Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2025)6771

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... dwar l-istruttura, id-dettalji tekniċi u l-proċess għall-preżentazzjoni tal-evidenza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-effetti ta’ legat fuq il-ħamrija organika skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2025/6771 final

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta'10.10.2025

dwar l-istruttura, id-dettalji tekniċi u l-proċess għall-preżentazzjoni tal-evidenza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-effetti ta’ legat fuq il-ħamrija organika skont ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 13b(10) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/841 jipprovdi lill-Istati Membri b’aċċess għal kumpens għal emissjonijiet eċċessivi speċifiċi u tnaqqis tal-assorbimenti. F’konformità ma’ dak ir-Regolament, tali emissjonijiet u assorbimenti jeħtieġ li jkunu attribwibbli, jew għall-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima li jirriżulta f’emissjonijiet eċċessivi jew fi bjar li qed jonqsu li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri u li ma jikkwalifikawx bħala disturbi naturali, jew għall-effetti ta’ legat tal-prattiki ta’ ġestjoni tal-imgħoddi fl-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita tagħhom.

(2)F’konformità mal-Artikolu 13b(8) tar-Regolament (UE) 2018/841, l-aridità trid titqies bħala karatteristika ambjentali għall-identifikazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima. Għalhekk jixraq li wieħed jibbaża fuq l-indiċi tal-aridità sabiex jiġu analizzati l-bidliet fil-proporzjon bejn il-ħtiġijiet tal-ilma u d-disponibbiltà tal-ilma fuq perjodi twal ta’ żmien. Id-distribuzzjoni ġeografika tal-bijomi u l-produttività tal-art ġestita huma intrinsikament marbuta mal-aridità. Peress li l-indiċi tal-aridità jinkludi l-varjabbli ewlenin tal-preċipitazzjoni u l-evapotraspirazzjoni potenzjali u huwa insensittiv għall-impatti lokali tal-attività tal-bniedem, huwa mezz affidabbli biex jiġu analizzati l-bidliet fil-proporzjon bejn il-ħtiġijiet tal-ilma u d-disponibbiltà tal-ilma fuq perjodi twal ta’ żmien.

(3)Iż-żoni li l-klassi ta’ aridità tagħhom inbidlet minn umdużi jew subumdużi nexfin għal semiaridi, aridi jew iperaridi kif deskritt fil-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, jew iż-żoni kklassifikati bħala semiaridi, aridi jew iperaridi li l-indiċi tal-aridità rispettiv tagħhom naqas, qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet ikkawżati mill-iskarsezza tal-ilma. Iż-żieda fl-iskarsezza tal-ilma tista’ tirriżulta f’bidliet ikkaratterizzati minn kopertura tal-veġetazzjoni inqas densa, karbonju organiku baxx fil-ħamrija, struttura fqira tal-ħamrija, tnaqqis fil-bijodiversità tal-ħamrija, u rata għolja ta’ erożjoni tal-ħamrija. Dawn l-iżviluppi jnaqqsu kemm il-potenzjal tas-sekwestru tal-karbonju tal-art kif ukoll ir-reżiljenza klimatika tagħha. Għalhekk jenħtieġ li żona li għaddiet minn tali bidla titqies bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima.

(4)Sabiex tkun tista’ tintuża data potenzjalment ta’ kwalità ogħla appoġġata mill-komunità xjentifika, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jużaw indiċijiet għajr l-indiċi tal-aridità għad-determinazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima diment li juru r-rabta bejn l-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima u l-kapaċità mnaqqsa tas-sekwestru tal-karbonju.

(5)Hija prattika komuni fil-komunità xjentifika li l-okkorrenza ta’ fenomeni naturali li huma ugwali għal jew li jaqbżu l-85 perċentil ta’ distribuzzjoni tiġi deskritta bħala eċċezzjonali. Għalhekk, jixraq li l-proporzjon ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita ta’ Stat Membru jitqies bħala eċċezzjonalment għoli meta pparagunat mal-medja tal-Unjoni, meta jkun ugwali għal jew ogħla mill-85 perċentil tad-distribuzzjoni tal-frekwenza ta’ tali proporzjonijiet tal-Istati Membri kollha.

