Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document Ares(2025)8426226

Proposal for a Council Recommendation on Science Diplomacy

SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt))

Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Titolu tal-inizjattiva

Qafas Ewropew għad-diplomazija tax-xjenza

DĠ ewlieni — unità responsabbli

RTD.04

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Żmien Indikattiv

T3 2025

Tagħrif Addizzjonali

Id-diplomazija tax-xjenza — il-Kummissjoni Ewropea

Id-diplomazija tax-xjenza — SEAE

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ tagħrif. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Peress li l-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021) enfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-Approċċ Globali fl-azzjoni esterna tal-UE u appella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jiżviluppaw aġenda Ewropea għad-diplomazija tax-xjenza, il-ħtieġa li jkun hemm rabta bejn il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) u l-politika estera u ta’ sigurtà saret dejjem aktar evidenti u urġenti.

Dan huwa rifless fir-rapport reċenti ta’ Draghi, li identifika b’mod ċar tliet sfidi ewlenin għall-Ewropa:

a.l-għeluq tad-distakk fl-innovazzjoni mal-Istati Uniti u ċ-Ċina, speċjalment f’teknoloġiji avvanzati;

b.id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija filwaqt li tingħata spinta lill-kompetittività;

c.iż-żieda tas-sigurtà u t-tnaqqis tad-dipendenzi.

Konsegwentement, il-Kumpass tal-Kompetittività enfasizza l-ħtieġa urġenti għal rispons Ewropew determinat biex jiġi ssalvagwardjat il-futur tal-UE bħala mutur ekonomiku, destinazzjoni ta’ investiment u ċentru tal-manifattura. It-tqegħid tar-R&I fil-qalba tal-kompetittività Ewropea jfisser ukoll li titqiegħed fil-qalba tal-politika estera u ta’ sigurtà jekk l-Ewropa trid tirnexxi f’dinja ta’ rivalità kbira tal-poter, kompetizzjoni għas-supremazija teknoloġika, u taqbida għall-kontroll fuq ir-riżorsi. B’dan il-mod l-UE tkun tista’ tkun ambizzjuża, strateġika u assertiva fil-mod kif naġixxu fid-dinja, kif iddikjarat fil-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2024–2029.

Ir-rapport riċenti dwar il-valutazzjoni interim ta’ Orizzont Ewropa li tmexxa minn Manuel Heitor semma li l-pajjiżi jistgħu jkunu sħab, kompetituri jew rivali sistemiċi fl-istess waqt, u l-istess pajjiż jista’ jkun dawn l-affarijiet kollha f’dominji differenti tar-R&I. Dan jirrikjedi approċċ olistiku u bbilanċjat, li jista’ jitwassal permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Fil-laqgħa tagħhom f’Lulju 2023, il-ministri għar-riċerka tal-UE esprimew l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għad-diplomazija tax-xjenza. Fl-2024, il-Kummissjoni inkarigat 130 espert fix-xjenza u d-diplomazija minn madwar l-UE u lil hinn minnha biex jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet rilevanti, li wasslu għall-pubblikazzjoni fi Frar 2025 tar-rapport tal-esperti A European Framework for Science Diplomacy – Recommendations of the EU Science Diplomacy Working GroupsA European framework for science diplomacy – Recommendations of the EU science diplomacy working groups. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, kien hemm diskussjonijiet estensivi dwar il-passi li jmiss mal-Istati Membri tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin bħall-Alleanza tal-UE għad-diplomazija tax-xjenza u n-Network ta’ Konsulenti dwar ix-Xjenza u l-Koordinaturi tad-diplomazija tax-xjenza fil-Ministeri tal-UE għall-Affarijiet Barranin.

F’Marzu 2025, is-Sottogrupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni approva dokument ta’ opinjoni li jirrakkomanda “rikonoxximent politiku formali ta’ qafas Ewropew għad-diplomazija tax-xjenza, idealment permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar id-diplomazija tax-xjenza”. 

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-UE qed tevolvi f’ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, b’kompetituri globali li jużaw id-diplomazija tax-xjenza b’mod aktar strateġiku, inkluż f’oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, il-computing kwantistiku u l-inġinerija ġenetika. Sadanittant, il-kriżi planetarja tripla li għaddejja bħalissa tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis teħtieġ kooperazzjoni globali aktar b’saħħitha, filwaqt li hemm ħtieġa urġenti li jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. F’dan il-kuntest, tfaċċaw għadd kbir ta’ diplomaziji “ġodda”, bħall-klima, l-ambjent, l-oċeani, is-saħħa, l-ispazju u d-diplomazija diġitali, li lkoll jiddependu b’mod kruċjali mix-xjenza. Hekk kif ir-riċerka u l-innovazzjoni qed jissarrfu dejjem aktar f’poter u influwenza ġeopolitika, id-diplomazija fix-xjenza qed titfaċċa bħala strument ewlieni fl-ingranaġġ tas-setgħa u s-sħubijiet tal-UE għal Ewropa globali. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jittejbu l-koordinazzjoni u s-sinerġiji tal-isforzi tad-diplomazija tax-xjenza fl-Ewropa, filwaqt li nibnu fuq approċċ mifrux mal-UE kollha.

