħhom ta' żvilupp u jwasslu għal approċċ ibbażat fuq il-pajjiż jew reġjun, jew għal approċċ immexxi minnu, li jinvolvi konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u allinjament dejjem ikbar ma' objettivi u strateġiji nazzjonali jew reġjonali ta' żvilupp, partikolament dawk sabiex jitnaqqas il-faqar. Dan jitlob il-koordinazzjoni effikaċi tad-donaturi, ibbażata fuq tfittxija għall-komplementarjetà, approċċ non-esklussiv u l-promozzjoni ta' inizjattivi mad-donaturi kollha, allinjati ma' u bbażati fuq analiżi, proċessi u strateġiji eżistenti u proċeduri kif ukoll istituzzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew reġjun.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-koperazzjoni minn taħt kondizzjonijiet ta' kriżi għal taħt dawk stabbli għall-iżvilupp, fil-prinċipju m'għandhomx jiġu finanzjati taħt dan ir-Regolament miżuri koperti minn, u eliġibbli għall-finanzjament taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96.

TITOLU II

PROGRAMMAZZJONI

Artikolu 2

Il-proċess ta' programmazzjoni

1.   Il-proċess ta' programmazzjoni għal assistenza lil pajjiżi u reġjuni AKP amministrat mill-Kummissjoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandu jitwettaq skond l-Artikoli 1 sa 14 ta' l-Anness IV ma' dak il-Ftehim u skond il-prinċipji ġenerali msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-programmazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tfisser, inter alia:

(a)

il-preparazzjoni u l-iżvilupp ta' Strateġiji ta' Appoġġ għal Pajjiżi (minn hawn 'il quddiem imsejħa “dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi”) u Strateġiji ta' Appoġġ Reġjonali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “dokumenti ta' strateġija reġjonali”);

(b)

indikazzjoni ċara mill-Komunità ta' l-allokazzjoni finanzjarja programmabbli indikattiva li minnha jistgħu jibbenefikaw il-pajjiżi u r-reġjuni tul il-perijodu ta' sitt snin ta' l-10 FEŻ;

(ċ)

il-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' programm pluriennali indikattiv għall-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u tad-dokumenti ta' strateġija reġjonali;

(d)

proċess ta' reviżjoni li jkopri d-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u d-dokumenti ta' strateġija reġjonali, il-programmi indikattivi pluriennali u l-volum ta' riżorsi allokati lilhom.

3.   Il-programmazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali għandha titwettaq b'mod koordinat. Il-koordinazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandha tfisser, inter alia:

(a)

il-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat għandu safejn possibbli jkun il-forza mexxejja fil-programazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja. Il-programmazzjoni għandha, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafu 5, issir b'mod konġunt mal-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat u tkun inkrementalment allinjata ma' l-istrateġiji għat-tnaqqis ta' faqar jew strateġiji ekwivalenti tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb; il-proċess konġunt għandu jinkludi partijiet interessati oħra fejn rilevanti, inklużi parlamenti, awtoritajiet lokali u atturi rappreżentattivi non-Statali, li għandhom ikunu assoċjati fil-proċess ta' programmazzjoni kmieni skond kemm meħtieġ;

(b)

għall-preparazzjoni u għall-iżvilupp tad-dokumenti ta' strateġija l-Kummissjoni għandha taħdem f'koordinazzjoni ma' l-Istati Membri rappreżentati lokalment u l-BEI dwar kwistjonijiet relatati ma' l-oqsma ta' kompetenza tagħha u operazzjonijiet, anke fir-rigward tal-Faċilità ta' Investiment. Il-koordinazzjoni ser tibqa' miftuħa għall-Istati Membri li mhumiex rappreżentanti b'mod permanenti fil-pajjiż jew reġjun konċernat;

(ċ)

il-Kummissjoni u l-Istati Membri rappreżentati lokalment għandhom jagħmlu ħilithom fejn possibbli u fejn xieraq għal programmazzjoni konġunta, inkluża strateġija konġunta ta' reazzjoni. Il-parteċipazzjoni fi programmazzjoni konġunta ser, permezz ta' mekkanizmi flessibbli, tibqa' miftuħa għall-Istati Membri li mhumiex rappreżentanti b'mod permanenti fil-pajjiż jew reġjun konċernat;

(d)

il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji ta' informazzjoni regolari u frekwenti, anke ma' donaturi oħra u banek ta' żvilupp, u jippromwovu koordinazzjoni aħjar ta' linji politiċi, armonizzazzjoni ta' proċeduri, komplementarjetà u diviżjoni tax-xogħol, sabiex b'hekk isaħħu l-impatt imtejjeb ta' linji politiċi u tal-programmazzjoni. Il-koordinazzjoni tad-donaturi għandha safejn possibbli ssir permezz ta' mekkaniżmi eżistenti ta' koordinazzjoni tad-donaturi u tibni fuq proċessi eżistenti ta' armonizzazzjoni fil-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat. Il-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat għandu safejn possibbli jkun il-forza mexxejja fil-koordinazzjoni ta' assistenza Komunitarja ma' donaturi oħra; kulfejn l-iżvilupp ta' strateġiji komuni diġà qed iseħħ, il-programmazzjoni konġunta għandha tibqa' miftuħa għal donaturi oħra u tikkomplementa, issaħħaħ u kulfejn possibbli tkun parti minn dawn il-proċessi eżistenti.

4.   Addizzjonalment għad-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u għad-dokumenti ta' strateġija reġjonali, għandhom jiġu preparati u żviluppati, mal-Kumitat ta' Ambaxxaturi AKP-KE, Dokument ta' Strateġija Intra-AKP u programm pluriennali indikattiv relatat, ibbażati fuq kriterji stabbiliti għal qafas ta' politika intra-ACP li jikkonforma mal-prinċipji ta' komplementarjetà u ma' l-ambitu ġeografiku impliċiti fl-Artikolu 12 ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

5.   Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 3(4) u fl-Artikolu 4(5) ta' l-Anness IV ma' l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, meta l-pajjiżi ma jkunux jistgħu jkollhom aċċess għal fondi programmabbli normali u/jew l-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali ma jkunx jista' jwettaq dmiru, il-Komunità għandha tagħmel dispożizzjonijiet speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament.

6.   Il-programmazzjoni għandha titfassal sabiex tissodisfa kemm jista' jkun possibbli il-kriterji għal assistenza uffiċjali għall-żvilupp (minn hawn 'il quddiem imsejħa “AUŻ”) stabbiliti mill-OECD/DAC.

7.   Il-programmazzjoni għandha, fejn ikun il-każ, tiżgura l-viżibbiltà Ewropea fil-pajjiżi u reġjuni sħab ta' l-UE.

Artikolu 3

Allokazzjoni tar-riżorsi

1.   Fil-bidu tal-proċessi ta' programmazzjoni l-Kummissjoni għandha, abbażi tal-ħtiġijiet u l-kriterji ta' prestazzjoni identifikati fl-Artikoli 3, 9 u 12 ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, tiddetermina l-allokazzjoni pluriennali indikattiva ta' fondi għal kull pajjiż u reġjun AKP u għall-pakkett intra-AKP li fuqu hu bbażat il-proċess ta' programmazzjoni, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Intern. Dawn il-kriterji għandhom ikunu standard, oġġettivi u trasparenti.

2.   Fir-rigward ta' l-allokazzjoni indikattiva nazzjonali, ir-riżorsi għandhom jinkludu ammont programmabbli, inkluż porzjon ta' inċentiv allokat abbażi ta' kriterji relatati mal-governanza, konformement mal-prinċipji dwar il-governanza adottati mill-Kunsill fis-16 ta' Ottubru 2006, u allokazzjoni għal ħtiġijiet mhux antiċipati kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

3.   Il-Kumitat FEŻ imsemmi fl-Artikolu 11 għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skond il-proċeduri ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) dwar il-metodu użat fl-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali għall-allokazzjoni ta' riżorsi kif preżentati mill-Kummissjoni.

L-allokazzjonijiet konsolidati ta' għajnuna u għall-pajjiżi u għar-reġjuni għandhom ikunu konsistenti ma' l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Intern. Huma għandhom ikunu integrati fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u fid-dokumenti ta' strateġija reġjonali u fil-programmi indikattivi pluriennali, u adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3). Il-fondi assenjati għal programmi u azzjonijiet ta' appoġġ speċjali kif imsemmija fl-Artikolu 4(7) għandhom ukoll ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 4

Id-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u d-dokumenti ta' strateġija reġjonali u l-programmazzjoni pluriennali

1.   Id-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u d-dokumenti ta' strateġija reġjonali għandhom jiġu preparati abbażi tal-prinċipji ġenerali ta' koordinazzjoni, appartenenza u effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 2, fil-linji tal-qafas komuni għad-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u skond il-prinċipji lejn il-programmazzjoni pluriennali konġunta adottati mill-Kunsill fil-11 ta' April 2006.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jimmiraw li jipprovdu qafas koerenti għall-koperazzjoni bejn il-Komunità u l-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat, konsistenti ma' l-għan ġenerali u l-kamp ta' applikazzjoni, l-objettivi u l-prinċipji tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Id-dokument ta' strateġija m'għandux ikopri biss il-koperazzjoni għall-iżvilupp finanzjata mill-FEŻ, iżda għandu jirrifletti wkoll l-istrumenti Komunitarji l-oħra kollha li jkollhom impatt fuq il-pajjiż jew fuq ir-reġjun imsieħeb, bl-għan li tiġi żgurata l-koerenza ma' oqsma oħra ta' l-azzjoni esterna tal-Komunità, inkluż, fejn rilevanti, il-BEI.

3.   Ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 2(5), il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jitfasslu abbażi tad-dokumenti ta' strateġija rispettivi u għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim mal-pajjiż jew reġjun konċernat. Għandha ssir enfasi fuq l-istimi kondiviżi tal-ħtiġijiet u ta' prestazzjonijiet u fuq l-analiżi settorali, kif ukoll fuq il-prijoritajiet. Fil-kuntest ta' l-Artikolu 11(3) u f'każijiet fejn il-Kummissjoni tipparteċipa fi proċess konġunt ta' programmazzjoni, il-programm pluriennali indikattiv għandu fejn xieraq jiġi integrat f'dokument abbozzat b'mod konġunt mad-donaturi parteċipanti l-oħra. Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jinkludu:

(a)

l-oqsma ta' prijorità magħżula għall-finanzjament Komunitarju, l-objettivi globali, il-benefiċjarji mmirati, l-impenji ġenerali ta' politika u l-impatt mistenni;

(b)

l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, kemm b'mod globali kif ukoll għal kull qasam ta' prijorità. L-allokazzjoni għal kull qasam ta' prijorità tista' tingħata f'forma ta' firxa limitata, fejn ikun xieraq. L-assistenza Komunitarja għandha tkun konċentrata f'numru limitat ta' oqsma ta' prijorità u, fejn ikun il-każ, permezz ta' appoġġ baġitarju ġenerali, u għandha tiżgura allinjament ma' operazzjonijiet finanzjati mill-pajjiż jew reġjun AKP konċernat kif ukoll komplementarjetà u koerenza ma' operazzjonijiet finanzjati mill-Istati Membri u minn donaturi oħrajn;

(ċ)

għal kull qasam ta' prijorità, u fil-każ ta' appoġġ baġitarju ġenerali, objettivi speċifiċi u impenji ta' politika settorali u l-aktar miżuri u operazzjonijiet adegwati għall-kisba ta' dawn l-objettivi u miri. Il-programm indikattiv għandu jiddeskrivi wkoll l-impatt mistenni u jiddefinixxi r-riżultati u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi ta' prestazzjoni u skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, inklużi impenji u nfiq ta' riżorsi, u għal riżultati mistennija. L-indikaturi għandhom safejn ikun possibbli jiġu allinjati ma' u bbażati fuq is-sistema ta' monitoraġġ ta' dak il-pajjiż jew reġjun imsieħeb stess;

(d)

ir-riżorsi riservati għal programmi u proġetti 'il barra mill-oqsma ta' prijorità u, fejn possibbli, id-deskrizzjonijiet ġenerali ta' tali attivitajiet kif ukoll indikazzjoni tar-riżorsi li jkollhom jiġu dedikati għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet. Dawn jistgħu jinkludu l-prijoritajiet u r-riżorsi speċifiċi għall-iskop li tissaħħaħ il-koperazzjoni mar-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità, mal-PTE jew mal-pajjiżi u reġjuni sħab ġirien kif imsemmi fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament u l-modalitajiet għall-identifikazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-għażla ta' dawk il-proġetti ta' interess komuni;

(e)

It-tip ta' atturi mhux Statali eliġibbli għall-finanzjament u, fejn ikun possibbli, ir-riżorsi li jkollhom ikunu allokati u t-tip ta' attivitajiet li għandhom ikunu appoġġati.

Ir-riżorsi jistgħu jiġu kanalizzati permezz ta' modalitajiet differenti li jistgħu jkunu komplementari skond dak li jiffunzjona l-aħjar f'kull pajjiż. L-użu ta' l-appoġġ baġitarju għandu jsir skond il-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 61.2 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali għandhom jieħdu kont ta', u jevitaw id-dupplikazzjoni ma', miżuri u programmi eliġibbli għall-finanzjament taħt strumenti oħra tal-FEŻ jew strumenti Komunitarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-interazzjoni bejn l-istrateġiji ta' appoġġ nazzjonali, reġjonali u intra-AKP u lill-konsistenza ma' strumenti Komunitarji, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1905/2006, ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006, u r-Regolament (KE) Nru 1257/96, b'kont meħud ta' l-azzjonijiet meħuda taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (13). L-istrateġiji pluriennali ta' adattament għal pajjiżi tal-Protokoll dwar iz-Zokkor previsti fl-istrument għall-koperazzjoni għall-iżvilupp għandhom ikunu integrati fil-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi.

5.   Id-dokument ta' strateġija msemmi fil-paragrafu 4, inkluż il-programm pluriennali indikattiv tiegħu, għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3). Fl-istess waqt li jiġu trasmessi d-dokumenti ta' strateġija msemmija fil-paragrafu 1 lill-Istati Membri fil-Kumitat FEŻ, il-Kummissjoni għandha tittrasmettihom ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta għall-informazzjoni, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-proċedura deċiżjonali skond it-Titolu IV ta' dan ir-Regolament.

6.   Id-dokumenti ta' strateġija, inklużi l-programmi indikattivi pluriennali, għandhom ikunu sussegwentement adottati bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat jew reġjun AKP konċernat u għandhom, meta adottati, ikunu jorbtu kemm lill-Komunità kif ukoll lil dak l-Istat jew reġjun. Pajjiżi mingħajr dokument ta' strateġija ffirmat jibqgħu eliġibbli għal finanzjament mill-allokazzjoni għal ħtiġijiet mhux antiċipati msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

7.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) ta' dan ir-Regolament jistgħu jieħdu l-forma ta' programmi ta' appoġġ speċjali li jissostitwixxu d-dokument ta' strateġija nazzjonali f'każijiet kif dispost fl-Artikolu 4(5) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE fejn l-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali fil-pajjiż imsieħeb jiġi impedit milli jwettaq dmiru, jew jistgħu jieħdu l-forma ta' azzjonijiet finanzjati mill-allokazzjoni għal ħtiġijiet mhux previsti msemmija fl-Artikolu 3(2)b ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE f'sitwazzjonijiet kontemplati fl-Artikolu 3(4) ta' dak l-Anness fejn il-pajjiż imsieħeb ma jistax jikseb aċċess għall-fondi programmabbli normali msemmija fl-Artikolu 3(2)a ta' dak l-Anness. Dawn il-programmi u azzjonijiet ta' appoġġ speċjali finanzjati mill-allokazzjoni għal ħtiġijiet mhux antiċipati għandhom ikunu konformi mal-paragrafi preċedenti u jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 5(4)(ċ) ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Reviżjonijiet

1.   Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali kif ukoll il-programmi u l-azzjonijiet ta' appoġġ speċjali msemmija fl-Artikolu 4(7) ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu preżentati għal reviżjonijiet operattivi annwali, għal reviżjonijiet f'nofs it-term u fi tmiem it-term, fejn meħtieġ, għal reviżjonijiet ad hoc. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom jitwettqu lokalment mill-Kummisjoni u mill-pajjiż jew reġjun imsieħeb konċernat konformement ma' l-Artikolu 5 ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, u għandhom jiġu preparati abbażi tal-prinċipji ġenerali ta' koordinazzjoni, ta' appartenenza u ta' effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 2. Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali jistgħu jiġu preżentati wkoll għal reviżjonijiet ad hoc bejn reviżjonijiet annwali, f'nofs it-term u fi tmiem it-term konformement ma' l-Artikolu 3(5) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

2.   Ir-reviżjonijiet f'nofs it-term u fi tmiem it-term għandhom jikkostitwixxu parti integrali mill-proċess ta' programmazzjoni. Huma għandhom jivvalutaw id-dokument ta' strateġija, inklużi l-istrateġiji pluriennali ta' adattament għall-pajjiżi tal-Protokoll dwar iz-Zokkor u kwalunkwe programm ieħor finanzjat mill-istrumenti Komunitarji msemmija fl-Artikolu 4(4), u l-programm pluriennali indikattiv fid-dawl ta' ħtiġijiet attwali u ta' prestazzjonijiet. Ir-reviżjoni għandha tinkludi, safejn ikun possibbli, stima ta' l-impatt tal-koperazzjoni Komunitarja għall-iżvilupp fir-rigward ta' l-objettiv ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar imsemmi fl-Artikolu 1(1), tar-riżorsi allokati u ta' l-indikaturi stabbiliti fid-dokumenti ta' strateġija u valutazzjoni ta' l-aderenza ma', u l-possibbiltajiet għat-tisħiħ tal-prinċipji ta' effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 2. Wara t-tlestija ta' l-eżerċizzju ta' reviżjoni f'nofs it-term jew dak fi tmiem it-term:

(a)

id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali jistgħu jiġu aġġustati fejn ir-reviżjonijiet jindikaw problemi speċifiċi jew nuqqas ta' progress lejn il-kisba ta' l-objettivi u r-riżultati indikati, jew fid-dawl ta' ċirkostanzi mibdula, anke bħala riżultat ta' proċessi kurrenti ta' armonizzazzjoni bħad-diviżjoni tax-xogħol bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u d-donaturi possibbli oħra;

(b)

l-allokazzjoni indikattiva pluriennali nazzjonali u reġjonali tista' tiżdied jew titnaqqas fid-dawl ta' ħtiġijiet attwali u ta' prestazzjonijiet.