(6)L-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, bħall-iskular jew l-afforestazzjoni fuq it-torbieri, jistgħu jaċċelleraw id-degradazzjoni tal-ħamrija organika u, għaldaqstant, jiġġeneraw emissjonijiet tal-ħamrija fit-tul, li jwasslu għal ekosistemi inqas reżiljenti. Għalhekk, iż-żoni li juru impatti negattivi ta’ tali prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala żoni affettwati mill-effetti ta’ legat.

(7)Sabiex ma jiġux imminati l-integrità tar-Regolament (UE) 2018/841 u l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-2030 stabbiliti f’dak ir-Regolament, l-Istati Membri li jfittxu li jagħmlu użu mill-kumpens addizzjonali previst f’dak ir-Regolament jenħtieġ li jippreżentaw evidenza tal-azzjoni li ħadu biex itejbu l-prestazzjoni klimatika fiż-żoni affettwati, kemm f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll f’termini ta’ reżiljenza għaliha. Tali miżuri ta’ politika huma prerekwiżit għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà. Fil-każ ta’ effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima, l-isforzi tal-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li għalhekk jinkludu prattiki u teknoloġiji tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, u fil-każ tal-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, jenħtieġ li l-isforzi jinkludu l-ġestjoni tal-livell tal-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art jew prattiki tal-ġestjoni ekwivalenti li jimminimizzaw l-impatti negattivi tal-effetti ta’ legat, filwaqt li titqies ir-reżiljenza taż-żoni affettwati.

(8)Sabiex tiġi pprovduta evidenza ta’ emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti, jixraq li jintuża paragun. Sabiex jinftiehem il-kobor, f’termini ta’ tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2, tal-effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima jew tal-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika, iż-żona affettwata jenħtieġ li tiġi pparagunata ma’ żona mhux affettwata tal-istess karatteristiċi ewlenin, bħad-daqs, l-użu tal-art, il-klima, il-konfigurazzjoni tat-terren u t-tip ta’ ħamrija.

(9)Peress li kemm l-effetti fit-tul tat-tibdil fil-klima kif ukoll l-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi fuq il-ħamrija organika jirrikjedu treġġigħ lura tax-xejriet negattivi fuq l-assorbimenti bbażati fuq l-art, jixraq li tiġi ppreżentata evidenza ta’ tali sforzi fil-bidu tal-perjodu ta’ konformità tal-2026-2030.

(10)Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-preżentazzjonijiet tal-inventarju tal-gassijiet serra meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , id-data li tintuża biex tiġi pprovduta evidenza għall-ammont ta’ kumpens għall-emissjonijiet eċċessivi u għat-tnaqqis tal-assorbimenti jenħtieġ li tikkonforma mal-istandards ta’ trasparenza, akkuratezza, konsistenza, paragunabbiltà u kompletezza applikati għar-rieżamijiet tal-inventarju tal-gassijiet serra mwettqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament.

(11)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“indiċi tal-aridità” tfisser il-proporzjon bejn il-preċipitazzjoni u l-evapotraspirazzjoni potenzjali;

(2)“klassi tal-aridità” tfisser kwalunkwe waħda mill-kategoriji li ġejjin li fihom iż-żoni huma kklassifikati skont l-indiċi tal-aridità: 

0,65: Umdużi;

0,50-0,65: Subumdużi nexfin;

0,20-0,50: Semiaridi;

0,05-0,20: Aridi;

< 0,05: Iperaridi.

(3)“ħamrija organika” tfisser ħamrija li tissodisfa jew id-definizzjoni bbażata fuq standards nazzjonali approvati, użata għar-rapportar skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC, United Nations Framework Convention on Climate Change), jew, fejn ma jkunx hemm tali standards, bl-użu tal-kriterji elenkati fil-Linji Gwida tal-2006 tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) (l-Anness 3A.5. Klassifikazzjonijiet prestabbiliti tal-klima u tal-ħamrija, il-Kapitolu 3 fil-Volum 4). 