Il-kompetituri globali jużaw id-diplomazija tax-xjenza mhux biss bħala forma ta’ setgħa ta’ persważjoni, iżda wkoll biex jeżerċitaw dominanza xjentifika-teknoloġika u ġeopolitika. Għalhekk, il-kwistjoni hija kif l-Ewropa tista’ tbiddel il-pożizzjoni tagħha bħala mutur globali tar-R&I f’influwenza ġeopolitika, peress li qed tiffaċċja setgħat ekonomiċi u xjentifiċi dejjem aktar assertivi ta’ daqs u influwenza li jistgħu jitqabblu biss ma’ sforz Ewropew konġunt. Konsegwentement, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jsiru aktar strateġiċi u effettivi fl-użu tad-diplomazija tax-xjenza bħala parti mis-sett ta’ għodod diplomatiċi. Dan se jippermetti lill-UE tiddefendi l-interessi tagħha u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet tagħha, filwaqt li taġixxi bħala sieħeb globali affidabbli. L-użu xieraq tad-diplomazija tax-xjenza se jippermetti lill-UE tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tagħha biex taqdi l-ġid pubbliku globali.

Il-fatt li tkun fanal tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika u tad-diversità, tal-ekwità u tal-inklużjoni fir-R&I mhuwiex biss imperattiv morali iżda pedament għall-ambizzjoni tal-UE li tattira l-aqwa talent xjentifiku. Ir-riċerkaturi Ewropej għandhom jibqgħu parti integrali mill-aqwa ambjenti ta’ riċerka fid-dinja, f’kooperazzjoni maħsuba u responsabbli.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Il-bażi legali

L-inizjattiva hija kompletament konformi mal-Artikolu 181 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skontu l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tagħhom biex jiżguraw li l-politiki rispettivi tagħhom ikunu konsistenti b’mod reċiproku, inkluż billi jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u jiskambjaw l-aħjar prattiki. F’konformità mal-Artikolu 180 tat-TFUE, tali attivitajiet jinkludu l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka tal-UE u l-promozzjoni tal-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Fl-istess ħin, din ir-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill se tappoġġa l-politiki esterni tal-UE f’konformità mat-Titolu V Kapitolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Meta jitqiesu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva, l-UE trid tiżgura koordinazzjoni u konsistenza suffiċjenti, mingħajr ma tmur lil hinn mil-limiti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fid-dawl ta’ dan, il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-politika estera u ta’ sigurtà se jiġu rispettati bis-sħiħ.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Bħalissa ma hemm l-ebda dokument ta’ politika komprensiv fil-livell tal-UE li jindirizza d-diplomazija tax-xjenza, għalkemm din tissemma f’għadd dejjem jikber ta’ inizjattivi ta’ politika. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri qed jinvestu fid-diplomazija tax-xjenza. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi fil-ministeri tagħhom tal-affarijiet barranin, pereżempju bil-ħolqien ta’ unitajiet tad-diplomazija tax-xjenza jew il-ħatra ta’ konsulenti tax-xjenza. Diversi Stati Membri żviluppaw strateġiji nazzjonali ta’ diplomazija tax-xjenza u/jew tat-teknoloġija jew bħalissa qed jiżviluppaw jew jaġġornaw tali dokumenti u qed jistennew gwida mill-UE. Mingħajr gwida bħal din, hemm riskju li jitfaqqsu inizjattivi mhux relatati, bl-Istati Membri jisfaw imorru f’direzzjonijiet differenti, u b’hekk idgħajfu l-pożizzjoni tal-UE fix-xena globali. Sadanittant, is-sħab u l-kompetituri madwar id-dinja qed jippożizzjonaw lilhom infushom f’dan il-qasam dinamiku, filwaqt li l-UNESCO ħabbret li qed tiżviluppa qafas globali għad-diplomazija tax-xjenza bħala parti mid-Deċennju Internazzjonali tax-Xjenzi għall-Iżvilupp Sostenibbli. F’dan il-kuntest ġeopolitiku u xjentifiku-teknoloġiku li qed jevolvi malajr, huwa imperattiv li l-UE tieħu azzjoni biex tiżviluppa qafas koerenti għad-diplomazija tax-xjenza.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