3.   Ir-reviżjonijiet operattivi annwali għandhom jitwettqu skond l-Artikolu 5(4) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. F'każijiet ta' ħtiġijiet ġodda jew speċjali, stabbiliti fl-Artikoli 3(5) u 9(2) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, bħal dawk li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta' wara kriżi, jew prestazzjoni eċċezzjonali meta allokazzjoni pluriennali indikattiva tkun totalment kommessa u jkun jista' jiġi assorbit finanzjament addizzjonali fi sfond ta' linji politiċi effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar u ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, allokazzjoni pluriennali indikattiva tista' tiżdied wara t-tlestija ta' l-eżerċizzju ta' reviżjoni operattiva annwali.

Ir-riżultati ġenerali tar-reviżjonijiet operattivi annwali għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat FEŻ għal skambju ta' fehmiet skond l-Artikolu 11(4) ta' dan ir-Regolament.

4.   Jistgħu isiru reviżjonijiet ad hoc fuq it-talba jew ta' l-Istat AKP konċernat jew tal-Kummissjoni, f'każijiet ta' ħtiġijiet ġodda jew speċjali jew ta' prestazzjoni eċċezzjonali kif deskritt fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikoli 72 u l-Artikolu 73 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE dwar l-għajnuna umanitarja u ta' emerġenza. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' talbiet għal reviżjonijiet ad hoc mill-Istati Membri. L-okkorrenzi ħesrem u imprevedibbli ta' diffikutajiet umanitarji, ekonomiċi u soċjali ta' natura eċċezzjonali li jirriżultaw minn diżastri naturali, kriżijiet kawżati mill-bniedem bħal gwerer u konflitti oħra, sitwazzjonijiet post-konflittwali, theddidiet għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem jew għal-libertajiet fundamentali jew ċirkustanzi straordinarji f'pajjiż jew f'reġjun li jkollhom effetti komparabbli, jistgħu jitqiesu bħala każijiet li jiġġustifikaw it-twettiq ta' reviżjoni ad hoc.

(a)

Wara t-tlestija ta' l-eżerċizzju ta' reviżjoni ad hoc, jistgħu jiġu proposti l-miżuri speċjali msemmija fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, l-allokazzjoni tal-programm pluriennali indikattiv jew tal-programm ta' azzjoni speċjali jistgħu jiżdiedu fil-limiti ta' fondi disponibbli stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim Intern. Fejn ma jkun ġie ffirmat l-ebda dokument ta' strateġija, l-appoġġ speċjali jista' jkun finanzjat mill-allokazzjoni għal ħtiġijiet mhux antiċipati msemmija fl-Artikolu 3(2)(b) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE.

(b)

Il-miżuri meħuda għandhom ikunu konsistenti u koerenti ma' u jikkomplementaw strumenti Komunitarji oħra, inkluż l-istrument għall-għajnuna umanitarja msemmi fl-Artikolu 4(4).

(ċ)

Fejn pajjiżi sħab jew gruppi ta' pajjiżi sħab ikunu direttament involuti fi, jew milquta minn, sitwazzjoni ta' kriżi jew sitwazzjoni ta' wara kriżi, għandha ssir enfasi speċjali mill-programmazzjoni pluriennali fuq it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn is-sokkors, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp sabiex jiġu assistiti jagħmlu t-transizzjoni minn sitwazzjoni ta' emerġenza għall-fażi ta' żvilupp; il-programmi għal pajjiżi u reġjuni regolarment suġġetti għal diżastri naturali għandhom jipprevedu l-preparazzjoni għal, u l-prevenzjoni ta', diżastri.

5.   F'każijiet ta' ħtiġijiet ġodda kif definiti fid-Dikjarazzjoni Konġunta VI li tirriferi għall-Artikolu 12(2) ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE dwar il-koperazzjoni intra-AKP, tista' tiġi finanzjata żieda fl-allokazzjoni programmabbli intra-AKP mir-riservi intra-AKP fil-limiti globali stabbiliti fil-punt (b) ta' l-Artikolu 2 tal-Ftehim Intern.

6.   Kwalunkwe tibdil fid-dokumenti ta' strateġija u/jew allokazzjoni ta' riżorsi li jirriżulta minn reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3). L-addenda magħmula lid-dokumenti ta' strateġija, inklużi l-programmi indikattivi pluriennali, u lill-programmi speċjali ta' appoġġ għandhom jiġu sussegwentement adottati bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat jew ir-reġjun AKP konċernat u għandhom, meta adottati, ikunu jorbtu kemm lill-Komunità kif ukoll lil dak l-Istat jew reġjun.

TITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Qafas ġenerali għall-implimentazzjoni

L-implimentazzjoni ta' l-assistenza provduta lill-pajjiżi u reġjuni AKP amministrata mill-Kummissjoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandha titwettaq skond l-Anness IV ma' dak il-Ftehim u r-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern u skond il-prinċipji ta' appartenenza u ta' effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 7

Programmi annwali ta' azzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi annwali ta' azzjoni bbażati fuq id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikolu 4.

Eċċezzjonalment, per eżempju, fejn programm ta' azzjoni jkun għadu ma ġiex adottat, il-Kummissjoni tista', abbażi tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali, tadotta miżuri li ma jkunux previsti fil-programm annwali ta' azzjoni taħt l-istess regoli u proċeduri.

2.   Il-programmi annwali ta' azzjoni għandhom jiġu preparati mill-Kummissjoni mal-pajjiż jew reġjun imsieħeb, bl-involviment ta' l-Istati Membri rappreżentati lokalment u b'koordinazzjoni, fejn xieraq, ma' donaturi oħra, notevolment f'każijiet ta' programmazzjoni konġunta, u l-BEI. Il-programmi annwali ta' azzjoni għandhom jiddeskrivu l-kuntest ġenerali u jivvalutaw l-għajnuna Komunitarja u l-lezzjonijiet akkwistati, anke fir-rigward ta' l-appoġġ baġitarju, ibbażati speċjalment fuq ir-reviżjonijiet annwali operattivi msemmija fl-Artikolu 5(3). Huma għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' intervent, l-ammont totali ta' finanzjament ippjanat u indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull operazzjoni. Huma għandhom jinkludu skedi individwali dettaljati għal kull operazzjoni prevista li għandhom jinkludu analiżi tal-kuntest speċifiku tas-settur, deskrizzjoni ta' l-azzjonijiet li jridu jiġu finanzjati, il-partijiet interessati ewlenin, ir-riżultati mistennija bbażati fuq indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi, il-proċedura ta' amministrazzjoni, skeda ta' żmien indikattiva għall-implimentazzjoni, u, fil-każ ta' appoġġ baġitarju, il-kriterji għall-infiq, anke ta' porzjonijiet varjabbli possibbli. L-objettivi għandhom ikunu speċifiċi, miżurabbli, realistiċi u b'punti ta' referenza marbuta maż-żmien, li jallinjaw ma' l-objettivi u l-punti ta' referenza tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb sal-massimu possibbli. Huma għandhom jiddikjaraw kif jieħdu kont ta' l-attivitajiet attwali jew ippjanati tal-BEI.

3.   Il-programmi annwali ta' azzjoni għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament. Kull Stat Membru jista' jitlob l-irtirar ta' proġett jew programm mill-programm annwali ta' azzjoni. Jekk din it-talba tkun appoġġata minn minoranza blokkanti ta' Stati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 8(3) b'rabta ma' l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim Intern, il-programm annwali ta' azzjoni għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni mingħajr il-proġett jew programm konċernat skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament. Sakemm il-Kummissjoni, konformement mal-fehmiet ta' l-Istati Membri fil-Kumitat FEŻ, tkun tal-ħsieb li ma tkomplix bil-proġett jew programm irtirat, dan għandu, fi stadju iżjed tard, jiġi preżentat mill-ġdid lill-Kumitat FEŻ barra mill-programm annwali ta' azzjoni kif previst fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fil-forma ta' proposta ta' finanzjament li għandha mbagħad tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament.

4.   L-emendi għal programmi annwali ta' azzjoni jew għal miżuri li ma jkunux previsti fil-programmi annwali ta' azzjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3). F'każijiet fejn l-emendi għal Programmi Annwali ta' Azzjoni jew miżuri mhux previsti f'dawn il-programmi annwali ta' azzjoni ma jaqbżux l-20 % tal-proġetti, tal-programmi jew ta' l-allokazzjoni konsolidata inizjali tagħhom, iżda ma jirrappreżentawx iżjed minn EUR 10 miljun, tali emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni sakemm ma jinċidux fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat FEŻ bi kwalunkwe emenda bħal din fi żmien xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi speċifiċi ta' azzjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3) għall-infiq ta' appoġġ imsemmi fl-Artikolu 6(2) tal-Ftehim Intern u mhux kopert mill-programmi indikattivi pluriennali. Kwalunkwe bidla fil-programmi ta' azzjoni għal infiq ta' appoġġ għandha tkun adottata skond il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

6.   L-Istati Membri rappreżentati fil-pajjiż jew reġjun, Stati Membri oħra interessati u fejn xieraq il-BEI għandhom jinżammu regolarment infurmati mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti u programmi Komunitarji. Min-naħa tagħhom, kull Stat Membru u l-BEI għandhom jinfurmaw ukoll regolarment lill-Kummissjoni fil-livell ta' pajjiż jew reġjun bl-attivitajiet ta' koperazzjoni li huma jimplimentaw jew jipprogrammaw, f'kull pajjiż jew reġjun partikolari.

7.   Skond l-Artikolu 11(4) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru jista' fi kwalunkwe mument jitlob li jiġi inkluż, fl-aġenda tal-Kumitat FEŻ, skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni relatati ma' proġett jew programm partikolari amministrat mill-Kummissjoni. Dan l-iskambju ta' fehmiet jista' jinkludi l-mod kif il-Kummissjoni tapplika l-kriterji għall-infiq fl-għoti ta' l-appoġġ baġitarju msemmi taħt il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 8

L-adozzjoni ta' miżuri speċjali

1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(4), il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' strateġija u fil-programmi indikattivi pluriennali skond l-Artikolu 2(5).

2.   Il-miżuri speċjali għandhom jispeċifikaw l-objettivi segwiti, l-oqsma ta' intervent, il-benefiċjarji mmirati, ir-riżultati mistennija, il-proċedura ta' amministrazzjoni u l-ammont totali ta' finanzjament. Dawn għandhom jinkludu deskrizzjoni ta' l-operazzjonijiet li għandhom jiġu finanzjati, indikazzjoni ta' l-ammonti allokati għal kull operazzjoni u l-iskeda ta' żmien indikattiva għall-implimentazzjoni tagħhom. Għandhom jinkludu definizzjoni tat-tip ta' indikaturi tal-prestazzjoni li jkollhom jiġu sorveljati meta jkunu implimentati l-miżuri speċjali. Dawn l-indikaturi għandhom jieħdu kont tas-sistemi ta' monitoraġġ tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb, fejn rilevanti.

3.   Fejn l-ispiża ta' dawn il-miżuri taqbeż EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tadottahom skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3). Għal miżuri speċjali taħt EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat FEŻ fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom. Skond l-Artikolu 11(4), kull Stat Membru jista' fi kwalunkwe mument jitlob li jiġi inkluż, fl-aġenda tal-Kumitat FEŻ, skambju ta' fehmiet dwar dawn l-operazzjonijiet. Dan l-iskambju ta' fehmiet jista' jwassal għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet li tagħhom il-Kummissjoni għandha tieħu kont.

4.   L-emendi għal miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu aġġustamenti tekniċi, l-estensjoni tal-perijodu ta' implimentazzjoni, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta' fondi fi ħdan il-baġit antiċipat, jew iż-żieda jew it-tnaqqis tad-daqs tal-baġit b'inqas minn 20 % tal-baġit inizjali, iżda mhux b'aktar minn EUR 10 miljun, ma jeħtiġux adozzjoni taħt il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(3), sakemm tali emendi ma jinċidux fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe aġġustament tekniku bħal dan għandu jiġi kkomunikat fi żmien xahar lill-Istati Membri.

5.   Il-miżuri speċjali għandhom ikunu suġġetti għal skambju annwali ta' fehmiet fi ħdan il-Kumitat FEŻ abbażi ta' rapport preparat mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Ko-finanzjament u kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri

1.   Il-ko finanzjament għandu jsir meta proġett jew programm ikun finanzjat minn sorsi differenti:

(a)

fil-każ ta' ko-finanzjament parallel, il-proġett jew programm jinqasam f'għadd ta' komponenti identifikabbli b'mod ċar, li kull wieħed minnhom ikun finanzjat mill-imsieħba differenti li jipprovdu ko-finanzjament b'tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament ikun jista' dejjem jiġi identifikat;

(b)

fil-każ ta' ko-finanzjament konġunt, l-ispiża totali ta' proġett jew programm tinqasam bejn l-imsieħba li jipprovdu ko-finanzjament u r-riżorsi jkunu akkomunati b'tali mod li ma jkunx aktar possibbli li jkun identifikat is-sors ta' finanzjament ta' kwalunkwe attività mwettqa bħala parti mill-proġett jew programm.

2.   Meta l-Kummissjoni tkun involuta f'arranġamenti ta' ko-finanzjament konġunt, l-arranġamenti ta' implimentazzjoni li jirregolaw tali fondi, inkluża, fejn ikun il-każ, il-ħtieġa ta' valutazzjonijiet konġunti u tal-kopertura ta' l-ispejjeż amministrattivi eventwalment possibbli magħmula mill-korp responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi akkomunati, għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehim ta' finanzjament skond ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu dettaljati fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern.

Fejn il-Kummissjoni tirċievi u tamministra fondi f'isem:

(a)

l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, u b'mod partikolari l-aġenziji pubbliċi u parastatali tagħhom;

(b)

pajjiżi donaturi oħra, u b'mod partikolari l-aġenziji pubbliċi u parastatali tagħhom;

(ċ)

organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali, u b'mod partikolari istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u reġjonali;

għall-iskop ta' l-implimentazzjoni ta' miżuri konġunti, tali fondi għandhom ikunu trattati bħala dħul assenjat, skond ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern u għandhom ikunu integrati bħala tali fil-programmi annwali ta' azzjoni. Il-viżibbiltà tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri għandha tiġi assigurata.

Fejn il-Kummissjoni tafda l-korpi msemmija fil-paragrafu preċedenti b'fondi għall-finanzjament ta' kompiti ta' awtorità pubblika, u b'mod partikolari kompiti ta' implimentazzjoni tal-FEŻ, tali ko-finanzjament għandu jkun rifless u ġustifikat kif xieraq fil-programmi annwali ta' azzjoni u l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-FEŻ għandha tiġi assigurata.

3.   Meta l-BEI jiġi nominat bħala amministratur għal arranġament ta' ko-finanzjament konġunt, l-arranġamenti ta' implimentazzjoni li jirregolaw tali fondi, inkluża, fejn xieraq, il-kopertura ta' l-ispejjeż amministrattivi tal-BEI, għandhom jiġu elaborati konformement ma' l-istatuti u r-regolamenti interni tal-BEI.

4.   Fuq l-inizjattiva tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni jew lill-BEI b'kontribuzzjonijiet volontarji skond l-Artikolu 1(9) tal-Ftehim Intern sabiex jgħinu fil-kisba ta' l-objettivi tal-Ftehim ta' l-ACP-KE barra minn arranġamenti ta' ko-finanzjament konġunt. Tali kontribuzzjonijiet m'għandhomx jinċidu fuq l-allokazzjoni ġenerali ta' fondi taħt l-10 FEŻ u l-assenjazzjoni għandha ssir biss f'ċirkostanzi debitament ġustifikati, per eżempju f'rispons għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 5(4). Il-fondi addizzjonali għandhom jiġu integrati fil-proċess ta' programmazzjoni u reviżjoni u fil-programmi annwali ta' azzjoni msemmija f'dan ir-Regolament u għandhom jirriflettu l-appartenenza tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb. Il-kontribuzzjonijiet volontarji fdati lill-Kummisjoni għandhom jiġu ttrattati bħala dħul assenjat skond ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern. Huma għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal kontribuzzjonijiet regolari ta' l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern ħlief għad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim Intern li għalihom jistgħu jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi fi ftehim bilaterali ta' kontribuzjoni.