Artikolu 2

Evidenza rigward żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima

1.L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, b’mod ġeografikament espliċitu, iż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima.

2.L-evidenza li tikkorrobora l-identikazzjoni taż-żoni affettwati mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq l-indiċi tal-aridità. Żona li l-klassi tal-aridità tagħhatkun inbidlet minn umduża jew subumduża niexfa għal semiarida, arida jew iperarida, jew żona kklassifikata bħala semiarida, arida jew iperarida bi tnaqqis fl-indiċi rispettiv tal-aridità tagħha, għandha titqies bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima. 

3.Meta jkun debitament ġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-evidenza tal-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima fuq indiċijiet oħra għajr l-indiċi tal-aridità. Dawk l-indiċijiet l-oħra għandhom juru r-rabta bejn l-impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima u l-kapaċità mnaqqsa tas-sekwestru tal-karbonju fiż-żona affettwata.

4.Id-data li tintuża biex jintwera l-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima għandha tirriżulta minn servizzi meteoroloġiċi uffiċjali, mill-awtoritajiet jew minn korpi xjentifiċi, u għandha tkun disponibbli fl-Unjoni kollha.

5.Ir-riżultat tal-analiżi tal-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima għandu juri bidliet rilevanti fil-klassijiet tal-aridità, billi tiġi pparagunata is-serje temporali ta’ mill-inqas 20 sena konsekuttivi fil-perjodu mill-inqas mill-2001 sa tmiem l-2025.

6.L-evidenza msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 għandha tkun verifikabbli u għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)il-metodu li jintuża, id-data tal-input li tintuża u l-eżitu tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; 

(b)deskrizzjoni tal-isforzi biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ emissjonijiet eċċessivi jew bjar li qed jonqsu ġġenerati fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 1.

Artikolu 3

Evidenza rigward l-effetti ta’ legat fil-ħamrija organika fl-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika

1.Il-livell limitu għad-determinazzjoni tal-proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika, ipparagunat mal-medja tal-Unjoni, għandu jkun il-85 perċentil tad-distribuzzjoni tal-frekwenza tal-proporzjonijiet tal-ħamrija organika pparagunat mat-total taż-żona tal-art ġestita f’kull Stat Membru. Id-data li tiddetermina l-proporzjon ta’ ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita hija stabbilita fl-Anness.

2.L-Istati Membri bi proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika ddeterminat skont il-paragrafu 1 għandhom jidentifikaw, b’mod ġeografikament espliċitu, iż-żoni affettwati mill-effetti ta’ legat tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi li seħħew qabel l-2013.

3.L-evidenza li tikkorrobora l-identifikazzjoni taż-żoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun verifikabbli u għandha tinkludi l-elementi li ġejjin: 

(a)il-metodu li jintuża, id-data tal-input li tintuża u l-eżitu tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)deskrizzjoni tal-prattiki tal-ġestjoni tal-imgħoddi msemmija fil-paragrafu 2, inkluż il-perjodu ta’ żmien tal-applikazzjoni tagħhom, akkumpanjata minn evidenza li turi l-okkorrenza tagħhom;

(c)deskrizzjoni tal-isforzi biex titreġġa’ lura x-xejra ta’ emissjonijiet eċċessivi ġġenerati fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 2.

Artikolu 4

Evidenza tal-emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti

1.L-evidenza tal-emissjonijiet eċċessivi u tat-tnaqqis tal-assorbimenti pprovduta mill-Istati Membri għandha tkun verifikabbli.

2.Għaż-żoni identifikati skont l-Artikolu 2(1), l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq id-differenza tat-total tal-emissjonijiet u tat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul il-perjodu 2026-2030 f’dawk iż-żoni, ipparagunata mat-total tal-emissjonijiet u mat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul dak l-istess perjodu f’żona ta’ dak l-Istat Membru b’tip ta’ klima u ta’ ħamrija simili u b’kategoriji tar-rapportar tal-art bl-istess prattiki tal-ġestjoni, u li ma ġietx identifikata f’konformità mal-Artikolu 2(1). Dak il-paragun jista’ jitwettaq ukoll fl-istess żona, bl-istess prattiki tal-ġestjoni, f’perjodu storiku wara l-1990 li matulu dik iż-żona ma tikkwalifikax bħala żona affettwata mill-impatt fit-tul tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Artikolu 2(1).