Fl-isfond deskritt hawn fuq, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill se tgħin biex

·tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa bħala attur globali fix-xjenza u t-teknoloġija;

·tiddefendi l-interessi strateġiċi u s-sovranità teknoloġika tal-UE;

·tippromwovi l-prinċipji u l-valuri li tirrappreżenta l-UE;

·timmassimizza l-użu tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-insegwiment tal-paċi u l-multilateraliżmu; u

·ssaħħaħ l-impenn tal-Ewropa biex timmaniġġja l-beni pubbliċi globali u l-beni komuni b’mod sostenibbli u tikseb l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Ir-Rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill se tipprovdi gwida dwar kif id-diversi partijiet ikkonċernati fix-xjenza u d-diplomazija fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, inklużi l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali u sottonazzjonali, l-akkademja, l-industrija u s-soċjetà ċivili, jistgħu: (i) jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv; u (ii) jimmassimizzaw l-impatt tal-isforzi tagħhom fid-diplomazija tax-xjenza, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għan ġenerali li tissaħħaħ l-influwenza ġeopolitika tal-UE.

L-inizjattiva proposta se tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal strumenti strateġiċi, operazzjonali u abilitanti li se jagħmlu d-diplomazija Ewropea aktar strateġika, effettiva u reżiljenti. Dawn se jiżguraw sinerġiji fir-rabta tal-għanijiet tal-politika tar-R&I u l-politika estera u ta’ sigurtà, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija xjentifika u l-ħtieġa li fil-qasam tax-xjenza jkun hemm kooperazzjoni globali. Ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jimmassimizzaw ukoll il-benefiċċju tar-R&I għad-diplomazija, pereżempju f’termini ta’ tiswir ta’ fiduċja bejn il-fruntieri, pariri xjentifiċi, u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi. Ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jwasslu wkoll għal titjib prattiku f’termini ta’ strutturi u proċessi, li joffru toroq ġodda għat-titjib tal-interfaċċa bejn ix-xjenza u l-politika.

B’mod partikolari, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tgħin biex:

·tistabbilixxi prijoritajiet strateġiċi għad-diplomazija Ewropea tax-xjenza;

·tidentifika l-bilanċ xieraq bejn il-ftuħ u r-restrizzjoni;

·tuża d-diplomazija tax-xjenza biex timmaniġġja b’mod sostenibbli l-beni u l-komunalitajiet globali;

·tistabbilixxi l-istrutturi meħtieġa għall-prominenza tal-UE fid-diplomazija tax-xjenza;

·trawwem ix-xjenza għall-ekosistemi ta’ politika u ta’ prospettiva fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà;

·issaħħaħ r-rwol ir-R&I fir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri;

·toħloq u tgħaqqad komunitajiet ta’ diplomazija tax-xjenza billi tipprovdi spazji xierqa għall-interazzjoni;

·tħarreġ u tagħti s-setgħa lill-professjonisti tad-diplomazija tax-xjenza attwali u futura tal-Ewropa; u

·tavvanza l-fruntieri tad-diplomazija tax-xjenza permezz tar-riċerka.

Il-viżjoni aħħarija hija li d-diplomazija tax-xjenza Ewropea ssir strument ewlieni fis-sett ta’ għodod diplomatiċi tal-UE, li trawwem il-paċi, il-kompetittività Ewropea u futur sikur, sostenibbli u prosperu għal kulħadd billi tisfrutta s-setgħa tax-xjenza u t-teknoloġija b’mod responsabbli.

Impatti probabbli

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar id-diplomazija tax-xjenza se żżid il-koordinazzjoni tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Dan se jikkontribwixxi biex tiżdied il-kompetittività tal-UE speċjalment f’teknoloġiji ġodda, filwaqt li jissaħħaħ il-multilateraliżmu u ssir pressjoni għal soluzzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-isfidi globali.

Ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni fost l-azzjonijiet ta’ diplomazija tax-xjenza tal-Istati Membri tal-UE billi ssegwi approċċ allinjat aħjar fil-livell tal-UE. Ix-xjenzati se jibbenefikaw minħabba li l-impatt reali tar-riċerka tagħhom se jikber, filwaqt li d-diplomatiċi se jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli għall-evidenza xjentifika u varjetà akbar ta’ strumenti fis-sett ta’ għodod tagħhom.

L-identifikazzjoni ta’ modi biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv se twassal ukoll għal użu aħjar tar-riżorsi, pereżempju meta jintbagħtu konsulenti xjentifiċi f’delegazzjonijiet u ambaxxati. L-aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli se jibbenefikaw minn approċċ aktar dettaljat fil-mod kif l-UE tuża l-potenzjal tagħha tar-R&I għall-ġid pubbliku globali.