5.   L-Istati Membri li jafdaw lill-Kummissjoni jew lill-BEI b'kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali sabiex jgħinu fil-kisba ta' l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kumitat FEŻ bil-quddiem dwar dawn il-kontribuzzjonijiet. Kwalunkwe assenjazzjoni għandha tkun debitament ġustifikata u kwalunkwe bidla li tirriżulta fil-programmi annwali ta' azzjoni jew fid-dokumenti ta' strateġija għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 10

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiż jew reġjun terz

Sabiex ikunu assigurati l-koerenza u l-effikaċja ta' l-assistenza Komunitarja, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li pajjiżi non-AKP li jkunu qegħdin jiżviluppaw u korpi ta' integrazzjoni reġjonali b'parteċipazzjoni fl-AKP li jippromwovu l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali eliġibbli għall-Assistenza Komunitarja taħt ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, taħt ir-Regolament KE Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (14), il-PTE eliġibbli għal assistenza Komunitarja taħt id-Deċiżjoni 2001/822/KE, u r-reġjuni l-aktar periferiċi tal-Komunità ikunu eliġibbli għall-fondi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a)(i) tal-Ftehim Intern, fejn il-proġett jew il-programm konċernat ikun ta' natura reġjonali jew transkonfinali u jikkonforma ma' l-Artikolu 6 ta' l-Anness IV mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Jista' jsir provvediment għal dan il-finanzjament fid-dokumenti ta' strateġija u fil-programmi indikattivi pluriennali u fil-miżuri speċjali msemmija fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu integrati fil-programmi annwali ta' azzjoni.

TITOLU IV

PROĊEDURI TA' TEĦID TA' DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 11

Responsabbiltajiet tal-Kumitat FEŻ

1.   Il-Kumitat FEŻ, stabbilit skond l-Artikolu 8 tal-Ftehim Intern għandu jagħti l-opinjoni tiegħu, skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3, dwar il-kwistjonijiet sostantivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fil-livell ta' pajjiż, fil-livell reġjonali u fil-livell intra-AKP finanzjati mill-10 FEŻ u riżorsi Komunitarji oħra msemmija fl-Artikolu 4(3).

2.   Il-kompiti tal-Kumitat FEŻ għandhom ikopru r-responsabbiltajiet disposti fit-Titoli II u III ta' dan ir-Regolament:

(a)

programmazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja taħt l-10 FEŻ u reviżjonijiet ta' programmazzjoni li jiffokaw b'mod partikolari fuq strateġiji ta' pajjiżi, reġjonali u intra-AKP; u

(b)

monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna Komunitarja, li tkopri fost l-oħrajn l-impatt ta' l-assistenza fuq it-tnaqqis tal-faqar, aspetti settorali, kwistjonijiet trasversali, il-funzjonament tal-koordinazzjoni fil-post ma' l-Istati Membri u donaturi oħra u progress dwar il-prinċipji ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1.

3.   Meta l-Kumitat FEŻ jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta lill-Kumitat FEŻ, fil-limiti ta' żmien stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat FEŻ imsemmija fl-Artikolu 8(5) tal-Ftehim Intern, abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat FEŻ għandu jagħti l-fehma tiegħu fi żmien limitat li jista' jiġi stabbilit mill-president skond l-urġenza tal-kwistjoni iżda li m'għandux jaqbeż it-30 ġurnata. Il-BEI għandu jieħu sehem fl-iskambju ta' fehmiet. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza kwalifikata stabbilita fl-Artikolu 8(3) tal-Ftehim Intern abbażi tal-voti ta' l-Istati Membri ppeżati bil-mod stabbilit fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim Intern.

Meta l-Kumitat FEŻ ikun ippreżenta l-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux konformi mal-fehma tal-Kumitat FEŻ, huma għandhom ikunu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri għal perijodu li għandu, fi prinċipju, ma jaqbiżx it-30 ġurnata mid-data ta' tali komunikazzjoni iżda li jista' jiġi estiż għal perijodu ta' mhux iżjed minn 30 ġurnata f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi bl-istess maġġoranza kwalifikata bħall-Kumitat FEŻ, jista' jieħu deċiżjoni differenti f'dan il-perijodu.

4.   Il-Kumitat FEŻ għandu jkollu skambju ta' fehmiet dwar il-konklużjonijiet ġenerali tar-reviżjonijiet annwali operattivi u tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 14(3). Kull Stat Membru jista' jsejjaħ ukoll għal skambju ta' fehmiet dwar il-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3).

Kull Stat Membru jista' jistieden lill-Kummissjoni fi kwalunkwe mument sabiex tipprovdi lill-Kumitat FEŻ b'informazzjoni u sabiex ikollha skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-kompiti deskritti taħt il-paragrafu 2.

Tali skambji ta' fehmiet jistgħu jwasslu għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, li tagħhom il-Kummissjoni għandha tieħu kont.

5.   Abbażi tal-konklużjonijiet tar-reviżjonijiet preparati mill-Kummissjoni, il-Kumitat FEŻ għandu jeżamina wkoll il-konsistenza u l-komplementarjetà bejn l-għajnuna tal-Komunità u l-għajnuna mill-Istati Membri u fejn xieraq donaturi oħra f'konformità ma' l-Artikoli 1 u 2.

Artikolu 12

Il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

Konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2006 sabiex tiġi finanzjata l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika mill-10 FEŻ għal perijodu ta' tliet snin bi EUR 300 miljun, il-programm indikattiv intra-AKP għandu jassenja l-finanzjament għall-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika. Għandha tapplika proċedura speċifika ta' amministrazzjoni, kif ġej:

(a)

fuq talba mill-Unjoni Afrikana, approvata mill-Kumitat ta' Ambaxxaturi AKP-KE, għandu jiġi preparat programm ta' azzjoni mill-Kummissjoni li jkopri l-perijodu 2008-2010. Dan il-programm ta' azzjoni għandu forst l-oħrajn jispeċifika l-objettivi segwiti, l-iskop u n-natura ta' l-interventi possibbli, l-arranġamenti ta' implimentazzjoni, u format miftiehem għal dokumenti bażilari u talbiet u għar-rappurtar. Anness mal-programm ta' azzjoni għandu jiddeskrivi l-proċeduri deċiżjonali speċfiċi għal kull intervent possibbli skond in-natura, il-kobor u l-urġenza tiegħu;

(b)

dan il-programm ta' azzjoni, inkluż l-anness imsemmi fil-punt (a), u kwalunkwe bidliet fih għandhom jiġu diskussi mill-gruppi ta' ħidma preparatorji rilevanti tal-Kunsill u mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u approvati mill-COREPER b'maġġoranza kwalifikata kif definit fl-Artikolu 8(3) tal-Ftehim Intern qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' amministrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament;

(ċ)

il-programm ta' azzjoni, eskluż l-anness imsemmi fil-punt (a), għandu jkun il-bażi għall-ftehim ta' finanzjament li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Unjoni Afrikana;

(d)

kull intervent li jrid jiġi implimentat taħt il-ftehim ta' finanzjament għandu jkun suġġett għal approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà; il-gruppi ta' ħidma preparatorji rilevanti tal-Kunsill għandhom ikunu infurmati jew konsultati fiż-żmien debitu qabel il-preżentazzjoni tagħhom lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà skond il-proċeduri deċiżjonali speċifiċi msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat li, apparti d-dimensjoni militari u ta' sigurtà, jittieħed kont ta' l-aspetti relatati ma' l-iżvilupp tal-miżuri previsti. Għandha hawnhekk tingħata attenzjoni speċjali lil attivitajiet rikonoxxuti bħala AUŻ;

(e)

il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport ta' attività dwar l-użu tal-fondi għall-informazzjoni tal-Kunsill u tal-Kumitat FEŻ fuq bażi annwali u fuq it-talba tal-Kunsill jew tal-Kumitat FEŻ, fejn issir distinzjoni bejn impenji u pagamenti relatati ma' l-AUŻ u oħrajn li mhumiex;

(f)

għandha titwettaq valutazzjoni fl-2010 li tirrivedi l-proċeduri tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika kif ukoll il-possibbiltajiet ta' sorsi alternattivi futuri ta' finanzjament, inkluż il-finanzjament tal-politika estera u ta' sigurtà komuni.

Artikolu 13

Il-Kumitat FI

1.   Il-Kumitat FI stabbilit taħt l-awspiċji tal-BEI skond l-Artikolu 9 tal-Ftehim Intern għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Kull Gvern għandu jinnomina rappreżentant wieħed u supplenti indikat wieħed. Il-Kummissjoni għandha taġixxi bl-istess mod għar-rappreżentant tagħha. Bil-ħsieb li tinżamm il-kontinwità, il-President tal-Kumitat FI għandu jkun elett minn, u minn fost il-membri tal-Kumitat FI, għal perijodu ta' sentejn. Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kumitat bis-servizzi segretarjali u ta' appoġġ. Dawk il-membri biss tal-Kumitat FI li huma nnominati mill-Istati Membri, jew is-supplenti tagħhom, għandhom jivvotaw.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq bażi unanima, għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tal-Kumitat FI abbażi ta' proposta mfassla mill-BEI wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Il-Kumitat FI għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. L-ippeżar tal-voti għandu jkun kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Ftehim Intern.

Il-Kumitat FI għandu jiltaqa' mill-anqas erba' darbiet fis-sena. Jistgħu jissejħu laqgħat addizzjonali fuq it-talba tal-BEI jew tal-membri tal-Kumitat kif stabbilit fir-regoli tal-proċedura. Addizzjonalment, il-Kumitat FI jista' jagħti opinjoni bi proċedura bil-miktub, fit-termini stabbiliti mir-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

2.   Il-Kumitat FI għandu japprova:

(a)

linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Investiment, il-qafas ta' l-istima ta' l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp u proposti għar-reviżjoni tagħhom.

(b)

l-istrateġiji ta' l-investiment u l-pjanijiet ta' attività tal-Faċilità ta' Investiment, inklużi l-indikaturi ta' prestazzjoni, abbażi ta' l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u tal-prinċipji ġenerali tal-politika Komunitarja għall-iżvilupp;

(ċ)

ir-rapporti annwali tal-Faċilità ta' Investiment;

(d)

kwalunkwe dokument ta' politika ġenerali, inklużi rapporti ta' valutazzjoni, li jirrigwardaw il-Faċilità ta' Investiment.

3.   Barra minn hekk, il-Kumitat FI għandu jagħti opinjoni dwar:

(a)

proposti sabiex jingħata sussidju fuq l-imgħax taħt l-Artikolu 2(7), u l-Artikolu 4(2), ta' l-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. F'każijiet bħal dawn, il-Kumitat FI għandu wkoll jagħti opinjoni dwar l-użu ta' tali sussidju fuq l-imgħax. Sabiex jiġi razzjonalizzat il-proċess ta' approvazzjoni għal operazzjonijiet żgħar, il-Kumitat FI jista' jagħti l-opinjoni favorevoli tiegħu għal proposti mill-BEI għal allokazzjoni globali għal sussidji fuq l-imgħax li sussegwentement, mingħajr opinjoni ulterjuri mill-Kumitat FI u/jew il-Kummissjoni, għandha tiġi sub-allokata mill-BEI għal proġetti individwali skond il-kriterji stabbiliti fl-allokazzjoni globali, inkluża s-sub allokazzjoni massima ta' sussidju fuq l-imgħax għal kull proġett;

(b)

proposti għal investiment FI għal kwalunkwe proġett li dwaru l-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva;

(ċ)

proposti oħrajn marbuta mal-Faċilità ta' Investiment, ibbażati fuq il-prinċipji ġenerali definiti fil-linji gwida operattivi.

Addizzjonalment, il-korpi regolatorji tal-BEI jistgħu, minn żmien għal żmien, jitolbu li l-Kumitat FI jipprovdi opinjoni dwar il-proposti kollha ta' finanzjament, jew dwar ċerti kategoriji ta' proposti ta' finanzjament.

4.   Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-BEI li jippreżenta lill-Kumitat FI fi żmien debitu kwalunkwe kwistjoni li tirrikjedi l-approvazzjoni jew l-opinjoni tal-Kumitat FI, kif previst fil-paragrafi 1, 2 u 3. Kwalunkwe proposta preżentata lill-Kumitat għal opinjoni għandha ssir skond il-kriterji u l-prinċipji rilevanti stabbiliti fil-linji gwida operattivi.

5.   Il-BEI għandu jikkopera mill-qrib mal-Kummissjoni u, fejn applikabbli, għandu jikkoordina l-operazzjonijiet tiegħu ma' donaturi oħra. B'mod partikolari:

(a)

Il-BEI għandu jipprepara u jirrivedi, b'mod konġunt mal-Kummissjoni, il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Investiment imsemmija fil-paragrafu 2(a). Il-BEI għandu jinżamm responsabbli għall-konformità mal-linji gwida u għandu jiżgura li l-proġetti li hu jappoġġa jirrispettaw standards soċjali u ambjentali internazzjonali u jkunu koerenti ma' l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u tal-prinċipji ġenerali tal-politika Komunitarja għall-iżvilupp u ma' l-istrateġiji rilevanti ta' koperazzjoni tal-pajjiżi u tar-reġjuni;

(b)

il-BEI għandu jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni minn qabel dwar strateġiji ta' investiment, pjanijiet ta' attività u dokumenti ġenerali ta' politika;

(ċ)

il-BEI għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-proġetti li hu jamministra skond l-Artikolu 14(2) u jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni fil-fażi ta' valutazzjoni ta' proġett dwar il-konformità ta' proġetti ma' l-istrateġija rilevanti ta' koperazjoni tal-pajjiż jew tar-reġjun, skond kif ikun il-każ, ma' l-objettivi ġenerali tal-Faċilità ta' Investiment;

(d)

bl-eċċezzjoni ta' sussidji fuq l-imgħax li jaqgħu fi ħdan l-allokazzjoni globali msemmija taħt il-paragrafu 3(a), il-BEI għandu jitlob ukoll il-qbil tal-Kummissjoni fil-fażi ta' valutazzjoni ta' proġett dwar kwalunkwe proposta mressqa lill-Kumitat FI għal sussidju fuq l-imgħax, dwar il-konformità tagħha ma' l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 4(2) ta' l-Anness II mal-Ftehim tal-AKP-KE, u mal-kriterji definiti fil-linji gwida operattivi tal-Faċilità ta' Investiment.

Il-Kummissjoni għandha tkun meqjusa bħala li tkun tat opinjoni favorevoli dwar, jew li tkun qablet ma' proposta, sakemm hija ma tinnotifikax opinjoni negattiva dwar tali proposta, fi żmien ġimgħatejn minn wara l-preżentazzjoni tal-proposta. Fir-rigward ta' opinjonijiet għal proġetti tas-settur finanzjarju jew pubbliku kif ukoll tal-qbil dwar sussidji fir-rati ta' l-imgħax, il-Kummissjoni tista' titlob li titressaq il-proposta tal-proġett finali għall-opinjoni jew approvazzjoni tagħha ġimgħatejn qabel ma din tintbagħat lill-Kumitat FI.

6.   Il-BEI m'għandux jipproċedi bl-ebda waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 sakemm il-Kumitat FI ma jkunx ippreżenta opinjoni favorevoli.

Wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat FI, il-BEI għandu jiddeċiedi fuq il-proposta skond il-proċeduri tiegħu stess. B'mod partikolari huwa jista' jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-proposta. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn huwa jiddeċiedi li ma jipproċedix.

Għal self mir-riżorsi tiegħu stess u għal investimenti FI li dwarhom l-ebda opinjoni mill-Kumitat FI ma hija meħtieġa, il-BEI għandu jiddeċiedi dwar il-proposta skond il-proċeduri tiegħu stess u, fil-każ tal-Faċilità ta' Investiment, skond il-linji gwida u l-istrateġiji ta' investiment approvati mill-Kumitat FI.

Minkejja opinjoni negattiva tal-Kumitat FI dwar proposta għall-għoti ta' sussidju fuq l-imgħax, il-BEI jista' jipproċedi bis-self in kwistjoni mingħajr il-benefiċċju tas-sussidju fuq l-imgħax. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lill-Kummissjoni f'kull okkażjoni li fiha huwa jiddeċiedi li jipproċedi b'dan il-mod.

Il-BEI jista, suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida operattivi, u għall-kondizzjoni li ma jinbidilx l-objettiv essenzali tas-self jew ta' l-investiment mill-Faċilità ta' Investiment in kwistjoni, jiddeċiedi li jimmodifika t-termini tas-self jew ta' l-investiment mill-Faċilità ta' Investiment li dwarhom il-Kumitat FI ikun ippreżenta opinjoni favorevoli taħt il-paragrafu 2 jew ta' kwalunkwe self li dwaru il-Kumitat FI ikun ippreżenta opinjoni favoreveoli rigward is-sussidji fuq l-imgħax. Partikolarment, il-BEI jista' jiddeċiedi li jżid l-ammont tas-self jew ta' l-investiment mill-Faċilità ta' Investiment sa 20 %.