3.Għaż-żoni identifikati skont l-Artikolu 3(2), l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq id-differenza tat-total tal-emissjonijiet u tat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul il-perjodu 2026-2030 f’dawk iż-żoni, ipparagunata mat-total tal-emissjonijiet u mat-total tal-assorbimenti ġġenerati matul dak l-istess perjodu f’żona ta’ dak l-Istat Membru b’tip ta’ klima u ta’ ħamrija simili u b’kategoriji tar-rapportar tal-art simili, u li ma tikkwalifikax bħala affettwata f’konformità mal-Artikolu 3(2).

 Artikolu 5

Proċess għall-preżentazzjoni tal-evidenza

1.L-Istati Membri li biħsiebhom jagħmlu użu mill-kumpens għall-emissjonijiet eċċessivi jew għat-tnaqqis tal-assorbimenti, għandhom jippreżentaw it-talba għal dak l-għan lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Novembru 2026. It-talba għandha tinkludi l-evidenza stabbilita fl-Artikolu 2 jew fl-Artikolu 3, kif applikabbli.

2.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar l-eżitu tal-verifika tat-talba mhux iktar tard minn 3 xhur wara li tirċievi talba kompluta.

3.Wara l-eżitu tal-verifika msemmija fil-paragrafu 2, u mhux iktar tard mill-15 ta’ Jannar 2032, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-evidenza stabbilita fl-Artikolu 4, inkluż deskrizzjoni tal-metodi li ntużaw.

4.Sal-31 ta’ Mejju 2027, u kull sena minn hemm ’il quddiem, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-evidenza msemmija fl-Artikolu 2(6), il-punt (b), jew fl-Artikolu 3(3), il-punt (c), kif applikabbli, inkluż dwar il-progress li jkun sar lejn it-titjib tal-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju u tar-reżiljenza klimatika.

5.L-evidenza stabbilita fl-Artikoli 2, 3 u 4 għandha tkun trasparenti, akkurata, konsistenti, paragunabbli u kompluta.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10.10.2025

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).
Top

ANNESS

Perċentil tal-proporzjon tal-ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 3(1)

 

 

Ħamrija organika totali (ettari)

Żona tal-art ġestita (ettari)

Perċentil tal-proporzjon tal-ħamrija organika fiż-żona tal-art ġestita fid-distribuzzjoni tal-frekwenza (%)

L-Awstrija 

35 193

8 387 000

62

Il-Belġju 

2 720

3 068 918

42

Il-Bulgarija

3 201

11 100 190

23

Il-Kroazja 

2 685

5 659 400

27

Ċipru

0

601 818

0

Iċ-Ċekja

20 816

7 886 922

58

Id-Danimarka 

163 353

4 196 384

65

L-Estonja 

713 246

4 141 134

88

Il-Finlandja 

12 725 643

27 580 372

100

Franza 

87 735

63 858 640

50

Il-Ġermanja 

1 730 444

35 790 117

73

Il-Greċja 

6 665

10 989 138

35

L-Ungerija

8 224

8 990 089

46

L-Irlanda 

2 022 529

6 985 006

92

L-Italja

24 285

30 133 601

38

Il-Latvja 

888 752

6 095 484

85

Il-Litwanja 

538 448

6 287 720

77

Il-Lussemburgu    

0

258 600

0

Malta

0

22 778

0

In-Netherlands 

387 405

4 154 194

81

Il-Polonja 

1 362 674

31 393 136

69

Il-Portugall

0

9 221 763

0

Ir-Rumanija 

13 197

22 819 121

31

Is-Slovakkja

0

4 809 520

0

Is-Slovenja 

4 227

2 027 300

54

Spanja

3

50 622 199

19

L-Iżvezja

11 682 346

37 726 543

96

Top