Monitoraġġ futur

Peress li l-qafas Ewropew għad-diplomazija tax-xjenza huwa parti mill-aġenda politika taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2025–2027, dan se jkun parti mill-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka permezz ta’ rapporti u tabelli ta’ valutazzjoni rilevanti. B’mod partikolari, is-segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill se jiġi mmonitorjat regolarment mis-Sottogrupp taż-ŻER dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta se tkun dokument li jħares ’il quddiem u mhux wieħed ta’ natura vinkolanti, f’konformità mal-Artikolu 288 tat-TFUE. Bħala tali, peress li hija rakkomandazzjoni, ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

L-għan ta’ din il-konsultazzjoni huwa li tinġabar evidenza mill-partijiet ikkonċernati rilevanti tad-diplomazija tax-xjenza (bħall-gvern, l-akkademja, l-industrija u s-soċjetà ċivili) biex jiġu infurmati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi ta’ qafas Ewropew futur għad-diplomazija tax-xjenza. Dan jinkludi b’mod espliċitu partijiet ikkonċernati minn barra l-UE, b’mod partikolari minn pajjiżi assoċjati mal-programm Orizzont Ewropa. Minħabba l-ammont ta’ informazzjoni diġà disponibbli, mhi prevista l-ebda konsultazzjoni oħra.

L-evidenza miġbura se tikkomplementa l-evidenza eżistenti, bħal:

a.ir-riżultati ta-tliet proġetti ta’ diplomazija tax-xjenza ffinanzjati minn Orizzont 2020 (S4D4C, EL-CSID and INSSCIDE);

b.għadd kbir ta’ pubblikazzjonijiet u rapporti dwar id-diplomazija tax-xjenza prodotti minn komunità attiva ta’ akkademiċi u prattikanti f’dawn l-aħħar għaxar snin, inklużi: Tools for an EU science diplomacy (2017), EU science diplomacy in a contested space of multi-level governance: Ambitions, constraints and options for action (2020), Calling for a Systemic Change: Towards a European Union Science Diplomacy for Addressing Global Challenges (2021), Leveraging Science Diplomacy in an Era of Geo-Economic Rivalry: Towards a European strategy (2022), Strengthening science diplomacy in and for Europe through Horizon Europe (2024), Science diplomacy in an era of disruption (2025);

c.il-ħidma tat-Task Force dwar id-diplomazija tax-xjenza tal-Forum Strateġiku tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fix-Xjenza u t-Teknoloġija (SFIC)Strategic forum for international scientific and technological cooperation (SFIC);

d.l-attivitajiet tal-Alleanza tal-UE għad-Diplomazija tax-Xjenza u n-Network ta’ Konsulenti dwar ix-Xjenza u l-Koordinaturi tad-Diplomazija tax-Xjenza fil-Ministeri tal-UE għall-Affarijiet Barranin, it-tnejn stabbiliti fl-2021;

e.il-proċedimenti tal-1 Konferenza Ewropea dwar id-Diplomazija tax-Xjenza, li saret bħala avveniment tal-Presidenza Spanjola f’Diċembru 2023; u, l-aktar importanti,

f.ir-rapport tal-esperti A European Framework for Science Diplomacy – Recommendations of the EU Science Diplomacy Working Groups (Qafas Ewropew għad-Diplomazija tax-Xjenza — Rakkomandazzjonijiet tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-UE dwar id-Diplomazija tax-Xjenza), ippubblikat fi Frar 2025, li jibni fuq proċess ta’ kokreazzjoni li involva 130 espert fix-xjenza u d-diplomazija minn madwar l-UE u lil hinn minnha.

B’mod aktar speċifiku, il-partijiet ikkonċernati huma mistiedna jindirizzaw il-mistoqsijiet li ġejjin:

1.Taħseb li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu aktar attenzjoni lid-diplomazija tax-xjenza u jekk iva, għaliex?

2.Taqbel mal-ħtieġa li tiġi żviluppata rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar id-diplomazija tax-xjenza u jekk iva, x’taħseb li huma l-benefiċċji ewlenin?

3.X’taħseb li huma l-isfidi ewlenin meta tiġi żviluppata azzjoni ta’ diplomazija tax-xjenza fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-politika estera u ta’ sigurtà u l-prinċipji tal-libertà akkademika u l-libertà tar-riċerka xjentifika?

4.Kif jistgħu d-diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jaħdmu aħjar flimkien f’termini ta’ organizzazzjoni u koordinazzjoni?

5.X’rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet propsti fir-rapport tal-esperti A European Framework for Science Diplomacy – Recommendations of the EU Science Diplomacy Working Groups tqis li huma l-aktar rilevanti biex jiddaħħlu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill? Liema aspetti huma neqsin?

Top