Tali żieda tista', għal proġetti bis-sussidji fuq l-imgħax imsemmija fl-Artikolu 2(7) ta' l-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, tirriżulta f'żieda proporzjonali fil-valur tas-sussidju fuq l-imgħax. Il-BEI għandu perjodikament jinforma lill-Kumitat FI u lil-Kummissjoni f'kull okkażjoni fejn huwa hekk jiddeċiedi li jipproċedi. Għal proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(7) ta' l-Anness II tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, jekk żieda fil-valur tas-sussidju tkun mitluba, il-Kumitat FI għandu jkun mitlub jagħti opinjoni qabel ma' l-BEI jipproċedi.

7.   Il-BEI għandu jamministra l-Investimenti mill-Faċilità ta' Investiment u l-fondi kollha miżmuma f'isem l-imsemmija Faċilità ta' Investiment konformement ma' l-objettivi tal-Ftehim. Huwa jista', b'mod partikolari, jieħu sehem fil-korpi amministrattivi u ta' superviżjoni ta' persuni ġuridiċi li fihom il-Faċilità ta' Investiment tkun investiet, u jista' jittransiġi, jagħti rilaxx u jimmodifika d-drittijiet miżmuma f'isem il-Faċilità ta' Investiment skond il-linji gwida operattivi.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Rekwiżiti ta' monitoraġġ u ta' rappurtar dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' l-assistenza tal-FEŻ

1.   Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jimmonitorjaw, kull wieħed sal-punt sa fejn jikkonċerna lilu, l-użu ta' assistenza tal-FEŻ mir-riċevituri tagħha.

2.   Il-BEI għandu jinforma perjodikament lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' proġetti u programmi finanzjati mir-riżorsi ta' l-10 FEŻ li huwa jamministra, billi jsegwi l-proċeduri stabbiliti fil-linji gwida operattivi tal-Faċilità ta' Investiment.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' l-10 FEŻ u għandha tressaq lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati u, sa fejn ikun possibbli, ir-riżultati u l-impatti ewlenin ta' l-assistenza. Dan ir-rapport għandu jintbagħat ukoll lill-Kumitat FEŻ għal skambju ta' fehmiet, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni.

Huwa għandu jkun fih informazzjoni relatata mas-sena ta' qabel dwar il-miżuri finanzjati, ir-riżultati ta' eżerċizzji ta' monitoraġġ u valutazzjoni, l-involviment u l-armonizzazzjoni ta' l-imsieħba, inklużi l-implimentazzjoni permezz ta' koperazzjoni delegata kif definit fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2) tal-Ftehim Intern u l-implimentazzjoni ta' impenji u pagamenti, maqsuma skond il-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi ta' koperazzjoni.

Huwa għandu jivvaluta r-riżultati ta' l-assistenza fuq l-eliminazzjoni tal-faqar, filwaqt li juża sa fejn ikun possibbli indikaturi speċifiċi u miżurabbli tar-rwol tagħha fil-kisba ta' l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Tali indikaturi għandhom ikunu allinjati ma' sistemi ta' monitoraġġ tal-pajjiż jew reġjun imsieħeb u indikaturi kondiviżi bejn il-komunità tad-donaturi u l-pajjiż jew reġjun imsieħeb għall-monitoraġġ ta' l-istrateġija għall-iżvilupp tagħhom.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil progress magħmul lejn il-kisba ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Ir-rapporti għandhom jindirizzaw ukoll il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' koordinazzjoni, appartenenza u effikaċja ta' l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u jkopru l-miżuri ta' akkumpanjament tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika.

4.   Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kumitat FI b'informazzjoni fir-rigward tal-progress lejn l-objettivi tal-Faċilità ta' Investiment. B'segwitu għall-Artikolu 6b ta' l-Anness II mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, il-prestazzjoni globali tal-Faċilità ta' Investiment għandha tkun suġġetta għal reviżjoni konġunta f'nofs it-term u fi tmiem it-term ta' l-10 FEŻ. Ir-reviżjoni ta' nofs it-term għandha titwettaq minn esperti esterni indipendenti, f'koperazzjoni mal-BEI u għandha ssir disponibbli lill-Kumitat FI.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill fl-2010 bi proposta għal reviżjoni globali tal-prestazzjoni li titwettaq ma' l-Istati AKP abbażi tal-paragrafu 7 ta' l-Anness Ib mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Din ir-reviżjoni għandha tivvaluta l-prestazzjoni finanzjarja, u b'mod partikolari l-grad ta' realizzazzjoni ta' l-impenji u l-pagamenti kif ukoll tal-prestazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, u b'mod partikolari r-riżultati u l-impatt, imkejla f'termini ta' progress lejn il-kisba ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Ir-reviżjoni għandha tesplora wkoll il-possibbiltajiet għal u tirrakkomanda kif jista' jittejjeb l-allinjament ta' l-appoġġ Komunitarju futur għall-AKP ma' strateġiji eżistenti ta' pajjiżi jew reġjuni sħab, ċikli programmatiċi u baġitarji, u iżjed armonizzazzjoni fost id-donaturi.

Artikolu 15

Valutazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jivvalutaw regolarment ir-riżultati ta' l-implimentazzjoni ta' linji politiċi u programmi ġeografiċi u tematiċi u ta' linji politiċi settorali u l-effikaċja tal-programmazzjoni dwar l-eliminazzjoni tal-faqar, fejn hu xieraq permezz ta' valutazzjonijiet esterni indipendenti, sabiex jiġi aċċertat jekk l-objettivi nkisbux u sabiex tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu mtejba operazzjonijiet futuri. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex tiġi assigurata l-koerenza tal-politika Komunitarja ta' l-iżvilupp u tal-progress lejn il-kisba ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

2.   Dawn l-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu f'assoċjazzjoni mal-pajjiż jew reġjun imsieħeb u f'koordinazzjoni ma' l-Istati Membri rappreżentati lokalment. Sejrin ikunu involuti Stati Membri interessati oħra u, fejn ikun rilevanti, anke donaturi oħra. Il-Kummissjoni għandha taġixxi sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet għall-effikaċja ta' l-għajnuna fir-rigward tal-valutazzjonijiet konġunti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti tagħha ta' valutazzjoni tal-pajjiżi u tar-reġjuni lill-Kunsill, lill-Kumitat FEŻ u lill-BEI għall-finijiet ta' informazzjoni. Skond l-Artikolu 11(4), l-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe mument jitolbu diskussjoni ta' valutazzjonijiet speċifiċi fil-Kumitat FEŻ. Ir-riżultati għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-programmi u fl-allokazzjoni tar-riżorsi, fil-koordinazzjoni ta' donaturi u fir-rigward ta' l-effikaċja ta' l-għajnuna.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi l-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi atturi mhux Statali, fil-fażi ta' valutazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja provduta.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika għall-istess perijodu bħall-Ftehim Intern.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 14 ta' Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(3)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(4)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22.

(5)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Volum 38, p. 319. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).

(6)  ĠU L 348, 21.12.2002, p. 82.

(7)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(9)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 156, 18.6.2005, p. 19.

(11)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 30.

(12)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(13)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

(14)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.


III Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 152/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/384/PESK

ta' l-14 ta' Mejju 2007

li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena)

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 13(3) u 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat-23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu biex tamministra l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (1) ġiet sostanzjalment emendata diversi drabi (2). Fl-interessi taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, huwa kunsiljabbli li d-Deċiżjoni msemmija tiġi kodifikata.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Helsinki fl-10 u l-11 ta' Diċembru 1999, ftiehem b'mod partikolari li, waqt li jikkoperaw volontarjament f'operazzjonijiet immexxija mill-UE, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu sa l-2003 jiskjeraw fi żmien 60 jum, u jmantnu għal ta' l-inqas sena, forzi militari minn 50 000 sa 60 000 persuna, kapaċi għall-firxa sħiħa tal-kompiti ta' Petersberg.

(3)

Fis-17 ta' Ġunju 2002, il-Kunsill approva d-Dokument 10155/02 dwar il-finanzjament ta' operazzjonijiet immexxija mill-UE ta' l-immaniġġar ta' kriżijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(4)

Il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' l-14 ta' Mejju 2003 kkonferma l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida, b'mod partikolari għal kompiti umanitarji u ta' salvataġġ.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, li ltaqa' f'Tessaloniki fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, laqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill fid-19 ta' Mejju 2003, fejn b'mod partikolari ġiet ikkonfermata l-ħtieġa ta' kapaċità ta' reazzjoni rapida militari ta' l-Unjoni Ewropea.

(6)

Fit-22 ta' Settembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li l-Unjoni Ewropea għandha takkwista l-kapaċità flessibbli sabiex tamministra l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet militari ta' kwalunkwe skala, komplessità jew urġenza, b'mod partikolari bl-istabbiliment, sa l-1 ta' Marzu 2004, ta' mekkaniżmu ta' finanzjament permanenti sabiex jassumi l-inkarigu tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' kwalunkwe operazzjoni militari futura ta' l-Unjoni.

(7)

Il-Kumitat Militari ta' l-UE ddefinixxa fid-dettall il-kunċett ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE fir-Rapport tiegħu tat-3 ta' Marzu 2004. Huwa ddefinixxa ulterjorment il-kunċett ta' Gruppi ta' Battalja ta' l-UE fl-14 ta' Ġunju 2004.

(8)

Il-Kunsill Ewropew fis-17 ta' Ġunju 2004 approva Rapport dwar il-PESD li ssottolinja li l-ħidma fuq il-kapaċitajiet ta' Risposta Rapida ta' l-UE għandha titmexxa 'l quddiem bil-ħsieb ta' kapaċità operattiva inizjali sal-bidu ta' l-2005.

(9)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, il-finanzjament bikri ta' operazzjonijiet militari ta' l-UE għandu jiġi mtejjeb, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-operazzjonijiet ta' Risposta Rapida. L-iskema l-ġdida għall-finanzjament bikri hija għaldaqstant maħsuba l-ewwelnett għall-operazzjonijiet ta' Risposta Rapida; taħt ċirkostanzi speċifiċi, tista' madankollu tiġi użata kontribuzzjoni mħallsa minn qabel għall-finanzjament bikri ta' operazzjoni regolari, b'mod partikolari waħda b' dewmien qasir bejn l-adozzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta sabiex tittieħed azzjoni u d-deċiżjoni li tiġi varata l-operazzjoni.

(10)

Il-Kunsill jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ jekk operazzjoni għandhiex implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, fis-sens ta' l-Artikolu 28(3) tat-Trattat.

(11)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi fl-Artikolu 28(3) tiegħu li l-Istati Membri, li r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill ikunu għamlu dikjarazzjoni formali skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artiklu 23(1) tiegħu, ma għandhomx ikunu obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni konċernata li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.

(12)

Konformement ma' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża, u d-Danimarka ma tipparteċipax fil-finanzjament tal-mekkaniżmu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“Stati Membri parteċipanti” għandha tfisser l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, ħlief id-Danimarka;

(b)

“Stati kontribwenti” għandha tfisser l-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-operazzjoni militari in kwistjoni skond l-Artikolu 28(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' din l-operazzjoni skond il-ftehim bejniethom u l-Unjoni Ewropea;

(ċ)

“operazzjonijiet” għandha tfisser l-operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża;

(d)

“azzjonijiet militari ta' appoġġ” għandha tfisser l-operazzjonijiet ta' l-UE, jew partijiet minnhom, deċiżi mill-Kunsill b'appoġġ għal Stat terz jew organizzazzjoni terza, li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, iżda li ma jkunux taħt l-awtorità tal-Kwartieri Ġenerali ta' l-UE.

KAPITOLU 1

MEKKANIŻMU

Artikolu 2

Stabbiliment tal-mekkaniżmu

1.   Huwa b'dan stabbilit mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet.

2.   Il-mekkaniżmu għandu jissejjaħ Athena.

3.   Athena għandha taġixxi f'isem l-Istati Membri parteċipanti jew, fir-rigward ta' l-operazzjonijiet speċifiċi, l-Istati kontribwenti kif definit fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Kapaċità legali

Bil-ħsieb tat-tmexxija amministrattiva tal-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża Athena għandha jkollha l-kapaċità legali meħtieġa, b'mod partikolari, sabiex iżżomm kont bankarju, takkwista, iżżomm jew tiddisponi minn proprjetà, tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi u tkun parti minn proċedimenti legali. Athena m'għandhiex ikollha skop ta' profitt.

Artikolu 4

Koordinazzjoni ma' partijiet terzi

Sa fejn ikun meħtieġ sabiex twettaq il-kompiti tagħha, u konformement ma' l-objettivi u l-linji politiċi ta' l-Unjoni Ewropea, Athena għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' l-Istati Membri, ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

KAPITOLU 2

STRUTTURA ORGANIZZATIVA

Artikolu 5

Korpi amministrattivi u persunal

1.   Athena għandha tkun amministrata, taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali minn:

(a)

l-amministratur;

(b)

il-kmandant ta' kull operazzjoni, fir-rigward ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“kmandant ta' l-operazzjoni”);

(ċ)

l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

2.   Athena għandha tuża l-istrutturi amministrattivi eżistenti ta' l-Unjoni Ewropea sa fejn ikun l-aktar possibbli. Athena għandha tirrikorri għall-persunal li jkun sar disponibbli kif meħtieġ mill-istituzzjonijiet ta' l-UE jew li jkun sekondat mill-Istati Membri.

3.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill jista' jipprovdi l-persunal meħtieġ lill-amministratur jew lill-uffiċjal tal-kontabbiltà sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, li jistgħu jkunu abbażi ta' proposta minn Stat Membru parteċipant.

4.   Il-korpi u l-persunal ta' Athena għandhom ikunu attivati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet operattivi.

Artikolu 6

Il-Kumitat Speċjali

1.   Huwa b'dan stabbilit Kumitat Speċjali magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipanti (Kumitat Speċjali). Il-Kummissjoni għandha tattendi l-laqgħat tal-Kumitat Speċjali mingħajr ma tieħu sehem fil-voti tiegħu.

2.   Athena għandha tkun amministrata taħt l-awtorità tal-Kumitat Speċjali.

3.   Meta l-Kumitat Speċjali jkun qiegħed jiddiskuti l-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjoni partikolari:

(a)

il-Kumitat Speċjali għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru kontribwenti;

(b)

ir-rappreżentanti ta' l-Istati terzi kontribwenti għandhom jipparteċipaw fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali. Huma la għandhom jieħdu sehem u lanqas ikunu preżenti fil-voti tiegħu;

(ċ)

il-kmandant ta' l-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

4.   Il-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandha ssejjaħ u tippresiedi l-laqgħat tal-Kumitat Speċjali. L-amministratur għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Kumitat Speċjali. Hu għandu jfassal il-minuti tar-riżultat tad-diskussjonijiet tal-Kumitat. Hu ma għandux jieħu sehem fil-voti tiegħu.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jipparteċipa kif meħtieġ fil-proċedimenti tal-Kumitat Speċjali, mingħajr ma jieħu sehem fil-voti tiegħu.

6.   Jekk Stat Membru parteċipant, l-amministratur jew il-kmandant ta' l-operazzjoni jitlob hekk, il-Presidenza għandha ssejjaħ lill-Kumitat Speċjali fi żmien mhux aktar minn 15-il jum.

7.   L-amministratur għandu jinforma kif dovut lill-Kumitat Speċjali dwar kwalunkwe pretensjoni jew argument indirizzati lill-Athena.

8.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi b'mod unanimu bejn il-membri tiegħu, b'kont meħud tal-kompożizzjoni tiegħu kif definit fil-paragrafi 1 u 3. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

9.   Il-Kumitat Speċjali japprova l-baġits kollha, b'kont meħud ta' l-ammonti rilevanti ta' referenza, u ġeneralment jeżerċita l-kompetenzi previsti mill-Artikoli 20, 21, 22, 23, 26, 27, 29, 31, 33, 34, 38, 39, 40 u 41.

10.   Il-Kumitat Speċjali għandu jkun informat mill-amministratur, il-kmandant ta' l-operazzjoni u l-uffiċjal tal-kontabbiltà kif previst fid-Deċiżjoni preżenti.

11.   It-test ta' l-atti approvati mill-Kumitat Speċjail skond l-Artikoli 20, 21, 22, 23, 24, 26, 29, 31, 33, 34, 39, 40 u 41 għandu jkun iffirmat mill-president tal-Kumitat Speċjali fil-ħin ta' l-approvazzjoni tagħhom u mill-amministratur.

Artikolu 7

L-amministratur

1.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, wara li jkun informa lill-Kumitat Speċjali, għandu jaħtar lill-amministratur u mill-inqas deputat amministratur wieħed għal perijodu ta' tliet snin.

2.   L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena.

3.   L-amministratur:

(a)

għandu jfassal u jippreżenta kull abbozz ta' baġit lill-Kumitat Speċjali. It-taqsima għan-nefqa għal operazzjoni fi kwalunkwe abbozz ta' baġit għandha titfassal abbażi ta' proposta mill-kmandant ta' l-operazzjoni;

(b)

għandu jadotta l-baġits wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kumitat Speċjali;

(ċ)

għandu jkun l-uffiċjal awtorizzanti għad-dħul, għall-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet u spejjeż komuni operattivi li jkunu saru barra mill-fażi attiva ta' l-operazzjoni;

(d)

għandu, rigward id-dħul, jimplimenta l-arranġamenti finanzjarji magħmula ma' partijiet terzi fir-rigward tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjonijiet militari ta' l-Unjoni.

4.   L-amministratur għandu jiżgura li jkun hemm konformità mar-regoli stabbiliti bid-Deċiżjoni preżenti, u li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Speċjali jkunu applikati.

5.   L-amministratur għandu jkun awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa finanzjata permezz ta' Athena. Hu għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali b'dan.

6.   L-amministratur għandu jikkoordina l-ħidma dwar kwistjonijiet finanzjarji relatati ma' l-operazzjonijiet militari ta' l-Unjoni. Hu għandu jkun il-punt ta' kuntatt ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u, skond il-każ, ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali dawn dawn il-materji.

7.   L-amministratur għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat Speċjali.

Artikolu 8

Il-kmandant ta' l-operazzjoni

1.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena fir-rigward tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda.

2.   Għall-operazzjoni li hu jikkmanda, il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu:

(a)

jibgħat lill-amministratur il-proposti tiegħu għat-taqsima tan-“nefqa — spejjeż komuni operattivi” ta' l-abbozz ta' baġits;

(b)

bħala uffiċjal awtorizzanti, jimplimenta l-approprjazzjonijiet fir-rigward ta' l-ispejjeż komuni operattivi; hu għandu jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq kwalunkwe persuna li tkun qed tipparteċipa fl-implimentazzjoni ta' dawk l-approprjazzjonijiet, inkluż il-finanzjament minn qabel; hu jista' jagħti kuntratti u jidħol f'kuntratti f'isem Athena; hu għandu jiftaħ kont bankarju f'isem Athena għall-operazzjoni li hu jikkmanda.

3.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jkun awtorizzat li jadotta kwalunkwe miżura li hu jqis meħtieġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa finanzjata permezz ta' Athena, għall-operazzjoni li hu jikkmanda. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

Artikolu 9

L-uffiċjal tal-kontabbiltà

1.   Is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar l-uffiċjal tal-kontabbiltà u mill-inqas deputat uffiċjal wieħed tal-kontabbiltà għal perjodu ta' sentejn.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu f'isem Athena.

3.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-implimentazzjoni xierqa ta' pagamenti, ġbir tad-dħul u rkupru ta' l-ammonti stabbiliti bħala esiġibbli;

(b)

it-tħejjija tal-kontijiet għal Athena kull sena, u, wara t-tmiem ta' kull operazzjoni, il-kontijiet għal dik l-operazzjoni;

(ċ)

l-appoġġ għall-amministratur meta hu jippreżenta l-kontijiet annwali jew il-kontijiet għal operazzjoni lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni;

(d)

iż-żamma tal-kontijiet għal Athena;

(e)

l-istabbiliment tar-regoli tal-kontabbiltà u l-metodi u l-karta tal-kontijiet;

(f)

l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi tal-kontabbiltà għad-dħul u, fejn ikun il-każ, il-validazzjoni tas-sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti sabiex iforni jew jiġġustifika l-informazzjoni tal-kontabbiltà;

(g)

iż-żamma tad-dokumenti sekondarji;

(h)

l-amministrazzjoni tat-teżor, b'mod konġunt ma' l-amministratur.

4.   L-amministratur u l-kmandant ta' l-operazzjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal tal-kontabbiltà l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-produzzjoni tal-kontijiet li jirrappreżentaw eżattament l-assi finanzjarji ta' Athena u l-implimentazzjoni tal-baġit amministrat minn Athena. Dawn għandhom jiggarantixxu l-affidabbiltà tagħha.

5.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jkun responsabbli lejn il-Kumitat Speċjali.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-amministratur, għall-uffiċjal tal-kontabbiltà u għall-persunal ta' Athena

1.   Il-funzjonijiet ta' amministratur jew deputat amministratur, fuq naħa waħda, u uffiċjal tal-kontabbiltà jew deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra, għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli.

2.   Kwalunkwe deputat amministratur għandu jaġixxi taħt l-awtorità ta' l-amministratur. Kull deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jaġixxi taħt l-awtorità ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà.

3.   Deputat amministratur għandu jieħu post l-amministratur meta dan ikun assenti jew ma jkunx jista' jattendi. Deputat uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jieħu post l-uffiċjal tal-kontabbiltà meta dan ikun assenti jew ostakolat milli jattendi.

4.   Meta jkunu qed iwettqu funzjonijiet f'isem Athena, l-uffiċjali u l-impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jibqgħu suġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għalihom.

5.   Il-persunal li jkun sar disponibbli għal Athena mill-Istati Membri għandu jkun suġġett għall-istess regoli bħal dawk stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-regoli applikabbli għal esperti nazzjonali fuq sekondament, u għad-dispożizzjonijiet miftiehma bejn l-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom u l-istituzzjoni Komunitarja jew Athena.

6.   Qabel il-ħatra tagħhom, il-persunal ta' Athena għandu jkun irċieva permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata sa mill-inqas il-livell “Secret UE” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Istat Membru.

7.   L-amministratur jista' jinnegozja u jidħol f'arranġamenti ma' l-Istati Membri jew ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji bil-ħsieb li jinnominaw minn qabel dak il-persunal li, jekk meħtieġ, jkun jista' jsir immedjatament disponibbli għal Athena.

KAPITOLU 3

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI MA' STATI MEMBRI, ISTITUZZJONIJIET TA' L-UE, STATI TERZI U ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

Artikolu 11

Arranġamenti amministrattivi ma' Stati Membri jew istituzzjonijiet ta' l-UE

1.   Jistgħu jiġu negozjati arranġamenti amministrattivi ma' Stati Membri jew istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex ikunu faċilitati l-akkwisti f'operazzjonijiet bl-iktar kondizzjonijiet ekonomiċi. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' ittri bejn Athena rappreżentata mill-kmandant ta' l-operazzjoni jew, fejn ma jkunx hemm kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta' l-UE kkonċernati.

2.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiġi kkonsultat qabel ma jiġi ffirmat kwalunkwe arranġament bħal dan.

Artikolu 12

Arranġamenti amministrattiv ma' Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali

1.   Jista' jiġi negozjat arranġament amministrattiv ma' Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali notevolment sabiex ikunu faċilitati l-akkwisti fil-post fejn tkun qed isseħħ l-operazzjoni bl-iktar kondizzjonijiet ekonomiċi b'kont meħud tar-restrizzjonijiet operattivi. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' ittri bejn Athena, rappreżentata mill-kmandant ta' l-operazzjoni jew, fejn ma jkunx hemm kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istat terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata.

2.   Kwalunkwe arranġament bħal dan għandu jiġi preżentat lill-Kumitat Speċjali għall-approvazzjoni qabel ma jiġi ffirmat.

Artikolu 13

Arranġamenti amministrattivi permanent u ad hoc dwar modalitajiet għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati terzi

1.   Fil-qafas tal-ftehim konklużi bejn l-UE u l-Istati terzi indikati mill-Kunsill bħala kontributuri potenzali għall-operazzjonijiet ta' l-UE jew bħala kontributuri ta' operazzjoni speċifika ta' l-UE, l-amministratur għandu jinnegozja ma' dawn l-Istati terzi l-arranġamenti amministrattivi permanenti jew ad hoc, rispettivament. Dawn l-arranġamenti għandhom jieħdu l-forma ta' skambju ta' Ittri bejn Athena u s-servizzi amministrattivi kompetenti ta' l-Istati terzi kkonċernati li jistabbilixxu l-modalitajiet meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas malajr tal-kontribuzzjonijiet għal kull operazzjoni militari futura ta' l-UE.

2.   Sa meta jiġu konklużi l-ftehim imsemmija fil-paragrafu 1, l-amministratur jista' jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ffaċititati l-ħlasijiet mill-Istati terzi kontribwenti.

3.   L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali minn qabel dwar l-arranġamenti previsti, qabel ma jiffirmahom f'isem Athena.

4.   Meta operazzjoni militari tiġi varata mill-Unjoni, l-amministratur għandu, għall-ammonti ta' kontribuzzjonijiet deċiżi mill-Kunsill, jimplimenta l-arranġamenti ma' l-Istati terzi li jikkontribwixxu għal dik l-operazzjoni.

KAPITOLU 4

KONTIJIET BANKARJI

Artikolu 14

Ftuħ u għan

1.   L-amministratur għandu jiftaħ kont bankarju wieħed jew aktar f'isem Athena.

2.   Kwalunkwe kont bankarju għandu jinfetaħ f'istituzzjoni finanzjarja ta' l-ogħla kalibru bl-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru.

3.   Il-kontribuzzjonijiet minn Stati kontribwenti għandhom jitħallsu f'dawn il-kontijiet. Dawn għandhom jintużaw sabiex iħallsu għall-ispejjeż amministrati minn Athena u sabiex isiru l-avvanzi meħtieġa lill-kmandant ta' l-operazzjoni għall-implimentazzjoni tan-nefqa relatata ma' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari. Ma jistgħux jinġibdu flus aktar milli jkun hemm depożitati, minn l-ebda kont bankarju.

Artikolu 15

Amministrazzjoni ta' fondi

1.   Kwalunkwe ħlas mill-kont ta' Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' l-amministratur jew deputat amministratur, fuq naħa waħda, u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà jew deputat uffiċjal tal-kontabbiltà, fuq l-oħra.

2.   Fondi amministrati minn Athena, inklużi dawk fdati lil kmandant ta' operazzjoni, ma jistgħux ikunu depożitati ħlief ma' istituzzjoni finanzjarja ta' l-ogħla kalibru f' euro f'kont kurrenti jew f'kont għal perijodu qasir.

KAPITOLU 5

SPEJJEŻ KOMUNI

Artikolu 16

Definizzjoni ta' spejjeż komun u perijodi ta' eliġibbiltà

1.   L-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness I għandhom ikunu għas-spejjeż ta' Athena kull meta dawn isiru. Meta jiddaħħlu f'artikolu tal-baġit li juri l-operazzjoni li għaliha huma l-aktar relatati, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż operattivi ta' din l-operazzjoni. Altrimenti, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew wara, l-operazzjonijiet.

2.   Barra minn dan, Athena għandha terfa' r-responsabbiltà ta' l-ispejjeż komuni operattivi elenkati fl-Anness II matul il-perijodu mill-approvazzjoni tal-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżijiet għall-operazzjoni sal-ħatra tal-kmandant ta' l-operazzjoni. F'ċirkostanzi partikolari, wara li l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà ikun ġie kkonsultat, il-Kumitat Speċjali jista' jimmodifika l-perijodu li fih dawn l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti minn Athena.

3.   Matul il-fażi attiva ta' operazzjoni, li tibda mid-data li fiha jinħatar il-kmandant ta' l-operazzjoni sal-jum li fih il-kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni jwaqqaf l-attività tiegħu, Athena għandha terfa' bħala spejjeż komuni operattivi:

(a)

l-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness III-A;

(b)

l-ispejjeż komuni elenkati fl-Anness III-B, meta l-Kunsill hekk jiddeċiedi.

4.   Matul il-fażi attiva ta' azzjoni militari ta' appoġġ, kif determinat mill-Kunsill, Athena għandha terfa' bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż komuni definiti mill-Kunsill fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għall-Anness III.

5.   L-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni jinkludu wkoll n-nefqa meħtieġa sabiex din tiġi terminata, kif elenkat fl-Anness IV.

L-operazzjoni tkun terminata meta t-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni jkunu sabu d-destinazzjoni finali tagħhom u l-kontijiet għall-operazzjoni jkunu ġew imfassla.

6.   L-ebda nefqa li ssir bil-ħsieb li tkopri l-ispejjeż li fi kwalunkwe każ ikunu nġarru minn Stat kontribwent wieħed jew aktar, istituzzjoni Komunitarja jew organizzazzjoni internazzjonali, indipendentement mill-organizzazzjoni ta' operazzjoni, ma tista' tkun eliġibbli bħala spiża komuni.

7.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ li, minħabba ċirkostanzi partikolari, ċerti spejjeż inkrementali diversi minn dawk elenkati fl-Anness III-B għandhom jitqiesu bħala spejjeż komuni għal operazzjoni waħda partikolari matul il-fażi attiva tagħha.

8.   Il-Kunsill u l-Kumitat Speċjali għandhom jiġu informati mill-Istati Membri, permezz ta' l-amministratur, dwar arranġamenti ta' kondiviżjoni ta' spejjeż li jieħdu sehem fihom fil-kuntest ta' operazzjoni ta' l-UE.

Artikolu 17

Eżerċizzji

1.   L-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzji ta' l-Unjoni Eropea għandhom ikunu finanzjati permezz ta' Athena skond ir-regoli u l-proċeduri simili għal dawk ta' operazzjonijiet li għalihom jikkontribwixxu l-Istati Membri kollha parteċipanti.

2.   Dawn l-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzju għandhom ikunu magħmula minn, l-ewwelnett, spejjeż inkrementali għall-kwartieri ġenerali li jistgħu jiġu skjerati jew li jkunu fissi, u t-tieni, spejjeż inkrementali li jsiru minn rikors ta' l-UE għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO meta dawn ikunu saru disponibbli għal eżerċizzju.

3.   L-ispejjeż komuni ta' l-eżerċizzju ma għandhomx jinkludu spejjeż relatati ma':

(a)

akkwisti kapitali, inklużi dawk relatati ma' bini, infrastruttura u tagħmir;

(b)

il-fażi preparatorja u l-ippjanar ta' eżerċizzji;

(ċ)

it-trasport, il-kwartieri u l-alloġġi għall-forzi.

Artikolu 18

Ammont ta' referenza

Kwalunkwe azzjoni konġunta li biha l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni ser tmexxi operazzjoni militari u kwalunkwe azzjoni konġunta jew deċiżjoni li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi operazzjoni ta' l-Unjoni għandha jkollha ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni ta' din l-operazzjoni. Bl-appoġġ b'mod partikolari tal-persunal militari ta' l-Unjoni u, jekk hu jkun fil-post, bl-appoġġ tal-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur għandu jevalwa l-ammont meqjus meħieġ sabiex ikopri l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni għall-perijodu ppjanat. L-amministratur għandu jipproponi dan l-ammont permezz tal-Presidenza lill-korpi tal-Kunsill responsabbli għall-eżami ta' l-abbozz ta' l-azzjoni konġunta jew tad-deċiżjoni.

KAPITOLU 6

BAĠIT

Artikolu 19

Prinċipji baġitarji

1.   Il-baġit, imfassal fl-euro, huwa l-att li għal kull sena finanzjarja jistabbilixxi u jawtorizza d-dħul u n-nefqa kollha amministrati minn Athena.

2.   In-nefqa kollha għandha tkun marbuta ma' operazzjoni speċifika, ħlief fejn ikun il-każ għall-ispejjeż elenkati fl-Anness I.

3.   L-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit huma awtorizzati għall-perijodu ta' sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena.

4.   Id-dħul u n-nefqa tal-baġit għandhom jibbilanċjaw.

5.   L-ebda dħul u l-ebda nefqa ma jistgħu jiġu implimentati ħlief bl-allokazzjoni għal intestatura fil-baġit u fil-limitu ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla hemm.

Artikolu 20

Stabbiliment u adozzjoni tal-baġit annwali

1.   Kull sena l-amministratur għandu jfassal abbożż tal-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara, bl-assistenza ta' kull kmandant ta' l-operazzjoni għat-taqsima “spejjeż komuni operattivi”. L-amministratur għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit lill-Kumitat Speċjail sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru.

2.   L-abbozz għandu jinkludi:

(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet;

(b)

l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi għall-operazzjonijiet kurrenti jew ippjanati, anke, fejn ikun il-każ, sabiex jiġu rimborżati l-ispejjeż komuni li jkunu ġew finanzjati minn qabel minn Stat jew parti terza;

(ċ)

previżjoni tad-dħul meħtieġ sabiex ikopri n-nefqa.

3.   L-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għandhom ikunu kklassifikati f'titoli u kapitoli li jirraggruppaw in-nefqa flimkien skond it-tip jew l-għan, subdiviżi kif meħtieġ f'artikoli. Għandhom ikunu inklużi kummenti ddettaljati f'kapitolu jew artikolu fl-abbozz tal-baġit. Għandu jkun iddedikat titolu speċifiku wieħed għal kull operazzjoni. Titolu speċifiku wieħed għandu jkun il-parti ġenerali tal-baġit u għandu jinkludi l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet.

4.   Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet provviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fejn ikun hemm inċertezza, abbażi ta' raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew l-ambitu għall-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla.

5.   Id-dħul għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti u kontribwenti u, fejn ikun il-każ, mill-Istati terzi kontribwenti;

(b)

dħul mixxellanju, subdiviż skond it-titolu, li jinkludi l-imgħax riċevut, id-dħul minn bejgħ u r-riżultat tal-baġit mis-sena finanzjarja preċedenti, wara li dan ikun ġie ddeterminat mill-Kumitat Speċjali.

6.   Il-Kumitat Speċjali għandu japprova l-abbozz tal-baġit sal-31 ta' Diċembru. L-amministratur għandu jadotta l-baġit approvat u jinnotifika l-Istati parteċipanti u kontribwenti.

Artikolu 21

Baġits emendatorji

1.   Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, b'mod partikolari meta tinqala' xi operazzjoni matul is-sena finanzjarja, l-amministratur għandu jipproponi abbozz ta' baġit emendatorju. Jekk l-abbozz ta' baġit emendatorju jaqbeż sostanzjalment l-ammont ta' referenza għall-operazzjoni kkonċernata, il-Kumitat Speċjal jista' jitlob lill-Kunsill sabiex japprovah.

2.   L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u n-notifika tingħata skond l-istess proċedura bħal tal-baġit annwali. Madankollu, meta l-baġit emendatorju jkun marbut mal-varar ta' operazzjoni militari ta' l-Unjoni, dan għandu jkun akkumpanjat minn rendikont finanzjarju dettaljat dwar l-ispejjeż komuni antiċipati għall-operazzjoni intiera. Il-Kumitat Speċjali għandu jiddiskutih b'kont meħud ta' l-urġenza tiegħu.

Artikolu 22

Trasferimenti

1.   Meta jkun il-każ u abbażi ta' proposta mill-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur jista' jagħmel trasferimenti ta' l-approprjazzjonijiet. L-amministratur għandu jinforma lill-Kumitat Speċjali dwar l-intenzjoni tiegħu, sakemm tippermetti l-urġenza tas-sitwazzjoni, mill-inqas ġimgħa waħda minn qabel. Madankollu, l-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Speċjali għandha tkun meħtieġa meta:

(a)

it-trasferiment ippjanat jemenda t-total ta' l-approprjazzjonijiet previsti għal operazzjoni;

jew

(b)

it-trasferimenti ppjanati bejn il-kapitoli matul is-sena finanzjarja jaqbżu 10 % ta' l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-kapitolu li minnu jkunu qed jitfasslu l-approprjazzjonijiet, bħal ma jkun jidher fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja fid-data meta ssir il-proposta għat-trasferiment in kwistjoni.

2.   Meta hu jidhirlu li dan ikun meħtieġ għat-tmexxija xierqa ta' operazzjoni, fit-tliet xhur wara d-data tal-varar ta' l-operazzjoni, il-kmandant ta' l-operazzjoni jista' jagħmel trasferimenti ta' l-approprjazzjonijiet allokati għall-operazzjoni, bejn artikoli u bejn kapitoli fit-taqsima “spejjeż komuni operattivi” tal-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali b'dan.

Artikolu 23

Riportament ta' approprjazzjonijiet

1.   Fil-prinċipju, l-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, li ma jkunux ġew impenjati, jiġu kkanċellati fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

2.   L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispiża tal-ħżin ta' materjal u tagħmir amministrat minn Athena jistgħu jiġu riportati darba għas-sena finanzjarja ta' wara, meta jkun sar impenn għal dak l-effett qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja attwali. L-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi jistgħu jiġu riportati jekk ikunu meħtieġa għal operazzjoni li ma tkunx ġiet terminata għal kollox.

3.   L-amministratur għandu jippreżenta proposti għar-riportament ta' approprjazzjonijiet mis-sena finanzjarja preċedenti lill-Kumitat Speċjali sal-15 ta' Frar. Dawn il-proposti għandhom jitqiesu approvati sakemm il-Kumitat Speċjali ma jiddeċidix mod ieħor sal-15 ta' Marzu.

Artikolu 24

Implimentazzjoni antiċipata

Ladarba l-baġit annwali jkun ġie approvat, jistgħu jintużaw approprjazzjonijiet sabiex ikopru impenji u pagamenti jekk dawn ikunu meħtieġa operattivament.

KAPITOLU 7

KONTRIBUZZJONIJIET U RIMBORŻI

Artikolu 25

Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet

1.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', l-operazzjonijiet li ma jkunuxx koperti minn dħul mixxellanju għandhom ikunu finanzjati mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri parteċipanti.

2.   L-approprjazzjonijiet ta' pagament sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni għandhom ikunu koperti minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u Stati terzi li jikkontribwixxu għall-operazzjoni.

3.   Il-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri kontribwenti għal operazzjoni għandhom ikunu ekwivalenti għall-ammont ta' l-approprjazzjonijiet ta' pagament imdaħħla fil-baġit u maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' dik l-operazzjoni, bit-tnaqqis ta' l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu għall-istess operazzjoni mill-Istati terzi kontribwenti skond l-Artikolu 13.

4.   It-tqassim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li minnhom hi meħtieġa kontribuzzjoni għandu jkun determinat skond l-iskala tal-prodott gross nazzjonali kif speċifikat fl-Artikolu 28(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (3), jew kull deċiżjoni oħra tal-Kunsill li tista' tieħu postha.

5.   Id-data għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu dawk disposti fil-kolonna “riżorsi proprji tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN)” fit-tabella “Taqsira tal-finanzjament tal-baġit ġenerali bit-tip tar-riżors proprju u minn Stat Membru” annessa ma' l-aħħar baġit adottat mill-Komunitajiet Ewropej. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li minnu kontribuzzjoni hija dovuta għandha tkun proporzjonali għas-sehem tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) ta' dak l-Istat Membru fl-ammont totali tad-DGN ta' l-Istati Membri li minnhom hi dovuta kontribuzzjoni.

Artikolu 26

Skeda għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet

1.   Meta l-Kunsill ikun adotta ammont ta' referenza għal operazzjoni militari ta' l-Unjoni, l-Istati Membri kontribwenti għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fil-livell ta' 30 % ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix fuq persentaġġ ogħla.

2.   Abbażi ta' proposta mill-amministratur, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li ssir sejħa għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali qabel l-adozzjoni ta' baġit emendatorju għall-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill.

3.   Meta l-approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi jkunu ddaħħlu fil-baġit, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet li jkollhom jagħtu għal dik l-operazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 25 wara tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet diġà msejħa minnhom għall-istess operazzjoni fl-istess sena finanzjarja. Madankollu, meta l-operazzjoni tkun ippjanata li ddum iżjed minn sitt xhur, il-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet għandu jitħallas f'pagamenti ta' kull sitt xhur. F'tali każ, l-ewwel pagament għandu jitħallas fi żmien xahrejn mill-varar ta' l-operazzjoni; it-tieni pagament għandu jitħallas sa data ta' skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kumitat Speċjali waqt li jaġixxi fuq proposta mill-amministratur, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operattivi. Il-Kumitat Speċjali jista' ma jimxix ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

4.   Meta jiġi adottat ammont ta' referenza jew baġit, l-amministratur għandu jibgħat is-sejħiet korrispondenti għal kontribuzzjonijiet permezz ta' ittra lill-amministraturi nazzjonali li d-dettalji tagħhom ikunu ġew komunikati lilu.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn f'din id-Deċiżjoni, il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa rilevanti għal kontribuzzjonijiet.

6.   Kull Stat kontribwenti għandu jħallas il-piżijiet bankarji relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjoni proprja tiegħu.

7.   L-amministratur għandu jgħarraf li jkun irċieva l-kontribuzzjonijiet.

Artikolu 27

Finanzjament bikri

1.   Fil-każ ta' operazzjoni ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE, il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu dovuti minn Stati Membri kontribwenti fil-livell ta' l-ammont ta' referenza. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(3), il-ħlasijiet għandhom isiru kif definit hawn taħt.

2.   Għall-għan ta' finanzjament bikri ta' operazzjonijiet ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE, l-Istati Membri parteċipanti għandhom:

(a)

jew iħallsu kontribuzzjoniet lil Athena minn qabel;

(b)

jew, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jmexxi operazzjoni ta' Risposta Rapida Militari ta' l-UE li huma jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħha, iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ispejjeż komuni ta' dik l-operazzjoni fi żmien ħamest ijiem wara d-dispaċċ tas-sejħa fil-livell ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.

3.   Għall-għan msemmi hawn fuq, il-Kumitat Speċjali, magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru li jkun għażel li jħallas kontribuzzjonijiet minn qabel (minn hawn 'il quddiem “Stati Membri antiċipanti”), għandu jistabbilixxi approprjazzjonijiet provviżorji taħt titolu speċifiku fil-baġit. Dawn l-approprjazzjonijiet provviżorji għandhom jiġu koperti minn kontribuzzjonijiet li jkollhom jitħallsu mill-Istati Membri antiċipanti fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa għal dawn il-kontribuzzjonijiet.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(3), il-kontribuzzjonijiet dovuti minn Stat Membru antiċipanti għal operazzjoni ta' Risposta Rapida, sal-livell tal-kontribuzzjoni li jkun ħallas lill-approprjazzjonijiet provviżorji msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom ikunu jistgħu jitħallsu fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa. Jista' jitqiegħed ammont simili għad-dispożizzjoni tal-kmandant ta' l-operazzjoni mill-kontribuzzjonijiet mħallsa minn qabel.

5.   Minkejja l-Artikolu 22, kwalunkwe approprjazzjoni provviżorja msemmija taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li hija wżata għal operazzjoni għandha tiġi rifornuta fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru antiċipanti jista' f'ċirkostanzi speċifiċi jawtorizza lill-amministratur sabiex juża l-kontribuzzjoni tiegħu mħallas minn qabel sabiex ikopri l-kontribuzzjoni tiegħu għal operazzjoni li jipparteċipa fiha, ħlief għal operazzjoni ta' Risposta Rapida. Għandu jsir riforniment tal-kontribuzzjoni mħallsa minn qabel mill-Istat Membru kkonċernat fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

7.   Fejn ikunu meħtieġa fondi għal xi operazzjoni, diversa minn operazzjoni ta' Risposta Rapida, qabel ma jkunu ġew riċevuti kontribuzzjonijiet suffiċjenti għal dik l-operazzjoni, jistgħu jintużaw kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel minn Stati Membri li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' dik l-operazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Istati Membri antiċipanti, sa 50 % ta' l-ammont tagħhom sabiex ikopru kontribuzzjonijiet dovuti għal dik l-operazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel għandhom jiġu rifornuti mill-Istati Membri antiċipanti fi żmien 90 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa.

8.   Minkejja l-Artikolu 33(3), il-kmandant ta' l-operazzjoni jista' jimpenja u jħallas l-ammonti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu.

9.   Kwalunkwe Stat Membru jista' jreġġa' lura l-għażla tiegħu billi jagħti notifika lill-amministratur mill-inqas tliet xhur minn qabel.

Artikolu 28

Rimborż ta' finanzjament minn qabel

1.   Stat Membru, Stat terz jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali li tkun ġiet awtorizzata mill-Kunsill sabiex tiffinanzja minn qabel parti mill-ispejjeż komuni ta' operazzjoni tista' tikseb rimborż minn Athena billi tagħmel talba flimkien mad-dokumenti meħtieġa ta' ġustifikazzjoni u indirizzata lill-amministratur mhux aktat tard minn xahrejn wara d-data tat-tlestija ta' l-operazzjoni kkonċernata.

2.   L-ebda talba għar-rimborż ma tista' tkun onorata jekk din ma tkunx ġiet approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni u mill-amministratur.

3.   Jekk tkun approvata talba għar-rimborż preżentata minn Stat kontribwent, din tista' titnaqqas mis-sejħa għal kontribuzzjonijiet li jkun imiss indirizzata lil dak l-Istat mill-amministratur.

4.   Jekk l-ebda sejħa għall-kontribuzzjonijiet ma tkun antiċipata meta t-talba tiġi approvata, jew jekk it-talba approvata għar-rimborż taqbeż il-kontribuzzjoni antiċipata, l-amministratur għandu jħallas l-ammont li għandu jiġi rimborżat fi żmien 30 jum, b'kont meħud tal-likwidità ta' Athena u ta' dak li jkun jinħtieġ għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni kkonċernata.

5.   Ir-rimborż għandu jkun dovut skond din id-Deċiżjoni wkoll jekk l-operazzjoni tiġi kkanċellata.

Artikolu 29

L-amministrazzjoni minn Athena ta' nfiq mhux inkluż fl-ispejjeż komuni

1.   Abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li t-tmexxija amministrattiva ta' ċerta nefqa fir-rigward ta' operazzjoni, b'mod partikolari fil-qasam ta' appoġġ lill-ħaddiema/preparazzjoni u preżentazzjoni ta' ikel fil-mess u t-tindif tal-ħwejjeġ, filwaqt li tibqa' r-responsabbiltà ta' l-Istat Membru li tikkonċerna, għandha tkun fdata lil Athena.

2.   Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumitat Speċjali jista' jawtorizza lill-kmandant ta' l-operazzjoni sabiex jidħol f'kuntratti f'isem l-Istati Membri parteċipanti f'operazzjoni, għall-akkwist tal-provvisti deskritti. Huwa jista' jawtorizza li l-baġit ta' Athena jiffinanzja minn qabel in-nefqa mill-Istati Membri jew jiddeċiedi li Athena tiġbor il-fondi meħtieġa mill-Istati Membri minn qabel sabiex tonora l-kuntratti li fihom ikunu daħlu.

3.   Athena għandha żżomm il-kontijiet tan-nefqa sostnuta minn kull Stat Membru li l-amministrazzjoni tagħha tkun fdata biha. Kull xaħar hi għandha tibgħat lil kull Stat Membru rendikont tan-nefqa li tkun sostniet u li tkun saret minnha jew mill-persunal tagħha fix-xahar preċedenti, u għandha ssejjaħ għall-fondi meħtieġa sabiex tħallas għal din in-nefqa. L-Istati Membri għandhom iħallsu lil Athena l-fondi meħtieġa fi żmien 30 jum wara d-dispaċċ tas-sejħa għall-fondi.

Artikolu 30

Imgħaxijiet fuq ħlas tardiv

1.   Jekk Stat ma jissodisfax l-obbligi finanzjarji tiegħu, għandhom japplikaw b'analoġija r-regoli Komunitarji dwar l-imgħax fuq ħlas tardiv determinati bl-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-baġit Komunitarju.

2.   Meta l-ħlas isir tard b'mhux iżjed minn għaxart ijiem, l-ebda imgħax ma għandu jiġi applikat. Meta ħlas isir tard b'iżjed minn għaxart ijiem, l-imgħaxijiet għandhom japplikaw għad-dewmien kollu.

KAPITOLU 8

IMPLIMENTAZZJONI TAN-NEFQA

Artikolu 31

Prinċipji

1.   L-approprjazzjonijiet ta' Athena għandhom jintużaw skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skond il-prinċipji ta' ekonomija, effikaċja u effiċjenza.

2.   L-uffiċjali awtorizzanti għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul jew tan-nefqa ta' Athena skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-legalità u r-regolarità. L-uffiċjali awtorizzanti għandhom jagħmlu impenji baġitarji u legali, jivverifikaw u jawtorizzaw in-nefqa u jwettqu azzjonijiet qabel din l-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet. Uffiċjal awtorizzanti jista' jiddelega d-dmirijiet tiegħu b'deċiżjoni li tiddetermina:

(a)

il-persunal fuq livell xieraq għal tali delegazzjoni;

(b)

il-limitu tas-setgħat konferiti; u

(ċ)

l-ambitu għal benefiċjarji sabiex jissubdelegaw is-setgħat tagħhom.

3.   L-implimentazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet skond il-prinċipju ta' segregazzjoni ta' l-uffiċjal awtorizzanti u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandha tkun żgurata. Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti u ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà għandhom ikunu reċiprokament inkompatibbli. Kwalunkwe ħlas li jsir mill-fondi amministrati minn Athena għandu jeħtieġ il-firma konġunta ta' uffiċjal awtorizzanti u ta' uffiċjal tal-kontabbiltà.

4.   Mingħajr preġudizzju għal din id-Deċiżjoni, meta l-implimentazzjoni tan-nefqa komuni tkun fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, istituzzjoni jew organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tan-nefqa proprja tagħhom. Meta l-amministratur jimplimenta n-nefqa direttament, din għandha tikkonforma mar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-“Kunsill” tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

5.   Madankollu l-amministratur jista' jipprovdi lill-Presidenza b'elementi għal proposta lill-Kunsill jew lill-Kumitat Speċjali dwar regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni.

6.   Il-Kumitat Speċjali jista' japprova regoli għall-implimentazzjoni tan-nefqa komuni li jmorru lil hinn mill-paragrafu 4.

Artikolu 32

Spejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet

L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni li jsiru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet.

Artikolu 33

Spejjeż komuni operattivi

1.   Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda. Madankollu, l-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għan-nefqa li tkopri l-ispejjeż komuni operattivi li jkunu saru matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni speċifika, li huma implimentati direttament minn Athena, jew relatati ma' l-operazzjoni wara t-tmiem tal-fażi attiva tagħha.

2.   Is-somom meħtiġa għall-implimentazzjoni tan-nefqa fuq operazzjoni għandhom ikunu trasferiti mill-kont bankarju ta' Athena mill-amministratur għall-kmandant ta' l-operazzjoni, fuq it-talba tiegħu, fil-kont bankarju miftuħ f'isem Athena, li tieghu l-kmandant ta' l-operazzjoni jkun ipprovda d-dettalji.

3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(5), l-adozzjoni ta' l-ammont ta' referenza għandha tattiva d-dritt ta' l-amministratur u tal-kmandant ta' l-operazzjoni, kull wieħed fil-qasam tiegħu ta' kompetenza, sabiex jintrabat li jħallas l-ispejjeż għall-operazzjoni kkonċernata sa 30 % ta' l-ammont ta' referenza, sakemm il-Kunsill ma jistabbilixxix persentaġġ ogħla. Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur, jista' jiddeċiedi li jsir impenn għal, u titħallas, nefqa addizzjonali. Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jirriferi l-kwistjoni lill-korpi preparatorji kompetenti fil-Kunsill permezz tal-Presidenza. Din id-deroga m'għandhiex tapplika aktar wara d-data ta' l-adozzjoni ta' baġit għall-operazzjoni kkonċernata.

4.   Matul il-perijodu qabel l-adozzjoni ta' baġit għal operazzjoni, l-amministratur u l-kmandant ta' l-operazzjoni jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Speċjali kull xahar, kull wieħed jirrapporta fuq il-materji li jikkonċernaw lilu, fir-rigward ta' l-ispejjeż li jkunu eliġibbli bħala spejjeż komuni għal dik l-operazzjoni. Il-Kumitat Speċjali, abbażi ta' proposta mill-amministratur, kmandant ta' l-operazzjoni jew Stat Membru, jista' joħroġ direttivi dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa matul dan il-perijodu.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 19(5), fil-każ ta' periklu imminenti għall-ħajjiet tal-persunal involuti f'operazzjoni militari ta' l-Unjoni, il-kmandant ta' l-operazzjoni għal dik l-operazzjoni jista' jimplimenta n-nefqa meħtieġa sabiex isalva l-ħajjiet ta' dak il-persunal, aktar mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit. Hu għandu jinforma lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali malajr kemm jista' jkun. F'dan il-każ, filwaqt li jikkomunika mal-kmandant ta' l-operazzjoni, l-amministratur għandu jipproponi t-trasferimenti meħtieġa sabiex tiġi finanzjata din in-nefqa mhux mistennija. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għal tali nefqa permezz ta' trasferiment, l-amministratur għandu jipproponi baġit emendatorju.

KAPITOLU 9

DESTINAZZJONI FINALI TAT-TAGĦMIR U TA' L-INFRASTRUTTURA FINANZJATI B'MOD KOMUNI

Artikolu 34

1.   Bil-ħsieb tat-terminazzjoni ta' l-operazzjoni li hu jkun ikkmanda, il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jaġixxi kif meħtieġ sabiex isib destinazzjoni finali għat-tagħmir u infrastruttura akkwistata b'mod komuni għal dik l-operazzjoni. Hu għandu jipproponi lill-Kumitat Speċjali r-rata rilevanti ta' deprezzament kif meħtieġ.

2.   L-amministratur għandu jamministra t-tagħmir u l-infrastruttura li jibqa' wara t-tmiem tal-fażi attiva ta' l-operazzjoni, bil-ħsieb, jekk ikun meħtieġ, li jsib id-destinazzjoni finali tagħha. Hu għandu jipproponi lill-Kumitat Speċjali r-rata rilevanti ta' deprezzament kif meħtieġ.

3.   Ir-rata ta' deprezzament għat-tagħmir, infrastruttura u assi oħrajn għandha tkun approvata mill-Kumitat Speċjali mill-aktar fis possibli.

4.   Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u infrastruttura finanzjati b'mod komuni għandha tkun approvata mill-Kumitat Speċjali, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' l-operazzjoni u l-kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun kif ġej:

(a)

fil-każ ta' l-infrastruttura, tinbiegħ jew tiġi trasferita permezz ta' Athena lill-pajjiż ospitant, lil Stat Membru jew lil parti terza;

(b)

fil-każ ta' tagħmir, jinbiegħ permezz ta' Athena lil Stat Membru, lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza, jew ikun maħżun u miżmum minn Athena, Stat Membru jew parti terza.

5.   It-tagħmir u l-infrastruttura għandhom jinbiegħu lil Stat kontribwenti, lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza għall-valur fis-suq tagħhom, jew, fejn l-ebda valur fis-suq ma jkun jista' jiġi determinat, b'kont meħud tar-rata rilevanti ta' deprezzament.

6.   Il-bejgħ jew trasferiment lill-pajjiż ospitant jew lil parti terza għandu jkun skond ir-regoli tas-sigurtà fis-seħħ, partikolarment fi ħdan il-Kunsill, l-Istati kontribwenti jew in-NATO, skond il-każ.

7.   Meta jkun deċiż li Athena għandha żżomm it-tagħmir akkwistat għal operazzjoni, l-Istati Membri kontribwenti jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju mill-Istati Membri l-oħra parteċipanti. Il-Kumitat Speċjali, magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, għandu jieħu d-deċiżjonijiet xierqa abbażi ta' proposta mill-amministratur.

KAPITOLU 10

KONTABBILTÀ U INVENTARJU

Artikolu 35

Prinċipji

Meta l-implimentazzjoni tan-nefqa komuni tkun ġiet fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew, skond il-każ, organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, istituzzjoni jew organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li huma applikabbli għall-kontabbiltà tan-nefqa u l-inventarju tagħhom stess.

Artikolu 36

Kontabbiltà għal spejjeż komuni operattivi

Il-kmandant ta' l-operazzjoni għandu jżomm il-kontijiet ta' trasferimenti riċevuti minn Athena, tan-nefqa li hu jkun għamel u tal-ħlasijiet li jkunu saru, kif ukoll inventarju tal-proprjetà mobbli finanzjata mill-baġit ta' Athena u użata għall-operazzjoni li hu jikkmanda.

Artikolu 37

Kontijiet konsolidati

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jżomm il-kontijiet ta' kontribuzzjonijiet imsejħa u ta' trasferimenti li jkunu saru. Hu għandu wkoll ifassal il-kontijiet għall-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, u għan-nefqa operattiva implimentata taħt ir-responsabbiltà diretta ta' l-amministratur.

2.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà għandu jfassal il-kontijiet konsolidati għad-dħul u n-nefqa ta' Athena. Kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jibgħat il-kontijiet tiegħu għan-nefqa li hu jkun għamel u l-ħlasijiet li hu jkun għamel, kif ukoll għall-finanzjament minn qabel li hu jkun approva sabiex ikopri l-ispejjeż komuni operattivi li hu jikkmanda.

KAPITOLU 11

VERIFIKA U PREŻENTAZZJONI TAL-KONTIJIET

Artikolu 38

Rapporti regolari lill-Kumitat Speċjali

Kull tliet xhur, l-amministratur għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa matul it-tliet xhur preċedenti u mill-bidu tas-sena finanzjarja. Għal dan il-għan, kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jipprovdi lill-amministratur fi żmien suffiċjenti rapport dwar in-nefqa relatata ma' l-ispejjeż komuni operattivi ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda.

Artikolu 39

Verifika tal-kontijiet

1.   Meta l-implimentazzjoni tan-nefqa ta' Athena tkun fdata lil Stat Membru, istituzzjoni Komunitarja jew organizzazzjoni internazzjonali, dak l-Istat, l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li japplikaw għall-verifika tan-nefqa proprja tagħhom.

2.   Madankollu, l-amministratur jew persuni maħtura minnu jistgħu, fi kwalunkwe żmien, iwettqu verifika ta' l-ispejjeż komuni ta' Athena li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, jew l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni. Barra minn dan, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, il-Kumitat Speċjali jista', fi kwalunkwe żmien, jaħtar awdituri esterni, u jistabbilixxi l-kompiti u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tagħhom.

3.   Bil-għan li jsiru verifiki esterni, għandu jkun stabbilit kulleġġ ta' sitt membri ta' awdituri. Kull sena, il-Kumitat Speċjali għandu jaħtar mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara żewġ membri għal perijodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba, minn kandidati proposti mill-Istati Membri. Il-Kumitat Speċjali jista' jestendi mandat ta' membru sa mhux aktar minn 6 xhur. Il-kandidati għandhom ikunu membri ta' korp nazzjonali ta' verifika fi Stat Membru u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Huma għandhom ikunu disponibbli sabiex iwettqu kompiti f'isem Athena kif meħtieġ. Waqt li jkunu qed iwettqu dawn il-kompiti:

(a)

il-membri tal-kulleġġ għandhom jibqgħu jitħallsu mill-korp ta' verifika ta' l-oriġini tagħhom u minn Athena għandhom jirċievu biss ir-rimborż ta' l-ispejjeż tal-missjoni tagħhom skond ir-regoli applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew ta' grad ekwivalenti;

(b)

huma la għandhom jitolbu u lanqas jirċievu istruzzjonijiet ħlief mill-Kumitat Speċjali; fi ħdan il-mandat tagħhom tal-verifika, il-Kulleġġ ta' l-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u esklussivament responsabbli għat-tmexxija tal-verifika esterna;

(ċ)

huma għandhom jirrapportaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Kumitat Speċjali biss;

(d)

huma għandhom jivverifikaw matul is-sena finanzjarja kif ukoll ex post, permezz ta' kontrolli fuq il-post kif ukoll tad-dokumenti ta' ġustifikazzjoni, li n-nefqa finanzjata jew pre-finanzjata permezz ta' Athena tkun implimentata skond il-leġislazzjoni applikabbli u l-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skond il-prinċipji ta' ekonomija, effikaċja u effiċjenza, u li l-kontrolli interni jkunu adegwati.

Kull sena, il-Kulleġġ ta' l-awdituri għandu jeleġgi sabiex ibiddel jew jestendi l-ħatra tal-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-verifiki mwettqa mill-membri tiegħu skond l-ogħla standards internazzjonali. Il-Kulleġġ ta' l-Awdituri għandu japprova r-rapporti tal-verifiki mfassla mill-membri tiegħu qabel ma dawn jingħataw lill-amministratur u lill-Kumitat Speċjali.

4.   Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi fuq bażi ta' każ b'każ u fuq motivazzjonijiet speċifiċi sabiex juża korpi esterni oħrajn.

5.   Qabel ma jwettqu l-kompitu tagħhom, il-persuni responsabbli għall-verifika tan-nefqa ta' Athena għandhom ikunu rċevew permess għall-aċċess għal informazzjoni klassifikata sa mill-inqas il-livell “Secret UE” miżmuma mill-Kunsill, jew permess ekwivalenti minn Stat Membru jew in-NATO, skond il-każ. Dawk il-persuni għandhom jiżguraw li huma jirrispettaw il-konfidenzjalità ta' l-informazzjoni u jipproteġu d-data li tagħha jiskbu konoxxenza waqt il-kompitu tagħhom ta' verifika, skond ir-regoli applikabbli għal dik l-informazzjoni u data.

6.   L-amministratur u l-persuni responsabbli għall-verifika tan-nefqa ta' Athena għandhom ikollhom aċċess mingħajr dewmien u mingħajr ma jagħtu avviż minn qabel għad-dokumenti u l-kontenut ta' l-ġustifikazzjonijiet kollha tad-data relatati ma' dik in-nefqa, u għas-siti fejn jinżammu dawk id-dokumenti u ġustifikazzjonijiet. Huma jistgħu jagħmlu kopji. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tan-nefqa ta' Athena għandhom jagħtu lill-amministratur u lill-persuni responsabbli għall-verifika ta' dik in-nefqa l-assistenza meħtieġa fit-twettiq tal-kompitu tagħhom.

7.   L-ispiża tal-verifiki mwettqa minn awdituri li jaġixxu f'isem Athena għandha tkun ikkunsidrata bħala spiża komuni li għandha tiġi sostnuta minn Athena.

Artikolu 40

Preżentazzjoni annwali tal-kontijiet

1.   Kull kmandant ta' l-operazzjoni għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' Athena sal-31 ta' Marzu wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, jew fi żmien erba' xhur wara t-tmiem ta' l-operazzjoni li hu jikkmanda, skond liema hi l-aktar bikrija, bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kontijiet annwali għall-ispejjeż komuni, il-kontijiet annwali għan-nefqa finanzjata minn qabel u rimborżata skond l-Artikolu 29 u r-rapport annwali ta' attività.

2.   L-amministratur, bl-assistenza ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà u kull kmandant ta' l-operazzjoni, għandu jistabbilixxi u jipprovdi lill-Kumitat Speċjali u lill-Kulleġġ ta' l-awdituri, sat-30 ta' April wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, il-kontijiet annwali provviżorji u r-rapport annwali ta' attività.

3.   Sal-31 ta' Lulju wara t-tmiem tas-sena finanzjarja, il-Kumitat Speċjali għandu jkun provdut mill-Kulleġġ ta' l-Awdituri b'rapport ta' verifika annwali u mill-amministratur, assistit mill-uffiċjal tal-kontabbiltà u minn kull kmandant ta' l-operazzjoni, bil-kontijiet annwali finali ta' Athena. Sat-30 ta' Settembru wara t-tmiem tas-sena finanzjarja l-Kumitat Speċjali għandu jeżamina l-kontijiet annwali fid-dawl tar-rapport ta' verifika tal-Kulleġġ, bil-ħsieb li jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant ta' l-operazzjoni.

4.   Il-kontijiet u l-inventarji kollha għandhom jinżammu, kull wieħed fil-livell tiegħu, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà u minn kull kmandant ta' l-operazzjoni għal perijodu ta' ħames snin mid-data li fiha jkun ingħata r-rilaxx korrispondenti.

5.   Il-Kumitat Speċjali għandu jiddeċiedi li jdaħħal il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għal sena finanzjarja li għaliha l-kontijiet jkunu ġew approvati fil-baġit għas-sena finanzjarja ta' wara, bħala dħul jew nefqa u dan skond iċ-ċirkostanzi, permezz ta' baġit emendatorju.

6.   Dik il-parti tal-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għal sena finanzjarja li tiġi mill-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni li jkunu saru fit-tħejjija għal, jew bħala segwitu ta', operazzjonijiet, għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri parteċipanti.

7.   Dik il-parti tal-bilanċ tar-riżultat tal-baġit li tiġi mill-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet maħsuba sabiex ikopru l-ispejjeż komuni operattivi ta' operazzjoni partikolari għandha tiddaħħal kontra l-kontribuzzjonijiet li jkun imiss mill-Istati Membri li jkunu kkontribwixxew għal dik l-operazzjoni.

8.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati.

9.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena kull Stat Membru li jipparteċipa f'operazzjoni għandu jipprovdi informazzjoni fuq bażi volontarja lill-amministratur fejn ikun il-każ permezz tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni, dwar l-ispejjeż inkrementali li jkun għamel għall-operazzjoni matul is-sena finanzjarja preċedenti. Din l-informazzjoni għandha titqassam sabiex turi l-elementi prinċipali tan-nefqa. L-amministratur għandu jiġbor din l-informazzjoni sabiex jipprovdi lill-Kumitat Speċjali b'idea ġenerali ta' l-ispejjeż inkrementali ta' l-operazzjoni.

Artikolu 41

Preżentazzjoni tal-kontijiet ta' operazzjoni

1.   Meta tkun ġiet kompluta operazzjoni, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi, abbażi ta' proposta mill-amministratur jew minn Stat Membru, li l-amministratur, bl-assistenza ta' l-uffiċjal tal-kontabbiltà u tal-kmandant ta' l-operazzjoni, għandu jippreżenta lill-Kumitat Speċjali l-kontijiet ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ għal dik l-operazzjoni, mill-inqas sad-data li fiha kienet kompluta, u, jekk possibli, sad-data li fiha tkun ġiet terminata. L-iskadenza imposta fuq l-amministratur ma tistax tkun inqas minn erba' xhur mid-data li fiha tkun ġiet kompluta l-operazzjoni.

2.   Jekk fiż-żmien l-iskadenza mogħtija, il-kontijiet ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ ma jistgħux jinkludu d-dħul u n-nefqa konnessi mat-terminazzjoni ta' dik l-operazzjoni, allura dak id-dħul u dik in-nefqa għandhom jidhru fil-kont annwali ta' l-amministrazzjoni u fil-karta tal-bilanċ għal Athena u għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat Speċjali b'konnessjoni mal-preżentazzjoni annwali tal-kontijiet.

3.   Il-Kumitat Speċjali għandu japprova l-kont ta' l-amministrazzjoni u l-karta tal-bilanċ għal dik l-operazzjoni li jkunu ġew preżentati lilu. Huwa għandu jagħti rilaxx lill-amministratur, lill-uffiċjal tal-kontabbiltà u lil kull kmandant ta' l-operazzjoni għall-operazzjoni in kwistjoni.

4.   Jekk ir-rimborż ma jkunx jista' jsir bit-tnaqqis mill-kontribuzzjonijiet dovuti lil Athena, il-bilanċ tar-riżultat tal-baġit għandu jitħallas lura lill-Istati Membri kkonċernati.

KAPITOLU 12

RESPONSABBILTA' LEGALI

Artikolu 42

1.   Il-kondizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà dixxiplinari jew kriminali tal-kmandant ta' l-operazzjoni, ta' l-amministratur u ta' persunal ieħor provdut partikolarment mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew minn Stati Membri fil-każ ta' kondotta skorretta jew ta' negliġenza fl-implimentazzjoni tal-baġit għandhom ikunu regolati mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-arranġamenti applikabbli għalihom. Addizzjonalment, Athena tista' fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' Stat kontribwent iġġib azzjoni ċivili kontra l-persunal imsemmi hawn fuq.

2.   Fl-ebda każ ma jistgħu l-Komunitajiet Ewropej jew is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti bħala riżultat tal-prestazzjoni tad-dmirijiet tagħhom mill-amministratur, mill-uffiċjal tal-kontabbiltà jew mill-persunal assenjat lilhom.

3.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali li tista' tirriżulta minn kuntratti konklużi fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għandha tkun koperta permezz ta' Athena mill-Istati kontribwenti. Din għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratti in kwistjoni.

4.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, kull dannu kkawżat mill-kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni, il-kwartieri ġenerali tal-forzi u l-kwartieri ġenerali komponenti ta' l-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom għandu jkun kopert permezz ta' Athena mill-Istati kontribwenti, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri u r-Regolamentu tal-Persunal tal-forzi, applikabbli fil-post ta' l-operazzjonijiet.

5.   Fl-ebda każ ma jistgħu l-Komunitajiet Ewropej jew l-Istati Membri jinżammu responsabbli minn Stat kontribwenti għal kuntratti konklużi fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tal-baġit jew għal dannu kkawżat mill-unitajiet u dipartimenti ta' l-istruttura tal-kriżi, li l-kompożizzjoni tagħhom għandha tiġi approvata mill-kmandant ta' l-operazzjoni, jew mill-persunal tagħhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 43

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha, għandha tiġi riveduta wara kull operazzjoni u mill-inqas kull 18-il xahar. L-ewwel reviżjoni għandha ssir mhux aktar tard mit-tmiem ta' l-2004. Il-korpi ta' l-amministrazzjoni ta' Athena għandhom jikkontribwixxu għal tali reviżjonijiet.

Artikolu 44

Taħsir

Id-Deċiżjoni 2004/197/PESK hija b'dan imħassra.

Ir-referenzi magħmula għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu meqjusa bħala magħmula għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VI.

Artikolu 45

Effett

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 46

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 14 ta' Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/91/PESK (ĠU L 41, 13.2.2007, p. 11).

(2)  Ara l-Anness V.

(3)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS I

Spejjeż komuni sostnuti minn Athena kull meta jsiru

F'każijiet meta l-ispejjeż komuni li ġejjin ma jkunux jistgħu jiġu marbuta direttament ma' operazzjoni speċifika, il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jalloka l-approprjazzjonijiet korrispondenti mal-parti ġenerali tal-baġit annwali. Sa fejn ikun possibli, dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fl-artikoli li juru l-operazzjoni li magħha jkunu l-aktar relatati.

1.

In-nefqa tal-missjoni li ssir mill-kmandant ta' l-operazzjoni u l-persunal tiegħu għall-preżentazzjoni tal-kontijiet ta' operazzjoni lill-Kumitat Speċjali

2.

L-indennizzi għal danni u spejjeż li jirriżultaw minn pretensjonijiet u azzjonijiet li jkollhom jitħallsu permezz ta' Athena

3.

L-ispejjeż skond kwalunkwe deċiżjoni sabiex jinħażen materjal li jkun inkiseb b'mod komuni għal operazzjoni (fejn dawn l-ispejjeż ikunu attribwiti għall-parti ġenerali tal-baġit annwali, għandha tkun indikata rabta ma' operazzjoni speċifika).

Barra minn dan il-parti ġenerali tal-baġit annwali għandha tinkludi approprjazzjonijiet, fejn meħtieġ, sabiex ikopru l-ispejjeż komuni, li ġejjin, f'operazzjonijiet li għall-finanzjament tagħhom jikkontribwixxu l-Istati Membri parteċipanti:

1.

Spejjeż bankarji

2.

Spejjeż tal-verifika

3.

Spejjeż komuni relattivi għall-fażi preparatorja ta' operazzjoni kif definit fl-Anness II.


ANNESS II

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi preparatorja ta' operazzjoni sostnuti minn Athena

L-ispejjeż inkrementali ta' trasport u ta' akkomodazzjoni meħtieġa għal missjonijiet esploratorji u għal preparazzjonijiet (b'mod partikolari missjonijiet ta' stħarriġ u tkixxif) minn forzi militari bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika ta' l-Unjoni.

Servizzi mediċi: l-ispiża ta' evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac) ta' persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'missjonijiet esploratorji u preparazzjonijiet minn forzi militari bil-ħsieb ta' operazzjoni militari speċifika ta' l-Unjoni, meta ma jkunx jista' jiġi pprovdut trattament mediku fil-post ta' l-operazzjoni.


ANNESS III

III-A

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi attiva ta' operazzjonijiet sostnuti dejjem minn Athena

Għal kwalunkwe operazzjoni militari ta' l-Unjoni, Athena ser terfa' bħala spejjeż komuni operattivi l-ispejjeż inkrementali meħtieġa għall-operazzjoni definita hawn taħt.

1.

L-ispejjeż inkrementali għall-kwartieri ġenerali (li jistgħu jiġu skjerati jew li huma fissi) għal operazzjonijiet jew eżerċizzji mmexxija mill-UE

(a)

Kwartieri ġenerali (HQ):

Kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni, kwartieri ġenerali tal-forza u Kwartieri ġenerali komponenti.

(b)

Kwartieri ġenerali ta' l-operazzjoni (OHQ):

Il-kwartieri ġenerali statiċi u barra miż-żona tal-kmandant ta' l-operazzjoni, li huma responsabbli għall-kostruzzjoni, varar, sosteniment u rkupru ta' forza ta' l-UE

Id-definizzjoni ta' l-ispejjeż komuni applikabbli għal OHQ għal operazzjoni għandha tkun appikabbli wkoll għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u ATHENA sa fejn dawn jaġixxu direttament għal dik l-operazzjoni

(ċ)

Kwartieri ġenerali tal-forza (FHQ):

Il-kwartieri ġenerali ta' forza ta' l-UE skjerata għaż-żona ta' l-operazzjonijiet.

(d)

Kwartieri ġenerali komponenti (CCHQ):

Il-kwartieri ġenerali tal-kmandant ta' komponent ta' l-UE skjerat għall-operazzjoni (jiġifieri kmandanti ta' l-ajru, ta' l-art, dawk marittimi u dawk b'funzjonijiet speċifiċi oħrajn li jistgħu jitqiesu meħtieġa li jinħatru skond in-natura ta' l-operazzjoni).

(e)

Spejjeż tat-trasport:

It-trasport lejn u mill-post ta' l-operazzjonijiet għall-iskjerament, sosteniment u rkupru ta' FHQs u CCHQs; l-ispejjeż tat-trasport li jsiru mill-OHQ meħtieġa għal operazzjoni.

(f)

Amministrazzjoni:

Uffiċċju addizzjonali u t-tagħmir għall-akkomodazzjoni, is-servizzi u u l-utilitajiet kuntrattwali, l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-bini.

(g)

Persunal reklutat lokalment:

Persunal pajżan, konsulenti internazzjonali u persunal (nazzjonali u espatrijati) reklutat lokalment meħtieġa għat-tmexxija ta' l-operazzjoni oltre r-rekwiżiti operattivi normali (inkluż kwalunkwe ħlas għall-kumpens tas-sahra).

(h)

Komunikazzjonijiet:

In-nefqa kapitali għax-xiri u l-użu ta' komunikazzjonijiet addizzjonali u tagħmir ta' l-IT u l-ispejjeż għal servizzi mogħtija (kera u manutenzjoni ta' modems, linji tat-telefon, satphones, cryptofax, linji siguri, fornituri ta' l-internet, linji ta' data, local area networks).

(i)

Trasport/vjaġġar (esklużi l-ispejjeż “per diem”) fiż-żona ta' l-operazzjonijiet ta' l-HQs:

In-nefqa relatata mat-trasport ta' vetturi u vjaġġar ieħor b'mezzi oħrajn u l-ispejjeż tal-ġarr, inkluż vjaġġar minn rinforzi nazzjonali u viżitaturi; l-ispejjeż inkrementali ta' karburant oltre l-ispiża ta' operazzjonijiet normali; il-kera ta' vetturi addizzjonali; l-ispejjeż ta' vjaġġi uffiċjali bejn il-lokalità operattiva u Brussel u/jew laqgħat organizzati mill-UE; l-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni ta' partijiet terzi imposti minn xi pajjiżi fuq organizzazzjonijiet internazzjonali li jmexxu operazzjonijiet fit-territorju tagħhom.

(j)

Kwartieri u alloġġ/infrastruttura:

In-nefqa għall-akkwist, kiri jew ridekorazzjoni ta' faċilitajiet ta' HQ meħtieġa fil-post ta' l-operazzjoni (kiri ta' bini, shelters, tined), jekk meħtieġ.

(k)

Informazzjoni pubblika:

L-ispejjeż relatati ma' kampanji ta' informazzjoni u sabiex il-media tiġi informata f'OHQ u FHQ, skond l-istrateġija ta' l-informazzjoni żviluppata mill-HQ operattivi.

(l)

Rappreżentazzjoni u ospitalità:

L-ispejjeż għar-rappreżentazzjoni; l-ispejjeż fil-livell ta' HQ meħtieġa għat-tmexxija ta' operazzjoni.

2.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru sabiex jiġi provdut appoġġ għall-forza fl-intier tagħha:

L-ispejjeż definiti hawn taħt huma dawk li jsiru bħala konsegwenza ta' l-iskjerament tal-forza fil-lokalità tagħha:

(a)

xogħlijiet għall-iskjerament/infrastruttura:

in-nefqa assolutament meħtieġa sabiex il-forza fl-intier tagħha twettaq il-missjoni tagħha (ajruport, linji tal-ferrovija, portijiet, toroq, inklużi punti ta' l-iżbark u żoni avvanzati ta' l-assemblea li jkunu użati b'mod komuni; forniment ta' l-enerġija u ilma, protezzjoni tal-forza statika, faċilitajiet tal-ħżin, postijiet tal-parkeġġ; appoġġ ta' l-inġinerija);

(b)

marki ta' identifikazzjoni:

marki speċifiċi ta' identifikazzjoni, karti ta' l-identità ta' l-“Unjoni Ewropea”, badges, medalji, bnadar bil-kuluri ta' l-Unjoni Ewropea jew marki ta' identità oħrajn tal-Forza jew ta' l-identifikazzjoni ta' l-HQ (esklużi ħwejjeġ, kpiepel jew uniformijiet);

ċ)

servizzi mediċi:

evakwazzjonijiet mediċi ta' emerġenza (Medevac).

3.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru mir-rikors ta' l-UE għall-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-UE.

L-ispiża għall-Unjoni Ewropea ta' l-applikazzjoni għal waħda mill-operazzjonijiet militari tagħha ta' l-arranġamenti bejn l-UE u n-NATO relatata mar-rilaxx, monitoraġġ u ritorn jew sejħa mill-ġdid ta' l-assi u l-kapaċitajiet komuni tan-NATO magħmula disponibbli għal operazzjoni mmexxija mill-UE. Rimborżi min-NATO lill-UE.

4.

L-ispejjeż inkrementali li jsiru mill-UE għal merkanzija, servizzi jew xogħlijiet inklużi fil-lista ta' spejjeż komuni u magħmula disponibbli f'operazzjoni mmexxija mill-UE minn Stat Membru, istituzzjoni ta' l-UE, Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali skond arranġament imsemmi fl-Artikoli 11 u 12. Ir-rimborżi minn stat, istituzzjoni ta' l-UE jew organizzazzjoni internazzjonali bbażati fuq tali arranġament.

III-B

Spejjeż komuni operattivi relattivi għall-fażi attiva ta' operazzjoni speċifika, sostnuti minn Athena meta l-Kunsill jiddeċiedi hekk

Spejjeż tat-trasport:

It-trasport lejn u mill-post ta' l-operazzjonijiet sabiex jiġu skjerati, mantenuti u rkuprati l-forzi meħtiġa għall-operazzjoni.

Kwartieri u alloġġ/infrastruttura:

In-nefqa għall-akkwist, kiri jew ridekorazzjoni ta' bini fil-post ta' l-operazzjoni (kiri ta' bini, shelters, tined), kif meħtieġ għall-forzi skjerati għall-operazzjoni.

Il-kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-Task-force:

Il-kwartieri ġenerali multinazzjonali tat-task-forces ta' l-UE skjerati fiż-żona ta' l-operazzjoni.

Kisba ta' informazzjoni:

Il-kisba ta' informazzjoni (immaġini satellitari, intelligence fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni, tkixxif u sorveljanza (ISR), anke Sorveljanza Ajru-Art (AGSR); intelligence umana).

III-Ċ

Spejjeż komuni operattivi sostnuti minn Athena meta mitluba mill- Kmandant ta' l-Operazzjoni u approvati mill-Kumitat Speċjali

(a)

tagħmir addizzjonali essenzjali: il-kiri jew xiri matul l-operazzjoni ta' tagħmir speċifiku mhux previst li jkun essenzjali għall-eżekuzzjoni ta' l-operazzjoni, sa fejn it-tagħmir mixtri ma jkunx ripatrijat fi tmiem il-missjoni;

(b)

servizzi mediċi: Rwoli 1, 2, u 3 faċilitajiet fil-post ta' l-operazzjoni;

(ċ)

kisba ta' informazzjoni: kisba ta' informazzjoni (immaġini satellitari, intelligence fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni, tkixxif u sorveljanza (ISR), anke Sorveljanza Ajru-Art (AGSR); intelligence umana);

(d)

kapaċitajiet kritiċi oħrajn fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni: kapaċitajiet fil-livell tal-post ta' l-operazzjoni (tneħħija ta' mini fil-post ta' l-operazzjoni sa fejn din tkun meħtieġa għall-operazzjoni; protezzjoni kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN); faċilitajiet tal-ħżin u l-forniment ta' karburant; ħżin u distruzzjoni ta' armi u munizzjon miġbura fiż-żona ta' l-operazzjoni), skond l-Azzjoni Konġunta.


ANNESS IV

Spejjeż komuni operattivi relattivi għat-terminazzjoni ta' operazzjoni, li jinġarru minn Athena

L-ispejjeż li jkunu saru sabiex tinstab id-destinazzjoni finali għat-tagħmir u l-infrastruttura finanzjati b'mod komuni għall-operazzjoni.

L-ispejjeż inkrementali għat-tfassil tal-kontijiet għall-operazzjoni. L-ispejjeż komuni eliġibbli għandhom ikunu determinati skond l-Anness III, b'kont meħud tal-fatt li l-persunal li jkun meħtieġ sabiex jitfasslu l-kontijiet jappartjeni għall-kwartieri ġenerali għal dik l-operazzjoni, ukoll wara li dan ta' l-aħħar ikun temm l-attivitajiet tiegħu.


ANNESS V

Id-Deċiżjoni mħassra bl-emendamenti suċċessivi tagħha

Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK

(ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/925/PESK

(ĠU L 395, 31.12.2004, p. 68)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/68/PESK

(ĠU L 27, 29.1.2005, p. 59)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/91/PESK

(ĠU L 41, 13.2.2007, p. 11)


ANNESS VI

Tabella ta' korrelazzjoni

Deċiżjoni 2004/197/PESK

Din id-Deċiżjoni

Artikoli 1 sa 10

Artikoli 1 sa 10

Artikolu 10a

Artikolu 11

Artikolu 10b

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14(1) sa (3)

Artikolu 16(1) sa (3)

Artikolu 14(3a)

Artikolu 16(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 16(5)

Artikolu 14(5)

Artikolu 16(6)

Artikolu 14(6)

Artikolu 16(7)

Artikolu 14(7)

Artikolu 16(8)

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Artikolu 17

Artikolu 19

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 20

Artikolu 22

Artikolu 21

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 24

Artikolu 23

Artikolu 25

Artikolu 24(2)

Artikolu 26(1)

Artikolu 24(3)

Artikolu 26(2)

Artikolu 24(4)

Artikolu 26(3)

Artikolu 24(5)

Artikolu 26(4)

Artikolu 24(6)

Artikolu 26(5)

Artikolu 24(7)

Artikolu 26(6)

Artikolu 24(8)

Artikolu 26(7)

Artikolu 25(1) sa (6)

Artikolu 27(1) sa (6)

Artikolu 25(9)

Artikolu 27(7)

Artikolu 25(7)

Artikolu 27(8)

Artikolu 25(8)

Artikolu 27(9)

Artikolu 26

Artikolu 28

Artikolu 27

Artikolu 29

Artikolu 28

Artikolu 30

Artikolu 29

Artikolu 31

Artikolu 30

Artikolu 32

Artikolu 31

Artikolu 33

Artikolu 32

Artikolu 34

Artikolu 33

Artikolu 35

Artikolu 34

Artikolu 36

Artikolu 35

Artikolu 37

Artikolu 36

Artikolu 38

Artikolu 37(1) u (2)

Artikolu 39(1) u (2)

Artikolu 37(4)

Artikolu 39(3)

Artikolu 37(5)

Artikolu 39(4)

Artikolu 37(6)

Artikolu 39(5)

Artikolu 37(7)

Artikolu 39(6)

Artikolu 37(8)

Artikolu 39(7)

Artikolu 38(1) u (2)

Artikolu 40(1) u (2)

Artikolu 38(2a)

Artikolu 40(3)

Artikolu 38(3)

Artikolu 40(4)

Artikolu 38(4)

Artikolu 40(5)

Artikolu 38(5)

Artikolu 40(6)

Artikolu 38(6)

Artikolu 40(7)

Artikolu 38(7)

Artikolu 40(8)

Artikolu 38(8)

Artikolu 40(9)

Artikolu 39

Artikolu 41

Artikolu 40

Artikolu 42

Artikolu 42

Artikolu 43

Artikolu 44

Artikolu 43, l-ewwel sentenza

Artikolu 45

Artikolu 43, it-tieni sentenza

Artikolu 46

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 2

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 1

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 3

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 2

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 5

Anness I, l-ewwel subparagrafu, il-punt 3

Anness I, it-tieni subparagrafu

Anness I, it-tieni subparagrafu

Annessi II sa IV

Annessi II sa IV

Anness V

Anness VI


Top